Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0267

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat tar-Reġjuni Ewropew - Lejn politika ġenerali fil-ġlieda kontra l-kriminalità elettronika {SEG(2007) 641} {SEG(2007) 642}

    /* KUMM/2007/0267 finali */

    52007DC0267




    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 22.5.2007

    KUMM(2007) 267 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI EWROPEW

    Lejn politika ġenerali fil-ġlieda kontra l-kriminalità elettronika

    {SEG(2007) 641}{SEG(2007) 642}

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI EWROPEW

    Lejn politika ġenerali fil-ġlieda kontra l-kriminalità elettronika

    1. Introduzzjoni

    1.1. X'inhi l-kriminalità elettronika?

    Is-sigurtà tas-sistemi ta' l-informatika li dejjem qed iżidu fl-importanza tagħhom fis-soċjetajiet tagħna tkopri diversi aspetti, li fosthom il-ġlieda kontra l-kriminalità elettronika tokkupa post ċentrali. Mingħajr qbil ġenerali ta' x'jikkostitwixxi kriminalità elettronika, it-termini "kriminalità elettronika", "kriminalità bil-kompjuter", "kriminalità konnessa mal-kompjuter", jew "kriminalità high-tech " ġieli jintużaw bħallikieku jfissru l-istess ħaġa. Għall-iskop ta' din il-Komunikazzjoni, bi "kriminalità elettronika" wieħed jifhem dawk "l-atti kriminali mwettqa permezz ta' netwerks ta' komunikazzjoni elettronika u sistemi ta' informazzjoni, jew kontra sistemi u netwerks ta' din ix-xorta".

    Fil-prattika, it-terminu kriminalità elettronika jintuża għal tliet kategoriji ta' attivitajiet kriminali. L-ewwel wieħed ikopri l-forom tradizzjonali tal-kriminalità , bħal ma huma l-frodi jew il-falsifikazzjoni, għalkemm fil-kriminalità elettronika l-kuntest jirreferi speċifikament għal delitti mwettqa fuq netwerks ta' komunikazzjoni elettronika u sistemi ta' informazzjoni (minn issa 'l quddiem: netwerks elettroniċi). It-tieni għandu x'jaqsam mal-pubblikazzjoni ta' kontenut illegali fuq il-mezzi elettroniċi (pereż. materjal dwar abbuż ta' tfal jew tixwix għall-mibegħda razzjali). It-tielet jinkludi delitti li jistgħu jsiru biss fuq netwerks elettroniċi , pereż. attakki kontra sistemi ta' informazzjoni, jew iċ-ċaħda tas-servizzi u l- hacking. Dawn it-tipi ta' attakki jistgħu wkoll ikunu mmirati lejn l-infrastrutturi kritiċi kruċjali fl-Ewropa u jaffettwaw sistemi ta' avviż ta' malajr li jeżistu bħalissa f'ħafna oqsma, b'konsekwenzi li jistgħu jkunu diżastrużi għas-soċjetà kollha kemm hi. Kull kategorija ta' kriminalità għandha karatteristika komuni: li tista' titwettaq fuq skala kbira ħafna u minn distanza ġeografika kbira bejn l-att kriminali u l-effetti tiegħu. Għaldaqstant, l-aspetti tekniċi tal-metodi ta' investigazzjoni li jintużaw ikunu ta' spiss l-istess. Dawn il-karateristiċi komuni jiffurmaw il-punt fokali ta' din il-komunikazzjoni.

    1.2. L-aħħar żviluppi fil-kriminalità elettronika

    1.2.1. In ġenerali:

    Minħabba t-tlaqqiegħ flimkien ta' attivitajiet kriminali li dejjem qegħdin jevolvu u n-nuqqas ta' informazzjoni ta' min joqgħod fuqha huwa diffiċli li tinkiseb stampa preċiża tas-sitwazzjoni kif inhi bħalissa. Madankollu, wieħed jista' jinduna b'xi xejriet:

    - L-għadd ta' delitti elettroniċi qed jikber u l-attivitajiet kriminali qegħdin aktar ma jmur isiru sofistikati u internazzjonalizzati[1]

    - Hemm indikaturi ċari li juru li hemm involviment dejjem jikber ta' gruppi kriminali organizzati fil-kriminalità elettronika

    - Madankollu, l-għadd ta' prosekuzzjonijiet fl-Ewropa fuq il-bażi ta' kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi bejn pajjiż u ieħor mhux qed jiżdied

    1.2.2. Kriminalità tradizzjonali fuq netwerks elettroniċi

    Il-biċċa l-kbira tad-delitti jistgħu jitwettqu bl-użu ta' netwerks elettroniċi, u tipi differenti ta' frodi u ta' attentat ta' frodi jsiru pjuttost ta' spiss u huma forma ta' kriminalità li qed jiżdiedu fuq in-netwerks elettroniċi. Strumenti bħal ma huma s-serq ta' l-identità, il- phishing [2], l-i spam u kodiċi malizzjużi jistgħu jintużaw biex titwettaq frodi fuq skala kbira. Kummerċ illegali nazzjonali u internazzjonali bbażat fuq l-Internet ukoll tfaċċa bħala problema li qed tikber. Dan jinkludi l-kummerċ fid-drogi, fi speċi fil-periklu u fl-armamenti.

    1.2.3. Kontenut illegali

    Fl-Ewropa huwa aċċessibbli għadd dejjem jikber ta' siti b'kontenut illegali, li jkopru abbuż sesswali tat-tfal, tixwix għal atti terroristiċi, glorifikazzjoni illegali tal-vjolenza, tat-terroriżmu, tar-razziżmu u tal-ksenofobija. L-azzjoni ta' infurzar tal-liġi kontra siti bħal dawn huwa diffiċli ħafna, għaliex il-proprjetarji tas-siti u l-amministraturi spiss ikunu jinstabu f'pajjiżi barra mill-pajjiż fil-mira, u ħafna drabi barra l-UE. Is-siti jistgħu jiġu mċaqalqa malajr, ukoll barra t-territorju ta' l-UE, u d-definizzjoni ta' illegalità tvarja bil-kbir minn stat għal ieħor.

    1.2.4. Delitti li jistgħu jsiru biss fuq netwerks elettroniċi

    Attakki fuq skala kbira kontra sistemi ta' informazzjoni jew organizzazzjonijiet u individwi (ħafna drabi msejħa botnets[3]) jidher li qed jitfaċċaw dejjem aktar. Dan l-aħħar dehru wkoll inċidenti b'attakki sistematiċi fuq skala kbira, ikkoordinati tajjeb, kontra l-infrastruttura kritika ta' informatika ta' stat. Dan kompla jaggrava bit-teknoloġiji li qed jingħaqdu flimkien kif ukoll bit-tlaqqigħ dejjem aktar mgħaġġel ta' sistemi ta' informatika, li minħabba fihom dawk is-sistemi jkunu aktar vulnerabbli. L-attakki spiss ikunu organizzati tajjeb u użati għall-iskop ta' l-estorzjoni. Wieħed jista' jassumi li l-pubbliċità li dawn l-inċidenti jingħataw hija limitata, fost affarijiet oħra minħabba l-iżvantaġġi kummerċjali li jista' jkun hemm li kieku l-pubbliku kellu jsir jaf dwar problemi ta' sigurtà.

    1.3. Għanijiet

    Fid-dawl ta' dan l-ambjent dejjem jinbidel, hemm ħtieġa urġenti biex tittieħed azzjoni - fuq livell nazzjonali kif ukoll Ewropew – kontra kull forma ta' kriminalità elettronika, li qed tkun ta' theddida dejjem tikber għal infrastrutturi kritiċi, għas-soċjetà, għall-kummerċ u għaċ-ċittadini. Il-protezzjoni ta' l-individwi kontra l-kriminalità elettronika ta' spiss tittellef minħabba kwistjonijiet dwar id-determinazzjoni tal-ġuriżdizzjoni kompetenti, il-liġi applikabbli, l-infurzar minn pajjiż għall-ieħor jew l-għarfien u l-użu ta' evidenza elettronika. Peress li l-kriminalità elettronika sseħħ essenzjalment minn pajjiż għal ieħor, dan ikompli jixħet enfażi fuq dawn id-diffikultajiet. Meta tiġi biex issib risposti għal dan it-theddid, il-Kummissjoni qed tniedi inizjattiva ġenerali ta' politika biex titjieb il-koordinazzjoni fuq livell Ewropew kif ukoll internazzjonali fil-ġlieda kontra l-kriminalità elettronika.

    L-għan hu li tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-kriminalità elettronika fuq livell nazzjonali, Ewropew kif ukoll internazzjonali. Sew l-Istati Membri kif ukoll il-Kummissjoni ilhom li għarfu bħala prijorità li jkun hemm, b'mod partikolari, aktar żvilupp ta' politika speċifika għall-UE. Il-punt fokali ta' l-inizjattiva għandu jkun fuq l-infurzar tal-liġi u d-dimensjonijiet kriminali ta' din il-ġlieda, u l-politika se tikkumplimenta azzjonijiet oħra ta' l-UE biex titjieb is-sigurtà fid-dinja elettronika b'mod ġenerali. Il-politika eventwalment se tinkludi: kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi operattiva; kooperazzjoni politika aħjar u koordinazzjoni bejn l-Istati Membri; kooperazzjoni politika u legali ma' pajjiżi terzi; it-tqajjim ta’ l-għarfien; taħriġ; ir-riċerka; djalogu msaħħaħ ma' l-industrija u possibbiltà ta' azzjoni leġiżlattiva.

    Il-politika dwar il-ġlieda u l-prosekuzzjoni tal-kriminalità elettronika se tkun definita u implimentata b'mod li jirrispetta għal kollox id-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw il-libertà ta' l-espressjoni, ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, u l-protezzjoni ta' data personali. Kull azzjoni leġiżlattiva meħuda fil-kuntest ta' din il-politika l-ewwel se tkun mgħarbla għal kumpatibbiltà ma' dawn id-drittijiet, b'mod partikolari l-Karta ta' l-UE tad-Drittijiet Fundamentali. Ta' min wieħed jinnota wkoll li kull inizjattiva ta' politika bħal din se titwettaq b'kunsiderazzjoni sħiħa ta' l-Artikoli 12 sa 15 ta' l-hekk imsejħa Direttiva tal-kummerċ elettroniku [4], fejn japplika dan l-istrument legali.

    L-għan ta' din il-Komunikazzjoni jista' jinqasam fi tliet friegħi operazzjonali, li jistgħu jiġu deskritti fil-qosor kif ġej:

    - Li jittejbu u jitħaffu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn unitajiet tal-kriminalità elettronika, awtoritajiet rilevanti oħra u esperti oħra fl-Unjoni Ewropea

    - Li jiġi żviluppat, f'koordinazzjoni ma' Stati Membri, organizzazzjonijiet rilevanti fl-UE kif ukoll internazzjonali, u anki oħrajn li għandhom sehem, qafas koerenti ta' Politika ta' l-UE fil-ġlieda kontra l-kriminalità elettronika.

    - Li jitqajjem għarfien ta' l-ispejjeż u l-perikli kkawżati mill-kriminalità elettronika.

    2. L-Istrumenti legali li jeżistu fil-ġlieda kontra l-kriminalità elettronika

    2.1. L-istrumenti u l-azzjonijiet li jeżistu, fuq livell ta' l-UE

    Din il-Komunikazzjoni dwar il-politika dwar il-kriminalità elettronika tikkonsolida u tiżviluppa l-Komunikazzjoni ta' l-2001 dwar il-Ħolqien ta' Soċjetà ta' l-Informazzjoni b'anqas perikli billi tittejjeb is-Sigurtà ta' Infrastrutturi ta' Informazzjoni u tiġi miġġielda l-Kriminalità relatata mal-kompjuter[5] (minn issa: il-Komunikazzjoni ta' l-2001). Il-Komunikazzjoni ta' l-2001 ipproponiet dispożizzjonijiet leġiżlattivi xierqa sostantivi u proċedurali biex tiġi miġġielda l-attività kriminali sew domesitka kif ukoll dik bejn pajjiż u ieħor. Minn dan, ħarġu diversi proposti importanti. B'mod partikolari, dawk jinkludu l-proposta li wasslet għad-Deċiżjoni ta' Qafas 2005/222/JHA dwar attakki kontra s-sistemi ta' informazzjoni[6] . F'dan il-kuntest, ta' min wieħed jinnota li leġiżlazzjoni oħra, aktar ġenerali, li tkopri wkoll aspetti tal-ġlieda kontra l-kriminalità elettronika ġiet adottata, bħal ma hi d-Deċiżjoni ta' Qafas 2001/413/JHA dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-falsifikazzjoni ta' metodi ta' pagament mhux fi flus kontanti[7].

    Id-Deċiżjoni ta' Qafas 2004/68/JHA dwar l-esplojtazzjoni sesswali tat-tfal[8] hija eżempju tajjeb ta' l-attenzjoni partikolari li tagħti l-Kummissjoni għall- protezzjoni tat-tfal , speċjalment fejn tidħol il-ġlieda kontra kull forma ta' materjal li għandu x'jaqsam ma' abbuż sesswali tat-tfal li jkun pubblikat illegalment fuq sistemi ta' informatika, prijorità orizzontali li se tibqa' għall-futur.

    Biex tilqa' għall-isfidi ta' sigurtà li hemm quddiem is-soċjetà ta' l-informatika, il-Komunità Ewropea żviluppat metodu fuq tliet binarji għas-sigurtà tan-netwerk u ta' l-informazzjoni: miżuri speċifiċi ta' sigurtà għan-netwerk u għall-informazzjoni, il-qafas regolatorju għal-komunikazzjonijiet elettroniċi u l-ġlieda kontra l-kriminalità elettronika. Għalkemm dawn it-tliet aspetti jistgħu, sa ċertu punt, ikunu żviluppati separatament, tidher ħtieġa li jkun hemm koordinazzjoni mill-qrib minħabba l-interdipendenzi numerużi li hemm. Fil-qasam relatat tas-sigurtà tan-Netwerk u ta' l-Informazzjoni, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-2001 dwar is-Sigurtà tan-Netwerk u ta' l-Informazzjoni: "Proposta għal metodoloġija bbażata fuq politika għall-UE", ġiet adottata b'mod parallel mal-komunikazzjoni ta' l-2001 dwar il-kriminalità elettronika[9]. Id-Direttiva dwar l-ePrivacy 2002/58/KE tistipula obbligu għall-fornituri ta' servizzi ta' komunikazzjoni disponibbli b'mod ġenerali biex iħarsu s-sigurtà tas-servizzi tagħhom. Hemmhekk saru wkoll dispożizzjonijiet kontra l-i spam u kontra l-i spyware . Il-politika ta' sigurtà tan-Netwerks u ta' l-Informazzjoni sadanittant ġiet żviluppata permezz ta' għadd ta' azzjonijiet, l-aktar reċenti b'Komunikazzjonijiet dwar Strateġija għal soċjetà ta' Informazzjoni bla perikli[10] li tistipula l-istrateġija revitalizzata u tipprovdi l-qafas biex jisseddaq u jiġi rfinut metodu koerenti dwar is-sigurtà tan-Netwerks u ta' l-Informazzjoni, u biex ikun miġġieled l-i spam , l-i spyware u s- software malizzjuz[11], u bil-ħolqien ta' ENISA fl-2004[12]. L-għan ewlieni ta' ENISA huwa dak li tiġi żviluppata l-kompetenza biex tkun stimulata l-kooperazzjoni bejn is-setturi pubbliċi u privati, u biex tingħata assistenza lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri. Ir-riżultati tar-riċerka fil-qasam tat-teknoloġiji għas-sigurtà tas-sistemi ta' informazzjoni wkoll se jkollhom rwol importanti fil-ġlieda kontra l-kriminalità elettronika. Għaldaqstant, fis-Seba' Programm ta' Qafas ta' l-UE dwar ir-riċerka (FP 7), li se jkun qed jitħaddem tul il-perjodu 2007-2013[13], jissemmew sew is-Sigurtà kif ukoll it-Teknoloġiji ta' l-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni. Ir-reviżjoni tal-qafas regolatorju għall-komunikazzjoni elettronika tista' twassal għal emendi biex tittejjeb l-effikaċja tad-dispożizzjonijiet dwar is-sigurtà tad-Direttiva ePrivacy u tad-Direttiva dwar is-Servizz Universali 2002/22/KE[14].

    2.2. L-istrumenti internazzjonali eżistenti

    Minħabba n-natura globali tan-netwerks ta' informazzjoni, l-ebda politika dwar il-kriminalità elettronika ma tista' tkun effettiva jekk l-isforzi jkunu limitati biss għall-UE. Il-kriminali jistgħu mhux biss jattakkaw sistemi ta' informazzjoni jew jikkommettu delitti minn Stat Membru għal ieħor, iżda jistgħu jagħmlu dan ukoll mingħajr diffikultà minn barra l-ġuriżdizzjoni ta' l-UE. Għaldaqstant, il-Kummissjoni pparteċipat b'mod attiv f'diskussjonijiet internazzjonali u strutturi ta' kooperazzjoni, fost oħrajn il-Grupp tal-Kriminalità High-Tech Lyon-Roma G8, kif ukoll proġetti amministrati mill-Interpol. Il-Kummissjoni qed issegwi b'mod partikolari l-ħidma tan-netwerk għal kuntatti ta' 24 siegħa għall-Kriminalità High-Tech Internazzjonali (in-Netwerk 24/7)[15], li tiegħu huma membri għadd konsiderevoli ta' stati madwar id-dinja, inklużi l-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri ta' l-UE. In-netwerk tal-G8 jikkostitwixxi mekkaniżmu biex iħaffef il-kuntatti bejn l-istati parteċipanti, b'punti ta' kuntatt ta' 24 siegħa għal każi li jkunu jinvolvu evidenza elettronika, u dawk li jkunu jinħtieġu assistenza urġenti minn awtoritajiet barranin ta' l-infurzar tal-liġi.

    Wieħed jista' jqis li l-istrument predominanti Ewropew u internazzjonali f'dan il-qasam hija l-Konvenzjoni ta' l-2001 tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar il-kriminalità elettronika[16]. Il-Konvenzjoni, li ġiet adottata u li daħlet fis-seħħ fl-2004 fiha definizzjonijiet komuni ta' tipi differenti ta' kriminalità elettronika u tqiegħed il-pedament għal kooperazzjoni ġudizzjarja li taħdem bejn l-istati kontraenti. Ġiet iffirmata minn ħafna stati, inkluż l-Istati Uniti ta' l-Amerika, u stati oħra mhux Ewropej, u mill-Istati Membri kollha. Għadd ta' Stati Membri madanakollu għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni jew il-protokoll addizzjonali mal-Konvenzjoni dwar atti ta' natura razzista jew ksenofobika kommessi permezz ta' sistemi tal-kompjuter. Meta wieħed iqis li kulħadd jaqbel kemm hi importanti l-Konvenzjoni, il-Kummissjoni se tħajjar lill-Istati Membri u lil pajjiżi terzi rilevanti biex jirratifikaw il-Konvenzjoni u biex iqisu l-possibbiltà li l-Komunità Ewropea tkun parti fil-Kovenzjoni.

    3. Aktar żvilupp ta' strumenti speċifiċi fil-ġlieda kontra l-kriminalità elettronika

    3.1. It-tisħiħ tal-kooperazzjoni operattiva ta' l-infurzar tal-liġi u l-isforzi ta' taħriġ fuq livell ta' l-UE.

    In-nuqqas, jew in-nuqqas ta' użu, ta' strutturi immedjati għall- kooperazzjoni operattiva bejn il-pajjiżi tibqa' dgħjufija ewlenija fil-qasam tal-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà. L-assistenza reċiproka tradizzjonali quddiem każijiet urġenti ta' kriminalità elettronika dejjem saret bil-mod, ma kinitx effettiva, u għadhom ma ġewx żviluppati biżżejjed strutturi ġodda ta' kooperazzjoni. Filwaqt li awtoritajiet nazzjonali ġuridiċi u ta' infurzar tal-liġi fl-Ewropa jikkoperaw mill-qrib permezz tal-Europol, il-Eurojust u strutturi oħra, huwa ovvju li għad hemm bżonn li r-responsabbiltajiet jissaħħu u jiġu ċċarati. Il-konsultazzjonijiet li qed tagħmel il-Kummissjoni juru li dawk il-kanali kruċjali mhux qed jintużaw bl-aħjar mod. Metodu Ewropew aktar ikkoordinat irid ikun sew operattiv kif ukoll strateġiku u jkun ikopri wkoll l-iskambju ta' informazzjoni u l-aħjar prattiċi.

    Il-Kummissjoni dalwaqt se tibda' tagħti enfażi partikolari fuq il-ħtiġijiet ta' taħriġ . Huwa fatt stabbilit li l-iżviluppi teknoloġiċi jipproduċu ħtieġa għal taħriġ kontinwu dwar kwistjonijiet ta' kriminalità elettronika għal awtoritajiet ġudizzjarji u ta' infurzar tal-liġi. Huwa għalhekk il-ħsieb li jkun hemm appoġġ finanzjarju msaħħaħ u aktar ikkoordinat mill-UE għal programmi ta' taħriġ multinazzjonali. Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri u organi oħra kompetenti bħal ma huma l-Europol, il-Eurojust, il-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL) u n-Netwerk Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju (EJNT), jaħdmu biex ikun hemm koordinazzjoni u rabta bejn il-programmi kollha rilevanti ta' taħriġ.

    Il-Kummisjoni se torganizza laqgħa ta' esperti ta' l-infurzar tal-liġi mill-Istati Membri, kif ukoll mill-Europol, mis-CEPOL u mill-EJTN, biex jiddiskutu kif għandha tittejjeb il-kooperazzjoni operattiva u strateġika kif ukoll it-taħriġ dwar il-kriminalità elettronika li għandu jsir fl-Ewropa fl-2007. Fost affarijiet oħra, se jitqiesu l-ħolqien sew ta' punt ta' kuntatt permanenti ta' l-UE għall-iskambju ta' informazzjoni, kif ukoll platform ta' taħriġ dwar il-kriminalità elettronika Il-laqgħa ta' l-2007 se tkun l-ewwel waħda f'sensiela ta' laqgħat ippjanati għall-futur qrib.

    3.2. It-tisħiħ tad-djalogu ma' l-industrija

    Sew is-settur privati kif ukoll dak pubbliku għandhom interess li jiżviluppaw flimkien metodi biex jidentifikaw u ma jħallux li ssir ħsara mill-attivitajiet kriminali. Il-parteċipazzjoni bi sħab tas-settur privat u dak pubbliku, ibbażata fuq il-fiduċja reċiproka u għan komuni biex titnaqqas il-ħsara, għandha għax tkun mod effettiv ta' kif tittejjeb is-sigurtà, ukoll fil-ġlieda kontra l-kriminalità. L-aspetti pubbliċi u privati tal-politika tal-Kummissjoni dwar il-kriminalità elettronika biż-żmien isiru parti minn politika globali ppjanata ta' l-UE dwar id-djalogu bejn is-settur pubbliku u privat, li jkun ikopri l-qasam kollu tas-sigurtà Ewropea. Din il-politika sejra, b'mod partikolari, titmexxa 'l quddiem mill-Forum Ewropew dwar ir-Riċerka u l-Innovazzjoni fis-Sigurtà, li l-Kummissjoni beħsiebha toħloq dalwaqt u li se jiġbor mill-ġdid dawk li huma involuti mis-settur pubbliku u minn dak privat.

    L-iżvilupp ta' teknoloġiji moderni ta' informazzjoni, u sistemi ta' komunikazzjoni elettronika huwa fil-biċċa l-kbira kkontrollat minn operaturi privati. Il-kumpaniji privati jwettqu l-evalwazzjonijiet tagħhom dwar ir-riskju, iwaqqfu programmi għall-ġlieda kontra l-kriminalità u jiżviluppaw soluzzjonijiet tekniċi biex ma titħalliex issir il-kriminalità. L-industrija uriet attitudni pożittiva ħafna fl-assistenza tagħha lill-awtoritajiet pubbliċi fil-ġlieda kontra l-kriminalità elettronika, speċjalment fl-isforzi biex tiġi miġġielda l-pornografija tat-tfal[17] u tipi oħra ta' kontenut illegali fuq l-Internet.

    Kwistjoni oħra hija dwar dak li jidher li hu nuqqas ta' skambju ta' informazzjoni, kompetenza u l-aħjar prattiċi bejn is-settur pubbliku u dak privat. L-operaturi fis-settur privat, biex jipproteġu l-metodi ta' kif joperaw, jew is-sigrieti tagħhom, ħafna drabi ma tantx ikunu jridu, jew inkella ma jkollhom l-ebda obbligu ċar, li jirrappurtaw jew li jaqsmu informazzjoni rilevanti dwar każijiet kriminali ma' l-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi. Madankollu, informazzjoni bħal din tista' tkun meħtieġa sabiex l-awtoritajiet pubbliċi jkunu jistgħu jfasslu politika kontra l-kriminalità li tkun effiċjenti u xierqa. Il-possibbiltajiet biex jittejjeb l-iskambju ta' informazzjoni bejn is-setturi għandhom ikunu kkunsidrati wkoll fid-dawl ta' regoli eżistenti dwar il-protezzjoni tad- data personali.

    Il-Kummissjoni diġà għandha rwol importanti f'diversi strutturi pubbliċi-privati li għandhom x'jaqsmu mal-kriminalità elettronika, bħal ma hu l-Grupp ta' Esperti għall-Prevenzjoni tal-Frodi[18]. Il-Kummissjoni hija konvinta li politika ġenerali effettiva għall-ġlieda kontra l-kriminalità elettronika għandha tinkludi strateġija għall-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u operaturi fis-settur privat, inklużi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

    Biex tinkiseb kooperazzjoni aktar wiesgħa bejn is-settur pubbliku u dak privat f'dan il-qasam, il-Kummissjoni fl-2007 se torganizza konferenza għal esperti fl-infurzar tal-liġi u rappreżentanti tas-settur privat, speċjalment il-Fornituri tas-Serivizzi ta' l-Internet, biex jiddiskutu kif tista' tittejjeb il-kooperazzjoni operattiva bejn is-settur pubbliku u dak privat fl-Ewropa[19]. Il-konferenza se ssemmi s-suġġetti kollha meqjusa li jagħtu aktar valur liż-żewġ setturi, iżda b'mod speċjali:

    - It-titjib tal-kooperazzjoni operattiva fil-ġlieda kontra attivitajiet u kontenut illegali fuq l-Internet, speċifikament fl-oqsma tat-terroriżmu, tal-materjal dwar abbuż sesswali tat-tfal u attivitajiet illegali oħra li huma ta' sensittività partikolari mill-perspettiva tal-ħarsien tat-tfal.

    - Jiġu inizjalati ftehimiet bejn is-settur pubbliku u dak privat, immirati lejn it-tneħħija minn fuq l-internet madwar l-UE kollha ta' siti li jkun fihom kontenut illegali, speċjalment materjal dwar abbuż sesswali tat-tfal.

    - Jitfassal mudell Ewropew għall-iskambju, madwar is-settur pubbliku u dak privat, ta' informazzjoni neċessarja u rilevanti, b'waħda mill-kunsiderazzjonijiet tkun dik li tisseddaq atmosfera ta' fiduċja reċiproka u billi jittieħed kont ta' l-interessi tal-partijiet kollha.

    - Jitwaqqaf netwerk ta' punti ta' kuntatt ta' infurzar tal-liġi sew fis-settur privat kif ukoll f'dak pubbliku.

    3.3. Leġiżlazzjoni

    L-armonizzazzjoni ġenerali tad-definizzjonijiet tal-kriminalità u l-liġijiet kriminali nazzjonali fil-qasam tal-kriminalità elettronika għadha mhix xierqa, minħabba l-varjetà ta' tipi ta' offiżi koperti b'dan il-kunċett. Peress li l-kooperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi spiss tkun tiddependi fuq definizzjonijiet tal-kriminalità li jkunu ta' l-anqas parzjalment armonizzati, jibqa' bħala għan għat-tul li wieħed ikompli jarmonizza l-leġiżlazzjoni ta' l-Istati Membri[20]. Fejn jidħlu ċerti definizzjonijiet ċentrali tal-kriminalità, diġà sar pass importanti bid-Deċiżjoni ta' Qafas dwar l-attakki fuq is-sistemi ta' informazzjoni. Kif intqal hawn fuq, sadanittant deher theddid ġdid u l-Kummissjoni qegħda ssegwi dawn l-iżviluppi mill-qrib minħabba l-importanza li wieħed iqis il-ħin kollu l-bżonn ta' aktar leġiżlazzjoni. Il-monitoraġġ tat-theddid li qed jevolvi huwa kkoordinat mill-qrib mal-Programm Ewropew għall-Protezzjoni ta' l-Infrastruttura Kritika.

    Wieħed irid madankollu jikkunsidra issa l-leġiżlazzjoni mmirata speċifikament lejn il-kriminalità elettronika. Kwistjoni partikolari li tista' tkun tinħtieġ leġiżlazzjoni hija dik li tolqot sitwazzjoni fejn delitt elettroniku jitwettaq flimkien mas- serq ta' l-identità. B'mod ġenerali, b'"serq ta' identità" wieħed jifhem l-użu ta' informazzjoni li tidentifika l-persuna, pereżempju numru ta' karta ta' kreditu, bħala strument biex jitwettqu delitti oħra. Fil-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri, kriminal aktarx li jitressaq bi frodi, jew b'delitt potenzjali ieħor, aktar milli b'serq ta' identità; ta' l-ewwel jitqies bħala delitt aktar serju. Is-serq ta' l-identità fih innifsu mhux kriminalizzat fl-Istati Membri kollha. Spiss ikun eħfef li wieħed jipprova d-delitt tas-serq ta' l-identità minn dak tal-frodi, u għalhekk il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi fl-UE tkun tista' ssir aħjar li kieku s-serq ta' l-identità jkun kriminaliżżat fl-Istati Membri kollha. Fl-2007 il-Kummissjoni se tibda' konsultazzjonijiet biex tara jekk ikunx xieraq li titfassal leġiżlazzjoni.

    3.4. L-iżvilupp ta' data statistika

    Jeżisti qbil ġenerali li l-ammont ta' informazzjoni dwar kemm qed isseħħ kriminalità bħalissa għadu ma laħaqx livelli xierqa, u b'mod partikolari li hemm bżonn ħafna titjib biex wieħed iqabbel id- data bejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni fasslet pjan ambizzjuż ta' ħames snin biex din il-problema tkun iffaċċjata f'Komunikazzjoni dwar L-Iżvilupp ta' strateġija ta' l-UE komprensiva u koerenti sabiex titkejjel il-kriminalità u l-ġustizzja kriminali: Pjan ta' Azzjoni ta' l-UE 2006 – 2010 tas-7.8.2006[21]. Il-Grupp ta' Esperti mwaqqaf skond dan il-Pjan ta' Azzjoni għandu jipprovdi forum xieraq biex jiġu żvilupati indikaturi rilevanti biex titkejjel il-firxa tal-kriminalità elettronika.

    4. IT-TRIQ ’IL QUDDIEM

    Il-Kummissjoni issa se tieħu l-politika ġenerali għall-ġlieda kontra l-frodi pass 'il quddiem. Minħabba l-poteri limitati tal-Kummissjoni fil-qasam tal-liġi kriminali, din il-politika ma tistax tagħmel ħaġa oħra ħlief li takkumpanja l-azzjonijiet meħuda mill-Istati Membri u korpi oħra. L-aktar azzjonijiet importanti – li kull waħda minnhom tkun timplika l-użu ta' strument wieħed, jew ħafna minnhom, li ġew ippreżentati fil-kapitlu 3 – se jsibu wkoll l-appoġġ tal-Programm Finanzjarju "Il-Prevenzjoni ta', u l-Ġlieda kontra, il-Kriminalità":

    4.1. Il-ġlieda kontra l-kriminalità elettronika in ġenerali

    - Titwaqqaf kooperazzjoni operattiva msaħħa bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u ta' infurzar tal-liġi fl-Istati Membri, azzjoni li tibda' bl-organizzazzjoni ta' laqgħa apposta ta' esperti fl-2007 u li tista' tinkludi t-twaqqif ta' punt ta' kuntatt ċentrali ta' l-UE dwar il-kriminalità elettronika

    - Jiżdied l-appoġġ finanzjarju għal inizjattivi biex jitjieb it-taħriġ ta' awtoritajiet ġudizzjarji u ta' infurzar tal-liġi fejn jidħol l-ipproċessar ta' każijiet ta' kriminalità elettronika u tittieħed azzjoni biex jiġu kkoordinati l-isforzi kollha ta' taħriġ multinazzjonali f'dan il-qasam bit-twaqqif ta' platform ta' taħriġ ta' l-UE

    - Jisseddaq impenn imsaħħaħ mill-Istati Membri u l-awtoritajiet pubbliċi kollha biex jittieħdu miżuri effettivi kontra l-kriminalità elettronika u biex jiġu allokati riżorsi biżżejjed biex jiġu miġġielda dawn id-delitti

    - Jingħata appoġġ lir-riċerka li tkun ta' benefiċċju fil-ġlieda kontra l-kriminalità elettronika

    - Tiġi organizzata ta' l-anqas konferenza waħda ewlenija (fl-2007) ma' awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi u operaturi privati, speċjalment biex tiġi inizjata l-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra attivitajiet illegali fuq l-Internet fi u kontra netwerks elettroniċi u biex jisseddaq skambju mhux personali aktar effettiv, u biex isir segwitu tal-konklużżjonijiet li joħorġu minn din il-konferenza ta' l-2007 bi proġetti konkreti bi sħab bejn is-settur pubbliku u dak privat

    - Tittieħed l-inizjattiva biex isiru, u biex ikun hemm parteċipazzjoni fi, azzjonijiet pubbliċi-privati immirati biex ikabbru l-għarfien speċjalment fost il-konsumaturi tad-danni u l-perikli li ġġib magħha l-kriminalità elettronika, fil-waqt li jiġi evitat li ssir biss enfażi fuq l-aspetti negattivi tas-sigurtà, ħaġa li twasssal biex tonqos il-fiduċja fost il-konsumaturi u l-utenti

    - Issir parteċipazzjoni attiva fi, u tisseddaq, il-kooperazzjoni internazzjonali globali fil-ġlieda kontra l-kriminalità elettronika

    - Jiġu inizjati, jingħata kontribut u appoġġ, lil proġetti internazzjonali li jkunu konformi mal-politika tal-Kummissjoni f'dan il-qasam, pereż. proġetti mmexxija mill-G 8 u konsistenti mad-Dokumenti Strateġiċi Reġjonali u tal-Pajjiż (dwar il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi)

    - Tittieħed azzjoni konkreta biex l-Istati Membri kollha u pajjiżi terzi relevanti jitħajru jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar il-Kriminalità Elettronika u l-protokoll addizzjonali tagħha u jikkunsidraw il-possibbiltà li l-Komunità ssir parti mal-Konvenzjoni

    - Jiġi eżaminat, flimkien ma' l-Istati Membri, il-fenomenu ta' attakki kbar u kkoordinati kontra l-infrastruttura informatika ta' l-istati membri bil-ħsieb li dawn jiġu miġġielda u ma jitħallewx isiru, inkluż bil-koordinazzjoni ta' l-azzjonijiet li jilqgħu kontrihom, bl-iskambju ta' l-informazzjoni u ta' l-aħjar prattiċi

    4.2. Il-ġlieda kontra l-kriminalità tradizzjonali fin-netwerks elettroniċi

    - Tiġi inizjata analiżi fil-fond bil-ħsieb li titħejja proposta għal leġiżlazzjoni speċifika ta' l-UE kontra s-serq ta' l-identità

    - Jisseddaq l-iżvilupp ta' metodi u proċeduri tekniċi biex tiġi miġġielda l-frodi u l-kummerċ illegali fuq l-Internet, anki permezz ta' proġetti ta' kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat

    - Ikompli għaddej, u jiġi żviluppat aktar, ix-xogħol f'oqsma immirati b'mod speċifiku, bħal ma hu l-Grupp ta' Esperti dwar il-Prevenzjoni tal-Frodi fil-ġlieda kontra l-frodi b'mezzi li ma jkunux jinkludu l-flus kontanti permezz ta' pagament f'netwerks elettroniċi

    4.3. Kontenut illegali

    - Ikomplu jiġu żviluppati azzjonijiet kontra konenut speċifiku illegali, speċjalment fejn jidħol materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal u t-tixwix għat-terroriżmu u speċjalment permezz ta' segwitu ta' l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni ta' Qafas dwar l-esplojtazzjoni sesswali tat-tfal

    - Jiġu mistiedna l-Istati Membri biex jallokaw biżżejjed riżorsi finanzjarji biex jissaħħaħ ix-xogħol ta' aġenziji ta' infurnzar tal-liġi b'attenzjoni speċjali biex ikunu identifikati l-vittmi ta' materjal ta' abbuż sesswali li jitqassam fuq l-internet

    - Jiġu inizjati u jingħataw appoġġ azzjonijiet kontra kontenut illegali li jista' jħajjar lil minuri għal imġieba vjolenti jew illegali b'mod serju ieħor, fost affarijiet oħra permezz ta' ċerti tipi ta' logħob viżiv fuq l-internet li jkun vjolenti ħafna

    - Jiġi inizjat u mseddaq djalogu bejn l-Istati Membri u ma' pajjiżi terzi dwar metodi tekniċi biex jiġi miġġieled il-kontenut illegali kif ukoll dwar proċeduri biex jiġu mneħħija websajts illegali, anki bil-ħsieb li jkun hemm żvilupp ta' ftehimiet formali ma' pajjiżi ġirien u oħrajn dwar din il-kwistjoni

    - Jiġu żviluppati ftehimiet voluntarji u konvenzjonijiet bejn awtoritajiet pubbliċi u operaturi privati fuq il-livell ta' l-UE, speċjalment il-fornituri ta' l-Internet, dwar proċeduri biex jitneħħew u jingħalqu siti illegali fuq l-Internet

    4.4. Segwitu

    F'din il-Komunikazzjoni għadd ta' azzjonijiet immirati lejn it-titjib ta' strutturi ta' kooperazzjoni fl-UE jitqiesu bħala l-passi li jmiss. Il-Kummissjoni se tmexxi dawn l-azzjonijiet 'l quddiem, tevalwa l-progress dwar l-implimentazzjoni ta' l-attivitajiet, u tfassal rapport lill-Kunsill u lill-Parlament.

    [1] Il-biċċa l-kbira tad-dikjarazzjonijiet ta' din il-Komunikazzjoni dwar ix-xejriet preżenti ittieħdu mill-Istudju li sar biex ikun imkejjel l-impatt ta' komunikazzjoni dwar il-kriminalità elettronika, ordnat mill-Kummissjoni fl-2006 (Nru. tal-Kuntratt JLS/2006/A/003)

    [2] Phishing jirreferi għal tentattivi biex tinkiseb bi frodi informazzjoni sensittiva, bħal ma huma passwords u dettalji tal-karti ta' kreditu, billi wieħed jippoża ta' persuna li wieħed jista' jafda f'komunikazzjoni elettronika

    [3] Botnet tirreferi għal grupp ta' magni mbagħbsa li jkunu qed jeżegwixxu programmi taħt kmand komuni.

    [4] Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta' l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (ĠU C 178, 17.7.2000, p.1)

    [5] KUMM(2000) 890, 26.1.2001.

    [6] ĠU L 69, 16.3.2005, p.67.

    [7] ĠU L 149, 2.6.20014, p.1.

    [8] ĠU L 13, 20.1.2004, p. 44.

    [9] KUMM(2001) 298.

    [10] KUMM(2006) 251.

    [11] KUMM(2006) 688.

    [12] Regolament 460/2004 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni, (ĠU L 77, 13.3.2004, p.1).

    [13] L-Unjoni Ewropea, taħt is-Sitt Programm ta' Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku diġà tat l-appoġġ tagħha lil għadd ta' proġetti relevanti ta' riċerka, li kienu ta' suċċess.

    [14] KUMM(2006) 334, SEG(2006) 816, SEG(2006) 871.

    [15] Ara l-artikolu 35 fil-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar il-kriminalità elettroniku.

    [16] http://conventions.coe.int/Treaty/EN/Reports/Html/185.htm

    [17] Eżempju riċenti ta' kooperazzjoni f'dan il-qasam hija l-kooperazzjoni bejn forzi ta' l-infurzar tal-liġi u kumpaniji tal-karti tal-kreditu, li permezz tagħhom dawn ta' l-aħħar għenu lill-pulizija biex jinstabu dawk li jkunu xtraw pornografija tat-tfal fuq l-internet.

    [18] Ara: http://ec.europa.eu/internal_market/payments/fraud/index_en.htm

    [19] Il-Konferenza għandha titqies bħala kontinwazzjoni tal-Forum ta' l-UE ippreżentat fis-sezzjoni 6.4 fil-komunikazzjoni dwar il-kriminalità bil-kompjuter.

    [20] Dan l-għan għat-tul diġà ssemma fuq il-paġna 3 tal-Komunikazzjoni ta' l-2001.

    [21] KUMM(2006) 437, 7.8.2006.

    Top