EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006DC0062

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Rapport Konġunt dwar il-Ħarsien Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali ta’ l-2006

/* KUMM/2006/0062 finali */

52006DC0062




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 13.2.2006

KUMM(2006) 62 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Rapport Konġunt dwar il-Ħarsien Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali ta’ l-2006

WERREJ

1. Daħla 3

2. Kwistjonijiet li fihom jinkludu kollox li jaffaċċaw il-politiki tal-ħarsien soċjali u l-inklużjoni soċjali. 4

(a) Il-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali u ta’ l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd permezz ta’ sistemi ta’ ħarsien soċjali u ta’ politiki ta’ inklużjoni soċjali li jkunu adegwati, aċċessibbli, finanzjarjament sostenibbli, adattabli u effiċjenti 4

(b) L-interazzjoni aktar mill-qrib ma’ l-għanijiet ta’ Liżbona dwar il-kisba ta’ tkabbir ekonomiku aqwa u impjiegi li huma aktar fil-kwantità u aħjar u ma’ l-Istrateġija ta’ l-Iżvilupp Sostenibbli ta’ l-UE. 5

(c) It-tisħiħ ta’ l-amministrazzjoni, it-trasparenza u l-involviment tal-partijiet interessati fit-tfassil, l-implimentazzjoni u s-superviżjoni tal-politika 7

3. Sfidi ta’ qofol fil-faxxex differenti tax-xogħol li jaqa’ taħt il-MMK 8

3.1. Niġġieldu kontra l-faqar u l-esklużjoni: sforz sostnut iżda hemm firda ta' implimentazzjoni. 8

3.2 Pensjonijiet adegwati u sostenibbli: jissoktaw l-isforzi ta’ riforma 8

3.3. Is-saħħa u l-kura fit-tul: l-ewwel passi jenfasizzaw l-importanza tal-kwistjonijiet f’dan il-qasam 9

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Rapport Konġunt dwar il-Ħarsien Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali ta’ l-2006

1. DAħLA

Il-politiki ta’ l-Ewropa dwar il-ħarsien soċjali u l-inklużjoni soċjali qegħdin jaffaċċaw sfidi kbar. Il-kompetizzjoni globali, l-impatt ta’ teknoloġiji ġodda u l-popolazzjoni li qiegħda tixjieħ jifformaw il-kuntest tal-politika fuq medda twila ta’ żmien; rata dgħajfa ta’ tkabbir, rata għolja ta’ qgħad u inugwaljanzi persistenti jeħtiġilhom li jindirizzawhom fuq medda qasira taż-żmien. F’Ottubru, ġewwa Hampton Court, il-Kapijiet ta’ l-Istat u l-Gvern irriflettew dwar il-modi kif is-sistemi soċjali jistgħu jsostnuhom fil-konfont ta’ sfidi bħal dawn u fl-istess waqt, kif jistgħu jikkontribwixxu sabiex jilħquhom. Il-kontribut tal-Kummissjoni, imħaddan bil-qawwa fil-konklużjonijiet tal-President, sejjaħ għall-“istrumenti ta’ tisħiħ bħal ma huma il-linji ta’ gwida integrati ta’ l-UE għat-tkabbir u l-impjiegi u sabiex tissaħħaħ l-interazzjoni tagħhom mal-koordinazzjoni aktar effettiva fil-livell ta’ l-UE fil-qasam tal-ħarsien soċjali.”

Qabel dan, ir-reviżjoni ta’ l-istrateġija ta’ Liżbona fir-Rebbiegħa ta’ l-2005 qajmet sfida fuq żewġ binarji għax-xogħol li jaqa’ taħt il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni (MMK) għall-ħarsien soċjali u l-inklużjoni soċjali. Sabet firda bejn l-għanijiet komuni Ewropej u l-politiki stabbiliti sabiex jindirizzawhom – għall-MMK, dan ifisser li l-proċess għandu jitlaq lil hinn milli jidentifika l-prinċipji wiesgħin u jiffoka fuq l-effettività tal-politiki. It-tieni nett, filwaqt li ddikjarat mill-ġdid l-importanza tad-dimensjoni soċjali ta’ l-istrateġija, fittxet konċentrazzjoni ta’ sforz ta’ politika għall-ħolqien ta’ aktar tkabbbir u ta' aktar impjiegi li jkunu aħjar. Għalhekk, hija meħtieġa l-interazzjoni mill-qrib bejn il-ħarsien soċjali u l-MMK ta’ l-inklużjoni soċjali, bil-konċentrazzjoni tagħha li għandha tkun fuq li tipprovdi livell għoli ta’ ħarsien soċjali u koeżjoni soċjali, u politiki għall-impjieg u t-tkabbir. Fl-istess waqt, Il-Kunsill Eropew ħeġġeġ lill-Unjoni u l-Istati Membri sabiex jagħtu prijorità, permezz ta’ l-istrateġija ta’ l-inklużjoni soċjali, sabiex itejbu l-qagħda ta’ l-aktar persuni ta’ età żgħira li huma vulnerabbli u sabiex itejbu l-inizjattivi għall-prevenzjoni tal-falliment ta’ l-edukazzjoni bħala kontribut lill-Patt Ewropew taż-Żgħażagħ.

Dan it-tieni Rapport Konġunt dwar il-ħarsien soċjali u l-inklużjoni soċjali jirreaġixxi direttament għall-isfida tas-Samit ta’ Hampton Court u ta’ Liżbona, u jibni fuq il-Komunikazzjoni ta’ l-2003 “Insaħħu d-dimensjoni soċjali ta’ l-istrateġija ta’ Liżbona: Nissimplifikaw il-koordinazzjoni miftuħa fil-qasam tal-ħarsien soċjali”[1]. Jibbaża fuq il-pjanijiet u d-dikjarazzjonijiet tal-politika magħmula mill-Istati Membri matul l-2005 taħt it-tliet faxxex ta’ politika ta’ inklużjoni soċjali, pensjonijiet, u saħħa u kura li tifrex fuq medda twila ta’ żmien. Immexxi mill-perspettivi fuq il-valur tal-MMK espress mill-Istati Membri u l-partijiet interessati. U jantiċipa l-istruttura ta’ l-iskambji tal-MMK taħt proċess futur issimplifikat[2].

2. KWISTJONIJIET LI FIHOM JINKLUDU KOLLOX LI JAFFAċċAW IL-POLITIKI TAL-ħARSIEN SOċJALI U L-INKLUżJONI SOċJALI.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar qafas ġdid għall-MMK jiddeskrivi fil-qosor tliet sfidi li jinkludu kollox għal politiki fl-oqsma tal-ħarsien soċjali u ta’ l-inklużjoni. Din it-taqsima tuża dan il-qafas sabiex tirrevedi politiki attwali u strateġiji ta’ riforma.

(a) Il-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali u ta’ l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd permezz ta’ sistemi ta’ ħarsien soċjali u ta’ politiki ta’ inklużjoni soċjali li jkunu adegwati, aċċessibbli, finanzjarjament sostenibbli, adattabli u effiċjenti

L-Istati Membri jridu jilħqu l-għanijiet soċjali tal-qalba b’mod effiċjenti u li huwa effettiv mil-lat ta’ spiża filwaqt li jadattaw għal sfidi u ċirkustanzi ġodda. Għal dan il-għan, fl-2003 l-Istati Membri nefqu b’kollox madwar 28% tal-PGD f’termini gross dwar il-ħarsien soċjali, ċifra li telgħet bil-mod wara li kienet ġeneralment stabbli matul dawn l-aħħar snin.

Sistemi ta’ trasferimenti ta’ flus (minbarra l-pensjonijiet) jgħoddu għall-5% tal-PGD. Sforzi tar-riforma f’dan il-qasam huma ffukati l-aktar sabiex jissaħħu l-inċentivi sabiex wieħed jibda jaħdem. L-użu ta’ sussidji għall-ħaddiema sabiex jappoġġjaw id-dħul ta’ dawk li qed jagħmlu tranżazzjoni għal impjieg (b’paga baxxa), qiegħed jiżdied, għalkemm qed jiżdied bil-mod. L-għajnuna soċjali kull ma tmur qed tintrabat dejjem aktar mill-qrib ma’ servizzi soċjali u ta’ impjieg, ipprovduti lokalment bħala mezz sabiex jinkisbu s-sinerġiji u l-effiċjenzi. Sforzi notevoli ta’ riforma jirrelataw ma skemi ta’ mard fit-tul/invalidità, fejn bosta Stati Membri qegħdin jieħdu miżuri sabiex jiżguraw li mhumiex xi forma ta’ rtirar kmieni moħbi iżda jippromwovu l-miġja lura lejn is-suq tax-xogħol.

L-infieq fuq il-pensjonijiet, li jammontaw għal medja ta’ 13% tal-PGD fl-UE (fl-2003), żgura li l-fatt li tkun anzjan ma għadux assoċjat ma’ li tkun fqir jew li tiddependi fuq uliedek. Dan inkiseb l-aktar permezz tal-provvista tal-pensjonijiet pubbliċi, u l-adegwatezza ta’ l-introjtu ta’ l-irtirar se jkompli jibqa' responsabilità pubblika. Issa, l-isfida ċentrali tal-pensjoni, f’soċjetà li qiegħda tixjieħ, hija li tiżdied l-età ta’ l-irtirar effettiv. Qegħdin isiru riformi fil-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri sabiex ireġġgħu lura x-xejra ta’ l-għexieren ta’ snin li għaddew li naqqsu l-età ta’ rtirar effettiv u sabiex ilaħħqu maż-żidiet futuri fit-tul medju tal-ħajja. Skemi pubbliċi tal-pensjoni tat-tip li tħallas b’allokazzjonijiet ( pay-as-you-go ) mistennija li jibqgħu is-sors ewlenija tad-dħul tal-pensjonanti fl-għexieren ta’ snin li ġejjin, filwaqt li l-kontribuzzjoni ta’ skemi ta’ pensjoni amministrati mill-privat mistennija jiżdiedu f’ħafna mill-Istati Membri iżda mhux f’kollha kemm huma. Il-prinċipju ta’ solidarjetà jibqa’ importanti għas-sistemi tagħna tal-pensjoni, billi jiżgura aċċess għall-ħaddiema kollha għal proviżjoni ta’ pensjoni, forma ta’ minimu garantit għall-persuni avvanzati fl-età, dħul ta’ sostituzzjoni u finalment l-għarfien għall-pensjonijiet għaż-żmien imqatta’ barra mis-suq tax-xogħol (notevolment għall-kura tat-tfal jew ta’ persuni avvanzati fl-età u perjodi ta’ qgħad).

Fil-qasam tas-saħħa u tal-kura li tifrex fuq medda twila ta’ żmien, fejn l-infiq laħaq medja ta’ 8% tal-PGD fl-2003, l-Istati Membri jkomplu jimmiraw li jiżguraw aċċess għal kulħadd għal kura ta’ kwalità għolja, filwaqt li jadattaw is-sistemi tagħhom għat-talba li dejjem tiżdied marbuta ma’ l-anzjanità, l-aspettattivi tal-pazjenti u l-iżvilupp tat-teknoloġija. Qegħdin ifittxu effettività u effiċjenza akbar permezz tar-riorganizzazzjoni, il-prijoritizzazzjoni u l-iżvilupp ta’ strutturi ta’ inċentiv għall-utneti u l-fornituri. Il-promozzjoni tal-politiki tas-saħħa u tal-prevenzjoni mill-mard mistennija li jieħdu rwol li kulma jmur qiegħed jikber. Sabiex jiżgura li l-inugwaljanzi fis-saħħa ma jsirux agħar minħabba nuqqas ta' aċċess għall-kura, l-użu dejjem aktar mifrux ta' debiti u kopagamenti huwa akkumpanjat minn firxa wiesgħa’ ta’ tnaqqis tal-ħlas immirat lejn gruppi żvantaġġati.

Għalhekk il-pass tar-riforma fil-ħarsien soċjali huwa wieħed mgħaġġel. Kif turi din ir-reviżjoni, ir-riformi mhumiex sinonimi ma’ tnaqqis, u l-impatt li jħallu fuq il-koeżjoni soċjali għandu jkun sorveljat bir-reqqa. Ħarsa lejn il-pajjiżi bl-itwal esperjenza, tagħti x’tifhem li l-attivazzjoni tajba, li tinvolvi interventi integrati u li jkunu ddiżinjati apposta, mhijiex irħisa u ma tistax tkun strateġija ta’ soluzzjoni ta’ malajr.

Pereżempju, l-użu aktar frekwenti ta' provvisti minimi ta’ l-irtirar li huma evalwati skond id-dħul ma għandhomx idgħajfu l-inċentivi għat-tifdil tal-pensjoni. Livelli minimi ta’ għajnuna soċjali huma diġà, fil-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri, taħt id-demarkazzjoni li tindika r-riskju tal-faqar u, fid-dawl ta’ l-inklużjoni soċjali, l-ambitu li fih jitqegħdulhom magħhom kondizzjonijiet, jeħtieġlu li jiġi ssorveljat bir-reqqa. L-enfasi dejjem tiżdied fuq il-kondizzjonalità tal-benefiċċju mhijiex, sal-lum, akkumpanjata minn sorveljanza sistematika fuq l-impatt li tħalli fuq il-biċċa l-kbira tal-gruppi emarġinati. Ix-xejra għal deċentralizzazzjoni tar-responsabilità għal-livell reġjonali u/jew lokali għandha potenzjal konsiderevoli għall-forniment integrat tal-ħarsien soċjali u s-servizzi soċjali. Minkejja dan, għal darb' oħra, l-impatt jeħtieġlu li jissorveljawh. L-evalwazzjoni trid “iġġonġi” minn madwar l-isferi differenti kollha tal-politika. L-użu li qed jikber tal-kopagamenti tas-saħħa, akkumpanjat b’miżuri li jtaffu l-ispiża tagħhom lil gruppi li għandhom dħul aktar baxx, kien diġà nnutat; fi ħdan ir-rapporti l-aktar riċenti ta’ inklużjoni, l-impatt ta’ l-ispejjeż u ta‘ l-assigurazzjoni tas-saħħa li qed jiżdiedu huwa meqjus bħala pressjoni li qed issir iżjed sinifikanti fuq nies li jinsabu fil-gruppi bi dħul aktar baxx.

(b) L-interazzjoni aktar mill-qrib ma’ l-għanijiet ta’ Liżbona dwar il-kisba ta’ tkabbir ekonomiku aqwa u impjiegi li huma aktar fil-kwantità u aħjar u ma’ l-Istrateġija ta’ l-Iżvilupp Sostenibbli ta’ l-UE.

L-interazzjoni bejn il-MMK u proċess rivedut ta’ Liżbona għandħa tkun waħda doppja - il-politiki ta' ħarsien u inklużjoni soċjali għandhom jappoġġjaw l-għanijiet tal-politiki ta' tkabbir u impjieg, u l-politiki ta’ tkabbir u impjieg għandhom jappoġġjaw l-għanijiet soċjali. Fost l-Istati Membri, il-Belġju, l-Ungerija u l-Finlandja joffru eżempji ċari ta’ din l-interazzjoni dinamika fil-Programmi Nazzjoanli ta’ Riforma (PNR) tagħhom, billi jqegħdu l-għanijiet soċjali fil-qalba ta’ l-ippjanar tagħhom ta’ Liżbona, filwaqt li jiddikjaraw li l-ippjanar tagħhom ta' l-ekonomija u l-impjieg fuq il-medda medja ta' żmien għandu jappoġġja s-sostenibilità u l-iżvilupp tal-ġejjieni tal-politiki soċjali tagħhom.

Il-ħarsien soċjali u l-impjieg

Meta wieħed jirrevedi x-xogħol madwar it-tliet faxxex ta’ politika tal-MMK flimkien mal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma, joħroġ b’mod qawwi r-rwol li jista' jieħu l-ħarsien soċjali fit-titjib tal-prestazzjoni ta' l-impjieg. Minkejja dan, ir-rabtiet bejn il-MMK u l-PNR mhux dejjem ikunu stabbiliti b’mod ċar.

Fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, “l-iffaċilitar ta’ aċċess għall-impjieg” huwa fil-qalba ta’ l-istrateġiji ta’ l-Istati Membri, aktar u aktar meta wieħed iqis l-enfasi miżjuda fuq it-tranżizzjoni għax-xogħol fir-riformi ta’ dan l-aħħar. Politiki attivi tas-suq tax-xogħol u reviżjoni tas-sistemi tat-taxxa u tal-benefiċċji qegħdin jitwettqu, jew ippjanati, fil-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri. Fejn il-prestazzjonijiet ekonomiċi u ta’ impjieg kienu tajbin, u s-salarji u l-benefiċċji kienu komparattivament baxxi, bħal fl-istati Baltiċi, il-politiki ta' l-impjieg u ta' l-inklużjoni kienu integrati billi intrabtet żieda fil-livelli ta' benefiċċju ma' żieda fil-pagi l-minimi, bħala mezz kemm biex jinfirxu l-benefiċċji tat-tkabbir reċenti kif ukoll sabiex jis’aħħu l-inċentivi għax-xogħol.

Numru ta’ Stati Membri jiddeskrivu fil-qosor fil-PNR tagħhom ir-rwol importanti li l-immigrazzjoni hija mistennija li tieħu fis-sostenn tas-swieq tax-xogħol tagħhom fil-ġejjieni. Minkejja dan, ir-rikonoxximent ta’ l-isfida ta’ l-integrar ta’ l-immigranti, kwistjoni kbira fil-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-inklużjoni, mhuwiex evidenti fil-PNR.

Ir-riformi tal-pensjoni jaffetwaw l-impjieg direttament, billi jsaħħu l-inċentivi sabiex taħdem aktar fit-tul u jillimitaw il-ħruġ bikri mis-suq tax-xogħol. Billi jissikkaw ir-rabta bejn il-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji, iħeġġu wkoll l-attività u x-xogħol iddikjarat madwar iċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja tax-xogħol. Iżda s-suċċess ta’ din l-istrateġija ma tiddependix biss fuq l-istrutturi ta’ l-inċentiva tas-sistemi tal-pensjoni. Kwistjoni ta’ qofol għas-suq tax-xogħol u għall-PNR tal-ġejjieni hija li jinfetħu s-swieq tax-xogħol għall-ħaddiema li huma aktar avvanzati fl-età u li jgħinuhom jibqgħu fix-xogħol għall-aktar żmien, inkluż permezz l-użu effiċjenti tat-TIK.

Kura tas-saħħa li tkun tajba ttejjeb il-kwantità u l-kwalità tal-korp ta’ ħaddiema, u b’mod partikolari l-kapaċità ta’ impjieg ta’ persuni li huma katar avvanzati fl-età. Barra minn hekk, is-setturi tas-saħħa u tal-kura li tifrex fuq medda twila ta' żmien huma entitajiet li jħaddmu ħafna nies u se jkunu hekk iżjed u iżjed fil-ġejjieni. L-Istati Membri qegħdu enfasi maġġuri fid-dikjarazzjonijiet tagħhom preliminari ta’ politika dwar l-isfida li jiġu żgurati riżorsi umani adegwati sabiex jilħqu t-talbiet futuri fis-settur. Il-mod kif is-sistemi se jamminstraw il-provvista futura tal-kura, inkluż permezz l-użu effiċjenti ta’ teknoloġiji ġodda, se jkollu implikazzjonijiet importanti għall-impjieg. Il-bilanċ bejn il-kura informali (fi ħdan il-familji, ’il barra mis-suq tax-xogħol) u l-kura formali (permezz tas-servizzi soċjali jew il-mekkaniżmi tas-suq) se jkollu impatt kbir fuq il-provvista tax-xogħol, b’mod partikolari tan-nisa. Il-kwistjonijiet tas-saħħa jissemmew f’termini wiesgħin bħala elementi li jagħtu sehem fl-istrateġiji futuri minn bosta mill-Istati Membri, b'mod partikolari l-Ungerija.

Il-ħarsien soċjali u t-tkabbir

Ir-rabtiet bejn il-kwistjonijiet tal-ħarsien soċjali u t-tkabbir jistgħu jiġu stabbiliti b’mod ċar fil-qasam tal-pensjonijiet. Pensjonijiet pubbliċi li huma sodi finanzjarjament u finanzi pubbliċi sostenibbli jsaħħu ’l xulxin b’mod reċiproku, li mbagħad bis-saħħa ta’ hekk jappoġjaw il-prestazzjoni li tifrex fuq medda twila ta’ żmien. Hemm għarfien ġenerali ta’ l-importanza ta’ popolazzjoni f’saħħitha – kemm il-popolazzjoni bħala entità sħiħa kif ukoll b’mod partikolari il-grupp ta’ persuni li għandhom età avvanzata – għat-tkabbir ekonomiku. F’dak li għandu x'jaqsam mal-politika ta’ l-inklużjoni, l-esklużjoni ta’ persuni jew gruppi, bħal ma huma l-immigranti u l-minoranzi etniċi, mill-parteċipazzjoni fix-xogħol u fis-soċjetà tirrappreżenta ħela ta’ riżorsi, li għandha tiġi indirizzata kemm għal raġunijiet ekonomiċi kif ukoll għal raġunijiet ta’ ġustizzja soċjali. Fl-istess waqt, is-sostenibilità ta’ l-iskemi tal-parteċipazzjoni soċjali tiddependi fuq il-prospetti ta’ tkabbir u għalhekk fuq is-suċċess ta’ l-istrateġiji nazzjonali ta’ riforma għal promozzjoni tal-kompetittività u l-produttività.

L-Istrateġija ta’ l-Iżvilupp Sostenibbli ta’ l-UE[3] tiddeskrivi fil-qosor l-aspirazzjonijiet li jifirxu fuq medda twila ta’ żmien għas-soċjetà Ewropea kif ukoll it-theddid u l-isfidi li jridu jiġu indirizzati jekk irridu nilħqu dawn l-aspirazzjonijiet. It-tħassib tal-politika soċjali jagħmel parti kemm mill-aspirazzjonijiet (eż. għal soċjetà kkaratterizzata mill-koeżjoni) kif ukoll mill-isfidi (eż. il-firdiet bejn is-sinjuri u l-foqra; is-soċjetà li qiegħda tixjieħ). Il-perspettiva tas-sostenibilità tqiegħed id-dimensjonijiet li jifirxu fuq medda twila ta’ żmien tal-politiki tal-ħarsien soċjali u ta’ l-inklużjoni soċjali f’pożizzjoni soda fil-qafas tal-politika, u tagħti impetu ikbar sabiex ikun hemm konċentrazzjoni fuq il-faqar tat-tfal, li permezz tiegħu il-faqar u l-esklużjoni jgħaddu minn generazzjoni għall-oħra u jnaqqas ir-riżorsi umani futuri Ewropej. B’mod aktar ġenerali, tidentifika ħtieġa sabiex il-konċentrazzjoni fuq is-sostenibilità tiżviluppaha fil-MMK.

(c) It-tisħiħ ta’ l-amministrazzjoni, it-trasparenza u l-involviment tal-partijiet interessati fit-tfassil, l-implimentazzjoni u s-superviżjoni tal-politika

Wieħed mill-messaġġi ta’ qofol tal-politika li joħroġ mix-xogħol li jaqa’ taħt il-MMK huwa li l-ħolqien tal-politika u provvista tagħha, tagħti frott jekk il-partijiet interessati, il-fergħat u l-livelli tal-gvern jaħdmu kollha flimkien. Il-MMK kellu xi impatt fit-tisħiħ ta’ dan il-messaġġ, b’mod partikolari fil-qasam ta’ l-inklużjoni soċjali. L-10 Stati Membri ta’ l-UE ħolqu strutturi ġodda sabiex jinvolvu s-soċjetà ċivili fl-ippjanar tagħhom ta’ politika soċjali. L-implimentazzjoni tal-Pjanijiet Nazzjonali ta’ Azzjoni ta’ l-UE 15 turi firxa wiesgħa ta’ miżuri għat-titjib tal-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali, reġjonali u lokali. Hemm evidenza ċara li l-Istati Membri kienu qegħdin jitgħallmu minn xulxin. Amministrazzjoni tajba tinkludi wkoll il-mira ta’ konvenzjonaliżmu ta’ l-interessi ta’ l-inklużjoni soċjali fit-tfassil tal-politika pubblika (inkluża l-elaborazzjoni tal-baġit) u evalwazzjoni u superviżjoni aktar qawwija. Fiż-żewġ oqsma, hemm il-progress iżda dan kien limitat.

Għall-pensjonijiet, huwa essenzjali li r-riformi jinbnew fuq konsensus, meta wieħed iqis l-impatt tagħhom fuq medda twila ta’ żmien. It-trasparenza fit-teħid ta’ deċiżjonijiet tinħtieġ sabiex iċ-ċittadini jitgħu jkollhom iċ-ċertezza u l-għarfien fid-dover spiss kumpless ta’ l-ippjanar ta’ l-irtirar. L-impenji għall-mekkaniżmi ta’ reviżjoni awtomatika jew regolari jgħinu liċ-ċittadini sabiex jippjanaw. Deċentralizzazzjoni aqwa tal-fondi u għażliet akbar f’dak li għandu x’jaqsam ma’ mezzi ta’ l-investiment jew l-etajiet ta’ l-irtirar kollha kemm huma iżidu l-kumplessità u jeħtieġ li jkunu akkumpanjati b’mezzi li jipprovdu tagħrif u gwida għaċ-ċittadini.

Fil-livell ta’ sistemi, is-settur tas-saħħa juri kumplessità qawwija fir-rwolijiet ta’ assiguraturi u ta' dawk li jipprovdu l-assigurazzjoni, u ta' l-awtoritajiet ċentrali u reġjonali/lokali. Il-punt fejn jiltaqgħu il-fornituri tas-servizzi tas-saħħa u l-fornituri tas-servizzi tal-kura se jsir iżjed kruċjali għal koordinazzjoni effiċjenti. Iċ-ċarezza fir-rwoli ta’ l-istituzzjonijiet differenti u l-koordinazzjoni tajba bejniethom hija essenzjali. Bl-istess mod huma importanti r-relazzjonijiet bejn dawk li jfasslu l-politika u ċ-ċittadini, meta wieħed iqis l-aspettativi għolja taċ-ċittadini mis-sistemi tas-saħħa u l-enfasi li għamlu l-Istati Membri kollha fuq il-promozzjoni tal-prevenzjoni, l-istili ta’ ħajja b’saħħithom u li tixjieħ filwaqt li tibqa’ b’saħħtek.

3. SFIDI TA’ QOFOL FIL-FAXXEX DIFFERENTI TAX-XOGħOL LI JAQA’ TAħT IL-MMK

3.1. Niġġieldu kontra l-faqar u l-esklużjoni: sforz sostnut iżda hemm firda ta' implimentazzjoni.

L-Implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali ppreżentata mill-UE 15 u l-aġġornamenti tal-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali (ippreżentat minn erba’ mill-Istati ta’ l-UE 10) juru progress f’bosta oqsma iżda, fl-isfond ta’ prestazzjoni ekonomika li fl-aħjar mumenti tagħha hija mħallta, ma juru l-ebda titjib sinifikanti tal-qagħda. Juru evidenza ċara tas-sejba tar-reviżjoni ta’ Liżbona ta’ firda fl-implimentazzjoni bejn dawk l-affarijiet li Stati Membri jintrabtu għalihom f’għanijiet ġenerali u bejn l-isforz politiku sabiex jimplimentawhom.

Analiżi tar-rapporti ta’ l-2005 tikkonferma s-seba’ prijoritajiet ta’ politika ta’ qofol identifikati fir-Rapport Konġunt tas-sena li għaddiet. Dawn huma: li tiżdied il-parteċipazzjoni tas-suq tax-xogħol, jiġu modernizzati s-sistemi ta’ ħarsien soċjali, jiġu ffaċjati l-iżvantaġġi fl-edukazzjoni u t-taħriġ, jinqered il-faqar tat-tfal u tissaħħaħ l-għajnuna lill-familji, jiġu żgurati djar diċenti, jittejjeb l-aċċess għall-servizzi ta’ kwalità u tintrebaħ id-diskriminazzjoni u tiżdied l-integrazzjoni tal-persuni b’diżabilità, il-minoranzi etniċi u l-immigranti. Ir-rapporti jenfasizzaw ukoll il-konċentrazzjoni ta’ żvantaġġi multipli f’ċerti komunitajiet urbani u rurali u fost ċerti gruppi. L-Istati Membri jeħtieġu li jiżviluppaw reazzjonijiet integrati u kkoordinati għal żvantaġġi multipli u għal ħtiġijiet ta’ gruppi li huma f’riskju partikolari bħal ma huma persuni b’diżabilità. Immigranti, minoranzi etniċi (inklużi r-Roma), persuni bla saqaf, ex- priġunieri, persuni vviżżjati u persuni avvanzati fl-età li huma iżolati. Jeħtieġ li jkun hemm aċċess imtejjeb għal provvista tal-konvenzjonali u, fejn meħtieġ, miżuri mmirati.

Tliet żviluppi attwali joħorġu b’aktar qawwa. Dawn huma: l-isfidi marbuta ma’ l-immigrazzjoni li qiegħda tikber; l-ispejjeż li qed jiżdiedu tas-saħħa u ta’ l-assigurazzjoni; u l-ħtieġa għal forniment tas-servizzi tal-kura bi prezz raġonevoli għat-tfal, għall-persuni b'diżabilità u għall-anzjani dipendenti fid-dawl kemm tal-bidla demografika kif ukoll tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-korp tal-ħaddiema.

L-isfidi għal futur jinkludu l-ħtieġa ta’ konvenzjonaliżmu – jiġifieri , sabiex lill-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali nintegrawhom aħjar mat-tfassil nazzjonali ta’ politika, inklużi proċess baġitarji, u mal-proċess rivedut ta’ Liżbona; amministrazzjoni aħjar – jiġifieri mobilizzazzjoni aqwa tal-partijiet interessati u tar-rabtiet bejn il-livelli differenti (nazzjonali, reġjonali u lokali) tal-gvern u responsabilità aktar ċara għal implimentazzjoni, superviżjoni u evalwazzjoni; u rabtiet aħjar bejn il-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-inklużjoni u l- Fondi Strutturali , b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew ta' l-Iżvilupp Reġjonali.

3.2 Pensjonijiet adegwati u sostenibbli: jissoktaw l-isforzi ta’ riforma

It-tieni ċiklu tar-Rapporti Nazzjonali ta’ Strateġija dwar il-pensjonijiet f’Lulju 2005 juri progress sostanzjali fir-riformi [4] mir-Rapport Konġunt ta’ l-2003 ’l hawn. Dawn ir-rapporti jenfasizzaw l-interkollegamenti bejn it-tliet għanijiet il-wiesgħa ta’ adegwatezza, sostenibilità u modernizzazzjoni. Sabiex l-istrateġiji ta’ riforma jkunu ta’ suċċess, it-tliet elementi kollha jridu jkunu preżenti u meqjusa flimkien.

Sabiex jiġu żgurati sistemi adegwati u sostenibbli ta’ pensjoni l-Istati membri qegħdin jimplimentaw l-istrateġija fuq tliet livelli ta’ tnaqqis tad-dejn pubbliku, riforma tal-pensjonijiet u żjieda ta’ l-impjieg. Filwaqt li uħud mill-Istati Membri jimmiraw li jnaqqsu d-dejn pubbliku sabiex joħolqu l-ispazju biex jindirizzaw is-sostenibilità tas-sistemi tal-pensjoni, kienu biss ftit dawk il-pajjiżi li rnexxielhom li jagħmlu dan f;dawn l-aħħar snin. L-Istati Membri jsegwu wkoll li jżidu l-impjiegi u bosta wettqu riformi li bdew isarrfu f'rati ogħla ta' impjieg għal persuni avvanzati fl-età: Tnaqqsu diżinċentivi sabiex taħdem għal aktar fit-tul u ssaħħu inċentivi sabiex tibqa’ attiv, ġew issikkatti r-rabtiet bejn il-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji u t-tul medju tal-ħajja ttieħed f’kunsiderazzjoni akbar fil-formola tal-pensjoni. Ir-riformi riċenti għandhom it-tendenza li jsarrfu f’nuqqas fir-rati ta’ sostituzzjoni fi kwalunkwe età partikolari, li jistgħu minkejja kollox, jiġu kkumpensati minn ħajjiet itwal ta’ xogħol u aktar tfaddil, sabiex b’hekk imantnu l-għan ta’ sħul adegwat ta’ l-irtirar, filwaqt li jevitaw il-faqar tal-pensjonant u jmantnu grad raġjonevoli ta’ dħul fl-irtirar. Uħud mill-Istati Membri qegħdin iżidu l-livell ta’ pensjonijiet minimi ggarantiti; bosta jagħrfu l-perjodi ta’ ħidma ta’ kura għall-kalkolu ta’ l-intitolamenti tal-pensjoni. Ġiet żviluppata l-provvista ta’ pensjonijiet supplementari, li f’uħud mill-Istati Membri mistennija li tagħmel kontribut ewlieni sabiex iżżomm l-istandards ta’ l-għajxien fl-irtirar, u ssaħħaħ il-qafas leġiżlattiv relevanti. Filwaqt li l-kontribut ta’ pensjonijiet ġestjonati mill-privat huwa mbassar li jiżdied matul l-għexieren ta’ snin li ġejjin, kważi fl-Istati Membri kollha, l-iskemi li jitħallsu b’sistema ta’ allokazzjonijiet se jibqgħu s-sors ewlieni tal-pensjoni. Tqajjem tħassib dwar l-aċċess inugwali għal pensjonijiet privati u wħud mill-Istati Membri qegħdin jirrevedu r-reazzjonijiet ta’ politika, inklużi inċentivi fiskali sostanzjali għall-ħaddiema li jaqilgħu paga baxxa. B’rabta ma’ l-użu akbar ta’ pensjonijiet ġestjonati mill-privat, l-Istati Membri qegħdin jimxu fid-direzzjoni li jirregolaw u jissorveljaw sistemi sabiex jippromwovu l-aċċessibilità finanzjarja u l-kapaċità ta' previżjoni tar- redditi.

Karatteristika ġdida tar-riformi riċenti hija l-introduzzjoni tal-mekkaniżmi ta’ reviżjoni awtomatiċi jew semi-awtomatiċi li jiżguraw superviżjoni perjodika tas-sorsi tal-pressjoni fuq is-sistema tal-pensjoni, b’mod notevoli x-xejriet demografiċi, u jisfurzaw dibattitu dwar ir-reazzjonijiet potenzjali ta’ politika. Mekkaniżmi bħal dawn jippromwovu t-trasparenza tas-sistemi tal-pensjoni u, flimkien ma’ tagħrif liċ-ċittadini dwar id-drittijiet tagħhom ta’ pensjoni, jibnu l-kunfidenza tal-pubbliku fihom.

3.3. Is-saħħa u l-kura fit-tul: l-ewwel passi jenfasizzaw l-importanza tal-kwistjonijiet f’dan il-qasam

Wara d-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-2004 sabiex jestendi l-MMK lill-oqsma tas-saħħa u tal-kura fit-tul, l-Istati Membri ppreżentaw Dikjarazzjonijiet Nazzjonali ta’ Politika Preliminari fir-Rebbiegħa ta’ l-2005. Dawn ir-rapporti identifikaw kwistjonijiet għal xogħol ulterjuri u kkontribwew għal proposta tal-Kummissjoni għall-għanijiet komuni[5].

Il-mira li l-aċċess ikun żgurat tibqa’ sfida fundamentali. Inugwaljanzi serji, relatati mad-diffikultajiet ta’ forniment, barrieri ġeografiċi u s-sess, jibqgħu, hekk kif jibqgħu d-disparitajiet f’dak li jiksbu l-gruppi soċjoekonomiċi differenti mis-sistemi tas-saħħa, u fir-riżultati tas-saħħa li jesperjenzaw. F’dak li għandu x’jaqsam mal-kura fit-tul, il-forniment attwali diġà meqjus bħala insuffiċjenti u se jsir agħar minn hekk meta wieħed iqis l-iżvilupp demografiku. Minkejja dan Ftit Stati Membri biss inkorporaw l-isfida futura tal-kura fis-sistemi tagħhom tal-ħarsien soċjali jew inkella wessgħu s-servizzi soċjali sabiex jindirizzawha. L-isfida tar-riżorsi umani sabiex isostnu s-servizzi tas-saħħa u tal-kura fit-tul fl-ambitu kemm ta’ talba akbar kif ukoll ta’ riżorsi skarsi tal-ħaddiema hija enfasizzata b’mod wiesa’. Reazzjoni komuni hija l-enfasi li tqiegħdet fuq il-promozzjoni tal-prevenzjoni, l-istili ta’ ħajja b’saħħithom u li tixjieħ filwaqt li tibqa’ b’saħħtek. Fir-rigward tal-kwalità tal-provvista, ir-riformi jippromwovu l-iżvilupp ta’ indikaturi u l-ħolqien ta’ standards ta’ kwalità, il-linji ta’ gwida prattiċi u s-sistemi ta’ akkreditazzjoni. Dawn it-tipi ta’ strateġiji se jippromwovu l-element ta’ffrankar ta' l-ispejjeż. Li tinvolvi l-pazjenti u tippromwovi l-għażla hija meqjusa bħala l-mod kif tibni l-kwalità. It-teknoloġija għandha potenzjal ċar li ttejjeb il-kwalità, iżda l-impatt tagħha f’termini ta’ l-ispiża jirrikjedi s-superviżjoni.

L-isforzi ta’ l-Istati Membri sabiex jiżguraw is-sostenibilità finanzjarja jiffukaw b’mod qawwi fuq li jżidu l-effiċjenza u l-effettività. Ir-riformi jenfasizzaw il-ħtieġa għall-koerenza u għal koordinazzjoni aħjar bejn it-tipi ta’ kura, filwaqt li jevitaw interventi mhux meħtieġa. It-tobba tal-familja għandhom rwol essenzjali, fil-funzjonijiet tagħhom ta’ kura, ta’ gwida u ta’ kustodju ta’ l-aċċess. L-azzjonijiet f’dan il-qasam huma mistennija li jħallu impatt pożittiv fuq l-aċċess u l-kwalità. Il-politiki ta’ sostenibilità jimmiraw ukoll li jistimulaw l-inċentivi lill-fornituri u l-utenti sabiex jużaw ir-riżorsi f’mod razzjonali billi jippromwovu l-għarfien ta’ l-ispejjeż (il-qsim tan-nefqa) u l-użu tal-kura primarja. Użu akbar ta’ kompetizzjoni rregolata hija mistennija li twassal għal gwadanji fl-ispsiża u fil-kwalità.

Immexxu ‘’l quddiem il-MMK f’kuntest issimplifikat: messaġġi ta’ qofol

Mill-analiżi ta’ hawn fuq, jistgħu jinkisbu l-messaġġi ta’ qofol li ġejjin:

- Jeħtieġ li jkun hemm tattika aktar strateġika fil-formolazzjoni tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-inklużjoni sabiex iġġib magħha tfassil aktar preċiż, sistematiku u trasparenti tal-politiki. Il-MMK jeħtieġ li jiżviluppa konċentrazzjoni qawwija fuq il-faqar fost it-tfal u l-familji tagħhom. L-esklużjoni multipla ffaċċjata minn persuni li għadhom żgħar li ġejjin minn minoranzi etniċi f’viċinanzi foqra teħtiġ ukoll attenzjoni akbar. F’dan il-kuntest, għandu jkun enfasizzat ir-rwol fundamentali ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex ikisser it-trażmissjoni ta’ faqar li jgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra.

- Ir-rapporti Nazzjonali ta’ Strateġija dwar il-pensjonijiet jenfasizzaw l-interkollegamenti bejn it-tliet għanijiet wiesgħin ta’ adegwatezza, sostenibiltà u modernizzazzjoni u s-sinerġiji u l-kompromessi bejniethom. Sabiex l-istrateġiji ta’ riforma jkunu ta’ suċċess, notevolment meta jiġu biex jittrattaw iż-żidiet fit-tul medju tal-ħajja, it-tliet elementi kollha jridu jkunu preżenti u meqjus flimkien. Ir-riformi għandhom ikomplu jneħħu d-diżinċentivi u jsaħħu l-inċentivi sbiex taħdem aktar fit-tul u jeħtieġu li jkunu akkumpanjati mill-progress fil-mod kif dawk li jħaddmu u s-swieq tax-xogħol jittrattaw lill-ħaddiema li huma aktar avvanzati fl-età. Dan se jkun kontribut kruċjali għaż-żamma ta’ adegwatezza u ta’ l-istandards ta’ l-għajxien u għall-ġlieda kontra l-faqar tal-pensjonant. Ix-xejra lejn tnaqqis fir-rati ta’ sostituzzjoni pprovduti mill-pensjonijiet għandhom jiġu sorveljati bir-reqqa, kif ukoll għadu jiċi sorveljat it-tfassil ta’ l-inċentivi sabiex taħem aktar fit-tul, inkluż għal benefiċċjarji potenzjali tal-benefiċċji minimi tal-pensjonanti.

- Il-modernizzazzjoni tal-forniment tal-pensjoni teħtieġ li tieħu aħjar f’kunsiderazzjoni l-forom ġodda tax-xogħol u tal-pawżi fil-karriera għall-kura, u sabiex tiżgura li n-nisa jistgħ jibnu d-drittijiet tagħhom stess tal-pensjoni. L-iżvilupp tal-forniment mill-privat jista’ jikkomplementa l-iskemi pubbliċi, iżda jridu jkunu żgurati l-aċċessibilità finanzjarja u s-sigurtà. Reviżjonijiet regolari jroddu kapaċità lis-sistemi sabiex jiġu adattati u t-tagħrif dwar l-intitolamenti tal-pensjoni tan-nies jgħin biex jibni l-kunfidenza.

- Filwaqt li jibnu fuq l-ewwel passi tajbin, l-iskambji futuri fuq is-saħħa u l-kura fit-tul għandhom jiffukaw fuq il-mod kif jiżguraw aċċess u jnaqqsu l-inugwaljanzi; fuq l-adattament tal-ħtiġijiet li qegħdin jevolvu u fuq it-tkattir ta’ l-għażla u l-involviment tal-pazjent; fuq il-promozzjoni tal-kwalità; fuq li jiġu żgurati sistemi effiċjenti ta’ finanzjament sod; fuq li jsaħħu l-inċentivi lill-utenti u l-fornituri għall-użu razzjonali tar-riżors; fuq li jippromwovu l-prevenzjoni, l-istili ta’ ħajja attivi u li tixjieħ filwaqt li tibqa’ f’saħħtek; u jiżviluppaw strateġiji ta' riżorsi umani sabiex jilħqu n-nuqqasijiet futuri fl-istaff. Hemm sfidi sostanzjali f’dak li għandu x’jaqsam mal-kura fit-tul: li jiġu stamti l-ħtiġijiet futuri u li jiġu żviluppati l-mekkaniżmi meħtieġa ta’ forniment u ta’ għoti tal-fondi.

- L-isfida li jiġi żgurat li l-MMK jinteraġixxi effettivament mal-proċess rivedut ta’ Liżbona hija essenzjali. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw il-qafas adattat sabiex jiżguraw l-aqwa interazzjoni, inklużi l-indikaturi biex ikejluha. Dan se jinvolvi, pereżempju, li wieħed jivvaluta sa liema punt l-opportunitajiet ta' l-impjieg qed jilħqu lill-gruppi li jinsabu fl-akbar riskju tal-faqar (eż familji qiegħda, dawk li ilhom ħafna qiegħda fit-tul, familji b’ġenitur wieħed, familji kbar, presuni li għadhom żgħar li qegħdin f'riskju, minoranzi etniċi, persuni b'diżabilità) u l-mod kif ir-riformi għall-promozzjoni ta’ l-impjieg iħallu impatt fuqhom.

- Meta wieħed jagħti ħarsa madwar is-sistemi tal-ħarsien soċjali bħala entità sħiħa, jeħtieġ li jkun hemm strateġija olistika fit-tul li tiffoka fuq is-sostenibilità bħala sfida mhux biss għall-pensjonijiet iżda wkoll għas-saħħa; fuq l-indikaturi sabiex jiġu sorveljati l-effettività u l-effiċjenza tas-sistemi, tal-politiki u tal-mekkaniżmi ta’ l-għoti tal-fondi; u fuq id-distribuzzjoni tan-nefqa madwar il-fergħat kollha differenti u l-bilnaċi li jridu jintlaħqu bejn il-forniment pubbliku u l-awtonomija.

[1] COM(COM(2003) 261.

[2] Ara COM(2005) 706.

[3] COM(2001) 264 u COM(2005) 37.

[4] Għal diskussjoni aktar estensiva tar-Rapporti Nazzjonali ta’ l-Istrateġija ta’ l-2005, ara d-Dokument tal-Ħidma ta' l-Istaff tal-Kummissjoni dwar Pensjonijiet Adegwati u Sostenibbli (SEC (2006)XXXX).

[5] Ara l-memorandum tal-Kumitat Tal-Ħarsien Soċjali, Reviżjoni ta’ Dikjarazzjonijiet Preliminari ta’ Politika Nazzjonali dwar il-Kura tas-Saħħa u l-Kura fit-Tul, 2005.

Top