Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0223

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali - L-implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju għat-tisħiħ tat-tkabbir u l-impjieg u għat-titjib tal-kompetittività tan-negozju UE: Aktar Progress matul l-2006 u l-passi li jmiss lejn proposta għal Bażi Fiskali Korporattiva Komuni u Konsolidata (CCCTB)

    /* KUMM/2007/0223 finali */

    52007DC0223

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali - L-implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju għat-tisħiħ tat-tkabbir u l-impjieg u għat-titjib tal-kompetittività tan-negozju UE: Aktar Progress matul l-2006 u l-passi li jmiss lejn proposta għal Bażi Fiskali Korporattiva Komuni u Konsolidata (CCCTB) /* KUMM/2007/0223 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 2.5.2007

    KUMM(2007) 223 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI

    L-implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju għat-tisħiħ tat-tkabbir u l-impjieg u għat-titjib tal-kompetittività tan-negozju UE: Aktar Progress matul l-2006 u l-passi li jmiss lejn proposta għal Bażi Fiskali Korporattiva Komuni u Konsolidata (CCCTB)

    WERREJ

    1. L-Isfond 3

    2. Il-Progress li sar s'issa 4

    2.1. L-Attivitajiet tal-Grupp ta' Ħidma għall-Bażi Fiskali Korporattiva Komuni u Konsolidata (CCCTB WG) 4

    2.2. Il-Progress barra mill-Grupp ta' Ħidma – Valutazzjoni ta' l-Impatt 5

    3. Il-Passi li jmiss 6

    4. Konklużjonijiet 8

    ANNESSI

    ANNESS I

    Xi punti tekniċi speċifiċi li ġew diskussi matul il-laqgħa estiża tal-grupp ta' ħidma tas-ccctb f'Diċembru 2006 9

    ANNESS II

    Xi kwistjonijiet tekniċi ddettaljati li ġew diskussi fil-grupp ta' ħidma tas-ccctb u li l-Kummissjoni għadha qed tirrifletti fuqhom 9

    1. L-ISFOND

    Din il-Komunikazzjoni tispeċifika l-progress li sar fuq is-CCCTB s'issa skond il-ħarsa ġenerali fil-Programm ta' Ħidma stabbilit fl-2004. Tiffoka fuq ix-xogħol li sar matul l-2006, b'attenzjoni partikolari fuq xi wħud mill-kwistjonijiet l-aktar sinifikanti li tqajmu, u tiġbor fil-qosor xi wħud mill-kwistjonijiet strateġiċi ewlenin relatati mas-CCCTB.

    Il-Komunikazzjoni ta' l-2006[1] spjegat l-isfond għal u l-miri tas-CCCTB u ħabbret it-tħejjija ta' rapport ieħor dwar il-progress fl-2007. Dawn l-għanijiet għadhom validi, għaliex minn dak iż-żmien saru ftit żviluppi biex jitwarrbu l-ostakli fiskali fis-Suq Intern.

    Il-Kunsill iddiskuta l-Komunikazzjoni f'Ġunju 2006, iżda adotta l-ebda konklużjoni. F'Diċembru 2006, il-Kummissjoni għamlet rapport ieħor orali dwar il-progress lill-Kunsill. Is-CCCTB hija mira ambizzjuża li tippreżenta għadd ta' diffikultajiet tekniċi għall-Istati Membri. Jeħtieġ aktar sforz sabiex jintlaħaq ftehim. Kien sar xi progress f'ċerti oqsma li huma speċifiċi ħafna, per eżempju l-adozzjoni ta' Kodiċi ta' Kondotta dwar id-dokumentazzjoni ta' trasferiment ta' prezzijiet[2] u ta' Linji Gwida għal Ftehimiet Minn Qabel ta' Prezzijiet ( Advanced Pricing Agreements ) fl-UE[3], u l-Kummissjoni ħarġet tliet Komunikazzjonijiet f'Diċembru 2006[4] dwar il-ħtieġa għal aktar koordinazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward tas-sistemi fiskali tagħhom u waħda dwar l-inċentivi tat-taxxa favur ir-riċerka u l-iżvilupp[5]. Madankollu, il-Kummissjoni tibqa' konvinta li għalkemm dawn il-miżuri mmirati għandhom jagħmlu ċertu progress f'dak li għandu x'jaqsam mat-tnaqqis ta' l-ostakli, perspettiva komprensiva permezz ta' l-introduzzjoni tas-CCCTB tkun tista' tikseb l-akbar għadd ta' benefiċċji globali fir-rigward tat-tassazzjoni fuq il-qligħ tal-kumpaniji fis-Suq Intern. Għaldaqstant, dan jeħtieġ tħejjija bir-reqqa.

    L-implimentazzjoni tas-CCCTB tista' tagħti kontribut sinifikanti għas-suċċess tas-Suq Intern, għat-tisħiħ tat-tkabbir u ta' l-impjieg u għall-kompetittività mtejba tan-negozju ta' l-UE fid-dinja, f'konformità ma' l-istrateġija mġedda ta' Liżbona[6]. Minbarra dan, l-UE tista' ssir suq li jiġbed aktar l-investiment u dan għandu jwassal għal aktar investiment bejn il-pajjiżi ta' l-UE kif ukoll għal aktar investiment barrani dirett.

    L-għanijiet ta' din il-Komunikazzjoni huma:

    - li żżomm il-Kunsill, il-Parlament u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-pubbliku ġenerali infurmati dwar il-progress li jsir,

    - li tispeċifika l-pjanijiet għat-tkomplija tax-xogħol, u

    - li tiġbor fil-qosor u tiġbed l-attenzjoni fuq xi wħud mill-punti tekniċi speċifiċi li jirrikjedu attenzjoni partikolari u fuq għadd ta' kwistjonijiet ta' importanza partikolari li għandhom dimensjoni aktar strateġika.

    2. IL-PROGRESS LI SAR S'ISSA

    2.1. L-Attivitajiet tal-Grupp ta' Ħidma għall-Bażi Fiskali Korporattiva Komuni u Konsolidata (CCCTB WG)

    Is-CCCTB WG baqa' jiltaqa' kull tliet xhur. Flimkien ma' l-ewwel erba' subgruppi (assi u deprezzament, dispożizzjonijiet u riżervi, dħul taxxabbli, aspetti internazzjonali), ġew stabbiliti żewġ subgruppi oħrajn, li jittrattaw it-tassazzjoni tal-gruppi u l-mekkaniżmu tat-tqassim. Il-kwistjonijiet ewlenin li ġew diskussi fil-WG (flimkien mar-rapporti tas-subgruppi) inġabru fil-qosor f'Dokument ta' Ħidma[7] li ġie ppreżentat fil-laqgħa ta' Diċembru 2006.

    Parti minn din il-laqgħa f'Diċembru 2006 tmexxiet f'format "estiż" bl-attendenza ta' rappreżentanti tan-negozji u ta' l-akkademiċi biex jiddiskutu s-CCCTB. Dan sar wara laqgħa estiża simili fl-2005. Laqgħa estiża aktar speċjalizzata kienet saret f'Ġunju 2006 flimkien ma' l-esperti tan-negozju mis-settur finanzjarju li fiha ddiskutew il-karatteristiċi partikolari ta' dan is-settur. L-għan ta' dawn il-laqgħat kien li jiġi żgurat li jkun hemm konsultazzjoni adegwata u li l-esperti mill-Kummissjoni u l-Istati Membri jkunu kapaċi jibbenefikaw mill-għarfien espert kollettiv tal-prattikanti tan-negozju u ta' l-esperti akkademiċi.

    Kif ġie spjegat fil-Komunikazzjoni ta' l-2006, ma jsir l-ebda ftehim formali dwar kwistjonijiet fis-subgruppi jew fil-Grupp ta' Ħidma, iżda huwa possibbli li jiġu identifikati dawk il-kwistjonijiet fejn hemm livell raġonevoli ta' kunsens kif ukoll dawk il-kwistjonijiet li jirrikjedu deċiżjonijiet iebsin meta l-Kummissjoni tiġi biex tiffinalizza l-proposta leġiżlattiva tagħha. Għajnuna partikolari fuq dawn il-punti tista' tinkiseb minn għarfien espert ieħor ġej minn barra l-Kummissjoni u l-amministrazzjonijiet ta' l-Istati Membri.

    Id-Dokument ta' Ħidma kien fih rapporti dwar il-progress tal-ħidma fuq Dħul Taxxabbli, Aspetti Internazzjonali, Skop Personali, Istituzzjonijiet Finanzjarji, Konsolidazzjoni, u l-Qafas Amministrattiv. Ċerti punti tekniċi speċifiċi relatati ma' kull kwistjoni ġew aċċennati għal attenzjoni partikolari. Xi wħud minn dawn il-punti tekniċi huma miġbura fil-qosor fl-Anness 1. Id-dettalji bis-sħiħ huma disponibbli fuq il-paġni web rilevanti.

    Sabiex il-bażi tiġi konsolidata għandu jkun hemm qbil dwar metodu għat-tqassim tal-bażi. Is-suġġett tqajjem għall-ewwel darba fil-laqgħa ta' Diċembru 2006 u d-diskussjonijiet dwaru bdew xi ftit ta' żmien ilu biss. Għandu jiġi żgurat li l-mekkaniżmu jagħti riżultati ġusti u ekwi.

    2.2. Il-Progress barra mill-Grupp ta' Ħidma – Valutazzjoni ta' l-Impatt

    F'konformità mal-prattika preżenti, il-proposta leġiżlattiva tkun preċeduta minn Valutazzjoni ta' l-Impatt abbozzata skond il-miżuri analitiċi ewlenin imniżżla fil-'Gwida għall-Valutazzjoni ta' l-Impatt'[8]. Il-Valutazzjoni ta' l-Impatt għandha tiddeskrivi l-ostakli tat-tassazzjoni tal-korporazzjonijiet li jżommu l-kumpaniji fl-UE milli jisfruttaw l-opportunitajiet għall-investiment fis-Suq Intern fl-attivitajiet transkonfinali tagħhom madwar l-UE, u r-raġuni għall-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa li s-sistema preżenti toffri lill-kumpaniji. Id-differenza fl-ispejjeż ta' konformità bejn l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u l-intrapriżi multinazzjonali ser tkun waħda mill-elementi tal-valutazzjoni Għandha tiddefinixxi l-għanijiet li għandhom jinkisbu permezz tar-riforma tat-taxxa, li jvarjaw mill-għan ġenerali li s-sistemi ta' tassazzjoni fuq id-dħul tal-korporazzjonijiet ikunu aktar faċli u effiċjenti, biex is-Suq Intern jaħdem aħjar, għall-għanijiet speċifiċi u operazzjonali, bħat-tnaqqis fl-ispejjeż ta' konformità/amministrattivi tat-tassazzjoni tal-korporazzjonijiet għal kumpaniji u amministrazzjonijiet fiskali, il-preferenza għal attività transkonfinali ġdida, inkluż b'mod partikolari ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, il-promozzjoni tan-newtralità tat-tassazzjoni bejn l-investimenti purament domestiċi u dawk madwar l-UE, u t-tnaqqis tat-tagħwiġ fl-allokazzjoni internazzjonali tal-bażijiet ta' investiment u ta' tassazzjoni.

    Għandhom jiġu identifikati għadd ta' għażliet ta' politika alternattivi u l-impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali rispettivi tagħhom għandhom jiġu vvalutati fil-fond, f'termini kwalitattivi kif ukoll fejn possibbli f'termini kwantitattivi. L-alternattivi sejrin jinkludu mill-anqas xenarju ta' 'ebda bidla', bażi komuni mingħajr konsolidazzjoni u bażi komuni konsolidata. Għandha timmira li tivvaluta l-impatti makroekonomiċi u mikroekonomiċi l-aktar rilevanti kif ukoll l-impatt fuq id-dhul fiskali ta' l-alternattivi. Għandhom jiġu vvalutati diversi modi possibbli għall-ksib tas-CCCTB, ibbażati fuq l-evalwazzjoni tal-komponenti ewlenin tagħha. Għandha tingħata kunsiderazzjoni dovuta għall-prinċipju li kwalunkwe pass lejn is-CCCTB għandu jkollu impatt ġust fuq il-finanzi pubbliċi ta' l-Istati Membri, possibbilment impatt li jwassal għal żieda globali fid-dħul li tkun tirrifletti d-dinamiżmu mtejjeb ta' l-ekonomija ta' l-UE.

    Il-ħidma fuq dan beda fl-2006 u l-Valutazzjoni ta' l-Impatt għandha tiġi ppubblikata meta tkun saret il-proposta. Id-dettall tal-valutazzjoni kwantitattiva jiddependi sa ċertu punt fuq kemm huma lesti u kapaċi l-amministrazzjonijiet u l-kumpaniji fl-Istati Membri li jipprovdu d-dejta kwantitattiva fiż-żmien stipulat.

    3. IL-PASSI LI JMISS

    Filwaqt li għaddejjin ix-xogħol fuq il-biċċa l-kbira ta' l-elementi strutturali li jikkostitwixxu l-bażi fiskali, il-konsolidazzjoni u l-mekkaniżmu tat-tqassim, il-pass li jmiss ikun li jinġabru dawn l-oqsma differenti kollha u ssir diskussjoni dwar kif dawn it-taqsimiet differenti jistgħu joqogħdu flimkien. Dan it-‘tieni rawnd’ tal-ħidma għandu l-mira li jaċċerta li ma jkun hemm l-ebda inkonsistenza, u għalhekk il-bażi kif tiġi żviluppata tisa' tiġi kkunsidrata bħala proponiment 'xieraq' u li tista' taħdem bih.

    Kif ġie diskuss fil-Komunikazzjoni ta' l-2006, il-ħolqien ta' bażi waħdanija jkun ifisser inevitabbilment li jkun hemm diskrepanzi bejn din il-bażi ġdida u l-bażijiet fiskali individwali ta' bħalissa. L-Istati Membri jkollhom jaċċettaw li s-CCCTB ma tistax tirreplika l-karatteristiċi kollha tal-bażijiet fiskali kollha eżistenti tagħhom, u f'ċerti każijiet se jipproponu trattament differenti għal entrati speċifiċi fil-bażi eżistenti tagħhom.

    Għal ħafna mill-kwistjonijiet tekniċi ddettaljati l-Kummissjoni jkollha tagħmel għażla ċara bejn possibbiltà speċifika waħda jew aktar u ser tagħmel hekk abbażi tal-ħidma għaddejja fil-WG, tar-riċerka interna u l-konsultazzjoni ma' negozji u akkademiċi. Xi kwistjonijiet iddettaljati tekniċi li ġew diskussi fil-Grupp ta' Ħidma u li l-Kummissjoni għadha qed tirrifletti fuqhom huma mdaħħla fl-Anness 2.

    Hemm ukoll it-tieni kategorija ta' għażliet li l-Kummissjoni jkollha tagħmel fejn ikun ċar li għandu jitqies element ‘politiku’ akbar meta jintgħażel metodu jew ieħor. Kemm il-politika ekonomika ġenerali kif ukoll l-aħjar interessi tal-Komunità Ewropea, speċjalment fir-rigward tal-programm għat-tisħiħ tat-tkabbir u l-impjieg u għat-titjib tal-kompetittività tan-negozi ta' l-UE u l-iżvilupp stabbli tal-finanzi tal-gvernijiet, se jikkostitwixxu elementi fondamentali f'dawn id-deċiżjonijiet. Xi wħud minn dawn l-għażliet li għandhom jittieħdu ġew deskritti fil-Komunikazzjoni ta' 2006 u l-Kummissjoni indikat il-pożizzjoni tagħha, billi spjegat kif waslet għall-konklużjonijiet tagħha. Xi wħud mill-kwistjonijiet prinċipali kienu li:

    - sabiex jinkisbu l-benefiċċji kollha ta' dan il-proċess il-Bażi Fiskali Korporattiva Komuni għandha tkun akkumpanjata bil-konsolidazzjoni,

    - is-CCCTB għandha tkun volontarja (il-kumpaniji għandhom ikunu jistgħu jibqgħu mar-regoli eżistenti meta dawn jinżammu mill-Istati Membri flimkien mas-CCCTB, sakemm jibqgħu jiġu osservati r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat).

    Il-Kummissjoni kkonfermat ukoll li ma għandhiex l-intenzjoni li testendi l-ħidma fuq il-bażi biex tkun tinkludi r-rata, u s-sitwazzjoni għadha hekk. Iddikjarat ukoll li temmen li s-CCCTB għandha tkun uniformi u għandha b'mod ġenerali tissimplifika u tkabbar l-bażi fiskali korporattiva. L-uniformità u s-simplifikazzjoni għalhekk huma l-prinċipji ta' gwida għall-ħidma li saret s'issa u l-bażi l-ġdida għandha tkun 'wiesgħa' aktar milli 'limitata'.

    Hija aċċettata b'mod ġenerali mill-ekonomisti li bażi fiskali wiesgħa b'rati ta' tassazzjoni baxxi hija l-bażi l-aktar effiċjenti f'sens ekonomiku, li għandha l-anqas effetti li jistgħu jkunu ta' tagħwiġ. L-implikazzjonijiet prattiċi ta' dan il-metodu huma li se jkun hemm anqas inċentivi u eċċezzjonijiet, speċjalment meta wieħed iqis li d-dispożizzjoni għal konsolidazzjoni transkonfinali li fiha nnifisha tirriżulta f'tnaqqis żgħir fid-daqs tal-bażi taxxabbli bħala ħelsien ( relief ) għal telf, se tkun disponibbli b'mod aktar konsistenti u mħaffef milli bħalissa. Għalhekk, il-ħelsien u l-inċentivi speċifiċi għandhom ikunu limitati fin-numru tagħhom kif ukoll immirati b'mod tajjeb u ġġustifikati u dawn, bħal inċentivi fiskali għar-riċerka u l-iżvilupp, għandhom jiġu diskussi fil-Grupp ta' Ħidma. Multi relatati ma' sanzjonijiet ma jkunux eżenti.

    Żewġ kwistjonijiet ewlenin li ħarġu matul l-2006 jikkonċernaw is-settur finanzjarju u l-qafas amministrattiv għas-CCCTB. Fir-rigward tas-settur finanzjarju, il-laqgħa estiża li attendew għaliha l-esperti mis-settur f'Ġunju 2006 kkonfermat li hemm element ta' appoġġ għall-inklużjoni tas-settur fis-CCCTB. L-alternattiva li tiddaħħal sistema separata, jew esklużjoni sħiħa, bħalissa mhux qed tiġbed ħafna appoġġ. Madankollu, hemm anqas qbil dwar in-natura tar-regoli speċifiċi meħtieġa fi ħdan is-CCCTB sabiex jitqiesu l-karatteristiċi tas-settur. Jeħtieġ aktar ħidma għal dan. B'mod partikolari, jidher li aktarx kwalunkwe metodu ġenerali li jintuża għall-mekkaniżmu tat-tqassim għandu wkoll jiġi emendat sabiex jitqiesu l-karatteristiċi partikolari tas-settur.

    Fir-rigward tal-qafas amministrattiv, il-ħidma għadha fi stadju relattivament bikri. Saru xi diskussjonijiet mal-Grupp ta' Ħidma dwar il-metodi possibbli u xi taqsimiet ta' negozji argumentaw bil-qawwa favur il-kunċett ta' forma ta' ' one stop shop ' sabiex il-gruppi ta' kumpaniji fl-UE jinnegozjaw direttament ma' awtorità amministrattiva waħda biss. Fi ħdan is-subgruppi individwali, tressqet ukoll il-kwistjoni dwar liema awtorità għandha tkun responsabbli għal liema aspetti ta' konformità mat-tassazzjoni, u matul l-2007 se jsir aktar xogħol fuqha. Dawn iż-żewġ kwistjonijiet se jkollhom impatt kbir fuq il-forma tal-proposta u l-Kummissjoni għalhekk se tfittex tikkonkludi dwar:

    - l-estent sa fejn, u b'liema mod, is-settur finanzjarju għandu jiġi inkorporat fis-CCCTB sa mill-bidu tagħha.

    - il-qafas amministrattiv tas-CCCTB, b'mod partikolari kif il-kooperazzjoni u l-għajnuna reċiproka jistgħu jittejbu u kif il-metodi ġodda ta' ħidma kif meħtieġa jistgħu jiddaħħlu fuq livell Komunitarju.

    Il-proposta meta tiġi ppreżentata fl-2008 ser tirrifletti l-konklużjonijiet li l-Kummissjoni tasal għalihom fid-dawl tal-ħidma għaddejja bħalissa.

    4. KONKLUżJONIJIET

    Ġie stabbilit il-Grupp ta' Ħidma tas-CCCTB u dan jipprovdi l-mekkaniżmi neċessarji għad-diskussjonijiet ma' esperti mill-amministrazzjonijiet ta' l-Istati Membri, min-negozji u l-akkademiċi. Minbarra dan, il-Kummissjoni għandha tkompli tikkonsulta ma' esperti fuq bażi ad hoc biex tavvanza x-xogħol. Kif ġie nnotat fl-2006, il-ħidma tirrikjedi riżorsi ta' persunal sinifikanti kemm mill-Kummissjoni Ewropea kif ukoll mill-Istati Membri. Dan ir-rekwiżit għadu hemm iżda l-Kummissjoni Ewropea tibqa' tippreferi tinvolvi kemm jista' jkun l-esperti mill-Istati Membri fix-xogħol tekniku.

    Bħala konklużjoni:

    - Għad hemm il-ħtieġa għas-CCCTB, kemm għal intrapriżi zgħar u ta' daqs medju fejn l-ispejjeż ta' konformità huma ta' importanza partikolari kif ukoll għal intrapriżi kbar multinazzjonali. Il-Kummissjoni għandha l-impenn li tara li jitħaffef il-progress lejn it-tneħħija ta' l-ostakli għat-tassazzjoni tal-korporazzjonijiet fis-suq intern filwaqt li tqis ukoll it-tħassib ta' l-Istati Membri dwar il-proċess u tibqa' impenjata li tippreżenta proposta leġiżlattiva fl-2008.

    - Il-Kummissjoni ser tissokta taħdem mal-Grupp ta' Ħidma u l-esperti esterni fuq bażi teknika sabiex tkun tista' ssolvi dawn il-kwistjonijiet speċifiċi u tasal għal proposta bbilanċjata. Diversi kwistjonijiet speċifiċi ġew aċċennati hawnhekk u fid-Dokument ta' Ħidma CCCTB/WP/046 ta' l-20 ta' Novembru 2006 'Il-progress li sar s'issa u l-pjanijiet tal-ġejjieni għas-CCCTB'.

    - Il-Kummissjoni tixtieq tiġbed l-attenzjoni tal-Kunsill, il-Parlament u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għall-elementi ġenerali l-aktar ewlenin tas-CCCTB, partikolarment dawn li ġejjin kif deskritti f'din il-Komunikazzjoni:

    - il-komponent ta' konsolidazzjoni tas-CCCTB u l-mekkaniżmu tat-tqassim ġust u ekwu meħtieġ u l-impatt tiegħu fuq id-dħul ta' l-Istati Membri,

    - in-natura fuq bażi volontarja tas-CCCTB,

    - it-trattament tas-settur finanzjarju,

    - il-qafas amministrattiv u ġudizzjarju tas-CCCTB.

    Aktar kontribut mill-Istati Membri dwar kif il-proċess lejn il-ħolqien tas-CCCTB jista' jindirizza t-tħassib tagħhom bl-aħjar mod jiġi milqugħ ukoll.

    Il-proposta finali għandha tirrifletti diversi deċiżjonijiet dwar il-metodu globali li jittieħed għas-CCCTB u l-kontribut tagħhom f'dan l-istadju huwa importanti. Madankollu, il-Kummissjoni tikkonferma li ma għandha l-ebda intenzjoni li testendi l-ħidma biex tkopri r-rati tat-tassazzjoni.

    ANNESSI

    ANNESS 1

    XI PUNTI TEKNIċI SPEċIFIċI LI ġEW DISKUSSI MATUL IL-LAQGħA ESTIżA TAL-GRUPP TA' ħIDMA TAS-CCCTB F'DIċEMBRU 2006

    Il-kwistjoni dwar jekk jistgħux jitnaqqsu ċerti entrati relatati ma' sitwazzjonijiet domestiċi speċifiċi bħal kontributi u taxxi soċjali minbarra t-taxxi fuq id-dħul tal-korporazzjonijiet . Peress li l-bażi tkun ikkonsolidata u mqassma bejn l-Istati Membri, titqajjem il-mistoqsija jekk dawn l-entrati speċifiċi għandhomx ikunu jistgħu jitnaqqsu mill-bażi kkonsolidata, u għalhekk imqassma, jew inkella jitnaqqsu biss mill-ishma individwali ta' l-Istati Membri rilevanti.

    Il-prinċipju ewlieni għat-tassazzjoni fuq ir-residenti (madwar id-dinja jew skond it-territorjalità) u dwar kif it-tassazzjoni doppja għandha tiġi eliminata (bil-metodu tal-kreditu jew ta' l-eżenzjoni) . Bħalissa l-Istati Membri ma għandhomx metodu komuni u għandu jinstab metodu li jipprovdi komunalità biżżejjed għall-ħarsien tal-bażi fiskali komuni, filwaqt li jittieħed f'kunsiderazzjoni n-netwerk ta' konvenzjonijiet bilaterali li l-Istati Membri kienu ħadu l-impenn għalihom flimkien ma' pajjiżi terzi.

    Id-definizzjoni tal-grupp tas-CCCTB għall-konsolidazzjoni u l-mekkaniżmu għall-konsolidazzjoni tal-gruppi tal-kumpani ji Liema kumpaniji relatati għandhom jitħallew u/jew ikunu meħtieġa jikkonsolidaw il-profitti u t-telf tagħhom? Kif għandhom jiġu eliminati t-transazzjonijiet bejn il-grupp sabiex jiġu evitati l-kumplessitajiet li jirriżultaw mill-iffissar tal-prezzijiet mingħajr akkordju?

    ANNESS 2

    XI KWISTJONIJIET TEKNIċI DDETTALJATI LI ġEW DISKUSSI FIL-GRUPP TA' ħIDMA TAS-CCCTB U LI L-KUMMISSJONI GħADHA QED TIRRIFLETTI FUQHOM

    Diskussi fl-2005:

    Assi fissi u deprezzament . L-assi li jikkwalifikaw jistgħu jiġu ddeprezzati jew fuq bażi individwali, li jkun jirrikjedi li t-tul ta' zmien ta' l-utilità ta' kull ass individwali jiġi stmat meta jinxtara (skond ir-regoli komuni applikabbli madwar l-UE) u jiġi ddeprezzat individwalment matul iż-żmien tiegħu ta' l-utilità, jew li assi li jikkwalifikaw jiġu ddeprezzati f'pool wieħed jew aktar b'tul ta' żmien assenjat komuni. Skond l-opinjoni tal-Kummissjoni hemm vantaġġi sinifikanti fl-iżvilupp tal-metodu tal- pooling fis-CCCTB.

    Tnaqqis għal dispożizzjonijiet . Id-dispożizzjonijiet jistgħu jkunu mhux eżenti mit-taxxa b'mod ġenerali, issupplimentati b'lista ta' eċċezzjonijiet li huma eżenti mit-taxxa, jew inkella d-dispożizzjonjiet jistgħu jkunu eżenti mit-taxxa b'mod ġenerali, issupplimentati b'lista ta' eċċezzjonjiet li mhumiex eżenti mit-taxxa. Skond l-opinjoni tal-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet għal eżenzjoni mit-taxxa għandhom jiġu definiti, issupplimentati b'lista ta' eċċezzjonjiet li mhumiex eżenti mit-taxxa.

    Metodoloġija Ġenerali . Il-punt tal-bidu għall-kalkolu tal-bażi fiskali ta' kumpanija jista' jkun permezz ta' referenza għat-tqabbil tal-karti tal-bilanċ tal-ftuħ u ta' l-għeluq jew b'referenza għar-rendikont tal-qligħ u t-telf tal-kumpanija. Ta' l-ewwel jirrikjedi tħejjija ta' 'karta tal-bilanċ fiskali' skond ir-regoli komuni definiti, inkluż ir-rendikont tal-qligħ u tat-telf. Ta' l-aħħar jirrikjedi biss li r-rendikont tal-qligħ u tat-telf jiġi definit b'mod komuni fil-leġiżlazzjoni tas-CCCTB; it-tagħrif dwar il-karta tal-bilanċ jista' jiġi vverifikat b'referenza għall-kontijiet finanzjarji. Skond l-opinjoni tal-Kummissjoni, karta tal-bilanċ fiskali mhix neċessarja u tikkostitwixxi piż amministrattiv żejjed.

    Diskussi fl-2006:

    Taxxi lokali . F'ċerti Stati Membri hemm it-taxxi lokali, stabbiliti fuq livell relattivament għoli. Dawn jistgħu jkunu jew li jistgħu jitnaqqsu għall-iskapitu tal-bażi kkonsolidata, u għalhekk inklużi fil-mekkaniżmu tat-tqassim, jew miżmuma fuq livell nazzjonali u mnaqqsa biss għall-iskapitu tas-sehem tal-bażi kkonsolidata ta' l-Istat Membru rilevanti. Skond l-opinjoni tal-Kummissjoni, ikun aħjar b'mod ġenerali li jkun hemm sett ta' regoli komprensiv kemm jista' jkun, sabiex jiġu evitati kemm jista' jkun 'derogi' nazzjonali jew taxxi żejda. Madankollu, l-implikazzjonijiet kollha jirrikjedu aktar studju minħabba li t-'tqassim' ta' tnaqqis relatat ma' taxxi lokali madwar l-UE iżda li ma 'jaqsmux' it-taxxi nazzjonali imposti fuq il-bażi, jista' joħloq inkonsistenzi.

    Dħul barrani . Dħul barrani jista' jew jiġi eskluż kompletament mis-CCCTB, jew inkella jista' jiġi inkorporat fis-CCCTB u jinħoloq metodu għall-inklużjoni tiegħu fil-konsolidazzjoni u fil-mekkaniżmu tat-tqassim. Hawnhekk titqajjem mistoqsija minħabba l-fatt li għandhom jittieħdu f'kunsiderazzjoni l-metodi differenti ta' l-evitar tat-tassazzjoni doppja bħalissa segwiti mill-Istati Membri skond il-leġiżlazzjoni eżistenti tagħhom u t-trattati bilaterali ma' pajjiżi terzi. Skond l-opinjoni tal-Kummissjoni, ikun aħjar li jitfassal metodu li jinkorpora d-dħul barrani fis-CCCTB, issupplimentat fejn xieraq b'xi forma ta' ħelsien mit-taxxa doppja. Il-Kummissjoni għadha qed tirrifletti fuq l-arranġamenti preċiżi dwar il-ħelsien.

    Id-definizzjoni tal-grupp . Tkun meħtieġa definizzjoni ddettaljata dwar x'jikkostitwixxi grupp ta' kumpaniji għall-konsolidazzjoni. Minbarra d-definizzjoni ta' livell aċċettabbli komuni ta' proprjetà l-firxa ta' strutturi ta' proprjetà possibli toħloq diffikultajiet. Fejn, per eżempju, kumpanija barranija tipposjedi serje ta' kumpaniji fl-UE, u hija nnifisha tkun ipposseduta minn kumpanija fl-UE, jidher li jkun aħjar li l-kumpaniji kollha tal-grupp fl-UE jiġu kkonsolidati. Madankollu, xi esperti jippreferu jżommu l-kumpaniji ta' l-UE separati meta din il-katina ta' proprjetà tinkiser minn entità barranija u għandu jinstab mezz għas-soluzzjoni ta' din il-kwistjoni.

    Transazzjonijiet fi ħdan il-grupp . L-evitar tal-problemi relatati mat-trasferiment ta' prezzijiet huwa ta' benefiċċju kbir għall-konsolidazzjoni. Madankollu, hemm għadd ta' modi kif it-transazzjonijiet fi ħdan il-grupp jiġu eliminati meta l-bażi tiġi kkonsolidata. Jistgħu jiġu injorati, rikonoxxuti bi spiża jew rikonoxxuti bil-prezz kurrenti stabbilit mingħajr akkordju. Kull wieħed minn dawn għandu l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tiegħu u l-Kummissjoni għandha tiddeċiedi liema metodu huwa l-aħjar jew jekk hux possibli li kull grupp jitħalla għażla ta' metodi.

    Il-mekkaniżmu tat-tqassim . Flimkien mal-mistoqsija fundamentali dwar jekk għandux jiġi adottat metodu makro, formula jew ta' tagħqid, hemm diversi mistoqsijiet iddettaljati dwar id-definizzjoni. Per eżempju, skond il-metodu tal-formula, il-piżijiet għal kull fattur possibbli u l-entrati eżatti li għandhom jiddaħħlu f'kull fattur għandhom jiġu eżaminati f'aktar dettall qabel ma tista' tittieħed kwalunkwe deċiżjoni. Saħansitra l-fattur apparentement 'sempliċi' tax-xogħol iqajjem mistoqsijiet bħal per eżempju kif għandu jiġi ttrattat ix-xogħol ikkuntrattjat 'il barra u f'liema Stat Membru għandhom jiġu rikonoxxuti l-ispejjeż tax-xogħol bħala fattur għall-impjegati li jaħdmu f'aktar minn Stat Membru wieħed.

    [1] L-implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta' Liżbona: Il-progress li sar s'issa u l-passi li jmiss għal Bażi Fiskali Korporattiva Komuni u Konsolidata (CCCTB) - KUMM(2006) 157.

    [2] Il-kodiċi ta' kondotta dwar id-dokumentazzjoni għat-trasferiment ta' prezzijiet għal intrapriżi assoċjati fl-UE (EUTPD), ippubblikat flimkien mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ix-xogħol tal-Forum Konġunt ta' l-UE dwar il-Prezzijiet ta' Trasferiment dwar id-dokumentazzjoni għat-trasferiment ta' prezzijiet għal intrapriżi assoċjati – [KUMM(2005) 543, is-7.11.2005 - li ġiet adottata mill-Kunsill fis-27 ta' Ġunju 2006].

    [3] Il-Komunikazzjoni dwar il-ħidma tal-Forum Konġunt ta' l-UE għat-Trasferiment ta' Prezzijiet fil-qasam tal-proċeduri dwar l-evitar u s-soluzzjoni ta' tilwim u l-Linji Gwida għal Ftehimiet Minn Qabel dwar Prezzijiet fi ħdan l-UE - KUMM(2007) 71.

    [4] KUMM(2006) 823, KUMM(2006) 824 u KUMM(2006) 825, 19.12.2006.

    [5] KUMM(2006) 728, 22.11.2006.

    [6] L-implimentazzjoni tal-programm Komunitarju ta’ Liżbona – Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Il-Kontribut ta’ politiki ta’ Tassazzjoni u dwana lill-Istrateġija ta’ Lisbona, KUMM(2005) 532, 25.11.2005.

    [7] CCCTB/WP/046 20 ta' Novembru 2006 'Il-Progress li sar s'issa u l-pjanijiet għall-ġejjieni tas-CCCTB'; disponibbli fuq il-paġni web kif ġej:

    http://ec.europa.eu/taxation_customs/taxation/company_tax/common_tax_base/article_3147_en.htm.

    [8] SEG(2005) 791, 15.6.2005, bl-aġġornament ta' Marzu 2006.

    Top