Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006PC0382

    Proposta għal regolament tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill dwar ir-roaming fuq netwerks pubbliċi mobbli fi ħdan il-Komunità u li temenda d-Direttiva 2002/21/KE dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi {SEC(2006)925} {SEC(2006)925}

    /* KUMM/2006/0382 finali - COD 2006/0133 */

    52006PC0382

    Proposta għal regolament tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill dwar ir-roaming fuq netwerks pubbliċi mobbli fi ħdan il-Komunità u li temenda d-Direttiva 2002/21/KE dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi {SEC(2006)925} {SEC(2006)925} /* KUMM/2006/0382 finali - COD 2006/0133 */


    [pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 12.7.2006

    KUMM(2006) 382 finali

    2006/0133 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar ir- roaming fuq netwerks pubbliċi mobbli fi ħdan il-Komunità u li temenda d-Direttiva 2002/21/KE dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi

    (ippreżentata mill-Kummissjoni){SEC(2006)925}{SEC(2006)925}

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

    - Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

    Ir-‘ roaming internazzjonali’, jiġifieri li l-klijenti Ewropej tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika mobbli jkunu jistgħu jużaw il-mowbajls tagħhom biex iċemplu jew jirċievu telefonati waqt li qed jivvjaġġaw barra minn pajjiżhom, huwa komponent essenzjali tas-servizz u jikkontribwixxi għall-benessri soċjali u ekonomiku tal-Komunità kollha kemm hi. Madankollu, il-prezzijiet għoljin li l-utenti tal-mowbajl iħallsu għal dan is-servizz ġew identifikati bħala problema persistenti mill-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, ir-regolaturi u min ifassal il-politika madwar il-Komunità. Filwaqt li ttieħdu għadd ta' azzjonijiet fl-aħħar snin sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni fi ħdan il-qafas ġuridiku eżistenti, dawn l-għodod ma kinux effettivi biex inaqqsu l-prezzijiet sa livell li jirrifletti l-ispejjeż sottostanti għall-għoti tas-servizzi kkonċernati.

    L-għan tal-proposta għalhekk huwa li jiġi emendat il-qafas regolatorju eżistenti għall-komunikazzjoni elettronika sabiex tingħata l-bażi ġuridika meħtieġa għal azzjoni effettiva u f’waqtha sabiex jitwassal tnaqqis sostanzjali fuq il-livell tat-tariffi għar- roaming bil-mowbajl madwar il-Komunità b’mod armonizzat. Dan għandu jintlaħaq billi jiġi applikat il-metodu li l-prezzijiet imħallsa mill-utenti tan-netwerks pubbliċi mobbli għas-servizzi tar- roaming waqt l-ivvjaġġar fil-Komunità m’għandux ikun ogħla b’mod inġustifikabbli mit-tariffi li jitħallsu meta jsiru s-sejħiet mill-pajjiż ta’ residenza ta’ l-utent (il-"Metodu tas-Suq Intern Ewropew”).

    Il-mekkaniżmu magħżul biex jintlaħaq dan il-għan b’mod proporzjonat huwa l-applikazzjoni lill-operaturi mobbli terrestri fi ħdan il-Komunità ta’ limiti ta’ prezz massimu ta’ salvagwardja għall-għoti ta’ servizzi ta' roaming għas-sejħiet bil-leħen bejn l-Istati Membri fuq livelli ta' bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut.

    - Il-kuntest ġenerali

    Il-problema tat-tariffi għolja tar- roaming għall-klijenti li jivvjaġġjaw fl-Ewropa u jċemplu bil-mowbajl ġiet identifikata għall-ewwel darba f'nofs l-1999 meta l-Kummissjoni ddeċidiet li twettaq inkjesta dwar is-settur li jkopri s-servizzi nazzjonali u internazzjonali tar- roaming . Dan wassal lill-Kummissjoni biex tiftaħ proċeduri li kienu jallegaw il-ksur fl-imgħoddi ta’ l-Artikolu 82 tat-Trattat minn ċerti operaturi tat-telekomunikazzjoni mobbli fir-Renju Unit u fil-Ġermanja.

    Ir- roaming internazzjonali kien ukoll rikonoxxut bħala kwistjoni għal regolazzjoni ex ante fi żmien l-adozzjoni tal-pakkett regolatorju ta’ l-2002 għall-komunikazzjoni elettronika, permezz ta’ l-identifikazzjoni tas-suq nazzjonali ta’ l-ingrossa għar- roaming internazzjonali fuq newerks mobbli pubbliċi fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Frar 2003 dwar is-Swieq Relevanti tal-Prodotti u s-Servizzi fi ħdan is-settur tal-komunikazzjoni elettronika.

    Il-Grupp tar-Regolaturi Ewropej (ERG) innota f’Mejju 2005 li t-tariffi bl-imnut kienu għolja ħafna mingħajr ġustifikazzjoni ċara, li dan deher li ġej sew minn tariffi bl-ingrossa għoljin miżmuma mill-operatur tan-netwerk ospitanti barrani u sew, f'bosta każi, minn awmenti ( mark-ups ) għolja fuq il-bejgħ bl-imnut miżmuma mill-operatur tan-netwerk tal-klijent; li t-tnaqqis fit-tariffi spiss ma għaddiex lill-klijent li jixtri bl-imnut; u li l-konsumaturi sikwit ma kellhomx informazzjoni ċara dwar it-tariffi fuq ir- roaming.

    F’Ottubru ta’ l-2005, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni lejn il-problema tat-tariffi għoljin tar- roaming internazzjonali u n-nuqqas ta' trasparenza fil-prezz billi pubbblikat websajt ta’ informazzjoni għall-konsumatur li mhux biss ikkoroborat il-fatt li f'bosta każi it-tariffi huma manifestament eċċessivi, iżda wriet varjazzjoni fil-prezzijiet madwar il-Komunità li ma setgħux ikunu ġustifikati għal sejħiet bl-istess karatteristiċi.

    F’riżoluzzjoni ta’ 1 ta’ Diċembru 2005 dwar ir-regolazzjoni u s-swieq tal-komunikazzjoni elettronika Ewropea 2004, il-Parlament Ewropew laqa' l-inzjattiva tal-Kummissjoni dwar it-trasparenza fis-settur tar- roaming internazzjonali u sejjaħ lill-Kummissjoni biex tiżviluppa inizjattivi ġodda sabiex tnaqqas il-prezzijiet għoljin tat-traffiku tat-telefonija mobbli transfruntaliera.

    F’Diċembru 2005, il-Grupp tar-Regolaturi Ewropej fisser it-tħassib tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea dwar li l-miżuri meħuda mill-ARN ma kinux se jsolvu l-problema tal-prezzijiet għoljin, u nnota li r- roaming joħloq eċċezzjoni fejn każ apparenti ta’ detriment għal konsumatur mhuwiex solvut prospettivament permezz ta’ l-applikazzjoni tal-qafas.

    F’Marzu 2006, il-Kunsill Ewropew innota fil-konklużjonijiet tiegħu l-importanza għall-kompettitività li jkun hemm tariffi mnaqqsa tar- roaming , fil-kuntest tal-ħtieġa għal politika tat-teknoloġija ta’ l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) li tkun iffukata, effettiva u integrata, sew fuq livell Ewropew sew fuq dak nazzjonali, sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ l-Istrateġija mġedda ta’ Liżbona għat-tkabbir ekonomiku u l-produttività.

    Filwaqt li xi operaturi ħabbru pjanijiet biex inaqqsu l-prezzijiet għas-servizzi tar- roaming internazzjonali bħala tweġiba għall-inizjattivi ta' l-UE, ma kien hemm l-ebda rispons ġenerali ta' l-industrija li jista' jilħaq l-għanijiet ta' din il-proposta mingħajr il-bżonn ta’ azzjoni regolatorja. B’mod partikolari, m’hemm l-ebda garanzija li l-klijenti kollha tar- roaming internazzjonali jaraw il-benefiċċji ta’ prezzijiet aktar baxxi kif previst mill-proposta.

    Din il-proposta għalhekk għandha l-għan li tipprovdi bażi ġuridika armonizzata għal azzjoni bħal din li tiffaċilita t-tlestija tas-suq intern għall-komunikazzjoni elettronika.

    - Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

    L-istrumenti tal-liġi nazzjonali u tal-Komunità dwar il-kompetizzjoni jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jissanzjonaw imġiba minn impriżi individwali li tkun anti-kompettitiva. Madankollu, strumenti bħal dawn tal-liġi tal-kompetizzjoni jindirizzaw l-attivitajiet ta’ impriżi individwali u għalhekk ma jistgħux jipprovdu soluzzjoni li tħares l-interess ta’ l-utenti u l-protagonisti tas-suq kollha tal-komunikazzjoni elettronika fi ħdan il-Komunità.

    Il-qafas regolatorju eżistenti tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jipprovdi mekkaniżmu għall-impożizzjoni ta’ obbligi regolatorji ex ante fuq l-impriżi fi ħdan is-settur tal-komunikazzjoni elettronika, fuq il-bażi tad-definizzjoni tas-swieq rilevanti suxxettibbli għar-regolazzjoni ex ante u proċess ta’ analiżi tas-suq mill-awtoritajiet regolatorji. Dan jirriżulta fl-impożizzjoni ta’ obbligi regolatorji meta jinsab li ċerti impriżi jkunu dominanti fis-suq rilevanti. Is-suq nazzjonali tal-bejgħ bl-ingrossa tar- roaming internazzjonali fuq netwerks mobbli pubbliċi ġie identifikat bħala suq rilevanti tali. Min-naħa l-oħra, l-ebda suq bl-imnut għall-għoti ta’ dawn is-servizzi ma ġie identifikat bħala suq rilevanti, minħabba li s-servizzi tar- roaming fuq dan il-livell ma jinxtrawx indipendentament iżda jikkostitwixxu biss element wieħed minn pakkett usa' mibjugħ bl-imnut. Konsegwentament, minħabba ċ-ċirkostanzi speċifiċi tas-swieq għas-servizzi tar- roaming internazzjonali, u n-natura transfruntaliera ta’ dawn is-servizzi, ma kienx possibbli għar-regolaturi jindirizzaw il-prezzijiet għolja għar- roaming internazzjonali permezz ta’ dawn il-proċeduri.

    Ta’ min wieħed jgħid li l-qafas regolatorju tal-Komunità jista’ jħalli xi ambitu għall-Istati Membri biex jindirizzaw il-problemi identifikati fis-swieq tar- roaming internazzjonali permezz ta' miżuri leġiżlattivi oħrajn, bħal dawk marbuta mal-leġiżlazzjoni dwar il-ħarsien tal-konsumatur. Madankollu, minħabba n-natura transfruntaliera tas-servizzi tar- roaming internazzjonali, li fihom il-fornituri bl-ingrossa jkunu jinsabu fi Stati Membri li mhumiex dawk tal-konsumaturi li qed jużaw dawk is-servizzi, kull azzjoni leġiżlattiva bħal din mill-Istati Membri tkun ineffettiva u tagħti lok għal riżultati diverġenti madwar il-Komunità, fin-nuqqas ta’ l-armonizzazzjoni żgurata minn din il-proposta.

    Il-qafas regolatorju eżistenti tal-Komunità (l-Artikolu 19 tad-Direttiva Kwadru 2002/21/KE) jipprevedi li l-Kummissjoni toħroġ Rakkomandazzjonijiet dwar l-applikazzjoni armonizzata tad-dispożizzjonijiet tagħha. Madankollu, Rakkomandazzjoni bħal din f’dan il-qasam ma tkunx effettiva, minħabba li ma tkunx torbot legalment u l-Istati Membri lil min tkun indirizzzata xorta waħda jkollhom disponibbli biss l-għodod regolatorji eżistenti.

    Is-swieq bl-imnut u bl-ingrossa tar- roaming juru karatteristiċi li jiġġustikaw miżuri eċċezzjonali li jmorru lil hinn mill-mekkaniżmi disponibbli skond il-kwadru regolatorju ta’ l-2002.

    - Il-konsistenza mal-linji ta’ politika u l-għanijiet l-oħra ta' l-Unjoni

    Il-proposta hija konformi ma’ l-Istrateġija mġedda ta’ Liżbona għall-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku u ta’ l-impjiegi permezz ta’ kompetittività akbar u l-inzjattiva assoċjata i-2010 tal-Kummissjoni. L-importanza tat-tnaqqis tal-prezzijiet tar- roaming internazzjonali fi ħdan il-Komunità fil-fatt ġiet espliċitament rikonoxxuta mill-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2006.

    2. IL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-EVALWAZZJONI TA' L-IMPATT

    - Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati

    Il-metodi ta' konsultazzjoni, is-setturi ewlenija fil-mira u l-profil ġenerali ta' min wieġeb

    Is-servizzi tal-Kummissjoni varaw konsultazzjoni f’żewġ fażijiet kmieni fl-2006[1]. Waqt l-ewwel fażi, intalbu reazzjonijiet dwar prinċipji wiesa’. Is-servizzi mbagħad varaw it-tieni fażi b’kunċett aktar konkret għar-regolazzjoni bħala bażi għad-diskussjoni. Waqt iż-żewġ fażijiet, waslu 152 sottomissjoni minn medda ta’ partijiet interessati fosthom operaturi, awtoritajiet regolatorji nazzjonali (ARN), Stati Membri, assoċjazzjonijiet tal-kummerċ u ta’ l-utenti u oħrajn.

    Sommarju tat-tweġibiet u kif tqiesu

    L-eżerċizzji ta’ konsultazzjoni wrew appoġġ mifrux fost l-Istati Membri, l-ARN, il-gruppi tal-konsumaturi u anki xi operaturi għall-għan tal-Kummissjoni li tnaqqas it-tariffi fuq ir- roaming . Filwaqt li bosta operaturi opponew ir-regolazzjoni u argumentaw li s-suq huwa kompetittiv u l-prezzijiet qed jonqsu, xi wħud ipproponew jew l-awtoregolazzjoni jew inkella xi forma jew oħra ta’ regolazzjoni.

    Bħala riżultat tas-sottomissjonijiet li waslu, il-Kummissjoni adattat il-kunċett oriġinali tagħha tal-"prinċipju ta’ l-ipprezzar intern”, li kieku kien jorbot il-prezzijiet għar- roaming internazzjonali mal-prezzijiet imħallsa mill-klijenti roaming għal sejħiet ekwivalenti magħmula fuq in-netwerk proprju tagħhom, biex waslet għall-kunċett tal-“Metodu tas-Suq Intern Ewropew”, li bih il-prezzijiet tar- roaming jinġiebu eqreb għall-prezzijiet domestiċi bis-saħħa ta’ l-applikazzjoni ta’ limiti komuni ta’ prezz massimu ta’ salvagwardja madwar il-Komunità , u b’hekk jinkiseb livell għoli ta’ ħarsien għall-utenti filwaqt li titħares il-kompetizzjoni.

    - Il-ġbir u l-użu ta' l-għarfien espert

    Ma kien hemm l-ebda ħtieġa għall-parir espert estern ħlief għall-kontribuzzjoni mill-partijiet interessati fil-kuntest tal-konsultazzjonijiet pubbliċi.

    - L-evalwazzjoni ta' l-impatt

    L-evalwazzjoni ta’ l-impatt għal din il-proposta eżaminat il-medda ta’ għażliet li ġejja : l-ebda bidla fil-politika, l-awtoregolazzjoni, il-koregolazzjoni, liġi li ma torbotx u regolazzjoni mmirata.

    'L-ebda bidla fil-politika’ tkun tinvolvi d-dipendenza fuq l-iżviluppi tas-suq u tat-teknoloġija biex issolvi l-problema filwaqt li wieħed ikompli juża l-għodod regolatorji eżistenti u r-rimedji li toffri l-liġi dwar il-kompetizzjoni. Jista’ jiġi nnutat li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali diġà indikaw li l-għodod regolatorji eżistenti mhumiex biżżejjed biex jindrizzaw il-problema.

    Tqiesu wkoll l-awtoregolazzjoni u l-koregolazzjoni, minkejja li għad ma kien hemm l-ebda inizjattiva ġenerali min-naħa ta' l-industrija biex tipproponi miżuri tali. Ir-riksju li ċerti konsumaturi jistgħu jibqgħu jħallsu tariffi estremament għoljin anki minkejja li jonqsu l-prezzijiet medji jista' jxekkel l-għan kumplessiv ta' strateġiji bħal dawn.

    Ġiet analizzata wkoll l-għażla li l-kwistjoni tiġi affrontata fuq il-bażi ta’ rakkomandazzjonijiet jew leġiżlazzjoni li ma torbotx. Madankollu, minħabba n-natura strutturali tal-problema tal-prezzijiet għoljin għall-konsumatur għar- roaming internazzjonali u l-fatt li d-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qafas regolatorju tal-Komunità wrew li mhumiex biżżejjed biex isolvu l-problema, deher ċar li inizjattivi li ma jvarjawx il-qafas legali għall-azzjoni ta' rimedju ma kinux se jilħqu l-għanijiet mixtieqa.

    Fi ħdan l-għażla wiesgħa tar-regolazzjoni mmirata, ġew analizzati tliet metodi differenti: regolazzjoni fuq il-bejgħ bl-ingrossa biss, regolazzjoni fuq il-bejgħ bl-imnut biss, u tagħqida ta’ regolazzjoni tat-tnejn.

    L-impożizzjoni tar-regolazzjoni fuq il-livell tal-bejgħ bl-ingrossa ssolvi biss il-problema tat-tariffi għoljin bejn l-operaturi iżda ma tiggarantix li l-prezzijiet bl-ingrossa aktar baxxi jgħaddu lill-konsumaturi tar- roaming li jixtru s-servizzi bl-imnut, minħabba n-nuqqas ta’ pressjonijiet kompettitvi fuq l-operaturi biex jagħmlu dan. B’hekk ma jkunx żgurat l-għan tat-tnaqqis sostanzjali fil-prezzijiet bl-imnut għall-klijenti roaming Ewropej.

    Tqieset ukoll ir-regolazzjoni fuq il-bejgħ bl-imnut, minħabba li din kieku taffronta l-problema direttament. Madankollu, il-fatt li r-regolazzjoni fuq il-bejgħ bl-ingrossa titħalla fil-ġenb tista’ tfisser li metodu bħal dan jissoġġetta lil operaturi iżgħar għal kompressjoni tal-prezzijiet ( price squeeze ) li twassal għal tmiem fuq skala kbira tas-servizz.

    Fl-aħħarnett, b’bosta varjazzjonijiet, ġiet eżaminata tagħqida ta’ regolazzjoni fuq il-bejgħ bl-ingrossa u l-bejgħ bl-imnut. Il-konklużjoni tal-evalwazzjoni ta’ l-impatt kienet li metodu bħal dan li jgħaqqad ir-regolazzjoni tal-bejgħ bl-ingrossa u l-bejgħ bl-imnut, u li jinvolvi l-iffissar ta’ limiti massimi komuni ta’ salvagwardja tal-Komunità għall-prezzijiet fuq il-livelli sew ta’ l-ingrossa u sew ta’ l-imnut, jagħti s-soluzzjoni ottimali.

    3. L-ELEMENTI ġURIDIċI TAL-PROPOSTA

    - Sommarju ta' l-azzjoni proposta

    Il-proposta tipprevedi l-iffissar, fuq il-bażi tal-‘Metodu tas-Suq Intern Ewropew’, ta’ limiti komuni tal-prezz massimu għal madwar il-Komunità fuq it-tariffi li jistgħu jżommu l-operaturi tan-netwerks mobbli fuq il-forniment bl-ingrossa ta’ servizzi roaming mobbli għas-sejħiet bil-leħen bit-telefonija mobbli magħmula min-netwerk imsejjaħ fil-Komunità u li jitterminaw fuq netwerk telefoniku pubbliku li jkun jinsab ukoll fil-Komunità.

    Il-limiti massimi tal-prezz iqisu d-differenzi fl-ispejjeż sottostanti għall-għoti ta’ servizzi roaming internazzjonali għal sejħiet magħmula lejn destinazzjoni fi ħdan pajjiż miżjur, min-naħa, u sejħiet li jsiru lejn il-pajjiż proprju jew pajjiż terz fi ħdan il-Komunità, mill-oħra. Il-proposta għalhekk tipprevedi l-iffissar ta’ limitu aktar baxx fuq il-prezz bl-ingrossa għall-ewwel kategorja ta’ sejħiet (iffissati għal darbtejn ir-rata medja tal-Komunità ta’ l-UE tat-terminazzjoni mobbli għal operaturi ta’ netwerks mobbli ddeżinjati bħala li għandhom setgħa tas-suq sinifikanti) u limitu ta’ prezz ogħla għall-kategorija ta’ l-aħħar (stipulata għal tliet darbiet ir-rata medja tal-Komunità tat-terminazzjoni mobbli għal operaturi bħal dawn).

    Sabiex ikun żgurat li ma jkun hemm l-ebda kompressjoni tal-prezz fl-għoti tas-servizzi tar- roaming bil-mowbajl fuq il-livell tal-bejgħ bl-imnut, il-proposta tipprevedi wkoll limiti ta’ salvagwardja tal-prezzijiet fuq il-livell tal-bejgħ bl-imnut għall-istess kategoriji tas-sejħa bir- roaming , iffissati għal 130% tal-limitu applikabbli għall-bejgħ bl-ingrossa.

    Konformi mal-‘Metodu tas-Suq Intern Ewropew' u sabiex ikun żgurat li t-tariffi li jitħallsu mill-klijenti roaming biex jirċievu sejħiet waqt li qed jużaw ir- roaming fil-Komunità jirriflettu aħjar l-ispejjeż sottostanti li jġarrab il-fornitur nazzjonali għall-għoti ta’ dan is-servizzi, il-proposta tipprevedi wkoll li dawn it-tariffi ma’għandhomx jaqbżu l-limitu massimu tal-prezz.

    Il-limiti tal-prezzijiet previsti fir-rigward tat-tariffi bl-imnut sabiex isiru s-sejħiet roaming regolati se jieħdu effett legalment sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tal-miżura proposta.

    Il-proposta tippromwovi t-trasparenza għat-tariffi bl-imnut billi tintroduċi obbligu fuq il-fornituri ta’ servizzi telefoniċi mobbli biex jagħtu informazzjoni personalizzata dwar ir-rati bl-imnut tar- roaming meta jintalbulhom u bla ħlas. Kull klijent jista’ jagħżel jekk jirċevix l-informazzjoni b’SMS jew bil-fomm minn fuq il-mowbajl tiegħu. Barra minn hekk, il-fornituri mobbli huma obbligati jagħtu informazzjoni dwar it-tariffi tar- roaming meta jsiru l-abbonamenti, fuq bażi perjodika u meta jkun hemm bidliet sostanzjali għat-tariffi tar -roaming .

    Il-proposta tagħti wkoll is-setgħa u r-responsabbiltà lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li jinfurzaw il-konformità, skond ir-rwoli eżistenti tagħhom fi ħdan il-qafas regolatorju tal-Komunità għall-komunikazzjoni elettronika. Tagħtihom ukoll il-kompitu li jimmonitorjaw l-iżviluppi fil-prezzijiet bl-inut u bl-ingrossa għall-għoti ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni bid- data u bil-leħen, inkluż SMS u MMS, lill-klijenti mobbli waqt li jkun qed jużaw ir- roaming fil-Komunità.

    Fl-aħħarnett, il-proposta temenda d-dispożizzjonijiet tal-qafas regolatorju eżistenti, partikolarment id-Direttiva Kwadru (2002/21/KE), sabiex jingħaraf l-istatus speċifiku tal-miżuri li hemm fil-proposta fi ħdan dak il-qafas u sabiex jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet ġenerali tal-qafas ikomplu japplikaw għas-servizzi tar- roaming regolati mill-proposta (soġġett għar-rekwiżiti speċifiċi tagħha).

    - Il-bażi ġuridika

    L-Artikolu 95 KE

    - Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

    Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika fil-grad li l-proposta ma taqax fil-kompetenza esklussiva tal-Komunità.

    Fid-dawl tan-natura transfruntaliera speċifika tas-servizzi tar- roaming koperti mill-azzjoni proposta, li permezz tagħha l-operaturi li jinsabu li jipprovdu servizzi tar- roaming bl-ingrossa fi Stati Membri oħra li mhumiex dawk lill-operatur nazzjonali tal-klijent, u minħabba l-fatt li l-azzjoni proposta teħtieġ emenda tal-qafas regolatorju eżistenti tal-Komunità, l-azzjoni mill-Istati Membri weħidhom ma tkunx biżżejjed jew kapaċi tilħaq l-għanijiet tal-proposta.

    Azzjoni minn Stat Membru waħdu biex tindirizza l-problema koperta mill-proposta tista’ toħloq ir-riskju li tqajjem kwistjonijiet ta’ konformità mal-qafas regolatorju eżistenti tal-Komunità (jekk dan jitħalla mingħajr ma jiġi emendat) u/jew twassal għal riżultati diverġenti, u b’hekk tipperikola li jitlesta s-suq intern.

    Minħabba li l-għoti tas-servizzi tar- roaming mobbli fi ħdan il-Komunità jeffettwa, minħabba n-natura tiegħu stess, lill-Istati Membri kollha u jmiss simultanjament l-interessi ta’ partijiet fi Stati Membri differenti, strateġija armonizzata fuq il-livell tal-Komunità hija essenzjali sabiex tkun garantita l-konsitenza ta’ l-applikazzjoni u jkun żgurat li jiġu salvagwardjati l-interessi tal-konsumaturi u ta’ l-impriżi fl-Istati Membri kollha.

    Minħabba li l-azzjoni proposta teħtieġ l-emenda tal-qafas regolatorju tal-Komunità għall-komunikazzjoni elettronika u t-twaqqif ta' salvagwardji komuni għall-utenti u l-operaturi tat-telefonija mobbli fuq bażi mhux diskriminatorja madwar il-Komunità, l-għanijiet ta’ din il-proposta ma jistgħux jintlaħqu mill-Istati Membri b'mod sikur, armonizzat u f'waqtu u għalhekk jintlaħqu aħjar mill-Komunità.

    Il-proposta għaldaqstant tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

    - Il-prinċipju tal-proporzjonalità

    L-azzjoni regolatorja magħżula f’din il-proposta tinvolvi l-inqas ammont possibbli ta’ ndħil fl-imġiba kummerċjali ta’ l-impriżi effettwati. L-iffissar ta’ limiti massimi ta’ salvagwardja għall-prezz fuq il-livelli tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut jiżgura d-distorsjoni minima tal-kundizzjonijiet kompetittivi konsistenti ma’ l-għanijiet, minħabba li jippreserva l-libertà ta’ l-operaturi li jikkompetu u jiddifferenzjaw l-offerti tagħhom fi ħdan il-limiti ta’ salvagwardja pprovduti. Mill-għażliet regolatorji kollha magħżula, din tippreżenta wkoll l-inqas riskji ta’ distorsjoni fi swieq relatati imma separati għas-servizzi tat-telefonija mobbli, sew fuq livell ta’ bejgħ bl-ingrossa sew fuq livell ta’ bejgħ bl-imnut. L-azzjoni proposta tħalli wkoll il-kompitu tal-monitoraġġ u l-infurzar tal-konformità f’idejn l-awtoritajiet regolatorji responsabbli għall-komunikazzjoni elettronika ta’ kull Stat Membru, billi huma l-eqreb lejn is-swieq u l-operaturi kkonċernati.

    Minħabba s-sempliċità tal-mekkaniżmu li għandu jiġi stabbilit mill-proposta u l-fatt li se japplika direttament fi ħdan il-Komunità minħabba l-istatus tiegħu bħala Regolament, se jiġi mminimizzat il-piż amministrattiv u finanzjarju fuq il-Komunità, il-gvernijiet nazzjonali u l-awtoritajiet. Mhux se jkun hemm bżonn ta’ traspożizzjoni jew implimentazzjoni estensiva tar-rekwiżiti tiegħu fil-liġi nazzjonali u l-proċess tal-monitoraġġ tal-konformità se jidħol fl-attivitajiet normali ta' l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali. Fil-fatt, il-proposta se tħaffef il-piż amministrattiv fuq ir-regolaturi nazzjonali billi se tneħħi l-ħtieġa għal dawk l-awtoritajiet li perjodikament janalizzaw u jirrevedu s-suq nazzjonali bl-ingrossa għar- roaming internazzjonali fuq in-netwerks mobbli pubbliċi fit-territorju tagħhom.

    - L-għażla ta' l-istrumenti

    Strumenti proposti: regolament.

    L-urġenza u l-persistenza tal-problema identifikata teħtieġ soluzzjoni sempliċi, effettiva u f’waqtha għall-konsumatur Ewropew, applikata b’mod armonizzat madwar il-Komunità u mingħajr il-ħtieġa ta’ traspożizzjoni jew implimentazzjoni estensiva fuq livell nazzjonali. Proċess ta’ implimentazzjoni nazzjonali bħal dan x’aktarx idewwem b’mod sinfikanti l-effett tal-miżura f’xi Stati Membri, bir-riżultat li jkun hemm distorsjoni tal-kundizzjonijiet kompetittivi għall-operaturi tat-telefonija mobbli fi Stati Membri differneti. Regolament għalhekk huwa l-uniku strument li jilħaq l-għanijiet mixtieqa.

    4. EFFETTI FUQ IL-BAġIT

    Il-proposta m’għandha l-ebda effett fuq il-baġit tal-Komunità.

    5. AKTAR TAGħRIF

    - Is-simplifikazzjoni

    Il-proposta se toħloq ċertezza legali sew għall-utenti u sew għall-protagonisti tas-suq tat-telefonija mobbli, billi se tissostitwixxi l-mekkaniżmi eżistenti skond il-qafas regolatorju, li huma ta’ applikazzjoni inċerta għas-servizzi tar- roaming internazzjonali għat-telefonija bil-leħen, b’mekkaniżmu sempliċi li huwa trasparenti u li joffri ċertezza għal kull min huwa kkonċernat.

    Il-proposta se tneħħi r-rekwiżit għall-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li jwettqu ġbir estensiv u kumpless ta’ informazzjoni għall-għan ta’ l-analiżi tas-suq nazzjonali tal-bejgħ bl-ingrossa għar- roaming internazzjonali fuq netwerks mobbli pubbliċi u jevita l-ħtieġa li l-gvernijiet u l-awtoritajiet nazzjonali jużaw ir-riżorsi biex ifittxu soluzzjonijiet u strateġiji fuq livell nazzjonali.

    Minħabba li tipprovdi limitu tal-prezz li huwa sempliċi u trasparenti għal sejħiet roaming regolati, l-azzjoni proposta mhix se timponi piżijiet amministrattivi sinifikanti fuq l-impriżi u partijiet interessati oħra. Fil-fatt, bit-tneħħija tal-ħtieġa għall-analiżi milll-awtoritajiet nazzjonali tas-suq bl-ingrossa għar- roaming internazzjonali, se tħaffef ukoll il-piż tal-proċeduri perjodiċi ta’ ġbir ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni meħtieġa mill-proċess ta’ l-analiżi perjodika tas-suq. L-informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni tal-proposta hija ta' tip li huwa diġà prodott mill-operaturi u għalhekk ma timplikax piż amministrattiv akbar.

    - Klawżola ta' eżami/reviżjoni/estinzjoni

    Il-proposta tipprevedi reviżjoni tar-Regolament wara sentejn. Dan ifisser li jekk sa dak iż-żmien l-iżviluppi fis-suq juru li r-Regolament m’għadux meħtieġ, il-Kummissjoni tikkunsidra r-revoka tiegħu, konformi mal-prinċipji ta’ regolazzjoni aħjar.

    - Iż-Żona Ekonomika Ewropea

    L-att propost jikkonċerna kwistjoni rilevanti għaż-ŻEE, u għalhekk għandu jestendi għaż-Żona Ekonomika Ewropea.

    - Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta

    L-Artikolu 1 jistipola l-għan u l-ambitu tar-Regolament: l-introduzzjoni tal-Metodu tas-Suq Intern Ewropew għall-utenti tan-netwerks pubbliċi tat-telefonija mobbli għas-servizzi tar- roaming internazzjonali bil-leħen waqt li jkunu qed jivvjaġġaw fil-Komunità. Il-Metodu tas-Suq Intern Ewropew għandu l-għan li jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni għal dawn l-utenti bl-iffissar ta’ limitu massimu fuq il-prezzijiet bl-ingrossa u bl-imnut miżmuma mill-operaturi għas-servizzi ta' roaming internazzjonali pprovduti fil-Komunità.

    L-Artikolu 2 jistipola d-definizzjonijiet tar-Regolament. ‘Fornitur nazzjonali’, ‘netwerk nazzjonali’, ‘ roaming internazzjonali’, ‘sejħa roaming regolata’, ‘klijent roaming ’, ‘netwerk imsejjaħ’, huma d-definizzjonijiet il-ġodda ewlenin.

    L-Artikolu 3 jistipola l-limiti massimi għall-prezzjiet miżmuma mill-operaturi tan-netwerks mobbli għall-għoti ta’ sejħiet roaming regolati fuq il-livell tal-bejgħ bl-ingrossa. It-tariffa massima bl-ingrossa applikabbli għas-sejħiet roaming regolati magħmula lill-pajjiż ta’ residenza tal-klijent roaming jew pajjiż terz fi ħdan il-Komunità huwa tliet darbiet ir-rata medja ppublikata tat-terminazzjoni mobbli filwaqt li t-tariffa bl-ingrossa massima għall-għoti ta’ sejħiet roaming regolati lejn destinazzjoni f’pajjiż miżjur hija darbtejn ir-rata medja ppublikata tat-terminazzjoni mobbli.

    L-Artikolu 4 jistipola l-limiti massimi għall-prezzjiet li jistgħu jinżammu fuq il-livell tal-bejgħ bl-imnut mill-operatur mobbli nazzjonali għal sejħa roaming regolata. Dan huwa 130% tat-tariffa massima bl-ingrossa applikabbli għal dik is-sejħa (minbarra l-VAT).

    L-Artikolu 5 jipprevedi li l-limiti tal-prezzijiet bl-imnut fl-Artikolu 4 jidħlu fis-seħħ wara sitt xhur.

    L-Artikolu 6 jistipola l-limiti massimi fuq il-prezz bl-imnut li l-fornitur mobbli nazzjonali jista’ jżomm lill-klijent roaming tiegħu għas-sejħiet fuq li jirċievi waqt ir- roaming fi ħdan il-Komunità. Dan huwa 130% tar-rata medja għat-terminazzjoni mobbli ppubblikata skond l-Artikolu 10 (eskluża l-VAT).

    L-Artikolu 7 jipprevedi t-trasparenza mtejba għat-tariffi bl-imnut għar- roaming , billi jobbliga lill-fornitur nazzjonali jagħti lill-klijenti roaming tiegħu informazzjoni dwar it-tariffi meta jitolbuhomlu u bla ħlas, jew b’SMS jew bil-fomm.). Barra minn hekk, tinkiseb trasparenza mtejba billi l-fornituri nazzjonali jintalbu jagħtu informazzjoni dwar it-tariffi tar- roaming meta jsiru l-abbonamenti, fuq bażi perjodika u meta jkun hemm bidliet sostanzjali.

    L-Artikolu 8 jistipola s-setgħa u l-obbligi ta’ l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għas-superviżjoni u l-infurzar tal-konformità mar-Regolament fi ħdan it-territorju tagħhom.

    L-Artikolu 9 jeħtieġ li l-Istati Membri jistipolaw regoli għall-penali li għandhom japplikaw għall-ksur ta’ dan ir-Regolament.

    L-Artikolu 10 jistipola r-regoli li jmexxu d-determinazzjoni u l-pubblikazzjoni tar-rata medja tat-terminazzjoni mobbli użati għall-kalkolu tal-limiti massimi tal-prezz fl-Artikoli 3 u 6.

    L-Artikolu 11 jintroduċu l-emenda meħtieġa għad-Direttiva Kwadru sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni koerenti tad-direttivi li jfasslu l-qafas regolatorju u r-Regolament innifsu.

    L-Artikolu 12 jistipola l-limitu ta’ żmien għar-reviżjoni tar-Regolament.

    L-Artikolu 13 jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet stipolata skond id-Direttiva Kwadru.

    L-Artikolu 14 jeħtieġ li l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-identità ta’ l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tagħhom inkarigati mit-twettiq tal-kompiti skond ir-Regolament.

    L-Artikoli 15 jipprevedi l-miżuri meħtieġa biex jiġi implimentat ir-Regolament li għandu jiġi adottat skond il-proċedura tal-Kumitat imsemmija fl-Artikolu 13.

    L-Artikolu 16 jipprevedi li r-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara d-data tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    2006/0133 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar ir- roaming fuq netwerks pubbliċi mobbli fi ħdan il-Komunità u li temenda d-Direttiva 2002/21/KE dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw l-proposta mill-Kummissjoni[2],

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali,[3]

    Filwaqt li jaġixxu bi qbil mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat[4],

    Billi:

    (1) Il-livell għoli tal-prezzijiet li jħallsu l-utenti tan-netwerks telefoniċi mobbli pubbliċi meta jkunu qed jużaw il-mowbajl tagħhom meta jkun msiefra fi ħdan il-Komunità huwa għajn ta’ tħassib għall-awtoritajiet regolatorji nazzjonali. Il-Grupp tar-Regolaturi Ewropej[5] innota, fil-laqgħa plenarja tiegħu f’Mejju 2005 ( inter alia ), li t-tariffi bl-imnut kienu għolja ħafna mingħajr ġustifikazzjoni ċara; li dan jidher li jirriżulta kemm minn tariffi bl-ingrossa għoljin miżmuma mill-operatur tan-netwerk barrani ospitanti kif ukoll, f’bosta każijiet, minn awmenti ( mark-ups ) għoljin fuq il-bejgħ bl-imnut li jinżammu mill-operatur tan-netwerk proprju tal-konsumatur; li t-tnaqqis fit-tariffi bl-ingrossa spiss ma jgħaddix għall-konsumatur li jixtri bl-imnut; u li kien hemm rabtiet b’saħħithom bejn is-swieq fl-Istati Membri differenti.

    (2) Id-Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/21/KE tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru)[6]; id-Direttiva 2002/19/KE tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta' networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva ta' Aċċess)[7]; id-Direttiva 2002/20/KE tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta' netwerks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta' Awtorizzazzjoni)[8]; id-Direttiva 2002/22/KE tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet ta' l-utenti li jirrelataw ma' netwerks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali)[9], u d-Direttiva 2002/58/KE tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika[10], flimkien mal-“kwadru regolatorju ta’ l-2002 dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi”, immiraw li joħolqu suq intern għall-komunikazzjonijiet elettroniċi fi ħdan il-Komunità filwaqt li jiżguraw livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur bis-saħħa ta’ kompetizzjoni msaħħa.

    (3) Il-kwadru regolatorju ta’ l-2002 għall-komunikazzjoni elettronika jimxi fuq il-prinċipju li li obbligi regolatorji ex ante għandhom jiġu imposti biss meta mhemmx kompetizzjoni effettiva. Il-qafas għalhekk jipprevedi[11] proċess ta’ analiżi perjodika tas-suq u reviżjoni ta’ l-obbligi ta’ l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, li jwassal għal obbligi ex ante imposti fuq operaturi magħrufa bħala li għandhom setgħa tas-suq sinfikanti. L-elementi li jikkostitwixxu dan il-proċess jinkludu d-definizzjoni tas-swieq rilevanti skond ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Frar 2003 dwar is-swieq rilevanti tal-prodotti u s-servizzi fi ħdan is-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi[12] (ir-Rakkomandazzjoni), l-analiżi skond il-Linji Gwida tal-Kummissjoni[13] tas-swieq definiti, id-desinjazzjoni ta’ l-operaturi b’setgħa tas-suq sinfikanti, u l-impożizzjoni ta’ obbligi ex ante fuq dawn l-operaturi ddeżinjati.

    (4) Ir-Rakkomandazzjoni tidentifika bħala suq rilevanti suxxettibli għar-regolazzjoni ex ante is-suq nazzjonali bl-ingrossa għar- roaming internazzjonali fuq netwerks mobbli pubbliċi[14]. Madankollu, il-ħidma mwettqa mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (kemm individwalment kif ukoll fil-Grupp tar-Regolaturi Ewropej) fl-analiżi tas-swieq nazzjonali bl-ingrossa għar- roaming internazzjonali wriet li għadu ma kienx possibbli għal awtorità regolatorja nazzjonali li tindirizza effettivament il-livell għoli ta’ tariffi bl-ingrossa għar- roaming internazzjonali minħabba d-diffikultà li wieħed jidentifika impriżi b’setgħa tas-suq sinifikanti fid-dawl taċ-ċirkostanzi speċifiċi tar- roaming internazzjonali, inkluż in-natura transfruntaliera tagħhom.

    (5) Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-forniment bl-imnut tas-servizzi internazzjonali tar- roaming , ir-Rakkomandazzjoni ma tidentifika l-ebda suq bl-imnut għar- roaming internazzjonali, minħabba (fost l-oħrajn) l-fatt li s-servizzi internazzjonali tar- roaming fuq il-livell tal-bejgħ bl-imnut ma jinxtrawx indipendentement iżda jikkostitwixxu element wieħed biss minn pakkett bl-imnut usa’ mixtri mill-klijenti mingħand il-fornitur tat-territorju tagħhom.

    (6) Barra minn hekk, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali inkarigati mill-ħarsien u l-promozzjoni ta' l-interessi tal-klijenti tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni mobbli li jkunu jirrisjedu fi ħdan it-territorju tagħhom ma jistgħux jikkontrollaw l-imġiba tan-netwerk imsejjaħ, li jkun qiegħed fi Stati Membri oħra, u li fuqu jiddependu l-klijenti meta jużaw s-servizzi tar- roaming internazzjonali. Din il-limitazzjoni kieku xxejjen l-effettività tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri bbażati fuq il-kompetenza residwa tagħhom biex jadottaw ir-regoli tal-ħarsien tal-konsumatur.

    (7) Hemm għalhekk pressjoni fuq l-Istati Membri biex jieħdu miżuri sabiex jindirizzaw il-livell tat-tariffi tar- roaming internazzjonali, iżda l-mekkaniżmu għall-intervent regolatorju ex ante mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali previst mill-qafas regolatorju ta’ l-2002 għall-komunikazzjonijiet elettroniċi deher li ma kienx biżżejjed biex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jaġixxu b’mod deċisiv fl-interess tal-konsumatur f’dan il-qasam speċifiku.

    (8) Barra minn hekk, ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-1 ta’ Diċembru 2005 dwar ir-regolazzjoni u s-swieq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi Ewropej[15] sejħet lill-Kummissjoni biex tiżviluppa inizjattivi ġodda sabiex tnaqqas il-prezzijiet għoljin tat-traffiku tal-telefonija mobbli transfruntaliera, filwaqt li l-Kunsill Ewropew tat-23-24 ta’ Marzu 2006 kkonkluda li politika ffukata, effettiva u integrata tat-teknoloġija ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT), sew fuq livell Ewropew sew nazzjonali, hija essenzjali għall-ilħiq ta' l-għanijiet ta' l-Istrateġija mġedda ta' Liżbona[16] għat-tkabbir ekonomiku u l-produttività u nnutat f’dan il-kuntest l-importanza tal-kompetittività għat-tariffi mnaqqsa tar- roaming .

    (9) Minkejja li l-qafas regolatorju ta’ l-2002 għall-komunikazzjonijiet elettroniċi, fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet apparenti dak iż-żmien, ipprevedew it-tneħħija tax-xkiel għall-kummerċ fil-qasam li jarmonizza dan il-qafas, dan ma jistax iżomm milli jiġu adattati r-regoli armonizzati pari passu ma’ kunsiderazzjonijiet oħra sabiex jinstabu l-mezzi l-aktar effettivi sabiex jinkiseb livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur filwaqt li jitjiebu l-kundizzjonijiet għat-tħaddim tas-suq intern.

    (10) Jeħtieġ għalhekk li jiġi emendat il-qafas regolatorju ta’ l-2002 għall-komunikazzjonijiet elettroniċi sabiex ikun jista’ jkun hemm tluq mir-regoli li kieku jkunu applikabbli, partikolarment li l-prezzijiet għall-għoti ta’ servizz għandhom jiġu ddeterminati permezz ta’ ftehim kummerċjali fin-nuqqas ta’ setgħa tas-suq sinfikanti, u b’hekk tiġi akkomodata l-introduzzjoni ta’ obbligi regolatorji kumplimentari li jirriflettu l-karatteristiċi speċifiċi tas-servizzi tar- roaming internazzjonali.

    (11) Is-swieq tar- roaming bl-imnut u bl-ingrossa jura karatteristiċi speċifiċi li jiġġustifikaw miżuri eċċezzjonali li jmorru lil hinn mill-mekkaniżmi disponibbli skond il-kwadru regolatorju ta’ l-2002.

    (12) L-obbligi regolatorji għandhom jiġu imposti fuq il-livelli sew ta’ l-ingrossa sew ta’ l-imnut sabiex jitħarsu l-interessi tal-konsumaturi li jużaw ir- roaming , minħabba li l-esperjenza wriet li t-tnaqqis tal-prezzijiet bl-ingrossa għas-servizzi tar- roaming internazzjonali jistgħu ma jkunux riflessi fi prezzijiet bl-imnut inqas għar- roaming , minħabba li mhemmx inċentivi biex dan isir; min-naħa l-oħra, l-azzjoni biex jitnaqqas il-livell tal-prezzijiet bl-imnut mingħajr ma jiġi indirizzat il-livell ta’ l-ispejjeż bl-ingrossa marbuta ma’ l-għoti ta’ dawn is-servizzi jissogra li jħarbat it-tħaddim ordnat tas-suq internazzjonali tar- roaming .

    (13) L-obbligi riżultanti għandhom jidħlu fis-seħħ mill-aktar fis possibbli, filwaqt li jipprovdu lill-operaturi kkonċernati b'perjodu raġonevoli biex jadattaw il-prezzijiet u l-offerti ta' servizz tagħhom sabiex jiżguraw il-konformità u japplikaw direttament fl-Istati Membri kollha.

    (14) Mekkaniżmu komuni, li se jkun jismu l-Metodu tas-Suq Intern Ewropew, għandu jintuża sabiex l-utenti tan-netwerks pubbliċi tat-telefonija mobbli li jkunu qed jivvjaġġaw fil-Komunità ma jħallsux prezzijiet eċċessivi għas-servizzi tal-leħen bir- roaming internazzjonali meta jagħmlu s-sejħiet jew jirċievu sejħiet bil-leħen, u b’hekk jintlaħaq livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur filwaqt li tiġi ssalvagwardjata l-kompetizzjoni bejn l-operaturi mobbli. Fid-dawl tan-natura transfruntali tas-servizzi kkonċernati, mekkaniżmu komuni huwa meħtieġ sabiex l-operaturi mobbli jkollhom qafas regolatorju koerneti wieħed imsejjes fuq kriterji stabbiliti oġġettivament.

    (15) L-aktar mekkaniżmu effettiv u proporzjonat biex jirregola l-livell tal-prezzijiet biex isiru sejħiet roaming internazzjonali skond il-kunsiderazzjonijiet imsemmija fuq huwa t-twaqqif fuq livell Komunitarju ta’ tariffi massimi kull minuta fuq il-livelli sew ta' l-imnut u sew ta' l-ingrossa.

    (16) Dan il-mekkaniżmu komuni għandu jiżgura li t-tariffi bl-imnut għar- roaming internazzjonali jipprovdu riflessjoni aktar raġonevoli ta’ l-ispejjeż sottostanti involuti fl-għoti tas-servizz milli kien il-każ, filwaqt li jippermetti lill-operaturi li jkunu ħielsa li jikkompetu billi jiddifferenzjaw l-offerti tagħhom u jadattaw l-istrutturi ta’ l-ipprezzar tagħhom għall-kundizzjonijiet tas-suq u l-preferenza tal-konsumatur.

    (17) Il-mekkaniżmu komuni għandu jkun sempliċi biex wieħed jimplimentah u jimmonitorjah sabiex inaqqas il-piż amministrattiv, kemm għall-operaturi li huma effettwati mir-rekwiżiti tiegħu, u għall-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li huma inkarigati mis-superviżjoni u l-infurzar tiegħu.

    (18) Il-limiti massimi tal-prezzijiet għandhom iqisu l-elementi differenti involuti fit-twettiq ta’ sejħa bir- roaming internazzjonali (inklużi l-ispejjeż, is-sinjalar, il-bidu, it-tranżitu u t-terminazzjoni tas-sejħa), u d-differenzi fl-ispejjeż sottostanti għall-għoti tas-servizzi tar-roaming internazzjonali fir-rigward tas-sejħiet magħmula lil destinazzjoni fi ħdan il-pajjiż miżjur, minn naħa, u sejħiet lura għall-pajjiż ta’ residenza tal-klijient li qed juża r- roaming jew pajjiż terz fi ħdan il-Komunità, min-naħa l-oħra.

    (19) Il-limiti massimi tal-prezz għall-għoti ta' sejħa roaming internazzjonali fuq il-livell bl-ingrossa għandhom ikunu bbażati fuq ir-rata medja kull minuta għat-terminazzjoni mobbli għall-operaturi b’setgħa tas-suq sinifikanti, minħabba li rati ta’ terminazzjoni bħal dawn huma diġà soġġetti għas-superviżjoni regolatorja skond il-qafas regolatorju ta' l-2002 dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi u, għalhekk, għandhom jiġu ddeterminati b’referenza għall-prinċipju ta’ l-orjentazzjoni tal-prezz. Minħabba l-karatteristiċi tas-suq għat-terminazzjoni tas-sejħa fuq netwerks mobbli pubbliċi individwali u n-natura transfruntaliera tar- roaming internazzjonali, dawn jipprovdu bażi stabbli għar-regolamentazzjoni li hija rappreżentattiva ta’ l-istrutturi tal-prezzijiet u l-ispejjeż tan-netwerks mobbli madwar il-Komunità. Ir-rata medja ta’ terminazzjoni mobbli tipprovdi livell affidabbli għall-komponenti ewlenin ta’ l-ispiża fuq il-livell bl-ingrossa, u limitu massimu tal-prezz bl-ingrossa bbażata fuq multiplu xieraq ta’ rata medja bħal din għat-terminazzjoni mobbli għandu għalhekk jassigura li l-ispejjeż reali ta’ l-għoti ta’ sejħiet roaming regolati jistgħu jiġu rkuprati.

    (20) Il-limitu massimu tal-prezz applikabbli fuq il-livell tal-bejgħ bl-imnut għandu jagħti lill-klijenti roaming l-assigurazzjoni li mhux se jinżammilhom prezz eċċessiv meta jkunu qed jagħmlu sejħa roaming irregolata, filwaqt li jħallu lill-operaturi nazzjonali marġni biżżejjed sabiex jiddifferenzjaw il-prodotti li joffru lill-klijenti.

    (21) Il-fornituri tas-servizzi tar-roaming internazzjonali għal sejħiet li jsiru waqt ir-roaming barra mill-pajjiż proprju kif koperti minn dan ir-Regolament għandhom ikollhom perjodu li fih jaġġustaw il-prezzijiet bl-imnut tagħhom b’mod volontarju sabiex jikkonformaw mal-limiti massimi previsti fir-Regolament. Jixraq li jitħalla perjodu ta' sitt xhur għal dan il-għan, sabiex il-protagonisti tas-suq ikunu jistgħu jagħmlu l-addattamenti meħtieġa.

    (22) B’mod simili, limitu massimu għandu jiġi applikat għall-prezzijiet li l-klijenti roaming jista’ jkollhom iħallsu biex jirċievu sejħiet bit-telefonija bil-leħen filwaqt li jużaw ir- roaming imsiefra fil-Komunità sabiex ikun żgurat li l-prezzijiet jirriflettu aktar mill-qrib kemm jiswa l-għoti ta’ dan is-servizz, u sabiex il-klijenti jingħataw ċertezza akbar dwar it-tariffi li jkollhom iġarrbu meta jwieġbu l-mowbjal tagħhom meta jkunu msiefra.

    (23) Dan ir-Regolament m’għandux jippreġudika offerti innovattivi lill-konsumaturi li jkunu aktar favorevoli mit-tariffi massimi kull minuta li hemm f’dan ir-Regolament.

    (24) Ir-rekwiżiti ta’ l-ipprezzar f’dan ir-Regolament għandhom japplikaw mingħajr ma jitqies jekk il-klijenti li qed jużaw ir- roaming ikollhomx kuntratt imħallas minn qabel jew wara mal-fornitur ta’ fejn jirrisjedu, sabiex jiġi żgurat li l-utenti kollha tat-telefonija mobbli bil-leħen ikunu jistgħu jgawdu mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

    (25) Ir-rata medja għat-terminazzjoni ta’ sejħa għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament għandha tkun ibbażata fuq l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u tiġi ppubblikata mill-Kummissjoni fuq bażi perjodika. L-operaturi soġġetti għall-obbligi skond dan ir-Regolament għandhom jingħataw żmien raġonevoli li fih jistgħu jiżguraw li l-prezzijiet tagħhom jibqgħu fi ħdan il-limiti massimi kif immodifikati minn pubblikazzjoni tali.

    (26) Sabiex titjieb it-trasparenza tal-prezzijiet bl-imnut biex wieħed jagħmel jew jirċievi sejħiet roaming fil-Komunità u sabiex il-klijenti roaming ikunu megħjuna jagħmlu deċiżjonijiet dwar l-użu tal-mowbajls tagħhom meta jkunu msiefra, il-fornituri tas-servizzi tat-telefonija mobbli għandhom jgħinu lill-klijenti roaming tagħhom jiksbu faċilment informazzjoni dwar it-tariffi roaming applikabbli għalihom fl-Istati Membri kkonċernati li jkunu qed iżuru, kull meta jitolbuhom u bla ħlas. It-trasparenza titlob ukoll li l-fornituri jagħtu tinformazzjoni dwar it-tariffi tar- roaming meta jsiru l-abbonamenti u li jagħtu wkoll lill-klijenti tagħhom aġġornamenti perjodiċi dwar it-tariffi tar- roaming kif ukoll meta jseħħu bidliet sostanzjali.

    (27) L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li huma responsabbli għat-twettiq tal-kompiti skond il-qafas regolatorju ta’ l-2002 għall-komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom ikollhom is-setgħat meħtieġa biex jissorveljaw u jinfurzaw l-obbligi f’dan ir-Regolament fit-territorju tagħhom. Għandhom ukoll jimmonitorjaw żviluppi fl-iprezzar tas-servizzi tal-leħen u d-data għall-klijenti mobbli li jkunu qed jużaw ir- roaming fil-Komunità, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-ispejjeż speċifiċi marbuta mas-sejħiet roaming li jsiru fir-reġjuni periferiċi tal-Komunità u l-ħtieġa li jiġi żgurat li dawn l-ispejjeż jistgħu jiġu rkuprati b’mod xieraq fuq is-suq bl-ingrossa.Għandhom jiżguraw ukoll li informazzjoni aġġornata dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament tkun disponibbli għall-utenti tas-servizzi tat-telefonija mobbli.

    (28) L-Istati Membri għandhom jipprevedu sistema ta’ sanzjonijiet li jiġu applikati fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

    (29) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandha tiġi adottata fi qbil mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni[17].

    (30) Minħabba l-għanijiet ta’ l-azzjoni proposta, jiġifieri li jiġi stabbilit mekkaniżmu komuni li jiżgura li l-utenti tan-netwerks pubbliċi tat-telefonija mobbli msiefra fil-Komunità ma jħallsux prezzijiet eċċessivi għar- roaming internazzjonali waqt li jkunu qed jagħmlu sejħiet bil-leħen jew jirċievu sejħiet bil-leħen, biex b’hekk jintlaħaq livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur filwaqt li tiġi ssalvagwardjata l-kompetizzjoni bejn l-operaturi mobbli, ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk jintlaħqu aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'l-istess Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lilhinn minn dak li hu neċessarju sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

    (31) Dan ir-Regolament għandu jiġi rivedut mhux aktar tard minn sentejn wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, sabiex ikun żgurat li jibqa’ meħtieġ u xieraq għall-kundizzjonijiet li jkun hemm f’dak iż-żmien fis-suq tal-komunikazzjoni elettronika.

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett u Ambitu

    1. Dan ir-Regolament jintroduċi mekkaniżmu komuni, imsejjaħ il-metodu tas-Suq Intern Ewropew, sabiex jiġi żgurat li l-utenti tan-netwerks pubbliċi tat-telefonija mobbli li jkunu msiefra fil-Komunità, ma jħallsux prezzijiet eċċessivi għas-servizzi tar-roaming internazzjonali meta jċemplu u jirċievu telefonati, biex b’hekk jintlaħaq livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur filwaqt li tiġi ssalvagwardjata l-kompetizzjoni bejn l-operaturi mobbli. Ir-Regolament jistipola regoli dwar it-tariffi li jistgħu jinżammu mill-operaturi tal-mowbajl għall-għoti ta’ servizzi tar- roaming internazzjonali għal sejħiet bil-leħen li joriġinaw u jitterminaw fi ħdan il-Komunità u japplikaw kemm għat-tariffi miżmuma bejn l-operaturi tan-netwerk fuq il-livell tal-bejgħ bl-ingrossa kif ukoll għat-tariffi miżmuma mill-fornitur fil-pajjiż ta’ residenza tal-klijent għall-bejgħ bl-imnut.

    2. Dan ir-Regolament jikkostitwixxi miżura speċifika fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 1(5) tad-² 2002/21/KE kif emendat minn dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    1. Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet kif stipulati fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/21/KE, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/19/KE, u l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/22/KE.

    2. Flimkien mad-definizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a) “fornitur nazzjonali” tfisser l-impriża li tipprovdi lill-klijent roaming b’servizzi terrestri pubbliċi tat-telefonija mobbli fuq il-livell tal-bejgħ bl-imnut;

    (b) “netwerk nazzjonali” tfisser in-netwerk mobbli terrestri pubbliku li jinsab fi Stat Membru u li jintuża minn fornitur nazzjonali għall-għoti ta’ servizzi terrestri pubbliċi tat-telefonija mobbli lill-klijent roaming;

    (c) “roaming internazzjonali” tfisser l-użu ta’ mowbajl jew mezz ieħor minn klijent roaming biex iċempel jew jirċievi t-telefonati, filwaqt li jkun barra mill-Istat Membru li fih hemm in-netwerk nazzjonali tal-klijent, permezz ta’ arranġamenti konklużi bejn l-operatur tan-netwerk nazzjonali u l-operatur tan-netwerk imsejjaħ;

    (d) “sejħa roaming regolata” tfisser sejħa tat-telefonija mobbli bil-leħen magħmula minn klijent roaming, li toriġina fuq netwerk imsejjaħ u li tittermina fuq netwerk pubbliku tat-telefown fi ħdan il-Komunità;

    (e) “klijent roaming” tfisser klijent ta’ fornitur ta’ servizzi pubbliċi terrestri tat-telefonija mobbli, permezz ta’ netwerk mobbli pubbliku terrestri li jinsab fil-Komunità, li juża l-mowbajl jew mezz ieħor biex iċempel jew jirċievi telefonati fuq netwerk imsejjaħ permezz ta’ arranġamenti li jkunu saru bejn l-operatur tan-netwerk nazzjonali u l-operatur tan-netwerk imsejjaħ;

    (f) “netwerk imsejjaħ” tfisser netwerk terrestri pubbliku tat-telefonija mobbli li jinsab fi Stat Membru li mhuwiex dak tan-netwerk nazzjonali u li jippermetti klijent roaming li jċempel jew jirċievi telefonata permezz ta’ arranġamenti ma’ l-operatur tan-netwerk nazzjonali;

    Artikolu 3

    Tariffi bl-ingrossa għal sejħiet roaming regolati

    It-tariffa totali bl-ingrossa li l-operatur ta’ netwerk imsejjaħ jista’ jżomm lill-operatur tan-netwerk tal-klijient roaming sabiex tingħata sejħa roaming regolata, inkluż inter alia l-oriġini, it-tranżitu, u t-terminazzjoni, m’għandhiex taqbeż l-ammonti applikabbli kull minuta stabbiliti skond l-Anness.

    Artikolu 4

    Tariffi bl-imnut għal sejħiet roaming regolati

    Soġġett għall-Artikolu 5, it-tariffa totali bl-imnut, eskluża l-VAT, li l-operatur ta’ netwerk imsejjaħ jista’ jżomm lill-operatur tan-netwerk tal-kijient roaming sabiex tingħata sejħa roaming irregolata m’għandhiex taqbeż130% tat-tariffa bl-ingrossa massima applikabbli kull minuta stabbiliti skond l-Anness I. Il-limiti tat-tariffa f’dan l-Artiklu għandhom jinkludu kull element fiss marbut ma’ l-għoti ta’ sejħiet roaming irregeolati, inkluż tariffi biex tinbeda s-sejħa u ħlasijiet opt-in.

    Artikolu 5

    Meta tidħol fis-seħħ l-applikazzjoni tal-limiti massimi tat-tariffi bl-imnut għal sejħiet roaming regolati

    L-obbligi fl-Artikolu 4 għandhom jidħlu fis-seħħ sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 6

    Tariffi bl-imnut biex wieħed jirċievi sejħiet waqt li juża r- roaming fil-Komunità

    It-tariffa totali bl-imnut, eskluża l-VAT, li fornitur nazzjonali jista’ jżomm lill-klijent roaming tiegħu fir-rigward ta’ meta l-klijent jirċievi sejħiet bit-telfonija bil-leħen waqt li jsejjaħ netwerk permezz tar- roaming m’għandhiex taqbeż, fuq bażi ta' kull minuta, 130% tar-rata medja ta' terminazzjoni mobbli ppubblikata skond l-Artikolu 10(3). Il-limiti tat-tariffi f'dan l-Artikolu għandhom jinkludu kull element fiss marbut ma’ l-għoti ta’ sejħiet roaming irregolati, bħal tariffi ta’ darba jew ħlasijiet opt-in.

    Artikolu 7

    It-trasparenza tat-tariffi fuq il-bejgħ bl-imnut

    1. Kull fornitur nazzjonali għandu jipprovdi lill-klijent roaming tiegħu informazzjoni personalizzata ta' l-iprezzar dwar it-tariffi għall-bejgħ bl-imnut li japplikaw biex dak il-klijent iċempel jew jirċievi telefonati fl-Istat Membru miżjur.

    2. Il-klijent jista’ jagħżel li jagħmel din it-talba permzz ta’ telefonata bil-mowbajl jew billi jibgħat SMS ( Short Message Service ), f’kull każ lil numru li jipprovdi l-fornitur nazzjonali għal dan il-għan, u jista’ jagħżel li jirċievi l-informazzjoni jew waqt dik is-sejħa jew bl-SMS (fil-każ ta’ l-aħħar mingħajr dewmien bla bżonn).

    3. Is-servizzi ta’ l-informazzjoni msemmija fuq għandhom jingħataw bla ħlas, kemm fir-rigward ta’ meta ssir it-talba kif ukoll fir-rigward ta’ l-informazzjoni mitluba.

    4. L-informazzjoni personalizzata dwar l-iprezzar imsemmija f’dan l-Artikolu għandha tkun it-tariffi applikabbli skond l-iskema tariffarja tal-klijent roaming ikkonċernat biex iċempel u jirċievi t-telefonati fuq kull netwerk imsejjaħ fl-Istat Membru li fih il-klijent qed juża r- roaming.

    5. Meta jsiru l-abbonamenti, il-fornituri nazzjonali għandhom jagħtu informazzjoni sħiħa lill-klijenti ġodda dwar it-tariffi roaming applikabbli. Il-fornituri nazzjonali għandhom ukoll jagħtu aġġornamenti perjodiċi dwar it-tariffi tar- roaming applikabbli lill-klijenti tagħhom fuq bażi perjodika u, flimkien ma’ dan, kull darba li jkun hemm bidla sostanzjali f’dawn it-tariffi.

    Artikolu 8

    Superviżjoni u infurzar

    1. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jikkontrollaw u jissorveljaw il-konformità ma’ dan ir-Regolament fit-territorju tagħhom.

    2. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom is-setgħa jitolbu lill-impriżi soġġetti għall-obbligi f’dan ir-Regolament biex jipprovdu kull informazzjoni rilevanti għall-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ dan ir-Regolament. Dawn l-impriżi għandhom jipprovdu din l-informazzjoni minnufih meta mitluba, u skond l-iskadenzi u l-livell ta’ dettall meħtieġ mill-awtorità regolatorja nazzjonali. L-informazzjoni mitluba mill-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tkun proporzjonata għat-twettiq tal-kompitu.

    3. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jintervjenu fuq inizjattiva tagħhom sabiex jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament.

    4. Meta l-awtorità regolatorja nazzjonali ssib li seħħ ksur ta’ l-obbligi stipulati fir-Regolament, għandha jkollha s-setgħa titlob it-tmiem immedjat ta' ksur bħal dan.

    5. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jagħmlu pubblikament disponibbli informazzjoni aġġornata li għandha x’taqsam ma’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament; dan għandu jsir b’mod li jippermetti lill-partijiet interessati jkollhom aċċess faċli għal dik l-informazzjoni.

    6. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jimmonitorjaw l-iżviluppi fil-prezzijiet bl-ingrossa u bl-imnut għall-għoti lill-klijenti roaming ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni tal-leħen u tad-data, inkluż SMS (Short Message Service) u MMS (Multimedia Messaging Service), b’mod partikolari fir-reġjuni periferiċi tal-Komunità, u għandhom jikkomunikaw ir-riżultati ta’ dan il-monitoraġġ lill-Kummissjoni meta din titlob għalihom.

    7. It-tilwimiet dwar kwistjonijiet inklużi f’dan ir-regolament bejn l-impriżi li jipprovdu netwerks u servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom ikunu soġġetti għall-proċeduri nazzjonali ta’ l-arranġament tat-tilwim stabbiliti skond l-Artikoli 20 u 21 tad-Direttiva 2002/21/KE.

    8. Il-proċeduri ta’ l-arranġament tat-tilwim barra l-qorti stabbiliti skond l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2002/22/KE għandhom ikunu wkoll disponibbli biex jitrattaw tilwim mhux solvut li jinvolvi l-konsumaturi u (jekk applikabbli skond il-liġi nazzjonali) utenti aħħarin oħrajn inklużi f’dan ir-Regolament.

    Artikolu 9

    Penali

    L-Istati Membri għandhom jistipolaw ir-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali jridu jkunu effettivi, propozjonati u disswasivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien dwar kull emenda sussegwenti li teffetwahom.

    Artikolu 10

    Rata medja ta’ terminazzjoni mobbli

    1. Ir-rata medja ta’ terminazzjoni mobbli għandha tiġi ddeterminata skond il-kriterji u l-metodoloġija stipulata fl-Anness II, fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni kkomunikata mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali skond il-paragrafi 2 u 4.

    2. Kull awtorità regolatorja nazzjonali għandha tikkomunika lill-Kummissjoni meta mitluba, u fiż-żmien stipulat mill-Kummissjoni fit-talba tagħha, l-informazzjoni speċifikata fl-Anness II.

    3. Il-Kummissjoni għandha tippubblika fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea , fuq bażi regolari, ir-rata medja ta’ terminazzjoni mobbli ddeterminata skond il-paragrafi 1, 2 u 4.

    4. Għall-ewwel pubblikazzjoni tar-rata medja ta’ terminazzjoni mobbli wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament, il-Kummissjoni tista’ tistrieħ fuq l-aktar informazzjoni riċenti konsistenti ma’ l-Anness II li tkun inġabret skond l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2002/21/KE fit-twettiq tal-kompitu tal-monitoraġġ ta’ l-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju ta’ l-2002 għall-komunikazzjonijiet elettroniċi.

    5. L-impriżi soġġetti għar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament għandhom jiżguraw li kull bidla għat-tariffi tagħhom li hija meħtieġa biex tiżgura l-konformità ma’ l-Artikoli 3, 4 u 6 tidħol fis-seħħ fi żmien xahrejn minn kull pubblikazzjoni skond il-paragrafi preċedenti ta’ dan l-Artikolu.

    6. L-emendi meħtieġa biex l-Anness II jiġi adattat għall-iżviluppi tekniċi jew tas-suq għandhom jiġu adotatti mill-Kummissjoni, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 13(3).

    Artikolu 11

    Emenda għad-Direttiva 2002/21/KE

    Fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/21/KE, jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:

    “5. Din id-Direttiva u d-Direttivi Speċifiċi huma bla ħsara għal kull miżura speċifika adottata għar-regolazzjoni ta’ tariffi roaming internazzjonali għas-sejħiet bil-leħen tat-telefonija mobbli.”

    Artikolu 12

    Proċedura ta’ reviżjoni

    Il-Kummissjoni għanda tirrevedi t-tħaddim ta’ dan ir-Regolament u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lil-Kunsill mhux aktar minn sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament. Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni għandha tinkludi r-raġunament tagħha dwar il-ħtieġa kontinwata tar-regolazzjoni jew il-possibbiltà tar-revoka tagħha fid-dawl ta' l-iżviluppi fis-suq u fir-rigward tal-kompetizzjoni. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tista' titlob informazzjoni lill-Istati Membri, li għandha tingħata mingħajr dewmien żejjed.

    Artikolu 13

    Kumitat

    1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet, imwaqqaf mill-Artikolu 22 tad-Direttiva 2002/21/KE

    2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tiegħu. Il-perjodu stipulat fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ tliet xhur.

    3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

    Artikolu 14

    Ħtiġijiet ta’ notifika

    L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni fi żmien xahrejn mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament bl-identità ta’ l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali responsabbli għat-twettiq tal-kompiti skond dan ir-Regolament.

    Artikolu 15

    Implimentazzjoni

    Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 13(2).

    Artikolu 16

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara d-data tal-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea .

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

    Il-President Il-President

    ANNESS I

    Tariffi bl-ingrossa għal sejħiet roaming regolati msemmija fl-Artikolu 3

    It-tariffi totali bl-ingrossa li l-operatur tan-netwerk imsejjaħ jista' jżomm lill-operatur tan-netwerk nazzjonali tal-klijent roaming biex jagħmel sejħa roaming regolata li toriġina fuq dak in-netwerk imsejjaħ m’għandhiex taqbeż, fuq bażi ta’ kull minuta, ammont ugwali għar-rata medja tat-terminazzjoni mobbli ppubblikata skond l-Artikolu 10(3) mmoltiplikata:

    (a) b’fattur ta’ tnejn, fil-każ ta’ sejħa roaming regolata lil numru assenjat lil netwerk telefoniku pubbliku fl-Istat Membru fejn jinsab in-netwerk imsejjaħ; jew

    (b) b’fattur ta’ tlieta, fil-każ ta’ sejħa roaming regolata lil numru assenjat lil netwerk telefoniku pubbliku fi Stat Membru għajr dak fejn jinsab in-netwerk imsejjaħ;

    Il-limiti tat-tariffi f’dan l-Anness għandhom jinkludu kull element fiss, bħal mhuma t-tariffi biex tinbeda s-sejħa.

    ANNESS II

    Metodoloġija għad-determinazzjoni tar-rata medja ta’ l-UE għat-terminazzjoni mobbli msemmija fl-Artikolu 10

    1. Għall-għanijiet ta’ dan l-Anness, it-termini li ġejjin se jkollhom it-tifisriet li ġejjin:

    (a) “TTM (Tariffa tat-Terminazzjoni Mobbli) (MTR) Medja Nazzjonali b’Koeffiċjent Korrettiv” għandha tfisser il-medja tat-TTM għal kull operatur b'SSS (Setgħa tas-Suq Sinfikanti) (SMP), maħduma b’koeffiċjent korrettiv fuq il-bażi ta’ l-Abbonati Attivi għal kull Operatur SSS;

    (b) “TTM għal kull operatur b'SSS (Setgħa tas-Suq Sinfikanti) (SMP)” għandha tfisser it-tariffa medja kull minuta (inkluż it-tariffi biex jinbeda s-servizz), ibbażata fuq sejħa ta’ tliet minuti b’rata peak, eskluża l-VAT u fil-munita nazzjonali ta’ l-Istat Membru kkonċernat, għat-terminazzjoni ta’ sejħiet bil-leħen applikati minn kull operatur SSS, kif iddeterminata skond metodoloġija approvata mill-awtorità regolatorja nazzjonali

    (c) “Operatur SSS” għandha tfisser netwerks mobbli pubbliċi terrestri u li ġie ddeżinjat bħala li għandu setgħa tas-suq sinifikanti skond l-Artikolu 16 tad-Diretiva 2002/21/KE f’suq għat-terminazzjoni tas-sejħiet fuq netwerk bħal dan fl-Istat Membru kkonċernat;

    (d) “Abbonati Attivi għal kull Operatur SSS” għandha tfisser l-aggregat ta’ l-għadd ta’ abbonati attivi ta’ kull Operatur SSS u l-għadd ta’ abbonati attivi għal kull fornitur mobbli ieħor li juża n-netwerk ta’ l-Operatur SSS għat-terminazzjoni tas-sejħiet bil-leħen lill-klijenti tiegħu;

    (e) “abbonati attivi” għandha tfisser abbonati mobbli attivi (sew dawk li jħallsu minn qabel sew wara) iddeterminati skond metodoloġija approvata mill-awtorità regolatorja nazzjonali

    2. Ir-rata medja tat-terminazzjoni mobbli ppubblikata skond l-Artikolu 10(3) għandha tkun il-medja tat-TTM Medja Nazzjonali b’Koeffiċjent Korrettiv, huma nnifishom maħduma b’koeffiċjent korrettiv fuq il-bażi ta’ l-għadd totali ta’ l-abbonati attivi f’kull Stat Membru. Għandha tinħadem billi tintuża l-informazzjoni speċifikata fil-paragrafu (3) taħt li ġie kkomunikat lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali skond talba in segwitu għall-Artikolu 10(2) jew (4).

    3. L-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandha tkun:

    (a) Il-TTM Medja Nazzjonali maħduma bil-Koeffiċjent Korrettiv, u

    (b) Is-somma totali ta’ l-Abbonati Attivi kollha għal kull Operatur SSS fi ħdan l-Istati Membri tagħhom,

    f’kull każ kif ikun fid-data speċifikata għal dan il-għan mill-Kummissjoni fit-talba tagħha.

    4. Għal Stati Membri b’munita li mhix Euro, il-Kummissjoni tikkonverti t-TTM Medja Nazzjonali maħduma bil-Koeffiċjent Korrettiv notifikati billi tuża r-rata tal-kambju ppubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea għad-data speċifikata mill-Kummissjoni taħt (3) fuq.

    [1] L-ewwel konsultazzjoni saret bejn l-20/02/2006 u t-22/03/2006 u t-tieni bejn it-03/04/2006 sat-12/05/2006. [Ir-riżultati huma disponibbli fuq http://ec.europa.eu/information_society/activities/roaming/internal_market/consultation/index_en.htm

    [2] ĠU C, ,p. .

    [3] ĠU C, ,p. .

    [4] ĠU C, ,p. .

    [5] Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/627/KE tad-29 ta’ Lulju 2002 li tistabbilixxi l-Grupp ta' Regolaturi Ewropej għan-Netwerks u Servizzi ta' Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 200, 30.7.2002, p. 38), kif emendata mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/641/KE ta’ l-14 ta’ Settembru 2004 (ĠU L 293, 16.9.2004, p. 30)

    [6] ĠU L 108 ta’ l-24.4.2002, p 33.

    [7] ĠU L 108 ta’ l-24.4.2002, p 7.

    [8] ĠU L 108 ta’ l-24.4.2002, p 21

    [9] ĠU L 108 ta’ l-24.4.2002, p 51

    [10] ĠU L 201 tal-31.7.2002, p 37.

    [11] Ara b’mod partikolari l-Artikoli 14 sa 16 tad-Direttiva ta’ Qafas, l-Artikoli 7 u 8 tad-Direttiva ta’ Aċċess, u l-Artikoli 16 u 17 tad-Direttiva ta' Servizz Universali.

    [12] Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Frar 2003 dwar swieq rilevanti għal prodotti u s-servizzi fi ħdan is-settur tal-komunikazzjoni elettronika suxxettibbli għar-regolazzjoni ex ante skond id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks u s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika –C(2003) 497) ĠU L114, 8.5.2003, p.45

    [13] Linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-analiżi tas-suq u l-valutazzjoni ta’ setgħa tas-suq sinifikanti skond il-qafas regolatorju Komunitarju għan-netwerks u s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika (2002/c/165/030 ĠU C 165, 11.7.2002, p.6.

    [14] Is-Suq 17 fl-Anness

    [15] Riżoluzzjoni PE 2005/2052 (INI)

    [16] Komunikazzjoni lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa, Naħdmu flimkien għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjiegi, Bidu ġdid għall-Istrateġija ta' Liżbona, COM (2005) 24 tat-2.2.2005 u l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew 22-23 Marzu 2005.

    [17] ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

    Top