Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006PC0557

    Proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tirrevoka d-direttiva tal-Kunsill 68/89/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni ta’ l-injam mhux irfinut

    /* KUMM/2006/0557 finali - COD 2006/0178 */

    52006PC0557

    Proposta għal deċiżjoni tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill li tirrevoka d-direttiva tal-Kunsill 68/89/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni ta’ l-injam mhux irfinut /* KUMM/2006/0557 finali - COD 2006/0178 */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 22.9.2006

    KUMM(2006) 557 finali

    2006/0178 (COD)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li tirrevoka d-Direttiva tal-Kunsill 68/89/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni ta’ l-injam mhux irfinut

    (preżentata mill-Kummissjoni)

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Fis-16 ta’ Marzu 2005 il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni ewlenija dwar Regolazzjoni Aħjar fit-Tkabbir u fix-Xogħol fl-Unjoni Ewropea (COM (2005) 97) li tenfasizza l-importanza tas-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea. Regolazzjoni iktar b’saħħitha hija kruċjali fit-tisħiħ tal-kompetittività ta’ l-impriżi Ewropej u fil-ksib ta’ l-għanijiet fl-Aġenda ta’ Liżbona. Billi tissaħħaħ il-kwalità tal-leġiżlazzjoni u b’hekk jiġu eliminati spejjeż u ostakoli mhux meħtieġa li jfixklu l-adattament u l-innovazzjoni, jiġu implimentati inċentivi tajbin u kondizzjonijiet għall-qafas ta’ begħ fis-suq sabiex il-kummerċ jikber, biex b’hekk dan ikun jista’ joħloq il-ġid meħtieġ għall-ekonomiji tagħna.

    Kif intqal fil-Komunikazzojni tal-Kummissjoni dwar l-Implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta’ Liżbona: starteġija għas-simplifikazzjoni ta’ l-ambjent regolatorju (COM (2005) 535), ir-reviżjoni “ta’l-acquis” għandu jkun proċess kontinwu u sistematiku, li jagħti s-setgħa lil-leġiżlatur li jirrivedi l-leġiżlazzjoni billi jitqiesu s-settur privat leġittimu u l-interessi pubbliċi. Il-Komunikazzjoni tfassal rolling program li jagħmel parti mill-istrateġija għas-simplifikazzjoni. Dan il-programm jispeċifika dawk il-partijiet mil-leġiżlazzjoni li l-Kummissjoni hija intenzjonata li tirrivedi u tivvaluta, bil-viżjoni li tissimplifikahom. Inkluża fil-programm hija d-Direttiva tal-kunsill 68/89/KEE, adottata fit-23 ta’ Jannar 1968, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni ta’ l-injam mhux irfinut.

    Wara li rrivediet l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni ikkonkludiet li tipproponi r-revoka tagħha.

    2. IR-RIżULTATI TAL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI

    2.1. Konsultazzjonijiet

    Il-punt ta’ tluq għar-reviżjoni dwar jekk jistax ikun utli li tinżamm id-Direttiva tal-Kunsill 68/89/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li tikkonċerna l-klassifikazzjoni ta’ l-injam mhux irfinut bħala parti mill-“acquis” jew le, kienu l-opinjonijiet li esprimew l-Istati Membri fuq medda ta’ snin, fis-settur tal-foresterija u l-industriji bbażati fuq il-foresti li d-Direttiva ma ġietx applikata b’mod ġenerali fil-kummerċ tagħhom ta’ l-injam. L-imprendituri ewlenin stqarrew li l-metodi użati fil-kejl ta’ l-injam mhux irfinut ma kinux dwak imfassla fid-Direttiva. Aktar minn hekk, ma kien hemm ebda każ irrappurtat ta’ tfixkil fil-kummerċ ta’ l-injam minħabba l-fatt li l-operaturi fis-suq ma setgħux jiftiehmu dwar il-kejl jew il-klassifikazzjoni ta’ l-injam mhux irfinut.

    Bħala parti mix-xogħol preparatorju tal-Kummissjoni u l-prinċipji ta’ Regolamentazzjoni Aħjar, l-imprendituri ewlenin ġew ikkonsultati permezz tal-Kumitat Permanenti tal-Kummissjoni dwar il-Foresterija u permezz tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Kompetittività tal-Kumitat tal-Pariri tal-Kummissjoni dwar il-Politika Komunitarja fir-rigward tal-Foresterija u ta’ l-Industriji bbażati fuq il-Foresti.

    Aktar minn hekk intbagħat stħarriġ lill-Istati Membri u l-federazzjonijiet ta’ l-industrija sabiex jiġi stabbilit jekk id-Direttiva ġietx applikata jew le u biex jinġabru l-opinjonijiet tagħhom dwar ir-revoka possibbli tad-Direttiva. L-istħarriġ ingħata bidu f’Lulju 2005 u r-risposti wasslu matul il-ħarifa.

    2.2. Riżultati ta’ l-istħarriġ

    Kien hemm rispons għall-istħarriġ minn 19-il Stat Membru u 11-il federazzjoni nazzjonali ta’ l-industrija.

    Ir-riżultat ewlieni ta’ l-istħarriġ kien li, skond maġġoranza ta’ l-Istati Membri (2/3) u l-federazzjonijiet nazzjonali ta’ l-industrija (4/5) li rrispondew għall-istħarriġ, id-Direttiva ma tapplikax għall-kummerċ ta’ l-injam. Ir-raġunijiet ewlenin li ssemmew mill-Istati Membri u mill-industrija dwar għaliex ma’ applikawx id-Direttiva kienu dawn li ġejjin:

    - il-metodi ta’ kejl u ta’ klassifikazzjoni pprovduti mid-Direttiva huma differenti mill-metodi applikati mill-impriżi fis-settur;

    - il-klassifikazzjonijiet skond id-dimensjonijiet u skond il-kwalità pprovduta mid-Direttiva mhumiex imfassla biżżejjed fid-dettall u huma wisq astratti,

    - il-klassifikazzjonijiet pprovduti mid-Direttiva ma jikkunsidrawx l-użu maħsub ta’ l-injam u mhumiex adattati għall-ħtiġijiet tas-suq;

    - l-istandards Ewropej tal-kwalità u tal-kejl huma meqjusa bħala għażla aħjar.

    Żewġ Stati Membri biss ma qablux ma’ proposta li tirrevoka d-Direttiva. Mill-federazzonijiet kollha li jirrappreżentaw lill-proprjetarji tal-foresti u ta’ l-industriji li huma bbażati fuq il-foresti, kollha ħlief wieħed qablu ma’ proposta għal revoka. Madanakollu, filwaqt li l-membri ta’ din il-federazzjoni ma jagħmlux użu mill-metodi ta’ kejl stipulati fid-Direttiva, il-federazzjoni tħoss li mhux “neċessarju” li jkun hemm revoka.

    Skond ir-riżultati ta’ dan l-istħarriġ, jidher ċar li d-Direttiva m’għandhiex applikazzjoni ġenerali.

    Aktar dettallji li jikkonċernaw ir-risponsi għall-istħarriġ jistgħu jinstabu fuq il-portal: http://ec.europa.eu/enterprise/forest_based/index_en.html

    2.3. Valutazzjoni

    Id-Direttiva 68/89/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni ta’ l-injam mhux irfinut ġiet adottata bħala miżura għall-iżvilup tas-suq intern għall-forniment ta’ materjal ta’ injam mhux ipproċessat lill-industriji li huma bbażati fuq il-foresterija. Madanakollu, l-applikar tagħha kien illimitat, minħabba li mhux obbligatorju u, ġeneralment, l-operaturi fis-swieq ta’ l-injam ftiehmu u applikaw il-metodi tagħhom għall-kejl u għall-klassifikazzjoni. Is-suq intern tal-materjal ta’ injam mhux ipproċessat kiber, flimkien mal-kummerċ ma’ pajjiżi terzi, dan jidher li sar mingħajr ebda tfixkil minħabba d-differenzi fil-metodi ta’ kejl jew fil-klassifikazzjoni li jiġu applikati. Metodi ta’ kejl u ta’ klassifikazzjoni oħrajn jintużaw u l-kummerċ ta’ l-injam mhux irfinut ma jiġix affettwat b’mod negattiv mir-revoka. Aktar minn hekk, l-istandards Ewropej fir-rigward tal-kejl u l-klassifikazzjoni ta’ l-injam ġew stabbiliti u li jistgħu jintużaw, kif jixraq, fit-tranżazzjonijiet tal-kummerċ ta’ l-injam u huma kkunsidrati bħala soluzzjoni aħjar.

    Id-Direttiva 68/89/KEE mhix neċessarja għall-kummerċ fis-suq intern jew għall-kummerċ ma’ pajjiżi terzi u ebda ostakolu fil-kummerċ li jinħoloq mill-metodi ta’ kejl jew ta’ klassifikazzjoni ma ġie nnotat fis-settur ikkonċernat. Għalhekk, ġie deċiż li ma tiġix sostitwita d-Direttiva b’miżuri leġiżlattivi oħrajn jew għall-modifikazzjoni tagħha.

    Revoka tad-Direttiva għalhekk hija meħtieġa sabiex jiġi ssimplifikat l-ambjent regolatorju, billi jitneħħa l-istrument li mhux essenzjali li għandu applikar limitat u li mhux meħtieġ għar-raġunijiet tas-suq intern.

    3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

    3.1. Il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità

    Mir-riżultati dwar il-konsultazzjoni u l-valutazzjoni, huwa evidenti li l-għanijiet tad-Direttiva 68/89/KEE jistgħu jinkisbu b’mod xieraq mingħajr leġiżlazzjoni Komunitarja.

    3.2. Għażla ta’ strumenti: il-forma ta’ l-att

    Ġeneralment, meta att jiġi rrevokat il-prinċipju ta’ “forom paralleli” japplika, jiġifieri ir-revoka tad-Direttiva 68/89/KEE tista’ tiġi affettwata billi tiġi sostitwita d-Direttiva. Madanakollu, minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari ta’ dan il-każ li huma:

    - d-Direttiva in kwestjoni ġiet introdotta kważi erbgħin sena ilu;

    - is-sistemi ta’ klassifikazzjoni u ta’ kejl introdotti mid-Direttiva mhumiex aġġornati, kif ukoll ġie stabbilit li dawk is-sistemi m’għandhomx jintużaw mill-indutrija;

    - aktar minn hekk, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva li jirrigwardaw il-klassifikazzjoni u l-kejl mhumiex obbligatorji.

    Huwa kkunsidrat li Deċiżjoni li hija indirizzata lill-Istati Membri u li hija direttament applikabbli hija l-forma xierqa ta’ l-att. Il-benefiċċju ta’ Deċiżjoni huwa li dan isaħħaħ il-punt li l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-porzjon domestiku tagħhom sabiex jaċċertaw il-koerenza bejn ir-reġimi fuq livell nazzjonali u Komunitarju wara r-revoka tad-Direttiva 68/89/KEE.

    3.3. L-implikazzjonijiet baġitarji

    Il-proposta ma għandha ebda implikazzjoni baġitarja

    4. KONKLUżJONI

    Il-proposta għar-revoka tad-Direttiva 68/89/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li tikkonċerna l-klassifikazzjoni ta’ l-injam mhux irfinut hija konformi mar-riżultati tal-konsultazzjonijiet ma’ l-Istati Membri, mal-proprjetarji tal-foresti u ta’l-industriji.

    Madanakollu huwa importanti li r-revoka tad-Direttiva 68/89/KEE twassal għar-revoka tal-miżuri implimentanti nazzjonali korrispondenti, sabiex jitwassal l-effett prattiku mixtieq. Il-marka “kklassifikat KEE” mhux ser tkun disponibbli għall-użu.

    Aktar minn hekk, għandu jkun aċċertat li l-vantaġġi tar-revoka ma jiġux ikkanċellati mir-regoli nazzjonali jew mill-ostakli tekniċi ġodda. B’hekk, huwa importanti li wieħed jinnota li r-regoli nazzjonali dwar il-klassifikazzjoni ta’ l-injam mhux irfinut ikunu konsistenti mal-prinċipji ta’ l-Artikolu 28 tat-Trattat u ma jikkostitwixxu ebda ostaklu għall-kummerċ. B’hekk, bħala eżempju, ir-regoli nazzjonali dwar il-kejl skond il-volum jew skond il-piż, jew ebda klassifikazzjoni ta’ l-ispeċi u l-isem komuni skond id-dimensjonijiet jew il-kwalità, m’għandhom jintroduċu ostakli għall-moviment ħieles ta’ l-injam mhux irrafinat fi ħdan is-suq intern. Aktar minn hekk, kull miżura nazzjonali li tista’ tiġi kkunsidrata regolament tekniku għall-finijiet tad-Direttiva 98/34/KE għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni f’forma ta’ abbozz.

    2006/0178 (COD)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li tirrevoka d-Direttiva tal-Kunsill 68/89/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni ta’ l-injam mhux irfinut

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni[1],

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[2],

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[3],

    Filwaqt li jaġixxu bi qbil mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat[4],

    Billi:

    (1) Il-politiki komuni dwar regolamentazzjoni aħjar jenfasizzaw l-importanza tas-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u Komunitarja bħala element kruċjali fit-tisħiħ tal-kompetittività ta’ l-impriżi u għall-ksib ta’ l-għanijiet ta’ l-Aġenda ta’ Liżbona.

    (2) Il-metodi tal-kejl u tal-klassifikazzzjoni pprovduti mid-Direttiva tal-Kunsill 68/89/KEE tat-23 ta Jannar 1968 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni ta’ l-injam mhux irfinut[5] huma differenti mill-metodi tal-kejl u ta’ klassifikazzjoni li huma ġeneralment applikati b’mod kurrenti fit-transazzjonijiet bejn l-impriżi fis-settur tal-foresterija u ta’ l-industriji li huma bbażati fuq il-foresterija u li jinstabu li mhumiex adattati għall-kondizzjonijiet tas-suq.

    (3) Il-metodi ta’ kejl u tal-klassifikazzjoni pprovduti mid-Direttiva 68/89/KEE m’għadhomx iktar meħtieġa għall-finijiet tas-suq intern.

    (4) Id-Direttiva 68/89/KEE għandha għaldaqstant tiġi revoka.

    (5) Ir-revoka tad-Direttiva 68/89/KEE titlob li wara l-31 ta’ Diċembru 2008 il-marka “kklassifikat KEE” mhux ser tkun iktar disponibbli għall-użu fil-bejgħ u li l-miżuri nazzjonali implimentanti korrispondenti għandhom jiġu revokati kif jixraq sal-31 ta’ Diċembru 2008,

    ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 68/89/KEE hija revokata b’effett mill-31 ta’ Diċembru 2008.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni se tidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea .

    Magħmula fi Brussell, [...]

    Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

    Il-President Il-President

    [1] ĠU C , , p. .

    [2] ĠU C , , p. .

    [3] ĠU C , , p. .

    [4] ĠU C , , p. .

    [5] ĠU L32, 06/02/1968, pp.12-15.

    Top