Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0107

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill skond l-Artikolu 19(1) tad-direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE (it-tħaddim ta' l-opri privati għad-divertiment u għal titjiriet privati għad-divertiment)

    /* KUMM/2007/0107 finali */

    52007DC0107

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill skond l-Artikolu 19(1) tad-direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE (it-tħaddim ta' l-opri privati għad-divertiment u għal titjiriet privati għad-divertiment) /* KUMM/2007/0107 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 15.3.2007

    KUMM(2007) 107 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

    skond l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE (it-tħaddim ta' l-opri privati għad-divertiment u għal titjiriet privati għad-divertiment)

    1. Introduzzjoni

    Skond l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE[1] li tirriforma l-qafas tal-Komunità dwar it-tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (minn hawn 'il quddiem imsejħa "id-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija" jew "id-Direttiva"), flimkien mad-dispożizzjonijiet previsti fid-Direttiva, b'mod partikolari l-Artikoli 5, 15 u 17 tagħha, il-Kunsill waqt li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jawtorizza kwalunkwe Stat Membru biex jintroduċi iktar eżenzjonjiet fiskali jew tnaqqis fiskali għall-kunsiderazzjonjiet politiċi speċifiċi.

    Il-Kummissjoni għandha teżamina t-talbiet. Wara għandha tippreżenta proposta lill-Kunsill jew inkella għandha tinforma lill-Kunsill bir-raġunijiet għaliex ma pproponietx l-awtorizzazzjoni ta’ tali miżura.

    Fi ħdan qafas usa’ tar-reviżjoni tad-derogi fid-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija li jiskadu sa tmiem l-2006, il-Finlandja, id-Danimarka u l-Irlanda ssottomettew talba għall-awtorizzazzjoni biex mill-2007 ‘l quddiem jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija għall-fjuwil użat għat-titjir privat u għal divertiment, jiġifieri n-navigazzjoni bl-ajru mhijiex koperta mill-eżenzjoni obbligatorja prevista fl-Artikolu 14(1) (b) tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija. Barra minn hekk, il-Finlandja u l-Irlanda talbu wkoll awtorizzazzjoni biex il-fjuwil li jintuża għan-navigazzjoni minn opri privati għad-divertiment jiġi eżentat mid-dazju. Dawn l-ittri ġew irreġistrati mad-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali[2].

    L-għan ta' din il-komunikazzjoni huwa biex tinforma lill-Kunsill dwar ir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni ma pproponietx l-awtorizzazzjoni tal-miżuri mitluba mill-Istati Membri msemmija hawn fuq.

    2. Sinteżi tat-talbiet

    2.1. It-talba tal-Finlandja

    (a) Il-Finlandja tixtieq tapplika eżenzjoni mid-dazji fuq il-fjuwil li jintuża għall-iskop ta’ titjir privat għad-divertiment .

    L-għan tal-miżura huwa biex jinżammu l-kundizzjonijiet ta' l-operat għall-avjazzjoni rikreattiva fil-Finlanjda. Skond l-awtoritajiet tal-Finlandja, tnaqqis fl-avjazzjoni rikreattiva taffettwa b'mod negattiv l-għarfien u l-ħila tat-titjir tan-navigaturi ta' l-ajru u r-rieda tagħhom li jwettqu missjonijiet ċivili. Inaqqas ukoll l-attivitajiet ta' kummerċ marbuta ma' l-avjazzjoni. Għalhekk, ikollu konsegwenzi negattivi fuq l-impjiegi u l-kompetizzjoni fis-settur ta' l-avjazzjoni.

    Il-Finlandja ssostni wkoll li t-tassazzjoni fuq l-fjuwil għall-avjazzjoni tnaqqas l-għadd ta' postijiet minn fejn jitqassam il-fjuwil ta' l-avjazzjoni bir-riżultat li jkun diffiċli li jinstabu provvisti ta' fjuwil bħal dan, b'hekk jiżdiedu r-riskji tas-sikurezza assoċjati ma' l-użu tal-fjuwil tal-vetturi fl-inġenji ta' l-ajru bħala alternattiva.

    Barra minn hekk, il-Finlandja tiġbed l-attenzjoni lejn id-dħul insinifikanti u l-benefiċċju żgħir f'termini ta' tnaqqis fl-emissjonijiet ta' karbonju assoċjat ma' l-introduzzjoni tat-trattament tat-taxxa ġenerali minħabba t-tnaqqis fl-ammont ta' fjuwil ikkonsmat mill-avjazzjoni rikreattiva f'dak il-pajjiż.

    Skond il-Finlandja, id-dħul baxx mit-taxxa fuq naħa u l-ispejjeż amministrattivi imdaqqsin fuq in-naħa l-oħra jkun ifisser li l-infiq ftit li xejn ikun effettiv. Ir-reġistri ta' l-ajruplani ma jippermettux li jkun hemm distinzjoni bejn l-użu rikreattiv u kummerċjali ta' ajruplan u għalhekk, il-miżura twassal għal piżijiet amministrattivi kbar li jirriżultaw mill-bżonn li tiġi implimentata sistema kumplessa ta' kontroll li tiddependi fuq il-bidla lejn it-trattament standard tat-taxxa.

    (b) Il-Finlandja tixtieq timplimenta wkoll tnaqqis fir-rata ta' tassazzjoni (7.06 ċenteżmu għal kull litru) għaż-żejt tal-gass li jintuża bħala fjuwil għan-navigazzjoni privata għad-divertiment.

    L-għan tat-talba huwa li jinżammu l-kundizzjonijiet ta' tħaddim kemm għas-servizzi u anke għall-industrija assoċjati man-navigazzjoni fil-livell li hemm bħalissa u biex jiżgura li jinżammu l-kundizzjonijiet tan-navigazzjoni għad-divertiment. Il-Finlandja tisħaq ukoll li jekk it-talba tkun rifjutata dan ikollu effetti negattivi sproporzjonati kemm fuq is-settur tan-navigazzjoni u anke fuq il-ħafna industriji żgħar assoċjati miegħu.

    Barra dan, il-Finlandja ssostni li mqabbel ma' l-ispejjeż u konsegwenzi oħra assoċjati ma' l-iskadenza tad-deroga, huma biss effetti minimi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tat-trattament tat-taxxa standard. Tenfasizza wkoll in-nuqqas ta' l-effettività ta' l-infiq tal-miżura tat-taxxa. Il-Finlandja tiġbed l-attenzjoni wkoll lejn id-dħul insinifikanti u l-benefiċċju żgħir f'termini ta' l-emissjonijiet li jiġu ffrankati bl-introduzzjoni tat-trattament fiskali ġenerali u lejn il-fatt li fil-Finlandja, mill-2004, is-sitwazzjoni ġenerali dwar l-emissjonijiet tjiebet b'mod sinifikanti wara l-introduzzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kwalità ta' ċerti fjuwils.

    Barra minn hekk, il-Finlandja tiġbed l-attenzjoni lejn l-ispejjeż ta' konformità għal fornituri tal-fjuwil kif ukoll l-ispejjeż amministrattivi u d-diffikultajiet ta' l-infurzar għall-ammistrazzjoni assoċjata ma' tmiem id-deroga. Barra minn hekk, skond il-Finlandja, l-iskadenza tad-deroga tkompli żżid il-kwistjonijiet tas-sikurezzza billi tnaqqas l-għadd ta' stazzjonijiet tal-fjuwil tul il-kosta.

    Il-Finlandja ssostni wkoll li d-deroga tħaddan l-għanijiet tal-politika reġjonali, partikolarment, fir-reġjuni ftit li xejn popolati li għandhom tnaqqis fl-istrutturi ta' kummerċ li huma diffiċli biex jintlaħqu. Il-Finlandja għandha wkoll l-għan li żżomm il-pajjiż kollu abitat u, għalhekk, ammont sinifikanti ta' fondi nazzjonali u ta' l-UE ntefqu għall-iżvilupp taż-żoni remoti. Fl-opinjoni tal-Finlandja, l-iskadenza tad-deroga kieku tmur kontra dawn l-għanijiet u l-investimenti li saru.

    Iż-żewġ talbiet jipprovdu għal data tat-tmiem sal-31 ta' Diċembru 2012.

    2.2. It-talba tad-Danimarka

    Id-Danimarka tixtieq tapplika eżenzjoni mid-dazju fuq il-fjuwil li jintuża għall-iskop ta’ titjir privat għad-divertiment. L-għan tal-miżura huwa li jkun evitat il-piż amministrattiv li jinħoloq minħabba l-ħtieġa li tiġi implimentata sistema kumplessa ta’ kontroll relatata mal-bidla għat-trattament fiskali standard.

    It-talba ma tipprovdix għal data tat-tmiem.

    2.3. It-talbiet ta' l-Irlanda

    (a) L-Irlanda tixtieq tapplika tnaqqis fir-rata ta' dazju fuq il-fjuwil li jintuża għat-titjiriet privati għad-divertiment (€276.52 għal kull 1,000 litru għall-petrol li jintuża għall-avjazzjoni u €16.00 għal kull 1,000 litru għall-pitrolju tal-ġettijiet)

    Biex jappoġġjaw it-talba, jiġu kkwotati żewġ argumenti.

    L-ewwel huwa li t-tmiem tad-deroga jimponi spejjeż ta' konformità eċċessivi fuq il-fornituri ta' fjuwils ta' l-avjazzjoni. Ikun hemm ukoll spejjeż ta' darba sinifikanti ħafna għal kampijiet ta' l-avjazzjoni/ajrudromi.

    It-tieni argument jenfasizza l-ispejjeż amministrattivi sproporzjonati għall-amministrazzjoni tat-taxxa, li jkollha bżonn li jiġu ddevjati riżorsi minn attivitajiet oħra biex tkun implimentata sistema ta' kontroll kif jixraq.

    (b) L-Irlanda tixtieq tapplika wkoll tnaqqis fir-rata ta' tassazzjoni (€47.36 għal kull 1,000 litru) għal għal żejt tal-gass għan-navigazzjoni privata għad-divertiment

    L-argumenti mressqa mill-Irlanda jenfasizzaw l-importanza ta' l-attività għat-turiżmu u l-effetti negattivi ta' tmiem id-deroga kemm fuq is-settur tan-navigazzjoni u anke fuq il-ħafna negozji żgħar assoċjati miegħu.

    Barra minn hekk, l-Irlanda ssostni li d-deroga tħaddan għanijiet ta' politika reġjonali u t-tmiem tagħha jkun inkonsistenti mal-politika nazzjonali u Komunitarja preċedenti. Tirrestrinġi wkoll il-ħila ta' l-Irlanda li timplimenta l-politika reġjonali tagħha, u dan jista' jiġi interpretat bħallikieku l-Kummissjoni tkun qed tinterferixxi f'dik li hija essenzjalment kwistjoni domestika. Is-settur kellu ħafna investiment kemm mill-fondi privati u anke minn dawk pubbliċi, li jinkludu l-finanzjament Ewropew.

    Barra minn hekk, l-Irlanda reġgħet ġibdet l-attenzjoni lejn l-ispejjeż tal-konformità għall-industrija u għall-marini kif ukoll l-ispejjeż amministrattivi u d-diffikultajiet għall-infurzar għall-amministrazzjoni assoċjata ma' tmiem id-deroga.

    Ir-rikjesta ma tipprevedi l-ebda data ta’ tmiem.

    3. L-isfond tat-talbiet

    Il-fjuwil li jintuża għall-għanijiet ta' titjir privat għad-divertiment u għall-għanijiet ta' navigazzjoni privata għad-divertiment ilu taxxabbli mill-1993 fil-Komunità[3], sakemm ma kienx hemm deroga partikolari disponibbli għal xi Stati Membri.

    Bil-għan li t-trasport, l-ambjent u l-politika fiskali tal-Komunità jsiru iktar koerenti, il-Kummissjoni diġà kienet ipproponiet, għall-ewwel darba fl-1996, li twaqqa' dawn id-derogi[4]. Sussegwentement, il-Kummissjoni bdiet it-tneħħija gradwali ta’ dawn id-derogi fl-2000 meta ddikjarat li dawn id-derogi għandhom jintemmu mad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija jew, fi kwalunkwe każ, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2002[5]. Fl-aħħar, id-derogi ġew estiżi sal-31 ta’ Diċembru 2006 u iktar tard ġew inkorporati fid-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija (l-Artikolu 18 u l-Anness II) bil-għan li tkun faċilitata t-tneħħija gradwali tagħhom mingħajr xkiel.

    Fil-Komunikazzjoni tagħha ta' Ġunju ta' l-2006 Revizjoni tad-derogi fl-Annessi II u III tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE li jiskadu sa l-aħħar ta' l-2006 (minn hawn il-quddiem "il-Komunikazzjoni ta' Ġunju 2006")[6] il-Kummissjoni ddikjarat li t-trattament tat-taxxa favorevoli għall-fjuwil użat għall-attivitajiet in kwistjoni, imqabbel mal-fjuwil użat ma' attivitajiet simili (trasport u divertiment), m'għandux jerġa' jiġġedded. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri, f’każijiet fejn ikunu kkunsidraw li għal raġunijiet speċifiċi ta’ politika, ikunu jeħtieġu deroga oħra, biex jissottomettu talba skond l-Artikolu 19 tad-Direttiva, li tiġġustifika kif suppost il-ħtiġijiet tal-politika.

    4. L-evalwazzjoni mill-Kummissjoni

    Fil-qafas usa' tar-reviżjoni tad-deroga li tiskadi fid-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija, il-Kummissjoni dan l-aħħar kellha l-okkażjoni li teżamina talbiet simili għal deroga sottomessa minn xi Stati Membri oħra. Fit-30 ta' Novembru 2006, il-Kummissjoni adottat żewġ komunikazzjonijiet[7] li fihom tispjega r-raġunijiet għaliex, fuq il-bażi ta' l-analizi li saret, ma setgħetx tirrispondi b'mod pożittiv għal dawk it-talbiet.

    Il-Kummissjoni tqis li l-Finlandja, id-Danimarka u l-Irlanda fil-biċċa l-kbira ppreżentaw l-istess argumenti bħal dawk li kienu indirizzati fid-dettall fiż-żewġ Komunikazzjonijiet adottati fit-30 ta' Novembru 2006. Ir-raġunijiet stabbiliti f'dawn il-Komunikazzjonijiet jingħataw fil-qosor hawn taħt u, fejn kien neċessarju permezz ta' punti relatati ma' argumenti aktar speċifiċi mqajma mill-Istati Membri applikanti.

    Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-argumenti li ġew ippreżentati u bbażati fuq il-konsegwenzi li huma sempliċement inerenti fil-bidla mid-deroga għal tassazzjoni standard, bħal piżijiet ammistrattivi, diffikultajiet jew spejjeż ta' konformità u ta' infurzar kif ukoll kwistjonijiet ta' sikurezza[8]. Tabilħaqq, il-Kunsill għażel deliberatament jimponi fuq it-titjir privat għad-divertiment u n-navigazzjoni privata għad-divertiment t-tassazzjoni standard, u li jagħti derogi biss sabiex jingħelbu d-diffikultajiet tal-bidu. Għalhekk, ma jistax jitqies li tali argumenti jikkorrispondu ma' konsiderazzjonijiet speċifiċi ta' politika għall-għanijiet ta' l-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija. Barra minn hekk, l-interessi u l-politika msemmija f'din id-dispożizzjoni, dwar l-aspetti tas-suq intern, tal-kompetizzjoni ġusta, ta' l-ambjent, ta' l-eneġija u t-trasport jargumentaw kontra l-għoti tad-derogi mitluba[9].

    Dwar l-aspett tal-"kompetizzjoni" imqajjem mill-Finlandja fir-rigward tan-navigazzjoni privata għad-divertiment, jekk xejn, dan jirrifletti tgħawwiġ li eżista fil-passat u li m'għandux jitkompla. [10].

    L-argumenti tal-Finlandja dwar it-tagħrif u l-ħila rilevanti għan-navigazzjoni fl-ajru u r-rieda biex jitwettqu missjonijiet ċivili lanqas ma jistgħu jiġu aċċettati. Il-bżonnijiet relatati huma speċifiċi ħafna u jistgħu jkunu sodisfatti permezz ta' miżuri mmirati, li jixirqu aktar fin-natura u fl-iskop, mingħajr ma jiġu effettwati l-interessi komunitarji msemmija hawn fuq, permezz ta' eżenzjoni anomola mit-taxxi armonizzati. Dan japplika b'mod ugwali għall-argument ippreżentat mill-Finlandja dwar reġjuni ftit li xejn popolati li għandhom tnaqqis fl-istrutturi ta' kummerċ li huma diffiċli biex jintlaħqu[11].

    Għal darb'oħra taħt l-aspett reġjonali, il-Kummissjoni tixtieq tiġbed l-attenzjoni li d-derogi li ngħataw fil-passat lill-Finlandja u l-Irlanda qatt ma tqiesu formalment bħala strument tal-politika reġjonali Komunitarja. Barra minn hekk, l-appoġġ provdut mill-Fondi Ewropej ma kienx immirat speċifikament lejn it-tħaddim ta' l-opri privati tal-baħar għad divertiment, u lanqas ma kien ibbażat fuq il-premessa li l-Finlandja u l-Irlanda jistgħu jkomplu bid-deroga mid-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija.

    Il-Finlandja u l-Irlanda fl-aħħar iqajmu wkoll argument ġeneralment aktar proporzjonali, billi sostnew li l-emissjonijiet ikkawżati mit-titjir privat għad-divertiment u n-navigazzjoni privata għad-divertiment fi ħdan it-total ikkawżat mis-settur tat-trasport kollu, huma baxxi u/jew li l-bidla għat-tassazzjoni standard m'hijiex effettiva fir-rigward tad-dħul. Dawn l-argumenti b'mod żbaljat iqisu l-eżenzjoni bħala l-punt tat-tluq u mhux l-għażla deliberata tal-leġiżlatur, biex jissoġġetta l-attivitajiet f'dan il-każ għal tassazzjoni standard. F'din il-perspettiva, il-proporzjonalità ma teħtieġx trattament mhux ugwali mat-trasport jew ma' l-attivitajiet simili, lanqas tista' tingħata importanza partikolari lill-fatt li l-ispejjeż għall-implimentazzjoni jistgħu jkunu differenti minn dawk f'oqsma oħra tad-dazju, ladarba differenzi ta' dan it-tip huma fin-natura ta' l-amministrazzjoni tat-taxxa. L-ebda wieħed minn dawn l-argumenti ma huwa ta' kunsiderazzjonijiet speċifiċi ta’ politika għall-għanijiet ta' l-Artikolu 19 tad-Direttiva[12].

    5. Konklużjoni

    Kollox ma’ kollox, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Finlandja, id-Danimarka u l-Irlanda ma ppreżentawx xi kunsiderazzjonijiet speċifiċi ta’ politika li kieku jiġġustifikaw il-ħtieġa għal iktar derogi mil-leġiżlazzjoni maħruġa diġà mill-UE b’unanimità f’żewġ okkażżjonijiet u li kieku tiġġustifika l-eżistenza ta’ miżura fiskali li tikkontradixxi b’mod ċar diversi politiki Komunitarji. L-argumenti mressqa mill-Istati Membri kkonċernati, jirrappreżentaw il-konsegwenzi ta' l-eżistenza tad-deroga nnifisha għall-perjodu ta' żmien twil.

    L-Istati Membri kkonċernati kellhom biżżejjed żmien biex jaġġustaw għas-sitwazzjoni l-ġdida meta wieħed iqis li din id-deroga u derogi simili ilhom jiġu diskussi fil-Komunità ta’ l-anqas mill-1996, u li l-Kummissjoni insistiet ripetutament dwar il-ħtieġa li d-deroga tinqata' gradwalment.

    Jekk l-iskadenza tad-deroga tikkawża diffikultajiet f'ċirkustanzi speċifiċi jew partikulari ħafna u sakemm jirrispettaw il-liġi tal-Komunità f'kull rigward, kemm jekk relatata mat-tassazzjoni fuq l-enerġija jew mod ieħor[13], l-Istati Membri applikanti jistgħu jadottaw miżuri mmirati biex itaffu jew jimmitigaw problemi ta' tranżizzjoni għar-reġim tat-tassazzjoni standard.

    Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 19 mhumiex sodisfatti. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni ma tipproponix l-awtorizazzjonijiet mitluba.

    [1] Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-qafas tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU L 283, tal-31.10.2003 p. 51; Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttivi 2004/74/KE u 2004/75/KE (ĠU L 157, tat-30 ta' April 2004, p. 87 u p.100).

    [2] L-ittri kienu rreġistrati fil-5 ta' Diċembru 2006 (il-Finlandja) fit-13 ta' Novembru 2006 (id-Danimarka) u fl-14 ta' Diċembru 2006 (l-Irlanda)

    [3] Id-Direttiva tal-Kunsill 92/81/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni ta’ l-istrutturi tad-dazji fuq iż-żjut minerali (ĠU L 316, tal-31.10.1992); Id-Direttiva aktar 'l quddiem irrevokat flimkien mad-Direttiva tal-Kunsill 92/82/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-approssimazzjoni tar-rati tad-dazji fuq iż-żjut minerali mill-31 ta' Diċembru 2003 permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE.

    [4] COM (1996) 549 ta' l-14 ta’ Novembru 1996.

    [5] COM (2000) 678 tal-15 ta' Novembru 2000.

    [6] COM(2006)342 tat-30 ta’ Ġunju 2006 Reviżjoni tad-derogi fl-Annessi II u III tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE li jiskadu sa l-aħħar ta’ l-2006.

    [7] COM(2006) 743 tat-30 ta' Novembru 2006 Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill skond l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE (it-tħaddim ta' l-opri privati tal-baħar għal divertiment) u COM(2006) 742 tat-30 ta' Novembru 2006 Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill skond l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE (titjir privat u għal divertiment)

    [8] Il-kwistjonijiet huma fi kwalunkwe każ huma indirizzati fil-leġiżlazzjoni korrispondenti. Mhumiex relatati mar-regoli tad-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija.

    [9] Għal dettalji, cf. Dokumenti COM(2006)742 u COM(2006)743, pp. 5 u 6 rispettivament.

    [10] Cf. COM(2006)742, p. 6.

    [11] Cf. COM(2006)742, p. 6.

    [12] Cf. COM(2006)742, p. 6; COM(2006)743, pp. 6 u 7.

    [13] Inkluż, b’mod partikolari, ir-regoli tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat.

    Top