This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52006PC0338
Proposal for a Council Decision on the conclusion, on behalf of the European Community, of an amendment to the Convention on access to information, public participation in decision making and access to justice in environmental matters
Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, ta’ emenda tal-Konvenżjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali
Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, ta’ emenda tal-Konvenżjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali
/* KUMM/2006/0338 finali - CNS 2006/0113 */
Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, ta’ emenda tal-Konvenżjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali /* KUMM/2006/0338 finali - CNS 2006/0113 */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 26.6.2006 KUMM(2006) 338 finali 2006/0113 (CNS) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, ta’ emenda tal-Konvenżjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (preżentata mill-Kummissjoni) MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. Fil-25 ta' Ġunju 1998, il-Komunità u l-Istati Membri tagħha ffirmaw il-Konvenzjoni ta’ Århus tal-UN/ECE dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (minn hawn ‘il quddiem il-Konvenzjoni). Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fit-30 ta’ Ottubru 2001 u l-Komunità approvatha fis-17 ta’ Frar 2005, wara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE[1]. 2. L-Artikolu 6, paragrafu 11 tal-Konvenzjoni jindirizza b’mod speċifiku l-parteċipazzjoni pubblika fir-rigward tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar ir-rilaxx intenzjonat ta’ l-organiżmi modifikati ġenetikament (minn hawn ‘il quddiem l-OMĠ) fl-ambjent u jitlob lill-Partijiet japplikaw ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 6, sa fejn ikun vijabbli u adattat, fi ħdan il-qafas tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. 3. Dawn ir-rekwiżiti jingħataw effett fil-Komunità permezz ta’ dispożizzjonijiet relevanti skond id-Direttiva 2001/18/KE tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament[2] u r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament[3]. 4. Il-firmatarji tal-Konvenzjoni talbu biex l-ewwel Laqgħa tal-Partijiet tiżviluppa iktar l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni għar-rilaxx intenżjonat ta’ l-OMĠ. Sussegwentement, l-Ewwel Laqgħa tal-Partijiet (Lucca, l-Italja, 21-23 ta’ Ottubru 2002) stabbiliet Grupp ta’ Ħidma dwar l-OMĠ b’mandat biex jidentifika u jiżviluppa għażliet potenzjali biex jissaħħu d-dispożizzjonijiet eżistenti ta' Århus rigward dan is-suġġett. L-għażliet li rriżultaw mix-xogħol ta' dan il-grupp ġew evalwati fit-Tieni Laqgħa tal-Partijiet (Almaty, Kazakhstan, is-27 ta’ Mejju 2005). 5. Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea awtorizza lill-Kummissjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, biex tmexxi negozjati rigward emenda possibbli tad-dispożizzjonijiet eżistenti ta’ Århus rigward l-OMĠ skond id-Direttivi tan-negozjati adottati fl-10 ta’ Marzu 2005. Fi ħdan il-qafas ta’ dawn id-Direttivi, il-Kummissjoni kellha bżonn tiżgura li d-deċiżjonijiet li kellhom jiġu adottati fit-tieni Laqgħa tal-Partijiet ikunu konsistenti mal-leġiżlazzjoni Komunitarja relevanti, b'mod partikolari dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent u t-tqegħid fis-suq ta' l-OMĠ. 6. Matul it-Tieni Laqgħa tal-Partijiet intlaħaq ftehim dwar emenda tal-Konvenzjoni biex l-obbligi tal-Partijiet isiru iktar speċifiċi fir-rigward tal-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-OMĠ. Ir-regoli Komunitarji relevanti li jirregolaw l-OMĠ jinkorporaw dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għall-informazzjoni u l-parteċipazzjoni pubblika, b’mod partikolari permezz tar-rekwiżiti ta’ l-Artikoli 9 u 24 tad-Direttiva 2001/18/KE[4] u ta’ l-Artikoli 6, 18 u 29 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003[5]. Dawn id-dispożizzjonijiet huma konsistenti ma’ l-emenda tal-Konvenzjoni ta’ Århus li għalhekk mhuma se jwasslu għall-ebda reviżjoni tal-leġiżlazzjoni. 7. Il-koordinazzjoni Komunitarja li rnexxiet matul il-proċess ta’ negozjati għandha tkun żgurata bl-istess mod fir-rigward tal-konklużjoni ta’ l-emenda tal-Konvenzjoni ta’ Århus, bil-għan li jkun permess id-depożitu, sa fejn hu possibbli simultanju, ta’ l-istrumenti ta’ ratifika, aċċettazzjoni u approvazzjoni mill-Komunità u l-Istati Membri. Il-ftit Stati Membri li għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex jaslu għal dak il-għan. 8. Issa l-Komunità għandha tapprova din l-emenda għall-Konvenzjoni ta’ Århus. 2006/0113 (CNS) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, ta’ emenda tal-Konvenżjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175 (1) flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300 (2), u l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300 (3) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew, Billi: (1) Il-Konvenzjoni tal-UN/ECE dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (minn hawn ‘il quddiem il-Konvenzjoni ta’ Århus) timmira li tagħti d-drittijiet pubbliċi u timponi fuq il-Partijiet u l-awtoritajiet pubbliċi obbligi dwar l-aċċess għall-informazzjoni u l-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali. (2) Il-Komunità Ewropea, skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 175 (1) tiegħu, hija kompetenti biex tidħol fi ftehimiet internazzjonali, u biex timplimenta l-obbligi li jirriżultaw, li jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu l-għanijiet elenkati fl-Artikolu 174 (1) tat-Trattat tal-KE. (3) Il-Komunità ffirmat il-Konvenzjoni ta’ Århus fil-25 ta’ Ġunju 1998 u din daħlet fis-seħħ fit-30 ta’ Ottubru 2001. Il-Komunità approvat il-Konvenzjoni fis-17 ta’ Frar 2005 skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE[6]. (4) Fit-Tieni Laqgħa tal-Partijiet, f’Mejju 2005, intlaħaq ftehim fuq emenda għall-Konvenzjoni ta’ Århus biex l-obbligi tal-partijiet isiru iktar speċifiċi fir-rigward tal-parteċipazzjoni pubblika fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-OMĠ. Il-liġi relevanti tal-Komunità li tirregola l-OMĠ, u b’mod partikolari d-Direttiva 2001/18/KE u r-Regolament (KE) Nru 1829/2003, tinkorpora dispożizzjonijiet għall-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-OMĠ, f'konsistenza ma’ l-emenda tal-Konvenzjoni ta’ Århus. (5) L-emenda tal-Konvenzjoni ta’ Århus ila miftuħa għal ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni mill-Partijiet mis-27 ta’ Settembru 2005. Il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex ikun permess id-depożitu, sa fejn hu possibbli simultanju, ta’ l-istrumenti ta’ ratifika, aċċettazzjoni u approvazzjoni. (6) Il-Komunità għandha tapprova din l-emenda għall-Konvenzjoni ta’ Århus. IDDEĊIEDA KIF ĠEJ: Artikolu 1 L-emenda għall-Konvenzjoni ta’ Århus dwar il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-organiżmi modifikati ġenetikament, kif stipolat fl-Anness ma’ din id-Deċiżjoni, b'dan hija approvata f'isem il-Komunità. Artikolu 2 1. B'dan, il-President tal-Kunsill huwa awtorizzat biex jaħtar il-persuna jew persuni bis-setgħa li jiddepożitaw l-istrument ta' approvazzjoni ta' l-emenda mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, li jaġixxi fil-kapaċità tiegħu ta' depożitarju, skond l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni ta' Århus. 2. Il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri partijiet fil-Konvenzjoni ta’ Århus għandhom jagħmlu ħilithom biex jiddepożitaw b’mod simultanju, kemm jista' jkun sa mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru 2006, l-istrumenti tagħhom ta' ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni ta’ l-emenda. Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Magħmula fi Brussell, [...] Għall-Kunsill Il-President ANNESS EMENDA TAL-KONVENZJONI DWAR L-AĊĊESS GĦALL-INFORMAZZJONI, IL-PARTEĊIPAZZJONI PUBBLIKA FIT-TEĦID TAD-DEĊIŻJONIJIET U L-AĊĊESS GĦALL-ĠUSTIZZJA FI KWISTJONIJIET AMBJENTALI Artiklu 6, paragrafu 1 Għat-test eżistenti, ibdel 11. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3, paragrafu 5, id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu m’għandhomx japplikaw għad-deċiżjonijiet rigward jekk ikunx permess ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent u t-tqegħid fis-suq ta' organiżmi modifikati ġenetikament. Artikolu 6 bis Wara l-Artikolu 6, daħħal Artikolu ġdid kif ġej Artikolu 6 bis IL-PARTEĊIPAZZJONI PUBBLIKA FID-DEĊIŻJONIJIET DWAR IR-RILAXX INTENZJONAT FL-AMBJENT U T-TQEGĦID FIS-SUQ TA’ ORGANIŻMI MODIFIKATI ĠENETIKAMENT 1. Skond il-modalitajiet stipolati fl-Anness I bis, kull Parti għandha tipprovdi għall-informazzjoni effikaċi u minn kmieni u l-parteċipazzjoni pubblika qabel tieħu deċiżjonijiet rigward jekk ikunx permess ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent u t-tqegħid fis-suq ta' organiżmi modifikati ġenetikament. 2. Ir-rekwiżiti magħmula mill-Partijiet skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu komplementari u ta’ appoġġ reċiproku għad-dispożizzjonijiet tal-qafas nazzjonali tagħhom dwar il-bijosikurezza, b’mod konsistenti ma’ l-għanijiet tal-Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-Bijosikurezza. Anness I bis Wara l-anness I, daħħal anness ġdid kif ġej Anness I bis IL-MODALITAJIET IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 6 BIS 1. Kull Parti għandha tistipola, fil-qafas regolatorju tagħha, arranġamenti għal informazzjoni effikaċi u l-parteċipazzjoni pubblika għad-deċiżjonijiet soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 6 bis, li għandhom jinkludu perjodu ta’ żmien raġonevoli, sabiex il-pubbliku jingħata opportunità xierqa biex jesprimi opinjoni dwar tali proposti għal deċiżjonijiet. 2. Jekk ikun xieraq, Parti tista’ tipprovdi, fil-qafas regolatorju tagħha, għal eċċezzjonijiet fil-proċedura tal-parteċipazzjoni pubblika stipolata f’dan l-Anness: (a) Fil-każ tar-rilaxx intenzjonat ta’ organiżmu modifikat ġenetikament (OMĠ) fl-ambjent għal kwalunkwe skop għajr it-tqegħid fis-suq tiegħu, jekk: (i) Tali rilaxx taħt kundizzjonijiet bijoġeografiċi komparabbli diġà ġie approvat fi ħdan il-qafas regolatorju tal-Parti kkonċernata; u (ii) Inkisbet, minn qabel, esperjenza biżżejjed bir-rilaxx tal-OMĠ in kwistjoni f'ekosistemi komparabbli (b) Fil-każ tat-tqegħid fis-suq ta’ OMĠ, jekk: (i) Diġà kien approvat fi ħdan il-qafas regolatorju tal-Parti kkonċernata; jew (ii) Huwa maħsub għar-riċerka jew għall-kollezzjoni ta’ kulturi. 3. Mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni applikabbli dwar is-segretezza skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 4, kull Parti għandha tagħmel disponibbli għall-pubbliku, b'mod adegwat, effikaċi u fil-ħin, sommarju tan-notifiki introdotti biex tinkiseb awtorizzazzjoni għar-rilaxx intenzjonat fl-ambjent jew għat-tqegħid fis-suq ta’ OMĠ fit-territorju tagħha, kif ukoll ir-rapport ta’ evalwazzjoni, fejn disponibbli, u skond il-qafas nazzjonali tagħha dwar il-bijosikurezza. 4. Fl-ebda każ il-Partijiet m’għandhom jikkunsidraw l-informazzjoni li ġejja bħala kunfidenzjali: (a) Deskrizzjoni ġenerali ta’ l-organiżmu jew l-organiżmi modifikati ġenetikament ikkonċernati, l-isem u l-indirizz ta’ l-applikant għall-awtorizzazzjoni tar-rilaxx intenzjonat, l-użi maħsuba u, jekk xieraq, il-post tar-rilaxx (b) Il-metodi u l-pjanijiet għall-monitoraġġ ta’ l-organiżmu jew l-organiżmi modifikati ġenetikament ikkonċernati u għal reazzjoni ta’ emerġenza (c) L-evalwazzjoni tar-riskju ambjentali. 5. Kull Parti għandha tiżgura trasparenza fil-proċeduri tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u tipprovdi aċċess għall-informazzjoni proċedurali rilevanti lill-pubbliku. Din l-informazzjoni għandha tinkludi, per eżempju: (i) In-natura tad-deċiżjonijiet possibbli (ii) L-awtorità pubblika responsabbli għat-teħid tad-deċiżjoni; (iii) L-arranġamenti għall-parteċipazzjoni pubblika stipolati skond il-paragrafu 1 (iv) Indikazzjoni ta’ l-awtorità pubblika li mingħandha tkun tista’ tinkiseb informazzjoni relevanti (v) Indikazzjoni ta’ l-awtorità pubblika fejn jistgħu jitressqu kummenti u ta' l-iskeda taż-żmien għat-trażmissjoni tal-kummenti. 6. Id-dispożizzjonijiet magħmula skond il-paragrafu 1 għandhom jippermettu lill-pubbliku jressaq kwalunkwe kumment, analiżi jew opinjoni li jikkunsidra relevanti għar-rilaxx intenzjonat propost, inkluż it-tqegħid fis-suq, bi kwalunkwe mod xieraq. 7. Kull Parti għandha tagħmel ħilitha biex tiżgura li, meta jittieħdu deċiżjonijiet jekk għandux ikun permess ir-rilaxx intenzjonat ta’ OMĠ fl-ambjent, inkluż it-tqegħid fis-suq, ir-riżultati tal-proċedura tal-parteċipazzjoni pubblika organizzata skond il-paragrafu 1 ikunu kkunsidrati kif jixraq. 8. Il-Partijiet għandhom jipprovdu biex meta tittieħed deċiżjoni soġġetta għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Anness minn awtorità pubblika, it-test tad-deċiżjoni għandu jsir disponibbli għall-pubbliku flimkien mar-raġunijiet u l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom kienet ibbażata. [1] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Frar 2005 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, ta’ emenda tal-Konvenżjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali. [2] ĠU L 106, 17/04/2001 p. 01-39. [3] ĠU L 268, 18/10/2003 p. 01-23. [4] L-Artikoli 7, 8, 16, 19, 20, 23 u 31 tad-Direttiva 2001/18/KE fihom dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-informazzjoni li għandha tkun disponibbli għall-pubbliku. Barra minn dan, l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2001/18/KE jindika liema informazzjoni m’għandhiex tkun ikkunsidrata kunfidenzjali. [5] L-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 jindirizza, b'mod speċifiku, liema informazzjoni m'għandhiex tkun ikkunsidrata kunfidenzjali. [6] ĠU L 124, 17/05/2005, p. 01-03.