This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52007DC0164
Annual Report from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions - Keeping Europe's promises on Financing for Development {COM(2007) 158 final} {COM(2007) 163 final} {SEC(2007) 415}
Rapport annwali mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u L-Kumitat tar-Reġjuni - Nonoraw il-wegħdiet ta' l-Ewropa dwar il-finanzjament ta' l-Iżvilupp {KUMM(2007) 158 finali} {KUMM(2007) 163 finali} {SEG(2007) 415}
Rapport annwali mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u L-Kumitat tar-Reġjuni - Nonoraw il-wegħdiet ta' l-Ewropa dwar il-finanzjament ta' l-Iżvilupp {KUMM(2007) 158 finali} {KUMM(2007) 163 finali} {SEG(2007) 415}
/* KUMM/2007/0164 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 4.4.2007 KUMM(2007) 164 finali RAPPORT ANNWALI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI Nonoraw il-wegħdiet ta' l-Ewropa dwar il-finanzjament ta' l-Iżvilupp {KUMM(2007) 158 finali}{KUMM(2007) 163 finali}{SEG(2007) 415} WERREJ 1. Introduzzjoni 3 2. L-għajnuna mill-ue tista' tilħaq livelli rekord matul il-perjodu 2006-2010 4 2.1. Globalment, l-UE ssupperat l-għanijiet li kellha filwaqt li wħud mill-Istati Membri għad iridu jsaħħu l-isforzi tagħhom 4 2.2 Prospetti tajbin biex jintlaħqu l-miri storiċi li jmiss sa l-2010 6 2.3 Fit-triq it-tajba biex jintlaħaq l-għan tan-NU għall-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati (LDC) sa l-2010 7 2.4 Prijorità effettiva għall-Afrika 7 2.5 Imma l-isfidi tal-kritika jeħtieġ li jkunu kkonfrontati 8 3. Progress kontinwu, anke jekk bil-mod, lejn l-implimentazzjoni ta' sorsi innovattivi ta' finanzjament 9 4. Ħtieġa ta' viġilanza biex tkun żgurata sostenibilità kontinwa tad-dejn fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw 10 5. Għajnuna mill-UE għall-istrateġija kummerċjali tintegra l-impenji għall-kummerċ u l-iżvilupp 10 6. Effikaċja ta' l-għajnuna – l-UE għandha tagħmel użu aħjar mill-għodod li għandha disponibbli 10 7. Jinħtieġ li jitħaffef il-progress lejn mekkaniżmi ta' għajnuna aktar prevedibbli 12 8. Trażżin ta' l-impatt ta' xokkijiet minn barra l-pajjiż: kunċetti ġodda jixirqilhom sostenn akbar mill-istati membri 12 9. Il-ħelsien ta' l-għajnuna mill-irbit: L-iżviluppi internazzjonali ma jlaħħqux mal-progress irreġistrat mill-UE 13 10. Tisħiħ ta' l-influwenza ta' l-UE fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali (IFI) 13 11. L-ue tikkonferma l-appoġġ tagħha għall-beni pubbliċi globali (GPG) iżda ma torbotx l-interventi mar-rakkomandazzjonijiet tal-grupp speċjali internazzjonali 14 12. Konklużjonijiet ..........................................................................................................16 1. INTRODUZZJONI L-UE hija fl-ewwel post fid-dinja għall-għoti ta' l-għajnuna, u sehemha fl-għoti ta' l-għajnuna pubblika għall-iżvilupp (ODA) qiegħed jikber. Fl-istess ħin, l-Unjoni qed tidħol għal impenji ambizzjużi u għat-tul fejn għandu x'jaqsam il-finanzjament għall-iżvilupp, impenji li jridu jkunu onorati fil-ħin biex jikkontribwixxu għall-ksib ta' l-Għanijiet ta' Żvilupp għall-Millenju (MDG): - Fl-2002 l-UE ntrabtet li tilħaq il-mira ta' 0.39% tad-Dħul Gross Nazzjonali (DGN) totali tagħha għal Għajnuna Pubblika għall-Iżvilupp (ODA) sa l-2006. Fl-2006 l-UE mhux talli laħqet din il-mira imma qabżitha u b'hekk żiedet l-ODA tagħha sa 0.42% tad-DGN u fl-2006 ħarġet ħlas rekord ta' € 48 biljun[1]. Fl-2005 l-Afrika rċeviet il-parti l-aktar sostanzjali ta' l-għajnuna mill-UE. Globalment, terz ta' l-ODA ta' l-UE ntuża għal infrastruttura soċjali u amministrattiva fil-ġlieda kontra l-faqar u 10% għal għajnuna umanitarja. - Fl-2005 l-UE ffissat miri ulterjuri lejn livell kollettiv ta' 0.56% ODA/DGN sa l-2010 biex titnaqqas id-differenza fl-ammont ta' finanzjament bil-għan li saflaħħar jintaħaq il-għan ta' 0.7% sa' l-2015[2]. Dawn l-impenji storiċi jammontaw għal kważi 80% taż-żieda fl-għajnuna għall-Afrika mwiegħda mill-G8. L-UE tinsab miexja fit-triq it-tajba biex tilħaq iż-żewġ miri. - Fl-2006 Stat Membru partikolari ddedika ftit aktar minn 1% tad-DGN tiegħu lill-ODA. Tliet Membri oħra laħqu 'l fuq minn 0.8% ODA/DGN. Stati Membri oħra, li dehru li kienu qatgħu lura sa ftit tas-snin ilu rnexxielhom iżidu l-ammont ta' l-għajnuna b'mod sostanzjali. L-għaxar Stati Membri li ssieħbu fl-UE fl-2004 kollettivament irduppjaw l-għoti ta' l-għajnuna tagħhom mis-sena ta' l-adeżjoni tagħhom sallum. - L-Unjoni tinsab fuq quddiem ukoll fil-proċess internazzjonali tal-Finanzjament ta' l-Iżvilupp għaliex diġà qed timplimenta l-għoti ta' l-għajnuna tagħha b'mod aktar mgħaġġel u effiċjenti. Barra mill-iffirmar tad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-effikaċja ta' l-Għajnuna l-UE introduċiet analiżi konġunta u pjanifikazzjoni strateġika għal aktar minn darba fis-sena ta' għajnuna lill-pajjiżi pprovduta mill-KE u l-Istati Membri3 u tinsab fil-proċess li tilħaq ftehim dwar Kodiċi ta' Kondotta għat-Tqassim tax-Xogħol fil-Politika ta' l-Iżvilupp ta' l-UE[3]. Madankollu, dan il-progress ma jistax jitqies bħala fatt u ma jridux jintesew dawn il-kwistjonijiet speċifiċi li ġejjin - il-varjazzjonijiet kbar fil-baġits għall-għajnuna bejn l-Istati Membri: - l-użu ta' miżuri ta' darba li kultant jista' jagħti idea falza ta' l-andament globali tal-volum ta' l-għajnuna; - il-ħtieġa tal-ħruġ tal-ħlas ta' l-għajnuna b'mod aktar effikaċi biex ikun żgurat li l-għajnuna tasal għand dawk li jinħtiġuha Hawnhekk il-Kummissjoni qed tippreżenta l-ħames rapport annwali tagħha dwar il-progress ta' l-UE fl-implimentazzjoni ta' l-impenji storiċi miftiehma fl-2002 bi previżjoni tal-Konferenza ta' Monterrey, u ulterjorment ippreċiżati mill-Kunsill Ewropew qabel is-Samit Dinji tan-NU ta' l-2005 biex jitħaffef il-progress lejn il-ksib ta' l-Għanijiet ta' Żvilupp għall-Millenju (MDG)[4]. Barra minn hekk, l-impenji ta' l-UE jiffurmaw parti fundamentali mill-Kunsens Ewropew fil-qasam ta' l-Iżvilupp. Matul id-Djalogu tan-NU fuq Livell Għoli dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp li se jsir tard fl-2007, it-Tielet Forum ta' Livell Għoli ta' Accra dwar l-effikaċja ta' l-għajnuna u l-konferenza 'post-Monterrey' li se ssir f'Doha fl-2008 se jiġi diskuss mill-ġdid kif se tiżdied l-għajnuna u kif din se titwassal b'mod aktar effikaċi u effiċjenti. Din il-Komunikazzjoni tikkonsidra l-opinjonijiet tas-27 Stat Membru (UE-27) kif esprimewhom fit-tweġibiet tagħhom għall-kwestjonarju ta' sorveljanza tard is-sena l-oħra (2006). Analiżi dettaljata tas-sondaġġ hija mehmuża mad-Dokument ta' Ħidma tal-Kummissjoni[5]. 2. L-għajnuna mill-ue tista' tilħaq livelli rekord matul il-perjodu 2006-2010 2.1. Globalment, l-UE ssupperat l-għanijiet li kellha filwaqt li wħud mill-Istati Membri għad iridu jsaħħu l-isforzi tagħhom L-UE kisbet l-ewwel għan kollettiv intermedju tagħha fir-rigward ta' l-ODA sena qabel ma kien antiċipat jiġifieri fl-2005, u fl-2006 kkonfermat dan ir-riżultat eċċellenti: l-UE ODA flimkien ta' € 48 biljun huwa ammont li jirrappreżenta proporzjoni bejn l-ODA u l-DGN ta' 0.42%, li jaqbeż il-mira ta' 0.39%. Il-prestazzjoni kollettiva tal-15-il Stat Membru (UE-15), li fl-2002 kienu daħlu għal din il-mira waħedhom, kienet ferm iżjed impressjonanti għax dawn laħqu ż-0.43% ODA/DGN. Mingħajr dubju, is-serħan mid-dejn ta' l-Iraq u n-Niġerja kif ukoll l-għajnuna mogħtija wara t-tsunami kienu ta' kontribut għal-livell rekord ta' l-ODA milħuq mill-UE fl-2005-2006. Tabella 1: Il-livelli ta' l-ODA ta' l-UE mill-2004 u sa l-2006 [pic] ODA f'miljuni ta' € bil-prezzijiet kurrenti; Iċ-ċelluli kkuluriti fihom tagħrif fornut mill-Istati Membri filwaqt li ċ-ċelluli l-oħra huma data jew kalkoli tal-Kummissjoni; Iċ-ċifri totali ta' l-ODA u d-DGN ta' l-UE-27 fl-2004 u l-2005 ma jinkludux id-DGN tal-BG u r-RO Dawk minn ta' quddiem li jiżguraw is-suċċess ta' l-UE huma d-disa' Stati Membri li jew laħqu l-mira ta' 0.7% jew iddeċidew li jilħquha qabel l-2015. Partikolarment eċċezzjonali huwa l-impenn ta' l-Iżvezja (SE) li issa allokat 1% tad-DGN tagħha għall-għajnuna u l-Lussemburgu (LU) li se jagħmel l-istess sa l-2012. L-Istati Membri li rreġistraw livelli ta' l-ODA ferm iżjed baxxi ftit tas-snin ilu, pereżempju l-Ġermanja (DE) u Spanja (ES), urew li meta jkun hemm il-volontà politika huwa possibbli li jittella' l-livell ta' l-għajnuna. Minkejja dan, Spanja kien jonqosha EUR 142 miljun biex tilħaq il-livell ta' 0.33%. L-10 Stati Membri li daħlu l-UE fl-2004 (l-UE-10) irduppjaw l-ODA tagħhom mill-adeżjoni tagħhom 'il hawn u wrew l-impenn tagħhom fl- acquis communautaire . Il-kontribut ta' l-Unjoni kien ikun ferm aktar impressjonanti kieku l-Greċja (EL), l-Italja (IT) u l-Portugall (PT) laħqu l-mira individwali miftiehma ta' 0.33% ODA/DGN fil-ħin. Dawn il-pajjiżi wiegħdu li jilħqu mal-bqija tal-grupp sa' l-2007 (EL, PT) u l-2008 (IT), imma d-diffikultajiet li kellhom s'issa huma indikattivi tar-riskju ġenerali marbut ma' l-għajnuna "ta' darba" mogħtija f'ċerti snin (PT: ODA taħt forma ta' serħan mid-dejn għall-Angola fl-2004; IT: kontribuzzjoni lil aġenziji multilaterali fl-2005) mingħajr is-sosteniment ta' tibdiliet politiċi li jiżgura żieda progressiva fil-baġits għall-għajnuna. Biex tkun evitata żieda ulterjuri fid-differenza bejn il-prestazzjonijiet ta' l-Istati Membri fir-rigward taż-żamma tal-wegħdiet komuni jeħtieġ li l-Istati Membri li waqgħu lura u l-livell ta' l-għajnuna mingħandhom huwa taħt il-minimu jagħmlu sforz kontinwu. 2.2 . Prospetti tajbin biex jintlaħqu l-miri storiċi li jmiss sa l-2010 Kuntrarjament għall-previżjonijiet li jindikaw tnaqqis fil-livelli globali ta' l-ODA bejn l-2007 u l-2008, l-għajnuna mill-UE mistennija tiżdied matul il-perjodu 2007 – 2010 f'konformità mal-wegħda ta' l-UE għall-2010. It-titjib fil-prospettivi rigward it-tkabbir ekonomiku jfisser li l-UE tista' timmobilizza € 27–30 biljun aktar fis-sena meta mqabbla ma' l-2006, u għalhekk aktar mill-€ 20 biljun previsti fil-bidu. L-ammonti li l-Istati membri qed ibassru jibqgħu vulnerabbli għall-varjazzjonijiet fid-DGN u jistgħu għalhekk ma jilħqux il-miri ffissati. Iċ-ċifri mbassra minn diversi Stati Membri għadhom mhumiex sostnuti minn żidiet fil-baġit annwali b'mod definit, imma għadhom jiddependu minn żviluppi ad hoc. Filwaqt li għotjiet għas-serħan mid-djun saru strumentali biex jinkisbu livelli ogħla ta' l-ODA f'terminu qasir ta' żmien u sa mill-2005 kienu l-parti l-kbira ta' l-għajnuna mogħtija mill-Awstrija (AT) 'il fuq minn 50%, Franza (FR), DE, IT u UK (madwar terz mill-ODA totali għal kull wieħed minn dawn il-pajjiżi), dawn l-għajnuniet mhumiex biżżejjed fuq medda itwal ta' żmien. Biex tinżamm id-dinamika meħtieġa sabiex jintlaħqu l-livelli mmirati għall-2010, ikun xieraq li tiżdied il-mobilizzazzjoni tal-fondi programmabbli, inkluż, fejn meħtieġ, rikors għal sorsi innovattivi ta' finanzjament. Minkejja li ppjana żieda impressjonanti ta' 148% ta' l-ODA matul il-perjodu 2006-2010, il-Portugall għadu 'l bogħod milli jilħaq il-mira individwali li jmiss ta' l-UE. Barra minn hekk, uħud mill-UE-12 (l-Istati Membri li ilhom membri mill-2004) għad irid juru bid-dieher kif bi ħsiebhom iżidu ulterjorment il-volumi ta' l-għajnuna mingħandhom minn issa sa l-2010. Tabella 2: Tbassir u pretenzjonijiet għall-ilħuq tal-miri għall-2007-2010 [pic] ODA f'miljuni ta' € bil-prezzijiet kurrenti. Sors: iċ-ċelluli kkuluriti fihom tagħrif fornut mill-Istati Membri filwaqt li ċ-ċelluli l-oħra huma data jew kalkoli tal-Kummissjoni. 2.3 . Fit-triq it-tajba biex jintlaħaq l-għan tan-NU għall-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati (LDC) sa l-2010 Wara s-Samit Dinji ta' l-2005 u l-Kunsens ta' Monterrey, il-pajjiżi kollha ta' l-UE-15 jew diġà allokaw mill-inqas 0.15% ta' l-ODA/DGN lill-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati (LDC) jew għandhom l-intenzjoni li jilħqu dan il-livell sa l-2010. Sitt Stati Membri oħra huma disposti li jaqblu ma' kwota minima ta' l-ODA għal-LDCs. Ir-rabta bejn l-appoġġ għal dawk l-aktar fil-bżonn (l-LDC, dawk imċaħħda mill-għajnuna (aid "orphans") u l-Istati fraġli), it-tnaqqis fil-faqar u l-ksib ta' l-Għanijiet għall-Iżvilupp tal-Millenju se jerġgħu jkunu ċ-ċentru tal-konferenzi li se jsiru f'Accra u Doha fl-2008. 2.4 . Prijorità effettiva għall-Afrika Mill-2002 l-għajnuna annwali ta' l-Ewropa lill-Afrika rduppjat u fl-2005 kienet laħqet kważi l-€ 14-il biljun. Kważi nofs l-għajnuna mill-UE diġà tmur għall-Afrika, u nofs l-għajnuna ta' l-Unjoni mwiegħda bħala żieda fuq il-volumi ta' l-ODA ta' l-2006 twiegħed fuq bażi annwali lill-kontinent Afrikan bħala parti mill-istrateġija UE-Afrika. Fix-xhur li jmiss ta' din is-sena, meta tkun disponibbli l-istatistika OECD/DAC dwar l-ODA ta' l-2006, il-Kummissjoni se toħroġ grafika ta' riferiment għall-valutazzjoni ta' l-allokazzjonijiet ġejjiena ta' l-UE għall-Afrika. Konformi mal-previżjoni globali taż-żieda fl-għajnuna mill-UE, il-previżjoni għal allokazzjoni ta' € 10 biljun jew aktar ta' għajnuna kombinata mill-UE għall-Afrika hija promettenti. 2.5 . Imma l-isfidi tal-kritika jeħtieġ li jkunu kkonfrontati Sabiex jintwera aktar bid-dieher li l-UE żżomm il-wegħdiet tagħha dwar il-finanzjament ta' l-iżvilupp, u li tinsab fuq quddiem nett fil-forniment ta' l-għajnuna b'mod aktar effiċjenti u effikaċi, dawn l-aspetti li ġejjin jeħtieġu attenzjoni: - Il- prevedibilità għat-tul tal-flussi ta' l-għajnuna hija fundamentali għall-ksib ta' l-MDGs. Filwaqt li wħud mill-Istati Membri qed jaġixxu fuq pjani nazzjonali biex progressivament iżidu l-għajnuna tagħhom, il-flussi ta' l-ODA ta' Stati Membri oħrajn huma aktar varjabbli, fil-kwantità jew fil-kompożizzjoni tagħhom. Fid-dawl ta' dan, huwa indispensabbli li l-Istati Membri kollha jfasslu skedi ta' skadenzi nazzjonali, sa l-aħħar ta' l-2007, biex jiżguraw żieda progressiva fil-livelli ta' għajnuna fuq bażi annwali . - B'mod partikolari dawk l-Istati Membri li la laħqu l-miri ta' l-2006 u anqas ħejjew biex jaslu għall-miri storiċi ta' l-2010 jeħtiġilhom jagħtu provi aktar konvinċenti tal-miżuri li bi ħsiebhom jadottaw biex jagħlqu d-distakk li fadal fl-ispirtu ta' qsim ġust tal-piż bejn l-Istati Membri . L-impenji tagħhom għandhom ikunu sostnuti minn attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni aktar intensivi li jiżguraw il-kunsens ta' l-opinjoni pubblika dwar iż-żieda fil-volumi ta' l-għajnuna . Il-Kummissjoni diġà qed tappoġġja dan il-proċess. - Żieda fl-ammont ta' serħan mid-dejn : fl-2005, il-volumi netti ta' l-ODA esklużi l-għotjiet għas-serħan mid-dejn ta' dawk it-tliet Stati Membri li flimkien jirrappreżentaw 55% ta' l-għajnuna totali ta' l-UE, jew naqsu (DE –5.5%, FR –0.7%) jew żdiedu biss (UK +0.9%). Dan jidher li jmur kontra l-Kunsens ta' Monterrey u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' April 2006[6]. - Sabiex tkun żgurata l-komparabilità tal-volumi ta' għajnuna l-Istati Membri jeħtieġu jsaħħu l-kapaċitajiet u l-metodi ta' rapurtaġġ tagħhom fir-rigward ta' l-ODA. Il-pajjiżi ta' l-UE membri tal-Kumitat ta' l-Għajnuna għall-Iżvilupp (DAC) għandhom jitolbu lil dan il-korp (DAC) biex jadatta l-istrateġija ta' diffużjoni tiegħu fir-rigward tad- donaturi emerġenti jiġifieri t-12-il pajjiż ta' l-UE li mhumiex membri tad-DAC ; il-Kummissjoni tista' tgħin f'dan il-proċess. - Preparazzjoni għall-użu effikaċi u effiċjenti tal-volumi ta' għajnuna li qed jiżdiedu b'mod imgħaġġel : L-Istati Membri se jipprovdu 90% ta' l-għajnuna ulterjuri mill-UE fuq livell bilaterali. Billi l-għajnuna programmabbli suppost hija l-ikbar parti mill-għajnuna, id-donaturi ta' l-UE jridu b'mod urġenti jeżaminaw l-istrutturi u l-modalitajiet operattivi tagħhom biex ifornu aktar għajnuna u jwassluha b'mod aħjar u aktar malajr. Dan il-proċess jeħtieġ li jinkludi: - pjani nazzjonali biex tissaħħaħ il-kapaċità għall-implimentazzjoni ta' volumi akbar ta' l-ODA, għaliex jekk ma jsirx hekk it-tkabbir fil-volumi jibqa' kwistjoni ta' impenn, imma l-forniment tal-finanzi jista' jaqa' lura; - l- applikazzjoni prattika u ta' malajr tal- Kodiċi ta' Kondotta għat-Tqassim tax-Xogħol fil-Politika ta' Żvilupp ta' l-UE li huwa imminenti; - użu akbar tal-kanali differenti għall-forniment tal-finanzi, bħal mhuma l-istrumenti Ewropej komuni li jinħolqu bħala riżultat tal-Kunsens Ewropew biex - ikunu implimentati l-għanijiet politiċi komuni , bħal mhuma l-istrateġija UE-Afrika jew il-Ftehimiet ambizzjużi ta' Partenarjat/Assoċjazzjoni ta' l-UE, pereżempju permezz ta' kontribuzzjonijiet volontarji għall-Fond Fiduċjarju ta' l-UE għall-Infrastruttura fl-Afrika ; - ikun hemm rispons għall-isfidi globali konnessi, pereżempju, mal-kriżijiet esterni bħal mhuma t-tibdil fil-klima, id-diżastri naturali, il-varjazzjonijiet fil-prezzijiet tal-materja prima jew it-thedid l-iżjed perikoluż għas-saħħa pubblika jew ta' l-annimali; - ikun iffaċilitat il-forniment ta' l-impenji konġunti ta' l-UE, pereżempju l-għajnuna għall-kummerċ; u li jikkontribwixxu biex itejbu l-profil u l-viżibilità ta' l-UE fid-dinja. 3. Progress kontinwu, anke jekk bil-mod, lejn l-implimentazzjoni ta' sorsi innovattivi ta' finanzjament Il-progress li sar fl-2006 kien ibbażat fuq sforzi konsiderevoli minn uħud mill-Istati Membri ta' l-UE li rnexxielhom ukoll jinvolvu l-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi. FR u UK iddeċidew li b'mod konġunt jiddedikaw dħul annwali stmat li jlaħħaq aktar minn € 200 miljun minn taxxa fuq il-biljetti ta' l-ajru għall-Fond Internazzjonali għax-Xiri tal-Mediċini (UNITAID). UK, FR, IT, ES u SE (flimkien man-Norveġja) ġabru l-ewwel US$ 1 biljun mis-swieq finanzjarji għall-Faċilità Internazzjonali għall-Finanzjament ta' l-Immunizzazzjoni (IFFIm) għat-tilqim tat-tfal. Reċentement, UK u IT (flimkien mal-Kanada, in-Norveġja, ir-Russja u l-Bill & Melinda Gates Foundation) nidew l-ewwel Impenn Bikri tas-Suq (AMC) biex jitħaffef l-iżvilupp u l-introduzzjoni fis-suq ta' vaċċin ġdid kontra l-marda tal-pnewmokokku fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; barra minn hekk qed jiġi kkunsidrat proġett pilota għal vaċċin kontra l-malarja. L-istrumenti l-ġodda jipprovdu sorsi ta' finanzjament stabbli u prevedibbli. L-ikbar vantaġġ tagħhom huwa li jiggarantixxu impenji baġitarji għal medda twila ta' żmien. Dan, madankollu, jista' jkun ifisser spejjeż operattivi ulterjuri u li jkunu meħtieġa sforzi amministrattivi u politiċi konsiderevoli. Il-parti l-kbira tad-dħul li jiġi minn mekkaniżmi innovottivi tkun fornuta permezz ta' kanali eżistenti u organizzazzjonijiet li għandhom l-esperjenza fix-xogħol fil-qasam tas-saħħa f'pajjiżi li qed jiżviluppaw. Għalkemm dan jevita l-ħolqien ta' strutturi paralleli, jibqa' sfida x-xogħol biex dawn l-inizjattivi jinġiebu konformi ma' l-istrateġiji għas-saħħa ta' pajjiżi msieħba. Il-parti l-kbira ta' l-Istati Membri ta' l-UE mhumiex qed jikkunsidraw partiċipazzjoni effettiva f'sorsi innovattivi għall-ġejjieni prevedibbli, la għal għanijiet ta' żvilupp u anqas għal beni pubbliċi globali. Il-Kummissjoni tqawwi qalb l-Istati Membri li għadhom mhuma jipparteċipaw fl-ebda waħda mill-inizjattivi biex jissuktaw bl-analizzar ta' l-effikaċja tagħhom bil-għan li possibbilment iwessgħu l-parteċipazzjoni tagħhom u jimmobilizzaw sorsi ta' finanzjament ulterjuri u aktar stabbli. Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li s-sorsi innovattivi ma jistgħux jissostitwixxu l-ODA u tirrakkomanda li l-isforzi ta' l-Istati Membri biex jimplimentaw sorsi innovattivi ta' finanzjament ma jaljenawhomx minn prijoritajiet importanti oħra ta' finanzjament ta' l-iżvilupp. 4. Ħtieġa ta' viġilanza biex tkun żgurata sostenibilità kontinwa tad-dejn fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw Tkompliet l-implimentazzjoni ta' l-Inizjattiva għall-Pajjiżi Fqar b'Dejn Kbir (HIPC) filwaqt li baqgħu għaddejja l-miżuri straordinarji tas-serħan mid-dejn (l-Iraq, in-Niġerja). L-Inizjattiva Multilaterali tas-Serħan mid-Dejn (MDRI) tirfed l-isforzi biex id-dejn ta' l-HIPC jkompli jitnaqqas permezz tat-tħassir totali tad-dejn fil-konfront ta' l-Assoċjazzjoni Internazzjonali għal-Iżvilupp ( IDA , WB), il- Fond Afrikan għall-Iżvilupp u l- IMF , iżda ma tkoprix is-self pendenti mill-Bank ta' l-Iżvilupp Inter-Amerikan u minn banek oħra ta' żvilupp reġjonali. Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi azzjoni aktar inċiżiva u kkoordinata fuq livell internazzjonali biex tingħata għajnuna lil dawk il-pajjiżi bi dħul baxx fl-isforzi tagħhom biex jevitaw sitwazzjonijiet ta' djun mhux sostenibbli. Dawn l-impenji għandhom jinkludu ġestjoni aħjar tad-dejn, jinvolvu pajjiżi kredituri ġodda fid-dibattitu dwar il-qafas tas-sostenibilità tad-dejn u jindirizzaw il-problema tal- free riding (jiġifieri l-possibbiltà li s-serħan mid-dejn ikun ta' sussidju trażversali għall-finanzjaturi li joffru self mingħajr kundizzjonijiet privileġġjati lill-pajjiżi post-HIPC). Il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill jistieden lill-Istati Membri biex jirriflettu b'mod aktar profond, fil-fora internazzjonali xierqa, kif għandhom jippromwovu l-għoti u t-teħid responsabbli tas-self partikolarment billi tittejjeb l-ġestjoni tad-dejn tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jkun promoss djalogu ma' finanzjaturi ġodda. 5. Għajnuna mill-UE għall-istrateġija kummerċjali tintegra l-impenji għall-kummerċ u l-iżvilupp Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Kunsill u l-Parlament Ewropew jappoġġjaw il-proposti ppreżentati fil-Komunikazzjoni 'Towards an EU Aid for Trade strategy – the Commission contribution' [7] . 6. EFFIKAċJA TA' L-GħAJNUNA – L-UE GħANDHA TAGħMEL UżU AħJAR MILL-GħODOD LI GħANDHA DISPONIBBLI L-effikaċja ta' l-għajnuna tinsab fiċ-ċentru ta' l-aġenda politika ta' l-UE u tissemma fl-inizjattivi kollha. Il-parti l-kbira ta' l-għanijiet marbutin ma' skadenzi preċiżi li jirrigwardaw il-Pjan ta' Azzjoni għall-Effikaċja ta' l-Għajnuna msejjaħ "Forni aktar għajnuna b'mod aktar effikaċi u mgħaġġel" diġà tlestiet jew tinsab fil-fażi ta' tkomplija: (1) Se jkun implimentat progressivament fil-pajjiżi kollha ppjanar strateġiku multi-annwali konġunt bħala mezz biex tittejjeb il-komplimentarità. Konformi mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' April 2006, din inbdiet fil-pajjiżi ta' l-ACP fejn il-programmazzjoni ta' l-għaxar EDF ipprovdiet opportunità għall-promozzjoni ta' programmazzjoni konġunta ma' donaturi oħra fis-settur. L-esperjenzi jvarjaw konsiderevolment fejn jirrigwarda l-istat tal-progress u l-parteċipazzjoni tad-donaturi. L-użu ta' mekkaniżmi ta' koordinament effikaċi ħaffef l-elaborazzjoni ta' analiżi komuni tas-sitwazzjonijiet f'kull pajjiż individwali . L-abbozzar ta' strateġiji komuni ta' rispons ukoll qed jimmaterjalizza progressivament f'bosta mill-pajjiżi magħżula[8] bħar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), ir-Repubblika Dominikana, l-Etjopja, il-Gana, Ħaiti, il-Kenja, Mali, Sierra Leone, is-Somalja, l-Afrika t'Isfel, it-Tanżanija, l-Uganda u ż-Żambja. Imsejsa fuq in-natura flessibbli u gradwali tal-programmazzjoni konġunta, il-proċessi jiġu adattati għas-sitwazzjonijiet speċifiċi ta' kull pajjiż u, fejn rilevanti, jintużaw proċessi oħrajn bħall–Istrateġiji Komuni ta' Għajnuna. Minħabba n-natura evoluttiva tal-proċess, din id- data hija soġġetta għal tibdil kontinwu. Madankollu, din id- data turi li, minkejja għadd ta' kisbiet sinifikanti, il-progress inżamm lura minħabba n-natura eteroġenja tal-mekkaniżmi ta' programmazzjoni ta' l-Istati Membri u d-differenza eżistenti bejn il-pożizzjonijiet espressi mill-livell ċentrali u dawk ta' l-operaturi ta' fuq il-post. Sabiex tgħin biex jingħelbu l-ostakli, tipprovdi appoġġ tekniku u ttejjeb ir-rabtiet bejn il-livell ċentrali u l-operaturi ta' fuq il-post, il-Kummissjoni organizzat missjonijiet konġunti, f'pajjiżi bħal Ħaiti u s-Somalja, u ħolqot netwerk speċifiku għall-esperti mill-UE. (2) Il- Kodiċi ta' Kondotta biex ikun promoss it- Tqassim tax-Xogħol fost id-donaturi ta' l-UE mistenni li jkun adottat mill-Kunsill f'Mejju 2007. (3) L-ewwel edizzjoni tal- Jiem Ewropej ta' l-Iżvilupp ġiet organizzata b'suċċess f'Novembru 2006 u issa se tibda ssir kull sena. (4) Ħareġ l- Atlas tad-Donaturi ta' l-UE ; il-ħruġ jinkludi l-ewwel edizzjonijiet reġjonali (l-Afrika tal-Punent) u nazzjonali (il-Możambik). (5) Ġie ffissat il-livell minimu għall- erba' impenji ulterjuri ta' l-UE fir-rigward tad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi, permezz ta' Pjan ta' Azzjoni ta' l-UE għall-armonizzazzjoni li janalizza l-metodi lokali fir-rigward ta' l-effikaċja ta' l-għajnuna. Il-Kummissjoni terġa' tistqarr l-intenzjoni tagħha li tilħaq il-għan ta' 50% ffissat għall-għajnuna bl-użu tas-sistemi nazzjonali permezz ta' sostenn baġitarju. (6) Ġew eleminati l- ostakli kollha għall-kofinanzjament skond ir-regoli ta' l-UE. 7. JINħTIEġ LI JITħAFFEF IL-PROGRESS LEJN MEKKANIżMI TA' GħAJNUNA AKTAR PREVEDIBBLI Is-sostenn baġitarju, l-istrument ewlieni rikonoxxut li jiżgura lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw sostenn għal perjodu medju ta' żmien imsejjes fuq riżultati politiċi, jibqa' strument favorit ma' tlettax-il Stat Membru. Qiegħda dejjem tikber ir-rieda ta' wħud minn dawn l-Istati Membri biex jikkunsidraw li s-sostenn baġitarju ġenerali jiżdied ma' dak settorjali. Il-Kummissjoni qed tiżviluppa l-kunċett ta' sostenn baġitarju ġenerali bħala mod possibbli biex tiżdied li prevedibilità ta' l-għajnuna billi jiġu inkorporati kriterji ċari ta' eliġibilità u konċentrazzjoni fuq ir-riżultati. Is-sostenn baġitarju għandu jissejjes fuq mekkaniżmi li jiżguraw tagħrif responsabbiltà a posteriori . Soluzzjoni waħda tista' tkun sostenn baġitarju tul medda ta' żmien itwal li jiggarantixxi ċerti livelli ta' sostenn annwali u li jkun soġġett għal klawżoli ta' salvagwardja. 8. Trażżin ta' l-impatt ta' xokkijiet minn barra l-pajjiż: kunċetti ġodda jixirqilhom sostenn akbar mill-istati membri Għan komuni tal-politika ta' żvilupp ta' l-UE hu li tiżdied il-kapaċità tar-reżistenza tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għall-kriżijiet ekonomiċi esterni (il-vulnerabilità tal-prezzijiet) u l-fenomeni naturali (diżastri, tibdil fil-klima u pandemiji). Fl-2006 inħolqu u ġew ippruvati għodod għal dan, imma dawn ingħataw ftit li xejn attenzjoni u s'issa l-progress għadu limitat. - Vulnerabilità tad-dħul: L-Olanda (NL u l- Komunità (KE) qegħdin iġeddu l-appoġġ tagħhom għall-Grupp għall-Ġestjoni tar-Riskji konnessi mal-Materja Prima (CRMG) tal-Bank Dinji, u dan wera kemm hu fattibbli l-użu ta' strumenti msejsa fuq is-suq biex jitnaqqsu r-riskji relatati mal-movimenti tal-prezzijiet esterni. FR żviluppat inizjattivi għall-ġestjoni tar-riskji relatati mal-qoton u qed tikkunsidra l-introduzzjoni ta' mekkaniżmu integrat ġdid f'pajjiżi magħżula fejn qed tinbet azzjoni komuni tad-donaturi. - " Tnaqqis tar-riskju tad-diżastri" (DRR): Fl-2005-2006 l- UE nefqet 'il fuq minn € 3.5 biljun għas-sostenn f'każi ta' diżastri, li tlieta fil-mija biss minn dawn il-flus marru għal għajnuna ex-ante . L-interess f'azzjonijiet strateġiċi ta' natura usa' għall-preparazzjoni għad-diżastri qed jiżdied imma jinħtieġ appoġġ ferm aqwa mill-Istati Membri. Sabiex toffri approċċ komuni, fl-2008 l-Kummissjoni se tipproponi "strateġija konġunta ta' l-UE għad-DRR" filwaqt li tibni fuq l-esperjenza disponibbli (pereżempju mid-disa' EDF għad-Diżastri naturali) u li tkun konformi ma' l-inizjattivi internazzjonali. - Il-mekkaniżmu Komunitarju FLEX għall-pajjiżi ta' l-ACP jimmira biex jissalvagwardja r-riformi li jistgħu jkunu fil-periklu bir-riżultat ta' flattwazzjonijiet fuq medda qasira ta' żmien fid-dħul mill-esportazzjoni. Se jiġu diskussi ma' l-Istati Membri u l-grupp ta' l-ACP proposti biex l-għajnuna FLEX tkun disponibbli aktar kmieni u iżjed faċilment bil-għan li tintrifed in-natura antiċiklika tal-mekkaniżmu. Il-Kumissjoni tissuġġerixxi li l-Istati Membri: - joħolqu bilanċ aħjar bejn ir-rispons ex-post għad-diżastri naturali u l-istrateġiji ex-ante għat-tnaqqis tar-riskji fuq il-bażi ta' azzjoni komuni ta' l-UE għall-prevenzjoni tad-diżastri u l-preparazzjoni għalihom; - isaħħu l-appoġġ tagħhom għall-esperimentazzjoni/iż-żieda fl-iskala fir-rigward ta' strumenti u metodi ġodda biex jitnaqqsu l-effetti negattivi tax-xokkijiet esterni fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, billi ssir distinzjoni bejn ir-rispons imsejjes fuq is-suq għax-xokkijiet li jiġu mill-varjazzjonijiet fil-prezzijiet internazzjonali u l-isforzi biex jitnaqqsu x-xokkijiet ikkawżati mid-diżastri naturali; - Jipparteċipaw b'mod attiv fil-Grupp Speċjali Internazzjonali għall-Ġestjoni tar-Riskji relatati mal-Materja Prima biex jittejjeb l-iskambju ta' tagħrif dwar metodi ġodda ta' ġestjoni tar-riskji. 9. Il-ħelsien ta' l-għajnuna mill-irbit: L-iżviluppi internazzjonali ma jlaħħqux mal-progress irreġistrat mill-UE Il-volum ta' għajnuna li l-UE qed teħles mill-irbit qed jikber. Il-parti l-kbira ta' l-Istati Membri li huma donaturi tad-DAC ħelsu (kważi) l-ODA tagħhom kollha. Oħrajn introduċew miżuri ġodda biex jeħilsu parti mill-għajnuna tagħhom. Uħud mill-EU-10 bdew jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tad-DAC dwar il-ħelsien ta' l-għajnuna mill-irbit indirizzata lil-LDC. L-użu dejjem aktar jikber tas-sostenn baġitarju jikkontribwixxu wkoll għat-titjib fil-prestazzjoni ta' l-Unjoni fejn tidħol għajnuna kombinata għall-iżvilupp. L-Istati Membri huma mistiedna jimxu lejn ħelsien sħiħ tal-ħelsien mill-irbit ta' l-għajnuna tagħhom. Billi r- regoli Komunitarji tas-suq intern japplikaw għall-ODA ta' l-Istati Membri , il-Kummissjoni tafferma li huwa dmirha li ssegwi kwalunkwe ksur f'dan ir-rigward. L-Istati Membri li jinsabu fil-proċess tal-bini tas-sistemi tagħhom ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp, partikolarment l-iskemi tagħhom għall-appalti, jeħtieġu jeħilsu l-għajnuna tagħhom mill-irbit fejn għandhom x'jaqsmu l-Istati Membri l-oħrajn kollha. Fl-2006 l-KE ttrasponiet ir-regolamenti tal-ħelsien mill-irbit ta' l-għajnuna fl-istrumenti finanzjarji ta' kooperazzjoni l-ġodda tal-baġit Komunitarju; f'dan il-kuntest inħeles ukoll is-sostenn għall-atturi mhux statali. Il-Kummissjoni tirreaġixxi b'mod pożittiv għall-estenzjoni ta' l-ambitu tar-Rakkomandazzjoni tad-DAC (billi tniżżel il-livell għall-applikazzjoni tagħha), wara snin ta' staġnar, u tħeġġeġ li jkun hemm aktar progress, jiġifieri li jkun hemm ċaqliq minn approċċ kummerċjali limitat għall-kwistjoni ta' aċċess reċiproku bejn id-donaturi għal wieħed aktar favorevoli għall-fqar iċċentrat fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Dan jeħtieġ estenzjoni ulterjuri tar-Rakkomandazzjoni tad-DAC (prijorità lill-aċċess għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw; promozzjoni tal-preferenzi lokali). Il-Kummissjoni tfakkar li l-UE għandha ftehim biex fil-fora internazzjonali rilevanti tkompli tippromwovi l- ħelsien mill-irbit ta' l-għajnuna relatata ma' l-ikel u t-trasport . 10. Tisħiħ ta' l-influwenza ta' l-UE fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali (IFI) Minkejja r-ritmu varjabbli ta' progress li ġie rreġistrat, ir-rwol ta' koordinazzjoni li għandha l-UE fl-ambitu tal-Bank Dinji u l-IMF kiber. B'mod partikolari d-Diretturi Eżekuttivi ta' l-UE sallum ħarġu madwar 40 stqarrija konġunta f'kuntest ta' koordinament informali u b'hekk żdiedu b'mod konsiderevoli l-viżibilità u l-influwenza ta' l-UE. Pożizzjonijiet konġunti mill-Istati Membri ta' l-UE jidher li huma essenzjali biex ikomplu jkabbru l-viżibilità u l-influwenza ta' l-Unjoni fl-IFI. Koordinament aħjar ta' l-UE fl-IFI jistrieħ l-aktar fuq djalogu aktar intensiv u skambju tat-tagħrif aktar ta' spiss. Id-Diretturi Eżekuttivi ta' l-UE fil-Bank Dinji u l-IMF jiltaqgħu darba fil-ġimgħa biex jiddiskutu kwistjonijiet relatati ma' l-ordni tal-ġurnata tal-Bord u fejn possibbli jiddeċiedu fuq pożizzjonijiet komuni; il-Kummissjoni qed tiffaċilita din il-koordinazzjoni u bi ħsiebha tipprovdi aktar sostenn. Hemm lok għat-titjib fil-koordinazzjoni ta' l-UE fl-IMF, partikolarment f'Washington. Il-Kummissjoni kienet ukoll stiednet fl-2007 fi Brussell lid-Diretturi Eżekuttivi ta' l-UE tat-tliet banek prinċipali ta' l-iżvilupp reġjonali (il-Banek ta' l-Iżvilupp Afrikan, Ażjatiku u Inter-Amerikan) biex jittejbu l-koordinament mal-Kummissjoni u d-djalogu bejniethom. Il-laqgħa kienet utli u laqgħat simili se jibqgħu jsiru regolarment. Il-Kummissjoni tipproponi wkoll - l-organizzazzjoni sistematika ta' laqgħat ta' koordinament tad-Diretturi Eżekuttivi ta' l-UE, bil-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni, fil-Bank Dinji u l-IMF bil-għan li jkunu adottati stqarrijiet Ewropej komuni dwar kwistjonijiet tal-Bord b'mod spiss kemm jista' jkun; - it-titjib fil-koordinament ta' l-UE qabel il-Laqgħa Annwali jew tar-Rebbiegħa; li l-Kummissjoni tkun disposta biex tforni l-appoġġ meħtieġ għal dan il-għan; - l-iskambju ta' tagħrif u dokumenti bejn id-Diretturi Eżekuttivi ta' l-UE u l-Kummissjoni, inkluża t-trażmissjoni fil-ħin u regolari tad-dokumenti lill-Kummissjoni tal-Bord ta' l-IFI (inklużi l-banek ta' l-iżvilupp reġjonali); - ir-rinfurzar tal-leħen Ewropew fil-Bank Dinji filwaqt li fl-istess ħin tingħata aktar vuċi lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw. 11. L-ue tikkonferma l-appoġġ tagħha għall-beni pubbliċi globali (GPG) iżda ma torbotx l-interventi mar-rakkomandazzjonijiet tal-grupp speċjali internazzjonali Ir-Rapport tal-Grupp Speċjali Internazzjonali dwar il-GPG – Meeting Global Challenges – ġie ppubblikat f'Settembru ta' l-2006. Komplessivament, l-ewwel reazzjoni ta' l-Istati Membri ta' l-UE tidher li kienet li r-rapport ibati minħabba l-ittardjar biex ġiet ffinalizzat u l-profil baxx li kien ingħatalu. Filwaqt li kienu jafu bil-parti l-kbira tal-kontenut tar-rapport, l-Istati Membri mhumiex konvinti li r-rapport ikkontribwixxa b'mod sostanzjali għad-dibattitu dwar il-GPG. Il-Kummissjoni tissimpatizza ma' din il-perspettiva, għalkemm tirrikonoxxi li l-Grupp Speċjali kien għamel ħafna xogħol ta' analiżi u organizza konsultazzjonijiet ma' firxa wiesgħa ta' atturi differenti. Hemm qbil ġenerali dwar il-prijorità tal-GPG individwati mill-Grupp Speċjali, speċjalment fil-qasam tas- saħħa u l- ambjent , imma fil-prinċipju dan l-appoġġ mhux sostnut minn pożizzjonijiet b'saħħithom dwar finanzjamenti speċifiċi għall-beni pubbliċi globali. Il-parti l-kbira ta' l-Istati Membri jaqblu dwar il-ħtieġa ta' riforma tas-sistema tan-NU, konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet tal-Panel ta' Livell Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Koerenza ta' l-entità tas-Sistema, biex tissaħħaħ it-trasparenza ta' l-operazzjonijiet u l-kontabilità ġenerali; imma ma jeżistix appoġġ għall-proposta ewlenija tar-rapport biex tittejjeb il-ġestjoni globali, jiġifieri l-forum tal-Global 25. Dwar l-istrateġija tal-Grupp Speċjali għall- finanzjament tal-GPG ttieħdu pożizzjonijiet kontrastanti: il-maġġoranza ta' l-Istati Membri hija favur uħud mill-proposti, li huma sempliċi u diġà jeżisti qbil dwarhom internazzjonalment. Oħrajn li huma rakkomandazzjonijiet aktar innovattivi, li jippruvaw iħollu l-GPG minn ma' l-għajnuna għall-iżvilupp, jeħtieġu l-attenzjoni, imma ftit wisq mill-Istati Membri urew appoġġ għalihom. Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq u ta' l-analiżi tar-rapport magħmul mill-Kummissjoni nnifisha, jidher li l-proposti tal-Grupp Speċjali bħalissa mhumiex jiġbdu ħafna interess min-naħa ta' l-UE. Għaldaqstant ikun prematur u kontroproduttiv li jiġi stabbilit Pjan ta' Azzjoni ta' l-UE għal tkabbir fil-forniment u l-finanzjament tal-GPG f'dan il-mument. Minkejja din l-evalwazzjoni, l-UE rreġistrat progress notevoli fit-tkabbir tal-forniment ta' prijotitajiet tal-GPG, bħal pereżempju fis-setturi tas-saħħa u l-ambjent, u qed tkompli tassumi r-rwol ta' "mexxejja responsabbli" kif il-Grupp Speċjali argumenta bis-saħħa. Fil-ġejjieni, l-opportunità għal inizjattiva globali għall-GPG tista' terġa' tkun eżaminata. Sadattant, il-Kummissjoni se tintensifika l-azzjoni tagħha għall-GPG ambjentali permezz ta' kollaborazzjoni aktar b'saħħitha mmirata għall-ħolqien ta' allejanzi mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Din il-kollaborazzjoni aktar b'saħħitha timmira għat-tieni fażi tal-Protokoll ta' Kjoto (post-2012) li mistenni li jkollu għanijiet differenti, pereżempju li jkun kompatibbli kemm mal-ksib ta' l-MDG kif ukoll mat-trażżin tat-tisħin tal-klima. 12. KONKLUżJONIJIET Ir-riżultati globali ta' l-ODA ta' l-UE għall-2006 qabżu dak li kien mistenni, imma wħud mill-Istati Membri għad iridu jirkupraw u jilħqu l-livelli minimi miftiehma. Il-prospetti globali li sa l-2010 l-UE tilħaq l-għanijiet storiċi li jmiss fir-rigward ta' l-ODA huma tajbin bil-kundizzjoni li jiġu indirizzati kwistjonijiet bażiċi li għandhom x'jaqsmu mas-sosteniment tal-kredibilità ta' l-UE bħala l-ikbar fornitur tal-finanzjament ta' l-iżvilupp u li jkun żgurat appoġġ ikbar mill-opinjoni pubblika. L-applikazzjoni mgħaġġla tal-Kodiċi ta' Kondotta ta' l-UE dwar it-Tqassim ta' Ħidma fil-Politika ta' l-Iżvilupp hija l-aqwa opportunità għal qabża kbira 'l quddiem fejn jirrigwarda l-effikaċja ta' l-għajnuna mogħtija mill-UE. Il-kwistjoni tar-rabta bejn il-kummerċ u l-iżvilupp trid tiġi indirizzata fl-ambitu ta' l-Istrateġija Komuni ta' l-UE għall-Għajnuna għall-Kummerċ, u dan jinħtieġ segwiment kredibbli mill-partijiet kollha interessati. Minkejja l-progress globali rreġistrat, ukoll jekk ir-ritmu jvarja, fir-rigward il-parti l-kbira ta' l-impenji ta' l-UE, huma meħtieġa sforzi akbar u parteċipazzjoni aktar attiva f'diversi oqsma min-naħa ta' l-Istati Membri, pereżempju fejn jidħol is-sostenn baġitarju u l-proposti biex jitnaqqas l-impatt tax-xokkijiet minn barra l-pajjiż. [1] Biex sa l-2006 jipprovdu kollettivament mill-inqas 0.39% tad-DGN ta' l-UE bħala ODA, l-Istati Membri ntrabtu li jżidu l-ODA tagħhom; dawk b'ODA ta' 0.7% ODA/DGN ntrabtu li jżommu l-livelli għoljin; l-Istati Membri l-oħra kollha ntrabtu li jilħqu almenu l-livell ta' 0.33% ODA/DGN. [2] It-tieni mira kollettiva intermedja għall-2010 hija msejsa fuq miri minimi individwali jiġifieri l-Istati Membri li jkunu għadhom ma laħqux ODA ta' 0.51% tal-PGN tagħhom jintrabtu li jilħqu dan il-livell; l-Istati Membri jintrabtu li jilħqu l-mira ta' 0.7% ODA/DGN sa l-2015 u dawk li laħqu dik il-mira jintrabtu li jżommu 'l fuq minn dak il-livell; l-Istati Membri li ssieħbu fl-UE wara l-2002 jistinkaw biex, sa l-2010, jilħqu jew iżommu minimu ta' 0.17% ODA/DGN u ta' 0.33% sa l-2015. Dan l-impenn hu marbut mal-wegħda biex jiġi pprovdut b'mod kollettiv mill-inqas ħamsin fil-mija taż-żieda miftiehma ta' l-ODA lill-Afrika 3 Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' April 2006. ' Il-finanzjament għall-Iżvilupp u l-Effikaċja ta' l-Għajnuna: Forniment aktar, aħjar u b'akbar ħeffa'. [3] Imsejsa fuq il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew - KUMM(2007) 72 tat-28.2.2007. [4] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Mejju 2005. 'Għanijiet għall-Iżvilupp tal-Millenju: Il-kontribuzzjoni ta' l-UE għall-Eżami mill-ġdid ta' l-MDG's fil-Laqgħa ta' Livell Għoli tan-NU ta' l-2005' . Il-wegħdiet ta' l-UE jinkludu wkoll impenji ulterjuri fir-rigward ta' sorsi innovattivi ta' finanzjament għall-iżvilupp, serħan mid-djun u Beni Pubbliċi Globali, koordinament aħjar u aktar effikaċja fl-għoti ta' l-għajnuna, inklużi mekkaniżmi ta' għajnuna aktar prevedibbli, trażżin ta' xokkijiet minn barra l-pajjiż, għajnuniet maħlulin u r-riforma ta' l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali [5] Financing for Development from Monterrey 2002 to Doha 2008 - Progress report 2007 - SEC(2007) 415. [6] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' April 2006, nota 1 f'qiegħ il-paġna paragrafu 24. [7] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - KUMM(2007163 ta' l-4.4.2007. [8] Skond il-kriterji tal-Kunsill (il-Konklużjoni 51 tal-Kunsill): "a) l-eżistenza ta' Strateġija għat-Tnaqqis tal-Faqar jew ta' strateġija ekwivalenti, b) l-eżistenza ta' għadd biżżejjed ta' donaturi attivi mill-UE, li jirrevedu l-programmazzjoni, ċ) l-eżistenza ta' proċessi lokali ta' koordinament, d) attenzjoni partikolari għall-Istati fraġli, u e) valutazzjoni pożittiva fuq il-post".