EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006PC0290

Proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE għall-inklużjoni tat-azinphos-methyl bħala sustanza attiva

/* KUMM/2006/0290 finali */

52006PC0290




[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 13.6.2006

KUMM(2006) 290 finali

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE għall-inklużjoni tat-azinphos-methyl bħala sustanza attiva

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA ’ SPJEGAZZJONI

L-abbozz tal-proposta mehmuż għad-Direttiva tal-Kunsill dwar l-inklużjoni taħt kundizzjonijiet stretti ta’ l- azinphos-methyl bħala sustanza attiva fil-lista pożittiva (Anness I) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE dwar li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE toħloq il-ħidma ta’ qafas għall-awtorizzazzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Is-sustanzi attivi li jridu jintużaw bħala prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti huma evalwati u awtorizzati fil-livell Komunitarju u huma elenkati fl-Anness I għad-Direttiva. Il-prodotti individwali għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanzi attivi huma evalwati u awtorizzati mill-Istati Membri skond ir-regoli armonizzati.

Id-dejta mressqa mill-industrija ġiet evalwata inizjalment minn Stat Membru rapporteur, f’dan il-każ il-Ġermanja, u wara, fuq il-bażi ta’ l-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni, mill-Kummissjoni u l-Istati Membri fi ħdan il-qafas ta’ ħidma tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali.

Fil-ħsieb tal-profil ’perikoluż tas-sustanza, il-kundizzjonjiet għall-’inklużjoni jipprovdu restrizzjonijiet għal dawk l-uċuħ ta’ l-art li effettivament kienu kkunsidrati waqt l-evalwazzjoni Komunitarja u li għalihom l-użu aċċettabbli jistgħu jkunu mistennija sakemm jipprovdu miżuri ta’ taffija tar-riskju preskrittivi ħafna.

L-abbozz ta’ Direttiva kienet tressqet fit-3 ta’ Marzu għall-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali.

4 Stati Membri (50 voti) ivvutaw fil-favur,18 Stati Membri (223 voti) ivvutaw kontra u3 Stati Membri (48 voti) astjenu

Il-Kumitat ma ta l-ebda opinjoni. Konsegwentement, skond l-Artikolu 19, tad-Direttiva 91/414/KEE u bi qbil ma’ l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, il-Kummissjoni jeħtiġilha li tressaq lill-Kunsill proposta relatata mal-miżuri li għandhom jittieħdu, u l-Kunsill ikollu tliet xhur sabiex jaġixxi permezz ta’ maġġoranza kwalifikata, u jinforma lill-Parlament.

L-abbozz tad-Direttiva mhuwiex suġġett għad-dritt ta’ skrutinju tal-Parlament Ewropew (Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 199/468/KE).

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE għall-inklużjoni tat- azinphos-methyl bħala sustanza attiva

(Test b ’ relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat i-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tagħha,

Billi:

1. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3600/92 tal-11 ta’ Diċembru 1992 li jistipola regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ l-ewwel stadju tal-programm ta’ xogħol imsemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti [2]jistabbilixxi lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu evalwati, bil-viżjoni għall-inklużjoni possibbli tagħhom fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Dik il-lista tinkludi l- azinphos-methyl .

2. Fil-każ ta’ l- azinphos-methyl , l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent ġew assessjati skond id-dispożizzjonijiet preskritti fir-Regolament (KEE) Nru 3600/92 għal firxa ta’ użi proposti min-notifikatur. Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 933/94 tas-27 ta’ April ta’ l-1994 li jipprovdi s-sustanzi attivi ta’ prodotti ta’ protezzjoni ta’ pjanti u jawtorizza r-rapporteur ta’ l-Istati Membri għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3600/92, [3], il-Ġermanja ġiet innominata bħala Stat Membru Rapporteur. Il-Ġermanja ressqet ir-rapport ta’ evalwazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti lill-Kummissjoni nhar l-11 ta’ Ottubru 1996 skond l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (KEE) Nru 3600/92.

3. Dan ir-rapport ta’ valutazzjoni ġie rrevedut mill-Istati Membri u l-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali.

4. Ir-reviżjoni ta’ l- azinphos-methyl wriet numru ta’ mistoqsijiet miftuħa li ġew indirizzati mill-Bord Xjentifiku dwar is-saħħa tal-Pjanti, il-prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti u r-Residwi tagħhom (PPR) ta’ l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà ta’ l-Ikel (EFSA). Il-Bord Xjentifku ġie mistoqsi jindika il-ħin għall-popolazzjonijiet ta’ artropodi mhux fil-mira li qed jgħixu fl-egħlieqi ttrattati biex jirkupraw stat ekoloġikament sostenibbli taħt kundizzjonijiet speċifiċi ta’ applikazzjoni tas-sustanza. Barra minn hekk, il-Bord Xjentifiku ġie mistoqsi biex jikkummenta dwar l-adegwatezza ta’ l-evalwazzjoni tar-riskju għall-għasafar li sar mill-Istat Membru Rapporteur. Fl-opinjoni tiegħu dwar l-ewwel mistoqsija il-Bord tal-PPR ikkonkluda li mid-dejta disponibbli li minħabba l-kombinazzjoni realistika ta’ kundizzjonijiet mhux favorevoli, id-densitajiet tal-popolazzjonijiet antropodi se jitnaqqsu xorta fl-aħħar ta’ l-istaġun tat-trattament u possibliment fil-bidu ta’ l-istaġun ta’ tkabbir li jmiss. L-irkupru jista’ jkun ffaċilitat minn żona mhux sprejjata iżda iktar informazzjoni tinħtieġ biex jiġi stmat b’mod iktar preċiż il-ħin għall-irkupru. Dwar it-tieni mistoqsija, il-Bord PPR ikkonkluda li kein hemm bżonn evalwazzjoni iktar rraffinata. Il-Bord tal-PPR identifika xi għażliet għall-irfinat ta’ l-evalwazzjoni tar-riskju[4]

5. Minn eżamijiet varji li saru deher li jista’ jiġi mistenni li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom l- azinphos-methyl jissodisfaw, b’mod ġenerali, il-kundizzjonijiet stipolati fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE, fir-rigward ta’ l-użi li ġew eżaminati u ddettaljati fir-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni, sakemm jittieħdu l-miżuri adegwati għat-taffija tar-riskji. Ġaladarba l- azinphos-methyl huwa sustanza perikoluża, l-użu tiegħu ma għandux ikun mingħajr restrizzjonijiet. B’mod partikolari, hemm tħassib dwar l-effetti tossiċi intrinsiċi tiegħu. Għalkemm m’hemmx qbil xjentifiku dwar il-perikli li jista’ jġib l- azinphos-methyl , jista’ jkun hemm diversi fehmiet dwar ir-riskji. Din hija kwistjoni tal-ġestjoni tar-riskju, aktar milli waħda xjentifika, għax tiddependi mil-livell ta’ riskju li huwa aċċettabbli f’soċjetà partikolari. Għandhom jiġu imposti miżuri għat-taffija tar-riskju sabiex jintlaħaq il-livell għoli ta’ protezzjoni li l-Komunità għażlet għas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-annimali, kif ukoll ta’ l-ambjent.

6. L-Artikoli 5(4) u 6(1) tad-Direttiva 91/414/KE jistipulaw li l-inklużjoni ta’ sustanza fl-Anness I tista’ tiġi suġġetta għal restrizzjonjiet u kundizzjonijiet. F’dan il-każ, ir-restrizzjonijiet dwar il-perjodu ta’ inklużjoni u l-uċuħ tar-raba awtorizzati huma miżuri li jitqies li huma ta’ ħtieġa. Ir-restrizzjoni tal-perjodu ta’ l-inklużjoni tfisser li l-Istati Membri jagħtu prijorità lir-reviżjoni tal-prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti li fihom l- azinphos-methyl u li diġà jinsabu fis-suq. Sabiex jiġu evitati d-diskrepanzi fil-livell għoli mixtieq ta’ protezzjoni, l-inklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE għandha tiġi limitata għall-użi ta’ l- azinphos-methyl li tassew ġew assessjati fl-evalwazzjoni Komunitarja u li l-użi proposti għalihom tqiesu li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tad-Direttiva 91/414. Dan ifisser li użi oħra, li f’dan l-assessjar ma ġewx koperti jew inkella ġew koperti parzjalment, qabel ma jiddaħħlu fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE l-ewwel jeħtiġilhom ikunu suġġetti għal eżami komplet. Fl-aħħarnett, minħabba l-livell ta’ periklu ta’ l- azinphos-methyl , jeħtieġ li fuq il-livell Komunitarju jsir provvediment għal armonizzazzjoni minima ta’ ċerti miżuri għat-taffija tar-riskju li l-Istati Membri għandhom japplikawhom meta jagħtu l-awtorizzazzjonijiet.

7. Il-miżuri għat-taffija tar-riskju f’din id-Direttiva jitqiesu li huma biżżejjed biex jillimitaw għal livell aċċettabbli r-riskji kkaġunati mill-użu tas-sustanza.

8. Ġaladarba jidher li huwa possibbli li jiġu identifikati miżuri adegwati tat-taffija tar-riskju, li għandhom jiġu applikati f’qagħdiet li huma deskritti biċ-ċar u taħt kundizzjonjiet stretti, ikunx sproporzjonat li din is-sustanza attiva ma titħalliex tiġi inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

9. Mingħajr ħsara għall-konklużjoni li l-prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti li fihom il- azinphos-methyl jistgħu jkunu preżunti li jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE, huwa f’loku li jinkiseb aktar tagħrif dwar ċerti punti speċifiċi. L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/414/KE jistipola li l-inklużjoni ta’ sustanza fl-Anness I tista’ tiġi suġġetta għall-kundizzjonijiet. Għalhekk huwa xieraq li jinħtieġ li l- azinphos-methyl ikunu soġġetti għal aktar testijiet għall-konferma tal-valutazzjoni tar-riskji għal ċerti organiżmi mhux fil-mira u li t-tali studji għandhom jitressqu minn notifikanti. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jesiġu li d-detenturi ta’ l-awtorizzazzjonijiet jagħtu l-informazzjoni dwar l-użu ta’ l- azinphos-methyl , inkluż tagħrif dwar l-inċidenzi fuq saħħet l-operaturi.

10. Bħalma jgħodd għas-sustanzi kollha inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE, l-istatus ta’ l- azinphos-methyl jista’ jiġi rivedut taħt l-Artikolu 5(5) ta’ dik id-Direttiva, fid-dawl ta’ kwalunkwe tagħrif ġdid li jsir disponibbli.

11. L-esperjenza miksuba minn inklużjonijiet preċedenti fl-Anness I għad-Direttiva 91/414/KEE ta’ sustanzi attivi evalwati fil-qafas tar-Regolament (KEE) Nru 3600/92 uriet li jistgħu jinqalgħu xi diffikultajiet fl-interpretazzjoni tad-dmirijiet tad-detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet eżistenti dwar l-aċċess għad-data. Għalhekk, sabiex jiġu evitati iżjed diffikultajiet, jidher li jeħtieġ li d-dmirijiet ta’ l-Istati Membri jiġu ċċarati, speċjalment id-dmir li jivverifikaw li d-detentur ta’ l-awtorizzazzjoni juri aċċess għal dokumentazzjoni li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ l-Anness II ta’ dik id-Direttiva. Madankollu, din il-kjarifika ma timponix xi obbligi ġodda fuq l-Istati Membri jew id-detenturi ta’ l-awtorizzazzjonijiet meta mqabbla mad-direttivi li ġew adottati sa issa li jemendaw l-Anness I.

12. Perjodu raġonevoli għandu jitħalla qabel ma tiġi inkluża fl-Anness I xi sustanza attiva, biex l-Istati Membri u l-partijiet interessati jkunu jistgħu jħejju lilhom infushom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti ġodda li jirriżultaw minn dik l-inklużjoni.

13. Bla preġudizzju għall-obbligi definiti bid-Direttiva 91/414 bħala konsegwenza li tiġi inkluża sustanza attiva fl-Anness I, l-Istati Membri għandhom jingħataw perjodu ta’ sitt xhur wara l-inklużjoni sabiex jevalwaw l-awtorizzazzjonijiet eżistenti tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom l- azinphos-methyl biex jiżguraw li r-rekwiżiti stabbiliti bid-Direttiva 91/414/KEE, b’mod partikolari l-Artikolu 13 tagħha u l-kundizzjonijiet rilevanti stipulati fl-Anness I jkunu ssodisfati. L-Istati Membri għandhom ivarjaw, ibiddlu jew jirtiraw, kif ikun f’loku, l-awtorizzazzjonijiet eżistenti, skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/414/KEE. B’deroga mill-iskadenza ta’ hawn fuq, għandu jingħata perjodu itwal għall-preżentazzjoni u l-evalwazzjoni tad-dossier sħiħ ta’ l-Anness III għal kull prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għal kull użu maħsub skond il-prinċipji uniformi stabbiliti fid-Direttiva 91/414/KEE. Fid-dawl tal-proprjetajiet perikolużi ta’ l- azinphos-methyl , il-perjodu li fih l-Istati Membri għandhom jivverifikaw jekk il-prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-methamidophos, waħdu jew inkella ma’ sustanzi attivi awtorizzati oħra, jikkonformawx mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness VI ma għandux jaqbeż tliet snin.

14. Għalhekk huwa xieraq li tiġi emendata id-Direttiva 91/414/KEE skond dan.

15. Billi l-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta’ l-Ikel u s-Saħħa ta’ l-Annimali ma tax opinjoni fil-limitu taż-żmien stabbilit mill-President tiegħu,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE huwa emendat kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw sat-30 ta’ Ġunju 2007 l-aktar tard il-liġijiet, regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u tabella li turi l-korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Lulju 2007.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza meta dawn jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-referenza.

Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom, fejn meħtieġ, u skond id-Direttiva 91/414/KEE, jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet eżistenti għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom azinphos-methyl bħala sustanza attiva sal-30 ta’ Ġunju 2007. Sa dik id-data, dawn għandhom, b’mod partikolari, jivverifikaw li l-kundizzjonijiet fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva rigward l- azinphos-methyl ikunu sodisfatti, minbarra dawk identifikati fil-parti B tar-reġistrazzjoni dwar dik is-sustanza attiva, u li d-detentur ta’ l-awtorizzazzjoni jkollu, jew ikollu aċċess għal, dokumentazzjoni li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ l-Anness II ta’ dik id-Direttiva skond il-kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 13.

2. B’deroga mill-paragrafu 1, għal kull prodott awtorizzat tal-protezzjoni tal-pjanti li fih l- azinphos-methyl , l-Istati Membri għandhom jevalwaw il-prodott mill-ġdid skond il-prinċipji uniformi stipulati fl-Anness VI tad-Direttiva 91/414/KEE, fuq il-bażi ta’ dokumentazzjoni li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ l-Anness III ta’ dik id-Direttiva u li tikkunsidra l-parti B tar-reġistrazzjoni dwar l- azinphos-methyl fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva. Fuq il-bażi ta’ dik l-evalwazzjoni, għandhom jiddeterminaw jekk il-prodott jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b), (c), (d) u (e) tad-Direttiva 91/414/KEE.

Wara dik id-determinazzjoni, għall-prodotti li fihom azinphos-methyl , fejn ikun meħtieġ, l-Istati Membri għandhom jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2009.

Artikolu 4

Din id-Direttiva ser tidħol fis-seħħ nhar il-1 ta’ Jannar 2007.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS

Ir-reġistrazzjonijiet li ġejjin għandhom jinżiedu fl-aħħar tat-tabella fl-Anness I għad-Direttiva 91/414/KE.

“Nru | Isem Komuni,Numri ta’ identifikazzjoni | Isem IUPAC | Purità[5] | Id-dħul fis-seħħ | Skadenza ta’ żmien għall-inklużjoni | Dispożizzjonijiet speċifiċi |

XX | Azinofos-methyl CAS N° 86-50-0 CIPAC N° 37 | S-(3,4-dihydro-4-oxobenzo[d][1,2,3]triazin-3-yl-methyl)-O,O-dimethyl-phosphorodithioate | >900 g/kg | l-1 ta’ Jannar 2007 | l-31 ta’ Diċembru 2013 | PARTI A Jista’ jiġi awtorizzat biss l-użu bħala insettiċida fuq il-patata. Jeħtieġ li jiġu rispettati l-kundizzjonjiet ta’ l-użu li ġejjin: f’rati li ma jaqbżux 0,12 kg sustanza attiva kull ettaru għal kull applikazzjoni. Massimu ta’ 2 applikazzjonijiet fl-istaġun. L-użi li ġejjin ma għandhomx jiġu awtorizzati: l-applikazzjoni fl-arja; applikazzjonijiet minn fuq id-dahar jew mimsusa mill-operatur, sew jekk kien dilettant jew professjonali; il-ġardinaġġ domestiku. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu applikati l-miżuri kollha għat-taffija tar-riskju. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-protezzjoni ta’: l-għasafar u l-mammiferi Il-kundizzjonijiet ta’ l-awtorizzazzjoni għandhom jinkludu miżuri għat-taffija tar-riskju, bħalma huma l-użu f’waqtu tal-prodott u l-għażla ta’ dawk il-formulazzjonijiet li. minħabba l-preżentazzjoni fiżika tagħhom jew il-preżenza ta’ aġenti li jiżguraw evitar adegwat, jimminimizzaw l-esponiment ta’ l-ispeċi kkonċernata. l-organiżmi akkwatiċi u l-artropodi li ma jkunux fil-mira Jeħtieġ li tinżamm distanza adegwata bejn l-uċuħ trattati u l-ilmijiet tal-wiċċ, kif ukoll il-marġni tal-wiċċ tar-raba. Din id-distanza tista’ tkun tiddependi mill-applikazzjoni jew le ta’ metodi jew tagħmir li jnaqqsu t-tifrix aċċidentali; l-operaturi, li jeħtiġilhom jilbsu lbies protettiv adegwat, partikolarment l-ingwanti, il-coveralls, bwiez tal-lastku u t-tagħmir għall-protezzjoni tan-nifs waqt it-taħlit, it-tagħbija, l-applikazzjoni u t-tindif tat-tagħmir. Il-miżuri ta’ hawn fuq jeħtiġilhom jiġu applikati, sakemm l-esponiment għas-sustanza attiva ma jkunx adegwatament imbarra mid-disinn u l-kostruzzjoni tat-tagħmir innifsu, jew inkella bl-immuntar ta’ komponenti protettivi speċifiċi fuq it-tagħmir. PARTI B Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi ta’ l-Anness VI, il-konklużjonjiet tar-rapport tar-reviżjoni dwar l-azinphos-methyl, u b’mod partikolari għandhom jitqiesu l-Appendiċi I u II tiegħu. L-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw li d-detenturi ta’ l-awtorizzazzjonijiet jirrappurtaw sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena dwar l-inċidenzi ta’ problemi tas-saħħa fost l-operaturi. L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li jingħata tagħrif, bħal data dwar il-bejgħ u servej tax-xejriet ta’ l-użu, ħalli tkun tista’ tinkiseb stampa realistika tal-kundizzjonijiet ta’ l-użu u l-impatt tossikoloġiku possibbli tal-azinphos-methyl . L-Istati Membri għandhom jitolbu s-sottomissjoni ta’ iktar studji sabiex jikkonfermaw l-evalwazzjoni tar-riskju għall-għasafar , l-mammiferi, l-organiżmi akwatiċi u artropodi mhux fil-mira. Huma għandhom jaċċertaw lin-notifikanti li fuq talba tagħhom l-azinphos-methyl ġie inkluż f’dan l-Anness jipprovdu dawn l-istudji lill-Kummissjoni fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. |

[1] ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/119/KE (ĠU L 325, tad-12.12.2003, p. 41).

[2] ĠU L 366, 15.12.1992, p. 10. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 2266/2000 (ĠU L 259, 13.10.2000, p. 10).

[3] ĠU L 107, 28.4.1994, p. 8. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2230/95 (ĠU L 225, 22.9.1995, p. 1).

[4] L-Opinjoni tal-Bord Xjentifiku dwar is-Saħħa tal-Pjanti, il-Prodotti tal-protezzjoni tal-Pjanti u r-Residwi tagħhom fuq talba tal-Kummissjoni rigward l-evalwazzjoni ta’ l-azinphos-methyl fil-kuntest tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (Il-Ġurnal ta' l-EFSA (2003), 5, 1-20) adottat fit-3 Novembru 2003.

[5] Aktar dettalji dwar l-identità u l-speċifikazzjoni tas-sustanza attiva huma pprovduti fir-rapport tar-reviżjoni.

Top