Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006PC0111

    Abbozz ta’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 417/2002 dwar id-dħul gradwali aċċellerat ta' ħtiġiet ta' buq doppju jew ta' disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt b'buq wieħed, u li jħassar ir-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2978/94

    /* KUMM/2006/111 finali - COD 2006/0046 */

    52006PC0111

    Abbozz ta’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 417/2002 dwar id-dħul gradwali aċċellerat ta' ħtiġiet ta' buq doppju jew ta' disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt b'buq wieħed, u li jħassar ir-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2978/94 /* KUMM/2006/111 finali - COD 2006/0046 */


    TREN/[…]/2005

    [pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussell, xxx

    KUMM(2006) yyy finali

    2006/aaaa (COD)

    Abbozz ta’

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 417/2002 dwar id-dħul gradwali aċċellerat ta' ħtiġiet ta' buq doppju jew ta' disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt b'buq wieħed, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2978/94

    (ippreżentata mill-Kummissjoni)

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    Ir-Regolament (KE) Nru 417/2002 kif adottat għandu l-għan li jdaħħal rekwiżiti fir-rigward ta’ buq doppju jew ta' disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt b'buq wieħed, sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ tniġġis mill-idrokarburi.

    Fil-qafas ta’ l-inizjattivi urġenti meħuda wara l-għarqa tat-tanker taż-żejt Prestige, il-Kummissjoni ddeċidiet fl-20 ta’ Diċembru 2002 li tipproponi emenda tar-Regolament (KE) Nru 417/2002 bl-għan li tgħaġġel il-kalendarju inizjali ta’ l-irtirar tat-tankers taż-żejt b’buq wieħed u li tipprojbixxi b’effett immedjat il-ġarr ta’ żjut tqal f’tankers b’buq wieħed lejn u minn portijiet ta' Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea.

    Mix-xahar ta’ Ġunju 2003, il-punti ewlenin ta’ l-abbozz tal-Kummissjoni kienu ġew approvati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Għalhekk, ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1726/2003 tat-22 ta’ Lulju 2003 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 417/2002 daħal fis-seħħ fil-21 ta’ Ottubru 2003.

    Fl-istess ħin, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għamlu ħilithom kollha sabiex dawn ir-regoli ġodda jkunu aċċettati fuq livell dinji permezz ta' bdil tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni ta' Tniġġis minn Bastimenti, 1973 u l-Protokoll tagħha ta' l-1978, kif emendat mill-Protokoll relatat (MARPOL 73/78).

    Il-Kumitat dwar il-Protezzjoni ta' l-Ambjent Marittimu (MEPC) ta’ l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) għalhekk adotta f'Diċembru 2003 xi emendi għall-Anness I tal- MARPOL 73/78 fuq il-mudell tal-miżuri adottati mill-Unjoni Ewropea. Madanakollu, dawn l-emendi fihom ċerti eżenzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 7 tar-regola 13G[1] dwar il-kalendarju għall-irtirar tat-tankers taż-żejt b’buq wieħed u fil-paragrafi 5, 6 u 7 tar-regola 13H[2] dwar il-projbizzjoni tal-ġarr ta’ prodotti taż-żejt tqil f’tankers b'buq wieħed.

    Skond ir-Regolament (KE) Nru 417/2002 kif emendat il-bastimenti li jtajru bandiera ta’ Stat Membru ma jistgħux jirrikorru għall-eżenzjonijiet mir-regola 13G.

    Madanakollu, il-bastiment li jtajjar bandiera ta’ Stat Membru jista’ jibbenefika minn eżenzjonijiet mir-regola 13G minħabba li joperaw barra mill-portijiet jew terminals ‘il barra mix-xtut taħt ġurisdizzjoni Komunitarja iżda fl-istess ħin jibqgħu konformi mar-Regolament (KE) Nru 417/2002 kif emendat.

    Id-delegazzjoni Taljana li kellha l-Presidenza ta’ l-Unjoni Ewropea għamlet dikjarazzjoni matul il-laqgħa plenarja tal-MEPC f’isem il-15-il Stat Membru u l-Kummissjoni Ewropea li ħabbret lill-partijiet kontraenti l-oħra kollha tal-Konvenzjoni MARPOL 73/78, li l-Istati Membri m’humiex se jawtorizzaw it-tankers li jtajru l-bnadar tagħhom li jirrikorru għal kwalunkwe eżenzjoni. Hija stqarriet ukoll li l-Istati Membri għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 8 b) taż-żewġ regoli 13G u 13H b’mod li jirrifjutaw lil xi tankers li ġew temporanjament mogħtija l-awtorizzazzjoni li jidderogaw mill-istandard dinji l-aċċess għall-portijiet jew terminals 'il barra minn xtuthom[3].

    B’hekk, mid-dħul fis-seħħ fil-5 ta’ April 2005 ta’ l-emendi għall-Anness I tal-Konvenzjoni MARPOL 73/78, ir-regoli Komunitarji huma simili għall-istandards internazzjonali li jorbtu għall-bastimenti kollha indipendentement mill-bandiera li jtajru u mid-destinazzjoni tagħhom. Iżda hija tħalli l-possibilità lit-tankers taż-żejt b’buq wieħed li jtajru bandiera ta’ Stat Membru joperaw barra mill-portijiet ta’ l-Unjoni Ewropea li jibbenefikaw mill-eżenzjonijiet tar-regola 13H.

    Il-Kummissjoni tqis li din il-possibilità ġuridika m’hijiex aċċettabbli mil-lat politiku fil-konfront ta’ l-Istati terzi li huma partijiet kontraenti tal-Konvenzjoni MARPOL 73/78 li magħhom l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea impenjaw ruħhom formalment li ma jkollhomx rikors għall-eżenzjonijiet. Għandu jkun enfasizzat li l-bastimenti li jtajru bandiera ta’ Stati terzi ma għandhomx aċċess għall-portijiet jew terminals ‘il barra mix-xtut taħt ġurisdizzjoni Komunitarja jekk dawn l-Istati japplikaw dawn l-eżenzjonijiet.

    Il-pożizzjoni meħuda f’isem l-Istati Membri f’Diċembru 2003 tirrifletti wkoll ir-rieda politika espressa f'bosta okkażjonijiet minn formazzjonijiet differenti tal-Kunsill u tal-Kunsill Ewropew.

    Fil-fatt, il-Kunsill “Trasport” tas-6 ta’ Diċembru 2002, “ Jilqa’ l-isforzi deċiżi li twettqu fi ħdan il-Komunità Ewropea u l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) mill-inċident ta’ l-ERIKA, jenfasizza r-responsabilità sħiħa ta’ l-Istat ta' min tkun il-bandiera, inkluż dak li għandu x'jaqsam mal-kontroll effettiv tas-soċjetajiet tal-klassifikazzjoni li joperaw f’isimhom, u jqis li l-applikazzjoni effettiva tal-miżuri msaħħa ta’ kontroll mill-Istat fejn jinsab il-port, inkluża l-projbizzjoni ta' bastimenti, hija ta’ l-ogħla importanza għat-tneħħija ta' bastimenti ta' kwalità inferjuri għall-istandards," huwa qabel "li l-kwalitajiet ta' żjut tqal[4] ma jistgħux jinġarru għajr b'tankers b'buq doppju. "

    Il-Kunsill “Ambjent” reġa' afferma fid-9 ta’ Diċembru 2002 “ il-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill “Trasport” tas-6 ta’ Diċembru 2002 dwar is-sikurezza tal-bastimenti u l-prevenzjoni mit-tniġġis, bl-għan li tissaħħaħ kemm is-sigurtà marittima kif ukoll il-prevenzjoni tat-tniġġis tal-baħar ikkawżat minn tankers taż-żejt ” u laqa’ “ b’mod partikolari l-miżuri bl-għan li jgħaġġlu t-tneħħija gradwali tat-tankers taż-żejt b’buq wieħed, jipprojbixxu l-użu ta’ tankers b’buq wieħed għall-ġarr ta’ kwalitajiet tqal ta’ żejt ... ".

    Fl-aħħarnett, il-Kunsill Ewropew ta’ Kopenħagen tat-12 u 13 ta’ Diċembru 2002 konferma li “ L-Unjoni hija ddeterminata li tadotta l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tevita li diżastri oħra bħal din ma jerġgħux iseħħu, u jilqa’ r-rispons rapidu mill-Kunsill u mill-Kummissjoni. L-Unjoni se tkompli xorta waħda jkollha rwol determinanti fl-isforzi meħuda fuq livell internazzjonali, speċjalment fi ħdan l-OMI, biex jintlaħaq dan l-għan. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill “Trasport” tas-6 ta’ Diċembru 2002 u tal-Kunsill “Ambjent” tad-9 ta’ Diċembru 2002 għandhom jitwettqu mingħajr dewmien, fl-aspetti kollha tagħhom.”

    Jidher għalhekk li l-istandard Komunitarju li jħalli lill-bastimenti li jtajru bandiera ta’ Stat Membru joperaw fil-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni barra mill-ibħra Komunitarji m’huwiex konformi ma’ dawn il-pożizzjonijiet politiċi li ttieħdu.

    B’hekk, ir-Regolament (KE) Nru 417/2002 għandu jinbidel kemm biex jiggarantixxi r-rispett ta’ l-impenji politiċi meħuda mill-Istati Membri fuq livell dinji kif ukoll biex jassigura l-koerenza tal-politika Komunitarja dwar is-sigurtà marittima.

    L-ewwel Artikolu għandu l-għan li jemenda l-Artikolu 4(3). Din l-emenda tikkonsisti fit-twessigħ ta' l-ambitu ta' applikazzjoni tar-rekwiżiti dwar il-ġarr ta' żejt tqil tar-Regolament hawn imsemmi lill-bastimenti li jtajru bandiera ta' Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea. Din hija kwistjoni ta' projbizzjoni tal-ġarr ta' prodotti taż-żejt tqil għat-tankers kollha b'buq wieħed li jtajru bandiera ta' Stat Membru indipendentement mill-ġurisdizzjoni taħt liema jaqgħu l-portijiet, it-terminals fil-baħar jew iż-żoni marittimi fejn joperaw.

    2006/aaaa (COD)

    Abbozz ta’

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-[...]

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 417/2002 dwar id-dħul gradwali aċċellerat ta' ħtiġiet ta' buq doppju jew ta' disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt b'buq wieħed, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2978/94

    (Test b'relevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 80(2) tiegħu,

    wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni1,

    wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew2,

    wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni3,

    filwaqt li jaġixxu bi qbil mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat4,

    Billi:

    1. Ir-Regolament (KE) Nru 417/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[5] jipprevedi d-dħul gradwali aċċelerat tar-rekwiżiti ta' buq doppju jew ta' disinn ekwivalenti stabbiliti mill-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni ta' Tniġġis minn Bastimenti, 1973 u l-Protokoll tagħha ta’ l-1978, kif emendat (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “il- MARPOL 73/78”) għat-tankers taż-żejt b’buq wieħed, bil-għan li jitnaqqas ir-riskju ta’ tniġġis aċċidentali mill-idrokarburi fl-ibħra Ewropej.

    2. L-hawn imsemmi Regolament daħħal dispożizzjonijiet li jipprojbixxu l-ġarr ta’ prodotti taż-żejt tqil f’tankers b’buq wieħed lejn u minn portijiet ta’ l-Unjoni Ewropea.

    3. Wara azzjoni ta’ l-Istati Membri u tal-Kummissjoni fi ħdan l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO), din il-projbizzjoni ġiet aċċettata fuq livell dinji permezz ta’ emenda ta’ l-Anness I tal- MARPOL 73/78.

    4. Il-paragrafi 5, 6 u 7 tar-regola 13H ta’ l-Anness imsemmi hawn dwar il-projbizzjoni tal-ġarr tal-prodotti taż-żejt tqil f’ tankers b'buq wieħed fihom xi eżenzjonijiet mir-regola. Issa, id-dikjarazzjoni magħmula mill-Presidenza Taljana ta’ l-Unjoni Ewropea għamlet dikjarazzjoni, ippreżentata fir-rapport uffiċjali tal-Kumitat dwar il-Protezzjoni ta' l-Ambjent Marittimu ta’ l-IMO (MEPC 50), li tistqarr impenn politiku li dawn l-eżenzjonijiet m'humiex se jintużaw.

    5. Madanakollu, fir-Regolament (KE) Nru 417/2002, bastiment li jtajjar bandiera ta’ Stat Membru jista’ jibbenefika minn eżenzjonijiet mir-regola 13H minħabba li jopera barra mill-portijiet jew terminals ‘il barra mix-xtut taħt ġurisdizzjoni Komunitarja iżda fl-istess ħin jibqa’ konformi ma’ l-imsemmi Regolament.

    6. Ir-Regolament (KE) Nru 417/2002 għandu għaldaqstant jiġi emendat skond dan,

    ADDOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 417/2002, il-paragrafu 3a li jmiss għandu jiddaħħal:

    “ 3a. L-ebda tanker li jġorr prodotti taż-żejt tqil m'hu awtorizzat itajjar bandiera ta' Stat Membru, għajr jekk ikun tanker taż-żejt b'żewġt ibwieq."

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea .

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, [...]

    Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

    Il-President Il-President

    […] […]

    [1] Regola 20 skond in-numerazzjoni l-ġdida ta’ l-Anness I tal-Konvenzjoni MARPOL 73/78 kif emendata.

    [2] Regola 21 skond in-numerazzjoni l-ġdida ta’ l-Anness I tal-Konvenzjoni MARPOL 73/78 kif emendata.

    [3] Rapport tal-Kumitat dwar il-Protezzjoni ta’ l-Ambjent Marittimu fuq ix-xogħolijiet tal-ħamsin sessjoni, doc. MEPC 50/3, Anness VI, p.1.

    [4] Dan jinkludi l-fjuwil tqil, il-qatran, il-bitum u ż-żejt tqil mhux raffinat.

    1 ĠU C [...], [...], p. [...].

    2 ĠU C [...], [...], p. [...].

    3 ĠU C [...], [...], p. [...].

    4 ĠU C [...], [...], p. [...].

    [5] ĠU L 64, 14.1.2003, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2172/2004 (ĠU L 371, 18.12.2004, p. 26).

    Top