EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006PC0517

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 251 (2) tat-Trattat tal-KE dwar il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tat-trasport ferrovjarju internazzjonali

/* KUMM/2006/0517 finali - COD 2004/0049 */

52006PC0517

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 251 (2) tat-Trattat tal-KE dwar il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta' regolament tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tat-trasport ferrovjarju internazzjonali /* KUMM/2006/0517 finali - COD 2004/0049 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 18.09.2006

KUMM(2006) 517 finali

2004/0049 (COD)

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 251 (2) tat-Trattat tal-KE dwar

il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tat-trasport ferrovjarju internazzjonali

2004/0049 (COD)

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 251 (2) tat-Trattat tal-KE dwar

il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tat-trasport ferrovjarju internazzjonali

1- KUNTEST

Data ta' trażmissjoni tal-proposta lill-PE u lill-Kunsill (dokument COM(2004)143 finali - 2004/0049 (COD)): | it-3 ta' Marzu 2004 |

Data ta' l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: | id-9 ta' Frar 2005 |

Data ta' l-opinjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari: A6 – 0123/2005 | it-28 ta' Settembru 2005 |

Data ta' l-adozzjoni tal-pożizzjoni komuni: | l-24 ta' Lulju 2006 |

2- L-GĦAN TAL-PROPOSTA TAL-KUMMISSJONI

Il-proposta tad-drittijiet tal-passiġġieri tat-trasport ferrovjarju internazzjonali hija waħda mill-erba' miżuri proposti fil-kuntest tat-tielet pakkett ferrovjarju (il-miżuri l-oħra huma maħsuba biex jistabbilixxu sistema ta' ċertifikazzjoni għas-sewwieqa tat-tren, itejbu l-kwalità tas-servizzi ferrovjarji tat-trasport tal-merkanzija u jiftħu s-suq tat-trasport ferrovjarju internazzjonali ta' passiġġieri ta' l-1 ta' Jannar 2010.)

Din il-proposta għandha l-għan li tistabbilixxi drittijiet u obbligi għal passiġġieri sabiex ittejjeb l-effikaċja u l-kapaċità ta' attrazzjoni tat-trasport ferrovjarju internazzjonali ta' passiġġieri. Hija tiffissa dispożizzjonijiet dwar ir-rekwiżiti minimi għall-informazzjoni li għandha tkun provduta lill-passiġġieri qabel, waqt u wara l-vjaġġ tagħhom; il-kundizzjonijiet kuntrattwali; ir-responsabilità ta' l-impriżi ferrovjarji f'każijiet ta' inċidenti, ir-responsabilità u konsegwenzi oħra għad-dewmien jew kanċellazzjonijiet ta' servizzi; il-kundizzjonijiet għall-assistenza għal persuni b'mobilità mnaqqsa, l-istandards tal-kwalità kif ukoll il-ġestjoni tar-riskji u, fl-aħħar, il-kundizzjonijiet li fihom l-impriżi ferrovjarji jikkooperaw biex jilħqu l-għanijiet tar-Regolament.

Fil-biċċa l-kbira tagħhom, id-drittijiet tal-passiġġieri bil-ferrovija jissejsu fuq sistemi eżistenti tad-dritt internazzjonali fis-suġġett u partikolarment, fuq il-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija ( Convention relative aux transports internationaux ferroviaires , COTIF/CIV) u fuq ir-regoli Komunitarji adottati għall-passiġġieri bl-ajru.

3- KUMMENTI DWAR IL-POŻIZZJONI KOMUNI

Il-Kunsill għamel xi modifiki ġenerali b'mod unanimu tal-proposta tal-Kummissjoni li huma aċċetabbli minħabba li jkunu jassiguraw li jintlaħaq l-għan tagħha.

L-ewwelnett, il-Kunsill irreveda l- istruttura tar-regolament u jiddistingwi biċ-ċar tmien kapitoli (I – Dispożizzjonijiet ġenerali, II – Kuntratt ta' trasport, informazzjoni u biljetti, III – Responsabilità ta' l-impriżi ferrovjarji għall-passiġġieri u l-bagalji tagħhom, V – Dewmien, kunnessjonijiet mhux milħuqa u kanċellazzjonijiet, V – Persuni b'mobilità mnaqqsa, VI – Sigurtà, ilmenti u kwalità tas-servizz, VII – Infurzar u VIII – Dispożizzjonijiet finali). L-għadd ta' annessi ġie mnaqqas minn erbgħa għal tlieta, fejn l-Anness I u II tal-proposta tal-Kummissjoni ġew xi ftit adattati u magħquda fi II, l-Anness II huwa inkorporat fit-test (kumpens għad-dewmien) u d-dispożizzjonijiet tal-COTIF/CIV li jikkonċernaw il-kapitoli II, III u V saru l-Anness I.

Parti kbira tal-Kunsill ikkonferma l-ambitu ta' applikazzjoni propost mill-Kummissjoni ("il-vjaġġi internazzjonali", li jikkonsistu minn wieħed jew bosta servizzi bil-ferrovija, li minnhom talanqas wieħed irid ikun internazzjonali, operat skond kuntratt ta' trasport wieħed), filwaqt li l-applikazzjoni tal-Kapitolu IV dwar dewmien huwa limitat għal servizzi internazzjonali u l-Kapitolu V dwar persuni b'mobilità mnaqqsa għandu ambitu mwessa' li jkopri vjaġġi interni fuq servizzi internazzjonali. Għaldaqstant, il-Kunsill aġġusta l-ambitu ta' applikazzjoni tal-kapitoli differenti skond il-ħtiġijiet rispettivi tagħhom.

Bil-maqlub tal-proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill, kif ukoll il-Parlament Ewropew, jillimita d-dmir ta' l-operaturi ferrovjarji biex jipprovdu biljetti , biljetti integrati globali ( through-tickets ) u l-informazzjoni rispettiva dwar il-vjaġġ madwar ix-xibka ferrovjarja ta' l-UE, għall-każijiet fejn din l-informazzjoni jew dawn il-biljetti huma disponibbli għall-operatur ferrovjarju li jirċievi t-talba.

Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew madankollu jirrikjedu li titwaqqaf sistema kompjuterizzata ta' riservazzjoni u ta' informazzjoni għall-vjaġġi bil-ferrovija madwar l-UE, li se tgħin biex tagħmel l-aċċess għall-informazzjoni, il-biljetti u riservazzjonijiet fuq servizzi internazzjonali iktar faċli għall-konsumatur. Il-miżura leġiżlattiva rilevanti se tkun suġġetta għal proċedura ta' komitoloġija mnedija fi proposta li għandha tkun elaborata bl-assistenza ta' l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea.

Il-Kunsill, konformement ma' talba simili mill-Parlament Ewropew, f'ħafna mill-aspetti ssostitwixxa l-proposta tal-Kummissjoni fir-rigward tar-responsabilità ta' impriżi ferrovjarji għall-passiġġieri u l-bagalji f'każ ta' inċidenti jew danni minħabba dewmien, kunnessjonijiet mhux milħuqa jew kanċellazzjonijiet mill-qafas tal-COTIF/CIV. Minkejja din l-istrateġija se tillimita konsiderevolment id-drittijiet tal-passiġġieri għall-kumpens għad-danni, il-Kummissjoni tista' taċċetta din il-modifika. Ladarba tinkiseb l-esperjenza bl-applikazzjoni ta' dan ir-regolament, il-Kummissjoni tista' mill-ġdid tqis il-kwistjoni. B'differenza mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill idgħajjef it-talba għal livell minimu tal-kopertura obbligatorja ta' l-assigurazzjoni għar-responsabilità f'każ ta' inċidenti.

Il-Kunsill jipproponi simplifikazzjoni, ibbażata fuq talba simili mill-Parlament Ewropew, tal-qafas oriġinarjament propost mill-Kummissjoni għal kumpens u assistenza ad hoc f'każ ta' dewmien, kunnessjonijiet mhux milħuqa jew kanċellazzjoni , sabiex tkun permessa applikazzjoni korretta u ċara għall-vantaġġ tal-passiġġieri. Il-Kummissjoni taqbel totalment ma' din is-simplifikazzjoni.

F'termini ġenerali, il-Kunsill jappoġġja ħafna d-drittijiet ta' persuni b'mobilità mnaqqsa . It-tentattivi biex jitwessa' l-ambitu tagħhom u l-applikazzjoni tagħhom issir iktar prattika u prevedibbli, filwaqt li madankollu, tillimita fl-istess ħin, xi dmirijiet għal min imexxi l-istazzjonijiet u l-impriżi ferrovjarji. Il-Kummissjoni ġeneralment taqbel ma' din il-modifika. Madankollu, hija tqis bħala sfortunata waħda mill-modifiki proposti, dik dwar l-aħħar sentenza ta' l-Artikolu 19(1) li tagħti l-possibilità għal min imexxi l-istazzjonijiet li jillimita l-assistenza diġà konfermata f'każ ta' impedimenti purament kummerċjali. Il-Parlament Ewropew ressaq emendi li jmorru lil hinn mill-ambitu ta' din il-proposta, eż. l-obbligi maħsuba biex tiżdied l-aċċessibilità tal-materja tal-ferrovija li tiċċaqlaq ( rolling stock ) u l-istazzjonijiet tal-ferrovija, li madankollu se jkunu riflessi fil-futur fi Speċifikazzjoni Teknika għall-Interoperabilità għal Persuni b'Mobilità Mnaqqsa, li l-Kummissjoni se teżamina aktar fid-dettall din il-kwistjoni.

B'differenza mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill ikkonferma l-obbligi dwar id-definizzjoni u l-monitoraġġ ta' l-istandards tal-kwalità.

4- KUMMENTI DETTALJATI TAL-KUMMISSJONI

Minn 122 emenda adottata fl-ewwel qari tal-Parlament, 63 intlaqgħu bi sħiħ mill-Kunsill fil-pożizzjoni komuni tiegħu u 9 parzjalment, li minnhom il-Kummissjoni rrifjutat 12 fl-intier tagħhom u 3 parzjalment. Il-pożizzjoni komuni rrifjutat 25 emenda fl-intier tagħhom u 4 parzjalment, li l-Kummissjoni kienet aċċettat. Il-pożizzjoni komuni ma laqgħetx 26 emenda fl-intier tagħhom u 3 parzjalment, li l-Kummissjoni kienet irrifjutat.

L-emenda prinċipali tal-Parlament Ewropew hija dwar it-twessigħ ta' l-ambitu ta' applikazzjoni biex ikopri mhux biss il-vjaġġi internazzjonali iżda wkoll dawk kollha nazzjonali. Emendi importanti oħra proposti kkonċernaw l-iskema ta' , reviżjoni tal-livelli ta' u l-kundizzjonijiet għal kumpens proposti f'każ ta' dewmien jew kanċellazzjoni u, fl-aħħar, limitazzjoni ta' l-obbligi fuq impriżi ferrovjarji biex joffru biljetti u informazzjoni dwar it-trasport fuq is-sevizzi ewlenin kollha fi ħdan l-UE. Il-Kummissjoni rreaġiet għall-opinjoni tal-Parlament Ewropew fl-ewwel qari billi aċċettat 19-il emenda fl-intier tagħhom, 49 fil-prinċipju u 16 parzjalment. Hija rrifjutat kompletament 38 emenda.

4.1 Emendi aċċettati mill-Kummissjoni u inkorporati fl-intier tagħhom jew parzjalment fil-pożizzjoni komuni

Ir-referenzi ta' hawn taħt huma premessi u artikoli tal-pożizzjoni komuni.

Parti mill-emenda 3 u l-emendi 10, 23, 27, 44, 45, 46, 49, 50, 51, 52, 53, 54, 56, 57, 59, u sa ċertu punt 64, 77, 78, 80, 81, 82 u 83, jeħtieġu l-allinjament tan- normi dwar ir-responsabilità li jirregolaw l-impriżi ferrovjarji mal-ftehim internazzjonali COTIF/CIV (protokoll ta' Vilnius ta' l-1999, li daħal fis-seħħ fl-2006) jew fihom sempliċement referenzi għall-COTIF/CIV. L-emendi għal dispożizzjonijiet speċifiċi jistgħu jitqiesu superfluwi minħabba li l-premessi 6 u 13, l-Artikolu 10 (responsabilità għal mewt u korriment ta' passiġġieri u ħsara għall-bagalji tagħhom), l-Artikolu 13 (responsabilità għal dewmien, kunnessjonijiet mhux milħuqa u kanċellazzjonijiet) u partikolarment l-Anness 1 tal-pożizzjoni komuni jintroduċu fir-regolament, f'forma sempliċi u konċiża, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-COTIF/CIV dwar ir-responsabilità.

L-emendi 6 u 76 jipproponu dettalji rigward il-mod kif tiġi offruta l-assistenza lil Persuni b'mobilità mnaqqsa f'każ ta' dewmien. L-Artikolu 16(5) tal-pożizzjoni komuni tikkonferma d-dritt għal attenzjoni partikolari tal-ħtiġijiet tal-persuni b'mobilità mnaqqsa meta jirċievu assistenza f'każ ta' dewmien. Id-dettalji dwar il-mod kif għandha tiġi offruta l-assistenza huma msemmija fil-premessa 10 tal-pożizzjoni komuni.

L-emenda 18 tipproponi modifiki għad-definizzjoni ta' "riservazzjoni" li l-pożizzjoni komuni mmodifikat b'mod iktar radikali fl-Artikolu 3(9).

L-emendi 20, 61 u 120 jipproponu simplifikazzjoni ta' l-iskema ta' kumpens li tistabbilixxi rifużjoni tal-prezz tal-biljett f'każ ta' dewmien proposta mill-pożizzjoni komuni. L-Artikolu 15 tal-pożizzjoni komuni jilqa' l-istruttura prinċipali proposta mill-Parlament Ewropew filwaqt li jillimita r-rifużjoni possibbli sa massimu ta' 50% tal-prezz tal-biljett

L-emenda 24 dwar it- tħassir tad-definizzjoni ta' l-iskedi tax-xogħol intlaqgħet mill-pożizzjoni komuni.

L-emendi 25, 36 u 42 jikkonċernaw l-organizzazzjoni ta' kif jiġu pprovduti l-informazzjoni u l-biljetti kif meħtieġ mir-regolament u l-użu possibbli ta' sistema kompjuterizzata Ewropea ta' riservazzjoni u ta' informazzjoni ( Computer Information and Reservation System [CIRS]). L-Artikolu 9 tal-pożizzjoni komuni jinkorpora t-talba biex titwaqqaf CIRS u jobbliga lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea biex jikkooperaw sabiex jiżviluppaw Speċifikazzjoni Teknika għall-Interoperabilità kif imsemmija fid-Direttiva 2001/16/KE dwar l-informazzjoni u l-biljetti. L-ambitu ta' applikazzjoni tal-bażi ġuridika msemmija jista' jeħtieġ aktar kunsiderazzjonijiet.

L-emendi 32, 33 34, 35, 108 u, parzjalment, 138 jeħtieġu l-allinjament tad-dispożizzjonijiet dwar il-kuntratti ta' trasport u l-biljetti mal-ftehim internazzjonali COTIF/CIV (protokoll ta' Vilnius ta' l-1999, li daħal fis-seħħ fl-2006) jew fihom sempliċement referenzi għall-COTIF/CIV. L-emendi għal dispożizzjonijiet speċifiċi jistgħu jitqiesu superfluwi minħabba li l-premessa 6, l-Artikolu 4 (dispożizzjoni dwar kuntratti ta' trasport) u partikolarment l-Anness 1 tal-pożizzjoni komuni jintroduċu fir-regolament, f'forma sempliċi u konċiża, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-COTIF/CIV dwar ir-responsabilità.

Parti mill-emenda 67, teħtieġ li passiġġieri li jġarrbu dewmien ikunu trasportati fil-pront lejn id-destinazzjoni finali tagħhom. L-Artikolu 14 tal-pożizzjoni komuni filwaqt li jinkorpora din l-idea, imur lil hinn minn hekk billi jeħtieġ li impriżi ferrovjarji joffru "immedjatament" lill-passiġġieri għażla bejn rotta alternattiva ( re-routing ) u rimbors tal-prezz tal-biljett , eċċ.

L-emendi 70, 71, 72 (madankollu l-Kummissjoni m'aċċettatx il-limitazzjoni ta' dan l-obbligu bit-terminu "meta hu possibbli") u 73 jeħtieġu l-kunsens tal-passiġġieri għal azzjoni konsegwenzjali mill-impriżi ferrovjarji f'każ ta' rotta alternattiva u tkomplija tal-vjaġġ minħabba dewmien u jipproponu bosta kjarifiki dwar assistenza ad hoc li għandha tkun offruta f'każ ta' dewmien . L-Artikolu 14(1)c u 16(2) tal-pożizzjoni komuni jqisu dawn il-proposti.

L-emenda 86 tipproponi limiti għall-assistenza offruta lil Persuni b'mobilità mnaqqsa rigward il-kapaċità disponibbli. L-Artikolu 17 tal-pożizzjoni komuni jippermetti li impriżi ferrovjarji jistabbilixxu minn qabel regoli għal aċċess mhux diskriminatorju għal Persuni b'mobilità mnaqqsa. Madankollu, il-pożizzjoni komuni ma tipprevedi l-ebda obbligu biex tiżdied il-kapaċità.

L-emendi 87 u 126 jaġġustaw id- dmirijiet ta' min imexxi l-istazzjonijiet, impriżi ferrovjarji inkluż l-istaff ta' abbord il-ferroviji rigward l-assistenza li għandha tkun provduta lill-Persuni b'mobilità mnaqqsa . L-Artikoli 19, 20 u 21 tal-pożizzjoni komuni jiċċaraw, jissemplifikaw u jagħmlu iktar realistiċi d-dmirijiet tal-partijiet involuti, u partikolarment ta' l-impriżi ferrovjarji u min imexxi l-istazzjonijiet. L-Artikolu 18 tal-pożizzjoni komuni jassigura l-bejgħ ta' biljetti lil Persuni b'mobilità mnaqqsa għal ebda spejjeż żejda.

L-emenda 92 tissimplifika d-dritt tal-persuna b'mobilità mnaqqsa għal assistenza f'nuqqas ta' notifika għaliha minn qabel. Għal każijiet bħal dawn, l-Artikolu 21 jassigura assistenza ad hoc ibbażata fuq l-aħjar sforz.

L-emendi 99 u 100 huma riflessi fl-Artikolu 23 tal-pożizzjoni komuni bil-bdil tat-terminu "sigurtà" għal " sigurtà personali ".

L-emendi 105 u 106 li jeħtieġu li jittaffa il-piż fuq l-impriżi ferrovjarji fir-rigward tat- trattament ta' l-ilmenti huma trasposti mill-Artikolu 24 tal-pożizzjoni komuni u jħallu fi ħdan qafas ġustifikat parti kbira mid-dettalji dwar il-mekkaniżmu tat-trattament ta' l-ilmenti li għandhom jiġu deċiżi mill-impriżi ferrovjarji nfushom.

L-ewwel parti ta' l-emenda 109 tħassar l-obbligu li l-passiġġieri jkunu infurmati bi kwalunkwe pjan dwar il- waqfien jew tibdil fis-servizzi . L-Artikolu 6 tal-pożizzjoni komuni jipprevedi li l-obbligu ta' informazzjoni jirreferi għad-deċiżjonijiet minflok għall-pjanijiet.

L-emenda 114, parti mill-emenda 115, 116, 117 jeħtieġu aġġustament għall-informazzjoni minima dwar il-vjaġġ offruta lill-passiġġieri minn impriżi ferrovjarji. L-Artikolu 7 u l-Anness II jiċċaraw il-kontenut ta' l-informazzjoni minima dwar is-servizzi proprji li għandha tiġi offruta lill-passiġġier.

4.2 Emendi aċċettati mill-Kummissjoni u mhux inkorporati fil-pożizzjoni komuni

L-emendi 5, 8, 9, 38 (parzjalment, ara hawn taħt ukoll), parti minn 67, 68, 79, 85, 90, 103 u 104 jeħtieġu t-tħassir tat-terminu "internazzjonali". Il-Kummissjoni hi tal-fehma li t-tħassir ta' dan it-terminu fid-dispożizzjonijiet rispettivi ma jippreġudikax il-kwistjoni ta' l- ambitu ta' applikazzjoni tar-regolament. Madankollu, il-pożizzjoni komuni, billi ma għandha ebda intenzjoni li twessa' l-ambitu ta' applikazzjoni tar-regolament għas-servizzi ferrovjarji kollha, inkluż dawk interni, bl-ebda mod ma ħassret sistematikament ir-referenzi għat-terminu "internazzjonali".

L-emenda 15 teħtieġ kjarifika tad-definizzjoni ta' "impriża ferrovjarja" . Din l-emenda tista' titqies superfluwa minħabba li l-pożizzjoni komuni tirreferi għal-leġiżlazzjoni Komunitarja eżistenti: l-Artikolu 3, paragrafu 1 jiddefinixxi "impriża ferrovjarja" konformement mad-Direttiva 2001/14/KE, l-Artikolu 2 (Skop) jirreferi għad-definizzjoni fid-Direttiva 95/18/KE.

L-emendi 21 u 22 jeħtieġu li d-dewmien u d-dewmien previst minħabba kanċellazzjoni, li tħabbar lill-passiġġieri 48 siegħa qabel. Il-pożizzjoni komuni ma tipprevedi l-ebda dispożizzjoni bħal din. Id-definizzjoni ta' "dewmien" fl-Artikolu 3(15) tista' tintuża għal kjarifika ta' dan is-suġġett.

L-emenda 30 teħtieġ li tkun provduta informazzjoni f'format aċċessibbli għal Persuni b'mobilità mnaqqsa b'nuqqasijiet tal-vista u sensorjali. Il-pożizzjoni komuni ma tipprevedi ebda dispożizzjoni bħal din. Il-kontenut ta' l-Artikolu 7(3) tal-pożizzjoni komuni huwa iktar adatt minn dak previst mill-emendi msemmija hawn fuq.

L-emenda 38 teħtieġ il- bejgħ ta' biljetti f'forma aċċessibbli . Minkejja li l-Artikolu 8 tal-pożizzjoni komuni dwar id-disponibilità ta' biljetti ma jirreflettix din l-idea, il-premessa (10) tal-pożizzjoni komuni tagħti d-dritt għall- Persuni b'mobilità mnaqqsa li jiksbu l-biljetti fuq il-ferrovija mingħajr ħlas żejjed.

L-emendi 43, 48, 55 u 98 dwar it- titoli u l-istruttura tar-regolament ma ntlaqgħux mill-pożizzjoni komuni minħabba li din tipproponi struttura differenti (ara struttura tar-regolament ).

L-emendi 47 u 58 jirrifjutaw jew jillimitaw id-dritt ta' ħlas minn qabel f'każ ta' mewt jew korriment tal-passiġġier. Madankollu, l-Artikolu 12 tal-pożizzjoni komuni tikkonferma dan id-dritt, propost mill-Kummissjoni, li jingħata wkoll lill-passiġġieri bl-ajru.

L-emenda 66 teħtieġ l-applikazzjoni tal-konsegwenzi ġuridiċi dwar id-dewmien tas-servizzi ferrovjarji wkoll meta jkun hemm dewmien fl-għoti ta' assistenza konfermata għal persuna b'mobilità mnaqqsa . Il-pożizzjoni komuni ma tipprevedi ebda dispożizzjoni bħal din. Il-pożizzjoni komuni tirreferi biss għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-persuni b'mobilità mnaqqsa rigward l-assistenza li tingħata f'każ ta' dewmien biss.

L-emenda 69 teħtieġ li rotta alternattiva jew tkomplija tas-sevizzi jistgħu jinvolvu servizzi iktar għoljin fl-istess prezz oriġinali mħallas għall-biljett. Il-pożizzjoni komuni ma tipprevedix din il-possibilità iżda tirreferi għal "kundizzjonijiet komparabbli".

L-emenda 75 teħtieġ li l-impriża ferrovjarja tiċċertifika dewmien imġarrab mill-passiġġieri. Il-pożizzjoni komuni ma tipprevedix dan id-dmir, li jista' jinkiseb faċilment permezz tat-tħassir ta' "fuq talba tal-passiġġier" mill-Artikolu 16(4).

It-tieni u t-tielet parti ta' l-emenda 109 jeħtieġu li l-impriża ferrovjarja, min imexxi l-istazzjonijiet, it- tour operators u l-Kummissjoni sabiex jikkooperaw biex joffru l-informazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġier rikonoxxuti fir-regolament. Il-Kummissjoni taqbel fil-prinċipju li l-passiġġieri jkunu infurmati bid-drittijiet tagħhom fl-ambitu tar-regolament f'forma xierqa u tirreferi għal azzjoni simili meħuda fir-rigward tad-drittijiet tal-passiġġieri fil-qasam tat-trasport bl-ajru (il-kartellun tad-Drittijiet tal-Passiġġieri ta' l-Ajru).

L-emendi 110, 111 u 112 dwar il- korpi nazzjonali ta' nfurzar u l-pubbliċità ta' informazzjoni dwar dawn il-korpi huma inkorporati fil-biċċa l-kbira tagħhom fl-Artikolu 26 u l-Anness II tal-pożizzjoni komuni.

Parti mill-emenda 124 ittawwal il- perjodu li fih għandu jitħallas il-kumpens ad hoc f'każ ta' dewmien għal xahar minflok 14-il ġurnata. Filwaqt li l-Kummissjoni kienet flessibbli dwar din il-kwistjoni, il-pożizzjoni komuni ma tbiddilx il-proposta tal-Kummissjoni għall-ħlas tal-kumpens fi żmien 14-il ġurnata wara li jasal l-ilment.

Parti mill-emenda 138 teħtieġ obbligu ta' ġarr ta' roti mill-impriżi ferrovjarji. Billi ż-żewġ leġiżlaturi jaqblu li jressqu l-kontenut ta' kuntratt ta' trasport fil-prinċipju għar-regoli COTIF/CIV dwar is-suġġett, ġie abbandunat l-obbligu fir-rigward tal-ġarr ta' roti.

4.3 Emendi rrifjutati mill-Kummissjoni u mhux inkorporati fil-pożizzjoni komuni

L-emendi 1, 2, parti mill-emenda 3, 11, 12 (parzjalment, ara wkoll hawn taħt), 13, 17 (parzjalment, ara wkoll hawn taħt) u 62 (parzjalment, ara wkoll hawn taħt), bi ħsiebhom jipproponu drittijiet u obbligi għall-passiġġier tal-ferroviji indipendentement mill-fatt li għamel vjaġġ nazzjonali jew internazzjonali. B'hekk, il-Parlament Ewropew jeħtieġ li jwessa' l- ambitu għas-servizzi kollha, kemm dawk internazzjonali kif ukoll interni . Din hija emenda li l-Kummissjoni tapprezza iżda għandha mnejn tkun prematura f'dan l-istadju. L-Artikolu 2, paragrafi 1 u 2 tal-pożizzjoni komuni, bil-maqlub tal-Parlament Ewropew, jikkonfermaw (għall-kwistjonijiet ġenerali u responsabilità ta' l-impriżi ferrovjarji) jew inaqqsu (għall-konsegwenzi minħabba dewmien, eċċ.) l-ambitu propost mill-Kummissjoni. L-Artikolu 2, paragrafu 3 jwessa' l-ambitu għall-vjaġġi interni fuq servizzi internazzjonali fir-rigward ta' persuni b'mobilità mnaqqsa biss.

L-emendi 7 u 125 jipproponu l-obbligu, b'dan ir-regolament, għall-impriżi ferrovjarji u min imexxi l-istazzjonijiet biex il-materja tal-ferrovija li tiċċaqlaq ( rolling stock ) u l-istazzjonijiet isiru aċċessibbli għall-persuni b'mobilità mnaqqsa. Il-Kummissjoni tqis li obbligu bħal dan imur lil hinn mill-ambitu tal-proposta preżenti.

L-emenda 12 u parti mill-emenda 39 li tirreferi għall- kuntratti ta' servizz pubbliku mhumiex meqjusa rilevanti. Is-servizzi internazzjonali (ara wkoll l- ambitu ta' applikazzjoni ) rarament huma suġġetti għal kuntratti ta' servizz pubbliku u għaldaqstant, il-pożizzjoni komuni ma ssemmix partikolarment it-terminu, mingħajr ma teskludi espliċitament l-obbligu ta' l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-passiġġier għall-kuntratti ta' servizz pubbliku mill-ambitu tar-regolament.

L-emenda 16 tipproponi modifiki għad-definizzjoni " stazzjon ewlieni tal-ferrovija ", terminu li ma għadux jintuża mir-regolament, li, fl-Artikolu 19 tal-pożizzjoni komuni, jorbot l-obbligi ta' min imexxi l-istazzjonijiet fir-rigward ta' l-assistenza għall-persuni b'mobilità mnaqqsa ma' "stazzjonijiet tal-ferrovija bl-istaff" Għaldaqstant, id-definizzjoni ta' "stazzjon ewlieni tal-ferrovija" jitlef l-użu tiegħu.

L-emendi 17 u 62 li jirreferu għall- abbonamenti ma jitqisux rilevanti. L-abbonamenti qajla huma disponibbli għas-servizzi internazzjonali (ara wkoll l- ambitu ta' applikazzjoni ) u għaldaqstant il-pożizzjoni komuni ma tqisx neċessarju li jissemma partikorlament dan it-terminu, madankollu mingħajr ma teskludi espliċitament l-abbonamenti mill-ambitu ta' applikazzjoni tar-regolament.

L-emenda 19 tallinja d-definizzjoni mal-COTIF/CIV. Din l-emenda tista' titqies superfluwa: l-Artikolu 3, paragrafi 11, 12, 13 u 14 tal-pożizzjoni komuni jiddefinixxu biċ-ċar il-vjaġġi u s-servizzi kemm dawk internazzjonali kif ukoll interni, rispettivament , b'mod ċar u konċiż mingħajr ma jikkontraddixxu l-COTIF/CIV.

L-emenda 26 tipproponi modifiki lid-definizzjoni ta' " persuni b'mobilità mnaqqsa ". Sadanittant, tingħata definizzjoni mir- Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet ta' persuni b'mobilità mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru (adottat fit-8 ta' Ġunju 2006, għadu mhux ippubblikat). L-Artikolu 3(17) tal-pożizzjoni komuni tilqa' din id-definizzjoni għal "persuni b'mobilità mnaqqsa" mill-avjazzjoni.

L-emenda 31 teħtieġ li impriżi ferrovjarji u tour operators (punti ta' bejgħ ta' biljetti) jinżammu responsabbli għall- informazzjoni mhux eżatta . Xejn fir-regolament ma jxekkel li jiġu applikati prinċipji tad-dritt privat nazzjonali għal każijiet bħal dawn.

L-emendi 60, 118 u 119 huma bbażati fuq it-talba li passiġġieri għandhom jiġu rimborsati mill-ħlas żejjed jekk is-servizz ma kienx tal-kwalità mixtieqa, għajr għad-dewmien fis-servizz. Id-drittijiet relatati ma' din it-talba qed jitqiesu eċċessivi u għaldaqstant ebda obbligu bħal dan ma ddaħħal fil-pożizzjoni komuni.

Fil-biċċa l-kbira tagħha, l-emenda teħtieġ tnaqqis fil-kumpens tal-prezz ta' biljett (għal servizz inferjuri) minn kumpens ieħor, bħal ngħidu aħna, kumpens għad-danni f'każ ta' responsabilità għal dannu konsegwenzjali. Bil-maqlub ta' dan, l-Artikolu 15 tal-pożizzjoni komuni jikkonferma li l-kumpens ad hoc li jirrimborsa l-prezz tal-biljett f'każ ta' dewmien, kunnessjoni mhux milħuqa minħabba dewmien jew kanċellazzjoni, hija differenti minn kumpens għal dannu konsegwenzjali rregolat mill-Artikolu 13 tal-pożizzjoni komuni, li jirreferi għad-dispożizzjonijiet COTIF/CIV dwar is-suġġett. Għalhekk, it-tnaqqis propost ma kienx inkorporat fil-pożizzjoni komuni.

L-emenda 65 tipproponi l-obbligu għall-impriżi ferrovjarji li jevitaw dewmien bil-mezzi kollha . Obbligu bħal dan ma jitqiesx preċiż biżżejjed u huwa diffiċili biex jiġi nfurzat.

L-emenda 74 tillimita l-assistenza ad hoc għal passiġġier fuq ferroviji mblukkati barra mill-istazzjonijiet għal sitwazzjonijiet li ma jinvolvux ċirkostanzi eċċezzjonali. Minkejja li s-sitwazzjoni ma setgħetx ġiet ikkawżata mill-impriża ferrovjarja, din teħtieġ intervent favur il-passiġġier mingħajr ebda alternattiva oħra għall-assistenza. Għaldaqstant, il-pożizzjoni komuni tirrifjuta t-talba tal-Parlament Ewropew biex l-assistenza tkun limitata għal dawk il-każijiet fejn ikun fiżikament possibbli.

L-emenda 84 teħtieġ kjarifika fir-rigward tad-dritt ta' l-impriża ferrovjarja li titlob kumpens, meta jkun rilevanti, mill-amministratur ta' l-infrastruttura. Xejn fil-pożizzjoni komuni ma jxekkel fi kwalunkwe forma kull dritt għal rimedju li l-impriża ferrovjarja jista' jkollha kontra terzi. Minbarra dan, il-pożizzjoni komuni teżonera fil-prinċipju l-impriża ferrovjarja mir-responsabilità f'każ ta' tort ta' terzi.

L-emendi 101, 102, 107 u 121 jipproponu t-tħassir tal-valutazzjoni obbligatorja ta' l-istandards tal-kwalità iżda jdaħlu proċedura kemmxejn tqila li tinvolvi l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea. Il-pożizzjoni komuni tipproponi awtovalutazzjoni ta' l-istandards tal-kwalità mill-impriżi ferrovjarji nfushom filwaqt li fl-istess ħin teħtieġ kundizzjonijiet stretti dwar kif għandha titwettaq u tixxandar pubblikament l-awtovalutazzjoni. F'dan l-istadju, hija ma tqisx neċessarju l-involviment ta' l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea fil-monitoraġġ tal-kwalità.

L-emenda 127 teħtieġ miżuri ta' taħriġ biex il-persuni b'mobilità mnaqqsa jiġu assistiti aħjar. Din il-proposta tmur ferm lil hinn mill-ambitu ta' applikazzjoni ta' dan ir-regolament. Fil-kuntest tat-tielet pakkett ferrovjarju, il-Kummissjoni, madankollu, ressqet proposta għal Direttiva biex titjib il-prestazzjoni ta' sikurezza ta' l-ekwipaġġ tal-ferroviji.

L-emenda 123 twettaq aġġustamenti lid- dmirijiet ta' min imexxi l-istazzjonijiet fir-rigward tal-punti ta' kuntatt għall-persuni b'mobilità mnaqqsa . L-Artikolu 21 tal-pożizzjoni Komuni tikkonferma dan id-dmir ta' min imexxi l-istazzjonijiet kif propost mit-test oriġinali tal-Kummissjoni, filwaqt li jżid referenza għal korpi pubbliċi oħra li x'aktarx jaqsmu parti mir-responsabilità.

4.4 Emendi rrifjutati mill-Kummissjoni u inkorporati fl-intier tagħhom jew parzjalment fil-pożizzjoni komuni

L-emendi 4, 14 u 37 jeħtieġu t-trażżin ta' l-obbligu li l-Kummissjoni pproponiet għall-impriżi ferrovjarji li jipprovdu biljetti, biljetti integrati globali u l-informazzjoni rispettiva dwar il-vjaġġ madwar ix-xibka ferrovjarja ta' l-UE. Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li passiġġieri għandhom id-dritt jixtru biljetti integrati għal vjaġġi madwar ix-xibka ferrovjarja ta' l-UE u għalhekk għażlet li tobbliga lill-ferroviji joffru dan il-prodott billi s-suq ferrovjarju jidher li qed jirreaġixxi volontarjament. L-Artikolu 8 tal-pożizzjoni komuni tħalli l-għażla ta' l-offerta f'idejn l-impriżi ferrovjarji billi titlob li biljetti, biljetti integrati globali u riservazzjonijiet għandhom jinbiegħu, meta jkunu disponibbli, lill-passiġġieri . Sistema kompjuterizzata Ewropea ta' riservazzjoni u ta' informazzjoni (CIRS) għal servizzi ferrovjarji tkompli tipprovdi ġustifikazzjoni għal din it-talba (Artikolu 9)

L-emendi 28, 29 u parti mill-emenda 115 jeħtieġu t-trażżin ta' l-obbligu li l-Kummissjoni pproponiet għall-impriżi ferrovjarji biex jipprovdu informazzjoni dwar il-vjaġġ . Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-passiġġieri għandhom id-dritt li jirċievu l-informazzjoni rilevanti dwar il-vjaġġ kif ukoll informazzjoni dwar servizzi barra mix-xibka ferrovjarja ta' l-impriża għal vjaġġi madwar l-UE. Il-Kummissjoni għażlet li tobbliga l-impriżi ferrovjarji biex joffru informazzjoni dwar il-vjaġġ valida għat-territorju ta' l-UE kollu billi mhux dejjem arranġamenti volontarji jaqdu dan l-iskop. L-Artikolu 7 u l-Anness II jiċċaraw il-kontenut ta' l-informazzjoni minima dwar is-servizzi proprji li għandha tiġi offruta lill-passiġġier. Sistema kompjuterizzata Ewropea ta' riservazzjoni u ta' informazzjoni (CIRS) għal servizzi ferrovjarji tkompli ssostni din it-talba (Artikolu 9)

Parti mill-emenda 39, l-emendi 40 u 123 jipproponu modifiki ta' kif jinbiegħu l-biljetti . L-Artikolu 8 tal-pożizzjoni komuni tagħti flessibilità kbira lill-impriżi ferrovjarji sabiex jagħżlu l-aktar mod ta' bejgħ ta' biljetti adatt. Il-bejgħ abbord għandu jingħata sakemm dan is-servizz huma limitat f'każijiet ġustifikati. Il-Kummissjoni ma riditx tikkomprometti iktar min-neċessarju x-xiri spontanju, inkluż ix-xiri fuq il-ferrovija. Hija ma qisitx neċessarju li tiddistingwi bejn punti ta' bejgħ għall-biljetti ta' servizz pubbliku u biljetti oħra.

L-emenda 91, 95, 96, 97 jipproponu kjarifika tal- proċedura ta' notifika li tikkonċerna persuni b'mobilità mnaqqsa għal assistenza speċfika. L-emenda 21 tal-pożizzjoni komuni tissimplifika din il-proċedura u l-kundizzjonijiet li taħthom hija offruta l-assistenza lil persuni b'mobilità mnaqqsa li nnotifikaw il-ħtieġa għal assistenza minn talanqas 48 siegħa qabel. Il-Kummissjoni ma riditx tnaqqas bla bżonn id-drittijiet tal-persuni b'mobilità mnaqqsa u għaldaqstant ma qablitx maż-żieda proposta fil-perjodu ta' notifika minn qabel minn 24 għal 48 siegħa.

L-emenda 113 teħtieġ perjodu ta' implimentazzjoni ta' sena qabel ma r-regolament jidħol fis-seħħ , filwaqt li l-Artkolu 33 tal-pożizzjoni komuni jagħti 18-il xahar żmien. Il-Kummissjoni ma tqisx neċessarju perjodu tranżitorju twil għall-implimentazzjoni tad-drittijiet tal-passiġġier proposti.

Parti mill-emenda 124 teħtieġ kunsens mill-passiġġier biex iħallas il-kumpens b' vouchers , li hija trasposta mill-Artikolu 15(2), fl-aħħar sentenza tal-pożizzjoni komuni.

5- KONKLUŻJONI

Minkejja li kienet tkun tippreferi obbligu għall-impriżi ferrovjarji biex joffru informazzjoni dwar l-iskedi u l-biljetti integrati globali madwar ix-xibka ferrovjarja Ewropea kif ukoll aktar impenn minn min imexxi l-istazzjonijiet u l-impriżi ferrovjarji fir-rigward ta' l-assistenza offruta lill-persuni b'mobilità mnaqqsa, il-Kummissjoni tqis li l-pożizzjoni komuni adottata unanimament fl-24 ta' Lulju 2006 ma tibdilx il-miri u l-istrateġiji tal-proposta tagħha.

Top