Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006DC0617

    Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar l-approvazzjoni ta' Ftehim ta' kooperazzjoni fl-użi paċifiċi ta' l-enerġija nukleari bejn il-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika (Euratom) u l-Gvern tar-Repubblika tal-Każakstan

    /* KUMM/2006/0617 finali */

    52006DC0617




    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 24.10.2006

    KUMM(2006) 617 finali

    RAKKOMANDAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

    dwar l-approvazzjoni ta' Ftehim ta' kooperazzjoni fl-użi paċifiċi ta' l-enerġija nukleari bejn il-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika (Euratom) u l-Gvern tar-Repubblika tal-Każakstan

    RAKKOMANDAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

    dwar l-approvazzjoni ta' Ftehim ta' ko operazzjoni fl-użi paċifiċi ta' l-enerġija nukleari bejn il-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika (Euratom) u l-Gvern tar-Repubblika tal-Każakstan

    1. INTRODUZZJONI

    Il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni[1] konkluż bejn l-UE u r-Repubblika tal-Każakstan (minn issa 'l quddiem il-Każakstan) fl-Artikolu 18 jistipula li l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika u l-Każakstan għandhom jikkonkludu Ftehim dwar il-kummerċ fil-materjali nukleari.

    Fis-27 ta' Ġunju 2000, il-Kunsill adotta Deċiżjoni li toħroġ struzzjonijiet[2] lill-Kummissjoni għan-negozjar ta' ftehim dwar il-kooperazzjoni nukleari bejn il-Euratom u l-Każakstan.

    Fit-18 ta' Jannar 2001, il-Kummissjoni ressqet quddiem l-awtoritajiet tal-Każakstan, l-ewwel abbozz tal-ftehim, u pproponiet li jinfetħu n-negozjati.

    In-negozjati damu sa Settembru 2006, meta ż-żewġ Partijiet qablu dwar it-test.

    L-għan tal-ftehim huwa li tiġi kkompletata l-kooperazzjoni eżistenti fis-sikurezza nukleari u l-fużjoni nukleari permezz ta' l-istabbiliment ta' kollaborazzjoni fl-użi paċifiċi ta' l-enerġija nukleari bejn l-UE u l-Każakstan, li potenzjalment hija fornitur maġġuri ta' l-uranju.

    2. L-IMPORTANZA TAL-FTEHIM

    L-importanza tal-konklużjoni ta' dan il-Ftehim hija msejsa prinċipalment fuq il-ħtiġijiet kummerċjali. Il-Każakstan għandu madwar 20% tar-riżervi magħrufa ta' l-uranju fid-dinja, u dan ifisser li huwa t-tielet l-akbar produttur ta' l-uranju, f'termini ta' volum, fid-dinja. Żviluppa wkoll attivitajiet nukleari f'diversi oqsma, primarjament fl-industrija ta' l-uranju u r-riċerka dwaru.

    Għall-Euratom, l-interess fl-iffirmar ta' dan il-Ftehim huwa bbażat fuq il-fatt li l-Każakstan huwa potenzjalment wieħed mill-fornituri ewlenin ta' l-uranju naturali. Illum, l-importazzjoni diretta ta' l-uranju tal-Każakstan lejn l-UE tirrappreżenta biss 3% ta' l-importazzjoni totali ta' l-uranju. Madankollu, fl-aħħar snin, il-volum ta' l-importazzjoni ta' l-uranju tal-Każakstan żdiedet (fl-2005 kważi ttriplikat meta mqabbel mas-sena 2004) u hija mistennija tiżdied. It-tul tal-Ftehim inizjalment huwa ta' għaxar snin. Dan potenzjalment jirrappreżenta mijiet ta' miljuni ta' euro f'valur kummerċjali.

    L-iffaċilitar tal-kummerċ fil-qasam nukleari jikkontribwixxi għall-politika tal-Komunità tas-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija u d-diversifikazzjoni tas-sorsi ta' l-enerġija. Il-Ftehim jippermetti lill-kumpaniji Ewropej li huma attivi fit-tħaffir għal u l-kummerċ fl-uranju sabiex ikollhom aċċess eħfef għas-suq tal-Każakstan. Attwalment hija biss kumpanija Ewropea waħda li rnexxielha tikkonkludi sħubija ma' kumpanija mill-Każakstan fit-tħaffir għall-uranju.

    Barra minn hekk, il-konklużjoni tal-Ftehim attwali jafferma mill-ġdid l-impenn tan-nonproliferazzjoni tar-Repubblika tal-Każakstan, il-Komunità u l-Gvernijiet ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea, it-tisħiħ u l-applikazzjoni stretta tas-salvagwardji u l-kontroll ta' l-esportazzjoni kif ukoll arranġamenti għall-ħarsien fiżiku.

    3. SKEMA ġENERALI TAL-FTEHIM

    L-għan tal-Ftehim huwa l-kooperazzjoni fl-użi paċifiċi ta' l-enerġija nukleari bejn il-Euratom u l-Każakstan. L-ambitu tal-kooperazzjoni huwa prinċipalment fl-oqsma tas-sikurezza nukleari, il-fużjoni nukleari kkontrollata, ir-riċerka u l-iżvilupp nukleari kif ukoll kummerċ fil-materjali nukleari u l-forniment ta' servizzi taċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari (art.3). Dan l-ambitu jista' jiġi estiż fuq qbil bejn iż-żewġ Partijiet (art.8).

    Il-Ftehim attwali jibni fuq żewġ Ftehimiet fl-oqsma tas-sikurezza nukleari u l-fużjoni nukleari li daħlu fis-seħħ f'Ġunju 2003[3] u April 2004[4], rispettivament (art.4 u 5).

    Il-Ftehim jispeċifika l-metodi u l-livell ta' kooperazzjoni bejn il-Euratom u l-Każakstan fir-riċerka u l-iżvilupp nukleari (art.6). Il-kooperazzjoni tkopri attivitajiet nukleari, prinċipalment fl-oqsma tal-mediċina u l-industrija. Tapplika wkoll għall-evalwazzjoni ta' l-impatt ambjentali ta' l-enerġija nukleari. Din il-kooperazzjoni tista' tieħu l-forma ta' skambju ta' informazzjoni, esperti u tagħmir nukleari kif ukoll ta' studji u attivitajiet konġunti. Proġetti konkreti jistgħu jiġu antiċipati mill-implimentazzjoni ta' arranġamenti aktar dettaljati li jkopru dispożizzjonijiet differenti. L-ispejjeż li jirriżultaw minn dawn l-attivitajiet se jkunu koperti mill-Parti li tidħol għalihom.

    Tingħata attenzjoni speċjali lill-kummerċ fil-materjali nukleari (art.7). Il-Ftehim fih serje ta' dispożizzjonijiet li jiddeterminaw kriterji għat-trasferiment tal-materjali nukleari kif ukoll il-mezzi sabiex jiġu solvuti sitwazzjonijiet ta' kunflitt. Huwa enfasizzat li l-materjal nukleari għandu jintuża għal għanijiet paċifiċi u f'konformità mal-ftehimiet ta' salvagwardja (għall-Komunità: is-salvagwardji tal-Euratom skond it-Trattat Euratom u s-salvagwardji ta' l-IAEA u l-Protokolli Addizzjonali tagħha[5] kif ukoll ftehimiet trilaterali separati Euratom u IAEA ma' l-Istati Membri[6], Franza[7] u r-Renju Unit[8]; għall-Każakstan: s-salvagwardji ta' l-IAEA[9] u l-Protokolli addizzjonali tagħha), u t-trasferimenti tagħha għandhom ikunu f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Internazzjoni dwar il-Ħarsien Fiżiku tal-Materjal Nukleari[10].

    Barra minn hekk, il-Ftehim itenni l-prinċipji tal-moviment ħieles tal-materjali nukleari fi ħdan il-Komunità, jiggarantixxi li l-kummerċ fihom u l-provvista ta' servizzi rilevanti bejn il-Partijiet ssir bi prezzijiet marbuta mas-suq u jneħħi l-ostakli amministrattivi, bħall-awtorizzazzjonijiet ta' l-importazzjoni jew l-esportazzjoni, li inkella jxekklu l-movimenti tal-materjal nukleari fit-territorji tal-Partijiet.

    Kwistjonijiet ta' proprjetà intellettwali (Art.10) huma indirizzati fid-dettall fil-Ftehimiet dwar il-kooperazzjoni fl-oqsma tas-sikurezza nukleari u l-fużjoni nukleari kkontrollata.

    Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom għat-tlaqqigħ ta' konsultazzjonijiet regolari fi ħdan il-qafas tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (PCA) (art.11). Il-PCA jintuża wkoll sabiex jissolva kwalunkwe kunflitt marbut ma' l-applikazzjoni jew interpretazzjoni ta' dan il-Ftehim.

    It-tul inizjali tal-Ftehim se jkun ta' 10 snin, u s-sospenjoni jew it-tmiem tiegħu, kollu kemm hu jew biss parti minnu se jkunu possibbli fil-każ ta' ksur ta' kwalunkwe waħda mid-dispożizzjonijiet materjali tiegħu (art. 13).

    4. KONKLUżJONI

    Il-Kummissjoni tqis li l-Ftehim għall-kooperazzjoni fl-użi paċifiċi ta' l-enerġija nukleari bejn il-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika u r-Repubblika tal-Każakstan, li qed tiġi proposta l-adozzjoni tiegħu:

    - Huwa f'konformità mad-direttiva dwar in-negozjati maħruġa mill-Kunsill fis-26 ta' Ġunju 2000;

    - Jikkonferma l-impenn ċar taż-żewġ partijiet favur in-nonproliferazzjoni u l-livelli għolja tas-sikurezza nukleari sabiex jiġi ggarantit l-użu paċifiku u sikur ta' l-enerġija nukleari;

    - Huwa f'konformità mal-politika tal-Komunità dwar is-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija.

    - Se jikkostitwixxi, flimkien mal-Ftehimiet li diġà ġew iffirmati fir-rigward tal-fużjoni nukleari u s-sikurezza nukleari bejn iż-żewġ Partijiet, pakkett sħiħ ta' kooperazzjoni fil-qasam nukleari;

    - Se jsaħħaħ ir-relazzjonijiet kummerċjali u politiċi bejn l-UE u r-Repubblika tal-Każakstan.

    Il-Kummissjoni għalhekk tirrakkomanda lill-Kunsill li huwa japprova, skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 101 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, il-Ftehim għall-kooperazzjoni fl-użi paċifiċi ta' l-enerġija nukleari bejn il-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomikau l-Gvern tar-Repubblika tal-Każakstan, mehmuż.

    ANNESS

    FTEHIM GĦALL-KOOPERAZZJONI FL-UŻI PAĊIFIĊI TA' L-ENERĠIJA NUKLEARI BEJN IL-KOMUNITÀ EWROPEA GĦALL-ENERĠIJA ATOMIKA IL-GVERN TAR-REPUBBLIKA TAL-KAŻAKASTAN,

    Il-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, minn issa 'l quddiem "il-Komunità",

    u l-Gvern tar-Repubblika tal-Każakstan, minn issa 'l quddiem "il-Gvern tal-Każakstan";

    minn hawn ‘il quddiem ġeneralment issir referenza għalihom it-tnejn bħala ‘il-Parti’ jew ‘il-Partijiet’, kif xieraq.

    WAQT LI JFAKKRU li l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (PCA) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom u r-Repubblika tal-Każakstan, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1999, jistabbilixxi li l-kummerċ f'materjali nukleari għandu jkun soġġett għad-dispożizzjonijiet ta' Ftehim speċifiku li għandu jkun konkluż bejn il-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika u Gvern tal-Każakstan,

    BILLI l-Partijiet iffirmaw il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika u r-Repubblika tal-Każakstan għall-kooperazzjoni fil-qasam tas-sikurezza nukleari u l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika u r-Repubblika tal-Każakstan għall-kooperazzjoni fil-qasam tal-fużjoni nukleari kontrollata, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 2003 u t-13 ta' April 2004, rispettivament;

    BILLI l-Istati Membri kollha tal-Komunità u r-Repubblika tal-Każakstan huma Partijiet għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni ta' l-Armi Nukleari, minn issa 'l quddiem l-NPT,

    BILLI l-Komunità, l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika tal-Każakstan huma impenjati li jiżguraw li r-riċerka, l-iżvilupp u l-użu ta' l-enerġija nukleari għal skopijiet paċifiċi jitwettqu b'manjiera konsistenti ma' l-għanijiet ta' l-NPT,

    BILLI s-salvagwardji nukleari huma applikati fil-Komunità kemm skond il-Kapitolu VII tat-Titolu II tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, minn issa 'l quddiem "it-Trattat Euratom" kif ukoll skond il-ftehimiet ta' salvagwardja konklużi bejn il-Komunità, l-Istati Membri tagħha u l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika, minn issa 'l quddiem "l-IAEA", u fir-Repubblika tal-Każakstan skond il-Ftehim bejn ir-Repubblika tal-Każakstan u l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika dwar l-applikazzjoni tas-salvagwardji marbuta ma' l-NPT li daħal fis-seħħ fil-11 ta' Awwissu 1995, minn issa 'l quddiem "il-Ftehim dwar l-applikazzjoni tas-salvagwardji ",

    BILLI l-Komunità, l-Istati Membri tagħha u l-Gvern tal-Każakstan jerġgħu jaffermaw l-appoġġ tagħhom għall-IAEA u għas-sistema ta' salvagwardja rinfurzata tagħha,

    BILLI l-Partijiet għandhom jiffaċilitaw il-kummerċ nukleari bejniethom jew bejn persuni jew impriżi awtorizzati stabbiliti fit-territorji rispettivi tal-Komunità u tar-Repubblika tal-Każakstan fl-interess reċiproku tal-produtturi, ta' l-industrija taċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari, tad-distributuri u tal-konsumaturi,

    BILLI għandhom jitqiesu l-impenji li ħadu l-Gvernijiet ta' kull Stat Membru tal-Komunità u tal-Gvern tar-Repubblika tal-Każakstan fil-qafas tal-Grupp ta' Fornituri Nukleari,

    BILLI huwa xieraq li tissaħħaħ il-bażi għall-kooperazzjoni bejn il-Partijiet fis-settur nukleari ċiviku permezz ta’ ftehim ta’ qafas,

    FTIEHMU KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    DEFINIZZJONIJIET

    Għall-iskop ta’ dan il-Ftehim

    1. "materjal nukleari" tfisser kwalunkwe materjal ta' sors jew materjal speċjali li jista' jinferaq it-tifsir ta' dawn it-termini fl-Artikolu XX ta' l-Istatut ta' l-IAEA;

    2. “Komunità” tfisser kemm:

    a) il-persuna legali maħluqa mit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, Parti f’dan il-Ftehim;

    b) it-territorji li fihom japplika l-istess Trattat;

    3. “awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet” ifisser:

    a) għall-Komunità, il-Kummissjoni Ewropea;

    b) għall-Gvern tal-Każakstan, il-Kumitat għall-Enerġija Atomika tal-Ministeru ta' l-Enerġija u r-Riżorsi Minerali tar-Repubblika tal-Każastan.

    Fil-każ ta' kwalunkwe bidla, il-Partijiet għandhom jinnotifikaw lil xulxin permezz tal-mezzi ta' komunikazzjoni diplomatiċi.

    Artikolu 2

    L-GĦAN

    L-għan ta’ dan il-Ftehim huwa li jipprovdi qafas ta’ kooperazzjoni bejn il-Partijiet fl-użi paċifiċi ta’ l-enerġija nukleari bil-għan li tissaħħaħ ir-relazzjoni ta’ kooperazzjoni ġenerali bejn il-Komunità u l-Każakstan abbażi tal-benefiċċji għal xulxin u r-reċiproċità u mingħajr preġudizzju għas-setgħat rispettivi ta’ kull Parti.

    Artikolu 3

    L-AMBITU TAL-KOOPERAZZJONI

    1. Il-Partijiet jistgħu jikkooperaw bil-manjiera kif speċifikata fl-Artikoli 4 sa' 8 hawn taħt fl-użi paċifiċi ta' l-enerġija nukleari fl-oqsma li ġejjin:

    a) is-sikurezza nukleari (Artikolu 4);

    b) il-fużjoni nukleari kkontrollata (Artikolu 5);

    c) riċerka u żvilupp f'oqsma oħra għall-użi paċifiċi ta' l-enerġija nukleari minbarra dawk previsti skond a) u b) tal-paragrafu wieħed ta' dan l-Artikolu (Artikolu 6);

    d) kummerċ f'materjali nukleari u provvista ta' servizzi taċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari (Artikolu 7);

    e) oqsma oħra rilevanti għas-suġġett ta' dan il-Ftehim (Artikolu 8).

    2. Il-kooperazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu, kif ukoll bejn il-Partijiet, tista’ sseħħ bejn persuni u impriżi stabbiliti mill-Komunità u fir-Repubblika tal-Każakstan.

    Artikolu 4

    IS-SIKUREZZA NUKLEARI

    Il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sikurezza nukleari għandha tkun implimentata skond il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika u r-Repubblika tal-Każakstan fil-Qasam tas-Sikurezza Nukleari, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 2003.

    Artikolu 5

    Il-FUŻJONI NUKLEARI KKONTROLLATA

    Il-kooperazzjoni fil-qasam tal-fużjoni nukleari kkontrollata għandha tkun implimentata skond il-Ftehim għall-Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika u r-Repubblika tal-Każakstan fil-Qasam tal-Fużjoni Nukleari Kkontrollata, li daħal fis-seħħ fit-13 ta’ April 2004.

    Artikolu 6

    RIĊERKA U ŻVILUPP F'OQSMA OĦRA TA' UŻI PAĊIFIĊI TA' L-ENERĠIJA NUKLEARI

    1. Il-kooperazzjoni għandha testendi għall-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp nukleari ta’ interess reċiproku għall-Partijiet għajr dawk previsti fl-Artikoli 4 u 5 hawn fuq, kif ġie miftiehem bejn il-Partijiet, sa fejn huma koperti mill-programmi rispettivi tagħhom.

    2. Il-kooperazzjoni tista' tinkludi, partikolarment, dawn l-oqsma li ġejjin:

    a) applikazzjonijiet ta’ enerġija nukleari fl-oqsma tal-mediċina u l-industrija, inkluża l-ġenerazzjoni ta’ l-elettriku;

    b) l-impatt ambjentali ta’ l-enerġija nukleari;

    c) Kwalunkwe qasam ieħor tar-riċerka u l-iżvilupp nukleari kif miftiehem bejn il-Partijiet u sa fejn ikunu koperti mill-programmi rispettivi tagħhom.

    3. Il-kooperazzjoni għandha tkun implimentata partikolarment permezz ta’:

    a) skambju ta’ informazzjoni teknika permezz ta’ rapporti, żjajjar, seminars, laqgħat tekniċi, eċċ.;

    b) skambju ta’ staff bejn il-laboratorji u/jew korpi involuti, inkluż għal skopijiet ta’ taħriġ;

    c) skambji ta’ kampjuni, materjali, strumenti u tagħmir għal skopijiet sperimentali;

    d) parteċipazzjoni bbilanċjata fi studji u attivitajiet konġunti.

    4.

    a) L-ambitu, it-termini u l-kundizzjonijiet għal kooperazzjoni fi proġetti konkreti se jkunu stipolati, sa fejn se jkun meħtieġ, f'arranġamenti ta’ implimentazzjoni, li jkunu daħlu għalihom il-Partijiet permezz ta’ l-awtoritajiet kompetenti tagħhom li se jipproċedu skond ir-rekwiżiti leġiżlattivi tal-Komunità u tal-leġiżlazzjoni tar-Repubblika tal-Każakstan.

    b) Tali arranġamenti ta’ implimentazzjoni jistgħu, fost oħrajn, ikopru dispożizzjonijiet finanzjarji, l-assenjazzjoni ta' responsabbiltajiet ta’ ġestjoni u dispożizzjonijiet ddettaljati dwar it-tixrid ta’ l-informazzjoni u d-drittijiet tal-proprjetà intelletwali.

    5. Spejjeż li jirriżultaw minn attivitajiet ta’ kooperazzjoni għandhom jitħallsu mill-Partijiet li jġarrbuhom sakemm ma jkunx miftiehem speċifikament mod ieħor mill-Partijiet.

    Artikolu 7

    KUMMERĊ TA’ MATERJALI NUKLEARI U

    DISPOŻIŻŻJONIJIET TA’ SERVIZZI RILEVANTI

    1. Il-materjali nukleari trasferiti bejn il-Partijiet, jew direttament jew permezz ta' pajjiż terz, għandhom ikunu soġġetti għal dan il-Ftehim mad-dħul tiegħu fil-ġurisdizzjoni territorjali tal-Komunità jew tar-Repubblika tal-Każakstan, sakemm il-Parti li qed tipprovdi tkun innotifikat bil-miktub lill-Parti li tirċievi qabel jew fil-ħin tat-trasport, skond il-proċeduri definiti fl-Arranġament Amministrattiv li għandu jkun stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet.

    2. Il-materjal nukleari msemmi f'paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jibqa’ soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim sa meta

    a) jiġi ddeterminat skond id-dispożizzjonijiet għat-tmiem tas-salvagwardji fil-ftehim rilevanti msemmi fil-paragrafu 6 b), li m'għadux utilizzabbli għal kwalunkwe attività nukleari rilevanti mil-lat tas-salvagwardji, jew prattikament ma jistax jerġa' jiġi rkuprat;

    b) jkun ġie trasferit lil hinn mill-ġurisdizzjoni tal-Komunità jew tar-Repubblika tal-Każakstan skond il-paragrafu 6 e) ta’ dan l-Artikolu; jew

    c) il-Partijiet jkunu qablu bil-miktub li m’għandux jibqa’ soġġett għal dan il-Ftehim.

    3. Kwalunkwe trasferimenti nukleari mwettqa skond l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni għandhom isiru skond l-obbligi internazzjonali rilevanti tal-Komunità, ta’ l-Istati Membri tagħha u tar-Repubblika tal-Każakstan fir-rigward ta' użi paċifiċi ta' l-enerġija nukleari kif elenkati fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu.

    4. Il-kummerċ ta’ materjali nukleari u l-provvista ta’ servizzi rilevanti bejn il-Partijiet għandhom jitwettqu bi prezzijiet konformi mas-suq.

    5. Il-Partijiet għandhom jippruvaw jevitaw sitwazzjonijiet ta’ kunflitt li jeħtieġu miżuri ta’ salvagwardja kummerċjali fil-kummerċ reċiproku tagħhom fil-materjali nukleari. Jekk xorta waħda jinqalgħu problemi fil-kummerċ reċiproku tagħhom f'materjali nukleari li jistgħu jikkompromettu b'mod serju l-vijabilità ta' l-industrija nukleari, inkluż dik tal-minjieri ta' l-uranju, tal-Komunità jew tar-Repubblika tal-Każakstan, kwalunkwe Parti tista' titlob konsultazzjonijiet li għandhom jitlaqqgħu kemm jista' jkun malajr fil-qafas ta' Kumitat ad hoc, u l-proċedura għat-tlaqqigħ, il-perjodu u l-livell tal-parteċipanti għat-twettiq tal-konsultazzjonijiet għandha tiġi ddefinita mill-Partijiet.

    Jekk, fil-konsultazzjonijiet, ma tistax tinstab soluzzjoni għal dawn il-problemi, li hija aċċettabbli għaż-żewġ naħat, il-Parti li tkun għamlet it-talba għall-konsultazzjonijiet tista’ tieħu l-miżuri ta’ salvagwardja kummerċjali xierqa biex issolvihom jew biex ittaffi l-effetti tagħhom skond il-leġiżlazzjoni tal-Komunità u tar-Repubblika tal-Każakstan u skond il-prinċipji rilevanti tal-liġi internazzjonali.

    L-implimentazzjoni tal-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu għandha tkun mingħajr preġudizzju għat-Trattat tal-Euratom u l-leġiżlazzjoni sekondarja tiegħu.

    6. Trasferimenti ta’ materjal nukleari għandhom ikunu soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

    a) il-materjal nukleari għandu jintuża għal skopijiet paċifiċi u mhux għal xi strument nukleari splussiv jew għar-riċerka jew l-iżvilupp ta’ kwalunkwe strument bħal dan;

    b) il-materjal nukleari għandu jkun soġġett:

    1) fil-Komunità, għas-salvagwardji ta’ l-Euratom skond it-Trattat ta’ l-Euratom u għas-salvagwardji ta’ l-AIEA skond il-ftehimiet ta’ salvagwardja li ġejjin, kif hu rilevanti, u kif jistgħu jiġu riveduti u mibdula, sakemm tkun prevista kopertura kif meħtieġa mit-Trattat ta’ Non-Proliferazzjoni:

    - il-Ftehim bejn l-Istati Membri tal-Komunità li m'għandhomx armi nukleari, l-Euratom u l-IAEA, li daħal fis-seħħ fil-21 ta' Frar 1977 (ippubblikat bħala INFCIRC/193);

    - il-Ftehim bejn Franza, il-Euratom u l-IAEA, li daħal fis-seħħ fit-12 ta' Settembru 1981 (ippubblikat bħala INFCIRC/290);

    - il-Ftehim bejn ir-Renju Unit, il-Euratom u l-IAEA, li daħal fis-seħħ fl-14 ta' Awissu 1978 (ippubblikat bħala INFCIRC/263);

    u msaħħa biż-żmien minn Protokolli Addizzjonali li daħlu fis-seħħ fit-30 ta' April 2004 abbażi tad-dokument ippubblikat bħala INFCIRC/540 (Mudell ta' Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim(iet) bejn l-Istat(i) u l-IAEA għall-Applikazzjoni ta' Salvagwardji);

    2) fir-Repubblika tal-Każakstan, għall-ftehim dwar is-salvagwardji, li daħal fis-seħħ fil-11 ta' Awwissu 1995 (ippubblikat bħala INFCIRC/504); u ssupplimentat minn Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim bejn ir-Repubblika tal-Każakstan u l-IAEA dwar l-applikazzjoni ta' salvagwardji f'konformità ma' l-NPT, konkluż fis-6 ta' Frar 2004 abbażi tad-dokument ippubblikat bħala INFCIRC/504 (Protokoll ta' Mudell Addizzjonali għall-Ftehim(iet) bejn l-Istat(i) u l-IAEA għall-Applikazzjoni tas-Salvagwardji) jekk ikun fis-seħħ

    c) fl-każ li tiġi sospiża jew imwaqqfa l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe Ftehim ma’ l-AIEA msemmi fis-subparagrafu b) ta’ dan il-paragrafu ta’ hawn fuq għal kwalunkwe raġuni fi ħdan il-Komunità jew lir-Repubblika tal-Każakstan, il-rilevanti għandha tidħol fi ftehim ma’ l-AIEA li jipprevedi għall-effikaċja u l-kopertura ekwivalenti għal dawk previsti fil-ftehimiet ta’ salvagwardji msemmija fil-paragrafi 6.b 1) jew 6.b 2), jew jekk dan ma jkunx possibbli,

    il-Komunità, sa fejn hi konċernata, għandha tapplika salvagwardji bażati fuq is-sistema ta' Salvagwardji ta' l-Euratom, li jipprovdu effettività u kopertura ekwivalenti għal dawk ipprovduti mill-ftehim ta' salvagwardji msemmija fil-paragrafu 6.b 1) jew, jekk dan mhux possibbli,

    il-Partijiet għandhom jidħlu f'arranġamenti għall-applikazzjoni ta' salvagwardji, li jipprovdu għall-effettività u kopertura ekwivalenti għal dawk ipprovduti mill-ftehim ta' salvagwardji msemmija fil-paragrafi 6.b 1) jew 6.b 2);

    d) l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni fiżika f'livelli li jissodisfaw bħala minimu l-kriterji stipolati fl-Anness C tad-dokument ta’ l-AIEA INFCIRC/245/Rev.5/Parti 1 (Linji Gwida għat-Trasferimenti Nukleari) kif jista’ jiġi rivedut; supplimentari għal dan id-dokument, l-Istati Membri tal-Komunità, l-Kummissjoni Ewropea, kif xieraq, u r-Repubblika tal-Każakstan se jirreferu meta japplikaw il-miżuri għall-protezzjoni fiżika għar-rakkomandazzjonijiet fid-dokument INFCIRC/225/REV.4 kkoreġut (Protezzjoni Fiżika ta' Materjal Nukleari u Faċilitajiet Nukleari) ta' l-IAEA hekk kif jista' jkun rivedut. It-trasport internazzjonali għandu jkun soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni Fiżika ta' Materjali Nukleari (dokument INFCIRC/274/Rev.1 ta' l-IAEA), hekk kif jista' jkun rivedut u aċċettat mill-Partijiet u mill-Istati Membri tal-Komunità u għar-Regolamenti ta' l-IAEA għal Trasport Sikur ta' Materjali Radjoattivi (Standards ta' Sikurezza IAEA - Serje Nru. TS-R-1/ST-1, Riveduti), hekk kif jistgħu jkunu riveduti u trasposti fil-leġiżlazzjoni tal-Komunità u tar-Repubblika tal-Każakstan;

    e) trasferimenti mill-gdid ta' kwalunkwe oġġett bla ħsara għal dan l-Artikolu barra l-ġurisdizzjoni tal-Komunità jew tar-Repubblika tal-Każakstan għandhom isiru biss taħt il-kondizzjonijiet tal-Linji ta' Gwida għal Trasferimenti Nukleari, kif stabbiliti fid-dokument INFCIRC/254/Rev.5/Parti 1 ta' l-IAEA, hekk kif jista' jkun rivedut.

    7. L-ebda dispożizzjoni amministrattiva marbuta mal-kummerċ, l-operazzjonijiet industrijali jew iċ-ċaqliq ta' materjal nukleari fuq it-territorji tal-Komunità jew tar-Repubblika tal-Każakstan m'għandhom jintużaw għar-restrizzjoni tal-kummerċ jew sabiex ixekklu l-interessi kummerċjali ta' kwalunkwe part fir-rigward ta' l-użu paċifiku ta' l-enerġija nukleari kemm internazzjonalment kif ukoll fuq il-livell domestiku.

    Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim m’għandhomx jintużaw biex ifixklu l-moviment ħieles tal-materjal nukleari fi ħdan it-territorju tal-Komunità.

    L-implimentazzjoni tal-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu għandha tkun mingħajr preġudizzju għat-Trattat tal-Euratom u l-leġiżlazzjoni sekondarja tiegħu.

    8. Minkejja s-sospensjoni jew terminazzjoni ta' dan il-Ftehim għal kwalunkwe raġuni, il-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu għandu jibqa' jgħodd sakemm kwalunkwe materjal nukleari bla ħsara għal dawn id-dispożizzjonijiet jibqa' taħt il-ġurisdizzjoni ta' kwalunkwe Parti jew sakemm issir determinazzjoni skond il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

    Artikolu 8

    OQSMA OĦRA RILEVANTI GĦAS-SUĠĠETT TA' DAN IL-FTEHIM

    1. Il-Partijiet jistgħu jaqblu fi ħdan l-ambitu tal-kompetenzi rispettivi tagħhom dwar kooperazzjoni f’attivitajiet oħra fil-qasam ta’ l-enerġija nukleari.

    2. Min-naħa tal-Komunità, l-attivitajiet għandhom ikunu koperti mill-programmi ta' azzjoni rilevanti u jikkorrespondu għall-kondizzjonijiet speċifikati għalih, pereżempju f'oqsma bħas-sigurtà nukleari, it-trasport sikur tal-materjal nukleari, is-salvagwardji jew kooperazzjoni industrijali biex jippromwovu ċerti aspetti tas-sikurezza ta' l-installazzjonijiet nukleari.

    3. Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 6(4), japplikaw bl-istess mod għal din il-kooperazzjoni.

    Artikolu 9

    IL-LIĠI APPLIKABBLI

    Kooperazzjoni skond dan il-Ftehim għandha tkun skond il-liġijiet u r-regolamenti fis-seħħ fi ħdan il-Komunità u r-Repubblika tal-Każakstan kif ukoll skond il-ftehimiet internazzjonali li daħlu għalihom il-Partijiet.

    Artikolu 10

    IL-PROPJETÀ INTELLETTWALI

    L-utilizzazzjoni u d-diffużjoni ta' informazzjoni u tad-drittijiet dwar il-proprjetà intellettwali, il-brevetti u d-dritt ta' l-awtur marbuta ma' l-attivitajiet ta' kooperazzjoni skond dan il-Ftehim għandhom ikunu bi qbil ma' l-Annessi għall-Ftehimiet dwar il-kooperazzjoni fl-oqsma tas-sikurezza nukleari u l-fużjoni nukleari kkontrollata li jissemmew hawn fuq fl-Artikoli 4 u 5 rispettivament, ta' dan il-Ftehim.

    Artikolu 11

    KONSULTAZZJONI U ARBITRAĠĠ

    1. Il-Partijiet se jkollhom konsultazzjonijiet regolari fil-qafas tal-PCA biex josservaw il-kooperazzjoni skond dan il-Ftehim sakemm il-Partijiet ma jipprevedux mekkaniżmi ta' konsultazzjoni speċifiċi.

    2. Kwalunkwe kwistjoni dwar l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni ta' dan il-Ftehim tista' tkun solvuta skond l-Artikolu 88 tal-PCA.

    Artikolu 12

    Ftehim ta' kooperazzjoni nukleari bilaterali

    1. Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-ftehim għandhom jieħdu l-preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali eżistenti bejn l-Istati Membri individwali tal-Komunità u tar-Repubblika tal-Każastan li jipprovdu għad-drittijiet u l-obbligi li hemm f'dan il-ftehim.

    2. Sa fejn dawk id-dispożizzjonijiet fil-ftehimiet bilaterali msemmija hawn fuq, bejn l-Istati Membri individwali tal-Komunità u r-Repubblika tal-Każakstan jipprovdu għal drittijiet u obbligi għar-Repubblika tal-Każakstan u ta' l-Istati Membri rispettivi 'lil hinn minn dawk f'dan il-ftehim, dawk id-drittijiet u l-obbligi se jkomplu jiġu implimentati taħt il-ftehimiet bilaterali rispettivi.

    Artikolu 13

    DĦUL FIS-SEĦĦ U DEWMIEN FIS-SEĦĦ

    1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fid-data li l-Partijiet, bi skambju bejniethom ta’ noti diplomatiċi dwar it-tlestija tal-proċeduri xierqa, jispeċifikaw id-dħul fis-seħħ tiegħu u għandu jibqa’ fis-seħħ għal perjodu inizjali ta’ ħames snin.

    2. Wara dan il-perjodu, dan il-Ftehim se jiġġedded awtomatikament għal perjodi ta' ħames snin, sakemm kwalunkwe Parti, b'avviż bil-miktub, titlob għat-terminazzjoni tal-Ftehim. Il-Ftehim għandu jiskadi fi żmien sitt xhur mid-data li tasal in-notifika mill-Parti rilevanti.

    3. Jekk kwalunkwe Parti jew Stat Membru tal-Komunità jikser kwalunkwe dispożizzjoni materjali ta’ dan il-Ftehim, il-Parti l-oħra tista’ tissospendi jew twaqqaf, permezz ta’ notifika bil-miktub, il-kooperazzjoni skond dan il-Ftehim. Qabel kwalunkwe Parti ma tieħu azzjoni għal dak il-għan, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw bil-għan li jilħqu ftehim dwar il-miżuri korrettivi li għandhom jittieħdu u ż-żmien li fih għandhom jittieħdu tali miżuri. Azzjoni bħal din għandha tittieħed biss jekk kien hemm nuqqas fit-teħid tal-miżuri maqbula fi żmien il-perjodu miftiehem jew, fil-każ li ma jintlaħaqx qbil, wara l-iskadenza ta' perjodu ta' żmien iddefinit mill-Partijiet.

    Artikolu 14

    Bil-qbil reċiproku tal-Partijiet, l-emendi u t-tibdiliet fil-forma ta' minuti jistgħu jiġu inklużi fil-Ftehim u jkunu parti integrali mill-Ftehim.

    Dan il-Ftehim għandu jitfassal f'żewġ kopji biċ-Ċek, id-Daniż, l-Olandiż, l-Ingliż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ungeriż, it-Taljan, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, il-Pollakk, il-Portugiż, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol, l-Iżvediż u l-Każak, fejn kull test ikun ugwalment awtentiku. {ir-Rumen u l-Bulgaru}

    Magħmula fi......................................fil-..................................................

    Għall-KOMUNITÀ EWROPEA GĦALL-ENERĠIJA ATOMIKA | Għall-Gvern tar-REPUBBLIKA TAL-KAŻAKSTAN |

    [1] ĠU L 196, tat-28.07.1999

    [2] Deċiżjoni 91114/1/00 (C) tas-26.06.2000

    [3] ĠU L89 tas-26.03.2004

    [4] ĠU L 143, tas-07.06.2005

    [5] INFCIRC/540

    [6] Mhux ippubblikat INFCIRC 193 ta' l-14.09.1973

    [7] Mhux ippubblikat INFCIRC 290 ta' Diċembru 1981

    [8] Mhux ippubblikat INFCIRC 263 ta' Ottubru 1978

    [9] INFCIRC/504

    [10] Dokument ta' l-IAEA INFCIRC/274/Rev.1

    Top