Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006PC0093

    Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE dwar il-kontroll ta' l-akkwist u l-pussess ta' l-armi

    /* KUMM/2006/0093 finali - COD 2006/0031 */

    52006PC0093




    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 2.3.2006

    KUMM(2006) 93 finali

    2006/0031 (COD)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE dwar il-kontroll ta' l-akkwist u l-pussess ta' l-armi

    (preżentata mill-Kummissjoni)

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Il-motivi għall-proposta u l-għanijiet tagħha

    Il-Kummissjoni, f'isem il-Komunità (u, bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill bid-data s-16 ta' Ottubru 2001[1]), iffirmat il-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-iffabbrikar u l-ittraffikar illeċitu ta' fl-armi tan-nar, il-partijiet, komponenti u ammunizzjoni tagħhom, anness mal-Konvenzjoni kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali (il-"Protokoll dwar l-Armi tan-Nar", minn hawn 'il quddiem "il-Protokoll"), b'żieda mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-kriminalità transnazzjonali organizzata[2]. L-introduzzjoni ta' klawżola ta' skunness ippermettiet li tinżamm il-kompetenza Komunitarja fil-konklużjoni ta' dan l-istrument internazzjonali.

    Dan il-Protokoll għandu l-għan li "jippromwovi, jiffaċilita u jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Partijiet bil-għan li jipprevjeni, jiġġieled u jeqred il-manifattura u t-traffiku illegali ta' l-armi tan-nar, il-partijiet, l-elementi u l-munizzjon tagħhom" (Artikolu 2). Fih għadd ta' artikoli (21) li fil-qofol jimmiraw li "jipprevjenu l-manifattura u t-traffiku illegali ta' l-armi tan-nar, il-partijiet, l-elementi u l-munizzjon tagħhom". Madankollu, ċerti dispożizzjonijiet tal-Protokoll iġibu magħhom xi tibdiliet limitati u tekniċi, speċifikatament għad-Direttiva tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 1991 rigward il-kontroll ta' l-akkwist u l-pussess ta' armi, u dan minkejja li l-missjoni tal-Protokoll hija differenti minn dik tad-Direttiva, li min-naħa tagħha ma tapplikax ħlief għall-kummerċ legali ta' ċerti tipi ta' armi (pereżempju, bl-esklużjoni ta' l-armi tal-gwerra), u biss fil-kuntest tas-Suq Intern.

    Għaldaqstant, din il-proposta ma tittrattax l-aspetti tal-Protokoll li jmorru lil hinn mill-ambitu tad-Direttiva 91/447, bħalma huma, pereżempju, is-sistemi ta' l-importazzjoni u l-esportazzjoni li jitħaddmu mill-Istati Membri fuq il-fruntieri esterni ta' l-Unjoni Ewropea.

    Il-kuntest ġenerali

    Tajjeb li, qabel xejn, jiġu ppreċiżati l-istess kunċetti tal-manifattura u t-traffiku illegali ta' l-armi tan-nar, il-partijiet, l-elementi u l-munizzjon tagħhom, billi jiddaħħlu fid-Direttiva d-definizzjonijiet li jagħti l-Protokoll lil dawn l-attivitajiet – fl-Artikolu 3 – u dan kollu, ma għandniex xi ngħidu, għall-finijiet taċ-ċarezza, iċ-ċertezza u l-koerenza legali.

    Bl-istess mod, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata tagħti importanza partikolari lit-traċċar ta' l-armi tan-nar. It-tibdiliet tekniċi deskritti hawn taħt jimmiraw li t-traċċar jagħmluh aktar faċli, fil-kuntest ta' l-armi msemmija fid-Direttiva 91/477, u għalihom.

    Għalhekk, il-prinċipju ta' l-immarkar waqt il-manifattura ta' l-armi – naturalment, għal dawk li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva – ma jidhirx ħlief indirettament fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/477, permezz tar-referenzi għall-elementi ta' l-identifikazzjoni ta' l-armi li għandhom jidhru fir-reġistri tal-manifatturi ta' l-armi. Il-Protokoll, min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 8.1 a) tiegħu ("il-marki ta' l-armi tan-nar, il-manifattura") jimponi biċ-ċar obbligu ta' l-immarkar. Tista' tittieħed kif inhi u tiddaħħal fid-Direttiva.

    Bl-istess mod, jidher tajjeb li, fl-istess Artikolu tad-Direttiva, tiddaħħal il-preskrizzjoni li hemm fl-Artikolu 8.1.c) tal-Protokoll, li permezz tagħha huwa stabbilit ukoll obbligu ta' l-immarkar fil-kuntest tat-trasferimenti ta' l-armi minn ħażniet tal-gvernijiet bil-ħsieb li jitqiegħdu fl-użu ċivili permanenti.

    L-istess Artikolu 4 tad-Direttiva 91/477 jobbliga lill-kummerċjanti ta' l-armi (definiti fid-Direttiva bħala "kull persuna naturali jew legali li l-kummerċ jew in-negozju tagħha jikkonsistu kompletament jew parzjalment fil-manifattura, kummerċ, bdil, kiri, tiswijiet jew konverżjoni ta' armi tan-nar" - Artikolu 1, it-tieni paragrafu) li jżommu, għal perjodu ta' ħames snin, reġistru li fih jitniżżel id-dħul u l-ħruġ ta' l-armi. Biex jissaħħaħ l-aspett tas-sigurtà fid-Direttiva, tajjeb li jiġi adottat perjodu minimu ta' 10 snin għaż-żamma tar-reġistri, kif jistipula l-Protokoll (Artikolu 7). Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li l-attivitajiet tas-sensara u s-senserija, hekk kif jissemmew fl-Artikolu 15 tal-Protokoll, jaqgħu sew fid-definizzjoni tal-kummerċjant ta' l-armi li tagħti d-Direttiva.

    L-Artikolu 5 tal-Protokoll jipprevedi li l-Istati Partijiet jadottaw il-miżuri leġiżlattivi u ta' xorta oħra li jkunu meħtieġa biex jagħtu l-karattru ta' ksur tal-liġi kriminali; huma maħsuba dawk l-atti intenzjonali partikolarment għall-manifattura u t-traffiku illegali ta' l-armi tan-nar. Għalhekk, jeħtieġ li tissaħħaħ il-formulazzjoni tas-sanzjonjiet eventwali li huma applikabbli taħt id-Direttiva, sabiex tiżdied l-effikaċja tagħhom.

    Barra minn dan, l-Anness I tad-Direttiva 91/477 (il-punt III, a) jippreċiża li l-oġġetti li jkunu jikkorrispondu mad-definizzjoni ta' l-armi tan-nar imma li, permezz ta' ċerti proċedimenti tekniċi, jkunu ġew magħmula definittivament mhux tajba għall-użu, ma jitqisux bħala armi li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva. Min-naħa tiegħu, il-Protokoll, fl-Artikolu 9 tiegħu, jistabbilixxi ċerti prinċipji ġenerali tan-newtralizzazzjoni ta' l-armi, aktar kompluti, li jeħtieġ li jiddaħħlu fid-Direttiva emendata.

    In-natura tat-tibdiliet proposti

    It-tibdiliet proposti ma jiftħux kwistjonijiet ġodda fir-rigward ta' l-ekonomija ġenerali tad-Direttiva. Ma jagħmlux ħlief jadattaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għall-kuntest regolatorju ġdid miġjub mill-adeżjoni tal-Komunità għall-Protokoll.

    Il-koerenza mal-politiki l-oħra u l-għanijiet ta' l-Unjoni

    Il-proposta hija partikolarment koerenti mal-politika ta' l-Unjoni kontra l-kriminalità organizzata. Tidħol għal kollox fl-istess orjentament tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-"miżuri biex tiġi żgurata sigurtà akbar fl-isplussivi, detonaturi, tagħmir għall-produzzjoni tal-bombi u armi tan-nar" COM(2005) 329 finali – li tippreċiża kif ġej: "fl-2005, il-Kummissjoni ser tipproponi modifika teknika tad-Direttiva Nru 91/477 sabiex tintegra d-dispożizzjonijiet xierqa meħtieġa mill-Protokoll fir-rigward ta’ trasferimenti fil-Komunità ta’ l-armi msemmija fid-Direttiva".

    IL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-EVALWAZZJONIJIET TA' L-IMPATT

    Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati

    Ma hija meħtieġa l-ebda konsultazzjoni f'dan il-każ, ġaladarba li hawnhekk il-kwistjoni hija l-validazzjoni ta' obbligu internazzjonali tal-Komunità.

    Għandu jibqa' quddiem għajnejna li l-proposta ma tmissx ħlief aspetti tekniċi tad-Direttiva; perizja teknika dwar il-proposti li fiha ngħatat minn grupp ta' esperti nazzjoali, kif huwa ppreċiżat aktar 'l isfel.

    Il-ġbir u l-użu ta' għarfien espert

    L-oqsma xjentifiċi/ta' l- għarfien espert ikkonċernati

    It-tibdiliet proposti diġà ġew aċċettati fuq il-livell ta' l-Unjoni waqt in-negozjati dwar il-Protokoll; dan huwa qbil konġunt, li ġie nnegozjat fil-kuntest ta' koordinament bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni; it-tibdiliet ma jagħmlu xejn għajr li jtennu l-pożizzjonijiet li fuqhom il-Protokoll ġie konkluż.

    Il-metodoloġija użata

    Laqgħa, fit-23 ta' Mejju 2005, ta' grupp informali ta' esperti nazzjonali dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 91/477, biex jeżaminaw il-konsegwenzi ta' l-adeżjoni għall-Protokoll fuq it-tfassil tad-Direttiva.

    L-organizzazzjonijiet / l-esperti ewlenin ikkonsultati

    Rappreżentanti tal-Ministeri tal-Ġustizzja, ta' l-Intern u tad-Difiża.

    Sommarju tal-pariri rċevuti u użati

    Il-grupp jidhirlu li jeħtieġ li t-tibdiliet tekniċi proposti jsiru, aktar u aktar ġaladarba jitqajmu minn ftehim (il-Protokoll) li diġà huwa nnegozjat u konkluż.

    Il-mezzi użati sabiex ir-riżultati ta’ dawn il-perizji jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku

    Il-Protokoll ġie ppubblikat kif kien dovut (ara r-referenza aktar 'il fuq) u l-partijiet interessati ma nnotifikaw l-ebda riserva.

    Evalwazzjoni ta' l-impatt

    L-ebda evalwazzjoni ta' l-impatt ma hija meħtieġa, minħabba li l-kwistjoni hija sempliċement waħda ta' tibdiliet tekniċi li joħorġu minn impenji internazzjonali tal-Komunità, kif jirriżulta mid-dokument "Linji ta' gwida dwar l-evalwazzjonijiet ta' l-impatt" (SEC(2005) 791 tal-15 ta' Ġunju 2005).

    Li kellhom ma jsirux dawn it-tibdiliet, ikun hemm inċertezza legali għall-operaturi ekonomiċi u n-nuqqas ta' qadi ta' l-obbligi internazzjonali tal-Komunità.

    L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

    Sinteżi tal-miżuri proposti

    Id-definizzjoni, fl-ambitu tad-Direttiva, tal-kunċetti tal-manifattura u t-traffiku illeglai ta' l-armi tan-nar, l-affermazzjoni mill-ġdid tal-ħtieġa li jiġu mmarkati, l-estensjoni tal-perjodu għaż-żamma tar-reġistri stipulat fid-Direttiva, il-kjarifika tas-sanzjonjiet applikabbli, u t-tennija tal-prinċipji ġenerali dwar in-newtralizzazzjoni ta' l-armi definiti mill-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti.

    Il-bażi legali

    L-Artikolu 95 tat-Trattat tal-KE

    Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

    L-azzjoni tal-Kummissjoni hija ġġustifikata mill-iffirmar tal-Protokoll, li naturalment iġib miegħu obbligi internazzjonali li jeħtieġ li jinqdew.

    Il-prinċipju tal-proporzjonalità

    It-tibdiliet proposti jillimitaw irwieħhom għall-integrazzjoni fid-Direttiva ta' l-istess dispożizzjonijiet tal-Protokoll.

    Il-piż finanzjarju u amministrattiv li dawn it-tibdiliet iġibu magħhom huwa limitat ħafna.

    Pereżempju, fil-prattika l-immarkar ta' l-armi kkonċernati diġà huwa żgurat min-naħa ta' l-operaturi ekonomiċi, u ż-żamma tar-reġistri hija kkompjuterizzata fil-biċċa l-kbira tagħha. il-prinċipji ġenerali tad-diżattivazzjoni jħallu għażla wiesgħa ta' metodi applikabbli, u d-determinazzjoni tas-sanzjonjiet applikabbli ma għandhiex impatt finanzjarju.

    L-għażla ta' strumenti

    L-istrument(i) propost(i): Direttiva

    Ġaladarba l-att legali oriġinali li għandu jinbidel huwa Direttiva hu stess, l-istrument legali adatt huwa Direttiva wkoll, b'rispett tal-paralleliżmu formali.

    L-għażla ta' strument Komunitarju ieħor, jew inkella t-tħollija tat-tibdiliet maħsuba għal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, kien ikollhom l-effett li jiżvojtaw id-Direttiva minn parti mis-sustanza tagħha, u jheddu l-istess koerenza u kredibbiltà tagħha.

    Barra minn hekk, ma kien ikun bl-ebda mod ġustifikabbli li l-Komunità, bħala Parti fil-Protokoll, tonqos milli tiġbed minnu l-konsegwenzi fl-ordinament legali intern tagħha.

    L-IMPLIKAZZJONIJIET GħALL-BAġIT

    Il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Komunità.

    TAGħRIF IEħOR

    Is-simplifikazzjoni

    L-awtoritajiet pubbliċi fuq il-livell ta' l-Unjoni jistgħu, b'mod partikolari, iserrħu rashom mit-traċċabbiltà aktar faċli ta' l-armi koperti mid-Direttiva bil-garanzija ta' l-immarkar adegwat u żieda fil-perjodu minimu stipulat għaż-żamma tar-reġistri.

    Ir-revoka ta' dispożizzjonijiet leġiżlattivi eżistenti

    Ma hemm l-ebda dispożizzjoni leġiżlattiva eżistenti oħra li għandha tiġi rrevokata.

    Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta, bil-Kapitolu jew bl-Artikolu

    Jingħataw fil-parti 3) "elementi legali tal-proposta sinteżi tal-miżuri proposti".

    2006/0031 (COD)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE dwar il-kontroll ta' l-akkwist u l-pussess ta' l-armi

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 95(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni[3],

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[4],

    Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat[5],

    Billi:

    (1) Id-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE tat-18 ta' Ġunju 1991 dwar il-kontroll ta' l-akkwist u l-pussess ta' armi[6] kienet miżura ta' akkumpanjament għas-suq intern. Stabbiliet bilanċ bejn l-impenn li jiġi żgurat ċertu ħelsein ta' moviment għal ċerti armi tan-nar fi ħdan il-Komunità, u l-ħtieġa li dan il-ħelsien jiġi rregolat permezz ta' ċerti garanziji ta' sigurtà, adatti għal dan it-tip ta' prodott.

    (2) F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/748/KE tas-16 ta' Ottubru 2001 dwar l-iffirmar f'isem il-Komunità Ewropea tal-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti fuq l-iffabbrikar u l-ittraffikar illeċitu ta' fl-armi tan-nar, il-partijiet, komponenti u ammunizzjoni tagħhom, anness mal-Konvenzjoni kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali[7], il-Kummissjoni, f'isem il-Komunità, iffirmat il-Protokoll imsemmi (minn hawn 'il quddiem "il-Protokoll").

    (3) L-adeżjoni tal-Komunità għall-Protokoll tagħmel neċessarju t-tibdil ta' ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/477/KEE. Fil-fatt, jeħtieġ li tiġi żgurata applikazzjoni koerenti, effikaċi u rapida ta' l-obbligi internazzonali li jolqtu d-Direttiva.

    (4) Għal dan il-għan, jeħtieġ li jiġu ppreċiżati l-kunċetti tal-manifattura u t-traffikar illegali ta' l-armi tan-nar, tal-partijiet, il-komponenti u l-munizzjon tagħhom, għall-finijiet ta' din id-Direttiva.

    (5) Barra minn hekk, il-Protokoll jistabbilixxi obbligu ta' l-immarkar ta' l-armi waqt il-manifattura tagħhom, u waqt it-trasferimenti tagħhom minn ħażniet tal-gvernijiet bil-ħsieb li jitqiegħdu fl-użu ċivili permanenti, filwaqt li d-Direttiva 91/477 tagħmel biss referenza indiretta għall-obbligu ta' l-immarkar.

    (6) Min-naħa l-oħra, it-tul ta' żmien għaż-żamma tar-reġistri ta' informazzjoni dwar l-armi għandu jinġieb għal talanqas għaxar snin, kif jipprovdi l-Protokoll.

    (7) Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li l-attivitajiet tas-sensara u s-senserija, hekk kif jissemmew fl-Artikolu 15 tal-Protokoll, jaqgħu sew fid-definizzjoni tal-kummerċjant ta' l-armi li tagħti d-Direttiva.

    (8) F'ċerti każi gravi, il-Protokoll jesiġi sanzjonijiet penali u l-konfiska ta' l-armi. Għaldaqstant, is-sanzjonjiet previsti fid-Direttiva għandhom jissaħħu.

    (9) Rigward in-newtralizzazzjoni ta' l-armi tan-nar, il-punt III a) ta' l-Anness I tad-Direttiva jirreferi għal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali. Il-Protokoll, aktar espliċitament, jistipula prinċipji ġenerali dwar in-newtralizzazzjoni ta' l-armi. L-Anness I tad-Direttiva għaldaqstant jeħtieġ li jiġi kkompletat.

    (10) Għalhekk, jeħtieġ li d-Direttiva 91/477/KE tinbidel kif inhu xieraq,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Id-Direttiva 91/477/KEE hija b'dan emendata kif ġej:

    1) Fl-Artikolu 1, wara l-paragrafu 2, jiżdiedu ż-żewġ paragrafi ġodda li ġejjin:

    «3. Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, "manifattura illegali" tfisser il-manifattura jew l-assemblaġġ ta' l-armi tan-nar, tal-partijiet u l-komponenti jew il-munizzjon tagħhom.

    - fuq il-bażi ta' partijiet jew komponenti li jkunu ġew traffikati illegalment;

    - mingħajr liċenzja jew awtorizzazzjoni, f'konformità mal-liġi interna, ta' awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li fih iseħħu l-manifattura jew l-assemblaġġ; jew

    - mingħajr l-immarkar ta' l-armi tan-nar waqt il-fabbrikazzjoni tagħhom f'konformità ma' l-Artikolu 4(1).

    4. Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, "traffikar illegali" tfisser l-akkwist, il-bejgħ, il-kunsenja, it-trasport jew it-trasferiment ta' l-armi tan-nar, tal-partijiet, il-komponenti u l-munizzjon tagħhom, bi tluq mit-territorju ta' Stat Membru jew b'passaġġ minn dan it-territorju lejn dak ta' Stat Membru ieħor, jekk wieħed miż-żewġ Stati Membri kkonċernati ma jawtorizzax li dan isir skond id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva jew jekk l-armi tan-nar ma jkunux immarkati f'konformità ma' l-Artikolu 4(1). »

    2) L-Artikolu 4 huwa mibdul b'dan li ġej:

    «1. Għall-finjiet ta' l-identifikazzjoni jew it-traċċar ta' kull arma tan-nar, l-Istati Membri, waqt il-manifattura ta' kull arma tan-nar, għandhom jesiġu li ssirilha jew marka unika li tindika isem il-manufattur, il-pajjiż jew il-post tal-manifattura u n-numru tas-serje, jew inkella kwalunkwe marka unika u ta' użu faċli oħra li jkun tikkonsisti f'simboli ġeometriċi sempliċi magħqudin ma' kodiċi numerika jew alfanumerika, li tkun tippermetti lil kwalunkwe Stat li jidentifika faċilment il-pajjiż tal-manifattura.

    Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-każ tat-trasferiment ta' arma tan-nar mill-ħażniet governattivi bil-ħsieb ta' użu ċivili permanenti, din l-arma jkollha marka unika adegwata li tkun tippermetti lill-Istati li jidentifika faċilment il-pajjiż ta' dan it-trasferiment.

    2. Talanqas għall-kategoriji A u B, kwalunkwe Stat Membru għandu jagħmel l-eżerċizzju ta' l-attività ta' kummerċjant ta' l-armi fit-territorju tiegħu dipendenti fuq approvazzjoni, li tingħata fuq il-bażi, talanqas, ta' verifika tal-karattru tajjeb, privat u professjonali, tal-kummerċjant. Jekk il-kummerċjant ikun persuna legali, il-verifika għandha ssir fir-rigward tal-persuna li tkun qiegħda tmexxi l-impriża. Għall-kategoriji C u D, kull Stat Membru li ma jagħmilx l-eżerċizzju ta' negozjant ta' l-armi dipendenti fuq approvazzjoni, għandu jagħmel dan l-eżerċizzju suġġett għal dikjarazzjoni.

    3. Il-kummerċjanti ta' l-armi għandhom iżommu reġistru li fih jitniżżel id-dħul u l-ħruġ ta' l-armi tan-nar tal-kategoriji A, B u C, flimkien mad-data li tippermetti l-identifikazzjoni ta' l-arma, partikolament it-tip, il-marka, il-mudell, il-kalibru u n-numru tal-manifattura, kif ukoll l-ismijiet u l-indirizzi tal-fornitur u l-akkwirent. Dan ir-reġistru għandu jinżamm mill-kummerċjant għal perjodu ta' ħames snin, inkluż wara l-waqfien ta' l-attività. Kull Stat Membru għandu jiżgura l-konservazzjoni ta' din l-informazzjoni għal perjodu minimu ta' għaxar snin."

    3) L-Artikolu 16 huwa mibdul b'dan li ġej:

    "1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu s-sitema tas-sanzjonjiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati għall-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Is-sanzjonjiet previsti għal dan il-għan jeħtiġilhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw, fil-kuntest ta' din id-Direttiva, li jqisu bħala ksur tal-liġi kriminali kwalunkwe att intenzjonali li jirrigwarda:

    - l-manifattura illegali ta' l-armi tan-nar, il-partijiet, il-komponenti u l-munizzjon tagħhom;

    - it-traffikar illegali ta' l-armi tan-nar, il-partijiet, il-komponenti u l-munizzjon tagħhom;

    - il-falsifika jew it-tħassir, it-tneħħija jew it-tibdil b'mod illegali ta' l-immarkar stipulat fl-Artikolu 4(1).

    It-tentattivi ta' atti bħal dawn, il-parteċipazzjoni fihom u l-inċitazzjoni għalihom għandhom ukoll jitqiesu bħala ksur tal-liġi kriminali, meta jitwettqu intenzjonalment.

    Dan il-ksur għandu jkun suġġett għal miżuri ta' konfiska kif jistipula l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta' Qafas tal-Kunsill 2005/212/Ġustizzja u Intern ta' l-24 ta' Frar 2005 dwar il-konfiska tal-prodotti, l-istrumenti u l-beni relatati mal-kriminalità.

    2. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 sa mhux aktar tard minn d-data speċifikata fl-Artikolu 2 ta' din id-Direttiva u għandhom jinnotifikawha bla ebda dewmien b'kull emenda ulterjuri tagħhom."

    4) L-Anness I huwa emendat kif ġej:

    a) Il-punt III a) huwa mibdul b'dan li ġej:

    "a) ikunu saru definittivament mhux tajba għall-użu permezz ta' newtralizzazzjoni li tiżgura li l-partijiet kollha essenzjali ta' l-arma tan-nar ikunu saru għal kollox mhux utilizzabbli u li ma jkunux jistgħu jinqalgħu, sostitwiti jew mibdula bil-għan ta' kwalunkwe reattivazzjoni";

    b) Is-subparagrafu li ġej għandu jiddaħħal wara l-ewwel subparagrafu:

    "L-Istati Membri għandhom jieħdu d-dispożizzjonijiet biex jiżguraw li awtorità kompetenti tivverifika l-miżuri ta' newtralizzazzjoni msemmija fil-punt a), bil-għan li jiġi ggarantit li l-modifiki li jkunu saru fuq l-arma tan-nar ikunu għamluha definittivament mhux tajba għall-użu. L-Istati Membri għandhom, fil-kuntest tal-verifika msemmija, jipprovdu għall-ħruġ ta' ċertifikat jew ta' dokument li jixhed li l-arma tan-nar tkun ġiet newtralizzata, jew inkella għal marka tidher ċar fuq l-arma tan-nar li tixhed dan."

    Artikolu 2

    1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [...]. Għandhom mingħajr dewmien jipprovdu lill-Kummissjoni bit-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u tabella ta' korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn ta' l-aħħar għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva, jew ikollhom magħhom referenza bħal din fil-waqt tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-modi ta' kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

    2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenija tal-liġijiet nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fil-ġurnata wara l-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea .

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussel,

    Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

    Il-President Il-President[pic][pic][pic]

    [1] Ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej L280, 24.10.2001.

    [2] http://untreaty.un.org/English/TreatyEvent2003/index.htm

    [3] ĠU C [...], [...], p. [...]

    [4] ĠU C [...], [...], p. [...]

    [5] ĠU C [...], [...], p. [...]

    [6] ĠU L 256 tat-13.9.1991, p. 51.

    [7] ĠU L 280 tad-24.10.2001, p.5.

    Top