EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006DC0372

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Strateġija Tematika dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi {COM(2006) 373 finali} {SEC(2006) 894} {SEC(2006) 895} {SEC(2006) 914}

/* KUMM/2006/0372 finali */

52006DC0372

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Strateġija Tematika dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi {COM(2006) 373 finali} {SEC(2006) 894} {SEC(2006) 895} {SEC(2006) 914} /* KUMM/2006/0372 finali */


MT

Brussell, 12.7.2006

COM(2006) 372 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Strateġija Tematika dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi

{COM(2006) 373 finali}

{SEC(2006) 894}

{SEC(2006) 895}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Strateġija Tematika dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

WERREJ

1. Daħla (...)3

1.1. Deskrizzjoni tal-problema ambjentali (...)3

1.2. Il-qafas ġuridiku tal-preżent (...)3

1.3. Il-proċess għall-varar ta' l-Istrateġija Tematika (...)45

2. Evalwazzjoni tal-qagħda (...)56

3. L-Għanijiet ta' l-Istrateġija Tematika (...)67

4. Azzjonijiet u Mezzi: Miżuri li jikkostitwixxu l-Istrateġija Tematika (...)78

4.1. Miżuri ġodda li ma jistgħux jiġu integrati fi strumenti eżistenti (...)89

4.2. Miżuri li jiġu integrati l-aħjar fi strumenti eżistenti (...)1011

4.3. Miżuri/azzjonijiet li bħalissa mhumiex qed jiġu proposti bħala parti mill-Istrateġija Tematika, imma li jistgħu jiġu eżaminati mill-ġdid fil-ġejjieni (...)1112

5. Ir-riżultati u l-impatti mistennija (...)1112

6. Il-passi li jmiss (...)1213

1. Daħla

1.1. Deskrizzjoni tal-problema ambjentali

Il-pestiċidi, li prinċipalment iħaddnu l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (PPP) [1] u l-prodotti bijoċidali, huma mfassla biex jinfluwenzaw il-proċessi fundamentali fl-organiżmi ħajjin, u b'hekk jista' jkollom il-potenzjali li joqtlu jew irażżnu l-organiżmi ta' ħsara. Fl-istess waqt, jistgħu jikkawżaw effetti negattivi mhux intenzjonati fuq organiżmi għajr dawk tal-mira, fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent. Sa ċertu punt, is-soċjetà taċċetta r-riskji assoċjati ma' l-użu tagħhom, fid-dawl tal-benefiċċji ekonomiċi relatati, ġaladarba, inter alia, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jikkontribwixxu għall-iżgurar ta' provvisti affidabbli ta' prodotti agrikoli ta' kwalità għolja u għall-but ta' kulħadd.

Il-pestiċidi ilhom regolati, sew fl-Istati Membri kif ukoll fil-Komunità [2]. Matul is-snin, ġiet stabbilita sistema żviluppata ħafna għall-evalwazzjoni tar-riskji ta' l-użu tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent.

Minkejja l-isforzi kollha li saru biex jillimitaw ir-riskji marbuta ma' l-użu tal-pestiċidi u biex jipprevjenu kwalunkwe effett mhux mixtieq, fil-media ambjentali (partikolarment il-ħamrija u l-ilma) [3] għadek issib kwantitajiet mhux mixtieqa ta' ċerti pestiċidi, u fil-prodotti agrikoli għadhom jokkorru residwi li jisbqu l-limiti regolatorji [4].

Għaldaqstant huwa ta' ħtieġa li r-riskji mill-pestiċidi fuq il-bnedmin u l-ambjent jitnaqqsu kemm jista' jkun billi l-esponiment kemm jista' jkun jiġi mminimizzat jew eliminat, fejn dan ikun possibbli, u bl-inkoraġġiment tar-riċerka u l-iżvilupp ta' alternattivi ta' anqas ħsara, inklużi dawk mhux kimiċi.

1.2. Il-qafas ġuridiku tal-preżent

Fl-adozzjoni tas-Sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali (6EAP), il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għarfu li jeħtieġ li jkompli jitnaqqas l-impatt fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent mill-pestiċidi, partikolarment mill-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Enfasizzaw il-ħtieġa li jintlaħaq użu aktar sostenibbli tal-pestiċidi, kif ukoll tnaqqis globali sinifikanti fir-riskji u fl-użu tal-pestiċidi, konsistenti mal-protezzjoni neċessarja tal-pjanti.

Għaldaqstant, is-6EAP jfassal approċċ doppju:

1. L-implimentazzjoni sħiħa u r-reviżjoni tal-qafas ġuridiku rilevanti [5]

2. L-iżvilupp ta' Strateġija Tematika dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi

Il-qafas regolatorju tal-Komunità dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jiffoka partikolarment fuq it-tqegħid fis-suq u fuq il-bidu u t-tmiem taċ-ċiklu tal-ħajja ta' prodotti ta' dan it-tip.

L-iktar miżuri leġiżlattivi rilevanti rigward il-PPP huma:

1. Id-Direttiva 91/414/KE dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti [6], u

2. Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fl-ikel u fl-għalf [7].

L-għan tad-Direttiva 91/414/KEE huwa l-prevenzjoni tar-riskji f'ras il-għajn, permezz ta' evalwazzjoni komprensiva ħafna għal kull sustanza attiva u l-prodotti li jkun fihom dik is-sustanza, qabel ma jistgħu jiġu awtorizzati għall-użu. L-għoti ta' awtorizzazzjoni għal PPP għal ċerti użi għalhekk ifisser li jkun intwera li, f'ċirkostanzi normali ta' l-użu, dawn l-użi ma jkollhom l-ebda effett inaċċettabbli fuq is-saħħa tal-bnedmin u ta' l-annimali, u lanqas fuq l-ambjent. Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 jistabbilixxi l-livelli massimi tar-residwi (MRL) tas-sustanzi attivi fil-prodotti derivati mill-pjanti u l-annimali, bil-għan li jillimitaw l-esponiment tal-konsumaturi fl-aħħar tal-katina alimentari. Il-monitoraġġ tal-konformità ma' l-MRLs huwa wkoll għodda importanti għall-evalwazzjoni ta' kemm l-utenti professjonali (jiġifieri l-bdiewa) fl-UE jkunu applikaw sewwa r-rakkomandazzjonijiet u r-restrizzjonijiet murija fl-awtorizzazzjonijiet maħruġa mill-Istati Membri għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

Sistema tixtiebah, għall-prodotti bijoċidali, iddaħħlet permezz tad-Direttiva 98/8/KE [8], li obbligat lil bosta Stati Membri jintroduċu leġiżlazzjoni dwar il-bijoċidali għall-ewwel darba.

Wieħed min-nuqqasijiet tal-qafas legali eżistenti huwa li l-fażi ta' l-użu attwali, li hija element ewlieni għad-determinazzjoni tar-riskji globali li jqajmu l-pestiċidi, bilkemm hija indirizzata fil-leġiżlazzjoni tal-preżent. Għaldaqstant, l-Istrateġija Tematika tipproponi miżuri għall-korrezzjoni ta' dan in-nuqqas, sabiex jinħoloq qafas ta' politika li jkun koerenti u konsistenti.

1.3. Il-proċess għall-varar ta' l-Istrateġija Tematika

F'konformità mas-6EAP, Strateġiji Tematiċi għandhom jiġu żviluppati fi proċess fuq żewġ fażijiet li jinvolvi lill-partijiet interessati kollha. Fil-Komunikazzjoni tagħha 'Lejn Strateġija Tematika dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi' ta' Lulju 2002, il-Kummissjoni nediet eżerċizzju estensiv ta' konsultazzjoni [9].

Abbażi ta' studji preliminari, il-Komunikazzjoni ħadet nota tan-nuqqasijiet fil-qafas leġiżlattiv tal-preżent f'dak li jirrigwarda l-fażi ta' l-użu fiċ-ċiklu tal-ħajja tal-pestiċidi. Il-Komunikazzjoni inkludiet tagħrif estensiv ta' sfond dwar il-benefiċċji u r-riskji ta' l-użu tal-pestiċidi (li huma diskussi fl-evalwazzjoi ta' l-impatt imressqa fl-istess ħin ma' din il-Komunikazzjoni), ippreżentat lista ta' punti essenzjali li għandhom jiġu indirizzati u diskutiet miżuri possibbli biex tiġi indirizzata l-fażi ta' l-użu u biex treġġa' lura x-xejriet negattivi.

Il-konsultazzjoni ħadnnet fiha l-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni, l-industrija, organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u tal-bdiewa u l-pubbliku ġenerali. Daħlu kummenti mingħand aktar minn 150 parti interessata differenti [10]. Barra minn hekk, fl-4 ta' Novembru 2002 il-Kummissjoni laqqgħet konferenza b'aktar minn 190 parteċipant, jirrappreżentaw il-gruppi kolha tal-partijiet interessati [11]. Konsultazzjonijiet oħra saru permezz tal-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni f'diversi konferenzi dwar kwistjonijiet speċifiċi (pereżempju l-prinċipju ta' l-evalwazzjoni/sostituzzjoni komparattiva, it-tagħmir ta' l-applikazzjoni, IPM/ICM [12]) u f’laqgħat li l-Kummissjoni nnifisha organizzat (per eżempju dwar il-bexx mill-ajru). Barra minn hekk, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni miftuħa oħra permezz ta' l-Internet, u ħadet aktar minn 1 800 risposta [13].

Sew l-għanijiet ta' l-istrateġija proposta kif ukoll bosta mill-miżuri possibbli ingħataw appoġġ qawwi. Sommarju aktar dettaljat tal-proċess ta' konsultazzjoni jingħata fl-evalwazzjoni ta' l-impatt [14].

2. Evalwazzjoni tal-qagħda

Minħabba l-benefiċċji diretti li jiġġenera l-użu tagħhom (partikolarment għall-bdiewa), il-pestiċidi jintużaw fuq skala kbira, u ġeneralment jitqiesu bħala essenzjali f'sistemi moderni tal-kultivazzjoni ta' l-uċuħ. Fost il-benefiċċji, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jgħinu biex jimmassimizzaw ir-rendiment agrikolu u jimminimizzaw ix-xogħol meħtieġ.

Minkejja l-politiki u l-leġiżlazzjoni eżistenti mmirati lejn il-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, il-konsum reali u l-użu reali tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fl-UE ma niżilx bejn l-1992 u l-2003, kif jidher mit-tagħrif statistiku disponibbli [15].

(...PICT...)

Grafika 1: Il-bejgħ ta' sustanzi attivi fil-PPP (f'tunnellati) fl-UE15

Bejn l-1996 u l-2003 ma naqasx il-perċentwal tal-kampjuni ta' l-ikel u ta' l-għalf li fihom ir-residwi mhux mixtieqa tal-pestiċidi qabżu l-limiti massimi regolatorji: żdied kemm kemm biex baqa' madwar 5%, kif jidher mill-attivitajiet kurrenti ta' monitoraġġ imwettqa mill-Istati Membri u l-Kummissjoni [16].

(...PICT...)

Grafika 2: Ir-riżultati ta' l-ispezzjonijiet għar-residwi tal-pestiċidi fil-frott, il-ħaxix u ċ-ċereali fl-UE15

3. L-Għanijiet ta' l-Istrateġija Tematika

Il-kuxjenza mwessgħa fost il-konsumaturi u fis-soċjetà ġenerali dwar ir-riskji possibbli mill-użu tal-pestiċidi dan l-aħħar wassal għat-teħid ta' azzjonijiet minn ċerti kummerċanti u gvernijiet, kif ukoll mill-Komunità, biex jappoġġaw suriet ta' agrikoltura u metodi tal-ġestjoni ta' l-organiżmi ta' ħsara li jirrestrinġu, jew inkella jimmiraw aħjar, l-użu ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, bħalma huma l-agrikoltura organika jew il-ġestjoni integrata ta' l-organiżmi ta' ħsara, jew l-użu ta' varjetajiet anqas suxxettibbli. Huwa importanti li jiġi inkoraġġit użu razzjonali u preċiż tal-pestiċidi, kif ukoll prattiki adegwati tal-ġestjoni tal-kultivazzjoni u tal-ħamrija.

Barra minn hekk, sejjer ikun importanti li, permezz ta' l-iżgurar ta' taħriġ u edukazzjoni aħjar, jittejjeb l-aġir ta' l-utenti tal-pestiċidi (partikolarment dawk professjonali), li huma responsabbli għal għadd ta' użi ħżiena, inkluż l-użu żejjed.

It-titjib tal-kwalità u l-effikaċja tat-tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi wkoll huma neċessarji, biex lill-utenti tal-pestiċidi jħalluhom itejbu kemm jista' jkun l-effikaċja tat-trattamenti filwaqt li jnaqqsu kemm jista' jkun l-impatt ħażin fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent.

Barra minn hekk, l-użu tal-pestiċidi huwa affettwat – direttament u indirettament – minn leġiżlazzjoni f'oqsma oħra tal-politika, bħall-politika dwar l-ilma, il-politika dwar l-agrikoltura, il-protezzjoni tal-ħaddiema u r-riċerka. L-Istrateġija Tematika sejra tippermetti l-iżvilupp ta' approċċ orizzontali u li jħaddan għadd ta' oqsma, li jmur lil hinn sewwa mill-ambitu relattivament limitat ta' dawn l-istrumenti legali speċifiċi.

Biex jgħinu fl-ilħiq ta' l-għanijiet globali, il-miri speċifiċi ta' l-Istrateġija Tematika huma li:

(a) tnaqqas kemm jista' jkun il-perikli u r-riskji għas-saħħa u għall-ambjent mill-użu tal-pestiċidi;

(b) ittejjeb il-kontrolli dwar l-użu u d-distribuzzjoni tal-pestiċidi;

(c) tnaqqas il-livelli ta’ sustanzi perikolużi attivi, inkluż permezz tas-sostituzzjoni ta’ dawk l-aktar perikolużi b'alternattivi aktar sikuri (fosthom dawk mhux kimiċi);

(d) tinkoraġġixxi sistemi ta' kultivazzjoni bi ftit jew xejn użu ta' pestiċidi, fost l-oħrajn billi titqajjem kuxjenza fost l-operaturi, il-promozzjoni ta' l-użu ta’ kodiċijiet ta' prattiċi tajba u l-kunsiderazzjoni ta' l-applikazzjoni possibbli ta' strumenti finanzjarji;

(e) tistabbilixxi sistema trasparenti għar-rappurtar u għall-monitoraġġ tal-progress li jkun sar lejn ilħiq il-miri ta’ l-istrateġija, inkluż l-iżvilupp ta’ indikaturi adegwati.

L-effetti tal-leġiżlazzjoni dwar il-bijoċidi se joħorġu fid-dieher biss wara l-2006, meta jiġu ffinalizzati l-ewwel evalwazzjonijiet tas-sustanzi attivi għall-użu fil-prodotti bijoċidali. Illum, la l-Kummissjoni u lanqas il-parti l-kbira ta' l-Istati Membri ma għandhom biżżejjed għarfien jew esperjenza biex ikunu jistgħu jipproponu aktar miżuri rigward il-bijoċodi. Il-qagħda għandha terġa' tiġi eżaminata matul l-2007, bil-għan li jiġu kkunsidrati miżuri possibbli.

Għaldaqstant, abbażi ta' l-għanijiet stabbiliti fis-6EAP, u fil-kunsiderazzjoni li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jikkostitwixxu l-aktar grupp importanti fost il-pestiċidi, l-Istrateġija Tematika dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi għalissa qed tiffoka biss fuq dan it-tip ta' prodott. Madankollu, l-ambitu ta' l-Istrateġija Tematika jista' jitwessa' fil-ġejjieni, jekk miżuri simili jitqiesu li jkunu ta' ħtieġa għall-bijoċodi.

4. Azzjonijiet u Mezzi: Miżuri li jikkostitwixxu l-Istrateġija Tematika

L-Istrateġija Tematika dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi hija magħmula minn għadd ta' miżuri individwali, li l-impatti tagħhom ġew analizzati mil-lati ekonomiċi, soċjali, ambjentali u tas-saħħa. F'konformità mal-ħsieb integranti ta' l-Istrateġiji Tematiċi, li jfittex li l-miżuri ġodda kemm jista' jkun iġibhom ħaġa waħda ma' l-istrumenti eżistenti, huwa dan l-approċċ li qed jiġi propost għal bosta miżuri. Il-miżuri l-ġodda huma proposti f'leġiżlazzjoni ġdida, li sejra titressaq separatament minn din il-Komunikazzjoni.

Il-kapitli li ġejjin jippreżentaw il-miżuri li jagħmlu parti minn din l-Istrateġija Tematika, flimkien ma' dawk il-miżuri li, filwaqt li ġew ikkunsidrati, mhux qed jiġu proposti f'dan l-istadju. Aktar dettalji jingħataw fl-"Anness Tekniku għall-Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija Tematika għall-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi" [17], kif ukoll fl-Evalwazzjoni ta' l-Impatt, li timmotiva l-miżuri proposti. Dawn id-dokumenti huma marbuta l-wieħed ma' l-ieħor, u għandhom jinqraw flimkien.

4.1. Miżuri ġodda li ma jistgħux jiġu integrati fi strumenti eżistenti

Il-miżuri li ġejjin ta' l-Istrateġija Tematika se jkunu inklużi f'Direttiva ta' Qafas tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li l-Kummissjoni qed tipproponiha separatament minn din il-Komunikazzjoni.

– L-istabbiliment ta' Pjanijiet Nazzjonali ta' Azzjoni min-naħa ta' l-Istati Membri, li se jeħtiġilhom jistabbilixxu miri individwali għat-tnaqqis tal-perikli, ir-riskji u d-dipendenza fuq il-kontroll kimiku fil-protezzjoni tal-pjanti (Pjanijiet Nazzjonali ta' Azzjoni – NAP).

– L-involviment tal-partijiet interessati fit-twaqqif, l-implimentazzjoni u l-adattament ta' l-NAP. L-arranġamenti dettaljati għall-parteċipazzjoni pubblika, u l-livell li fih din tiġi organizzata, għandhom jiġu ddeterminati mill-Istati Membri b'tali mod li lill-pubbliku jagħtuh opportunitajiet minn kmieni u effettivi biex jieħu sehem fil-proċess.

– Il-ħolqien ta' sistema tat-taħriġ ta' l-utenti professjonali tal-pestiċidi biex jiġi żgurat li dawk li jużaw il-pestiċidi fuq bażi regolari jkunu mgħarrfa sewwa dwar ir-riskji marbuta ma' dan l-użu, u jieħdu l-miżuri kollha li jkunu f'lokhom biex, għas-soluzzjoni ta' problema tal-protezzjoni tal-pjanti, isibu l-mezzi ta' l-anqas dannu. Din is-sistema sejra tinkludi gwida għall-utenti dwar l-aħjar għażliet minn fost il-prodotti differenti li jkunu disponibbli għall-istess trattament (is-sostituzzjoni fuq il-livell ta' l-utent).

– Li titqajjem kuxjenza fost il-pubbliku ġenerali (b'attenzjoni partikolari għall-utenti mhux professjonali ta' l-utenti) permezz ta' kampanji għat-tqajjim tal-kuxjenza u bit-twassil ta' l-informazzjoni permezz tal-bejjiegħa, biex jiġi żgurat li l-pubbliku jkun infurmat aħjar.

– L-ispezzjoni regolari u obbligatorja tat-tagħmir ta' applikazzjoni sabiex jitnaqqsu l-effetti ħżiena tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem (partikolarment f'dak li jirrigwarda l-esponiment ta' l-operatur) u fuq l-ambjent waqt l-applikazzjoni, u tiġi żgurata l-akbar effiċjenza ta' l-użu bil-garanzija li l-kwantità li tkun applikata tkun l-istess daqs id-doża predeterminata.

– Il-projbizzjoni tal-bexx mill-ajru biex jiġu llimitati r-riskji ta' impatti ħżiena sinifikanti fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent, partikolarment mit-tifrix tal-bexx lil hinn miż-żona ta' mira. Il-bexx mill-ajru għandu jintuża biss b'deroga, fejn ikun joffri vantaġġi ċari u wkoll benefiċċji ambjentali meta mqabbel ma' metodi oħra ta' bexx, jew fejn ma jkun hemm l-ebda alternattiva vijabbli. Il-kundizzjonijiet għal derogi ta' dan it-tip għad iridu jiġu stabbiliti biex kemm jista' jkun jitnaqqsu r-riskji ta' effetti mhux mixtieqa, pereżempju permezz ta' rekwiżiti adegwati għat-taħriġ ta' l-operaturi u standards dwar it-tagħmir ta' applikazzjoni.

– Titjib tal-protezzjoni ta' l-ambjent akkwatiku mit-tniġġis bil-pestiċidi, biex jingħata kontribut għall-ilħiq ta' l-għanijiet tad-Direttiva ta' Qafas dwar l-Ilma (l-Artikoli 7(3), 11 u 16 tad-Direttiva ta' Qafas dwar l-Ilma 2000/60/KE [18]).

– Id-definizzjoni ta' żoni ta' l-użu mnaqqas, jew mingħajr l-użu, tal-pestiċidi f'koerenza mal-miżuri meħuda skond leġiżlazzjoni oħra (pereżempju l-Artikoli 6, 10 u 12 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats [19] u l-Artikoli 3 u 4(4) tad-Direttiva dwar l-Għasafar [20]). Żoni bħal dawn għandhom jiġu ddeżinjati, sabiex jiġu indirizzati r-riskji għolja ta' l-esponiment għall-pubbliku ġenerali u l-protezzjoni speċifika meħtieġa minn gruppi vulnerabbli, bħalma huma t-tfal.

– Il-maniġġar u l-ħżin tal-pakkeġġar u tal-fdalijiet tal-pestiċidi u miżuri oħra konnessi mal-maniġġar tal-prodotti, sabiex ma jiġux maħżuna jew trattati bi traskuraġni, u b'hekk possibbilment iniġġsu l-ambjent.

– Il-promozzjoni ta' metodi tal-kultivazzjoni bi ftit użu tal-pestiċidii u l-ħolqien min-naħa ta' l-Istati Membri tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni mill-bdiewa ta' Ġestjoni Integrata ta' l-Organiżmi ta' Ħsara (IPM). Sejrin jiġu żviluppati standards għall-Komunità kollha kemm hi rigward il-Ġestjoni Integrata ta' l-Organiżmi ta' Ħsara (IPM), li se jsiru obbligatorji mill-2014 'il quddiem. Standards speċifiċi rigward l-IPM għal pjanti partikolari sejrin jiġu żviluppati fuq il-livell Komunitarju, imma l-implimentazzjni tagħhom sejra tibqa' volontarja, u l-Istati Membri jkunu jistgħu jappoġġaw din l-attività taħt l-iżvilupp rurali.

– Il-kejl, permezz ta' indikaturi armonizzati adegwati, tal-progress fit-tnaqqis tar-riskji. Dan se jsir obbligatorju għall-Istati Membri kollha għar-rappurtar regolari. Sett ta' indikaturi possibbli tar-riskju bħalissa qiegħed jiġi żviluppat fi proġett appoġġat fil-kuntest tas-Sitt Programm ta' Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp (HAIR [21]). Dawn l-indikaturi għandhom isiru indikaturi komuni, għall-użu fl-Istati Membri kollha – possibbilment flimkien ma' indikaturi oħra diġà eżistenti.

– L-istabbiliment ta' sistema għall-iskabju tat-tagħrif fuq il-livell Komunitarju – Grupp ta' Esperti ta' l-Istrateġija Tematika – li jinvolvi l-Istati Membri u l-partijiet interessati rilevanti oħra sabiex kontinwament jiżviluppa u jaġġorna l-gwidi, l-aħjar prattika u r-rakkomandazzjonijiet li jkunu f'lokhom.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni sejra tinkorpora l-miżuri li ġejjin ta' l-Istrateġija Tematika f'żewġ proposti separati li għandhom jiġu adottati sa mhux aktar tard mill-2008:

– Sistemi mtejba għall-ġbir ta' l-informazzjoni dwar id-distribuzzjoni u l-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, fuq il-livell tas-sustanzi attivi, u r-rappurtar regolari biex jiġi ttrattat in-nuqqas ta' data affidabbli, partikolarment bil-għan tal-kalkolu ta' l-indikaturi tar-riskju;

– Rekwiżiti essenzjali għall-protezzjoni ta' l-ambjent li għandhom jiġu sodisfatti minn tagħmir ġdid ta' l-applikazzjoni tal-pestiċidi li jitqiegħed fis-suq.

4.2. Miżuri li jiġu integrati l-aħjar fi strumenti eżistenti

Il-miżuri li ġejjin ta' l-Istrateġija Tematika għandhom jiġu integrati fi strumenti eżistenti:

– Sistemi mtejba għall-monitoraġġ tal-konformità mar-rekwiżiti ġuridiċi dwar id-distribuzzjoni u l-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, permezz ta' emenda sostanzjali tad-diċitura kurrenti ta' l-Artikolu 17 tad-Direttiva 91/414/KEE. Dan huwa ta' rilevanza wkoll fid-dawl tar-rekwiżiti għall-eliġibbiltà kondizzjonali għall-ħlasijiet diretti skond il-PAK, li mill-2006 tinkludi d-Direttiva 91/414/KEE (l-Artikolu 3) [22]. L-Istati Membri se jkollhom ukoll l-obbligu li jirrappurtaw inċidenti ta' avvelenament bil-pestiċidi, għall-operaturi, terzi li jkunu għaddejjin mill-qrib, residenti, konsumaturi u fawna selvaġġa.

– L-integrazzjoni ta' l-evalwazzjoni komparattiva u l-prinċipju tas-sostituzzjoni fl-evalwazzjoni tas-sustanzi attivi u fit-teħid tad-deċiżjonijiet, għall-inklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE (proċess bħal dan diġà jeżisti taħt id-Direttiva 98/8/KE għall-prodotti bijoċidali), u fl-awtorizzazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fil-livell ta' l-Istati Membri.

– It-tisħiħ tal-programmi annwali tal-monitoraġġ tar-residwi tal-pestiċidi fl-ikel u fl-għalf permezz tar-Regolament dwar id-definizzjoni ta' Livelli Massmi ta' Resdiwi [23] (MRLs), issupplimentat mill-istudji epidemjoloġiċi dwar l-esponiment fil-kuntest ta' l-Istrateġija Ewropea dwar l-Ambjent u s-Saħħa.

– Il-monitoraġġ ambjentali: id-determinazzjoni ta' konċentrazzjonijiet ta' pestiċidi f'kompartimenti ambjentali, bħala mezz għall-verifika tal-kalkoli tal-mudelli u t-tbassir waqt l-evalwazzjoni tar-riskju, u l-konformità ta' l-utenti mar-restrizzjonijiet u l-istruzzjonjiet tat-tikketta. Id-Direttiva ta' Qafas dwar l-Ilma tipprovdi dwar il-Monitoraġġ tal-pestiċidi fl-ilma.

– Ir-riċerka dwar il-pestiċidi fi ħdan is-Sitt u s-Seba' Programmi ta' Qafas tal-Komunità għar-Riċerka [24], bil-għan li s-saħħa u l-benessri taċ-ċittadini Ewropej jittejbu permezz ta' ikel ta' kwalità ogħla u kontroll aħjar tal-produzzjoni ta' l-ikel u tal-fatturi ambjentali relatati, kif ukoll li l-evalwazzjoni tar-riskji tiġi ffaċilitata fuq il-livell ta' l-azjenda agrikola (pereżempju l-identifikazzjoni ta' żoni jew metodi ta' riskju). Dan jinkludi l-finanzjament tal-proġetti li b'mod partikolari jeżaminaw l-iżvilupp ta' alternattivi għall-kontroll kimiku ta' l-organiżmi ta' ħsara. L-effetti tal-pestiċidi fuq il-bijodiversità u l-modi kif jistgħu jitrażżnu jistgħu jiġu investigati taħt l-attivitajiet tematiċi fil-Programm Kooperazzjoni tas-Seba' Programm ta' Qafas [25].

– Stedina lill-Istati Membri biex japplikaw ir-rati normali tal-VAT għall-pestiċidi, sabiex inaqqsu l-inċentiv dovut għad-differenza fil-prezz, għall-iskambju illegali minn pajjiż għall-ieħor ta' prodotti mhux awtorizzati.

– Fl-arena internazzjonali, il-Komunità u l-Istati Membri rratifikaw u implimentaw il-Konvenzjoni ta' Rotterdam dwar il-Kunsens minn Qabel u Infurmat (PIC) u l-Konvenzjoni ta' Stokkolma dwar il-Pollutanti Persistenti Organiċi (POPs). Jipprovdu wkoll għajuna finanzjarja u teknika (għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet) f'bosta programmi bilaterali u multilaterali (inkluż l-Approċċ Strateġiku għall-Ġestjoni Internazzjonali tal-Kimika, SAICM, adottat fi Frar 2006), li jikkontribwixxu għas-sikurezza fl-immaniġġar u r-rimi tal-pestiċidi (inklużi stokkijiet skaduti ta' pestiċidi). Il-Komunità tirrikonoxxi li r-riskji għas-saħħa u għall-ambjent ikkawżati mill-użu tal-pestiċidi huma ta' tħassib partikolari f'pajjiżi li qed jiżviluppaw u f'pajjiżi li għaddejjin minn tranżizzjoni.

4.3. Miżuri/azzjonijiet li bħalissa mhumiex qed jiġu proposti bħala parti mill-Istrateġija Tematika, imma li jistgħu jiġu eżaminati mill-ġdid fil-ġejjieni

Il-miżuri/azzjonijiet li ġejjin, wara li ġew diskussi waqt il-fażi ta' konsultazzjoni u vvalutati fl-evalwazzjoni ta' l-impatt, f'dan l-istadju mhux se jiġu proposti bħala parti mill-Istrateġija Tematika. Jistgħu jiġu kkunsidrati 'l quddiem fid-dawl tar-riżultati ta' l-istrateġija proposta, li se tiġi eżaminata skond il-mekkaniżmu ta' reviżjoni previst fl-abbozz tad-Direttiva ta' Qafas.

– Definizzjoni ta' miri kwantitattivi ta' tnaqqis. Ma hemm l-ebda relazzjoni sistematika u diretta bejn it-tnaqqis globali tal-kwantitajiet ta' pestiċidi użati u r-riskji involuti. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda tagħrif adegwat dwar il-konsum bażilari, li jkun jista' jintuża bħala referenza, u hemm għadd ta' kwistjonijiet ġuridiċi dwar l-infurzar u r-responsabbiltà legali. Għaldaqstant, l-Istrateġija mhijiex sejra tipproponi miri li jorbtu fil-liġi, u b'hekk tkun konformi mal-politika ta' l-Istati Membri.

– It-twaqqif ta' sistema ta' taxxi/soprataxxi biex tinfluwenza kwalitattivament l-użu tal-pestiċidi. F'dan l-istadju, effettivament mhuwiex possibbli li titfassal sistema effiċjenti u maniġġabbli ta' taxxi/soprataxxi li tkun tirrifletti l-effetti negattivi tal-pestiċidi individwali. L-Istati Membri jistgħu jesploraw sistemi 'banded' (sistemi b'rati fissi bħalissa qed jiġu applikati f'xi Stati Membri), adattati għall-qagħdiet speċifiċi tagħhom u għall-miri ta' protezzjoni li jkunu jixtiequ jilħqu.

5. Ir-riżultati u l-impatti mistennija

L-iktar riżultat importanti li mistenni joħroġ minn din l-Istrateġija Tematika huwa tnaqqis tar-riskji globali u l-impatti ħżiena ta' l-użu tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent. Tnaqqis bħal dan jista' jintlaħaq permezz tar-riduzzjoni ta' l-esponiment mhux mixtieq (dirett u indirett), u permezz tat-tnaqqis tal-perikli inerenti tas-sustanzi użati bis-sostituzzjoni ta' dawk l-aktar perikolużi b'oħrajn ta' anqas dannu (l-hekk imsejjaħ "prinċipju tas-sostituzzjoni") jew miżuri alternattivi ta' protezzjoni. Bħalissa ma hemm l-ebda indikatur li dwaru jaqbel kulħadd u li huwa disponibbli għall-kejl ta' dawn ir-riskji.

Għarfien aħjar ta' l-użu attwali tal-pestiċidi sejjer ikun l-element ewlieni għall-kalkolu ta' l-indikaturi tar-riskju – se jkun jeħtieġ li jiġu stabbiliti bil-ħeffa sistemi għall-ġbir ta' l-informazzjoni rilevanti biex ikun jista' jsir il-kalkolu ta' l-indikaturi u tax-xejriet fl-iżviluppi tagħhom (retrospettivament ukoll). Globalment, mistenni li, b'konsegwenza ta' l-Istrateġija Tematika, se jikber ħafna l-għarfien dwar l-użu tal-pestiċidi, se jiġi żviluppat sett ta' indikaturi rilevanti tar-riskju, u li dawn ta' l-aħħar sejrin ikollhom xejriet għan-niżla maż-żmien.

Minkejja li mhuwiex direttament marbut mat-tnaqqis tar-riskji attwali, mistenni wkoll li l-użu komprensiv tal-pestiċidi se jieħu xejra 'l isfel bħala konsegwenza tal-promozzjoni ta' metodi ta' kultivazzjoni b'użu baxx tal-pestiċidi (fost l-oħrajn, il-Ġestjoni Integrata ta' l-Organiżmi ta' Ħsara, il-biedja organika) u d-deżinjazzjoni ta' żoni ta' l-użu mnaqqas, jew mingħajr l-użu, tal-pestiċidi. Utenti mħarrġa aħjar, b'tagħmir ta' applikazzjoni tajjeb kemm jista' jkun, sejrin jużaw il-pestiċidi b'aktar effiċjenza, u jnaqqsu t-telf fl-ambjent tal-madwar (partikolarment fl-ambjent akkwatiku). Għandu jiżdied il-perċentwal ta' l-artijiet ikkultivati b'sistemi ta' l-użu mnaqqas, jew mingħajr l-użu, tal-pestiċidi, bħalma hija l-produzzjoni integrata.

Mistenni wkoll li, b'riżultat ta' l-Istrateġija Tematika, jonqos il-perċentwal tal-kampjuni ta' l-ikel u l-għalf li, waqt il-monitoraġġ fl-Istati Membri, jinsab li jkun fihom qbiż ta' l-MRLs. Barra minn hekk, għandu jkun hemm tnaqqis ukoll fl-għadd ta' inċidenti ta' avvelenament li jinvolvu l-bnedmin jew il-fawna selvaġġa.

Għall-ebda waħda minn dawn ix-xejriet ma huwa possibbli li jitfasslu miri kwantitattivi, minħabba li, spiss, l-informazzjoni bażilari tkun nieqsa, jew ikun hemm wisq fatturi involuti biex jippermettu t-tbassir kwantitattiv b'mod affidabbli. L-evalwazzjoni ta' l-impatt, madankollu, turi li l-impatt komprensiv nett mistenni huwa pożittiv biċ-ċar.

6. Il-passi li jmiss

Flimkien ma' l-adozzjoni tal-Komunikazzjoni, l-Anness Tekniku magħha, u l-evalwazzjoni ta' l-impatt relatata, il-Kummissjoni diġà adottat, jew inkella sejra tadotta fil-ġejjieni, dawn li ġejjin:

– proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-azzjoni Komunitarja għall-ilħiq ta' użu sostenibbli tal-pestiċidi, li se jkun fiha l-miżuri leġiżlattivi ġodda meħtieġa deskritti f'Kapitlu 4.1;

– proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jirrevedi d-Direttiva 91/414/KEE, li, fost l-oħrajn, sejjer jinkorpora l-miżuri meħtieġa rigward il-monitoraġġ tal-konformità u l-evalwazzjoni komparattiva mtejbin;

– proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti;

– proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi rekwiżiti essenzjali għall-protezzjoni ta' l-ambjent rigward it-tqegħid fis-suq tat-tagħmir ġdid ta' l-applikazzjoni tal-pestiċidi u l-aċċessorji tiegħu, possibbilment fil-qafas tad-Direttiva 2006/42/KE [26];

– proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar standards ambjentali tal-kwalità fil-qasam tal-politika ta' l-ilma, inklużi standards ta' dan it-tip għal ċerti pestiċidi;

– Din il-leġiżlazzjoni l-ġdida sejra tissupplimenta Komunikazzjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew dwar l-Ambjent u s-Saħħa, li, fost l-oħrajn, fih l-azzjonijiet meħtieġa għall-iżvilupp ta' tagħrif integrat dwar l-esponiment tal-bnedmin għall-pestiċidi u l-konsegwenzi ta' dan l-esponiment [27].

L-isforzi biex jitnaqqsu r-riskji mill-użu tal-pestiċidi qed jevolvu kontinwament, u se jkollhom jiġu riveduti fuq bażi regolari. Barra minn hekk, minħabba li bosta mill-miżuri li jikkostitwixxu l-Istrateġija Tematika jirrikjedu grad suffiċjenti ta' sussidjarjetà, se jkun ta' ħtieġa li jkun hemm (i) l-iskambju ta' l-informazzjoni bejn l-Istati Membri rigward il-pjanijiet nazzjonali ta' azzjoni tagħhom u dwar is-soluzzjonijiet preċiżi li jkunu sabu, u (ii) l-iżvilupp tal-gwida u l-aħjar prattika neċessarji.

L-abbozz tad-Direttiva ta' qafas għaldaqstant sejjer jistabbilixxi forum konsultattiv, il-Grupp ta' Esperti ta' l-Istrateġija Tematika, biex jiżviluppa l-gwida dwar l-aħjar prattika u jissorvelja l-implimentazzjoni tal-miżuri proposti fl-Istrateġija Tematika.

Fid-dawl ta' l-eżitu ta' dan l-iskambju ta' tagħrif u d-deliberazzjonijiet tal-Grupp ta' Esperti ta' l-Istrateġija Tematika, il-miżuri proposti regolarment sejrin jiġu riveduti u aġġornati għall-avvanzi tekniċi.

[1] Għal definizzjonijiet, jekk jogħġbok irreferi għall-Anness Tekniku ma' din il-Komunikazzjoni.

[2] L-iktar Direttivi Komunitarji bikrija dwar regoli fuq il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti huma mill-1979.

[3] Dokument ta' Pożizzjoni ta' l-EUREAU ‘Inżommu r-Riżorsi Mhux Trattati ta' l-Ilma tax-Xorb Ħielsa mill-Pestiċidi’, 2001.

[4] Ir-rapporti huma disponibbli bl-Ingliż fis-sit: http://europa.eu.int/comm/food/fs/inspections/fnaoi/reports/annual_eu/index_en.html

[5] Fis-6EAP, issir referenza biss għall-qafas ġuridiku li jikkonċerna l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

[6] ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

[7] Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 396/2005 tat-23 ta' Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 70/1/KEE (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1).

[8] ĠU L 123, 24. 4. 1998, p 1

[9] COM (2002) 349.

[10] L-opinjonijiet ippreżentati huma disponibbli fis-sit: http://www.europa.eu.int/comm/environment/ppps/home.htm.

[11] Id-dokumenti tal-konferenza u l-kontributi li saru fiha huma disponibbli fis-sit: http://europa.eu.int/comm/environment/ppps/home.htm

[12] Il-Ġestjoni Integrata ta' l-Organiżmi ta' Ħsara / il-Ġestjoni Integrata ta' l-Uċuħ tar-Raba'.

[13] Ir-riżultati disponibbli fis-sit: http://europa.eu.int/comm/environment/ppps/pdf/stats_consult.pdf

[14] Rapport dwar l-Evalwazzjoni ta' l-Impatt ta' l-Istrateġija Tematika dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi, Dokument ta' Ħidma ta' l-Istaff tal-Kummissjoni SEC(2006) 894.

[15] Data mogħtija mill-Eurostat u l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Protezzjoni ta' l-Uċuħ tar-Raba'.

[16] Ir-rapporti huma disponibbli bl-Ingliż fis-sit:

- http://europa.eu.int/comm/food/fs/inspections/fnaoi/reports/pesticides/index_en.html

[17] SEC(2006) 895.

[18] Id-Direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill 2000/60/KE tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għall-azzjoni tal-Komunità fil-qasam tal-politika dwar l-ilma. ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.

[19] Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta' l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa. (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).

[20] Id-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta' April 1979 fuq il-konservazzjoni ta' għasafar salvaġġi. (ĠU L 103, 25.4.1979, p. 1).

[21] Indikaturi Ambjentali Armonizzati għar-Riskji mill-Pestiċidi (HAIR):

- http://www.rivm.nl/stoffen-risico/NL/hair.htm

[22] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta' Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa. (ĠU L 270, 19.8.1991, p. 1).

[23] Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna nru 8.

[24] Tagħrif rilevanti dwar l-FP6 disponibbli mis-sit: http://www.europa.eu.int/comm/research/fp6/index_en.html

[25] Aktar informazzjoni hija disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/research/fp7/

[26] Id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-makkinarju u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (recast). (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24).

[27] COM(2004) 416.

--------------------------------------------------

Top