Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006DC0763

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Ewropa globali - Strumenti għad-Difiża tal-Kummerċ ta’ l-UE f’ekonomija dinjija li qed tinbidel - Green Paper għal konsultazzjoni pubblika

/* KUMM/2006/0763 finali */

52006DC0763




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 6.12.2006

KUMM(2006) 763 finali

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI EWROPA GLOBALI

Strumenti għad-Difiża tal-Kummerċ ta’ l-UE f’ekonomija dinjija li qed tinbidel Green Paper għal konsultazzjoni pubblika

EWROPA GLOBALI

Strumenti għad-Difiża tal-Kummerċ ta’ l-UE f’ekonomija dinjija li qed tinbidel Green Paper għal konsultazzjoni pubblika (Test b’relevanza għall–EEA)

Introduzzjoni

L-Unjoni Ewropea, bħall-biċċa l-kbira ta’ l-ekonomiji importaturi l-oħra, topera sistema ta’ strumenti għad-difiża tal-kummerċ. Dawn l-istrumenti – miżuri ta’ Anti-Dumping , Kontra s-Sussidju u Salvagwardjar – jippermettu lill-Unjoni Ewropea tiddefendi l-produtturi tagħha kontra kummerċ mhux ġust jew importazzjonijiet issussidjati u kontra ċaqliq fil-flussi kummerċjali sakemm dawn huma ta’ ħsara għall-ekonomija ta’ l-UE. Hu importanti li nużaw dawn l-instrumenti b’mod effettiv u rigoruż biex jiġi żgurat li r-regoli internazzjonali tal-kummerċ jiġu rrispettati u biex jiġu protetti l-interessi Ewropej kontra l-kummerċ inġust.

L-użu ta’ dawn l-istrumenti mill-UE hu bbażat fuq regoli li ġejjin mill-ftehimiet tad-WTO li jistabbilixxu strumenti għad-difiża tal-kummerċ u l-prinċipji li fuqhom dawn joperaw bħala parti leġittima tas-sistema multilaterali tal-kummerċ ħieles. Bħall-ħidma urġenti biex jitrazznu l-falsifikazzjoni u s-serq tal-proprjetà intellettwali, inkluż bl-abbuż mill-komunikazzjonijiet elettroniċi, id-difiża kontra kummerċ inġust hi politikament u ekonomikament parti kruċjali mid-difiża tal-kummerċ ħieles. Dan jippermettilna nappoġġaw l-interessi tal-ħaddiema Ewropej u tal-kompetittività, u hu għalhekk parti importanti biex l-Ewropa jkollha l-għajnuna biex tamministra l-konsekwenzi tal-globalizzazzjoni.

Ir-raġuni fundamentali ekonomika għall-miżuri Anti-Dumping u Kontra s-Sussidju għad-difiża tal-kummerċ issegwi essenzjalment mill-fatt li l-ekonomija internazzjonali ma għandha ebda mekkaniżmu li jikkoreġi prattiċi anti-kompetittvi bħall-awtoritajiet tal-kompetizzjoni li joperaw kważi fl-ekonomiji nazzjonali kollha. Barra minn dan, ftit li xejn huma l-ġurisdizzjonijiet li għandhom regoli formali jew istituzzjonijiet għall-kontroll tas-sussidji simili għar-regoli dwar l-għajnuna statali ta’ l-Unjoni Ewropea. Strumenti għad-difiża tal-kummerċ żviluppaw fil-liġi internazzjonali bħala mezz li bih jiġu kkoreġuti l-effetti li jgħawġu l-kummerċ minħabba prattika ta’ nuqqas ta’ kompetittività fil-livell internazzjonali.

L-azzjoni għad-difiża tal-kummerċ Ewropew eliminat f’dawn l-aħħar għaxar snin l-effetti tad- dumping li jgħawweġ l-kummerċ f’setturi importanti bħall-azzar, il-kimiċi u l-mikroproċessuri li jheddu l-vijabilità kontinwa ta’ dawn l-industriji u l-eluf ta’ ħaddiema tagħhom fl-Ewropa.

L-UE marret lilhinn minn kull membru ieħor tad-WTO billi bniet b’mod unilaterali fuq ir-regoli tad-WTO biex tissikka l-kondizzjonijiet għall-użu u biex tiffoka l-impatt ta’ l-azzjoni għad-difiża tal-kummerċ fis-suq tagħha. L-UE pproduċiet sistema ta’ strumenti għad-difiża tal-kummerċ li hi diskutibilment aktar miftuħa u aktar ibbilanċjata minn dik ta’ kull membru ieħor tad-WTO. L-UE mexxiet ukoll id-diskussjoni rigward ir-riforma tar-regoli tad-WTO għad-difiża tal-kummerċ, li kienet parti integrali tar-Rawnd ta’ Doha. L-applikazzjoni leali ta’ dawn ir-regoli miftiehma b’mod internazzjonali mill-membri kollha tad-WTO hi kruċjali għat-tħaddim tas-sistema internazzjonali tal-kummerċ. Din l-insistenza li kulħadd għandu josserva r-regoli miftiehma fil-qasam għandha tibqa’ għan li jiddiriġina fil-politika tagħna fil-ġejjieni.

Madankollu, fl-għaxar snin mill-Ftehim dwar l- Anti-Dumping ta’ l-1994 u fl-aħħar riforma ta’ importanza kbira ta’ l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ ta’ l-UE, kien hemm tibdiliet li jwasslu fit-tul fl-ekonomija dinjija u fl-istruttura ta’ l-ekonomija ta’ l-UE. Dawn kienu fattur importanti fil-prijoritajiet globali ta’ din il-Kummissjoni fil-promozzjoni ta’ aġenda ġdida għall-iżvilupp u l-kompetittività. Dawn il-prijoritajiet huma stabbiliti fil-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni għall-Kunsill Ewropew ta’ Hampton Court: Valuri Ewropej f’dinja globalizzata .

Bħalissa aktar kumpaniji mill-UE qed jipproduċu oġġetti ’l barra mill-UE għall-importazzjoni fl-UE, jew joperaw ktajjen ta’ provvisti li jmorru lilhinn mis-suq ta’ l-UE. Dawn it-tibdiliet jisfidaw il-fehmiet familjari dwar x’jikkostitwixxi l-produzzjoni ta’ l-UE u l-interessi ekonomiċi tagħha. Minħabba li preċiżament huma dawn l-affarijiet li l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ huma intenzjonati li jiddifendu, analiżi perjodika tista’ tgħinna niżguraw li l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ ta’ l-UE jibqgħu tweġiba effettiva għal prattiċi ta’ kummerċ inġust. Dan jista’ wkoll jgħin biex jinżamm appoġġ qawwi politiku wara l-użu ta’ dawn l-istrumenti neċessarji fl-UE.

Il-Kummissjoni enfasizzat reċentement aġenda ġdida ta’ politiki maħsuba biex isaħħu l-kapaċità ta’ l-UE biex tikkompeti f’ekonomija dinjija kkaratterizzata bi frammentazzjoni u b’komplessità li kull ma jmorru dejjem jiżdiedu tal-proċess ta’ produzzjoni u tal-ktajjen ta’ provvisti u bl-iżvilupp ta’ parteċipanti ekonomiċi ġodda, partikularment fl-Asja ( Ewropa Dinjija: Nikkompetu fid-Dinja) . Din ir-riflessjoni dwar l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ ta’ l-UE hi parti integrali ta’ din l-aġenda. Il- Green Paper ma titfax dubju fuq il-valur fundamentali ta’ l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ, iżda tistieden riflessjoni pubblika dwar kif l-UE tista’ tkompli tużahom bl-aħjar effett fl-interess Ewropew.

Il- Green Paper tagħmel użu mill-esperjenza tal-Kummissjoni Ewropea fl-immaniġġjar ta’ l-użu ta’ l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ kif ukoll mir-riżultati ta’ studju reċenti ta’ valutazzjoni dwarhom. Hi tirrifletti wkoll l-kuntatti informali ma’ l-Istati Membri ta’ l-UE u mal-Parlament Ewropew u ma’ sensiela ta’ dokumenti ta’ studju ppreżentati lill-Kummissarju tal-Kummerċ ta’ l-UE Peter Mandelson minn esperti fil-qasam ta’ l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ f’Lulju 2006[1].

Id-dokument jiġbor il-kwistjonijiet f’sitt temi:

1. ir-rwol ta’ l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ f’ekonomija globali li qed tinbidel;

2. it-tweżin tad-diversi interessi ta’ l-UE fl-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ;

3. it-tnedija u t-tmexxija ta’ l-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ;

4. il-forma, il-mument propizju u t-tul ta’ żmien tal-miżuri għad-difiża tal-kummerċ;

5. it-trasparenza ta’ l-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ u;

6. l-istruttura istituzzjonali ta’ l-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ.

Għal kull grupp ta’ kwistjonijiet hu jqanqal sensiela ta’ mistoqsijiet li għalihom parteċipanti fil-konsultazzjoni huma mistiedna li jwieġbu.

Kaxxa 1: Strumenti għad-difiża tal-kummerċ ta’ l-Ewropa

Anti-Dumping . Ir-regoli Anti-dumping huma l-forma l-aktar użata ta’ l-Unjoni Ewropea ta’ strument għad-difiża tal-kummerċ. Il-miżuri anti-dumping jindirizzaw l-importazzjoni ta’ oġġetti lejn l-Unjoni Ewropea li valur anqas minn dak normali fis-suq domestiku tagħhom – spiss bħala riżultat ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni u/jew ta’ interferenza mill-istat fil-proċess ta’ produzzjoni jippermetti li esportatur ibaxxi b’mod artifiċjali l-ispiża ta’ l-esportazzjoni. Id- dumping jikkaġuna ħsara mhux biss lill-produtturi ta’ l-UE iżda wkoll lill-produtturi f’pajjiżi terzi li jikkompetu għal aċċess fis-suq ta’ l-UE. Eżempji tipiċi ta’ tgħawwiġ li jwassal għall- dumping jinkludu: ostakoli sinifikanti ta’ tariffi u ta’ non-tariffi, insuffiċjenza fl-inforzar tar-regoli ta’ kompetizzjoni, eżenzjonijiet mit-taxxi fuq l-esportazzjoni; materja prima u/jew prezzijiet ta’ enerġija baxxi artifiċjalment. Fejn investigazzjoni mill-UE turi li dawn l-importazzjonijiet huma ta’ ħsara għall-produtturi ta’ l-UE regoli Anti-dumping jippermettu miżuri rimedjali biex titranġa l-ħsara. Normalment dawn jikkonsistu fl-impożizzjoni ta’ taxxa fuq l-importazzjoni ta’ oġġeti li jikkostitwixxu każ ta’ dumping .

Kontra s-Sussidju. Miżuri kontra s-sussidju jixbhu lill-miżuri Anti-Dumping ħlief li huma jsewwu b’mod speċifiku l-effetti tat-tgħawwiġ kummerċjali tas-sussidji azzjonabbli tad-WTO għal prodotti barranin, fejn jintwera li dawn is-sussidji jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-produtturi ta’ l-UE.

Salvagwardji. Miżuri ta’ salvagwardjar huma differenti peress li huma ma jiffokawx fuq jekk il-kummerċ hux ġust jew le, iżda fuq ċaqliqiet fil-volum tal-kummerċ li huma tant ħfief u fuq skala tant kbira li l-produtturi ta’ l-UE ma jistgħux b’mod raġonevoli jiġu mistennija li jadattaw għall-influssi kummerċjali mibdula. F’dawn iċ-ċirkostanzi, r-regoli tad-WTO u ta’ l-UE jippermettu restrizzjonijiet għal żmien qasir fuq l-importazzjonijiet biex jingħata serħan temporanju lill-industrija sabiex tadatta għal din il-bidla f’daqqa. Dan iż-żmien ta’ mistrieħ jinkludi l-obbligu ċar ta’ ristrutturar.

Bejn Jannar 1996 u Diċembru 2005, l-UE imponiet 194 miżura Anti-Dumping definittiva. Matul dan il-perjodu l-pajjiżi li frekwentement instabu involuti fid- dumping kienu ċ-Ċina (38 miżura) u l-Indja (16-il miżura). Mill-31 ta’ Ottubru 2006, l-UE għandha fis-seħħ 12-il miżura Kontra s-Sussidju. S’issa l-UE imponiet biss tmien miżuri definittivi ta’ salvagwardjar skond ir-regoli tad-WTO: waħda minnhom biss għadha fis-seħħ. Fl-UE, miżuri Anti-dumping u Kontra s-Sussidju kontra kummerċ li mhux ġust jippreżentaw anqas minn 0.45% tal-valur ta’ l-importazzjonijiet totali.

B’paragun ma’ dan, l-Istati Uniti imponew 201 miżura definittivi u l-Indja imponiet 309 miżuri definittivi bejn l-1996 u l-2005. Fl-istess perjodu l-UE bdiet 294 investigazzjoni, l-Istati Uniti 352 u l-Indja 419-il investigazzjoni.

Il- Kummissjoni Ewropea hi responsabbli għat-tmexxija ta’ investigazzjonijiet Anti-dumping , Kontra s-Sussidju u ta’ salvagwardjar, inklużi id-deċiżjonijiet jekk għandhomx jinfetħu investigazzjonijiet bi tweġiba għal protesti industrijali, u analiżijiet matul iż-żmien tal-miżuri kurrenti. Hi tista’ timponi wkoll miżuri proviżorji u tipproponi, fejn iġġustifikati, miżuri definittivi lill-Kunsill. Il- Kunsill jimponi miżuri Anti-Dumping /Kontra s-Sussidju definittivi b’maġġoranza sempliċi filwaqt li miżuri ta’ salvagwardjar jinħtieġu l-appoġġ ta’ maġġoranza kkwalifikata mill-Istati Membri.

PARTI 1. Liema hu r-rwol tal-miżuri għad-difiża tal-kummerċ f’ekonomija dinjija?

Il-ġustifikazzjoni ekonomika għal miżuri Anti-Dumping tittieħed prinċipalment mill-fatt li s-swieq internazzjonali huma kompetittivi b’mod imperfett – mhemmx awtorità għall-kompetizzjoni internazzjonali biex tirregola l-imġiba anti-kompetittiva fost il-pajjiżi. Bi tqabbil ma’ suq intern bħal dak ta’ l-UE, hemm ftit regoli li jirregolaw l-imġiba tal-kummerċ fis-swieq internazzjonali.

Miżuri Anti-Dumping huma l-unika għodda pprovduta fil-liġi internazzjonali biex jiġu indirizzati l-effetti ta’ l-importazzjonijiet ta’ kummerċ ingust minn swieq bħal dawn fl-industrija ta’ l-UE. L-istess il- miżuri Kontra s-Sussidju jissieltu kontra ssussidjar inġust ta’ prodotti f’pajjiżi terzi f’assenza ta’ mezzi internazzjonali żviluppati b’mod sħiħ biex jiġi limitat intervent ta’ din ix-xorta. Miżuri ta’ Salvagwardjar huma mmirati kontra l-importazzjonijiet li jiżdiedu b’tant kwantitajiet li jikkawżaw jew jheddu li jikkawżaw ħsara serja lill-industrija ta’ l-UE.

Attwalment l-UE tagħti bidu b’mod sinifikanti għal aktar investigazzjonijiet Anti-Dumping milli għal investigazzjonijiet Kontra s-Sussidju. Raġuni għala kumpaniji jsibuha bi tqila biex jagħmlu rikjesta għal każijiet Kontra s-Sussidju hi li huma jibżgħu li jkun hemm ritaljazzjoni mill-gvernijiet ikkonċernati. Soluzzjoni għal dan tista’ tkun li l-Kummissjoni stess tagħti bidu għal aktar każijiet Kontra s-Sussidju.

Il-ġustifikazzjoni ekonomika għall-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ għadhom kontroversjali fost l-ekonomisti. Hemm minn isostni li jinħtieġu strumenti għad-difiża tal-kummerċ fl-assenza ta’ regoli dwar il-kompetizzjoni miftiehma internazzjonalment. Oħrajn jemmnu li miżuri għad-difiża tal-kummerċ ma jistgħux ikunu ekonomikament iġġustifikati mill-perspettiva ta’ benesseri globali ta’ pajjiż. Oħrajn isostnu li dawn jistgħu potenzjalment jiġu użati ħażin minn interessi settorjali bħala mezz biex tiġi akkwistata protezzjoni minn importazzjonijiet kompetittivi. Għaldaqstant l-ekonomisti jsostnu li l-azzjoni Anti-Dumping hi biss iġġustifikata jekk esportatur f’pajjiż terz jibbenefika minn nuqqas ta’, jew minn inforzar insuffiċjenti, tar-regoli għall-kompetizzjoni domestika.

Mistoqsija 1: X’inhu r-rwol ta’ l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ f’ekonomija dinjija? L-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ għadhom essenzjali sabiex jiġi żgurat ir-rispett lejn ir-regoli kummerċjali internazzjonali u biex jipproteġu l-interessi Ewropej? L-UE għandha tikkunsidra kif dawn jistgħu jittejbu?

Mistoqsija 2: L-UE għandha tagħmel użu akbar mill-istrumenti ta’ Kontra s-Sussidju u ta’ Salvagwardjar flimkien ma’ l-azzjonijiet Anti-Dumping tagħha? F’ċirkostanzi partikulari, il-Kummissjoni għandha tkun lesta li tibda aktar investigazzjonijiet fuq l-inizjattiva proprja tagħha bil-kundizzjoni li hi jkollha fil-pussess tagħha l-evidenza meħtieġa?

Mistoqsija 3: Jeżistu alternattivi għall-użu ta’ l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ fl-assenza ta’ regoli għall-kompetizzjoni miftiehma internazzjonalment?

PARTI 2. Tweżin tad-diversi interessi ta’ l-UE fl-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ

Miżuri għad-difiża tal-Kummerċ għandhom iservu l-interess ekonomiku globali ta’ l-UE, inkluż dak tal-produtturi u tal-ħaddiema. Ir-regoli ta’ l-UE jinħtiġilhom li jkomplu jindirizzaw sitwazzjonijiet fejn prezzijiet ta’ importazzjoni aktar baxxi mhumiex biss ikkawżati minħabba vantaġġi komparattivi veri fl-ispejjeż tax-xogħol u tal-produzzjoni f’pajjiżi terzi, iżda li jirriflettu l-fatt li dawn il-vantaġġi huma akkumpanjati b’kundizzjonijiet inġusti ta’ kompetizzjoni bħalma huma sussidji jew tagħwiġ ieħor ikkaġunat mill-istat.

Bidliet fl-istruttura kemm ta’ l-ekonomija globali kif ukoll ta’ l-UE jagħmluha aktar ikkomplikata biex jiġu determinati l-interessi ekonomiċi ta’ l-UE. Il-globalizzazzjoni tkabbar il-qasma internazzjonali tax-xogħol peress li l-ispejjeż tat-trasport u l-kommunikazzjoni żdiedu b’mod sostanzjali. B’mod aktar spiss, kumpaniji Ewropej qed jużaw bażijiet ta’ produzzjoni ’l barra mill-Unjoni Ewropea fil-waqt li jżommu operat sinifikanti u impjiegi fl-Ewropa. Mill-perspettiva ta’ l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ, l-isfida hi li jiġi kkunsidrat jekk ir-regoli ta’ l-UE humiex jikkunsidraw b’mod suffiċjenti r-realtà tas-sottokuntrattjar ta’ produzzjoni ’l barra mill-Ewropa minn intrapriżi Ewropej, li mbagħad jikkompetu ma’ produzzjoni bbażata fl-UE u li jistgħu jkunu affettwati b’mod negattiv mill-miżuri għad-difiża tal-kummerċ.

Mhux fl-interess ekonomiku dewwiemi ta’ l-UE li jiġi ttollerat id- dumping , anki fejn dan hu ta’ benefiċċju għal kumpaniji Ewropej li ssottokuntrattjaw il-produzzjoni tagħhom f’pajjiżi terzi. Iżda jeħtiġilna nirriflettu dwar il-fatt li azzjoni biex tkun limitata l-ħsara kkawżata mid- dumping tista’ tħalli impatt fuq l-impjiegi u l-vijabilità tal-kumpaniji ta’ l-UE li qed joperaw b’mod leġittimu permezz tas-sottokuntrattjar tal-produzzjoni. Hu kruċjali li jinstab bilanċ xieraq bejn il-kummerċ ħieles u l-kummerċ ġust. Jinħtiġilna regoli ċari biex jgħinuna nindirizzaw din is-sitwazzjoni.

Din il-parti tad-dokument tikkonċerna l-erba’ kwistjonijiet relatati mal-kriterju ta’ interess Komunitarju.

Kaxxa 2: Studju tal-każijiet – Miżuri Anti-dumping fuq żraben tal-ġilda, Awissu 2006

F’Ottubru 2006 l-Unjoni Ewropea imponiet dazji ta’ 16.5% u 10% fuq ċerti żraben tal-ġilda importati fl-Unjoni Ewropea. Dawn id-dazji rriżultaw minn investigazzjoni li sabet kemm dumping ta’ dawn l-esportazzjonijiet minn ċerti pajjiżi terżi kif ukoll bħala konsegwenza ħsara lill-produtturi ta’ l-UE. L-applikazzjoni tar-regoli ta’ l-UE u tad-WTO f’dan il-każ ikkumplikat ħafna pprovokat diviżjonijiet fost l-operaturi ekonomiċi ta’ l-UE u l-Istati Membri ta’ l-UE. Il-każ wera żewġ kwistjonijiet importanti li qed jiġu kkunsidrati minn din il- Green Paper .

Sottokuntrattjar f’pajjiżi ’l barra mill-Ewropa minn produtturi ta’ l-UE. Peress li ħafna kumpaniji ta’ l-UE għadhom jipproduċu żraben tal-ġilda fl-Unjoni Ewropea, numru sinifikanti ta’ kumpaniji ta’ l-UE ssottokuntrattjaw il-produzzjoni taż-żraben lejn pajjiżi terzi filwaqt li żammew partijiet oħra ta’ l-operat tagħhom fl-UE. Dawk il-kumpaniji ta’ l-UE li jipproduċu żraben tal-ġilda fil-pajjiżi terzi kkonċernati huma soġġetti għal dazju ta’ l- Anti-Dumping. Barra minn hekk, skond ir-regoli eżistenti għall-investigazzjonijiet ta’ l- Anti-Dumping , ġew ikkunsidrati biss il-produtturi li jżommu l-produzzjoni tagħhom fi ħdan l-UE sabiex jiġi ddeterminat jekk il-porzjon meħtieġ ta’ l-industrija Komunitarja kienx suffiċjenti biex tinbeda l-proċedura. Madankollu n-numru ta’ kumpaniji li qed jirrilokaw elementi tal-produzzjoni tagħhom qed jikber u dawn il-kumpaniji jirrappreżentaw eluf ta’ impjiegi fl-UE.

Interess tal-konsumatur. Il-każ taż-żraben juri wkoll problema oħra fil-kuntest li jiġi determinat x’inhu fl-interess ekonomiku usa’ ta’ l-UE. Fil-maġġoranza tal-każijiet, speċjalment dawk li ma jikkonċernawx il-prodotti tal-konsum, l-impatt tal-miżuri Anti-dumping fuq il-prezzijiet imħallsa mill-konsumatur ma kienu tipikament sinifikanti. Madankollu, hu importanti li jkun hemm riflessjoni dwar il-mistoqsija jekk u kif l-interessi tal-konsumatur jistgħu jkunu riflettuti aħjar fl-investigazzjonijiet Anti-Dumping , u kull miżura meħuda.

2.1. Kriterju ta’ interess Komunitarju. L-UE hi waħda mill-ftit, minn dawk li jużaw id-difiża tal-kummerċ, li tapplika kriterju pubbliku ta’ interess b’forma ta’ regola ta’ interess Komunitarju qabel ma tapplika l-miżuri Anti-dumping . Ir-regola ta’ l-interess Komunitarju tistqarr li miżuri jistgħu biss jiġu imposti fejn il-Kummissjoni tiddetermina li l-impożizzjoni tagħhom ma tmurx kontra l-interessi wesgħin ta’ l-ekonomija ta’ l-UE. Kriterju ta’ din ix-xorta mhux meħtieġ mill-Ftehim tad-WTO dwar l- Anti-Dumping iżda dan wera lilu nnifsu bħala fattur utli fit-tweżin tal-bilanċ ta’ l-interessi fil-każijiet Anti-Dumping .

Madankollu, xi wħud isostnu li l-kriterju ta’ interess Komunitrju jintiżen b’mod qawwi favur il-produtturi ta’ l-UE u li hu ma jikkunsidrax b’mod suffiċjenti l-impatt tal-miżuri fuq l-intrapriżi importaturi li ċaqilqu ftit mill-produzzjoni tagħhom f’pajjiżi ’l barra mill-UE. Teżisti wkoll preokkupazzjoni li l-interessi tal-konsumatur mhumiex jintiżnu b’mod adegwat, speċjalment meta l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ jiġu applikati għal prodotti lesti għal konsum. Filwaqt li l-preokkupazzjoni prinċipali ta’ l-istrumenti ta’ l-UE qed iwieġbu għall-effett ta’ kompetizzjoni inġusta, każijiet reċenti qanqlu wkoll il-mistoqsija dwar l-użu tal-kriterju ta’ interess Komunitarju biex jintiżen l-impatt tal-miżuri fuq il-koerenza globali tal-politika ta’ l-UE. Pereżempju, l-UE tista’ tikkunsidra jekk f’ċerti każijiet il-miżuri Anti-dumping ikunux qed inaqqsu l-effettività ta’ l-assistenza għall-iżvilupp mill-UE lil pajjiż partikulari.

Mistoqsija 4: L-UE għandha tanalizza l-bilanċ attwali ta’ interessi li jeżistu fost id-diversi operaturi fil-kriterju ta’ interess Komunitarju fl-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ? Flimkien ma’ l-interessi tal-produtturi u ta’ l-impjegati tagħhom fl-Ewropa, kif nistgħu nikkunsidraw l-interessi ta’ kumpaniji li żammew operat sinifikanti u impjiegi fl-Ewropa, anki jekk dawn ċaqalqu xi parti mill-produzzjoni tagħhom ’il barra mill-UE? Kif nistgħu nikkunsidraw l-interessi ta’ l-importaturi jew produtturi li jipproċessaw l-importazzjonijiet affettwati?

Mistoqsija 5: Għandna bżonn nanalizzaw il-mod kif l-interessi tal-konsumatur qed jiġu kkunsidrati fl-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ? Il-Kummissjoni għandha tkun aktar proattiva billi tissolleċita kontribuzzjoni mill-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi? Kif tista’ tintiżen kontribuzzjoni ta’ din ix-xorta? Kif jista’ l-impatt tal-miżuri għad-difiża tal-kummerċ fuq il-konsumaturi jiġi vvalutat u mmonitorjat?

Mistoqsija 6: L-UE għandha tinkludi kunsiderazzjonijiet usa’ fil-valutazzjonijiet ta’ interess Komunitarju fl-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ, bħalma hi l-koerenza ma’ politiki oħra ta’ l-UE? Fir-rigward tal-politika fil-qasam ta’ l-iżvilupp, l-UE għandha tistabbilixxi differenzi formali bejn il-pajjiżi l-anqas żviluppati u l-pajjiżi li qed jiżviluppati fl-appikazzjoni tal-miżuri għad-difiża tal-kummerċ?

Mistoqsija 7: Liema tipi ta’ analiżi ekonomika jistgħu jgħinu biex jitwettqu dawn il-valutazzjonijiet?

2.2. Użu tal-kriterju ta’ interess Komunitarju sabiex jittejbu l-miżuri għad-difiża tal-kummerċ ttwalment is-sejbiet tal-kriterju ta’ interess Komunitarju jistgħu biss jikkonkludu li miżuri għandhom jitkomplew jew ma jiġux imposti. Dan il-kriterju ta’ “rifjut/aċċettazzjoni” fit-teorija ma jippermettix lill-analiżi ta’ interess Komunitarju li tintuża bħala raġuni fundamentali biex jiġu adattati jew immodifikati l-miżuri. Madankollu, jista’ jkun adatt li tiġi introdotta aktar flessibilità f’dan ir-rigward bil-kundizzjoni li kull aġġustament tal-miżuri jirrifletti s-sejbiet oġġettivi tal-każ. Flessibilità ta’ din ix-xorta tillimita lilha nfisha għal aġġustamenti li jħarsu ’l isfel mir-regola ta’ l-inqas dazju li teħtieġ li d-dazji jiġu ffissati fil-livell tal-marġni ta’ ħsara jew tad- dumping , tkun liema tkun l-aktar baxxa minnhom. Din tista’ wkoll fit-teorija testendi għall-abbiltà li jiġu eżentati ċerti prodotti mid-dazji għal raġunijiet ta’ interess Komunitarju.

Mistoqsija 8: Għandu jkun previst b’mod espliċitu li l-livell tal-miżuri proposti jista’ jiġi aġġustat ’l isfel wara r-riżultati tal-kriterju ta’ interess Komunitarju fl-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ? L-UE għandha b’mod espliċitu tippermetti l-esklużjoni ta’ ċerti tipi ta’ prodotti għal raġunijiet ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ interess Komunitarju? Jekk fl-affermattiv, liema għandhom ikun l-kriterji applikati?

2.3. Meta tiġi deċiża li jiġi applikat il-kriterju ta’ interess Komunitarju. Attwalment, il-kriterju ta’ interess Komunitarju hu previst biss wara l-bidu ta’ investigazzjoni waqt li jkunu qed jiġu ddeterminati l-miżuri. Ir-regoli tad-WTO li jipprojbixxu l-pubblikazzjoni ta’ l-ilmenti ta’ l- anti-dumping qabel it-tnedija ta’ investigazzjoni attwalment jipprekludu l-użu tal-kriterju ta’ interess Komunitarju fil-valutazzjoni tas-saħħa ta’ lment inizjali. Madankollu ċerti partijiet interessati ssuġġerixxew li l-UE għandha tinsisti biex tara li dawn ir-regoli jinbidlu.

Mistoqsija 9: L-UE għandha tfittex biex ir-regoli tad-WTO jinbidlu ħalli jippermettu li l-kriterji ta’ interess Komunitarju jintużaw fl-istadju ta’ l-ilmenti fl-investigazzjonijiet Anti-Dumping u Kontra s-Sussidju? Jeżistu sitwazzjonijiet oħra fejn il-kriterju ta’ interess Komunitarju għandu jkun adatt - pereżempju qabel il-bidu ta’ analiżijiet ta’ skadenza?

2.4. Valutazzjonijiet ta’ vijabilità . Il-vijabilità globali ta’ l-industrija fl-UE hi element investigat fil-kriterji ta’ interess Komunitarju. Fejn jeżistu prospettivi tajba għall-vijabilità ta’ settur partikulari dan hu fattur importanti fil-valutazzjoni ta’ jekk għandhomx jiġu imposti miżuri għad-difiża tal-kummerċ.

Mistoqsija 10: Il-valutazzjonijiet disponibbli huma rilevanti biex jittieħdu deċiżjonijiet dwar l-użu ta’ strumenti għad-difiża tal-kummerċ? Jekk fl-affermattiv, liema kriterji għandhom jintużaw fil-valutazzjoni tal-vijabilità ta’ l-industriji ta’ l-UE fl-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ, e.g. il-livell ta’ produzzjoni, is-sehem fis-suq?

PARTI 3. Tnedija u tmexxija ta’ l-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ

Il-partijiet interessati identifikaw numru ta’ oqsma tekniċi relatati mat-tnedija u t-tmexxija ta’ investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ fejn bidliet jistgħu jtejbu aktar il-proporzjonalità, l-effikaċja u s-sens ta’ ġustizzja ta’ l-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ ta’ l-UE. Tmienja minn dawn il-kwisjonijiet huma indirizzati hawn taħt:

3.1. Konsultazzjonijiet bikrin mal-pajjiżi terżi esportaturi. Filwaqt li r-regoli tad-WTO jipprojbixxu kuntatt ma’ kumpaniji li jistgħu jiġu investigati qabel ma jitnieda każ, xi partijiet interessati pproponew kuntatti ma’ gvernijiet ta’ pajjiżi terzi esportaturi qabel ma jitnedew investigazzjonijiet li jgħinu biex jiġi evitat twegħir u li jiġu diskussi l-prodotti u l-prattiċi li probabbilment se jkunu implikati fl-investigazzjoni.

Mistoqsija 11: L-UE għandha tikkunsidra konsultazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi esportaturi wara li tirċievi protesti u qabel ma tniedi l-investigazzjonijiet Anti-dumping?

3.2. L-użu ta’ l-istrument ta’ Kontra s-Sussidju f’ekonomiji ta’ tranżizzjoni. Il-prattika kurrenti ma tipprevedix għall-bidu ta’ investigazzjonijiet Kontra s-Sussidju f’każijiet li jinvolvu ekonomiji ta’ tranżizzjoni minħabba n-natura mifruxa tat-tagħwiġ ta’ l-ispejjeż u l-prezzijiet f’ekonomiji ta’ din ix-xorta. Madankollu, l-użu ta’ l-istrument Kontra s-Sussidju jista’ jiġi kkunsidrat f’każijiet fejn kumpaniji individwali f’ekonomiji ta’ tranżizzjoni jingħataw trattament ta’ ekonomija tas-suq.

Mistoqsija 12: Għandha l-UE tipprevedi b’mod aktar speċifiku l-użu ta’ l-istrument Kontra s-Sussidju f’każijiet li jinvolvu kumpaniji f’ekonomiji fi tranżizzjoni li jirċievu trattament ta’ ekonomija tas-suq?

3.3. Rekwiżiti ta’ rappreżentattività . L-UE timponi ċerti rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati sabiex tiġi mnedija investigazzjoni għad-difiża tal-kummerċ. Ir-regoli tad-WTO jeħtieġu li l-investigazzjoni normalment tinbeda biss meta l-produtturi li espressivament jappoġġaw l-ilment jammontaw għal aktar minn 25% tal-produzzjoni tal-prodott implikat fis-suq ikkonċernat.

Skond ir-regoli kurrenti intrapriżi li jipproduċu kif ukoll jimportaw il-prodott li allegatament jikkostitwixxi każ ta’ dumping jistgħu jiġi esklużi mill-valutazzjoni ta’ rappreżentittività. L-effett ta’ dan hu li jitnaqqas in-numru ta’ kumpaniji meħtieġa biex tiġi stabbilita rappreżentattività f’każ partikulari, u li jiġu esklużi kumpaniji li jistgħu joġġezzjonaw għal ilment. Xi partijiet interessati jikkunsidraw dawn l-hekk imsejħa “rekwiżiti ta’ rappreżentattività” baxxi wisq.

Mistoqsija 13: L-UE għandha tanalizza r-’rekwiżiti ta’ rappreżentattività’ għad-definizzjoni ta’ l-industrija Komunitarja fil-każijiet Anti-Dumping u Kontra s-Sussidju? Il-livell ta’ l-appoġġ meħtieġ biex tiġi approvata u b’hekk imnedija investigazzjoni hu xieraq? Għandna nanalizzaw il-possibbiltà li jiġu esklużi mill-valutazzjoni ta’ rappreżentattività kumpaniji importaturi jew li huma relatati ma’ l-esportaturi ?

3.4. Regoli de-minimis għad- dumping , għas-sussidju u għall-ħsara. Skond ir-regoli kurrenti, jeżistu livelli minimi li ’l isfel minnhom każijiet li qed jiġu investigati mhumiex ikkunsidrati li għandhom importanza suffiċjenti li jimmeritalhom intervent mill-UE. Il-liġi Anti-Dumping ta’ l-UE tistipula li investigazzjoni għandha tintemm jekk il-marġni ta’ dumping hu anqas minn 2% espressi bħala perċentwali tal-prezz ta’ l-esportazzjoni – dan jissejjaħ ‘il-livell de-minimis ’.

Il-livell minimu de-minimis hu applikabbli wkoll biex tiġi ddeterminata l-ħsara li tirriżulta mid- dumping ta’ l-oġġetti. Ma jinbdewx proċeduri kontra pajjiżi li l-importazzjonijiet tagħhom jirrappreżentaw anqas minn 1% tas-suq ta’ l-UE. Il-livell minimu kurrenti ta’ de-minimis jista’ jkun ogħla jew aktar baxx, dan jiddependi mill-impatt ekonomiku potenzjali tal-marġnijiet baxxi ta’ dumping /sussidju u tal-livelli minimi ta’ ħsara.

Minbarra dawn il-livelli minimi ta’ perċentwalijiet, “kriterju de-minimis ” ieħor jista’ jiġi kkunsidrat billi l-ftuħ ta’ każ isir dipendenti fuq il-valur ta’ l-importazzjonijiet f’Euro.

Mistoqsija 14: L-UE għandha tibdel il-livelli de-minimis (f’perċentwali u f’termini assoluti) li attwalment japplikaw għad-dumping u għall-ħsara fl-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ?

3.5. Kalkuli tal-marġni tad- dumping . Parti importanti ta’ investigazzjoni Anti-Dumping hi li jiġu ddeterminati l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-valur normali ta’ prodott fis-suq lokali. Ċerti partijiet interessati ssuġġerixxew li l-UE mhix tikkunsidra b’mod suffiċjenti l-punt safejn volumi baxxi ta’ produzzjoni u ta’ bejgħ fil-fażi tal-bidu ta’ prodott jistgħu jgħawġu l-ispejjeż għal kull unità u jistgħu jagħmluhom jidhru anormalment għoljin. Dan imbagħad jista’ joħloq inflazzjoni fil-marġni tad- dumping .

Mistoqsija 15: Il-Kummissjoni għandha timmodifika l-avviċinament dwar “l-ispejjeż tal-bidu” fil-kalkoli ta’ l-investigazzjonijiet Anti-Dumping sabiex tagħti perjodu itwal “fuq ir-riħ” lill-esportaturi li jinstabu f’sitwazzjoni ta’ bidu?

Mistoqsija 16: Jeżistu tibdiliet oħra għall-metodoloġija tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping fl-investigazzjonijiet Anti-Dumping – pereżempju r-regoli eżistenti dwar “il-proċedura normali tal-kriterju tal-kummerċ” – li jiħtieġu li jkunu kkunsidrati?

3.6. Trattament ta’ esportaturi ġodda. Partijiet interessati pproponew definizzjoni mill-ġdid għad-dispożizzjonijiet dwar it-trattament ta’ esportaturi ġodda li jibdew jesportaw l-oġġetti meta tkun għadha għaddejja investigazzjoni. Esportaturi ġodda qajmu l-problema li s-sejbiet jiġu bbażati fuq numru żgħir ħafna ta’ tranżazzjonijiet. Il-Kummissjoni tista’ wkoll attwalment tindirizza biss esportazzjonijiet ġodda li jibdew joperaw matul l-investigazzjoni permezz ta’ analiżi separata għal min hu ġdid.

Mistoqsija 17: L-UE għandha tiddefinixxi mill-ġdid id-dispożizzjonijiet dwar it-trattament ta’ esportaturi ġodda fl-investigazzjonijiet Anti-Dumping u Kontra s-Sussidju? L-UE għandha tintroduċi l-possibbiltà li titratta ma’ dawk li huma ġodda li bdew joperaw matul l-investigazzjoni tal-każ prinċipali b’mod aktar mgħaġġel?

3.7. Pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni. Ċerti partijiet interessati jaħsbu li l-produtturi ta’ l-UE għandhom jiġu mġiegħla jippreżentaw pjan ta’ ristrutturazzjoni qabel ma jibbenefikaw mill-miżuri Anti-dumping . Oħrajn huma tal-fehma li fejn il-problemi ta’ industrija huma l-konsegwenza diretta ta’ prattiċi inġusti ta’ kummerċ, ir-ristrutturazzjoni hi irrilevanti.

Mistoqsija 18: L-evidenza ta’ ristrutturazzjoni minn industrija ta’ l-UE hi b’xi mod rilevanti għall-investigazzjonijiet Anti-Dumping u Kontra s-Sussidju? Jekk fl-affermattiv, b’liema mod, u f’liema stadju?

3.8. Involviment ta’ l-SMEs. Ħafna partijiet interessati jaħsbu li l-SMEs għandhom diffikultajiet biex iniedu u jipparteċipaw fl-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ minħabba l-komplessità u l-ispejjeż għolja involuti.

Mistoqsija 19: Liema huma l-ostakolu partikulari għall-SMEs biex jipparteċipaw fl-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ u safejn jistgħu jiġu indirizzati?

PARTI 4. Il-forma, il-mument propizju u t-tul ta’ żmien tal-miżuri għad-difiża tal-kummerċ

Il-partijiet interessati identifikaw numru ta’ oqsma relatati ma’ l-impożizzjoni, mal-forma, mat-tul taż-żmien u ma’ l-iskadenza tal-miżuri għad-difiża tal-kummerċ li jistgħu jiġu analizzati. Qed nindirizzaw erba’ kwistjonijiet f’din it-taqsima.

4.1. Mument propizju tal-miżuri proviżorji. Ċerti partijiet interessati qanqlu l-kwistjoni ta’ adozzjoni aktar mgħaġġla ta’ miżuri Anti-Dumping proviżorji. Attwalment dawn huma adottati mill-Kummissjoni bejn xahrejn u disa’ xhur wara t-tnedija ta’ l-investigazzjoni, jekk evidenza preliminari tindika sejbien ta’ dumping li jikkawża ħsara.

Mistoqsija 20: Għandna nżommu quddiem għajnejna li kull tqassir fil-limiti taż-żmien jista’ jimponi limitazzjonijiet fuq l-imġiba u t-trasparenza ta’ l-investigazzjonijiet, l-UE għandha tikkunsidra li tqassar il-limiti taż-żmien fl-investigazzjonijiet Anti-Dumping u Kontra s-Sussidju li fihom għandha tiddeċiedi jekk għandhiex timponi jew le miżuri proviżorji? Dawn il-limiti ta’ żmien għandhom jsiru aktar flessibbli?

4.2. Forma, mument propizju u tul ta’ żmien tal-miżuri. Ħafna partijiet interessati qalu li l-UE għandha jkollha għażla akbar ta’ miżuri possibbli għad-dispożizzjoni tagħha minn barra l-istandards tad-dazji ad valorem , dazji fissi, prezzijiet minimi u prezz ta’ l-impenji. Dan jagħti aktar flessibilità biex titratta ma’ każijiet ikkumplikati li jinvolvu prodotti ta’ konsum importanti. Pereżempju, il-Kummissjoni għandha, safejn jippermettu l-obbligi internazzjonali tal-Komunità, b’mod ġenerali jkollha l-possibbiltà li tapplika dazju li jidħol gradwalment maż-żmien jew skond il-volum ta’ importazzjoni, sabiex jingħata żmien biżżejjed l-isuq biex jadatta?

Ċerti partijiet interessati qalu wkoll li l-miżuri għandhom jikkunsidraw l-impatt fuq prodotti li setgħu kienu ordnati ħafna qabel ma ġew adottati l-miżuri jew li qed jiġu trasportati fil-ħin ta’ l-adozzjoni.

Attwalment il-miżuri huma normalment fis-seħħ għal ħames snin – il-massimu tad-WTO. Kien issuġġerit li t-tul ta’ żmien tal-miżuri jista’ jkun iqsar, dan jiddependi, pereżempju, fuq it-tip ta’ prodott, is-sitwazzjoni tas-suq jew il-karatteristiċi ta’ industrija. It-tul ta’ żmien tal-miżuri imposti wara l-analiżijiet ta’ skadenza jista’ wkoll jitqassar.

Mistoqsija 21: L-UE għandha tagħmel aktar użu minn miżuri aktar flessibbli fl-investigazzjonijiet Anti-Dumping u Kontra s-Sussidju?

Mistoqsija 22: Il-miżuri ta’ l-UE fl-investigazzjonijiet Anti-Dumping u Kontra s-Sussidju jinħtieġu li jiġu adattati sabiex jiġu kkunsidrati aħjar il-prodotti b’ordni twila jew il-ħin ta’ trasport? Jekk fl-affermattiv, kif?

Mistoqsija 23: Għandu jkun aktar espliċitu għat-tul taż-żmien ta’ miżuri definittivi fl-investigazzjonijiet Anti-Dumping u Kontra s-Sussidju li dan ikun anqas minn 5 snin? Jekk fl-affermattiv, f’liema tipi ta’ sitwazzjonijiet jista’ tul taż-żmien iqsar tal-miżuri jkun iġġustifikat?

4.3. Rimborż tad-dazji wara l-analiżijiet ta’ skadenza. Il-miżuri attwalment jintemmu wara ħames snin sakemm analiżi ta’ skadenza ma tingħatax bidu qabel din id-data. Matul l-investigazzjoni li ssegwi (li tista’ testendi għal 15-il xahar lilhinn mill-perjodu ta’ ħames snin), il-miżuri jibqgħu fis-seħħ. Jekk l-analiżi ta’ skadenza tikkonkludi li miżuri ma għandhomx jinżammu, jista’ jiġi kkunsidrat li jitħallsu lura dazji miġbura lilhinn mill-perjodu ‘normali’ ta’ ħames snin. Alternattiva tista’ tkun li jitwettqu u jiġu konklużi analiżijiet ta’ skadenza qabel jintemm il-perjodu ta’ żmien massimu tal-miżuri. B’dan l-avviċinament ir-rimborż ma għandux ikun problema.

Mistoqsija 24: Id-dazji miġbura lilhinn mit-tul ta’ żmien ta’ 5 snin tal-miżuri fl-investigazzjoni Anti-Dumping u Kontra s-Sussidju għandhom jiġu rimborżati jekk l-analiżi ta’ skadenza tikkonkludi li miżuri ma għandhomx jitkomplew?

Mistoqsija 25: Analiżijiet ta’ skadenza fl-investigazzjonijiet Anti-Dumping u Kontra s-Sussidju għandhom jiġu skedati li jispiċċaw meta jingħalqu l-ħames snin ta’ miżuri pjuttost milli jinbdew f’din il-ġurnata?

4.4. Livelli ogħla għall-analiżijiet ta’ skadenza. Ċerti partijiet interessati jaħsbu li hi faċli wisq għal miżuri Anti-Dumping li jiġu mġedda mill-ġdid. Skond ir-regoli tad-WTO u ta’ l-UE, industrija trid turi li hemm “probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping inġurjuż”. Livell ogħla għall-industrija jista’ jkun “theddida ċar previżibbli u imminenti ta’ inġurja”.

Mistoqsija 26: L-UE għandha żżid il-livelli minimi għall-analiżijiet ta’ skadenza fl-investigazzjonijiet Anti-Dumping u Kontra s-Sussidji ? Pereżempju l-UE għandha tikkunsidra li tintroduċi standard ta’ “theddida ta’ inġurja” minflok il-“probabbiltà ta’ rikorrenza”?

PARTI 5. Trasparenza fl-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ

Trasparenza effettiva hi vitali għall-kredibilità ta’ l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ. Ir-regoli ta’ l-UE jirrappreżentaw bilanċ bejn il-ftuħ fl-immaniġġjar ta’ l-investigazzjoni u ħtieġa li tiġi rrispettata l-konfidenzjalità ta’ l-informazzjoni kummerċjali. Il-kwalità ta’ l-analiżi u l-proposti li jirriżultaw jiddependu b’mod qawwi mill-kwalità ta’ l-informazzjoni konfidenzjali pprovduta matul l-investigazzjoni. Partijiet interessati ssuġġerixxew numru ta’ mezzi possibbli sabiex il-Kummissjoni Ewropea tkun tista’ madankollu ttejjeb it-trasparenza ta’ l-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ. Erbgħa mill-aspetti relatati mat-trasparenza huma indirizzati hawn taħt:

5.1. Uffiċjal għas-smigħ . Ir-regoli kurrenti ta’ l-UE jipprevedu l-possibbiltà għal partijiet interessati li jitolbu smigħ. Ċerti partijiet sostnew li uffiċjal għas-smigħ għandu jkun ta’ għajnuna biex jiżgura li l-partijiet f’investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ jistgħu jeżerċitaw aħjar id-dritt tagħhom li jiġu mismugħa u biex jiżgura li d-drittijiet tal-partijiet jiġu rrispettati.

Mistoqsija 27: Il-Kummissjoni se toħloq il-pożizzjoni ta’ uffiċjal għas-smigħ għall-investigazzjoni għad-difiża tal-kummerċ – liema għandhom ikunu l-funzjonijiet eżatti li persuna ta’ din ix-xorta għandha twettaq?

5.2. Seduti pubbliċi ta’ smigħ għad-deċiżjonijiet li japplikaw fil-pajjiż kollu dwar l-Istatus ta’ Ekonomija tas-Suq. Ċerti pajjiżi mhumiex ikkunsidrati bħala ekonomiji tas-suq għall-finijiet ta’ l-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ – pereżempju ċ-Ċina u l-Vjetnam. Dawn il-pajjiżi jistgħu jingħataw l-istatus ta’ ekonomija tas-suq jekk huma jissodisfaw ċerti kriterji tekniċi. Minħabba l-importanza, il-kumplessività u s-sensittività tad-deċiżjonijiet biex jingħata Status ta’ Ekonomija tas-Suq fil-pajjiż kollu (MES), ħafna partijiet interessati jirrakkomandaw li jinżammu seduti pubbliċi ta’ smigħ qabel ma l-Kummissjoni tipproponi li tagħti l-MES lil pajjiż.

Mistoqsija 28: Il-Kummissjoni għandha tmexxi seduti ta’ smigħ pubbliċi fl-investigazzjonijiet Anti-Dumping rigward deċiżjonijiet li jagħtu fil-pajjjiż kollu Status ta’ Ekonokija tas-Suq lil pajjiż?

5.3. Regoli simili għal kulħadd fil-qasam ta’ l-informazzjoni. Il-partijiet interessati esprimew preokkupazzjoni dwar l-inċertezza kkawżata minn xniegħat dwar ilmenti jew investigazzjonijiet possibbli. Tqanqlet il-mistoqsija jekk ix-xogħol tal-Kumitat Kunsultattiv dwar l- Anti-Dumping jistax ikun aktar trasparenti.

Mistoqsija 29: Fir-rigward tal-ħidma tal-Kumitat dwar l-Anti-Dumping għandu jkun hemm aktar ftuħ, pereżempju fil-pubblikazzjoni ta’ l-aġenda u/jew fil-minuti tal-laqgħat tiegħu?

5.4. Aċċess aħjar għall-fajls li mhumiex kunfidenzjali. Jekk partijiet jixtiequ jikkunsultaw fajl li mhux konfidenzjali dwar investigazzjoni Anti-Dumping huma jistgħu attwalment jagħmlu dan personalment fil-bini tal-Kummissjoni Ewropea. Se jkun possibbli li jiġi pprovdut aċċess on-line għal dawn il-materji. Madankollu, ċerti partijiet interessati jistgħu jikkunsidraw dan bħala propagazzjoni wiesgħa mhux mixtieqa ta’ fatti kummerċjali li mhumiex konfidenzjali.

Mistoqsija 30: Huwa tajjeb li l-fajls li mhumiex kunfidenzjali fl-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ ikunu aċċessibbli fuq l-internet? Soluzzjonijiet intermedjarji jistgħu jkunu aktar adatti – għal pereżempju l-pubblikazzjoni ta’ indiċi ta’ fajl?

PARTI 6. Proċess istituzzjonali

Filwaqt li l-użu ta’ stumenti għad-difiża tal-kummerċ jista’ jkun politikament sensittiv, il-kredibilità ta’ dawn l-istrumenti tiddependi fuq l-użu trasparenti, prevedibbli u sottomess tagħhom għal analiżi strinġenti. Id-deċiżjonijiet meħuda għandhom ikunu bbażati fuq ir-riżultati murija mill-investigazzjoni. L-istruttura istituzzjonali attwali, kif stabbilita mir-Regolamenti Bażiċi ta’ l-UE dwar l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ, taqsam ir-responsabbiltajiet bejn il-Kummissjoni u l-Kunsill. Id-deċiżjonijiet huma soġġetti għal analiżi mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, u għandhom ukoll ikunu kompjaċenti ma’ l-obbligi tad-WTO ta’ l-UE. Dan il-qafas istituzzjonali ħadem sew, iżda ċerti partijiet interessati huma kkonċernati li dan kultant jippermetti li deċiżjonijiet jiġu influwenzati minn fatturi li mhumiex direttament konnessi mal-fatti ta’ l-investigazzjoni fiha nfisha.

Mistoqsija 31: Arranġamenti istituzzjonali attwali għandhom jinżammu għall-adozzjoni ta’ miżuri Anti-Dumping, Kontra s-Sussidju u ta’ Salvagwardjar? Jeżistu mezzi li jistgħu jtejbu l-mod li bih jittieħdu dawn id-deċiżjonijiet?

Kontribuzzjoni għal konsultazzjoni ta’ din il- Green Paper

Il-partijiet interessati kollha, inklużi l-Parlament Ewropew u l-Istati Membri, qed jiġu mistiedna li jgħaddu l-kummenti tagħhom dwar il-kwistjonijiet imqanqla f’din il- Green Paper . Kwestjonarju strutturat hu disponibbli on-line biex jassisti lil dawk li jirrispondu u l-Kummissjoni se tilqa’ l-opinjonijiet ta’ l-atturi interessati, inklużi l-opinjonijiet ta’ l-awtoritajiet pubbliċi f’pajjiżi terzi.

Il-Kummissjoni tistieden lir-rispondenti biex iqajmu kwistjonijiet relatati ma’ l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ li mhumiex direttament indirizzati fil-kwistjonijiet preċedenti.

Mistoqsija 32: Jeżisti xi aspett ieħor ta’ l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ ta’ l-UE li tixtieq li jiġi indirizzat?

Il-formuli għat-tweġibiet tal-konsultazzjoni jistgħu jinstabu fuq:

http://ec.europa.eu/trade/issues/respectrules/anti_dumping/comu061206_en.htm.

It-tweġibiet tal-kwestjonarju għandhom jaslu għand il-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2007. Il-kummenti li jaslu se jkunu disponibbli on-line dment li ma ssirx rikjesta speċifika għal kunfidenzjalità, f’dan il-każ tingħata biss indikazzjoni tal-kontributur. Lejn it-tmiem tal-perjodu ta’ konsultazzjoni s-servizzi tal-Kummissjoni biħsiebhom jorganizzaw seminar mal-partijiet interessati. Wara dan id-dibattitu pubbliku, il-Kummissjoni se tikkomunika r-riżultati ta’ din il-konsultazzjoni u se tikkunsidra jekk hux adatt li tittieħed aktar azzjoni.

[1] http://ec.europa.eu/trade/issues/respectrules/anti_dumping/legis/index_en.htm#txts.

Top