Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006PC0868

    Proposta għal regolament tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa dwar il-kooperazzjoni fis-sajd u l-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-Baħar Baltiku

    /* KUMM/2006/0868 finali - CNS 2006/0309 */

    52006PC0868

    Proposta għal regolament tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa dwar il-kooperazzjoni fis-sajd u l-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-Baħar Baltiku /* KUMM/2006/0868 finali - CNS 2006/0309 */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 22.12.2006

    KUMM(2006) 868 finali

    2006/0309 (CNS)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa dwar il-kooperazzjoni fis-sajd u l-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-Baħar Baltiku

    (preżentata mill-Kummissjoni)

    MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

    IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA |

    110 | Ir-raġunijiet għall-proposta u għanijietha Bejn l-10 u t-12 ta' Lulju 2006, il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa nnegozjaw u kkonkludew Ftehim dwar il-kooperazzjoni fis-sajd u fil-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-Baħar Baltiku, li fit-28 ta' Lulju 2006 ġie inizjalat mill-Komunità u fis-7 ta' Awwissu 2006 mill-Federazzjoni Russa. Dan il-Ftehim għandu jibqa' fis-seħħ għall-perjodu inizjali ta' sitt snin mid-data tad-dħul tiegħu fis-seħħ. Huwa fl-interess tal-Komunità li dak il-Ftehim jiġi approvat . Il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill jadotta permezz ta' Regolament dan il-Ftehim ġdid bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa, dwar il-kooperazzjoni fis-sajd u l-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-Baħar Baltiku |

    120 | Il-kuntest ġenerali In-negozjati dwar ftehim bilaterali fil-qasam tas-sajd bejn il-Federazzjoni Russa u l-Komunità jmorru lura għaż-żmien ta' dik li kienet tissejjaħ l-Unjoni Sovjetika fl-1977, ftit wara l-estensjoni tal-ġurisdizzjonijiet tas-sajd għal 200 mil nawtiku (NM). Madankollu, għalkemm in-negozjati nfetħu bis-serjetà fl-1988, ma seta' jintlaħaq l-ebda ftehim. Fl-1997, il-Federazzjoni Russa esprimiet l-intenzjoni tagħha li testendi l-ftehim biex ikopri l-interessi tas-sajd kollha tagħha u ma kenitx għadha interessata li tillimita l-firxa tagħha għall-Baħar Baltiku. Il-Kunsill qabel ma' dan u f'Marzu 2001 adotta mandat estiż. Madankollu, f'Marzu 2004 n-negozjati kellhom jitwaqqfu għax kien jidher li l-Federazzjoni Russa ma kenitx għadha interessata li tikkonkludi ftehim tas-sajd kumplessiv. Wara t-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea f'Mejju 2004, skond l-Artikolu 6 (12) ta' l-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, u l-Polonja ħadu l-passi neċessarji biex jirtiraw mill-Konvenzjoni dwar is-Sajd u l-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin fil-Baħar Baltiku u l-Belts (Il-Konvenzjoni ta' Gdansk) jew fid-data ta' l-adeżjoni tagħhom inkella malajr kemm jista' jkun, wara dik id-data. Peress li l-Federezzjoni Russa hija responsabbli biss għal 5% tar-riżorsi tas-sajd tal-Baħar Baltiku f'żoni limitati ħafna madwar Kaliningrad u St Petersburg, u peress li l-ilmijiet kollha tal-Baħar Baltiku issa jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni nazzjonali, il-Komunità kienet tal-fehma li Konvenzjoni internazzjonali bejn żewġ Partijiet, bħala mekkaniżmu, ma tkunx tixraq u tkun sproporzjonata biex jitwettqu l-obbligi tal-Partijiet għall-kooperazzjoni fil-ġestjoni tas-sajd. Għalhekk il-Komunità ddeċidiet li tirtira mill-Konvenzjoni ta' Gdansk u lestiet il-proċeduri neċessarji permezz tat-trażmissjoni ta' Note Verbale ta' l-20 ta' Diċembru 2004, mill-Kunsill lir-Repubblika tal-Polonja. Fil-ġurnata ta' llum l-Polonja biss, li ppreżentat in-notifika tagħha għall-irtirar aktar 'l quddiem u l-Federazzjoni Russa, għadhom membri tal-Kummissjoni Internazzjonali għas-Sajd fil-Baħar Baltiku (IBSFC) li ġiet stabbilita mill-Konvenzjoni ta' Gdansk, u s-sħubija tal-Polonja se tintemm sa l-aħħar ta' l-2006. Minflok tqies li r-riżorsi tas-sajd fil-Baħar Baltiku jistgħu jitmexxew aħjar fi ħdan il-qafas ta' ftehim bilaterali bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa, li għalissa għandu jkun limitat għall-Baħar Baltiku. Skond it-Trattati ta' l-Adeżjoni, tali ftehim għandu wkoll jintegra l-Ftehimiet bilaterali eżistenti bejn il-Federazzjoni Russa u l-Estonja, il-Finlandja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja u l-Iżvezja rispettivament fi ħdan dokument bilaterali uniku. Sa l-aħħar ta' l-2004 l-Federazzjoni Russa qablet li tkompli bin-negozjati. Dan il-Ftehim ta' qafas ġdid huwa limitat għall-Baħar Baltiku. F'dan l-istadju, il-Federazzjoni Russa ppreferiet li ma testendix il-firxa ġeografika tal-Ftehim lil hinn mill-Baltiku. Madanakollu il-Ftehim fih dispożizzjonijiet li fil-ġejjieni jistgħu jippermettu estensjoni, kemm-il darba jinħass li dan ikun mixtieq miż-żewġ Partijiet. Għaldaqstant dan ikun jitlob mandat ġdid jew emendat biex jinfetħu n-negozjati, li jistgħu jinvolvu d-drittijiet tas-sajd għall-bastimenti Russi fl-ilmijiet tal-Komunità 'il barra mill-Baħar Baltiku. L-għan ta' dan il-Ftehim il-ġdid huwa li jiżgura l-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Partijiet abbażi tal-prinċipju ta' benefiċċji ġusti u reċiproċi, bl-iskop ta' konservazzjoni, sfruttar sostenibbli u ġestjoni ta' l-istokkijiet kollha transżonali, assoċjati u dipendenti fil-Baħar Baltiku. Il-Ftehim jistipula dispożizzjonijiet dwar miżuri għal ġestjoni konġunta, il-ħruġ ta' liċenzji, il-konformità mal-miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni u regolamenti oħra tas-sajd, il-kooperazzjoni fil-kontroll u fl-infurzar, l-ispezzjonijiet, l-arrest u d-detenzjoni ta' bastimenti, il-kooperazzjoni xjentifika u l-speċijiet anadromiċi u katadromiċi (li jpassu lejn il-post minn fejn tibda x-xmara għar-riproduzzjoni u dawk li jpassu fid-direzzjoni li jkun qed jimxi l-kurrent). Fid-data tad-dħul fis-seħħ, il-Ftehim se jieħu post il-Ftehim bilaterali dwar is-sajd, eżistenti bejn l-Istati Membri u l-Federazzjoni Russa. Sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim, il-Partijiet għandhom jistabilixxu Kumitat Konġunt għas-Sajd fil-Baħar Baltiku, li għandu jiltaqa' mill-inqas darba fis-sena. |

    139 | Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Ma hemm l-ebda dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta. |

    141 | Il-konsistenza mal-politiki u l-għanijiet l-oħra ta' l-Unjoni Mhux applikabbli. |

    KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U EVALWAZZJONI TA' L-IMPATT |

    Il-Konsultazzjoni mal-partijiet interessati |

    219 | Mhux rilevanti |

    Il-Ġbir u l-użu ta' l-għarfien espert |

    229 | L-użu ta' esperti esterni ma kienx meħtieġ. |

    230 | L-evalwazzjoni ta' l-impatt Il-Konvenzjoni ta' Gdansk mhix se tibqa' tiġi applikata mill-1 ta' Jannar 2007. Il-Ftehim il-ġdid se jieħu post il-Konvenzjoni ta' Gdansk u se jissorpassa l-Ftehimiet bilaterali eżistenti dwar is-sajd bejn l-Istati Membri u l-Federazzjoni Russa. Skond l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta' Gdansk, il-Partijiet għandhom jikkooperaw mill-qrib bil-għan li jiġu ppreservati u jiżdiedu r-riżorsi ħajjin fil-Baħar Baltiku u l-Belts u li jinkiseb l-aqwa rendiment u partikolarment li jespandu u jiġu kkoordinati l-istudji għal dawn l-għanijiet. Barra minn hekk, skond l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta' Gdansk, id-dmir ta' l-IBSFC kien li tikkoordina l-ġestjoni tar-riżorsi ħajjin fiż-żona tal-Konvenzjoni billi tiġbor, tħejji, tanalizza u tqassam id-data li għandha x'taqsam ma' l-statistika, pereżempju dwar il-qabdiet, l-isforz tas-sajd u informazzjoni oħra. L-għan tal-Ftehim il-ġdid huwa li tinżamm din il-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Komunità u l-Federazzjoni Russa abbażi tal-prinċipju ta' benefiċċji ġusti u reċiproċi, bl-għan ta' konservazzjoni, sfruttar sostenibbli u ġestjoni ta' l-istokkijiet kollha transżonali, assoċjati u dipendenti fil-Baħar Baltiku. F'dan il-kuntest, il-Kumitat Konġunt il-ġdid għas-Sajd fil-Baħar Baltiku se jiżviluppa f'forum importanti fir-rigward tat-talba annwali għall-pariri xjentifikiċi dwar il-qagħda ta' l-istokkijiet tal-ħut fil-Baħar Baltiku kif ukoll għall-pariri dwar il-ġestjoni tas-sajd mill-Komunità u l-Federazzjoni Russa lill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES). Dan ix-xogħol qabel kien f'idejn l-IBSFC. M'huwiex previst li l-Ftehim ser jġib miegħu tibdil fl-istruttura attwali tal-flotta Komunitarja fil-Baħar Baltiku jew fil-mod ta' ġestjoni ta' l-istokkijiet komuni. Lanqas ma huwa previst xi tibdil fis-sehem Komunitarju tal-kontribuzzjoni li għandha titħallas lill-ICES għat-talba għall-pariri xjentifiċi, attwalment 90,04% ta' l-ammont annwali. |

    ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA |

    305 | Sommarju ta’ l-azzjoni proposta L-għan tal-proposta attwali huwa li tiġi pprovduta l-bażi legali għall-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa dwar il-kooperazzjoni fis-sajd u l-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-Baħar Baltiku |

    310 | Il-bażi legali L-Artikolu 37 tat-Trattat tal-KE flimkien ma' l-Artikolu 300(2) u l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300 (3) tiegħu; |

    329 | Il-prinċipju tas-sussidjarjetà Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità. Għalhekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax. |

    Il-prinċipju tal-proporzjonalità Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġuni(jiet) li ġejja/in. |

    331 | Il-proposta tirrigwarda l-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali. |

    332 | Mhux applikabbli. |

    L-Għażla ta’ strumenti |

    341 | L-istrumenti proposti: regolament. |

    342 | Mezzi oħrajn ma jkunux adattati għar-raġuni(jiet) li ġejja/in. Il-proposta tirrigwarda l-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali. |

    L-IMPLIKAZZJONI GħALL-BAġIT |

    409 | Il-proposta ma għandha l-ebda effett fuq il-baġit tal-Komunità. |

    "-6350 WKL"; | (Memorandum ta’ spjegazzjoni vvalidat – 6 350 karattru – konformi man-norma tad-DGT.) |

    1. 2006/0309 (CNS)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa dwar il-kooperazzjoni fis-sajd u l-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-Baħar Baltiku

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 flimkien ma’ l-Artikolu 300(2) u l-ewwel sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 300(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[1],

    Billi:

    (1) Il-Komunità u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa nnegozjaw u inizjalaw Ftehim dwar il-kooperazzjoni fis-sajd u fil-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin fil-Baħar Baltiku.

    (2) Il-Ftehim jipprovdi għall-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Partijiet abbażi tal-prinċipju ta' benefiċċji ġusti u reċiproċi, bl-għan ta' konservazzjoni, sfruttar u ġestjoni sostenibbli ta' l-istokkijiet kollha transżonali, assoċjati u dipendenti fil-Baħar Baltiku.

    (3) Huwa fl-interess tal-Komunità li jiġi approvat dan il-Ftehim,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa dwar il-kooperazzjoni fis-sajd u l-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-Baħar Baltiku huwa b'dan approvat f'isem il-Komunità.

    It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill huwa, b'dan awtorizzat li jinnomina persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim u b'hekk jorbtu lill-Komunità

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum mid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea .

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Kunsill

    Il-President

    ANNESS

    Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa dwar il-kooperazzjoni fis-sajd u fil-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-Baħar Baltiku

    IL-KOMUNITÀ EWROPEA u l-GVERN TAL-FEDERAZZJONI RUSSA, minn issa ‘l quddiem "il-Partijiet",

    JINNUTAW li l-Konvenzjoni dwar is-Sajd u l-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin fil-Baħar Baltiku u l-Belts (Il-Konvenzjoni ta' Gdansk) ta' l-1973 mhux se tibqa' tapplika mill-1 ta' Jannar 2007;

    JIRRIKONOXXU li wara l-adeżjoni ta' l-Iżvezja u l-Finlandja mal-Komunità fl-1 ta' Jannar 1995 u ta' l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja u l-Polonja fl-1 ta' Mejju 2004, elementi tal-ftehimiet dwar is-sajd fil-Baħar Baltiku, konkluż mill-Gvernijiet tar-Repubblika tal-Latvja, ir-Renju ta' l-Iżvezja, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Repubblika ta' l-Estonja, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Repubblika tal-Litwanja rispettivament mal-Gvern tal-Federazzjoni Russa, issa jaqgħu taħt it-tmexxija tal-Komunità.

    JIRRIKONOXXU l-bżonn li dan il-ftehim tas-sajd, sa fejn jikkonċerna is-sajd marittimu fil-Baħar Baltiku, u l-Konvenzjoni ta' Gdansk ta' l-1973, jiġi sostitwit minn ftehim ġdid bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa;

    ISOSTNU ix-xewqa komuni tagħhom li jassiguraw il-konservazzjoni u l-ġestjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' l-istokkijiet tal-ħut fil-Baħar Baltiku fuq medda twila ta' żmien;

    IMMEXXIJA mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar ta' l-10 ta' Diċembru 1982 u tal-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar ta' l-10 ta' Diċembru 1982 marbuta mal-konservazzjoni u t-tmexxija ta' l-istokkijiet ta' ħut transżonali u l-istokkijiet ta' ħut b'tendenza kbira li jpassi ta' l-4 ta' Diċembru 1995;

    IMMEXXIJA mill-Ftehim dwar is-sħubija u l-kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa 'l waħda, u l-Federazzjoni Russa, min-naħa l-oħra, ta' l-24 ta' Ġunju 1994, minn issa 'l quddiem il-“PCA”, u mix-xewqa komuni li jissaħħu dawn ir-relazzjonijiet;

    FILWAQT LI JQISU l-Kodiċi ta' Kondotta għal Sajd Responsabbli adottat mill-Kunsill ta' l-Organizzazzjoni ta' l-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti tal-Konferenza tal-FAO fl-1995;

    FILWAQT LI JQISU d-Dikjarazzjoni ta' Johannesburg dwar l-Iżvilupp Sostenibbli adottata mis-Samit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli f'Settembru 2002;

    JIKKUNSIDRAW li xi wħud mir-riżorsi marittimi ħajjin tal-Baħar Baltiku jikkonsistu minn stokkijiiet transżonali li jpassu bejn iż-Żoni Ekonomiċi Esklussivi taż-żewġ Partijiet u stokkijiet assoċjati u dipendenti, u li l-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli effettiv ta' dawn l-istokkijiet jistgħu għalhekk jinkisbu biss permezz ta' kooperazzjoni bejn il-Partijiet fil-ġestjoni tas-sajd kif ukoll permezz tal-kontroll u l-infurzar;

    JIRRIKONOXXU li l-Partijiet huma marbuta li jiżviluppaw approċċ imsejjes fuq l-ekosistema u l-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli kif ukoll fuq ir-rispett lejn id-doveri ta' l-Istat kostali sabiex jassigura miżuri ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni xierqa għall-manteniment tar-riżorsi ħajjin fiż-Żona Ekonomika Esklussiva skond il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar ta' l-10 ta' Diċembru 1982;

    ĦERQANA li jissoktaw bil-kooperazzjoni tagħhom fil-qafas ta' l-organizzazzjonijiet tas-sajd internazzjonali relattivi, bl-għan tal-konservazzjoni konġunta, l-isfruttar u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd konċernati kollha u b'konferma ta' l-intenzjoni tal-Partijiet li jkomplu jiżviluppaw il-prinċipji rikonoxxuti fil-Konvenzjoni ta' Gdansk;

    JIRRIKONOXXU l-importanza tar-riċerka xjentifika għall-konservazzjoni, l-isfruttar u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd, b'mod partikolari fi ħdan il-kuntest tal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) u ħerqana li jippromwovu aktar kooperazzjoni f'dan il-qasam;

    FTIEHMU KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    L-Użu tat-termini

    Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim:

    (a) "Żona Ekonomika Esklussiva tal-Partijiet" tfisser iż-Żona Ekonomika Esklussiva tal-Federazzjoni Russa u ż-Żoni Ekonomiċi Esklussivi ta' l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea, rispettivament;

    (b) "baħar territorjali tal-Partijiet" tfisser il-baħar territorjali tal-Federazzjoni Russa u l-baħar territorjali ta' l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea, rispettivament;

    (c) "riżorsi ħajjin tal-baħar" tfisser l-ispeċijiet ħajjin u disponibbli tal-baħar, li jinkludu speċijiet anadromiċi u katadromiċi;

    (d) "bastimenti tas-sajd tal-Partijiet" tfisser bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Federazzjoni Russa u l-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta' l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea, rispettivament; mgħammra għall-isfruttar kummerċjali tar-riżorsi ħajjin tal-baħar permezz tas-sajd.

    (e) "sfruttar sostenibbli" tfisser l-isfruttar ta' stokk b'tali mod li l-isfruttar ta' l-istokk fil-ġejjieni ma jiġix preġudikat u li ma jkollux impatt ħażin fuq l-ekosistemi tal-baħar;

    (f) "stokkijiet transżonali" tfisser kwalunkwe stokk ta' ħut li jpassi regolament billi jaqsam il-limiti taż-Żoni Ekonomiċi Esklussivi tal-Partijiet fil-Baħar Baltiku;

    (g) "sforz tas-sajd" tfisser il-prodott tal-kapaċità u l-attività ta' bastiment tas-sajd; għal grupp ta' bastimenti ikun it-total ta' l-isforz fis-sajd tal-bastimenti kollha fil-grupp;

    (h) "approċċ prekawzjonali għall-ġestjoni tas-sajd" tfisser li n-nuqqas ta' tagħrif xjentifiku adegwat m'għandux jintuża bħala raġuni għall-postponiment jew in-nuqqas ta' teħid ta' miżuri ta' ġestjoni biex jiġu konservati speċijiet fil-mira, speċijiet assoċjati jew dipendenti u speċijiet mhux fil-mira u l-ambjent tagħhom.

    Artikolu 2

    Iż-żona ġeografika li għaliha japplika l-Ftehim

    Iż-żona ġeografika li għaliha japplika dan il-Ftehim, minn issa 'l-quddiem "il-Baħar Baltiku" tfisser l-ilmijiet kollha tal-Baħar Baltiku u tal-Belts, minbarra l-ilmijiet interni, konfinati mill-punent ma' linja minn Hasenore Head sa Gniben Point, minn Korshage sa Spodsbierg u minn Gilbierg Head sa Kullen.

    Artikolu 3

    Applikazzjoni territorjali

    Dan il-Ftehim għandu japplika, min-naħa 'l waħda, għat-territorji li għalihom japplika t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u bil-kundizzjonijiet preskritti f’dak it-Trattat u, min-naħa l-oħra, għall-Federazzjoni Russa.

    Artikolu 4

    L-Għanijiet

    1. L-għan ta' dan il-Ftehim huwa li jiżgura kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Partijiet abbażi tal-prinċipju ta' benefiċċji ġusti u reċiproċi, bl-għan ta' konservazzjoni, sfruttar u ġestjoni sostenibbli ta' l-istokkijiet kollha transżonali, assoċjati u dipendenti fil-Baħar Baltiku.

    2. Il-Ftehim jistipula l-prinċipji u l-proċeduri marbuta mal-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Partijiet bil-għan li jiġi żgurat li l-isfruttar ta' l-istokkijiet transżonali, assoċjati u dipendenti fil-Baħar Baltiku jipprovdi kundizzjonijiet sostenibbli ekonomiċi, ambjentali u soċjali.

    3. Il-Partijiet għandhom isejsu l-kooperazzjoni tagħhom fuq l-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli u fuq kwalunkwe data oħra rilevanti, għandhom japplikaw l-approċċ ta' prekawzjoni u għandhom jaqblu li jiżviluppaw ġestjoni tas-sajd imsejsa fuq l-ekosistema.

    Artikolu 5

    Il-miżuri ta' ġestjoni konġunta

    1. Kull Parti tista', abbażi tal-prinċipju ta' benefiċċju reċiproku u b'konformità mal-leġiżlazzjoni tagħha stess, tippermetti li bastimenti tas-sajd tal-Parti l-oħra jistadu fi ħdan iż-Żona Ekonomika Esklussiva ta' din il-Parti fil-Baħar Baltiku.

    2. Il-Partijiet jisgħu jagħmlu skambju ta' kwoti fil-Baħar Baltiku fuq bażi reċiproka.

    3. Sabiex jilħqu l-għanijiet ta' dan il-Ftehim il-Partijiet għandhom jistabbilixxu miżuri li jirregolaw l-isfruttar ta' l-istokkijiet transżonali fil-Baħar Baltiku, filwaqt li jqisu l-ispeċijiet assoċjati u dipendenti. Il-miżuri jistgħu jinkludu, inter alia :

    a) Il-qabdiet totali permissibbli (TACs) għall-istokkijiet transżonali u gruppi ta' stokkijiet transżonali kif ukoll allokazzjonijiet bejn il-Partijiet. L-allokazzjonijiet għandhom jiġu msejsa fuq id-distribuzzjoni storika tal-possibilitajiet tas-sajd li jqisu l-bżonn li jkun hemm ġestjoni aktar speċifika għall-istokk kif irrakkomandat mill-ICES;

    b) Pjanijiet fuq medda twila taż-żmien għall-ġestjoni tas-sajd għall-istokkijiet transżonali;

    c) Limitazzjoni ta' l-isforz tas-sajd; kif ukoll

    d) Miżuri tekniċi.

    4. L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1, 2 u 3 ta' dan l-Artikolu għandha tiġi trattata f'Kumitat Konġunt għas-Sajd fil-Baħar Baltiku msemmi fl-Artikolu 14 ta' dan il-Ftehim.

    Artikolu 6

    Miżuri ta' ġestjoni awtonoma mill-Partijiet

    1. Kull Parti għandha tistabbilixxi l-qabdiet totali permissibbli u l-pjanijiet ta' ġestjoni fuq medda twila ta' żmien għall-istokkijiet li mhumiex transżonali fil-Baħar Baltiku, waqt li tqis l-ispeċijiet assoċjati u dipendenti.

    2. Jekk, fil-qafas tal-Kumitat Konġunt għas-Sajd fil-Baħar Baltiku msemmi fl-Artikolu 14 ta' dan il-Ftehim, ma kienx possibbli li jintlaħaq qbil dwar miżuri xierqa ta' ġestjoni li għandhom jiġu rrakkomandati lill-awtoritajiet rispettivi tagħhom, il-Partijiet għandhom jistabbilixxu miżuri awtonomi sabiex jiżguraw li jintlaħqu l-għanijiet stipulati fl-Artikolu 4 ta' dan il-Ftehim dwar il-ġestjoni ta' l-isfruttar u l-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-Baħar Baltiku, waqt li jqisu l-ispeċijiet assoċjati u dipendenti.

    3. Il-miżuri li jittieħdu skond il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu msejsa fuq kriterji xjentifiċi oġġettivi u m'għandhomx jiddiskriminaw fil-fatt jew fid-dritt kontra l-Parti l-oħra.

    4. Minbarra r-rakkomandazzjonijiet dwar il-miżuri adottati mill-Kumitat Konġunt għas-Sajd fil-Baħar Baltiku kull Parti tista' tistabbilixxi l-miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni li tiqs meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet stipulati f'Artikolu 4 ta' dan il-Ftehim.

    5. Il-miżuri għar-regolazzjoni tas-sajd li jittieħdu minn kull Parti fiż-Żona Ekonomika Esklussiva u l-baħar territorjali tagħha bil-għan tal-konservazzjoni għandhom jiġu msejsa fuq kriterji oġġettivi u xjentifiċi, filwaqt li jitqiesu l-ispeċijiet assoċjati u dipendenti, u m'għandhomx jiddiskriminaw fil-fatt jew fid-dritt kontra l-Parti l-oħra.

    Artikolu 7

    Il-Liċenzji

    1. Kull Parti għandha tirrikjedi li s-sajd f'żoni speċifiċi taż-Żona Ekonomika Esklussiva tagħha fil-Baħar Baltiku minn bastimenti tas-sajd tal-Parti l-oħra jkunu soġġetti għal liċenzja (permess).

    2. L-awtorità kompetenti ta' kull Parti għandha tikkomunika fi żmien xieraq lill-Parti l-oħra, l-isem, in-numru tar-reġistrazzjoni, u l-partikolaritajiet relevanti l-oħrajn tal-bastimenti tas-sajd li għandhom ikunu eliġibbli li jistadu fiż-żoni tas-sajd speċifikati taż-Żona Ekonomika Esklussiva tal-Parti l-oħra fil-Baħar Baltiku.

    3. L-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-liċenzjar għandha ssir skond ir-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kumitat Konġunt għas-Sajd fil-Baħar Baltiku kif imsemmi fl-Artikolu 14 ta' dan il-Ftehim.

    4. Hekk kif tirċievi l-applikazzjoni għal-liċenzja (permess), kull Parti għandha, skond il-leġiżlazzjoni applikabbli tagħha, toħroġ il-liċenzja (permess) meħtieġa għas-sajd fiż-żoni speċifikati taż-Żona Ekonomika Esklussiva tagħha fil-Baħar Baltiku.

    Artikolu 8

    Konformità mal-miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni kif ukoll ma' regolamenti oħra tas-sajd

    1. Kull Parti għandha, skond il-liġijiet, ir-regolamenti u r-regoli amministrattivi tagħha stess, tieħu l-passi neċessarji biex tassigura li l-bastimenti tas-sajd tagħha josservaw ir-regoli u r-regolamenti stabbiliti bil-liġi mill-Parti l-oħra għall-isfruttar tar-riżorsi tas-sajd fiż-Żona Ekonomika Esklussiva ta' dik il-Parti l-oħra fil-Baħar Baltiku.

    2. Kull Parti tista', fir-rigward taż-Żona Ekonomika Esklussiva tagħha fil-Baħar Baltiku u skond il-leġiżlazzjoni u l-liġi internazzjonali applikabbli, tieħu dawk il-miżuri meħtieġa sabiex tassigura l-konformità mad-dispożiżżjonijiet ta' dan il-Ftehim mill-bastimenti tas-sajd tal-Parti l-oħra.

    3. Kull Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra, minn qabel u kif suppost, bir-regolamenti u bil-miżuri dwar ir-regolazzjoni tas-sajd kif ukoll bi kwalunkwe emendi għal dawk ir-regolamenti u miżuri.

    4. Kull Parti għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tassigura konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim fi ħdan iż-Żona Ekonomika Esklussiva u fi ħdan il-baħar territorjali tagħha.

    Artikolu 9

    Kooperazzjoni ta' kontroll u infurzar

    Il-Partijiet għandhom jikkooperaw dwar il-kontroll u l-infurzar fil-Baħar Baltiku. Għal dan il-għan, il-Partijiet jaqblu li jistabbilixxu pjan għall-iskambju ta' strateġiji ta' kontroll u infurzar.

    Artikolu 10

    L-ispezzjonijiet

    Kull Parti għandha taqbel dwar spezzjonijiet fuq il-bastimenti tas-sajd tagħha eżegwiti mill-korpi kompetenti tal-Parti l-oħra responsabbli għall-operazzjonijiet tas-sajd fiż-Żona Ekonomika Esklussiva tagħha fil-Baħar Baltiku. Kull Parti għandha tiffaċilita tali spezzjonijiet bl-għan ta' monitoraġġ għall-osservanza tal-miżuri regolatorji u regolamenti msemmija fl-Artikolu 8 ta' dan il-Ftehim.

    Artikolu 11

    L-arrest u d-detenzjoni tal-bastimenti

    1. L-awtoritajiet kompetenti ta' kull Parti għandhom, fil-każ ta' l-arrest jew tad-detenzjoni ta' bastimenti tas-sajd tal-Parti l-oħra, jinnotifikaw minnufih lill-korpi kompetenti ta' dik il-Parti permezz ta' mezzi diplomatiċi jew mezzi uffiċjali oħra dwar l-azzjoni li tkun ittieħdet u kwalunkwe penali li jkunu ġew imposti sussegwentement.

    2. Il-korpi kompetenti ta' kull Parti għandhom minnufih jilliberaw l-bastimenti tas-sajd u l-membri ta' l-ekwipaġġ arrestati, mad-depożitu ta' ammont raġonevoli ta' pleġġ jew garanzija oħra mis-sid tal-bastiment jew rappreżentant tiegħu, determinat skond il-leġiżlazzjoni applikabbli fil-Federazzjoni Russa u fl-Istati Membri tal-Komunità Ewropea.

    Artikolu 12

    Kooperazzjoni xjentifika

    1. Il-Partijiet għandhom jitolbu lill-ICES biex tipprovdi l-pariri xjentifiċi dwar l-istokkijiet transżonali, assoċjati u dipendenti fil-Baħar Baltiku sabiex jiffurmaw l-bażi għall-adozzjoni tal-miżuri ta' ġestjoni konġunta ta' dawn l-istokkijiet.

    2. Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom sabiex fi ħdan il-qafas ta' l-ICES, jikkooperaw fit-twettiq tar-riċerka xjentifika ta' relevanza għal dan il-Ftehim.

    3. Il-Partijiet għandhom iħeġġu l-kooperazzjoni fost ix-xjenzati u l-esperti dwar kwistjonijiet tas-sajd ta' interess reċiproku fosthom s-setturi ta' l-akkwakultura.

    Artikolu 13

    L-ispeċijiet anadromiċi u katadromiċi

    1. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw bil-għan tal-konservazzjoni ta' l-ispeċijiet anadromiċi u katadromiċi skond il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, fil-qafas ta' dan il-Ftehim u arranġamenti internazzjonali rilevanti, sabiex jippromwovu l-konservazzjoni, ir-restawr, it-titjib u l-ġestjoni razzjonali ta' dawn l-istokkijiet fil-Baħar Baltiku.

    2. Minkejja ż-żona ġeografika ta' l-applikazzjoni tal-Ftehim definit f'Artikolu 2 ta' dan il-Ftehim, il-Partijiet jistgħu jaqblu biex il-kooperazzjoni tiġi estiża għall-ġestjoni ta' l-ispeċijiet anadromiċi u katadromiċi, minbarra l-iispeċijiet li jqattgħu iċ-ċiklu kollu ta' ħajjithom fl-ilmijiet interni.

    Artikolu 14

    Il-Kumitat Konġunt għas-Sajd fil-Baħar Baltiku

    1. Sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom jistabbilixxu Kumitat Konġunt għas-Sajd fil-Baħar Baltiku (minn issa 'l quddiem il-Kumitat).

    2. Kull Parti għandha tinnomina rappreżentant u assistent rappreżentant tagħha għall-Kumitat u tinforma lill-Parti l-oħra permezz ta' mezzi uffiċjali dwar dan.

    3. Il-Kumitat għandu jqis il-kwistjonijiet kollha dwar l-għan u l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim u jipprovdi rakkomandazzjonijiet lill-Partijiet.

    4. Il-Kumitat għandu, b'mod partikolari:

    a) Jeżamina l-iżvilupp u d-dinamika ta' l-istokkijiet transżonali, assoċjati u dipendenti fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfruttahom;

    b) Jissorvelja l-implimetazzjoni, l-interpretazzjoni u t-tħaddim effiċjenti tal-Ftehim, b'mod partikolari tad-dispożizzjonijiet dwar il-kontroll, l-infurzar u l-ispezzjoni;

    c) Jiżgura l-komunikazzjoni meħtieġa fir-rigward ta' kwistjonjiet ta’ interess komuni marbuta mas-sajd;

    d) Iservi bħala forum biex tilwim li jista' jinqala' dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim, jiġu solvuti bonarjament.

    5. Il-Kumitat għandu jiltaqa', kif maqbul bejn il-Partijiet, mill-inqas darba fis-sena, alternattivament fit-territorju ta' kull Parti sabiex jirrakomanda lill-awtoritajiet rispettivi inkarigati mis-sajd dwar miżuri rileventi tas-sajd u ta' l-istokkijiet fil-Baħar Baltiku kif stipulat f'Artikolu 5 ta' dan il-Ftehim. Il-Kumitat għandu jiltaqa’ f'sessjoni straordinarja fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet.

    6. Il-Kumitat għandu, fejn ikun applikabbli, jistabbilixxi korpi addizzjonali biex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu.

    7. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu fl-ewwel laqgħa.

    Artikolu 15

    Il-konsultazzjonijiet bejn il-Partijiet

    Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin dwar kwistjonijiet li jirrigwardjaw l-implementazzjoni u t-tħaddim xieraq ta' dan il-Ftehim, jew fil-każ ta' kwistjoni li tikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tiegħu.

    Artikolu 16

    Il-Kooperazzjoni internazzjonali

    Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fi ħdan il-qafas ta' l-organizzazzjonijiet internazzjonali relattivi, dwar kwistjonijiet ta' ġestjoni u konservazzjoni ta' interess reċiproku, li jistgħu jitqiesu minn tali organizzazzjonijiet internazzjonali.

    Artikolu 17

    Il-klawżola ta' Kwalifika

    1. Il-kontenut ta' dan il-Ftehim ma għandu, bl-ebda mod, jaffettwa jew jippreġudika l-pożizzjonijiet jew l-opinjonijiet ta' kwalunkwe Parti fir-rigward tad-drittijiet jew obbligi tagħhom eżistenti skond ftehimiet internazzjonali tas-sajd u l-pożizzjonijiet jew opinjoniijiet dwar kwalunkwe kwistjoni marbuta mal-Liġi tal-Baħar.

    2. Dan il-Ftehim huwa mingħajr preġudizzju għall-limiti taż-Żoni Ekonomiċi Esklussivi tal-Partijiet.

    Artikolu 18

    Id-dħul fis-seħħ

    1. Dan il-Ftehim għandu japplika proviżorjament mid-data ta' l-iffirmar tiegħu u għandu jidħol fis-seħħ fid-data li fiha tiġi rċevuta l-aħħar notifika bil-miktub li l-proċeduri interni kollha meħtieġa għad-dħul tiegħu fis-seħħ, ikunu ġew sodisfatti mill-Partijiet.

    2. Fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, sakemm il-ftehimiet segwenti jikkonċernaw is-sajd marittimu fil-Baħar Baltiku, il-Ftehim għandu jissorpassa kwalunkwe ftehimiet tas-sajd li ġew konkluż bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Latvja u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa ffirmat fil-21 ta' Lulju 1992, bejn il-Gvern tar-Renju ta' l-Iżvezja u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa ffirmat fil-11 ta' Diċembru 1992, bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Finlandja u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa ffirmat fil-11 ta' Marzu 1994, bejn il-Gvern tar-Repubblika ta' l-Estonja u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa ffirmat fl-4 ta' Mejju 1994, bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Polonja u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa ffirmat fil-5 ta' Lulju 1995, u bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa ffirmat fid-29 ta' Ġunju 1999.

    Artikolu 19

    Il-perjodu ta' validità tal-Ftehim

    Dan il-Ftehim għandu jibqa' fis-seħħ għal perjodu inizjali ta' sitt snin mid-data tad-dħul tiegħu fis-seħħ. Sakemm il-Ftehim ma jiġix itterminat minn waħda mill-Partijiet permezz ta' avviż ta' terminazzjoni mogħti mill-anqas disa' xhur qabel l-iskadenza ta' dak il-perjodu, għandu jibqa' fis-seħħ għal perjodi addizzjonali ta' tliet snin wara dak il-perjodu, sakemm l-avviż għat-terminazzjoni ma jkunx ingħata mill-anqas disa' xhur qabel l-iskadenza ta' kwalunkwe wieħed minn dawk il-perjodi.

    Artikolu 20

    Lingwi

    Magħmul fi Brussell / Moska fil- …………. 2006, biċ-Ċek, id-Daniż, l-Olandiż, l-Ingliż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ungeriż, it-Taljan, il-Latvjan, il-Litwan, il-Polakk, il-Portugiż, ir-Russu, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol, u l-Iżvediż, u kull test huwa ugwalment awtentiku. F'każ ta' tilwim it-testi bl-Ingliż u bir-Russu ta' dan il-Ftehim għandhom ikunu determinanti.

    [1] Opinjoni mogħtija fi [data] (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)

    Top