Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006PC0791

    Proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 93/109/KE tas-6 ta' Diċembru 1993 dwar ċerti arranġamenti dettaljati sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għal-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini ta' l-Unjoni residenti fi Stat Membru li ma twieldux fih.

    /* KUMM/2006/0791 finali - CNS 2006/0277 */

    52006PC0791

    Proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 93/109/KE tas-6 ta' Diċembru 1993 dwar ċerti arranġamenti dettaljati sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għal-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini ta' l-Unjoni residenti fi Stat Membru li ma twieldux fih. /* KUMM/2006/0791 finali - CNS 2006/0277 */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 12.12.2006

    KUMM(2006) 791 finali

    2006/0277 (CNS)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-KUNSILL

    li temenda d-Direttiva 93/109/KE tas-6 ta' Diċembru 1993 dwar ċerti arranġamenti dettaljati sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għal-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini ta' l-Unjoni residenti fi Stat Membru li ma twieldux fih.

    (preżentata mill-Kummissjoni)

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA |

    1.1. Il-bażi għall-proposta u l-għanijiet tagħha

    Skond id-drittijiet ta’ ċittadinanza ta’ l-UE minquxa fit-Trattat tal-KE kull ċittadin ta’ l-Unjoni li jgħix fi Stat Membru li mhux imwieled fih għandu d-dritt jivvota u joħroġ bħala kandidat għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru ta’ residenza, bl-istess kundizzjonijiet ta’ dawk imwielda f’dak l-Istat. Il-prinċipji għall-votazzjoni u għall-kandidatura fi Stat Membru fejn ċittadin ta’ l-UE ma twelidx huma dikjarati fid-Direttiva 93/109/KE[1]. Il-vot huwa dritt fundamentali u dritt taċ-ċittadin; madankollu, ħadd ma jista’ jivvota aktar minn darba f’elezzjoni tal-Parlament Ewropew jew joħroġ bħala kandidat f’żewġ pajjiżi fl-istess elezzjoni (Artikolu 4).

    Id-Direttiva 93/109/KE tistabbilixxi żewġ mezzi biex iżommu nies milli jivvutaw jew joħorġu bħala kandidat f’iktar minn Stat Membru wieħed fl-istess elezzjonijiet. L-ewwelnett, dawk li ma twieldux f’pajjiż ta’ l-UE għandhom jagħmlu dikjarazzjoni formali li huwa/hija ser jeżerċita/teżerċita d-dritt tal-vot jew ser joħroġ/toħroġ kandidat fl-Istat Membru ta’ residenza biss (Artikolu 9 u 10). It-tieni, li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jagħmlu skambju ta’ informazzjoni dwar ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jinsabu fil-lista elettorali jew ħarġu bħala kandidati. Fuq il-bazi ta’ l-informazzjoni mibgħuta mill-Istat Membru ta’ residenza għall-Istat Membru fejn twieled, dan ta’ l-aħħar għandu jieħu l-azzjoni xierqa biex jassigura li ċ-ċittadini tiegħu ma jivvutawx jew ma joħorġux bħala kandidati f’iktar minn Stat Membru wieħed (Artikolu 13). Għal dan il-għan, twaqqfet sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri ftehmu b’mod informali dwar id-dettalji prattiċi għall-iskambju ta’ informazzjoni fi ħdan is-sistema; madankollu, m’hemm ebda obbligu legali biex l-Istati Membri isegwuhom. Ġew miftehma għadd ta’ laqgħat bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jitjieb it-tħaddim u l-effettività tagħha. Minkejja dawn l-isforzi, is-sistema hija amministrattivament ta’ xkiel wisq għall-Istati Membri u hija nieqsa mit-tħaddim u l-effettività, l-iktar minħabba l-leġiżlazzjonijiet mhux armonizzati fi kwistjonijiet elettorali.

    Id-Direttiva tistipula li ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea li ġew imċaħħda mid-dritt li joħorġu bħala kandidati skond il-liġi ta’ l-Istati Membri ta’ residenza jew il-liġi ta’ l-Istat Membru fejn twieldu, għandhom jinżammu milli jeżerċitaw dak id-dritt fl-Istat Membru ta’ residenza fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew (Artikolu 6.1). Ċittadini ta’ l-UE li jixtiequ joħorġu bħala kandidati għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fil-pajjiż tagħhom ta’ residenza minflok fil-pajjiż minn fejn oriġinaw għandhom l-obbligu li, skond id-Direttiva, jippreżentaw ċertifikazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru ta’ oriġini, li huma mhumiex imċahhda mid-dritt li joħorġu bħala kandidati f’dak l-Istat Membru (Artikolu 10.2). Formola ta’ applikazzjoni hija dikjarata inammissibbli fejn dak iċ-ċittadin ma jistax jippreżenta din iċ-ċertifikazzjoni (Artikolu 6.2). Dan l-obbliġu jwassal għal xkiel amministrattiv għal dawk li mhumiex ċittadini ta’ l-UE li jixtiequ joħorġu bħala kandidati fl-Istat Membru fejn jgħixu u jista’ jkun raġuni għall-parteċipazzjoni baxxa ta’ dawn iċ-ċittadini.

    Biex jiġi faċilitat li ċ-ċittadini ta’ l-UE jeżerċitaw id-drittijiet elettorali tagħhom b’hekk ikun hemm parteċipazzjoni akbar, il-Kummissjoni tissuġġerixxi għadd ta’ emendi għad-Direttiva.

    Biex jiġu rranġati n-nuqqasijiet tal-mekkaniżmu attwali biex ma jkunx hemm vot doppju u kandidatura doppja, l-għanijiet ta’ din il-proposta huma, l-ewwel, biex jinbidel l-obbligu ta’ l-iskambju ta’ informazzjoni b'miżuri ta’ inqas xkiel, filwaqt li jiġu introdotti l-garanziji u d-deterrenti meħtieġa.

    It-tieni, l-għan huwa li jiġi abolit l-obbligu għaċ-ċittadini ta’ l-UE li jixtiequ joħorġu bħala kandidati fl-Istat Membru ta’ residenza biex jippreżentaw ċertifikat li mhumiex imċaħħda mid-dritt li joħorġu bħala kandidati, u biex jinbidel b’referenza dwar dan li għandha tiġi introdotta fid-dikjarazzjoni formali li l-kandidati għandhom jissottomettu skond l-Artikolu attwali 10.1.

    1.2. Problemi identifikati

    1.2.1. Sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni

    L-iżvantaġġi ewlenin huma:

    - Fil-qafas tas-sistema attwali ta’ skambju ta’ informazzjoni, ma tingħatax biżżejjed informazzjoni mill-Istat Membru ta’ oriġini biex ikunu jistgħu jiġu identifikati l-individwi fir-reġistri nazzjonali tagħhom u, b’hekk, biex jittieħdu l-azzjonijiet meħtieġa biex ma jkunx hemm vot doppju u kandidatura doppja;

    - Minħabba nuqqas ta’ skadenza komuni biex tintbagħat l-informazzjoni, id- data tasal tard wisq biex tiġi pproċessata;

    - Il-formati li bihom tiġi trasferita l-informazzjoni jvarjaw (pereżempju permezz ta’ karti, disketti, CD-ROM li jintużaw) u dan ma jippermettix l-ipproċessar awtomatiku;

    - Problemi bit-trażlitterazzjoni ta’ ismijiet f’każijiet fejn l-Istat Membru ta’ oriġini juża alfabet differenti mill-Istat Membru ta’ residenza;

    - Nuqqasijiet fis-sistema wasslu biex ċittadini ġew imċaħħda mid-dritt tagħhom tal-vot kemm fl-Istat Membru ta’ residenza kif ukoll f’dak ta’ oriġini.

    Ħafna minn dawn il-problemi joriġinaw f’differenzi bejn sistemi elettorali mhux armonizzati ta’ Stati Membri u kif jiġu pproċessati reġistri nazzjonali fl-Istati Membri u x’informazzjoni tiġi inkluża fir-reġistri.

    It-tendenza għall-iżbalji żdiedet b’mod sproporzjonat bil-moviment dejjem jiżdied ta’ ċittadini ta’ l-UE fi ħdan l-Unjoni u bl-għadd jiżdied ta’ skambji wara tkabbir ta’ l-UE li seħħew wara l-adozzjoni tad-Direttiva fl-1993. It-tkabbir li jmiss ta’ l-UE għal 27 Stat Membru ser jaċċentwa din it-tendenza.

    1.2.2. Ċertifikazzjoni għall-kandidatura

    Fil-każ tar-regoli li japplikaw għaċ-ċittadini ta’ l-UE li jixtiequ joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’pajjiżhom, l-obbligu attwali ta’ ċertifikazzjoni wassal biex ikun hemm influwenza negattiva fil-parteċipazzjoni ta’ dawn iċ-ċittadini. Ġew identifikati problemi dwar il-wasla taċ-ċertifikazzjoni fiż-żmien stipulat. F’xi Stati Membri m’huwiex identifikat b’mod ċar jew regolat liema awtorità nazzjonali hija kompetenti biex tibgħatha.

    1.3. Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

    L-Artikolu 19.2 tat-Trattat tal-KE u d-Direttiva 93/109/KE.

    1.4. Konsistenza mal-politiki u l-għanijiet l-oħra ta’ l-Unjoni

    Din il-proposta għandha l-għan li tiffaċilita li ċittadini ta’ l-UE jeżerċitaw id-drittijiet elettorali tagħhom, li huwa element essenzjali tad-drittijiet marbuta maċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni Ewropea u riżultat tad-dritt tagħhom għall-moviment ħieles.

    2. KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U EVALWAZZJONI TA’ L-IMPATT |

    2.1. Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

    Il-metodi ta’ konsultazzjoni, is-setturi ewlenin fil-mira u l-profil ġenerali ta' min wieġeb

    Saru għadd ta’ laqgħat ma’ esperti elettorali ta’ l-Istati Membri. Il-Kummissjoni stiednet ukoll l-Istati Membri biex jipprovdu informazzjoni statistika u kwalitattiva ta’ l-elezzjonijiet ta’ Ġunju 2004 u ta’ l-implimentazzjoni tad-Direttiva.

    Sommarju tat-tweġibiet u kif tqiesu

    Kważi l-Istati Membri kollha kkonkludew li t-tħaddim tas-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni għandha n-nuqqasijiet u l-effettività tagħha hija mxekkla b’għadd ta' diffikultajiet.

    Din il-proposta tqis it-tweġibiet formulati mill-maġġoranza kbira ta’ l-Istati Membri billi tissuġġerixxi li jitneħħa l-obbligu ta’ l-Istati Membri biex ikun hemm skambju ta’ informazzjoni qabel l-elezzjonijiet.

    Il-kritika, imfissra f’xi Stati Membri, dwar xkiel amministrattiv li l-kandidati jkollhom jiffaċċjaw meta jissottomettu applikazzjoni biex joħorġu bħala kandidati titqies ukoll f’din il-proposta.

    Intervisti li saru ma’ kandidati li mhumiex ċittadini ta’ l-UE fil-qafas ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-impatt jikkonfermaw li hemm problemi rigward il-kuntatt u l-wasla ta’ ċertifikazzjoni rilevanti mill-awtorità kompetenti fil-pajjiż tagħhom ta’ oriġini. Jista’ jkun diffiċli għall-kandidati mhux ċittadini ta’ l-UE biex jirċievu fiż-żmien stipulat iċ-ċertifikazzjoni li huma eliġibbli biex joħorġu bħala kandidati fil-pajjiż tagħhom ta’ oriġini.

    2.2. Ġbir u użu ta’ għarfien espert

    L-informazzjoni għall-evalwazzjoni ta’ l-impatt inġabret minn konsulent estern b’kuntratt iffirmat ma’ GHK Consulting Ltd bħala riżultat ta’ sejħa għall-proposti.

    2.3. Evalwazzjoni ta’ l-impatt

    2.3.1. Sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni

    M’huwiex possibbli li jitqies b'mod korrett kemm kienet effettiva s-sistema attwali ta' skambju ta’ informazzjoni biex iżżomm milli n-nies jivvutaw jew joħorġu għall-elezzjoni darbtejn minħabba li s-sistema ma tiġġenerax direttament informazzjoni fuq l-ammont ta’ vvutar doppju li jsir. Fl-istħarriġ fost l-Istati Membri madankollu ġie indikat li ftit li xejn hemm evidenza li jseħħ ivvutar doppju fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

    Fost diversi għażliet elaborati fil-qafas ta’ l-Evalwazzjoni ta’ l-Impatt, dawn li ġejjin tqiesu li huma l-iktar xierqa biex isolvu l-problema ta’ l-ivvutar doppju:

    2.3.1.1. Status quo

    Biż-żamma ta’ l-iskambju attwali ta’ informazzjoni, jiġġeddu n-nuqqasijiet eżistenti. Nuqqasijiet fis-sistema jkomplu jwasslu biex ċittadini jiġu mċaħħda mid-dritt tagħhom tal-vot kemm fl-Istat Membru ta’ residenza kif ukoll f’dak ta’ oriġini.

    2.3.1.2. Tneħħija tas-sistema attwali ta’ skambju ta’ informazzjoni, imma ż-żamma tad-dikjarazzjoni minn ċittadini ta' l-UE imwielda f'pajjiżi oħra li ma jivvutawx jew joħorġu għall-elezzjoni darbtejn; introduzzjoni ta’ l-obbligu għall-Istati Membri biex jimponu pieni xierqa għall-vot doppju u kandidatura doppja u għarfien dwar dawn il-pieni; introduzzjoni ta’ kontrolli ex post minn Stati Membri fil-każ ta’ vot doppju u kandidatura doppja.

    Id-deterrent għall-vot doppju jkun imsaħħaħ hekk kif iċ-ċittadini ta’ l-UE jsiru iktar konxji li qed iwettqu reat billi jivvutaw darbtejn fl-istess elezzjoni. Benefiċċju addizzjonali għall-introduzzjoni ta’ kontrolli ex post ikun il-possibbiltà li jiġi evalwat safejn seħħet il-votazzjoni doppja u l-kandidatura doppja, li bħalissa mhijiex kontemplata fid-Direttiva.

    2.3.1.3. Titjib fis-sistema attwali ta’ skambju ta’ informazzjoni: adattament tal-format għall-skambju ta’ informazzjoni biex tippermetti li l-Istati Membri kollha jkollhom l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jiġu identifikati dawk li twieldu f’pajjiżhom; tiġi stabbilita skadenza waħda armonizzata għall-iskambju ta’ informazzjoni; jiġi stabbilit li l-informazzjoni kollha għandha tiġi trasferita elettronikament b’mezz wieħed speċifiku; jiġi introdott l-użu ta’ alfabeti Grieg u Ċirilliku; l-Istati Membri għandhom jinfurmaw liċ-ċittadini li isimhom tħassar mir-reġistru elettorali.

    Is-sistema jkollha tiġi implimentata mill-Istati Membri aktarx fuq il-bażi ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata skond il-proċedura komitoloġika.

    2.3.1.4. Żvilupp ta’ reġistru elettorali għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew: din l-għażla ta’ politika tkun tinvolvi li r-reġistri elettorali kollha ta’ l-Istati Membri għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew jiġu integrati f’reġistru elettorali wieħed komuni għall-Parlament Ewropew għall-Istati Membri kollha. Għażla oħra tkun tinvolvi armonizzazzjoni sħiħa tal-metodi dwar kif ir-reġistri nazzjonali jiġu pproċessati u x’informazzjoni tiġi inkluża fir-reġistri; l-informazzjoni dwar ir-reġistru elettorali tinqasam bejn l-Istati Membri.

    Din l-għażla ta’ politika tkun teħtieġ l-armonizzazzjoni tas-sistemi elettorali nazzjonali li jkunu sproporzjonati safejn hi kbira l-problema. Dan ikun jeħtieġ ukoll bidliet fl-Att ta’ l-1976 dwar l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew (anness mad-Deċiżjoni 76/787/KEFA, ŻEE, Euratom) li tħalli dan l-aspett ta’ l-arranġamenti elettorali f’idejn l-Istati Membri.

    Fuq il-bażi ta’ l-evalwazzjoni u l-paragun ta’ l-għazliet ta’ politika, l-iktar adattata biex jissolvew in-nuqqasijiet deskritti u biex tissolva l-kwistjoni tal-vot doppju u l-kandidatura doppja hija t-tieni għażla fil-lista hawn fuq.

    2.3.2. Ċertifikazzjoni għall-kandidatura

    Rigward il-problemi dwar il-ħtieġa li l-kandidati jippreżentaw ċertifikazzjoni li m’humiex imċaħħda mid-dritt li joħorġu bħala kandidati, fost għadd ta’ għażliet maħsuba, dawn li ġejjin tqiesu bħala l-iktar xierqa:

    2.3.2.1. Status quo

    Jista’ jkun diffiċli għall-kandidati mhux ċittadini ta’ l-UE li jirċievu fiż-żmien stipulat iċ-ċertifikazzjoni li m’humiex imċaħħdin mid-dritt li joħorġu bħala kandidati fil-pajjiż tagħhom ta’ oriġini. Dan l-obbligu, kif intwera fl-evalwazzjoni ta’ l-impatt, jiskoraġġixxi l-parteċipazzjoni.

    2.3.2.2. Tneħħija ta’ l-obbligu tal-kandidati li jippreżentaw ċertifikazzjoni li m’humiex imċaħħdin mid-dritt li joħorġu bħala kandidati u bidla ma’ l-inklużjoni ta’ referenza dwar dan fid-dikjarazzjoni formali li l-kandidati għandhom jissottomettu fl-Artikolu 10.1.

    Din l-għażla għandha tinkludi wkoll l-introduzzjoni ta’ l-obbligu għall-Istati Membri biex jaraw li ċ-ċittadin ma ġiex imċaħħad mid-dritt tiegħu/tagħha biex joħroġ bħala kandidat.

    Fuq il-bażi ta’ l-evalwazzjoni u l-paragun ta’ l-għażliet ta’ politika, l-aktar soluzzjoni xierqa għal din il-problema tkun it-tieni għażla fil-lista hawn fuq, billi ostakli għall-kandidati potenzjali jkunu mnaqqsa ħafna imma xorta tibqa’ l-ħtieġa li Stati Membri jikkontrollaw l-eżatezza tad-dikjarazzjonijiet.

    3. ELEMENTI ĠURIDIċI TAL-PROPOSTA |

    3.1. Sommarju ta’ l-azzjoni proposta

    3.1.1. Sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni

    Dwar l-obbligu ta’ skambju ta’ informazzjoni stipulat fid-Direttiva, il-Kummissjoni tipproponi li titneħħa waqt li żżomm id-dikjarazzjoni formali ta’ dawk imwielda barra l-UE li ser jeżerċitaw id-dritt tal-vot jew joħorġu bħala kandidati fi Stat Membru wieħed biss. L-obbligu ta’ dikjarazzjoni bħal din hija, fiha nfisha, deterrent għall-vot jew biex persuna toħroġ darbtejn bħala kandidat. L-Artikolu 2.9 jiddefinixxi “dikjarazzjoni formali” bħala ‘dikjarazzjoni mill-persuna kkonċernata, li l-ineżattezzi fiha jirrendu lil dik il-persuna soġġetta għall-pieni, skond il-liġi nazzjonali applikabbli’. Madankollu, l-effett dissważiv huwa limitat għax din id-dispożizzjoni tirreferi lura għall-liġi nazzjonali dwar pieni.

    Għalhekk, biex jissaħħaħ id-deterrent li xi ħadd jivvota jew joħroġ kandidat darbtejn, il-Kummissjoni tipproponi li tintroduċi dispożizzjoni ġdida li tistipula b’mod ċar l-obbligu ta’ l-Istati Membri biex japplikaw pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi għall-ineżattezzi fid-dikjarazzjoni skond id-Direttiva li jirriżultaw fi ksur ta’ obbligi mfissra fiha, Barra minn hekk, dawn il-multi li għandhom ikunu mill-inqas ekwivalenti għal dawk li japplikaw skond il-miżuri nazzjonali relevanti, għandhom ikunu soġġetti ġħall-miżuri ta’ informazzjoni mill-Istati Membri, li huma attwalment taħt obbligu li jieħdu skond l-Artikolu 12.

    Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li jiġi ppreżentat rapport, ibbażat fuq informazzjoni li tirċievi mill-Istati Membri, dwar is-seħħ ta’ vot doppju u kandidatura doppja wara l-ewwel applikazzjoni tad-Direttiva emendata li jkun mezz neċessarju u bżonnjuż biex jiġu identifikati każi possibbli ta’ vot doppju u kandidatura doppja biex jiġi evalwat safejn waslu dawn it-tentattivi. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li Stati Membri jagħmlu kontrolli ex post f’sitwazzjonijiet fejn hemm il-possibbiltà ta’ vot doppju.

    3.1.2. Ċertifikazzjoni għall-kandidatura

    Dwar problemi li nqalgħu bil-ħtieġa li l-kandidati jipprovdu ċertifikazzjoni, il-Kummissjoni tipproponi l-abolizzjoni ta’ l-obbligu għall-kandidati li jippreżentaw ċertifikazzjoni li ma ġewx imċaħħda mid-dritt li joħorġu bħala kandidati (Art 6.2 u 10.2) u li tinbidel ma’ l-inklużjoni ta’ referenza dwar dan fid-dikjarazzjoni formali li l-kandidati għandhom jissottomettu skond l-Artikolu attwali 10.1. Tipproponi wkoll l-introduzzjoni ta’ l-obbligu għall-Istati Membri tar-residenza li jikkontrollaw ma’ l-Istati Membri ta’ oriġini li ċ-ċittadin ikkonċernat ma ġiex imċaħħad mid-dritt tiegħu/tagħha biex joħroġ bħala kandidat b’notifika tad-dikjarazzjoni tiegħu/tagħha lill-Istat Membru ta’ oriġini.

    Id-dispożizzjoni ġdida msemmija hawn fuq li tistipula l-obbligu ta’ l-Istati Membri li japplikaw pieni għall-ineżattezzi fid-dikjarazzjonijiet formali trid tapplika wkoll għad-dikjarazzjoni mill-kandidati li ma ġewx imċaħħda mid-dritt li joħorġu bħala kandidati.

    Biex jiġi garantit li persuni mhux imwielda fl-UE jeżerċitaw id-drittijiet elettorali tagħhom skond id-Direttiva emendata fl-elezzjonijiet li jmiss ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni tipproponi li Stati Membri jġibu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mad-Direttiva emendata sa mhux aktar mit-30 ta’ Ġunju 2008.

    3.2. Bażi ġuridika

    L-Artikolu 19.2 tat-Trattat tal-KE.

    3.3. Prinċipju tas-sussidjarjetà

    Minħabba n-natura transnazzjonali tal-problema, id-diffikultajiet identifikati fl-implimentazzjoni tad-Direttiva jistgħu jissolvew biss b’emenda.

    3.4. Prinċipju ta’ proporzjonalità

    Il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet tagħha. Id-dispożizzjonijiet tagħha ġew immirati u huma limitati għall-problemi identifikati fl-implimentazzjoni tad-Direttiva.

    Il-proposti suġġeriti ma jimplikawx armonizzazzjoni u ser ineħħu x-xkiel eżistenti fil-proċeduri amministrattivi.

    3.5. Għażla ta’ strumenti

    Direttiva, sakemm l-għan huwa li tiġi emendata d-Direttiva eżistenti.

    L-iskop tal-proposta huwa limitat għall-emendi ta’ elementi speċifiċi tad-Direttiva 93/109/KE.

    4. IMPLIKAZZJONI GħALL-BAġIT

    Il-proposta ma għandha l-ebda effett fuq il-baġit tal-Komunità.

    5. TAGħRIF ADDIZZJONALI

    5.1. Simplifikazzjoni

    Il-proposta tipprovdi għal tħaffif ta’ proċeduri amministrattivi għall-awtoritajiet pubbliċi (ta’ l-UE u nazzjonali).

    Ma jkunx hemm bżonn ta’ iktar laqgħat mal-Kummissjoni u l-Istati Membri fuq l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni.

    It-tneħħija ta’ l-obbligu ta’ l-Istati Membri biex jagħmlu skambju ta’ informazzjoni għandu jissimplifika l-proċeduri amministrattivi u jiffranka l-ispejjeż ta’ l-amministrazzjonijiet nazzjonali dwar dan ix-xogħol.

    L-introduzzjoni ta’ referenza li ma ġiex imċaħħad id-dritt li persuna toħroġ bħala kandidat fid-dikjarazzjoni formali li kandidati potenzjali għandhom jipprovdu tkun ta’ ferm inqas xkiel mill-obbligu attwali li jipprovdu ċertifikazzjoni separata dwar dan.

    5.2. Il-proposta tinkludi klawsola ta’ reviżjoni.

    5.3. Tabella ta’ korrelazzjoni

    L-Istati Membri huma meħtieġa jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva kif ukoll it-tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

    2006/0277 (CNS)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-KUNSILL

    li temenda d-Direttiva 93/109/KE tas-6 ta' Diċembru 1993 dwar ċerti arranġamenti dettaljati sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għal-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini ta' l-Unjoni residenti fi Stat Membru li ma twieldux fih.

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 19(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[2] ,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewroplew[3] ,

    Billi:

    (1) Ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni għall-elezzjonijiet ta' l-2004 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/109/KE li jistipula arranġamenti dettaljati għall-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew għall-ċittadini ta’ l-Unjoni residenti fi Stat Membru fejn ma twieldux[4] wera l-ħtieġa li jiġu emendati ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva.

    (2) Id-Direttiva tipprovdi li ebda persuna ma tista’ tivvota iktar minn darba jew toħroġ bħala kandidat f’iktar minn Stat Membru wieħed fl-istess elezzjoni.

    (3) Id-Direttiva tipprovdi wkoll li kull ċittadin ta’ l-Unjoni li tneħħielu d-dritt li jkun kandidat kemm permezz tal-ligi ta’ l-Istat Membru ta’ residenza jew il-liġi ta’ l-Istat Membru ta' oriġini, għandu jiġi eskluż milli jeżerċita dak id-dritt fl-Istat Membru ta’ residenza. Għal dak il-għan, id-Direttiva tistabbilixxi li ċittadin tal-Komunità meta jissottometti l-applikazzjoni tiegħu biex joħroġ bħala kandidat, għandu jippreżenta ċertifikazzjoni mill-awtoritajiet amministrattivi kompetenti ta' l-Istat Membru ta’ oriġini li tiċċertifika li ma ċċaħħadlux id-dritt li joħroġ bħala kandidat f'dak l-Istat Membru jew li dawn l-awtoritajiet ma jafu bl-ebda skwalifika.

    (4) Id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom il-kandidati biex jidentifikaw l-awtoritajiet li għandhom is-setgħa li joħorġu din iċ-ċertifikazzjoni, u biex tkun għandhom fiż-żmien stipulat huma ta’ xkiel fl-eżerċizzju tad-dritt li joħorġu bħala kandidati u jikkontribwixxi għall-għadd baxx ta’ parteċipazzjoni fl-elezzjoniiet tal-Parlament Ewropew ta’ persuni komunitarji eliġibbli fl-Istat Membru li jospitahom.

    (5) Il-ħtieġa li l-kandidati jissottomettu din iċ-ċertifikazzjoni għandha għalhekk titneħħa u minfloka jkun hemm referenza dwar dan fid-dikjarazzjoni formali li l-kandidati għandhom jippreżentaw.

    (6) L-Istati Membri ospitanti għandu jkollhom l-obbligu li jinnotifikaw lill-Istat Membru ta' oriġini b'din id-dikjarazzjoni biex jiġi assigurat li l-kandidat Komunitarju ma ġiex fil-fatt imċaħħad minn dan id-dritt fl-Istat Membru ta’ oriġini.

    (7) Stati Membri infurmaw lill-Kummissjoni bid-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom fl-iskambju ta’ informazzjoni li jseħħ qabel l-elezzjoni dwar ċittadini fir-reġistru elettorali jew li ħarġu bħala kandidati fl-Istat Membru fejn jgħixu biex b’hekk l-Istat Membru ta’ oriġini jieħu miżuri biex jassigura li ċ-ċittadini tiegħu ma jivvutawx jew joħorġu għall-elezzjoni darbtejn. Minħabba d-differenzi bejn is-sistemi nazzjonali, il-lista tad-data miġbura biex jiddaħħlu l-votanti tal-Komunità fil-listi nazzjonali tvarja ħafna bejn Stat Membru u ieħor; b’riżultat ta’ dan id- data trażmessa mill-Istat Membru ospitanti tista’ tinstab li m’hijiex biżżejjed biex tidentifika l-elettur jew il-kandidat Komunitarju fl-Istat Membru ta’ oriġini; bl-istess mod, minħabba li m’hemmx data uniformi għall-għeluq tal-listi elettorżli, id- data spiss tiġi trasferita f’data meta l-miżuri li jassiguraw li ħadd ma jivvota jew joħroġ għall-elezzjoni darbtejn ma jistgħux jittieħdu iktar fl-Istat Membru ta’ oriġini; fl-aħħarnett, billi l-Istati Membri kollha ma jużawx kollha l-istess alfabet, m’huwiex possibbli li jsir fil-prattika l-iskambju ta’ informazzjoni meta l-informazzjoni mibgħuta mill-Istat Membru ospitanti hija fl-alfabet differenti minn dak użat fl-Istat Membru ta’ oriġini;

    (8) Dawn id-diffikultajiet, li jxekklu t-tħaddim u l-effettività ta’ l-iskambju ta’ informazzjoni, jistgħu jingħelbu biss bl-armonizzazzjoni tar-regoli tad-dħul fil-listi elettorali nazzjonali, li jkun sproporzjonat fir-rigward ta’ l-għan li għandu jintlaħaq;

    (9) Għandu għalhekk jitneħħa l-iskambju ta’ informazzjoni, filwaqt li jinżamm l-obbligu li ssir dikjarazzjoni li permezz tagħha l-elettur jew il-kandidat jintrabat li jeżerċita d-dritt tiegħu tal-vot jew tal-kandidatura biss fl-Istat Membru ta' residenza;

    (10) Barra minn hekk, biex jiġi evitat il-vot jew il-kandidatura doppja u li jiġi eżerċitat id-dritt tal-vot jew tal-kandidatura minkejja li persuna ġiet imċaħħda minn dawn id-drittijiet, l-Istati Membri ospitanti għandhom jieħdu miżuri biex jassiguraw li l-ksur ta’ l-obbligi elenkati fid-Direttiva jkun suġġetti għall-pieni xierqa.

    (11) Fir-rapport jeħtieġ li tħejji fl-applikazzjoni tad-Direttiva emendata għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2009, il-Kummissjoni, fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri, għandha tibbaża l-analiżi tagħha b’mod partikolari fuq ir-riżultati tal-kontrolli u spezzjonijiet li jsiru mill-Istati Membri wara l-elezzjonijiet biex tigi kkalkulata l-frekwenza tal-votazzjoni doppja u tal-kandidaturi doppji eventwali;

    (12) Kontroll ta’ rutina tal-voti kollha u tal-kandidaturi kollha jkun sproporzjonat mal-problemi identifikati u jqanqal problemi ta’ fattibbiltà minħabba li fl-Istati Membri m’hemmx metodi elttroniċi uniformi biex tiġi reġistrata u maħżuna d- data dwar il-parteċipazzjoni effettiva u l-kandidaturi preżentati; jeħtieġ għalhekk li l-Istati Membri jagħmlu kontrolli speċifiċi dwar is-sitwazzjonijiet fejn hemm probabbiltà akbar ta’ votazzjoni doppja jew kandidaturi doppji;

    ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Id-Directive 93/109/KE hija emendata kif ġej:

    1. Fl-Artikolu 2, il-paragrafu 9 jinbidel bit-test li ġej:

    "9. “dikjarazzjoni formali" tfisser dikjarazzjoni mill-persuna kkonċernata; li l-ineżattezzi fiha jwasslu biex din il-persuna tkun suġġetta għall-pieni skond l-Artikolu 13(1).”

    2. L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

    3. il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

    "2. L-Istat Membru tar-residenza jista’ jagħmel stħarriġ jekk iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li wrew ix-xewqa li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-kandidatura f’dan l-Istat Membru tneħħilhomx dan id-dritt fl-Istat Membru ta’ oriġini minħabba xi deċiżjoni individwali tal-liġi ċivili jew tal-liġi kriminali.”

    4. il-paragrafu li ġej għandu jiġi miżjud:

    "3. Għall-għanijiet tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Istat Membru tar-residenza għandu jgħarraf lill-Istat Membru ta’ oriġini bid-dikjarazzjoni pprovduta fl-Artikolu 10(1). Għal dan il-għan, l-Istat Membru taċ-ċittadinanza għandu jgħaddi t-tagħrif meħtieġ li normalment ikollu fil-ħin u l-mod xieraq; din l-informazzjoni trid tinkludi biss dettalji li huma strettament neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu u jistgħu jintużaw biss għal dan il-għan. Jekk l-informazzjoni pprovduta twassal biex il-kontenut tad-dikjarazzjoni ma jkunx validu, l-Istat Membru ta' residenza għandu jieħu l-passi neċessarji biex iżomm il-persuna kkonċernata milli toħroġ bħala kandidat."

    5. il-paragrafu li ġej għandu jiġi miżjud:

    "4. L-Istat Membru ta’ oriġini jista’ wkoll, fil-ħin xieraq u b’mod opportun, jgħaddi lill-Istat Membru ta’ residenza kull informazzjoni meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu.”

    6. L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

    7. il-paragrafu 1, il-punt (d) li ġej huwa miżjud:

    “(d) li ma ġiex imċaħħad mid-dritt li joħroġ bħala kandidat fl-Istat Membru ta' oriġini."

    8. il-paragrafu 2 għandu jitneħħa:

    9. il-paragrafu 3 jsir paragrafu 2.

    10. L-Artikolu 13 jinbidel b’dan li ġej:

    "Artikolu 13

    1. L-Istat Membru ta’ residenza għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex jassigura li ineżatezzi bħal dawn fid-dikjarazzjonijiet formali pprovduti fl-Artikolu 9(2) u 10(1) bi ksur ta’ l-obbligi imposti b’din id-Direttiva, huma suġġetti għall-pieni effettivi, proporzjonali u dissważivi.

    2. Meta jeżerċita l-obbligu ta’ informazzjoni impost mill-Artikolu 12, l-Istat Membru ta’ residenza għandu jinforma lill-votanti u l-kandidati bil-pieni pprovduti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.”

    11. L-Artikolu 16 jinbidel b’dan li ġej:

    "Artikolu 16

    Il-Kummissjoni, fuq il-bażi ta’ informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri, għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta’ l-2009, flimkien ma', jekk xieraq, proposta għall-emenda għal din id-Direttiva. Dan ir-rapport għandu janalizza b'mod partikolari l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 4 u 13.

    Għall-għanijiet ta' l-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri għandhom jikkooperaw bejniethom biex jagħmlu kontrolli wara l-elezzjonijiet dwar il-possibbiltà ta’ votazzjoni doppja u kandidatura doppja; dawn il-kontrolli jistgħu jikkonċentraw fuq sitwazzjonijiet fejn hemm probabbiltà akbar ta’ vot doppju u kandidatura doppja.”

    Artikolu 2

    1. L-Istati Membri għandhom jimplimentaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux iktar tard mit-30 ta' Ġunju 2008 Għandhom mingħajr dewmien jipprovdu lill-Kummissjoni bit-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

    Meta Stati Membri jadottaw dawk il-miżuri, għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi ta’ kif issir din ir-referenza jiġu deċiżi mill-Istati Membri.

    2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni it-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fi […] jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva hija ndirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, […]

    Għall-Kunsill

    Il-President

    [1] Id-Direttiva tal-Kunsill 93/109/KE li tistipula arranġamenti għall-eżerċizzju tad-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini ta' l-Unjoni li joqgħodu fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini.

    [2] ĠU C […], […], p. […].

    [3] ĠU C […], […], p. […].

    [4] ĠU L 329, 30.12.1993, p.34.

    Top