Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006PC0154

    Proposta għal regolament tal-Kunsill dwar l-użu ta' speċijiet aljeni u assenti lokalment fl-akkwakultura {SEK(2006) 421}

    /* KUMM/2006/0154 finali - CNS 2006/0056 */

    52006PC0154

    Proposta għal regolament tal-Kunsill dwar l-użu ta' speċijiet aljeni u assenti lokalment fl-akkwakultura {SEK(2006) 421} /* KUMM/2006/0154 finali - CNS 2002/0056 */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 4.4.2006

    KUMM(2006) 154 finali

    2006/0056 (CNS)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    dwar l-użu ta' speċijiet aljeni u assenti lokalment fl-akkwakultura {SEK(2006) 421}

    (preżentata mill-Kummissjoni)

    MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

    1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

    - Il-bażi għall-proposta u l-għanijiet tagħha

    L-akkwakultura hija settur li qed jikber malajr, u li fih l-innovazzjoni u s-swieq ġodda qed jiġu esplorati. Sabiex il-produzzjoni tiġi adattata għall-kundizzjonijiet tas-suq, huwa importanti li l-industrija ta' l-akkwakultura tiddiversifika l-ispeċijiet li jitrabbew.

    Fl-imgħoddi, l-akkwakultura bbenefikat ekonomikament mill-introduzzjoni ta' speċijiet aljeni (eż. ir- rainbow trout, il-gajdra tal-Paċifiku) u mill-koltivazzjoni ta' speċijiet li ma jgħixux naturalment f'żona minħabba ostakli bijoġeografiċi. Għalhekk huwa probabbli li l-industrija ta' l-akkwakultura se tkompli tuża speċijiet ġodda sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet tas-suq. Għalhekk tkun ħaġa għaqlija li dan it-tkabbir ekonomiku ma jibqax marbut mat-theddid potenzjali għall-ekosistemi mill-ispeċijiet aljeni billi tiġi antiċipata u ma titħallhiex tirriżulta l-interazzjoni bijoloġika negattiva mal-popolazzjonijiet indiġeni, inkluż it-tibdil ġenetiku, u billi jiġu ristretti l-firxa ta' speċijiet mhux fil-mira u impatti negattivi oħra. Dan huwa l-għan ewlieni ta' din il-proposta.

    Wieħed għandu jqis li jeżisti kummerċ sinifikanti f'organiżmi aljeni, primarjament hut, bħala speċijiet ornamentali, iżda ż-żamma ta' dawn l-organiżmi fi ħwienet tal-petts, garden centres, u akkwarji kummerċjali u privati, m'hijiex koperta mill-Politika Komuni dwar is-Sajd, u għalhekk mhix fl-ambitu ta' din il-proposta.

    Speċijiet aljeni invażivi huma identifikati bħala waħda mill-kawżi ewlenin għat-telf fil-bijodiversità għall-UE u għad-dinja b'mod ġenerali. L-ispeċijiet aljeni jista' jkollhom ukoll impatti ekonomiċi u soċjali sinifikanti. Dan kollu jista' jhedded il-ksib ta' l-għanijiet ta' l-UE għall-iżvilupp sostenibbli. Fil-pjan ta' azzjoni tal-Bijodiversità għas-sajd ll- (COM(2001)162, Vol. IV), taħt l-Azzjoni IX dwar ''Limiting introduction of new species and securing animal health', il-Kummissjoni impenjat ruħha li tevalwa bir-reqqa l-impatt potenzjali ta' speċijiet mhux indiġeni fl-akkwakultura u li tippromwovi l-applikazzjoni tal-Kodiċi ta' Prassi dwar l-introduzzjoni u t-trasferiment ta' organiżmi tal-baħar tal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) u l-Kodiċi ta' Prassi u l-Manwal tal-proċeduri tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar is-Sajd Ewropew Intern sabiex jitqiesu l-introduzzjoni u t-trasferimenti ta' organiżmi tal-baħar u ta' l-ilma ħelu.

    Barra minn hekk, fl-istrateġija tagħha għall-iżvilupp sostenibbli ta' l-akkwakultura Ewropea (COM(2002) 511), il-Kummissjoni kkomettiet ruħha li tipproponi regoli ta' ġestjoni dwar l-introduzzjoni ta' speċijiet aljeni fl-akkwakultura. Din il-proposta għal Regolament tfittex li tintroduċi qafas ta' l-UE sabiex tiżgura protezzjoni adegwata fl-ambjent akkwatiku mir-riskji assoċjati ma' l-użu ta' speċijiet aljeni fl-akkwakultura, pass ieħor fuq ir-regoli volontarji ta' l-ICES u l-EIFAC. Għall-għan tar-Regolament, l-akkwakultura tinkludi l-attivitajiet bħalma huma l-koltivazzjoni tal-qiegħ tal-molluski u l-akkwakultura ta' stokkjar u ta' msajad artifiċjalment rinnovabbli, li jużaw it-tekniki ta' l-akkwakultura bħala l-bażi tagħhom.

    - Kuntest Ġenerali

    Il-ktieb 'Invasive aquatic species in Europe' (E. Leppäkoski et al, 2002) jelenka 69 speċi aljena li ġew introdotti fl-Ewropa għall-akkwakultura jew għall-istokkjar mill-ġdid mill-aħħar parti tas-Seklu 19. Minn dawn, 28 huma molluski bivalvi, 27 huma ħut, għaxra huma algi, tlieta huma molluski gastropodi, u waħda hija pjanta li twarrad. Tnejn minn dawn – ir- rainbow trout u l-gajdra tal-Paċifiku – huma fost l-ispeċijiet ewlenin fl-akkwakultura Ewropea llum, li jindika li l-introduzzjoni ta' speċijiet aljeni b'mod ikkontrollat tista' jkun benefika għall-industrija. Il-gajdra tal-Paċifiku issa tant hija mifruxa li hija responsabbli għal madwar 80% tal-produzzjoni dinjija tal-gajdri. Illum il-ġurnata, il-gajdra tal-Paċifiku qed tinxtered u f'ċerti nħawi qed ikollha tendenza li toħnoq l-irqajja' fejn jikbru l-molluski.

    Il-moviment ta' speċijiet mhux endemiċi jista' ħafna drabi jirriżulta fit-tixrid ta' parassiti u patoġeni. Pereżempju, l-isporozoan, Bonamia ostreae , li x-xjenzjati jaħsbu li ġie introdott fil-Komunità permezz tal-moviment ta' gajdri Ewropej mill-Kosta tal-Paċifiku ta' l-Amerika ta' Fuq, irriżulta fil-qerda kbira ta' l-istokkijiet endemiċi tal-gajdri fil-Komunità. Madankollu, il-frix tal-patoġeni diġa jaqa' fl-ambitu tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar is-saħħa ta' l-annimali u għalhekk mhux kopert b'din il-proposta. Bl-istess mod, il-parassiti li ma jaqgħux fl-ambitu tar-regoli dwar is-saħħa ta' l-annimali m'humiex koperti mir-regoli dwar l-ispeċijiet aljeni.

    Il-moviment tal-bivalvi jista' wkoll jirriżulta fi ħsara għall-ekosistemi minħabba l-firxa ta' speċijiet li jakkumpanjawhom li mhumiex fil-mira. Xi eżempji ta' pesti li mxew mal-gajdri jinkludu s-'slipper limpet' , Crepidula fornicata, u s-'sea squirt', Styela clava. Il-Komunità għandha x-xorti li dawn l-introduzzjonijiet fil-baħar u fl-ilma ħelu ma kkawżawx ħsara akbar, fid-dawl ta’ l-għadd ta’ ispeċijiet u l-postijiet ta' l-oriġni. Madankollu, ma jista' jkun hemm l-ebda lok biex wieħed iserraħ moħħu, u għalhekk l-introduzzjoni tar-regoli kurrenti hija f'waqtha.

    - Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

    Dispożizzjoni rilevanti f'dan il-qasam tal-liġi Komunitarja hija d-Direttiva 92/43/KE, id-Direttiva dwar il-Ħabitats, li tesiġi li l-Istati Membri "jassiguraw li l-introduzzjoni intenzjonata fis-selvaġġ ta' kwalunkwe speċi li ma hix endemika għat-territorju tagħhom tkun regolata b' mod illi ma tippreġudikax l-habitat naturali fil-firxa naturali tagħhom jew lill-fawna u l-flora selvaġġa u, jekk huma jqisu li jkun meħtieġ, għandhom jiprojbixxu din l-introduzzjoni." Madankollu, mhux ċar kif l-introduzzjoni aċċidentali mhux intenzjonata u l-introduzzjoni fl-ambjent mhux naturali huma koperti b'din il-leġiżlazzjoni.

    Filwaqt li teżisti l-possibbiltà ta' xi duplikazzjoni bejn il-miżuri amministrattivi meħuda skond id-Direttiva dwar il-Ħabitats u l-proposta l-ġdida għal Regolament, din mhix neċessarjament problema, għaliex it-tama hi li l-esperjenza miksuba bil-proċess preċedenti se ttejjeb it-twaqqif u t-tħaddim tas-sistema l-ġdida ta' permessi li teħtieġ din il-proposta għal Regolament.

    Leġiżlazzjoni Komunitarja oħra, bħalma huma d-Direttivi dwar l-evalwazzjoni ta' l-effetti ta' ċerti proġetti fuq l-ambjent (L-Evalwazzjoni ta' l-Impatt Ambjentali), is-saħħa ta' l-annimali għall-akkwakultura u l-qafas għall-azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta' l-ilma, ikopru l-effetti ta' ħsara ta' speċijiet aljeni iżda mhumiex speċifiċi għall-akkwakultura u jħallu lok għar-riskji ta' tixrid ta' speċijiet aljeni u l-ħsara ambjentali bil-konsegwenza ta' dan.

    - Konsistenza ma’ politika u għanijiet oħra ta' l-Unjoni

    Għar-raġunijiet t'hawn fuq, huwa konkluż li d-dispożizzjonijiet eżistenti mhumiex biżżejjed biex jirregolaw l-użu ta' l-ispeċijiet aljeni fl-akkwakultura bħalissa. Fi kwalunkwe każ, huwa propost li l-għoti tal-permessi taħt dan ir-regolament m'għandux ineħħi l-ħtieġa għall-konformità ma' kwalunkwe waħda mir-regoli eżistenti. Jekk qafas Komunitarju komprensiv għall-ispeċijiet aljeni kellu jiġi introdott fil-ġejjieni, dan ir-Regolament jiġi adattat, kif meħtieġ, għal dak il-qafas jew ikun inkorporat fih.

    Il-miżuri li fiha din il-proposta huma pass ewlieni fil-proċess ta' integrazzjoni tat-tħassib ambjentali fil-Politika Komuni dwar is-Sajd, f'konformità ma' l-Artikolu 6 tat-Trattat. F'dan il-kuntest, din il-proposta diġà ġiet antiċipata f'testi ta' politika speċifiċi adottati fil-kuntest tar-riforma tal-PKS (Politika Komuni dwar is-Sajd)[1].

    Il-proposta għal regolament timplimenta azzjonijiet previsti fl-Istrateġija tal-KE għall-Bijodiversità u fil-Pjan ta' Azzjoni ta' Bijodiversità għas-Sajd[2] u hija mistennija li tikkontribwixxi lill-għan tat-twaqqif tat-telfien tal-bijodiversità li ġie stipulat mis-Sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali u mill-Istrateġija tal-KE għall-Iżvilupp Sostenibbli. Se tikkontribwixxi wkoll għall-għan globali li jitnaqqas b'mod sinifikanti t-telfien tal-bijodiversità kif stabbilit taħt il-Pjan ta' Implimentazzjoni tas-Samit Dinji għall-Iżvilupp Sostenibbli.

    Barra minn hekk, dawn il-miżuri huma konsistenti mal-Prinċipji ta' Gwida għall-prevenzjoni, l-introduzzjoni u l-mitigazzjoni ta' l-impatti ta' l-ispeċijiet aljeni li jheddu lill-ekosistemi, lill-ħabitats, jew lill-ispeċijiet, adottati fid-Deċiżjoni VI/23 tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, li għaliha hija Parti Kontraenti l-Komunità Ewropea. Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati u l-valutazzjoni ta' l-impatt

    - Konsultazzjoni ma' partijiet interessati

    Il-metodi ta' konsultazzjoni, is-setturi fil-mira ewlenin u profil ġenerali ta’ min wieġeb

    Saret konsultazzjoni formali ma' grupp espert ta' 46 ruħ jirrappreżentaw lill-Istati Membri (15-il espert tal-gvern mill-UE15 u sebgħa mill-UE10); iż-ŻEE-EFTA (tliet esperti tal-gvern), l-industrija (sitta nnominati mill-Grupp ta' Ħidma dwar l-Akkwakultura tal-Kumitat Konsultattiv għas-Sajd u l-Akkwakultura), l-NGOs (żewġ persuni mir-Renju Unit u persuna mill-Olanda) u l-ICES (ħames persuni b'esperjenza tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Introduzzjonijiet u t-Trasferimenti), l-EIFAC (espert wieħed), in-NASCO (wieħed mill- head office u wieħed mill-grupp ta' komunikazzjoni industrijali) flimkien ma erba' esperti oħra mis-settur privat. Laqgħa ta' jum ma' dan il-grupp seħħet fi Brussell f'Diċembru 2003, sabiex isir dibattitu dwar dokument għad-diskussjoni li ġie ċċirkolat minn qabel u sabiex tinstema’ sensiela ta' preżentazzjonijiet mill-esperti tas-settur privat. Kummenti bil-miktub fuq il-leġiżlazzjoni abbozzata intlaqgħu matul l-2004 u l-2005. Il-proposta ġiet ippreżentata u diskussa fi tliet okkażjonijiet fl-2004/5 fil-Grupp ta' Ħidma dwar l-Akkwakultura tal-Kumitat Konsultattiv għas-Sajd u l-Akkwakultura.

    Sommarju tat-tweġibiet u kif dawn ġew ikkunsidrati

    Il-pjan inizzjali kien li jiġu inkorporati fil-proposta miżuri sabiex is-salamun imrobbi jinżamm għalih. Peress li l-linji ta' gwida NASCO f'dan il-qasam qed jiġu evalwati fid-dawl ta' l-esperjenza u l-progress xjentifiku, it-tweġibiet talbu li dan l-aspett jiġi ttrattat b'mod separat, u mhux bħala parti mil-leġiżlazzjoni dwar l-ispeċijiet aljeni. Għalhekk tqies xieraq li ma jibqgħux fil-proposta kurrenti. Dawk li ġew ikkonsultati, minbarra l-NGOs, kienu tal-parir li ma tintużax strateġija ċċentralizzata u iebsa żżejjed, u l-proposta ġiet immodifikata sabiex tingħaraf il-kompetenza ta' l-Istati Membri f'dan il-qasam. Min-naħa l-oħra, kien hemm sejħa għal linji ta' gwida armonizzati għall-applikazzjoni, l-evalwazzjoni tar-riskju u l-istadji tal-kwarantina, u dawn ġew ipprovduti sabiex tkun permessa l-applikazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni madwar l-Istati Membri. Il-proposta, fil-parti l-kbira, hija bbażata fuq dawn l-opinjonijiet.

    - Ġbir u użu ta' għarfien espert

    Oqsma xjentifiċi/ ta' għarfien espert ikkonċernati

    L-oqsma tal-bijoloġija u l-ekoloġija ta' l-ilma baħar u ta' l-ilma ħelu u t-teknoloġija ta' l-akkwakultura kienu inklużi.

    Il-metodoloġija użata

    Laqgħa formali tal-partijiet interessati wara ċ-ċirkolazzjoni ta' dokument ta' diskussjoni. Konsultazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv għas-Sajd u l-Akkwakultura u żewġ fażijiet ta' segwitu ta' konsultazzjonijiet bl-email dwar l-abbozzi tat-testi.

    Organizzazzjonijiet/esperti ewlenin ikkonsultati

    i) Organizzazzjonijiet Internazzjonali bħalma huma l-ICES, l-EIFAC u n-NASCO;

    ii) korpi speċjalizzati ta' riċerka bħalma huma l-Investigazzjonijiet dwar l-Organiżmi tal-Baħar u l-Istitut Internazzjonali tas-Sajd ta' Hull;

    iii) esperti individwali mill-amministrazzjonijiet ta' l-Istati membri, l-industrija ta' l-akkwakultura u l-NGOs.

    Sommarju tal-pariri li ġew irċevuti u użati

    Il-konklużjoni ewlenija hija li jeżisti kunsens wiesa' dwar l-eżistenza ta' riskji li huma potenzjalment serji b'konsegwenzi irreversibbli. Aspetti tekniċi aktar konkreti jinkludu:

    Iż-żamma apparti ta' l-ispeċijiet għandha tiġi ttrattata b'mod separat. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lid-definizzjonijiet, speċjalment sabiex issir distinzjoni bejn speċijiet li huma endemiċi u dawk li m'humiex. L-istokkjar ibbażat fuq l-akkwakultura u l-akkwakultura klassika għandu jkun kopert minn din il-leġiżlazzjoni. Strateġija ta' evalwazzjoni tar-riskju li tinkorpora kontro-miżuri u miżuri protettivi għandha tiġi inkluża fil-proċedura, u għandha tispeċifika min għandu jwettaq u min għandu janalizza l-evalwazzjoni tar-riskju. Ir-regolament m'għandux ikun preskrittiv iżżejjed, sabiex il-ġestjoni dettaljata titħalla f'idejn l-Istati Membri. Hemm il-ħtieġa li jiġi żviluppat l-għarfien espert Ewropew dwar l-istazzjonijiet ta' kwarantina. Il-GMOs għandhom jiġu inklużi, u t-triplojdi m'għandhomx jitqiesu bħala innokwi. Il-proposta hija bbażata fil-biċċa l-kbira fuq dawn l-opinjonijiet, iżda l-GMOs ġew esklużi mill-ambitu peress li diġà huma koperti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja eżistenti u li qed tiżviluppa fil-qasam.

    Mezzi użati sabiex il-pariri esperti jsiru disponibbli pubblikament

    Il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-partijiet interessati ġew ippreżentati lill-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sajd u l-Akkwakultura, il-Grupp ta' Ħidma II, l-Akkwakultura; il-minuti tad-diskussjonijiet tagħhom huma disponibbli fuq il-websajt tas-Sajd. Matul l-iskambju ta' emails, il-biċċa l-kbira tal-messaġġi ntbagħtu lill-partijiet ikkonsultati kollha mingħajr twissija dwar it-tqassim ristrett.

    - Evalwazzjoni ta' impatt

    Minn fost l-għażliet varji li ġew eżaminati fl-evalwazzjoni ta' impatt, jidher li l-proposta preżenti hija preferibbli mill-għażla li l-leġiżlazzjoni ma tiġix applikata lil movimenti fi ħdan il-Komunità iżda li ssir distinzjoni bejn l-introduzzjonijiet, li japplikaw għal speċijiet aljeni, u t-trażlokazzjonijiet, li japplikaw għal speċijiet li huma lokalment assenti mill-firxa ta' distribuzzjoni tagħhom għal raġunijiet bijoġeografiċi. L-industrija kkummentat li l-ispejjeż ta' finanzjament ta' l-applikazzjoni, l-evalwazzjoni tar-riskju u l-kwarantina jipprekludu applikazzjonijiet futuri għall-introduzzjoni ta' speċijiet aljeni. Filwaqt li jitqies dan, il-proposta ma tesiġix li l-ispejjeż marbuta ma' l-evalwazzjoni tar-riskju bilfors jaqgħu fuq l-applikant fil-każijiet kollha (ara l-Artikolu 9(1)). Kif intqal aktar 'il fuq, proporzjon kbir tal-prassi attwali fil-qasam ta' l-akkwakultura hija bbażata fuq speċijiet aljeni ( rainbow trout , gajdra tal-paċifiku, karpjun) u l-operaturi jistgħu jingħaqdu sabiex jaqsmu l-ispejjeż marbuta mal-ksib ta' l-informazzjoni meħtieġa kemm biex titfassal l-applikazzjoni, u fejn hu applikabbli, għall-analiżi tar-riskju. Il-proposta tipprevedi wkoll il-ħruġ ta' permessi għall-movimenti suċċessivi f'perjodu sa ħames snin, li jissimplifika kemm l-ispejjeż kif ukoll il-proċeduri.

    Sabiex tiġi segwita l-prassi attwali ta' l-UE fir-rigward ta' l-analiżi tar-riskju, ġie deċiż li l-funzjoni ta' l-evalwazzjoni tar-riskju (kumitat konsultattiv) tiġi sseparata mill-funzjoni tal-ġestjoni tar-riskju (awtorità kompetenti). Għal din ir-raġuni, l-għażla oriġinali li ż-żewġ funzjonijiet jiġu kkombinati ma' l-awtorità kompetenti ma tressqitx. L-evalwazzjoni ta' l-impatt indirizzat il-kwistjoni dwar jekk il-proposta kenitx prematura, peress li l-Konvenzjoni Internazzjonali ta' l-IMO dwar l-ilma tas-saborra – li ġiet miftiehma fi Frar 2004 – tkopri wkoll il-problema ta' speċijiet aljeni. Fid-dawl ta' l-inċertezza tad-data tad-dħul fis-seħħ ta' din il-konvenzjoni, in-natura tar-riskji assoċjati ma' l-ispeċijiet aljeni, u filwaqt li jitqies il-prinċipju ta' prekawzjoni, ġie konkluż li ma kienx prematur li wieħed jipproċedi.

    3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

    - L-azzjoni proposta fil-qosor

    L-għan tal-leġiżlazzjoni proposta hekk kif inhi fformulata bħalissa huwa li jintlaħaq il-bilanċ korret fir-rigward tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Id-deċiżjonijiet jitħallew f'idejn l-Istati Membri, li jkunu jistgħu jevalwaw, taħt kundizzjonijiet meħtieġa, ir-riskji assoċjati mal-proposti għall-introduzzjonijiet. L-applikanti huma obbligati li jippreżentaw applikazzjoni li tagħti lill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri biżżejjed informazzjoni biex jagħmlu ġudizzju. L-informazzjoni fl-applikazzjoni, li hija obbligatorja fil-każijiet kollha, hija komprensiva biżżejjed sabiex tippermetti l-evalwazzjoni dwar jekk il-moviment ikunx wieħed ta' rutina jew le. Tipprovdi wkoll biżżejjed kriterji sabiex tintlaħaq deċiżjoni fuq il-livell ta' l-Istati Membri dwar jekk evalwazzjoni tar-riskji ambjentali (ERA) hix meħtieġa u min se jkun involut fit-twettiq ta' din l-evalwazzjoni. L-evalwazzjoni ta' l-ERA mlestija, imbagħad iservu ta' bażi biex fuqhom issir id-deċiżjoni dwar jekk għandux jinħareġ permess jew le. F'każijiet fejn moviment jista' jaffettwa Stat Membru ieħor, "proċedura Komunitarja" tippermetti lill-Kummissjoni tikkonsulta lil Stati Membri oħra u lil kumitati rilevanti. F'dan il-każ il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tikkonferma, tħassar jew temenda d-deċiżjoni fi żmien sitt xhur. Il-proposta tislet mhux ftit mill-Kodiċi volontarji eżistenti ta' l-ICES/EIFAC u mill-Kodiċi Nazzjonali Kanadiż dwar l-Introduzzjonijiet u t-trasferimenti ta' organiżmi akkwatiċi li jiżviluppaw il-kodiċi ICES b'mod sinifikanti. Ma teskludix l-applikazzjoni volontarja tal-kodiċi ICES/EIFAC fuq il-livell ta' l-Istati Membri.

    - Il-bażi legali

    L-Artikolu 37 tat-Trattat jitqies bħala l-bażi legali, minħabba l-ispeċifiċità ta' l-attivitajiet ta' akkwakultura u l-għanijiet ta' konservazzjoni tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin fi ħdan il-Politika Komuni dwar is-Sajd (l-Artikoli 1(1) u 1(2)(a) u (f) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002[3])

    - Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

    Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika sakemm il-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità.

    Kif intqal hawn fuq, din il-proposta taqa’ fl-ambitu tal-Politika Komuni dwar is-Sajd, li hija l-kompetenza esklussiva tal-Komunità. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

    - Il-prinċipju tal-proporzjonalità

    Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġuni(jiet) li ġejjin.

    - Wieħed mill-messaġġi qawwija li ttieħed mil-laqgħa Konsultattiva ta' Diċembru 2003 kien marbut mal-ħtieġa għall-proporzjonalità u l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni l-ġdida se tintlaqa' mill-industrija u mhux titqies biss bħala piż leġiżlattiv ieħor li ma jaħdimx. Minflok ma tfittex l-eħfef soluzzjoni għall-projbizzjoni ta' l-użi kollha ta' l-ispeċijiet aljeni, il-proposta tfittex bilanċ bejn il-ħarsien ambjentali u l-ħtiġijiet ta' l-industrija ta' l-akkwakultura.

    - Il-proposta tirrifletti distribuzzjoni ġusta tal-piż finanzjarju u amministrattiv bejn l-atturi kollha.

    - L-għażla ta' l-istrumenti

    Il-leġiżlazzjoni hija proposta fil-forma ta' Regolament. Minkejja li Direttiva wkoll tkun possibbli fil-prinċipju, inħass li fid-dawl tan-natura dinamika tas-settur ta' l-akkwakultura jeżisti interess komuni li regoli dettaljati jiġu preskritti fil-forma ta' Regolament minflok ma jiġi stabbilit l-obbligu ta' riżultat aħħari.

    4. IMPATT FUQ IL-BAġIT

    Ir-Regolament jista' jkollu xi implikazzjonijiet f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħin li jeħtieġ l-istaff sabiex isiru l-applikazzjonijiet għall-movimenti prospettivi ta' speċijiet aljeni u f'termini tar-riżorsi meħtieġa għall-konsultazzjoni ta' l-iSTECF u l-Kumitat Konsultattiv għas-Sajd u l-Akkwakultura, iżda dan huwa xogħol ta' rutina għal dawn il-kumitati.

    2006/0056 (CNS)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    dwar l-użu ta' speċijiet aljeni u assenti lokalment fl-akkwakultura

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 37 tiegħu,

    Wara li kkunsidra il-proposta mill-Kummissjoni[4],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[5],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[6],

    Billi:

    (1) Skond l-Artikolu 6 tat-Trattat, ir-rekwiżitii tal-ħarsien ta' l-ambjent iridu jkunu integrati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika u l-attivitajiet Komunitarji, partikolarment bil-għan li jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli.

    (2) L-akkwakultura hija settur li qed jikber malajr, fejn l-innovazzjoni u swieq ġodda qed jiġu esplorati. Sabiex il-produzzjoni tiġi adattata għall-kundizzjonijiet tas-suq, huwa importanti li l-industrija ta' l-akkwakultura tiddiversifika l-ispeċijiet li jitrabbew.

    (3) L-akkwakultura fl-imgħoddi bbenefikat ekonomikament mill-introduzzjoni ta' speċijiet aljeni u t-trażlokazzjoni ta' speċijiet li huma lokalment assenti (pereżempju r- rainbow trout , il-gajdra tal-Paċifiku u s-salamun) u l-għan politiku għall-ġejjieni huwa li jinkisbu kemm jista' jkun il-benefiċċji marbuta ma' l-introduzzjonijiet u t-trażlokazzjonijiet filwaqt: li jiġu evitati t-tibdil fl-ekosistemi, li ma jitħallewx iseħħu interazzjonijiet bijoloġiċi negattivi, inklużi t-tibdil ġenetiku, ma' popolazzjonijiet indiġeni u li jiġu ristretti t-tixrid ta' speċijiet mhux fil-mira u l-impatti negattivi fuq il-ħabitats naturali.

    (4) Speċijiet aljeni invażivi ġew identifikati bħala waħda mil-kawżi ewlenin tat-telfien tal-bijodiversità. Skond l-Artikolu 8(h) tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (is-CBD), li għaliha l-Komunità hija Parti Kontraenti, il-Partijiet huma meħtieġa, kemm jista' jkun u kif inhu xieraq, li jipprevjenu l-introduzzjoni ta', jikkontrollaw jew jeqirdu dawk l-ispeċijiet aljeni li jheddu lill-ekosistemi, l-ħabitats jew l-ispeċijiet. B'mod partikolari, il-Konferenza tal-Partijiet tas-CBD adottat id-Deċiżjoni VI/23 dwar l-ispeċijiet aljeni li jheddu lill-ekosistemi, l-ħabitats jew l-ispeċijiet, u l-anness tagħha jistipula l-Prinċipji ta' Gwida għall-prevenzjoni, l-introduzzjoni u l-mitigazzjoni ta' l-impatti ta' speċijiet aljeni bħal dawn. (ara: http://www.biodiv.org/decisions/default.aspx?m=COP-06&id=7197&lg=0).

    (5) It-trażlokazzjoni ta' speċijiet minn żoni fil-firxa naturali tagħhom għal żoni fejn huma lokalment assenti għal raġunijiet bijo-ġeografiċi speċifiċi jista’ wkoll iwassal għal riskju għall-ekosistemi li ġew stabbiliti f'dawn iż-żoni u għandhom ukoll ikunu koperti minn dan ir-Regolament.

    (6) Il-Komunità għalhekk għandha tiżviluppa l-qafas tagħha sabiex tiżgura protezzjoni adegwata ta' l-ambjent akkwatiku mir-riskji assoċjati ma' l-użu ta' speċijiet mhux endemiċi fl-akkwakultura. Dan il-qafas għandu jinkludi proċeduri għall-analiżi tar-riskji potenzjali, l-istabbiliment ta' miżuri msejsa fuq il-prinċipji ta' prevenzjoni u prekawzjoni u l-adozzjoni ta' pjanijiet ta' kontinġenza fejn ikunu meħtieġa. Dawn il-proċeduri għandhom ikunu bbażati fuq l-esperjenza miksuba permezz tal-oqfsa volontarji eżistenti, u notevolment il-Kodiċi ta' Prattika tal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) dwar l-Introduzzjonijeit u t-Trasferimenti ta' Organiżmi tal-Baħar u l-Kodiċi ta' Prattika tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar is-Sajd Intern Ewropew sabiex jitqiesu l-introduzzjoni u t-trasferiment ta' organiżmi tal-baħar u ta' l-ilma ħelu.

    (7) Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament m'għandhomx jippreġudikaw id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-ħabitats naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa[7], id-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta' Ġunju 1985 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent[8], id-Direttiva tal-Kunsill 2006/XX/KE dwar ir-rekwiżiti tas-saħħa għall-annimali ta' l-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni ta' ċertu mard fl-annimali akkwatiċi[9] u d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta' l-ilma[10].

    (8) Ir-riskji potenzjali, li f'xi każijiet jistgħu ikunu fuq skala ġeografika kbira, għall-bidu huma aktar evidenti f'żoni lokali. Il-karatteristiċi ta' ambjenti akkwatiċi lokali madwar il-Komunità jistgħu ikunu varjati u l-Istati Membri għandhom l-għarfien li jixraq, is-sistemi ta' sorveljanza u l-esperjenza li jevalwaw u li jimmaniġġjaw ir-riskji li jiffaċċaw l-ambjenti akkwatiċi li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġuriżdizzjoni tagħhom. Huwa għalhekk xieraq li l-implimentazzjoni tal-miżuri previsti f'dan ir-Regolament taqa' prinċipalment taħt ir-responsabbiltà ta' l-Istati Membri.

    (9) Madankollu, f'każijiet fejn ir-riskji mhumiex negliġibbli u jistgħu jaffettwaw lil Stati Membri oħra għandu jkun hemm sistema Komunitarja għall-konsultazzjoni tal-partijiet interessati u l-validazzjoni tal-permessi qabel ma jingħataw mill-Istati Membri. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) stabbilit taħt l-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta' l-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd[11] għandu jipprovdi l-pariri xjentifiċi f'din il-konsultazzjoni u l-Kumitat Konsultattiv għas-Sajd u l-Akkwakultura imwaqqaf mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/478/KEE[12] għandu jagħti l-parir ta' partijiet interessati fil-qasam ta' l-akkwakultura u l-protezzjoni ambjentali.

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Kapitolu I Suġġett, ambitu u definizzjonijiet

    Artikolu 1 Is-Suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas li jirregola l-prassi fl-akkwakultura fir-rigward ta' l-ispeċijiet aljeni u lokalment assenti sabiex jiġi evalwat u mnaqqas kemm jista' jkun l-impatt possibbli fuq l-ambjent akkwatiku u b'dan il-mod jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli tas-settur.

    Artikolu 2 Ambitu

    1. Dan ir-Regolament għandu japplika għall-introduzzjoni ta' speċijiet aljeni u għat-trażlokazzjonijiet ta' speċijiet li huma lokalment assent għall-użu tagħhom fl-akkwakultura fil-Komunità.

    2. Dan ir-Regolament m'għandux japplika għal trażlokazzjonijiet ta' organiżmi akkwatiċi fi ħdan Stat Membri, minbarra:

    a) trażlokazzjonijiet lejn, minn jew bejn it-territorji mhux Ewropewj ta' Stat Membru;

    b) trażlokazzjonijiet li jseħħu bejn ilmijiet f'ekoreġjuni differenti kif inhu definit fl-Anness II għad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta' l-ilma[13], u

    c) każijiet fejn, abbażi tal-pariri xjentifiċi, jeżistu raġunijiet għat-tbassir ta' theddid ambjentali minħabba fit-trażlokazzjoni.

    3. B'deroga mill-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li dan ir-Regolament japplika għal trażlokazzjonijiet fi ħdan it-territorju tagħhom f'każijiet oħra wkoll.

    4. Dan ir-Regolament għandu jkopri l-faċilitajiet kollha ta' l-akkwakultura li jinsabu fil-ġuriżdizzjoniji ta' l-Istati Membri, ikunu xi jkunu l-kobor jew il-karatteristiċi jew l-ispeċijiet ta' organiżmi akkwatiċi li jitrabbew. Għandu jkopri l-akkwakultura li tuża kwalunkwe forma ta' mezz akwatiku.

    5. Dan ir-Regolament m'għandux japplika għat-trobbija ta' annimali jew pjanti akkwatiċi ornamentali fi ħwienet tal-pets, garden centres jew akkwarji li ma jiġux f'kuntatt dirett ma' ilmijiet naturali fil-Komunità jew f'faċilitajiet li huma mgħammra b'sistemi tat-trattament ta' l-iskart li jissodisfaw l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1.

    Artikolu 3Definizzjonijiet

    Għall-iskop ta' dan ir-Regolament id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

    (1) 'l-akkwakultura' tfisser it-trobbija jew il-kultura ta' organiżmi akkwatiċi permezz ta' tekniki maħsuba sabiex tiżdied il-produzzjoni ta' l-organiżmi kkonċernati tiżdied aktar milli jiflaħ l-ambjent b'mod naturali, fejn l-organiżmi jibqgħu il-proprjetà ta' persuna naturali jew legali matul l-istadju ta' trobbija jew kultura, sa u bl-inklużjoni ta' l-istadju tal-qbid;

    (2) 'faċilità miftuħa ta' l-akkwakultura' tfisser faċilità fejn l-akkwakultura sseħħ f'mezz li mhux separat mill-mezz akwatiku naturali permezz ta' ostakli impenetrabbli li ma jħallux li eżemplari mrobbija jew materjali bijoloġiċi li jistgħu jibqgħu ħajjin, jaħarbu u sussegwentement jirriproduċu;

    (3) 'faċilità magħluqa ta' l-akkwakultura' tfisser faċilità fejn l-akkwakultura sseħħ f'mezz li hu separat mill-mezz akwatiku naturali permezz ta' ostakli impenetrabbli li ma jħallux li eżemplari mrobbija jew materjali bijoloġiċi li jistgħu jibqgħu ħajjin, jaħarbu u sussegwentement jirriproduċu;

    (4) 'organiżmi akkwatiċi' tfisser kwalunkwe ħaġa akkwatika ħajja li hija parti mir-Renji ta' l-Animalia, il-Plantae u l-Protista, li jinkludu kwalunkwe parti, gameti, żrieragħ, bajd jew propaguli ta' l-individwi li jistgħu jibqgħu jgħixu u sussegwentament jirriproduċu;

    (5) ‘organiżmi poliplojdi’ tfisser organiżmi akkwatiċi li fihom in-numru ta' kromożomi fiċ-ċelloli ikun inbidel permezz ta' tekniki ta' manipulazzjoni taċ-ċelloli;

    (6) 'speċi aljena' tfisser:

    (a) speċi, sottospeċi jew grupp tassonomiku baxx ta' organiżmu akkwatiku li jinsab barra mill-firxa naturali magħrufa tiegħu u ż-żona potenzjali ta' tixrid b'riżultat ta' introduzzjoni apposta jew aċċidentali mill-bnedmin;

    (b) organiżmi poliplojdi, ikunu xi jkunu l-firxa naturali jew il-potenzjal ta' tixrid tagħhom;

    (7) 'speċi lokalment assenti' tfisser speċi jew sottospeċi ta' organiżmu akkwatiku li hi lokalment assenti minn żona fi ħdan il-firxa naturali ta' distribuzzjoni għal raġunijiet bijoġeografiċi;

    (8) 'speċi mhux fil-mira' tfisser kwalunkwe speċi jew sottospeċi ta' organiżmu akkwatiku li jiġi mċaqlaq aċċidentalment flimkien ma organiżmu akkwatiku li qed jiġi introdott jew trażlokat;

    (9) 'moviment' tfisser introduzzjoni u/jew trażlokazzjoni;

    (10) 'introduzzjoni' tfisser il-proċess li bih speċi aljena tiġi mċaqilqa intenzjonalment sabiex tintuża fl-akkwakultura;

    (11) 'trażlokazzjoni' tfisser il-proċess li bih organiżmu akkwatiku jiġi mċaqlaq intenzjonalment fi ħdan il-firxa naturali tiegħu sabiex jintuża fl-akkwakultura għal żona fejn ma kienx jeżisti qabel minħabba f'raġunijiet ġeografiċi;

    (12) 'rilaxx pilota' tfisser ir-rilaxx ta' organiżmi akkwatiċi fuq skala limitata għall-evalwazzjoni ta' l-interazzjoni ekoloġika ma' speċijiet endemiċi u ħabitats sabiex jiġu ttestjati l-assunzjonijiet ta' l-evalwazzjoni tar-riskju;

    (13) 'applikant' tfisser il-persuna naturali jew legali jew l-entità li tipproponi li tintroduċi jew li tittrażloka organiżmu akkwatiku;

    (14) 'kwarantina' tfisser proċess li bih l-organiżmi akkwatiċi jew kwalunkwe wieħed mill-organiżmi assoċjati jista' jinżamm f'iżolament totali mill-ambjent ċirkondanti;

    (15) 'faċilità ta' kwarantina' tfisser faċilità li fiha l-organiżmi akkwatiċi jew kwalunkwe wieħed mill-organiżmi assoċjati jista' jinżamm f'iżolament totali mill-ambjent ċirkondanti;

    (16) 'moviment ta' rutina' tfisser il-moviment minn sors magħruf ta' organiżmi akkwatiċi li huma kklassifikati bħala ta' riskju baxx, wara esperjenza twila fi Stat Membri li ma turi l-ebda effetti ekoloġiċi negattivi u li mhux meqjus li tista' taffetwa lil Stati Membri oħra;

    (17) 'moviment mhux ta' rutina' jfisser kwalunkwe moviment ta' organiżmi akkwatiċi li ma jissodisfax il-kriterji għall-moviment ta' rutina;

    (18) 'Stat Membru li jirċievi' tfisser l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tiġi introdotta l-ispeċi aljena jew li fih tiġi ttrażlokata l-ispeċi li hi lokalment assenti;

    (19.) 'Stat Membru li jibgħat' tfisser l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jiġu introdotti l-ispeċijiet aljeni jew li fih jiġu ttrażlokati l-ispeċijiet li huma lokalment assenti.

    Kapitolu IIObbligi ġenerali ta' l-Istati Membri

    Artikolu 4Miżuri sabiex jiġu evitati l-effetti negattivi

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu l-miżuri xierqa kollha sabiex jiġu evitati l-effetti negattivi għall-bijodiversità, u speċjalment għall-funzjonijiet ta' l-ispeċijiet, il-ħabitats u l-ekosistemi li jistgħu iqumu mill-introduzzjoni jew it-trażlokazzjoni ta' organiżmi akkwatiċi u speċijiet mhux fil-mira fl-akkwakultura u mit-tixrid ta' dawn l-ispeċijiet fl-ambjent naturali.

    Artikolu 5Korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet u korpi konsultattivi

    L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw l-awtorità kompetenti responsabbli sabiex jiżguraw konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament ('l-awtorità kompetenti'). Kull awtorità kompetenti għandha taħtar kumitat konsultattiv sabiex jgħina, u dan għandu jinkludi esperti bijoloġiċi u ekoloġiċi ('il-kumitat konsultattiv').

    Kapitolu III Permessi

    Artikolu 6Permess

    1. Kwalunkwe persuna li biħsiebha tintroduċi jew tittrażloka organiżmu akkwatiku għandha tapplika għal permess mill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li jirċievi. Jistgħu jitressqu applikazzjonijiet għal movimenti multipli li għandhom iseħħu matul perjodu li mhux itwal minn ħames snin.

    2. Ma' l-applikazzjoni, l-applikant għandu jippreżenta l-informazzjoni elenkata fl-Anness I. Il-kumitat konsultattiv għandu jagħti opinjoni dwar jekk l-applikazzjoni fihiex l-informazzjoni kollha meħtieġa u għalhekk hix ammissibbli u għandu jinforma lill-awtorità kompetenti.

    Artikolu 7It-tip ta' moviment propost

    Il-kumitat konsultattiv għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar jekk il-moviment propost hux rutina jew le u jekk qabel il-moviment għandux ikun hemm kwarantina jew rilaxx pilota u għandu jinforma lill-awtorità kompetenti.

    Artikolu 8Moviment ta' rutina

    Fil-każ ta' movimenti ta' rutina, l-awtorità kompetenti tista' tagħti permess, fejn tindika, meta dan ikun meħtieġ, ir-rekwiżit għall-kwarantina jew ir-rilaxx pilota kif inhu stabbilit fil-Kapitoli IV u V.

    Artikolu 9Moviment mhux ta' rutina

    1. Fil-każ ta' movimenti mhux ta' rutina, evalwazzjoni tar-riskju ambjentali għandha ssir kif jidher fil-qosor fl-Anness II. L-awtorità kompetenti għandha tiddeċiedi jekk l-applikant jew korp indipendenti hux responsabbli għat-twettiq ta' l-evalwazzjoni tar-riskju ambjentali u min għandu jħallas l-ispejjeż.

    2. Abbażi ta' l-evalwazzjoni tar-riskju ambjentali, il-kumitat konsultattiv għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar ir-riskju lill-awtorità kompetenti, permezz tal-formola ta' rapport imqassar li tidher fl-Anness II, Parti 3. Jekk il-kumitat konsultattiv jsib li r-riskju huwa baxx, l-awtorità kompetenti tista' tagħti permess mingħajr formalitajiet ulterjuri.

    3. Jekk il-kumitat konsultattiv isib li r-riskju assoċjat mal-moviment propost ta' l-organiżmi akkwatiċi huwa għoli jew medju, għandu jeżamina l-applikazzjoni b'konsultazzjoni ma' l-applikant sabiex jara jekk humiex disponibbli proċeduri jew teknoloġiji ta' mitigazzjoni sabiex il-livell ta' riskju jitnaqqas għal wieħed baxx. Il-kumitat konsultattiv għandu jressaq ir-riżultati ta' l-evalwazzjoni tiegħu lill-awtorità kompetenti, bid-dettalji tal-livell ta' riskju u bi speċifikazzjoni tar-raġunijiet għal kwalunkwe tnaqqis fir-riskju fil-formola speċifikata fl-Anness II, Parti 3.

    4. L-awtorità kompetenti tista' toħroġ permessi biss għal movimenti mhux ta' rutina f'każijiet fejn l-evalwazzjoni ta' riskju, inklużi kwalunkwe miżuri ta' mitigazzjoni juru riskju baxx għall-ambjent. Kwalunkwe rifjut ta' permess irid ikun ġustifikat għal raġunijiet xjentifiċi.

    Artikolu 10Perjodu ta' deċiżjoni

    1. L-applikant għandu jkun infurmat bil-miktub dwar id-deċiżjoni li jinħareġ jew li jiġi rrifjutat permess fi żmien raġjonevoli u jkun xi jkun il-każ mhux aktar tard minn sena wara d-data ta' preżentazzjoni ta' l-applikazzjoni.

    2. L-Istati Membri li huma firmatarji ta' l-ICES jistgħu jitolbu li l-applikazzjonijiet u l-evalwazzjonijiet ta' riskju dwar organiżmi tal-baħar jiġu riveduti mill-ICES qabel ma tinħareġ l-opinjoni mill-kumitat konsultattiv. F'każijiet bħal dawn għandu jkun permess perjodu addizzjonali ta' sitt xhur.

    Artikolu 11Movimenti li jaffettwaw lil Stati Membri oħra

    1. Fejn il-potenzjal jew l-effetti ambjentali magħrufa ta' moviment propost ta' organiżmu jistgħu jaffettwaw Stati Membri oħra, l-awtorità kompetenti għandha tgħarraf lill-Istat Membru jew l-Istati kkonċernati u lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li toħroġ permess billi tibgħat abbozz ta' deċiżjoni, flimkien ma memorandum ta' spjegazzjoni u sintezi ta' l-evalwazzjoni tar-riskju ambjentali kif speċifikat fl-Anness II, Parti 3.

    2. Fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika, l-Istati Membri l-oħra kkonċernati jistgħu jressqu kummenti bil-miktub lill-Kummissjoni.

    3. Fi żmien sitt xhur mid-data tan-notifika, il-Kummissjoni għandha, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku dwar is-Sajd (STECF), stabbilit skond l-Artikolu 33 tar-Regolament 2371/2002 u l-Kumitat Konsultattiv għas-Sajd u l-Akkwakultura, stabbilit mid-Deċiżjoni 1999/478/KEE[14], tikkonferma, tħassar jew temenda d-deċiżjoni proposta li jinħareġ permess.

    4. Fi żmien tletin jum mid-data tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jirreferu dik id-deċiżjoni lill-Kunsill. Fi żmien perjodu ulterjuri ta' 30 jum, il-Kunsill, b'maġġoranza kkwalifikata, jista' jieħu deċiżjoni differenti.

    Artikolu 12Irtirar ta' permess

    L-Awtorità Kompetenti tista' fi kwalunkwe ħin, tirtira l-permess jekk iseħħu avvenimenti b'effetti negattivi fuq l-ambjent jew fuq il-popolazzjonijiet endemiċi.

    Kapitolu IVKundizzjonijiet għall-introduzzjoni wara l-ħruġ ta' permess

    Artikolu 13Konformità ma' dispożizzjonijiet Komunitarji oħra

    Wara li jinħareġ permess skond dan ir-Regolament, l-introduzzjoni tista' sseħħ biss jekk ikunu nkisbu permessi oħra meħtieġa skond il-liġi Komunitarja u jekk ikunu ġew sodisfatti kundizzjonijiet oħra stipulati taħt ir-regoli Komunitarji, u b'mod partikolari:

    a) il-kundizzjonijiet tas-saħħa ta' l-annimali stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 2006/XX/KE[15]

    b) il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità[16].

    Artikolu 14Rilaxx ġewwa faċilitajiet ta' l-akkwakultura fil-każ ta' introduzzjonijiet ta' rutina

    Fil-każ ta' introduzzjonijiet ta' rutina, ir-rilaxx ta' organiżmi akkwatiċi ġewwa faċilitajiet miftuħa ta' l-akkwakultura normalment għandhom ikunu permessi mingħajr kwarantina, sakemm l-awtorità kompetenti tiddeċiedi mod ieħor abbażi ta' parir xjentifiku maħruġ mill-kumitat konsultattiv.

    Artikolu 15Rilaxx ġewwa faċilitajiet ta' l-akkwakultura fil-każ ta' introduzzjonijiet mhux ta' rutina

    1. Fil-każ ta' introduzzjonijiet mhux ta' rutina, ir-rilaxx ta' organiżmi akkwatiċi ġewwa faċilitajiet miftuħa u magħluqa ta' l-akkwakultura għandu jkun soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 2, 3 u 4.

    2. L-organiżmi akkwatiċi għandhom jitqiegħdu f'faċilità ta' kwarantina ddeżinjata fi ħdan it-territorju tal-Komunità skond il-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness III għall-iskop li jiġi kkostitwit stokk tar-razza (ħut għar-riproduzzjoni).

    3. Il-faċilità ta' kwarantina tista' tkun tinsab fi Stat Membru ieħor li mhux l-Istat Membru li jirċievi, bil-kundizzjoni li jintlaħaq qbil mill-Istati Membri kollha u li din l-għażla tiġi inkluża fl-evalwazzjoni tar-riskju ambjentali skond l-Artikolu 9.

    4. Huma biss iż-żgħar ta' l-organiżmi akkwatiċi introdotti li jistgħu jintużaw fil-faċilitajiet ta' l-akkwakultura ta' l-Istat Membru li jirċievi, sakemm l-organiżmi kkonċernati huma kompletament sterili għal fini riproduttivi u sakem ma jinsabu l-ebda speċijiet fil-mira matul il-kwarantina.

    Artikolu 16Rilaxx pilota ġewwa faċilitajiet miftuħa ta' l-akkwakultura

    L-awtorità kompetenti tista' tirrikjedi li qabel ir-rilaxx ta' l-organiżmi akkwatiċi ġewwa sistemi miftuħa ta' l-akkwakultura jkun hemm rilaxx pilota inizjali li jkun soġġett għal miżuri ta' żamma separata u ta' prevenzjoni msejsa fuq il-parir u r-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat konsultattiv.

    Artikolu 17Pjanijiet ta' kontinġenza

    Għall-introduzzjonijiet kollha li mhumiex ta' rutina u rilaxxi pilota, il-kumitat konsultattiv għandu, b'konsultazzjoni ma' l-applikant, ifassal pjanijiet ta' kontinġenza, li għandhom jinkludu inter alia it-tneħħija ta' l-ispeċi introdotta mill-ambjent, jew tnaqqis fid-densità, għal avvenimenti mhux previsti b'effetti negattivi fuq l-ambjent jew fuq il-popolazzjonijiet endemiċi. Fil-każ li jseħħ avveniment bħal dan, il-pjanijiet ta' kontinġenza għandhom jiġu implimentati immedjatament u l-permess għandu jiġi rtirat skond l-Artikolu 12.

    Artikolu 18 Sorveljanza

    1. Speċijiet aljeni għandhom jiġu sorveljati wara r-rilaxx tagħhom għal perjodu ta' sentejn jew ċiklu sħiħ ta' ġenerazzjoni, skond liema jkun l-itwal, sabiex jiġi evalwat jekk l-impatti tbassrux preċiżament jew jekk hemmx impatti addizzjonali jew differenti. Il-livell ta' tixrid jew ta' żamma separata ta' l-ispeċijiet għandu jiġi studjat partikolarment. L-awtorità kompetenti għandha tiddeċiedi jekk l-applikant għandux l-esperjenza adegwata jew jekk korp ieħor għandux iwettaq is-sorveljanza.

    2. Soġġetta għall-opinjoni tal-kumitat konsultattiv, l-awtorità kompetenti tista' tesiġi perjodi ta' sorveljanza itwal sabiex tevalwa kwalunkwe effetti fuq perjodu twil li jistgħu jseħħu fuq l-ekosistemi li ma joħorġux faċilment fil-perjodu stipulat fil-paragrafu 1.

    3. Il-kumitat konsultattiv għandu jevalwa r-riżultati tal-programm ta' sorveljanza u jinnota partikolarment kwalunkwe avveniment li mhux antiċipat sewwa fl-evalwazzjoni tar-riskju ambjentali. Ir-riżultati ta' dik l-evalwazzjoni għandhom jintbagħtu lill-awtorità kompetenti li għandha tinkludi sinteżi tar-riżultati fir-reġistru nazzjonali stabbilit taħt l-Artikolu 23.

    Kapitolu VKundizzjonijiet għat-trażlokazzjonijiet wara l-ħruġ ta' permess

    Artikolu 19Konformità ma' dispożizzjonijiet Komunitarji oħra

    Wara li jinħareġ permess skond dan ir-Regolament, trażlokazzjoni tista' jseħħ biss jekk ikunu nkisbu permessi oħra meħtieġa skond il-liġi Komunitarja u jekk ikunu ġew sodisfatti kundizzjonijiet oħra stipulati taħt ir-regoli Komunitarji, u b'mod partikolari:

    a) il-kundizzjonijiet tas-saħħa ta' l-annimali stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 2006/XX/KE[17]}

    b) il-kundizzjonijiet stipulati fid-Direttiva 2000/29/KE[18]

    Artikolu 20Trażlokazzjonijiet mhux ta' rutina

    Fil-każ ta' trażlokazzjonijiet mhux ta' rutina ġewwa faċilitajiet miftuħa ta' l-akkwakultura, l-awtorità kompetenti tista' tesiġi li qabel ma jkun hemm rilaxx ta' l-organiżmi akkwatiċi, jseħħ rilaxx pilota inizjali li jkun soġġett għal miżuri ta' żamma separata u ta' prevenzjoni msejsa fuq il-parir u r-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat konsultattiv.

    Artikolu 21Kwarantina

    L-Istat Membru li jirċievi jista' f'każijiet eċċezzjonali u bl-approvazzjoni tal-Kummissjoni jesiġi l-kwarantina skond l-Artikolu 15 (2), (3) u (4) qabel ir-rilaxx ta' l-ispeċi minn trażlokazzjonijiet li mhumiex ta' rutina ġewwa faċilitajiet miftuħa jew magħluqa ta' l-akkwakultura. It-talba għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni għandha tindika r-raġunijiet għaliex hija meħtieġa l-kwarantina. Il-Kummissjoni għanda twieġeb talbiet bħal dawn fi żmien 30 jum.

    Artikolu 22 Sorveljanza wara t-trażlokazzjoni

    Wara trażlokazzjoni mhux ta' rutina, l-ispeċijiet għandhom jiġu ssorveljati skond l-Artikolu 18.

    Kapitolu VIReġistru

    Artikolu 23Reġistru

    L-Istati Membri għandhom iżommu reġistru ta' l-introduzzjonijiet u tat-trażlokazzjonijiet li fih dokumentazzjoni storika ta' l-applikazzjonijiet kollha li saru u d-dokumentazzjoni assoċjata miġbura qabel il-ħruġ ta' permess u matul il-perjodu ta' sorveljanza.

    Ir-reġistru għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku skond id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali[19].

    Kapitolu VIIDispożizzjonijiet finali

    Artikolu 24Addattamenti għall-progress tekniku

    L-emendi għall-Annessi I, II u III li huma meħtieġa sabiex jiġu adattati għall-progress tekniku u xjentifiku għandhom jiġu adottati skond il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 30(3) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002[20].

    Artikolu 25Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidhol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea .

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Kunsill

    Il-President

    ANNESS I

    Applikazzjoni

    (Li għandha timtela mill-applikant)

    Kull fejn hu possibbli, l-informazzjoni għandha tiġi ssostanzjata b'referenzi mil-letteratura xjentifika, u minn notazzjonijiet għal komunikazzjonijiet personali ma' l-awtoritajiet xjentifiċi u l-esperti dwar is-sajd. Applikazzjonijiet li jkunu neqsin minn ċertu dettal jistgħu jerġgħu jintbagħtu lura lill-applikant għal materjal addizzjonali, u dan jirriżulta f'dewmien fl-evalwazzjoni tal-proposta.

    Għall-għan ta' dan l-Anness, meta applikazzjoni tirreferi għal trażlokazzjoni proposta, u mhux introduzzjoni, it-termini, introduzzjoni/introdott(i) għandhom jinbidlu bi trażlokazzjoni/trażlokati.

    A) Sinteżi Eżekuttiva:

    Agħti sinteżi qasira tad-dokument li tinkludi deskrizzjoni tal-proposta, l-impatti potenzjali fuq l-ispeċijiet endemiċi u l-ħabitats tagħhom u passi ta' mitigazzjoni sabiex jitnaqqsu l-impatti potenzjali fuq l-ispeċijiet endemiċi.

    B) Introduzzjoni

    1) Isem (komuni u xjentifiku) ta' l-organiżmu propost għall-introduzzjoni jew trażlokazzjoni, b'indikazzjoni tal-ġenus, speċi, sottospeċi jew klassifikazzjoni tassonomika aktar baxxa fejn applikabbli.

    2) Iddeskrivi l-karatteristiċi, fosthom karatteristiċi li jiddistingwu l-organiżmu. Inkludi tpinġija xjentifika jew ritratt.

    3) Iddeskrivi l-istorja fl-akkwakultura, titjib li sar jew introduzzjonijiet oħra (fejn xieraq).

    4) Iddeskrivi l-għanijiet u r-raġunament għall-introduzzjoni proposta, fosthom spjegazzjoni għaliex għan bħal dan ma jistax jintlaħaq permezz ta' l-użu ta' speċi indiġena.

    5) Liema kienu l-istrateġiji alternattivi li tqiesu sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-proposta? X'inhuma l-implikazzjonijiet ta' l-għażla "ma nagħmlu xejn"?

    6) X'inhi ż-żona ġeografika ta' l-introduzzjoni proposta? Inkludi mappa.

    7) Iddeskrivi n-numri ta' organiżmi li qed tipproponi li tintroduċi (inizjalment, fl-aħħar mill-aħħar). Il-proġett jista' jinqasam f'sotto-komponenti iżgħar? Jekk dan huwa l-każ, kemm huma l-organiżmi li huma involuti f'kull sotto-komponent?

    8) Iddeskrivi s-sors(i) ta' l-istokk (faċilità) u l-istokk ġenetiku (jekk huwa magħruf).

    C) Informazzjoni dwar il-ħajja ta' l-ispeċi li għandha tiġi introdotta – għal kull stadju ta' ħajja.

    1) Iddeskrivi l-firxa nattiva u l-bidliet fil-firxa minħabba fl-introduzzjonijiet.

    2) Niżżel fejn l-ispeċijiet ġew introdotti qabel u ddeskrivi l-effetti ekoloġiċi fuq l-ambjent taż-żona li qed tirċievi (predatur, priża, kompetituri, u/jew elementi strutturali/funzjonali tal-ħabitat).

    3) X'inhuma l-fatturi li jillimitaw l-ispeċi fil-firxa nattiva tagħha.

    4) Iddeskrivi t-tolleranzi fiżjoloġiċi (kwalità ta' l-ilma, temperatura, ossiġnu, u mluħa) f'kull stadju tal-ħajja (stadji fil-bidu tal-ħajja, stadju adult u dak riproduttiv).

    5) Iddeskrivi l-preferenzi tal-ħabitat u t-tolleranzi għal kull stadju tal-ħajja.

    6) Iddeskrivi l-bijoloġija riproduttiva.

    7) Iddeskrivi x-xejriet migratorji.

    8) Iddeskrivi l-preferenzi ta' l-ikel għal kull stadju tal-ħajja.

    9) Iddeskrivi r-rata ta' tkabbir u t-tul tal-ħajja (ukoll fiż-żona ta' l-introduzzjoni proposta, jekk magħrufin).

    10) Iddeskrivi l-patoġeni u l-parassiti magħrufa ta' l-ispeċi jew l-istokk.

    11) Iddeskrivi x-xejriet ta' mġiba (soċjali, territorjali, aggressivi).

    D) Interazzjoni ma' l-ispeċijiet endemiċi

    1) X'inhu l-potenzjal għas-soppravivenza u l-istabbiliment ta' l-organiżmu introdott jekk dan jaħrab? (Din tapplika għal movimenti lejn faċilitajiet miftuħa u magħluqa ta' l-akkwakultura.)

    2) Liema huwa/huma l-ħabitat(s) li fih(om) l-ispeċi introdotta x'aktarx tokkupa fiż-żona proposta ta' introduzzjoni u din se taqsam dan il-ħabitat ma' speċijiet vulnerabbli, mhedda jew fil-periklu? (Indika jekk iż-żona proposta ta' l-introduzzjoni tinkludix ukoll l-ilmijiet kontigwi.)

    3) Ma' liema speċijiet se jkun hemm 'niche overlap' ? Jeżistu xi riżorsi ekoloġiċi mhux użat li minnhom l-ispeċijiet jieħdu vantaġġ?

    4) X'se jiekol l-organiżmu introdott fl-ambjent li jirċievi?

    5) Din il-predazzjoni se toħloq xi impatti negattivi fuq l-ekosistema li tirċievi?

    6) L-organiżmi introdotti se jgħixu u se jirriproduċu b'suċċess fiż-żona proposta ta' introduzzjoni jew se jkun meħtieġ stokkjar annwali? (Din tapplika għal speċijiet li mhumiex maħsuba għal faċilitajiet magħluqa ta' l-akkwakultura.)

    7) L-organiżmi introdotti se jibridizzaw ma' l-ispeċijiet endemiċi? L-estinzjoni lokali ta' xi speċi jew stokks endemiċi hija possibbli b'riżultat ta' l-introduzzjoni proposta? Jeżistu xi effetti possibbli ta' l-organiżmi introdotti fuq l-imġiba riproduttiva u ż-żoni għad-depożitu tal-bajd ta' l-ispeċijiet lokali?

    8) Jeżistu xi impatti potenzjali fuq il-ħabitat jew il-kwalità ta' l-ilma b'riżultat ta' introduzzjoni proposta?

    E) L-Ambjent li jirċievi u l-ilmijiet kontigwi

    1) Agħti informazzjoni fiżika dwar l-ambjent li jirċievi u l-korpi kontigwi ta' l-ilma bħalma huma temperaturi staġjonali ta' l-ilma, l-imluħa u ċ-ċarezza, l-kontenut ta' l-ossiġnu, l-pH, in-nutrijenti u l-metalli. Dawk il-parametri jaqblu mat-tolleranzi/preferenzi ta' l-ispeċijiet li għandhom jiġu introdotti, inklużi l-kundizzjonijiet meħtieġa għar-riproduzzjoni?

    2) Elenka l-kompożizzjoni skond l-ispeċijiet (vertebrati akkwatiċi maġġuri, invertebrati u pjanti) ta' l-ilmijiet li jirċievu.

    3) AgħtiAgħti l-informazzjoni dwar il-ħabitat fiż-żona ta' l-introduzzjoni, inklużi ilmijiet kontigwi u identifika l-ħabitat kritiku. Liema minn dawk il-parametri jaqblu mat-tolleranzi/preferenzi ta' l-organiżmi li għandhom jiġu introdotti? L-organiżmi introdotti jistgħu jiddisturbaw xi ħabitats fost dawk deskritti?

    4) Iddeskrivi l-ostakli naturali jew magħmula mill-bniedem li għandhom ma jħallux il-moviment ta' l-organiżmi introdotti għal ġewwa ilmijiet oħra li jmissu magħhom.

    F) Monitoraġġ

    Iddeskrivi l-pjanijiet għall-evalwazzjonijiet ta' segwitu tas-suċċes ta' l-ispeċi proposta għall-introduzzjoni u kif kwalunkwe impatt negattiv fuq l-ispeċijiet endemiċi u l-ħabitats tagħhom se jiġi evalwat.

    G) Pjan ta' Ġestjoni

    1) Iddeskrivi l-pjan ta' ġestjoni għall-introduzzjoni proposta. Dan għandu jinkludi, iżda m'għandux ikun ristrett għal din l-informazzjoni:

    (a) miżuri meħuda sabiex jiġi żgurat li l-ebda speċi oħra (speċijiet mhux fil-mira) ma takkumpanja l-konsenja;

    (b) min se jkun permess juża l-organiżmi proposti u skond liema termini u kundizzjoijiet jistgħa jagħmel dan;

    (c) se jkun hemm fażi pre-kummerċjali għall-introduzzjoni proposta?

    (d) eskrizzjoni tal-pjan ta' assikurazzjoni tal-kwalità għall-proposta, u,

    (e) rekwiżiti leġiżlattivi oħra li jeħtieġa li jintlaħqu.

    2) Iddeskrivi l-miżuri kimiċi, bijofiżiċi u ta' ġestjoni li qed jittieħdu għall-prevenzjoni ta' ħarbien aċċidentali ta' l-organiżmu u speċijiet mhux fil-mira, lejn u l-istabbiliment tagħhom fi, ekosistemi reċipjenti li mhumiex fil-mira. Agħti d-dettalji tas-sors ta' l-ilma, id-destinazzjoni ta' l-iskart, kwalunkwe trattament ta' l-iskart, prossimità għal sistemi ta' dranaġġ għall-maltemp, sigurtà tas-sit u miżuri għall-prevenzjoni tal-ħarbien, jekk huma meħtieġa.

    3) Iddeskrivi l-pjanijiet ta' kontinġenza li għandhom jiġu segwiti fil-każ ta' rilaxx mhux intenzjonat, aċċidentali jew mhux awtorizzat ta' l-organiżmi mill-faċilitajiet ta' trobbija u ta' tifqis jew espansjoni aċċidentali jew mhux mistennija tal-firxa ta' kolonizzazzjoni wara r-rilaxx.

    4) Jekk din il-proposta hija maħsuba sabiex toħloq żona għas-sajd, agħti d-dettalji dwar l-għan ta’ din iż-żona għas-sajd. Min jibbenefika minn żona bħal din? Agħti d-dettalji tal-pjan ta' ġestjoni u, jekk huwa xieraq, inkludi tibdiliet fil-pjanijiet ta' ġestjoni għal speċijiet li se jintlaqtu.

    H) Dejta kummerċjali

    1) Agħti l-isem tas-sid u/jew il-kumpanija, in-numru ta-liċenzja għall-akkwakultura u l-liċenzja kummerċjali (fejn applikabbli) jew l-isem ta' l-aġenzija tal-gvern jew id-dipartiment b'isem ta' kuntatt u informazzjoni dwar it-telefon, il-faks u l-email.

    2) Agħti indikazzjoni tal-vijabbiltà ekonomika tal-proġett propost.

    I) Referenzi

    1) Agħti bibljografija ddettaljata tar-referenzi kollha msemmija fil-proċess ta' tħejjija ta' l-applikazzjoni.

    2) Agħti lista ta' ismijiet, inklużi l-indirizzi, ta' l-awtoritajiet xjentifiċi u l-esperti dwar is-sajd li ġew ikkonsultati.

    ANNESS II

    Proċeduri u elementi minimi li għandhom jiġu indirizzat f'evalwazzjoni tar-riskju ambjentali

    Sabiex jiġu evalwati r-riskji assoċjati ma' l-introduzzjoni jew it-trażlokazzjoni ta' organiżmi akkwatiċi huwa meħtieġ li tiġi evalwata l-probabbiltà li l-organiżmi jiġu stabbiliti u l-konsegwenzi ta' dan.

    Il-proċess jindirizza l-komponenti ambjentali ewlenin. JAgħti strateġija standardizzata għall-evalwazzjoni tar-riskju ta' l-impatti ġenetiċi u ekoloġiċi kif ukoll il-potenzjal għall-introduzzjoni ta' speċi li mhix fil-mira li jista' jkollha impatt fuq l-ispeċijiet endemiċi ta' l-ilmijiet li jirċievu proposti.

    Matul il-proċedura ta' reviżjoni, l-enfażi ma ssirx fuq il-gradi, iżda fuq id-dikjarazzjonijiet bijoloġiċi u ta' informazzjoni relevanti dettaljati oħra li jimmotivawhom. Fil-każ ta' inċertezza xjentifika, il-prinċipju ta' prekawzjoni għandu jiġi applikat.

    Għall-għan ta' dan l-Anness, meta applikazzjoni tirreferi għal trażlokazzjoni propost it-termini "introduzzjoni/introdott(i)" għandhom jinbidlu bi "trażlokazzjoni/trażlokati".

    Parti 1 – Proċess ta' evalwazzjoni ekoloġika u tar-riskju ġenetiku

    Pass 1: Possibilità ta' stabbiliment u ta' tixrid 'lil hinn miż-żona ta' introduzzjoni maħsuba

    Avveniment | Possibbiltà (H, M, L)(1) | Ċertezza (VC, RC, RU, VU)(2) | Kummenti b'appoġġ għall-evalwazzjoni(4) |

    Fil-każ ta' sistemi magħluqa ta' l-akkwakultura, l-ispeċi introdotta jew trażlokata taħrab għall-ambjent tal-madwar. |

    L-ispeċi introdotta jew trażlokata, maħruba jew imxerrda, tikkolonizza u żżomm b'suċċess popolazzjoni fiż-żona maħsuba ta' introduzzjoni li mhix fil-kontroll tal-faċilità ta' l-akkwakultura. |

    L-ispeċi introdotta jew trażlokata, maħruba jew imxerrda, tinxtered 'lil hinn miż-żona ta' introduzzjoni intenzjonata. |

    Grad finali(3) |

    (1) H= Għoli, M= Medju, L= Baxx

    (2) VC= Ċertezza Għolja, RC= Raġjonevolment ċert, RU= Raġjonevolment inċert, VU= Inċertezza għolja

    (3) Il-grad finali għall- possibbiltà ta' stabbiliment u tixrid huwa assenjat il-valur ta' l-element bl-iktar grad baxx (pereżempju, gradi ta' Għoli u Baxx għall-elementi msemmija hawn fuq jirriżultaw fi grad finali ta' Baxx ) Għal darb'oħra avvenimenti – il-probabbiltà li l-organiżmi jikkolonizzaw u jżommu popolazzjoni b'suċċess fiż-żona maħsuba għall-introduzzjoni (kemm jekk hi ambjent magħluq bħal ma hi faċilità, kif ukoll jekk tkun ħabitat naturali) u l-probabbiltà li jinfirex 'lil hinn miż-żona maħsuba għall-introduzzjoni (stmata kif spjegat hawn fuq) – jeħtieġ li jseħħu fil-fatt sabiex iseħħ l-istabbiliment lil hinn miż-żona maħsuba għall-introduzzjoni.

    Il-grad finali għal-livell ta' Ċertezza huwa assenjat il-valur ta' l-element bl-iktar grad Baxx ta' ċertezza (pereżempju, gradi ta' Ċertezza Għolja u Ċertezza Raġjonevoli jirriżultaw fi grad finali ta' Ċertezza Raġjonevoli ).

    (4) L-evalwatur għandu jsib għajnuna fl-Appendiċi A u l-Appendiċi B tal-Kodiċi ta' Prattika ta' l-ICES.

    Pass 2: Konsegwenzi ta' stabbiliment u ta' tixrid

    Avveniment | Possibbiltà (H, M, L) | Ċertezza (VC, RC, RU, VU) | Kummenti b'appoġġ għall-evalwazzjoni |

    Taħlit ġenetiku mal-popolazzjonijiet lokali jwassal għal telfien tad-diversità ġenetika. |

    Konkorrenza ma' (ikel, spazju) jew predazzjoni fuq popolazzjonijiet endemiċi twassal għall-qerda tagħhom. |

    Avvenimenti mhux mixtieqa oħra ta' natura ekoloġika |

    Xi uħud mill-avvenimenti msemmija hawn fuq jippersistu wkoll wara t-tneħħija ta' l-ispeċi introdotta. |

    Grad finali(1) |

    (1) Il-grad finali għall-Konsegwenzi ta' stabbiliment u t-tixrid huwa assenjat il-valur ta' l-element (probabbiltà individwali) bl-iktar grad għoli u l-grad finali għal-livell ta' Ċertezza huwa assenjat il-valur ta' l-element bl-iktar livell baxx ta' ċertezza.

    (2) L-evalwatur għandu jsib għajnuna fl-Appendiċi A u l-Appendiċi B tal-Kodiċi ta' Prattika ta' l-ICES.

    Pass 3: Potenzjal tar-Riskju marbut ma' l-ispeċijiet aljeni u lokalment assenti

    Valur uniku huwa assenjat abbażi ta' l-evalwazzjonijiet imwettqa fil-Passi 1 u 2:

    Komponent | Potenzjal ta' Riskju (H, M, L) | Ċertezza (VC, RC, RU, VU) | Kummenti b'appoġġ għall-evalwazzjoni |

    Stabbiliment u tixrid (pass 1) |

    Konsegwenzi ekoloġiċi (pass 2) |

    Grad finali tal-potenzjal ta' riskju kumplessiv(1) |

    (1) Il-kategorizzazzjoni finali tal-potenzjal ta' riskju tieħu l-valur ta' ogħla żewġ probabbiltajiet fejn m'hemmx żieda fil-probabbiltà bejn iż-żewġ estimi (i.e. jekk ir-Riskju ta' stabbiliment u tixrid huwa għoli u r-Riskju ta' konsegwenzi ekoloġiċi huwa medjum, il-grad finali jieħu l-valur ta' l-ogħla waħda miż-żewġ probabbiltajiet li huma għolja. Meta jkun hemm żieda fil-probabbiltà bejn iż-żewġ estimi (i.e. taħlita ta' għoli u baxx) il-valur finali huwa medju.

    (2) L-evalwatur għandu jsib għajnuna fl-Appendiċi A u l-Appendiċi B tal-Kodiċi ta' Prattika ta' l-ICES.

    Ir-riżultat ta' din l-evalwazzjoni għandu jingħata f'termini ta':

    Għoli = L-introduzzjoni twassal għal tħassib serju (huma meħtieġa miżuri serji ta' mitigazzjoni). Huwa rakkomandat li l-proposta ma tiġix aċċettata sakemm ma jkunux jistgħu jiġu żviluppati proċeduri ta' mitigazzjoni sabiex ir-riskju jitnaqqas għal Baxx.

    Medju = L-introduzzjoni twassal għal tħassib moderat. Huwa rakkomandat li l-proposta ma tiġix aċċettata sakemm ma jkunux jistgħu jiġu żviluppati proċeduri ta' mitigazzjoni sabiex ir-riskju jitnaqqas għal Baxx.

    Baxx = L-introduzzjoni twassal għal tħassib negliġibbli. Huwa rakkomandat li l-proposta tiġi approvata. Il-mitigazzjoni mhix meħtieġa.

    Il-proposta tista' tiġi approvata biss kif ippreżentat (l-ebda miżuri ta' mitigazzjoni ma huma meħtieġa) jekk il-potenzjal kumplessiv tar-riskju stmat huwa Baxx u jekk iċ-ċertezza kumplessiva li għaliha r-riskju kumplessiv ġie stmat għal Ċertezza Għolja jew Ċertezza Raġjonevoli.

    Jekk, b'riżultat ta' l-ewwel analiżi, kategorija ta' Għoli jew Medju tiġi attribwita lir-riskju kumplessiv, imbagħad proposti ta' żamma apparti jew ta' mitigazzjoni għandhom jiġu inkorporati fl-applikazzjoni, li se tkun sussegwentament tkun soġġetta għal analiżi tar-riskju sakem il-grad finali għar-riskju kumplessiv isir Baxx b'evalwazzjoni ta' Ċertezza Għolja jew Ċertezza Raġjonevoli. Deskrizzjonijiet ta' dawn il-passi addizzjonali, flimkien ma’ speċifikazzjonijiet dettaljati tal-miżuri ta' żamma apparti jew ta' mitigazzjoni, se jsiru parti integrali ta' l-Evalwazzjoni tar-Riskju.

    PARTI 2 – PROċESS TA' EVALWAZZJONI GħAL SPEċIJIET LI MHUMIEX FIL-MIRA

    Pass 1: Possibilità ta' stabbiliment u ta' tixrid ta' speċijiet mhux fil-mira 'lil hinn miż-żona ta' introduzzjoni maħsuba

    Avveniment | Possibbiltà (H, M, L) | Ċertezza (VC, RC, RU, VU) | Kummenti b'appoġġ għall-evalwazzjoni(2) |

    Speċi li mhix fil-mira hija introdotta b'konsegwenza ta' l-introduzzjoni jew it-trażlokazzjoni ta' l-organiżmi akkwatiċi. |

    L-ispeċi li mhix fil-mira introdotta tiltaqa' ma ħabitati suxxettibbli jew organiżmi ospitanti. |

    Grad finali(1) |

    (1) Il-grad finali għall-probabbiltà huwa assenjat il-valur ta' l-element bl-iktar grad ta' riskju baxx u l-grad finali għal-livell ta' Ċertezza huwa assenjat ukoll il-valur ta' l-element bl-iktar livell baxx ta' ċertezza.

    (2) L-evalwatur għandu jsib għajnuna fl-Appendiċi A u l-Appendiċi B tal-Kodiċi ta' Prattika ta' l-ICES.

    Pass 2 Konsegwenzi ta' l-istabbiliment u t-tixrid ta' speċijiet mhux fil-mira

    Avveniment | Possibbiltà (H, M, L) | Ċertezza (VC, RC, RU, VU) | Kummenti b'appoġġ għall-evalwazzjoni(2) |

    L-ispeċijiet mhux fil-mira jikkompetu ma' jew jieklu lill-popolazzjonijiet endemiċi, biex dan iwassal għall-qerda tagħhom. |

    Taħlit ġenetiku ta' l-ispeċi li mhix fil-mira mal-popolazzjonijiet lokali jwassal għal telfien tad-diversità ġenetika. |

    Avvenimenti oħra mhux mixtieqa ta' natura ekoloġika jew patoloġika |

    Xi uħud mill-avvenimenti msemmija hawn fuq jippersistu wkoll wara t-tneħħija ta' l-ispeċi li mhix fil-mira |

    Grad finali(1) |

    (1) Il-grad finali għall-Konsegwenzi huwa assenjat il-valur ta' l-element bl-iktar grad ta' riskju għoli u l-grad finali għal-livell ta' Ċertezza huwa assenjat ukoll il-valur ta' l-element bl-iktar livell baxx ta' ċertezza.

    (2) L-evalwatur għandu jsib għajnuna fl-Appendiċi A u l-Appendiċi B tal-Kodiċi ta' Prattika ta' l-ICES.

    Pass 3 Potenzjal ta' riskju marbut ma' speċijiet li mhumiex fil-mira

    Valur uniku jingħata abbażi ta' l-evalwazzjonijiet imwettqa fil-Passi 1 u 2:

    Komponent | Potenzjal ta' Riskju (H, M, L) | Ċertezza (VC, RC, RU, VU) | Kummenti b'appoġġ għall-evalwazzjoni(2) |

    Stabbiliment u tixrid (pass 1) |

    Konsegwenzi ekoloġiċi (pass 2) |

    Grad finali(1) |

    (1) Il-grad finali għall-potenzjal tar-riskju jingħata l-valur ta' l-element bl-iktar grad ta' riskju baxx u l-grad finali għal-livell ta' Ċertezza huwa assenjat ukoll il-valur ta' l-element bl-iktar livell baxx ta' ċertezza.

    (2) L-evalwatur għandu jsib għajnuna fl-Appendiċi A u l-Appendiċi B tal-Kodiċi ta' Prattika ta' l-ICES.

    Il-kundizzjonijiet applikabbli għall-evalwazzjoni tal-potenzjal tar-riskju assoċjat ma' l-ispeċi aljena (parti 1) għandhom japplikaw ukoll mutatis mutandis għal dan il-potenzjal ta' riskju assoċjat ma' l-ispeċijiet li mhumiex fil-mira (parti 2), inkluż l-obbligu li jiġu introdotti miżuri ta' żamma apparti u ta' mitigazzjoni.

    PARTI 3 – EVALWAZZJONI TAR-RISKJU AMBJENTALI KUMPLESSIV – RAPPORT FIL-QOSOR

    - Passat ta', sfond għal u raġunament wara t-talba:

    - Informazzjoni fil-qosor dwar l-evalwazzjoni tar-riskju

    - Sinteżi ta' l-evalwazzjoni tar-riskju ekoloġiku u ġenetiku

    - Sinteżi ta' l-evalwazzjoni tar-riskju għall-ispeċijiet li mhumiex fil-mira

    - Kummenti:

    - Miżuri ta' mitigazzjoni:

    - Dikjarazzjoni ta' konklużjoni dwar ir-riskju totali potenzjali ta' l-organiżmu:

    - Parir lill-awtorità kompetenti:

    ANNESS III

    Kwarantina

    Il-kwarantina hija l-mezz li bih l-annimali jew il-pjanti u kwalunkwe wieħed mill-organiżmi assoċjati jinżammu f'iżolament sħiħ mill-ambjent ċirkondanti sabiex ma jitħallew iseħħu l-ebda impatt fuq speċijiet selvaġġi u dawk imrobbija u bidliet mhux mixtieqa lill-ekosistemi naturali.

    Huwa meħtieġ li l-ispeċijiet aljeni jew lokalment assenti jinżammu fi kwarantina għal biżżejjed żmien sabiex jinstabu l-ispeċijiet kollha li mhumiex fil-mira u sabiex jiġi kkonfermat in-nuqqas ta' patoġeni jew mard L-unità għandha tinbena skond l-ispeċifikazzjonijiet ta' l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru fejn tinsab li għandu jkun responsabbli għall-approvazzjoni tagħha. It-tul tal-kwarantina jrid jiġi indikat fil-permess. Jekk il-faċilità ma tinsabx fl-Istat Membru li jirċievi, il-kumitat konsultattiv li hu responsabbli għall-faċilità u l-kumitat konsultattiv fl-Istat Membru li jirċievi iridu jaqblu dwar id-dewmien.

    L-operaturi għandhom imexxu l-faċilitajiet ta' kwarantina skond il-kundizzjonijiet li ġejjin. Barra minn hekk, l-operatur irid ikollu programm ta' assigurazzjoni tal-kwalità u manwal ta' l-operat.

    Għall-għan ta' dan l-Anness, meta applikazzjoni tirreferi għal trażlok propost, it-termini introduzzjoni/introdott(i) għandhom jinbidlu bi trażlok/trażlokati.

    Skart likwidu u rimi ta' l-iskart

    L-iskart likwidu u l-iskart li jiġu ġġenerati fil-faċilità jridu jiġu ttrattati b'mod li effettivament jeqred lill-ispeċijiet fil-mira possibbli u l-organiżmi assoċċjati kollha. Sabiex jiġu żgurati l-operazzjoni kontinwa u ż-żamma apparti kompleta, is-sistemi ta' trattament ta' l-iskart likwidu tal-kwarantina iridu jkunu mgħammra ma' mekkaniżmi ta' sostenn li jibqgħu jaħdmu fi kwalunkwe ċirkostanza.

    L-iskart likwidu u dak li mhux li jiġi ttrattat jista' jkun fih sustanzi li jagħmlu ħsara lill-ambjent (eż. sustanzi antifouling ) u għandu jintrema b'mod li jnaqqas kemm jista' jkun l-impatt ambjentali.

    Id-dettallji tat-trattament ta' l-iskart likwidu u dak solidu jridu jitħejjew, bl-elenkar ta' l-istaff responsabbli għat-trattamenti u għaż-żmien meta dawn għandhom jitwettqu. Is-sistema trid tiġi sorveljata sabiex jiġu żgurati t-tħaddim effettiv u d-ditezzjoni minn kmieni ta' fallimenti li jistgħu iseħħu.

    Separazzjoni fiżika

    L-organiżmi li ġew trasferiti jridu jinżammu separati minn organiżmi oħra sabiex ikun żgurat li ma jitħalltux ma xi oħrajn. Dan jeskludi speċijiet bi prova li jiġu inklużi speċifikament sabiex jiġu ttestjati l-effet ta' l-ispeċijiet introdotti. Ma jridux jitħallew jidħlu għasafar, annimali oħra, aġenti ta' mard u kontaminanti.

    Staff

    L-aċċess għandu jkun ristrett għal staff imħarreġ u awtorizzat. Żraben, idejn u kwalunkwe materjal li jintuża fil-faċilità għandu jiġi diżinfettat (ara taħt) qabel il-ħruġ mill-faċilità.

    Tagħmir

    Malli jaslu, l-istadji kollha tal-ħajja, it-tankijiet, l-ilma, il-kontenituri tal-merkanzija u t-tagħmir li jiġi f'kuntatt ma' l-ispeċijiet introdotti, inklużi l-vetturi tat-trasport, iridu jgħaddu minn id għall-oħra b'tali mod li jiġi żgurat li ma jseħħ il-ħarbien ta' l-ebda speċi jew ta' speċi assoċjata li mhix fil-mira mill-faċilità. Il-materjali kollha tat-trasport bil-baħar u ta' l-ippakkjar iridu jiġu diżinfettati jew maħruqa jekk il-ħruq tal-materjal huwa awtorizzat.

    Imwiet u rimi

    Iridu jinżammu rekords ta' kuljum dwar l-imwiet u dawn għandhom ikunu disponibbli għall-ispezzjoni mill-awtorità kompetenti. Il-każijiet ta' mwiet kollha jridu jinżammu fil-post. L-ebda każijiet ta' mwiet, tessuti jew qxur ma għandhom jintremew mingħajr it-trattament approvat sabiex tiġi żgurata d-diżinfezzjoni totali. Jistgħu jintużaw trattamenti bis-sħana bħalma huma l- autoclaving jew l-isterlizzazzjoni kimika.

    L-imwiet għandhom jiġu rrappurtati lill-awtorità kompetenti u l-Istati Membri iridu jinvestigaw il-kawża ta' l-imwiet fil-ħin. Il-każijiet ta' mwiet iridu jinħażnu, jiġu ttrasportati u mormija skond ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 li jippreskrivi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji ta’ l-annimali mhux maħsuba għall-konsum uman[21]

    Spezzjoni u ttestjar

    Spezzjonijiet regolari jridu jitwettqu għal speċijiet mhux fil-mira. Jekk speċi bħal dawn jew marda li qabel kienet għadha ma nstabitx tiġi identifikata f'organiżmu, iridu jittieħdu azzjonijiet sabiex is-sitwazzjoni tiġi kkontrollata. Dawn l-azzjonijiet jistgħu jinkludu l-qerda ta' l-organiżmi u d-diżinfezzjoni tal-faċilità.

    Tul ta' Żmien

    Id-dewmien tal-kwarantina jvarja skond l-organiżmu kkonċernat, l-istaġjonalità ta' l-ispeċi li mhix fil-mira kkonċernata u l-kundizzjonijiet ta' trobbija.

    Iż-żamma tar-rekords

    Il-faċilitajiet ta' kwarantina jridu jżommu rekords preċiżi dwar:

    - il-ħinijiet tad-dħul u tal-ħruġ ta' l-istaff;

    - in-numru ta' mwiet u l-metodu ta' ħażna u rimi;

    - it-trattament ta' l-ilma li jidħol fil-faċilità u l-iskart likwidu li joħroġ minnha

    - il-kampjuni mressqa lill-esperti sabiex isiru testijiet għal speċijiet li mhumiex fil-mira;

    - kwalunkwe kundizzjonijiet li jaffettwaw l-operat ta' kwarantina (qtugħ ta' dawl, ħsara lill-bini, kundizzjonijiet ta' maltemp serju, eċċ.).

    Diżinfettar

    Id-diżinfettar jinvolvi l-applikazzjoni ta' diżinfettanti f'konċentrazzjoni li hija qawwija biżżejjed u għal biżżejjed ħin sabiex jinqerdu l-organiżmi ta' ħsara. Id-diżinfettanti u l-konċentrazzjonijiet għad-diżinfettar ta' kwarantina jridu jkunu msejsa fuq diżinfezzjoni sħiħa ta' l-ilma baħar u ta' l-ilma ħelu. Konċentrazzjonijiet simili jridu jintużaw għad-diżinfettar ta' rutina tal-faċilità. Huwa rakkomandat li d-diżinfettanti kollha jiġu newtralizzati qabel ma jiġu rilaxxati fl-ambjent ċirkondanti u l-faċilitajiet li jużaw l-ilma baħar iridu jieħdu ħsieb l-ossidanti reżidwi li jiġu prodotti matul id-diżinfezzjoni kimika. Fil-każ ta' emerġenza, bħalma hi s-sejba ta' parassita importat jew aġent ta' mard, irid ikun hemm biżżejjed diżinfettant disponibbli sabiex tiġi trattata l-faċilità kollha kemm hi.

    [1] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni li tistabbilixxi Pjan ta' Azzjoni Komunitarju għall-integrazzjoni ta' rekwiżiti tal-ħarsien ambjentali fil-Politika Komuni tas-Sajd, COM(2002) 186; Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament "Strateġija għall-iżvilupp sostenibbli ta' l-Akkwakultura Ewropea", COM(2002) 511.

    [2] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament – Pjan ta' Azzjoni tal-Bijodiversità għas-Sajd, COM(2001) 162 finali.

    [3] ĠU L 358, tal-31.12.2002, p. 59.

    [4] ĠU C [...], [...], p. [...].

    [5] ĠU C [...], [...], p. [...].

    [6] ĠU C [...], [...], p. [...].

    [7] ĠU L 206, tat-22.7.1992, p. 7. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1)

    [8] ĠU L 175, tal-5.7.1985, p. 4. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2003/35/KE (ĠU Nru L 156, tal-25.6.2003, p. 17).

    [9] ĠU Nru [daħħal in-numru uffiċjali tad-Direttiva tal-Kunsill] (adottata mill-Kummissjoni fit-23.8.2005, COM (2005) 362)

    [10] ĠU L 327, tat-22.12.2000, p. 1.

    [11] ĠU L 358, tal-31.12.2002, p. 59.

    [12] ĠU L 187, ta' l-20.7.1999, p. 70.

    [13] ĠU L 327, tat-22.12.2000, p. 1.

    [14] ĠU L 187, ta’ l-20.7.1999, p. 70, kif emendat mid-Deċiżjoni 2004/864/KE (ĠU nru L 370, tas-17.12.12004, p.91)

    [15] ara n-nota tal-qiegħ 9

    [16] ĠU Nru L 169, ta' l-10.7.2000, p.1.

    [17] ara n-nota tal-qiegħ 9

    [18] ara n-nota tal-qiegħ 15

    [19] ĠU L 41, ta' l-14.02.2003, p.26

    [20] ara n-nota tal-qiegħ 11

    [21] ĠU L 273, ta' l-10.10.2002, p.1.

    Top