EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0146

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI i2010 - Rapport dwar is-Soċjetà ta l-Informazzjoni ghall-2007 {SEG(2007) 395} {Volumes 1, 2, 3}

/* KUMM/2007/0146 finali */

52007DC0146

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI i2010 - Rapport dwar is-Soċjetà ta l-Informazzjoni ghall-2007 {SEG(2007) 395} {Volumes 1, 2, 3} /* KUMM/2007/0146 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 30.3.2007

KUMM(2007) 146 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

i2010 - Rapport dwar is-Soċjetà ta l-Informazzjoni ghall-2007 {SEG(2007) 395}{Volumes 1, 2, 3}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

i2010 - Rapport dwar is-Soċjetà ta l-Informazzjoni ghall-2007

WERREJ

1. Introduzzjoni 3

2. Żviluppi fis-soċjetà ta' l-informazzjoni matul l-2006 3

3. L-implimentazzjoni ta' l-i2010 fl-2006 u azzjonijiet għall-2007/2008 4

3.1. Spazju għall-informazzjoni 4

3.2. Innovazzjoni u l-R&D fl-ICT 6

3.3. Inklużjoni, servizzi pubbliċi u kwalità ta' ħajja aħjar 7

4. Identifikazzjoni tax-xejriet tal-futur 9

5. Pjan ta' direzzjoni għal azzjonijiet tal-ġejjieni fid-dawl tar-reviżjoni f'nofs il-perjodu ta' l-i2010 11

INTRODUZZJONI

i2010 hija l-inizjattiva tal-Kummissjoni għall-politiki tagħha dwar is-soċjetà ta' l-informazzjoni u l-midja. L-inizjattiva tiggarantixxi koerenza fost il-politiki tal-Kummissjoni dwar is-soċjetà ta' l-informazzjoni u l-midja u għandha l-għan li ssaħħaħ il-kontribut importanti tat-teknoloġiji ta' l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (l-ICT) għall-prestazzjoni ta' l-ekonomiji tagħna u ta' l-Istrateġija mġedda ta' Liżbona. L-i2010 topera f'ambjent li qed jinbidel malajr u għalhekk teħtieġ aġġornament u rfinar regolari, Dan ir-rapport jippreżenta t-tieni aġġornament bħal dawn u jħejji t-triq għal reviżjoni aktar estensiva f'nofs il-perjodu fl-2008.

Il-bilanċ kumplessiv għall-2006 huwa wieħed pożittiv[1]. L-indikaturi prinċipali mexjin fid-direzzjoni t-tajba, u l-ICT jibqa' fattur ewlieni fit-tmexxija tat-tkabbir u l-innovazzjoni. Ix-xettiċiżmu li żamm lura l-investimenti fl-ICT erbgħa jew ħames snin ilu nbidel f'kunfidenza msaħħa fil-ħila tagħna li niżviluppaw u nibdew nużaw l-applikazzjonijiet ta' l-ICT għall-vantaġġ soċjali u ekonomiku tagħna. Rigward l-azzjonijiet ta' politika, l-inizjattivi differenti fuq livell Ewropew imħabbra fl-okkażjoni tat-tnedija ta' l-i2010 f'Ġunju ta' l-2005 mixjin sew. Fuq il-livell ta' l-Istat Membru, il-Programmi Nazzjonali għar-Riforma għall-2006 kollha kemm huma saħqu aktar fuq il-ħtieġa ta' uniformità fil-politiki ta' l-ICT.

Il-Kummissjoni timplimenta l-i2010 f'kooperazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri permezz tal-Grupp ta' Livell Għoli. Fl-2006, bħala parti mill-politika industrijali tagħha, tnediet Task Force ta' l-ICT[2] li jirrappreżenta l-industrija u s-soċjetà ċivili biex tara jekk il-politiki attwali tagħha jiffavorixxux il-kompetittitvità fis-settur ta' l-ICT jew jekk kienx hemm il-ħtieġa ta' xi aġġustamenti. Dan ix-xogħol u r-rapport tat-Task Force b'mod partikolari wassal lill-Kummissjoni biex tikklonkludi li l-qafas politiku tal-preżent b'mod ġenerali sejjer tajjeb. Fil-każijiet fejn ma tkunx diġà konformi ma' politiki eżistenti, il-Kummissjoni ser issegwi r-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force bi proposti għal azzjonijiet speċfiċi.

ŻVILUPPI FIS-SOċJETÀ TA' L-INFORMAZZJONI MATUL L-2006

Sitt snin wara nfaqgħet il-bużżieqa ta' l-Internet, is-soċjetà ta' l-informazzjoni qed tikber b'rata kostanti. Għaxar snin ta' investiment fl-ICT qegħdin jagħtu l-frott tagħhom, billi qed tiżdied l-innovazzjoni fl-oqsma ta' l-ICT u qed jittrasforma l-UE f'ekonomija bbażata fuq l-għarfien. Mill-2005, is-settur ta' l-ICT qed jitmexxa dejjem aktar mill-espansjoni fis-suq tas- software u relattivament anqas mis-settur tal-komunikazzjoni elettronika. Dan jirrifletti xejriet li jirrikjedu prodotti ta' software li jinxtered aktar malajr. Bejgħ kbar ta' sistemi tas- software u applikazzjonijiet eNegozju jindikaw li n-negozji qegħdin jadottaw soluzzjonijiet ġodda u aktar maturi ta' l-eNegozju wkoll jekk dawn l-investimenti ġodda jistgħu jkunu għadhom limitati għal kumpaniji kbar jew għal dawk li jadottaw b'mod bikri soluzzjonijiet avvanzati ta' l-eNegozju.

L-utenti qegħdin kull ma jmur dejjem jilqgħu aktar is-servizzi ġodda li ġabet magħha l-konverġenza. Ħafna mill-Istati Membri issa għandhom livelli għolja ta' adozzjoni tas-sistema broadband , u dan jistimola l-iżvilupp ta' servizzi innovattivi u avvanzati. It-trasformazzjoni tas-suq tal-kontenut diġà tidher fiż-żieda fil-bejgħ tal-mużika onlajn u ta' l-apparati ġodda diġitali. Id-distribuzzjoni tal-films kif ukoll tat-TV onlajn ukoll qegħdin javvanzaw. Il-bidla minn distribuzzjoni ta' kontenut tradizzjonali għal disponibbiltà onlajn qed tkun akkumpanjata minn splużjoni ta' kontenut ikkreat mill-utent.

Is-settur pubbliku mhux qed jaqa' lura. Servizzi pubbliċi onlajn qed ikunu aktar żviluppati u qegħdin jiksbu gwadann viżibbli f'termini ta' effiċjenza: tqiegħdu aktar servizzi onlajn, is-servizzi disponibbli saru aktar sofistikati filwaqt li iżjed Ewropej qegħdin jitħaddtu onlajn mas-settur pubbliku. L-amministrazzjoni pubblika qed twitti t-triq u s-saħħa u l-edukazzjoni qegħdin jidħlu magħha.

L-UE tista' tibni fuq dawn il-kisbiet biex issegwi l-politiki tagħha ta' tkabbir u innovazzjoni u l-Istati Membri kollha jagħrfu r-rwol ewlieni ta' l-ICT biex jintlaħqu l-għanijiet ta' Liżbona. Meta mqabbla ma' l-2005, il-Programmi Nazzjonali għar-Riforma ta' l-Istati Membri għall-2006 saħqu aktar fuq il-ħtieġa ta' uniformità fil-politiki ta' l-ICT[3]. L-ICT ġew identifikati bħala l-fatturi li jagħtu spinta lill-innovazzjoni, għodod għall-bidla tal-mudelli tal-gvern u tan-negozji u strumenti għat-titjib fil-kwalità tal-ħajja. Il- broadband , l-eGvern u l-litteriżmu diġitali – l-oqsma ta' prijorità li ġew identifikati fl-2005 – juru progress tajjeb ukoll jekk pjuttost irregolari fost l-Istati Membri. Ir-riċerka ICT u kwistjonijiet ta' żvilupp, fiduċja u siġurtà, kif ukoll miżuri biex jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi għan-negozji u l-amministrazzjonijiet jidhru li huma prijoritajiet ġodda f'għadd ta' pajjiżi. Għad hemm disparitajiet bejn l-Istati Membri, iżda f'ċerti oqsma, per eżempju fl-użu u t-tħaddim tal- broadband , il-ħruġ ta' servizzi ġodda jew l-eGvern, il-pajjiżi fuq quddiem fl-UE huma wkoll mexxejja dinjin.

L-IMPLIMENTAZZJONI TA' L-I2010 FL-2006 U AZZJONIJIET GħALL-2007/2008

Spazju għall-informazzjoni

Fl-aħħar sar iż-żmien għall-konverġenza diġitali. Għalkemm il-proċess b'ebda mod huwa kkompletat, il-konverġenza llum hija realtà tassew. Dawk li jfasslu l-politika għandhom jiżguraw li l-leġiżlazzjoni li taffettwa s-setturi ta' konverġenza tipprovdi ċ-ċertezza legali meħtieġa sabiex il-partijiet interessati jkunu jistgħu jagħmlu l-innovazzjoni. L-għan huwa li tingħata tweġiba għat-tibdiliet teknoloġiċi b'tali mod li jippromwovi l-kompetizzjoni, jikkonsolida s-suq intern u jibbenefika l-utenti. Eżami tal-kwistjonijiet ta' politika ewlenin ikkonċernati jindika li l-qafas legali u regolatorju in ġenerali jiffavorixxi aktar żvilupp tal-konverġenza[4].

Tniedu l-maġġoranza ta' azzjonijiet ippjanati fl-ewwel pilastru ta' l-i2010, biex jinbena l-ispazju waħdieni Ewropew għall-informazzjoni. Fl-2006 il- qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi ġie eżaminat u l-emendi ser jiġu ppreżentati sa nofs l-2007. Id-diskussjoni ser tissokta matul l-2007 permezz ta' green paper dwar il-futur tas-servizz universali fil-komunikazzjonijiet elettroniċi. Ġie promoss l-użu aħjar u effiċjenti ta' l-ispektrum tar-radju bħala element importanti fl-eżami regolatorju, inkluż permezz ta' l-introduzzjoni ta' aktar flessibilità[5]. Dan se jkompli flimkien ma' proposti dwar metodi komuni għall-użu kollettiv ta' l-ispektrum u għad-dividend diġitali. Il-Kummissjoni ser tindirizza wkoll it-tħassib dwar il-privatezza u t-theddid għaliha kif ġew żvelati fil-konsultazzjoni pubblika tagħha ta' l-2006 dwar l- identifikazzjoni ta' l-ispektrum tar-radju (RFID) .

Il-Kummissjoni ser iżżid fil-binja ta' politika awdjoviżiva Ewropea billi tippromwovi d-dibattitu dwar il-pluraliżmu fil-medja u l-litteriżmu fil-medja. Il-programm MEDIA 2007 il-ġdid, li jkopri l-perjodu 2007-2013, ser ikompli bis-sostenn finanzjarju tiegħu għas-settur awdjoviżiv Ewropew. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ser tiddeskrivi miżuri ta' sostenn għall-introduzzjoni u d-dħul ta' TV mobbli madwar l-Ewropa kollha.

Bil-wasla ta' servizzi ġodda onlajn, l-atturi fis-suq deħlin fi proċess ta' tagħlim biex jiżviluppaw kontenut ġdid, multilingwi u innovattiv . Il-Karta dwar il-Film Onlajn ( Film Online Charter ), imnedija mill-Kummissjoni u miftiehma mal-mexxejja tan-negozju fl-2006, hija l-ewwel pass sinifikanti f'dan ir-rigward. Il-Kummissjoni issa qed tesplora kif il-Karta tista' twitti t-triq għal politika usa' dwar il-kontenut onlajn biex tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' kwalità għolja u ta' kontenut innovativ onlajn.

Min-naħa tal-politika, l-isfida li jmiss hija li jiġi żgurat li l-utenti jkunu kunfidenti fl-użu ta' servizzi ġodda. Fl-2006 il-Kummissjoni pproponiet regolament li jillimita t-tariffi fuq ir- roaming internazzjonali għall-utenti tas-servizzi tal-mowbajl u fi Frar 2007 tnediet konsultazzjoni pubblika fuq livell Ewropew dwar ir-reviżjoni tal- acquis rigward il-ħarsien tal-konsumatur[6].

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni ikkumplementat l-istrateġija ġdida tagħha lejn socjetà ta' l-informazzjoni sikura permezz ta' kommunikazzjoni dwar il-ġlieda kontra spam, spyware u softwer malizzjuż u għandha tindirizza ċ-ċiberkriminalità fl-2007 . Għandha tivvaluta l-funzjonament ta' l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) biex tiddeċiedi jekk il-mandat ta' l-aġenzija għandhux jiġi estiż biex tissorvelja l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' sigurtà li jqisu l-ħtieġa għal aktar azzjoni sa l-2008.

Fl-2007-2008, il-Kummissjoni ser:

- Tagħmel proposti għall-eżami tal-qafas regolatorju għal komunikazzjonijiet elettroniċi, tniedi dibattitu dwar il-futur tas-servizz universali u tkompli bl-iżviluppp ta' qafas ikkoordinat għall-ġestjoni flessibli u effiċjenti ta' l-ispektrum, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-użu kollettiv ta' l-ispektrum u d-dividend diġitali.

- Tivvaluta l-ħtiġijiet tal-politika għal-litteriżmu fil-midja u tipproponi metodi komprensivi għall-RFID u għat-TV mobbli;

- Tippromwovi metodu komprensiv għall-iżvilupp ta' kontenut ta' kwalità għolja u innovattiva.

- Issegwi l-istrateġija dwar is-sigurtà permezz ta' komunikazzjoni dwar iċ-ċiberkriminalità, tevalwa l-ENISA biex tiddeċiedi dwar estensjoni tal-mandat tagħha u tivvaluta l-ħtieġa għal azzjoni addizzjonali fil-qasam ta' sigurtà (2008).

Innovazzjoni u l-R&D fl-ICT

Li tingħata spinta lir-riċerka u l-innovazzjoni hija ċentrali fl-istrateġija tal-Kummissjoni għat-tkabbir u l-impjiegi. L-UE għandha mira ta' 3% tal-PGD tagħha ddedikata lill-R&D, li 2% minnhom għandhom jiġu mis-settur privat. L-Unjoni Ewropea għada 'l bogħod minn din il-mira, b'madwar 1.9% tal-PGD li ntefaq fuq l-R&D. Ir-Rapport Annwali 2006 dwar il-Progress fuq Liżbona jisħaq li l-Istati Membri kollha stabbilixxew miri nazzjonali għall-investiment fl-R&D u jekk dawn il-miri kollha jintlaħqu, l-UE tilħaq livell ta' l-R&D ta' 2.6% tal-PGD fl-2010.

L-industriji ICT jgħoddu għal parti kbira tan-nefqa totali tan-negozju fl-R&D (26% fl-2003[7]). Kif ġie enfasizzat mit-Task Force ta' l-ICT, iż-żieda fin-nefqa fuq l-R&D fl-ICT hija fattur ewlieni jekk l-UE għandha tilħaq il-mira ta' 3%. Ir-riċerka u l-innovazzjoni Ewropea se jirċievu spinta qawwija permezz tat-tnedija tas- Seba' Programm ta' Qafas għar-Riċerka (FP7) li jkompli mill-2007-2013. L-UE ser tinvesti aktar minn €9 biljun fl-ICT, l-ikbar entrata weħida fl-FP7. Il-Kummissjoni ser tkompli bil-kooperazzjoni mad-disa' Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej ta' l-ICT stabbiliti biex isaħħu s-sħubija ma' l-industrija u biex jiksbu massa kritika ta' riċerka f'oqsma strateġiċi. Tnejn minn dawn il-pjattaformi ser jipprovdu l-bażi għal Inizjattivi Konġunti fit-Teknoloġija (JTIs) , tip ġdid ta' inizjattiva li tiġbor flimkien fondi mill-UE, mill-Istati Membri u mill-industrija fi sħubijiet pubbliċi-privati ta' riċerka li jagħtu spinta lir-riċerka Ewropea mill-aktar avvanzata.

L-UE timpenja ruħha wkoll fit-titjib tal-kundizzjonijiet ta' qafas għall-innovazzjoni[8], u identifikat 10 azzjonijiet prinċipali għal dan il-għan[9]. Il-Kummissjoni qed taħdem għall-identifikazzjoni ta' lakuni fil-politika biex tiżgura li l-politika ta' standardizzazzjoni ta' l-UE fis-settur ta' l-ICT tilqa' l-isfidi tas-swieq mgħaġġlin ta' llum. Ser tinkoraġġixxi wkoll l-awtoritajiet pubbliċi biex jikkooperaw u jsaħħu r-rwol tas-settur pubbliku ta' l-UE bħala l-ewwel xerrej tal- prodotti u s-servizzi għall-innovazzjoni u/jew pre-kummerċjali , b'hekk tiftaħ opportunitajiet ġodda fis-suq mexxej għal, fost oħrajn, prodotti u servizzi bbażati fuq l-ICT.

L-innovazzjoni ma tiġix biss permezz tar-riċerka iżda aktar u aktar qed titmexxa mill-utenti tat-teknoloġiji jew tal-bidla organizzattiva. Il-programm ta' appoġġ għall-politika dwar l-ICT (ICT PSP) fil- Programm Kompetittività u Innovazzjoni (CIP) jistimola l-innovazzjoni u l-kompetittività permezz tal-promozzjoni ta' stabbiliment usa' u l-aħjar użu ta' l-ICT miċ-ċittadini, l-gvernijiet u n-negozji, b'mod partikolari l-SMEs. Fl-2007 l-ICT PSP se jiffoka fuq ir-rwol tas-settur pubbliku bħala utent u se jindirizza tliet temi prinċipali: servizzi ta' l-eGvern effiċjenti u interoperabbli; l-ICT għal aċċessibilità, xjuħija u integrazzjoni soċjali; u, l-ICT għal servizzi sostenibbli u interoperabbli. Fl-2007 il-Kummissjoni ser tkompli bl-eżami tal-ħtiġijiet tal-politika biex tippromwovi u tiffaċilita eNegozju fil-qasam ta' eBusiness W@tch u l-eBSN[10]). Ser twieġeb għas-sejħa tat-Task Force fuq l-ICT biex tfassal strateġija fit-tul għal eĦiliet, b'hekk tinkludi r-rabta ma' l-edukazzjoni u t-taħriġ .

L-Istati Membri u r-reġjuni qed jiġu inkoraġġiti jappoġġjaw it-tifrix ta' l-ICT skond il-ħtiġijiet tagħhom għall-iżvilupp kemm tal-prodotti u s-servizzi ta' l-ICT kif ukoll ta' l-infrastruttura. Taħt il-Fondi Strutturali l-UE ddedikat madwar €7 biljun matul l-2000-2006 lil proġetti relatati ma' l-ICT. L-ICT huma wkoll waħda mill-prijoritajiet fil-Linji ta' Gwida Strateġiċi tal-Komunità 2007-2013 dwar il-koeżjoni[11].

Fl-2007-2008, il-Kummissjoni ser:

- Tipproponi JTIs dwar in-nanoelettronika (ENIAC) u dwar is-sistemi inkorporati (ARTEMIS) għad-deċiżjoni tal-Kunsill;

- Teżamina l-istandardizzazzjoni għall-ICT;

- Tindirizza l-potenzjal dwar l-akkwist pre-kummerċjali għat-titjib fil-kwalità tas-servizzi pubbliċi u l-prestazzjoni ta' l-Ewropa fl-innovazzjoni;

- Tkompli bil-koordinament tad-dħul ta' l-ICT, teżamina l-politiki eNegozju u x-xejriet u tiddefinixxi kwalunkwe miżuri ta' politika;

- Tindirizza l-ħtieġa għall-azzjoni fil-qasam ta' l-eĦiliet u l-kapaċità għall-impjieg bħala parti mis-segwitu tat-Task Force ta' l-ICT.

Inklużjoni, servizzi pubbliċi u kwalità ta' ħajja aħjar

Inklużjoni

Hekk kif l-innovazzjoni tittrasforma r-rwol ta' l-utenti, hemm il-ħtieġa dejjem tikber li jiġi mħares l-involviment ta' l-utenti kollha. Il-konferenza eInklużjoni f'Riga bdiet dan il-proċess ta' riflessjoni, b'Dikjarazzoni Ministerjali li tippreżenta gwida politika għal azzjoni addizzjonali. Fil-pass li jmiss, il-Kummissjoni ser tippreżenta l-viżjoni tagħha għall- iniżjattiva 2008 eInklużjoni , mibnija fuq konsultazzjonijiet estensivi. Ser tirrevedi l-progress li sar fil-qasam ta' eAccessibbiltà u tikkunsidra l-ħtieġa għal azzjoni addizzjonali inkluż il-proposti għal miżuri legali[12].

Il-Kummissjoni ser tkompli bl-appoġġ tagħha biex twassal l-aċċess broadband b'veloċità qawwija lill-Ewropew kollha. Dan għandu jsaħħaħ l-inizjattiva ambizzjuża tal-Kummissjoni dwar "Reġjuni ta' bidla ekonomika" li ġiet imnedija taħt il-Fondi Strutturali[13]. Bħala kontribut addizzjonali lejn l-impenji stabbiliti bid-Dikjarazzjoni ta' Riga, il-Kummissjoni ser teżamina miżuri u politiki dwar il-litteriżmu diġitali , f'relazzjoni marbuta mill-qrib ma' l-edukazzjoni u t-taħriġ.

Fl-2007-2008, il-Kummissjoni ser:

- Tippreżenta viżjoni għal politika komprensiva dwar l-eInklużjoni (2007) u tħejji l-inizjattiva Ewropea dwar l-eInklużjoni għall-2008;

- Teżamina l-progress fl-eAċċessibbiltà u tipproponi azzjonijiet addizzjonali, jekk meħtieġa;

- Tappoġġja kampanja ta' tagħrif (avvenniment kbir fl-2007 fuq broadband għall-komunitajiet rurali) u skambji ta' prattiċi tajba (websajt) dwar kif l-aċċess broadband b'veloċità qawwija jista' jitwassal lill-Ewropej kollha;

- Tniedi n-netwerks reġjonali "Konnessjonijiet ta' l-ICT aħjar bejn ir-reġjuni" u "Inwasslu l-eGvern lir-reġjuni u lin-negozji" bħala part mill-inizjattiva tar-reġjuni lejn bidla ekonomika;

- Teżamina l-mezzi ta' kejl kif ukoll l-politiki għal-litteriżmu diġitali.

Servizzi publiċi aħjar

Fl-2006, is-servizzi pubbliċi onlajn ġew żviluppati iżjed bl-aktar mod viżibbli fl-oqsma ta' l-eGvern u l-eSaħħa. L-Istati Membri qegħdin jagħmlu progress fl-inizjattivi tagħhom nazzjonali għall- eGvern u qegħdin jikkooperaw dwar attivitajiet komuni fuq livell Ewropew biex jilħqu l-miri stabbiliti fil-pjan ta' azzjoni ta' l-eGvern sa l-2010. Fl-2006, ġie imniedi l-portal eSaħħa ta' l-UE. L-Istati Membri kollha temmew l-istrateġiji eSaħħa tagħhom u ġabra ta' prattiċi tajba nazzjonali fil-qasam ta' l- eSaħħa se tkun disponibbli.

L-Istati Membri huma konxji mid-dimensjoni Ewropea tas-servizzi pubbliċi ffaċilitati permezz ta' l-ICT u identifikaw faċilitaturi prinċipali sabiex tinkiseb l-interoperabilità bejn il-fruntieri. Fi ħdan il-programm IDABC, il-Kummissjoni fl-2007 ser teżamina l-Qafas Ewropew għall-Interoperabilità.[14]. Il-Kummissjoni se toħroġ ukoll rakkomandazzjoni dwar l-interoperabilità eSaħħa u ser tniedi miżuri ta' appoġġ għal suq ta' l-eSaħħa li jiffavorixxi l-innovazzjoni fil-qasam tas-sorveljanza u l-ġestjoni ta' saħħa personali. Sa l-2008 l-għan huwa li jiġu stabbiliti netwerks għat-tagħrif dwar is-saħħa bbażati fuq broadband fiss u wireless , kif ukoll infrastrutturi taċ-ċellulari u teknoloġiji tal-Grid.

Matul l-2007-2008, proġetti pilota b'dimensjoni kbira taħt il-programm ta' appoġġ għal politika dwar l-ICT ser tkompli tappoġġja s-servizzi pubbliċi aħjar f'oqsma bħall-eID , it-trażmissjoni sikura ta' dokumenti bejn l-amministrazzjonijiet, l-eAkkwist, l-eParteċipazzjoni, id-dejta dwar il-pazjent ta' l-emerġenza u l-preskrizzjoni elettronika. Il-proġetti pilota b'dimensjoni kbira fil-qasam ta' l-eAkkwist u l-eID se jkunu appoġġjati ukoll bix-xogħol għaddej f'dawn l-oqsma fil-programm ta' l-IDABC.

Fl-2007-2008, il-Kummissjoni ser:

- Tkompli bl-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni eGvern, inkluż billi ssegwi l-isforzi tagħha għall-integrazzjoni u t-trasformazzjoni ta' l-amministrazzjoni tagħha stess, u tirrevedi l-Qafas Ewropew għall-Interoperabilità;

- Toħroġ rakkomandazzjoni dwar l-interoperabilità ta' l-eSaħħa, tippromwovi suq ta' l-eSaħħa li jiffavorixxi l-innovazzjoni u tistabbilixxi netwerk interoperabbli ta' informazzjoni dwar is-saħħa (2008);

- Tniedi proġetti pilota fuq skala kbira taħt is-CIP.

Il-kwalità tal-ħajja

L-ICT mhumiex biss fattur li jagħtu spinta lill-innovazzjoni u l-kompetittività, izda jbiddlu wkoll il-mod kif in-nies jgħixu u jikkomunikaw. L-i2010 twieġeb billi tiffoka fuq oqsma fejn l-innovazzjonijiet teknoloġiċi jistgħu jtejbu b'mod sinifikanti l-kwalità tal-ħajja: xjuħija, diversità kulturali, karozzi intelliġenti, t-tibdil fil-klima.

Fl-2007, il-Kummissjoni ser tniedi inizjattiva dwar Xjuħija tajba fis-soċjetà ta' l-informazzjoni . Din tkun tikkonsisti f'inizjattiva ta' riċerka dwar Ambient Assisted Living (AAL), ibbażata fl-Artikolu 169 tat-Trattat ta' l-UE, li tintegra teknoloġiji fil-prodotti u s-servizzi biex jiġi żgurat continuum minn riċerka avvanzata sa tħejjija għall-istabbiliment. Dan jiġi kkumplementat b'riċerka aktar fit-tul fl-FP6 u l-FP7 u attivitajiet għat-tħejjija ta' stabbiliment taħt is-CIP, bħall-kura ta' l-anzjani d-dar.

L-inizjattivi ta' prominenza Libreriji Diġitali u Karozzi Intelliġenti qed jiġu implimentati. Il-Kummissjoni ħarġet gwida dwar id-diġitizzazzjoni, l-aċċessibbiltà onlajn tal-materjal kulturali u l-konservazzjoni diġitali, u dwar riżorsi xjentifiċi. L-Istati Membri ġew mitluba jġibu l-eSejħa lura fi triqtu. Fl-2007 il-Kummissjoni ser tivvaluta l-progress li sar dwar il-Karozza Intelliġenti u fuq in-negozjati dwar l-introduzzjoni ta' l-eSejħa fuq bażi volontarja fil-vetturi.

Teknoloġiji ġodda bbażati fuq l-ICT huma essenzjali mhux biss għal effiċjenza akbar tar-riżorsi iżda wkoll biex jinkisbu bidliet kwalitattivi u totalment differenti, fix-xejriet tal-konsum ekonomiku kif ukoll soċjali għal dawk aktar sostenibbli. Fl-2007, tiġi żviluppata inizjattiva prominenti ta' l-i2010 biex jiġu indirizzati prijoritajiet bħal effiċjenza fl-enerġija u sostenibbiltà ambjentali .

Fl-2007-2008, il-Kummissjoni ser:

- Tniedi inizjattiva prominenti dwar "Xjuħija tajba fis-soċjetà ta' l-informazzjoni", tipproponi l-inizjattiva AAL ta' l-Artikolu 169 u tniedi proġetti pilota taħt is-CIP li jiffukaw fuq l-għixien indipendenti u s-sorveljanza ta' mard kroniku;

- Teżamina l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni dwar id-diġitizzazzjoni u l-aċċessibbiltà onlajn tal-materjal kulturali u l-konservazzjoni diġitali (2008).

- Tevalwa l-implimentazzjoni tal-proġett prominenti Karozza Intelliġenti u ta' l-eSejħa.

- Tiżviluppa inizjattiva prominenti dwar l-ICT għat-tkabbir sostenibbli.

IDENTIFIKAZZJONI TAX-XEJRIET TAL-FUTUR

L-istrateġija ta' Liżbona għamlet mill-innovazzjoni prijorità ewlenija u l-UE żviluppat aġenda ta' politika komprensiva għal dan il-għan. L-ICT huma rikonoxxuti fuq firxa wiesgħa bħala l-faċilitaturi ta' l-innovazzjoni. Sabiex tibni fuq is-suċċessi ta' l-i2010 fl-2005 u fl-2006, l-UE għandha tieħu perspettiva li tħares 'l quddiem filwaqt li ssaħħaħ ir-rabta bejn il-politiki ta' l-ICT u l-prijoritajiet ta' Liżbona. Dawk li jfasslu l-politiki għandhom ukoll isiru jafu kif żviluppi ġodda ekonomiċi u tas-soċjetà jistgħu jwasslu l-benefiċċji tas-soċjetà ta' l-informazzjoni lil gruppi ġodda kif ukoll irawmu l-kompetizzjoni u tmexxija industrijali Ewropea filwaqt li jinkludu s-soċjetà kollha. Għalhekk it-tliet kwistjonijiet li ġejjin għandhom jiġu indirizzati fl-2008 fir-reviżjoni f'nofs il-perjodu ta' l-i2010.

Mewġa ġdida ta' innovazzjoni fin-netwerks u fl-Internet

Is-soċjetà ta' l-informazzjoni qed issir realtà. Netwerks bi spiża baxxa, estiżi permezz ta' netwerks mobbli jew bil- wireless , jippermettu konnessjoni bla xkiel kif ukoll l-użu ta' applikazzjonijiet u servizzi integrati fi ħdan in-netwerk u dawn qed jintużaw mis-soċjetà fuq firxa usa'.

Din il-bidla qed tkun appoġġjata minn xejret teknoloġiċi emerġenti bħal m'huma l-migrazzjoni lejn netwerks ta' veloċità qawwija ħafna, teknoloġiji bil- wireless b'aċċess minn kullumkien, web 2.0, l-Internet ta' l-Affarijiet, Grids , arkitetturi ta' netwerks ġodda, serviżżi bbażati fuq il-web, interfaces għall-utenti, kontenut maħluq mill-utent u netwerking soċjali. Dawn ix-xejriet sejrin jaffettwaw l-ambjent tan-negozju u tax-xogħol, jipprovdu opportunitajiet industrijali ġodda u soluzzjonijiet ġodda għall-eNegozju u għall-impjieg, b'hekk itejbu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja. Sejrin jestendu wkoll ir-rwol ta' l-utenti bħala innovaturi. Din diġa qed tidher fl-isplużjoni tal-kontenut maħluq mill-utent.

Għalkemm ħafna mill-aspetti ta' netwerks tal-futur u ta' l-Internet ma jkunux għadhom twettqu għal xi żmien, l-ostakli għall-iżvilupp tas-soċjetà ta' l-informazzjoni jistgħu diġà jiġu identifikai.t Dawn għandhom x'jaqsmu ma' kwistjonijiet li jvarjaw minn investiment f'frekwenza aktar għolja, newtralità netta, u disponibbiltà ta' l-ispektrum sa dawk li jikkonċernaw is-sigurtà. Dibattitu minn kmieni mal-partijiet interessati dwar żviluppi fuq il-medda aktar twila għandu jqis il-ħtieġa għal possibbiltà ta' azzjoni politika.

Il-perspettiva ta' utent dwar l-innovazzjoni

Mal-ħruġ tas-servizzi ġodda, l-isfida li jmiss huwa l-utent. Il-konkorrenza ġdida tal-kontenut ikkreat mill-utent qed tiftaħ perspettivi ġodda għal Soċjetà ta' l-Informazzjoni aktar kreattiva u innovativa. Bl-istess mod li l-utenti sfruttaw is- open source software biex jiżviluppaw proċessi kollaborattivi ġodda, issa qegħdin jużaw l-ICT biex joħolqu u jpartu l-kontenut tagħhom stess b'modi innovattivi. Din qed tqajjem sfidi ġodda, notevolment fir-rigward tar-responsabbiltà legali għad-distribuzzjoni tal-kontenut, l-użu mill-ġdid ta' materjal protett mid-dritt ta' l-awtur u l-ħarsien tal-privatezza.

B'konsegwenza, ix-xeħta tradizzjonali ta' l-utenti ser tinbidel fis-soċjetà ta' l-informazzjoni. Madankollu, il-politiki li jimmiraw għat-tneħħija ta' l-ostakoli għall-użu aktar mifrux ta' l-ICT – kif ġie definit fl-i2010 – mhumiex ser jispiċċaw. Flimkien ma' l-inizjattiva ta' l-eInklużjoni 2008, l-i2010 fiha innifisha għandha l-mira tagħha fuq l-utenti filwaqt li l-interess tal-konsumaturi diġà jinsab fil-politiki tal-Kummissjoni dwar l-ICT. Eżempju wieħed ta' dan l-aħħar hija l-proposta tal-Kummissjoni dwar ir- roaming biex jiġu eliminati l-ispejjeż mhux ġustifikati għall-konsumaturi.

Taqsimiet ġodda tal-popolazzjoni qegħdin jużaw prodotti u servizzi ta' l-ICT. L-utenti qegħdin dejjem jitħassbu aktar dwar il-privatezza, in-nuqqas ta' interoperabilità, in-nuqqas ta' trasparenza dwar rekwiżiti kuntrattwali u dwar l-iffissar tal-prezzijiet, il-kumplessità eċċessiva ta' l-applikazzjonijiet u l-ineffiċjenzi fil-litigazzjoni. Dawk li jfasslu l-politika issa għandom iwieġbu għal dan it-tħassib.

Titjib fil-kundizzjonijiet ta’ qafas

L-istrateġija ta' l-UE għall-innovazzjoni tara l-ikkompletar tas-suq intern bħal t-triq 'l quddiem biex tiġi ggarantita l-kompetizzjoni effettiva u biex jingħata skala biżżejjed għall-għajnuna ta' kumpaniji kbar u ta' ħafna SMEs biex jikkompetu fuq livell globali. Għalhekk il-Kummissjoni ppjanat reviżjoni ta' l-istrateġija dwar is-suq intern li timmira għal titjib fl-innovazzjoni u implimentazzjoni ta' regolamentazzjoni aħjar.

Wieħed mill-għanijiet ewlenin ta' l-i2010 huwa l-ħolqien ta' spazju waħdieni għall-informazzjoni. S'issa, l-enfasi kienet fuq in-netwerks u r-regolazzjoni tal-kontenut. L-UE – ukoll jekk sar progress – b'27 suq separat għada 'l bogħod minn spazju waħdieni għall-informazzjoni. Is-swieq għas-servizzi onlajn huma diġà globali iżda ħafna mill-konsumaturi fl-UE jevitaw ix-xiri ta' oġġetti u servizzi permezz ta' l-Internet minn Stat Membru ieħor. It-tħassib ta' natura legali għadu ostkolu għall-intrapriżi fir-rigward tad-dħul tagħhom fl-eNegozju u f'ċerti oqsma ġew identifikati ostakli regolatorji li jiġġeneraw tfixkil potenzjali għall-kompetittività.[15]

Għandna bżonn ta' perspettiva usa' li tqis ix-xejriet ġodda. Per eżempju, l-Internet jiffaċilita li l-pazjenti jfittxu t-trattament fi kwalunkwe post fl-UE jew lil hinn, u bl-istess mod li t-tobba jipprovdu s-servizzi tagħhom mill-bogħod. Dan jeffettwa l-organizzazzjoni ta' servizzi u għandu implikazzjonijiet għal finanzi pubbliċi. Kunsiderazzjonijiet dwar is-suq intern għalhekk għandhom imorru lil hinn mill-evalwazzjoni ta' ostakli legali li ġew indirizzati fir-reviżjoni tal-qafas regolatorju dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi u d-Direttiva tas-Servizzi Awdjoviżivi fil-Midja. Biex tibni fuq ix-xogħol li sar mit-Task Force, ir-riflessjoni għandha ssolvi l-ostakli li jżommu l-forniment ta' servizzi onlajn pan-Ewropew, tesplora kif l-ICT jistgħu jsaħħu s-suq intern u tipprova tivvaluta l-ispiża u r-riskji tal-frammentazzjoni tas-soċjetà ta' l-informazzjoni Ewropea.

PJAN TA' DIREZZJONI GħAL AZZJONIJIET TAL-ġEJJIENI FID-DAWL TAR-REVIżJONI F'NOFS IL-PERJODU TA' L-I2010

Biex jitħejjew id-diskussjonijiet dwar ir-reviżjoni f'nofs il-perjodu ta' l-i2010 fl-2008, il-Kummissjoni tipproponi li tinvolvi aktar mill-qrib l-Istati Membri, il-Grupp ta' Livell Għoli ta' l-i2010, l-industrija, is-soċjetà ċivili u partijiet interessati oħra fl-iżvilupp tas-suġġetti differenti. Il-Kummissjoni ser:

- Tiżviluppa s-suġġetti identifikati fil-kapitolu 4 fuq f'kooperazzjoni mal-Grupp ta' Livell Għoli ta' l-i2010.

- Tniedi konsultazzjoni pubblika li tinvolvi l-partijiet interessati kollha biex jiġu vvalidati l-metodi proposti għall-iżvilupp tas-suġġetti ewlenin.

- Tindirizza l-kwistjonijiet prinċipali għar-reviżjoni f'nofs il-perjodu waqt avveniment dwar l-i2010 fuq livell għoli fl-2008.

Ir-riżultati ta' dawn id-diskussjonijiet għandhom jispiraw il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa fl-2008, li għandu jindirizza l-kwistjonijiet tal-ġenerazzjoni ta' netwerks u ta' l-Internet li jiġu wara. Ir-reviżjoni f'nofs il-perjodu ta' l-i2010 għandħa taċċerta li l-i2010 tkompli sservi bħala qafas validu ta' referenza għas-soċjetà ta' l-informazzjoni Ewropea u għall-politiki tal-midja, b'hekk l-Ewropa tkun tista' tiġbor il-vantaġġi sħaħ ta' l-iżviluppi fl-implimentazzjoni ta' l-aġenda ta' Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi.

[1] Din il-valutazzjoni hija bbażata fuq l-UE-25. Id-dejta dwar l-UE-27 tkun disponibbli mill-2007.

[2] http://ec.europa.eu/enterprise/ict/taskforce.htm

[3] L-implimentazzjoni ta' l-aġenda ta' Liżbona mġedda – Sena ta' riżultati (traduzzjoni mhux uffiċjali), COM(2006) 816, 12.12.2006

[4] "L-isfidi ta' konverġenza", dokument ta' ħidma għall-Grupp ta' Livell Għoli ta' l-i2010, 12.12.2006

[5] Aċċess imħaffef għall-ispektrum għal servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi bil- wireless permezz ta' aktar flessibilità, COM(2007) 50, 8.2.2007

[6] Il-Green Paper dwar ir-Reviżjoni ta' l-Acquis tal-Konsumatur, COM(2006) 744, 8.2.2007, http://ec.europa.eu/consumers/cons_int/safe_shop/acquis/index_en.htm

[7] Stima tas-Servizzi tal-Kummissjoni bbażata fuq stħarriġ ta' l-OECD/Eurostat tan-nefqa R&D fl-2003.

[8] Ewropa moderna li tiffaċilita l-innovazzjoni, COM(2006) 589, 12.10.2006.

[9] Inpoġġu l-għarfien fil-prattika: Strateġija wiesgħa għall-innovazzjoni għall-UE, COM (2006) 502, 13.9.2006

[10] http://www.ebusiness-watch.org/ u http://ec.europa.eu/enterprise/e-bsn/index_en.html

[11] COM(2006) 386, 13.7.2006.

[12] Il-Kummissjoni per eżempju ser tinkludi dispożizzjoni li timmira lejn l-aċċessibilità tas-Servizzi tal-Midja Awdoviżivi għal nies b'diżabilità viżwali jew ta' smigħ fil-proposti emendati għad-Direttiva tas-Servizzi tal-Midja Awdjoviżivi.

[13] Reġjuni lejn bidla ekonomika, COM(2006) 675, 8.11.2006

[14] http://ec.europa.eu/idabc/en/document/6227

[15] http://ec.europa.eu/enterprise/ict/taskforce.htm

Top