Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006SC0929

    Dokument ta' ħidma għall-istaff tal-Kummissjoni - Rapport tal-Valutazzjoni ta’ l-Impatt - Anness ma’ l-Abbozz tal-Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar Linji ta’ Gwida Strateġiċi tal-Komunità għall-Koeżjoni {COM(2006) 386 final}

    /* SEK/2006/0929 finali */

    52006SC0929

    Dokument ta' ħidma għall-istaff tal-Kummissjoni - Rapport tal-Valutazzjoni ta’ l-Impatt - Anness ma’ l-Abbozz tal-Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar Linji ta’ Gwida Strateġiċi tal-Komunità għall-Koeżjoni {COM(2006) 386 final} /* SEK/2006/0929 finali */


    [pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussell, 13.7.2006

    SEC(2006) 929

    DOKUMENT TA' ĦIDMA GĦALL-ISTAFF TAL-KUMMISSJONI

    Rapport tal-Valutazzjoni ta’ l-Impatt

    Anness ma’ l-Abbozz tal-Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar [Linji ta’ Gwida Strateġiċi tal-Komunità għall-Koeżjoni] {COM(2006) 386 final}

    IL-VALUTAZZJONI TA' L-IMPATT: LINJI TA’ GWIDA STRATEġIċI TAL-KOMUNITÀ GħALL-KOEżJONI, 2007-2013

    DĠ bħala kap: DĠ REGIO

    Servizzi oħra involuti : DĠ EMPL

    L-ipprogrammar ta’ l-aġenda jew ir-referenza tal-Programm ta’ Ħidma (WP) : 2005/REGIO+/013

    Il-Kwistjonijiet ta’ Proċedura u l-konsultazzjoni ta’ partijiet interessati

    L-organizzazzjoni u l-iskedar

    Fl-14 ta’ Lulju, il-Kummissjoni skedat il-proposta tagħha għal Regolament tal-Kunsill li jistipula d-dispożizzjonijiet ġenerali għall-Fond Ewropew ta’ l-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond tal-Koeżjoni [COM(2004)492 finali].

    Skond l-Artikolu 23 ta’ l-abbozz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) li jistipula dispożizzjonijiet ġenerali għall-Fond Ewropew ta’ l-Iżvilupp Reġjonali ( European Regional Development Funds - ERDF), il-Fond Soċjali Ewropew ( European Social Fund - ESF) u l-Fond tal-Koeżjoni, hija responsabilità tal-Kunsill li jistabbilixxi, wara l-adozzjoni tar-regolamenti u fuq il-bażi ta' proposta tal-Kummissjoni, filwaqt li jieħu f'kunsiderazzjoni l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew, linji strateġiċi ta’ gwida tal-Komunià għal politika ta’ koeżjoni sabiex “jiġu fis-seħħ il-prijoritajiet tal-Komunità bil-ħsieb ta’ promozzjoni ta’ żvilupp bilanċjat, armonjuż u sostenibbli”[1].

    Dawn il-linji ta’ gwida diġà kienu adottati f’forma ta’ abbozz (COM (2005) 299 finali, 5 ta’ Lulju 2005). L-abbozz tal-proposta jieħu f'kunsiderazzjoni l-kummenti mressqa mill-Istati Membri, ir-riżultati ta’ l-eżerċizzju ta’ konsultazzjoni pubblika u l-Opinjoni adottata mill-Parlament Ewropew waqt sessjoni plenarja fit-18 ta’ Mejju 2006. Hemm il-ħsieb li l-Kummissjoni se tadotta l-Linji ta’ Gwida fit-12 ta’ Lulju 2006.

    Il-Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

    Fil-proċess ta’ tħejjija tal-Linji ta’ Gwida Strateġiċi tal-Komunità, inżammu numru ta’ avvenimenti li kienu jinvolvu l-Istati Membri, awtoritajiet lokali/reġjonali u msieħba oħra:

    - Konferenza fuq is-suġġett ta’ “Il-Koeżjoni u l-Aġenda ta’ Liżbona: ir-rwol tar-reġjuni” fit-3 ta’ Marzu 2005;

    - Konsultazzjonijiet ma’ l-Istati Membri bejn Jannar u April ta’ l-2005 fl-Entità ta’ Ħidma ta’ Azzjonijiet Strutturali;

    - Preżentazzjoni fis-17 ta’ Mejju 2005 ta' dokument informali għal prijoritajiet tal-ġejjieni bħala bażi għal diskussjonijiet fil-Kunsill Informali;

    - Diskussjoni dwar dokument informali waqt laqgħa informali ta’ Ministri fil-Lussemburgu fl-20 ta' Mejju 2005.

    It-test sħiħ tal-linji strateġiċi ta’ gwida jieħu f’kunsiderazzjoni kemm id-dokument informali kif ukoll dak li ħareġ minn dawn id-diskussjonijiet.

    Il-Konsultazzjoni mal-pubbliku

    Inżammet konsultazzjoni pubblika fuq l-abbozz tal-Linji ta’ Gwida Strateġiċi tal-Komunità għall-Koeżjoni 2007-2013. Il-konsultazzjoni tnediet fis-7 ta’ Lulju 2005 u ntemmet fit-30 ta’ Settembru 2005, bħala parti minn proċess ta’ konsultazzjoni usa’ li beda bil-proposti leġiżlattivi tal-Komunità għal politika ta’ Koeżjoni, 2007-2013. Matul l-2003 u l-2004, il-Kummissjoni involviet ruħha f’konsultazzjoni wiesgħa ma’ l-awtoritajiet reġjonali u lokali Ewropej u l-assoċjazzjonijiet tagħhom kif ukoll ma’ partijiet interessati oħra fid-dibattitu dwar il-ġejjieni tal-politika ta' koeżjoni, 2007-2013. Dawn l-ewwel passi kienu deskritti f’sinteżi fil-valutazjoni ta’ l-impatt li akkumpanjat il-proposti leġiżlattivi f’Lulju 2004[2]. Għalhekk, din il-konsultazzjoni pubblika kellha l-għan li tinvolvi l-pubbliku ġenerali u li taġevola l-iskambju ta’ l-opinjonijiet dwar id-dimensjoni strateġika tal-politika tal-koeżjoni, 2007-2013.

    Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika jistgħu jiġu deskritti fil-qosor kif ġej:

    1. il-politika tal-koeżjoni hija marbuta intrinsikament mal-kompetittivita b’mod ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea u għandha tappoġġja l-aġenda ta’ tkabbir ekonomiku u ta’ impjiegi;

    2. billi tiżviluppa sinerġiji u komplementarjetà ma' politiki oħra tal-Komunità, il-politika tal-koeżjoni tista' tikkontribwixxi b'mod ulterjuri għall-aġenda ta' Liżbona;

    3. l-enfasi fuq l-innovazzjoni u l-ekonomija ta’ l-għarfien kienet appoġġjata b’mod wiesa’; kienet ikkonfermata l-ħtieġa sabiex tissaħħaħ l-azzjoni bħala appoġġ għar-riċerka, l-edukazzjoni u t-taħriġ;

    4. il-konċentrazzjoni fuq numru limitat ta’ prijoritajiet għandha tgħin sabiex tkattar għall-ogħla livell il-valur miżjud ta’ programmi tal-politika tal-koeżjoni;

    5. intlaqgħet b'mod wiesa’ u tħeġġet l-inklużjoni ta’ elementi aktar innovattivi, bħal ma hija l-enfasi fuq l-aċċess għal finanzjament u l-inġinerija finanzjarja, sħubija bejn entitajiet pubbliċi u dawk privati, investiment fis-saħħa sabiex titrawwem kompetittività u produttività, u bini ta’ kapaċità amministrattiva;

    6. il-Linji ta’ Gwida għandhom jippermettu lill-Istati Membri u r-reġjuni l-flessibilità meħtieġa sabiex jagħżlu taħlita xierqa ta’ prijoritajiet u azzjonijiet li huma xierqa bħala reazzjoni għar-rekwiżiti tagħha stess ta’ żvilupp;

    7. li d-dimensjoni territorjali tal-politika tal-koeżjoni għandha tkun enfasizzata fil-Linji ta’ Gwida, mhux billi tiġi ssagrifikata l-koeżjoni territorjali min-naħa l-waħda jew il-kompetittività min-naħa l-oħra, iżda minflok bħala kunċetti komplementari. Ir-rwol ta’ l-ibliet bħala kontributuri ewlenin għall-aġenda tat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi u l-ħtieġa għal diversifikazzjoni ekonomika taż-żoni rurali ssemmew b’mod ripetut bħala oqsma importanti li għandhom jissaħħu fil-Linji ta’ Gwida.

    8. li l-enfasi fuq il-kompetittività u l-innovazzjoni għandha tieħu f’kunsiderazzjoni l-aġenda soċjali u li l-politika tal-koeżjoni tal-ġejjieni għandha tissokta l-istrateġija bilanċjata sabiex tilħaq l-għanijiet ta' tkabbir ekonomiku ogħla u ta’ tkattir u titjib ta’ l-impjiegi;

    9. il-Linji ta’ Gwida għandhom jagħrfu formalment ir-rwol vitali ta’ reġjuni u bliet kif ukoll tas-settur li mhuwiex tal-gvern fl-ippjanar, id-diżinn, it-twettiq, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni tal-programmi tal-politika tal-koeżjoni;

    Bi tweġiba għal konsultazzjoni pubblika, waslu 197 kontribuzzjoni valida. Ġie ppubblikat rapport u dan tqiegħed fil-websajt Europa. Din il-konsultazzjoni twettqet simultanjament mal-proċess istituzzjonali li involva l-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Il-kummenti li nġabru permezz tal-konsultazzjoni kienu mbagħad, kif kien xieraq, inkorporati fit-test.

    L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew

    Il-Parlament Ewropew adotta rapport fuq l-abbozz tal-Linji ta’ Gwida[3] fit-18 ta’ Mejju 2006/

    Il-konklużjonijiet ewlenin ta’ l-opinjoni tal-PE jistgħu jingħataw f’sinteżi kif ġej:

    10. Il-PE jilqa’ b’mod favorevoli l-fatt li l-linji strateġiċi ta’ gwida jfasslu l-prijoritajiet tal-Komunità fil-promozzjoni ta’ żvilupp bilanċjat, armonjuż u sostenibbli.

    11. jenfasizza li l-politika ta’ koeżjoni ma tistax tieħu post l-isforzi ta’ l-Istati Membri meħtieġa f’bosta oqsma ta’ politika sabiex jinkisbu l-miri ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona.

    12. l-għanijiet ta’ l-istrateġija ta’ Liżbona ma għandhomx jinkisbu a skapitu tal-kisba ta’ koeżjoni soċjali u ekonomika aktar b’saħħitha, iżda minflok għandhom jagħtu kontribut għat-tisħiħ ta’ din il-koeżjoni fi ħdan il-qafas tal-linji strateġiċi ta’ gwida.

    13. l-Istrateġija ta’ Liżbona trid timxi id f’id ma’ l-istarteġija ta’ Göteborg dwar l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli.

    14. jagħti ħarsa kritika lejn l-assenjazzjoni tan-nefqa tal-politika ta’ koeżjoni favur il-prijoritajiet ta’ l-istrateġija ta’ Liżbona.

    15. jenfasizza l-importanza li tittieħed f'kunsiderazzjoni d-dimensjoni urbana.

    16. jenfasizza l-importanza tal-prinċipju tas-sħubija bħala fattur ewlieni fid-determinazzjoni tas-suċċess ta’ l-implimentazzjoni tal-programmi.

    17. jenfasizza l-importanza ta’ l-użu tas-sħubiji bejn entitajiet pubbliċi u dawk privati;

    18. l-iskambju ta’ ‘l-aqwa prassi’ u l-esperjenza pożittiva ma’ l-inizjattiva tal-Komunità EQUAL għandhom jissuktaw fil-perjodu ta’ l-ipprogrammar 2007-20131;

    19. ‘koeżjoni territorjali’ teħtieġ li tiġi indirizzata b'mod suffiċjenti fil-Linji Strateġiċi ta' Gwida tal-Komunità.

    L-Opinjonijiet tal-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Il-Kumitat tar-Reġjuni adotta Opinjoni (nru. 140/2005) ta’ Novembru 2005 fuq l-abbozz ta’ Linji Strateġiċi ta’ Gwida tal-Komunità u l-istess għamel il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (CESE 592/2006) ta’ April 2006.

    ID-DEFINIZZJONI TAL-PROBLEMA

    Skond l-Artikolu 23 ta’ l-abbozz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) li jistipula dispożizzjonijiet ġenerali għall-Fond Ewropew ta’ l-Iżvilupp Reġjonali ( European Regional Development Funds - ERDF), il-Fond Soċjali Ewropew ( European Social Fund - ESF) u l-Fond tal-Koeżjoni, hija responsabilità tal-Kunsill sabiex jistabbilixxi, wara l-adozzjoni tar-regolamenti u fuq il-bażi ta' proposta tal-Kummissjoni, filwaqt li jieħu f'kunsiderazzjoni l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew, linji strateġiċi ta’ gwida tal-Komunià għal politika ta’ koeżjoni sabiex “jiġu fis-seħħ il-prijoritajiet tal-Komunità bil-ħsieb ta’ promozzjoni ta’ żvilupp bilanċjat, armonjuż u sostenibbli”[4].

    L-Għanijiet ewlwnin

    L-għan ewlieni tal-Linji Strateġiċi ta’ Gwida għal Koeżjoni huwa li jipprovdi lill-Istati Membri bi gwida għat-tħejjija ta’ Oqsfa ta’ Referenza Strateġika Nazjonali, bil-ħsieb li jiżguraw li l-programmi kofinanzjati mill-Fondi huma skond il-prijorità ta’ l-oqsma ta’ politika definiti fil-livell ta’ Komunità, b’mod partikolari, sabiex jgħinu fit-twettiq ta’ l-Aġenda ta’ Liżbona għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq u ta’ l-istrateġija mġedda ta’ Liżbona għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, programmi kkofinanzjati permezz tal-politika ta' koeżjoni għandhom ifittxu li jikkonċentraw fuq ir-riżorsi skond it-tliet prijoritajiet li ġejjin:

    - itejbu l-faxxinu ta' Stati Membri, reġjuni u bliet billi tittejjeb l-aċċessibilità, jiġu żgurati kwalità adegwata u livell ta’ servizzi, u jiġi ppreżervat il-potenzjal ambjentali tagħhom;

    - iħeġġu l-innovazzjoni, l-intraprenditorjat u t-tkabbir ta’ l-ekonomija ta’ l-għarfien permezz tal-kapaċitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż tagħrif ġdid u teknoloġiji ta’ komunikazzjoni; kif ukoll

    - joħolqu tkattir u titjieb ta’ l-impjiegi billi jiġbdu aktar nies fl-impjieg jew fl-attività intraprenditorjali, itejbu l-adatabilità tal-ħaddiema u l-intrapriżi u jżidu l-investiment fil-kapital uman.

    Dawn il-prijoritajiet jikkorrispondu għal dawk stipulati fid-dokument tal-Kummissjoni “Sħubija għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi” ippubblikati fi Frar 2005[5] u mħaddna mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa.

    Il-Linji Strateġiċi ta’ Gwida tal-Komunità jirrappreżentaw qafas uniku li l-Istati Membri u r-reġjuni huma mistiedna li jużaw meta jkunu qed jiżviluppaw programmi nazzjonali, reġjonali u lokali, b’mod partikolari bl-għan li jivvalutaw il-kontribut li qed jagħtu għall-għanijiet ta’ l-Unjoni f’termini ta’ koeżjoni, tkabbir ekonomiku u impjiegi. Il-Linji ta’ Gwida huma kondizzjoni meħtieġa, iżda mhumiex l-unika kondizzjoni sabiex jinkiseb il-livell it-tajjeb ta’ konċentrazzjoni fuq prijoritajiet ewlenin għal kull Stat Membru u reġjun skond l-aġenda mġedda ta' Liżbona.

    L-għażliet tal-politika

    Il-Linji ta’ Gwida huma rekwiżit taħt l-Artikolu 23 ta’ l-abbozz tar-Regolament Ġenerali. F’termini ta’kontenut, ir-regolament jikkonferma li l-Linji ta’ Gwida għandhom jidentifikaw prijoritajiet tal-Komunità għal appoġġ taħt il-politika tal-koeżjoni u b’mod partikolari, għat-tisħiħ tas-sinerġiji ma’ l-istrateġija ta’ Liżbona għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u jgħinu fit-twettiq tagħha. Minħabba f'hekk il-Linji ta' Gwida jadottaw tliet prinċipji identifikati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Sħubija għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi” u mħaddna mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2005.

    Din l-istrateġija hija appoġġjata mir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika li kkonfermat l-opinjoni ġenerali li l-politika tal-koeżjoni hija intrinsikament marbuta mal-kompetittivita b’mod globali ta’ l-Unjoni Ewropea u għandha tikkontribwixxi direttament għall-aġenda ta’ tkabbir ekonomiku u impjiegi. Kemm ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika kif ukoll l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew, it-tnejn jikkonfermaw li permezz ta' l-iżvilupp ta' sinerġiji u komplementarità ma' politiki oħra tal-Komunità, il-politika tal-koeżjoni tista' tikkontribwixxi b'mod ulterjuri għall-aġenda ta’ Liżbona. Il-verżjoni finali tal-Linji Strateġiċi ta’ Gwida tal-Komunità, li hija soġġetta għal din il-proċedura ta’ deċiżjoni, fiha l-istess lista fundamentali ta’ prijoritajiet, u dan huwa essenzjali sabiex tiżgura li l-konċentrazzjoni tar-riżorsi finanzjarji fuq numru limitat ta’ prijoritajiet ikollha impatt politiku, ekonomiku u soċjali akbar. Barra minn hekk, il-verżjoni finali tal-Linji ta’ Gwida tipprovdi aktar dettall fuq l-azzjonijiet eżistenti ta’ prijorità, b’reazzjoni għar-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika, kummenti mill-Istati Membri u l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew.

    L-ANALIżI TA’ L-IMPATTI

    L-analiżi ppreżentata f’din it-taqsima ma ssarrafx f’analiżi kwantitattiva sħiħa ta’ l-impatti fuq l-ekonomija, l-ambjent u s-soċjetà. Rendikont ta’ l-impatti mistennija fuq l-ekonomija, is-soċjetà u l-ambjent tal-fondi ġodda tal-koeżjoni jista’ jinstab fl-IA mehmuża mal-proposta tal-Kummissjoni għal regolamenti ġodda[6]. Minnhom infushom, il-Linji ta’ Gwida ma jistgħux ikollhom impatt dirett, miżurabbli u kwantifikabbli fuq it-tħaddim tas-suq intern, il-kompetittività ta’ l-intrapriżi jew il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda. Minflok, l-impatt intenzjonat tal-Linji ta’ Gwida huwa li jiżguraw li r-riżors finanzjarju tal-Komunità għal politika ta’ koeżjoni jkun immirat fuq il-prijoritajiet tal-Komunità, b’mod partikolari, sabiex tinkiseb l-aġenda ta’ tkabbir ekonomiku u impjiegi filwaqt li sservi bħala għodda qawwija li tattiva l-implimentazzjoni ta’ politiki oħra tal-Komunità. Filwaqt li jagħmlu dan, il-Linji ta’ Gwida jiġbdu wkoll l-attenzjoni għall-ħtieġa, fejn huwa possibbli, li jiġu mmassimizzati s-sinerġiji u l-komplementarjetà ma’ politiki oħra tal-Komunità.

    F’dak li għandu x’jaqsam ma’ tkabbir ekonomiku u impjiegi, l-impatt tal-politika tal-koeżjoni fl-appoġġ ta’ l-istrateġija ta’ Liżbona għandu jseħħ permezz li tkun żgurata koordinazzjoni mill-qrib mal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma. Il-biċċa l-kbira tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma jiffukaw fuq l-importanza ta’ l-infrastruttura moderna tat-trasport u ta' l-informatika u t-teknoloġiji tal-komunikazzjoni (eż id-disponibilità tal- broadband ). Dawn huma eżempji tat-tip ta’ investimenti li jistgħu jiġu appoġġjati permezz tal-politika tal-koeżjoni. Fl-aħħar nett, skond ir-Rapport Annwali tal-Kummissjoni dwar il-Progress, "numru kbir ta’ Stati Membri jeħtieġu wkoll li jiżguraw li l-infiq tal-Komunità tal-koeżjoni u ta’ l-iżvilupp rurali jkun immirat lejn l-appoġġ ta’ l-istrateġija ta’ Liżbona b’mod ġenerali. Fil-fatt, għandu jkun ipprogrammat sabiex jagħti sostenn dirett għall-programmi nazzjonali ta’ riforma”[7].

    IL-MONITORAġġ U L-EVALWAZZJONI

    Il-proċeduri simultanji għall-proċess ta’ Liżbona u t-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika tal-koeżjoni fiż-żewġ każijiet jinvolvu rrapurtaġġ regolari inklużi opportunitajiet għal kontrolli doppji sabiex tkun żgurata l-konsistenza. Huma r-regolamenti tal-politika tal-koeżjoni li jipprovdu l-bażi legali għal kontrolli doppji.

    Fil-każ tal-politika tal-koeżjoni r-regolamenti jipprevedu (1) it-tħejjija ta' rapporti annwali ta’ implimentazzjoni mill-Istati Membri mill-2008 ’l quddiem u (2) għal rappurtaġġ mill-Istati Membri dwar il-kisbiet strateġiċi tal-programmi f’żewġ okkażjonijiet, fl-2009 u l-2012. Ir-rapporti strateġiċi jrid ikollhom, fost ħwejjeġ oħra, tagħrif dwar kif il-programmi kkontribwew għal kisba ta’ l-għanijiet ta’ l-Istrateġija ta’ Tkabbir Ekonomiku u Impjiegi ta’ Liżbona. Fl-2010 u l-2013, il-Kummissjoni se tippubblika sinteżi tar-rapporti nazzjonali għall-attenzjoni tal-Kunsill u l-Parlament Ewropew. Sors kwantitattiv ewlieni ta’ tagħrif għar-rapporti strateġiċi se jkun it-tagħrif dwar riżorsi marbuta taħt kull waħda mill-kategoriji identifikati bħala relatati ma’ l-istrateġija ta’ Liżbona.

    Fil-każ tal-proċess ta’ Liżbona, il-punt ta’ qofol jirrelata mal-fatt li r-regolamenti tal-politika tal-koeżjoni jagħmlu dispożizzjoni espliċita għall-arranġamenti ta’ kontrolli doppji. Għall-ewwel darba fl-2007, l-Istati Membri se jintalbu li jipprovdu tagħrif dwar il-kontribut tal-politika tal-koeżjoni fir-rapport annwali ta’ implimentazzjoni tagħhom ta’ Liżbona fit-twettiq tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma. Fir-reazzjoni tagħha għal dawn ir-rapporti annwali, li tieħu l-forma ta’ Rapport Annwali tal-Progress, ir-regolamenti jirrikjedu li lKummissjonitagħmel sinteżi tat-tagħrif ipprovdut mill-Istati Membri.

    Fil-qosor, ir-regolamenti ġodda se jfittxu li jiżguraw li l-politika tal-koeżjoni ġenwinament għandha rwol fit-twettiq ta’ l-aġenda ta’ Liżbona bl-għajnuna ta’ dawn l-arranġamenti robusti ta’ rrappurtaġġ u ta’ kontrolli doppji.

    [1] COM (2004) 492 finali, Artikolu 23.

    [2] SEC(2004) 924, 14.7.2004

    [3] L-opinjoni tal-PE, A6-0175/2006, 10 ta’ Mejju 2006.

    [4] COM (2004) 492 finali, l-Artikolu 23

    [5] Komunikazzjoni lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa “Naħdmu flimkien għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjiegi - bidu ġdid għall-Istrateġija ta' Liżbona”, COM (2005) 24, 2 ta’ Frar 2005

    [6] SEC(2004) 924.

    [7] COM (2006) 30 finali, 25.1.2006, p. 14.

    Top