Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006SC1135

    Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni tal-Komunità Ewropea fin-negozjati dwar regoli u proċeduri nazzjonali fil-qasam tar-responsabbilità u rimedju għall-ħsara ġejja mill-moviment transkonfinali ta’ l-Organiżmi Ħajjin Mmodifikati (LMOs) skond il-Protokoll ta’ Cartagena dwar il-Bijosikurezza

    /* SEK/2006/1135 finali */

    52006SC1135

    Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni tal-Komunità Ewropea fin-negozjati dwar regoli u proċeduri nazzjonali fil-qasam tar-responsabbilità u rimedju għall-ħsara ġejja mill-moviment transkonfinali ta’ l-Organiżmi Ħajjin Mmodifikati (LMOs) skond il-Protokoll ta’ Cartagena dwar il-Bijosikurezza /* SEK/2006/1135 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 15.09.2006

    SEG(2006) 1135 finali

    RAKKOMANDAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

    dwar il-parteċipazzjoni tal-Komunità Ewropea fin-negozjati dwar regoli u proċeduri nazzjonali fil-qasam tar-responsabbilità u rimedju għall-ħsara ġejja mill-moviment transkonfinali ta’ l-Organiżmi Ħajjin Mmodifikati (LMOs) skond il-Protokoll ta’ Cartagena dwar il-Bijosikurezza

    A. MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1. Il-Protokoll ta' Cartagena dwar is-Sikurezza Bijoloġika għall-Konvenzjoni ta' Cartagena dwar id-Diversità Bijoloġika daħal fis-seħħ fil-11 ta' Settembru 2003. Fuq il-bażi tal-prinċipju prekawzjonarju, il-Protokoll jipprovdi qafas għat-trasferiment, il-manipulazzjoni u l-użu fis-sikurezza ta' organiżmi ħajjin modifikati (LMOs) ġġenerati mill-bijoteknoloġija moderna li jistgħu jkollhom effetti ħżiena fuq il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika, jew inkella jqajmu riskji għas-saħħa tal-bniedem. Il-Protokoll jiffoka speċifikament fuq il-moviment li jaqsam il-fruntieri.

    2. Il-Kunsill adotta Deċiżjoni dwar il-konklużjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll fil-25 ta' Ġunju 2002. L-istrument għar-ratifika Komunitarja ġie ddepożitat fis-27 ta' Awissu 2002.

    3. Skond l-Artikolu 27 tal-Protokoll, il-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-Laqgħa tal-Partijiet tal-Protokoll (COP/MOP) għandha, fl-ewwel laqgħa tagħha, tadotta proċess dwar ir-regoli internazzjonali u l-proċeduri fil-qasam tar-responsabbilità u l-kumpens għal ħsara ġejja minn movimenti transkonfinali ta’ l-organiżmi, waqt li jiġu analizzati u jitqiesu l-proċessi fil-liġi internazzjonali dwar dawn il-kwistjonijiet, u jsir sforz biex dan il-proċess, fi żmien erba’ snin, ikun komplet. Fl-ewwel laqgħa tagħha fl-2004, il-COP/MOP stabbilixxiet Grupp ta’ Ħidma Indeterminat u Ad-Hoc ta’ Esperti Legali u Tekniċi dwar ir-Responsabbilità u l-Kumpens biex jissodisfa l-Artikolu 27.

    4. Il-mandat ta’ dan il-grupp huwa li jeżamina l-informazzjoni u janalizza l-kwistjonijiet ġenerali dwar r-responsabbilità u l-kumpens għal ħsara ġejja minn movimenti transkonfinali ta' l-LMOs u biex jelaboraw l-ġħażliet għal elementi ta’ regoli u proċeduri dwar ir-responsabbilità u l-kumpens. Il-Grupp Ad-Hoc dwar ir-Responsabbilità u r-Kumpens iltaqa’ darbtejn, mill-25 sas-27 ta’ Mejju 2005 u mill-20 sa’ l-24 ta’ Frar 2006 f’Montreal, il-Kanada. Wara r-reviżjoni ta’ informazzjoni u analiżi ta’ kwistjonijiet ġenerali, il-Grupp mexa’ għall-elaborazzjoni tat-test operattiv għall-elementi varji tar-regoli u l-proċeduri dwar ir-responsabbilità u l-kumpens. It-tielet, ir-raba’ u l-ħames laqgħa tal-Grupp se jsiru fl-2007 u sa’ l-2008 sabiex ikun jista’ jippreżenta l-aħħar rapport tiegħu flimkien mar-regoli internazzjonali proposti fil-qasam tar-responsabbilità u l-kumpens għall-COP/MOP4 skedati għall-2008 fil-Ġermanja.

    5. Skond l-Artikolu 174.1 tat-Trattat tal-KE, wieħed mill-għanijiet tal-politika ta’ l-ambjent huwa l-promozzjoni ta’ miżuri f’livell internazzjonali biex jitratta l-problemi ta’ l-ambjent reġjonali u madwar id-dinja. Sabiex jintlaħaq dan il-għan, il-Komunità tista’ tikkonkludi ftehimiet ma partijiet terzi skond l-Artikoli 175 u 300.

    6. Skond l-Artikolu 300.1 tat-Trattat tal-KE, għall-konklużjoni ta' xi ftehim bejn il-Komunità u Stat wieħed jew iktar jew organizzazzjonijiet internazzjonali, il-Kummissjoni għandha tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill, li għandu jawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati meħtieġa. Il-Kummissjoni għandha tmexxi dawn in-negozjati b'konsultazzjoni ma' kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill biex jgħin lill-Kummissjoni f'dan ix-xogħol u fil-qafas tad-direttivi li l-Kunsill jista' jindirizza lilha. Fl-eżerċizzju tal-poteri mogħtija lilu b'dan il-paragrafu, il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, ħlief fil-każi fejn l-ewwel sub-paragrafu tal-paragrafu 2 jipprovdi li l-Kunsill għandu jaġixxi unanimament.;

    7. It-test dwar ir-regoli u l-proċeduri internazzjonali dwar ir-responsabbilità u l-kumpens COP/MOP4 li jridu jiġu addottati fl-2008 għandhom ikunu nnegozjati fit-tliet laqgħat li jmiss ta’ Grupp ta’ Ħidma Indeterminat u Ad-Hoc ta’ Esperti Legali u Tekniċi dwar ir-Responsabbilità u l-Kumpens. Dawn ir-regoli u proċeduri jikkonċernaw il-ħarsien ta’ l-ambjent u għandhom jikkostitiwixxu ftehim fis-sens ta’ l-Artikolu 300.1 tat-Trattat tal-KE. Numru ta' strumenti leġiżlattivi[1] ikopru r-responsabbilità u l-kumpens għall-ħsara minn movimenti transkonfinali ta’ l-LMOs. L-Istati Membri ma jistgħux jidħlu għal obbligi barra l-qafas tal-leġiżlazzjoni Komunitarja li jistgħu jkollhom effett fuq ir-regoli Komunitarji jew jibdlulhom l-ambitu tagħhom.

    8. Għalhekk, jinħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill, li għandu jawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati meħtieġa dwar din il-kwistjoni fil-laqgħat li jmiss tal-Grupp ta’ Ħidma Indeterminat u Ad-Hoc ta’ Esperti Legali u Tekniċi dwar ir-Responsabbilità u l-Kumpens fl-2007 u l-2008 u fil- COP/MOP4 fl-2008.

    B. RAKKOMANDAZZJONI

    Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tirrakkomanda li:

    1. il-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni biex tipparteċipa, f’isem il-Komunità Ewropea fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza Komunitarja, fin-negozjati dwar ir-regoli u l-proċeduri internazzjonali fil-qasam tar-responsabbilità u l-kumpens għal ħsara ġejja minn movimenti transkonfinali ta' l-LMOs skond il-Protokoll ta' Cartagena dwar il-Bijosikurezza fit-tielet, ir-raba’ u l-ħames laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma Indeterminat u Ad-Hoc ta’ Esperti Legali u Tekniċi dwar ir-Responsabbilità u l-Kumpens u fir-raba laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll.

    2. Il-Kummissjoni tmexxi dawn in-negozjati f’isem il-Komunità Ewropea, fir-rigward kwistjonijiet li jaqgħu fi ħdan il-kompetenza Komunitarja, f’konsultazzjoni ma kumitat speċjali ta’ rappreżentanti ta’ l-Istati Membri skond id-direttivi tan-negozjati mehmuża;

    3. sakemm dawn ir-regoli u proċeduri jitrattaw ħwejjeġ li jaqgħu parzjalment taħt il-kompetenza tal-Komunità u parzjalment taħt dik ta' l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw mill-qrib waqt il-proċess tan-negozjati, bil-għan ta' l-unità fir-rappreżentanza internazzjonali tal-Komunità Ewropea, u;

    4. il-Kunsill joħroġ id-direttivi tan-negozjati annessi.

    ANNESS

    ID-DIRETTIVI TAN-NEGOZJATI

    1. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li r-regoli u l-proċeduri internazzjonali fil-qasam tar-responsabbilità u l-kumpens għal ħsara ġejja minn movimenti transkonfinali ta’ l-LMOs li għandhom jiġu addottati taħt il-Protokoll ta’ Cartagena dwar il-Bijosikurezza huma konsistenti mal-leġiżlazzjoni relevanti Komunitarja u li jitqiesu l-kapaċitajiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw waqt in-negozjati ta’ dawn ir-regoli u l-proċeduri.

    2. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li, jekk ir-regoli u l-proċeduri jew partijiet minnhom jieħdu s-sura ta' ftehim li jorbot legalment, dan ta’ l-aħħar jkun fih id-dispożizzjonijiet xierqa li jippermettu l-Komunità ssir Parti minnhom.

    3. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar ir-riżultati tan-negozjati u, fejn dan ikun f'loku, dwar kwalunkwe problema li tista' tinqala' waqt in-negozjati.

    [1] Inter alia , id-Direttiva 2004/35/KE dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u l-kumpens għal danni ambjentali, ĠU L 143, 21.4.2004, p.56; Id-Direttiva 85/374/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonjiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri, ĠU L 210, 7.8.1985, p.29, kif emendat iktar tard; Ir-Regolament (KE) 44/2001 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali, ĠU L 12, 22.12.2000, p.1.

    Top