EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006DC0040

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Ir-raba' Rapport nazzjonali ta' komunikazzjoni mill-Komunità Ewropea lill-konvenzjoni ta' qafas tan-nu dwar it-tibdil fil-klima (Rapport rekwiżit skond l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta' Qafas tan-NU dwar it-Ttibdil fil-Klima) {SEC(2006) 138}

/* KUMM/2006/0040 finali */

52006DC0040




[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, 08.02.2006

COM(2006) 40 finali

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

IR-RABA' RAPPORT NAZZJONALI TA' KOMUNIKAZZJONIMILL-KOMUNITÀ EWROPEA LILL-KONVENZJONI TA' QAFAS TAN-NUDWAR IT-TIBDIL FIL-KLIMA

(rapport rekwiżit skond l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta' Qafas tan-NU dwar it-Ttibdil fil-Klima){SEC(2006) 138}

WERREJ

1. Sinteżi Eżekuttiva 3

1.1. Ċirkostanzi Nazzjonali 4

1.2. Inventarju tal-Gassijiet ta' l-Effett tas-Serra 4

1.3. Politiki u miżuri 4

1.4. Projezzjonijiet 5

1.5. Evalwazzjoni tal-vulnerabbiltà, impatti tat-tibdil fil-klima u miżuri ta' adattament 6

1.6. Riċerka u Osservazzjoni Sistematika 7

1.7. Riżorsi Finanzjarji u t-Trasferiment tat-Teknoloġija 7

1.8. Edukazzjoni, Taħriġ u Kuxjenza Pubblika 7

SINTEżI EżEKUTTIVA

Ir-Raba’ Rapport Nazzjonali ta' Komunikazzjoni mill-Komunità Ewropea tfassal skond l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta' Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima ( UNFCCC, United Nations Framework Convention on Climate Change )[1].

L-Unjoni Ewropea, bil-25 Stat Membru tagħha, ilha għadd ta' snin tagħmel sforzi kbar biex taffronta t-tibdil fil-klima, minkejja li hija responsabbli għal 14% biss ta' l-emissjonijiet dinjija tal-gassijiet ta' l-effett tas-serra. It-tfassil ta' poltika domestika qawwija jappoġġa r-rwol ta' l-UE, jiġifieri dak li tmexxi billi tagħti eżempju, b'pakkett komprensiv ta' miżuri ta' politika u leġiżlattivi fuq il-livell ta' l-UE, intodott permezz tal-Programm Ewropew għat-Tibdil fil-Klima ( ECCP. European Climate Change Programme ). Kull Stat Membru jimplimenta wkoll sensiela ta' azzjonjiet domestiċi oħra, li jiġu diskussi fir-rapporti tiegħu stess. L- ECCP jilħaq is-setturi kollha ta' l-ekonomija, u jiddefinixxi l-politika li tkun rilevanti għas-setturi domestiċi, industrijali, kummerċjali u tat-trasport.

Il-politika ta' l-UE rigward il-klima ma tiqafx fl-2012. Ħafna mill-politiki ta' l-UE li diġà huma stabbiliti sejrin ikollhom impatt importanti lil hinn mill-ewwel perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kyoto. L-iskema ta' l-UE għal suq ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet sejra titkompla wara l-2012. It-tieni fażi tal-Programm Ewropew għat-Tibdil fil-Klima kien diġà ġie varat f'Ottubru 2005, u sejra tinkludi l-qbid u l-ħażna tal-karbon, it-trasport tal-passiġġieri bit-triq, l-avjazzjoni u strateġiji biex isir adattament għall-effetti tat-tibdil fil-klima. Dawn il-politiki jibagħtu sinjali qawwija u fit-tul lill-industrija, il-gvernijiet ta' l-Istati Membri u l-komunità usa' internazzjonali li l-UE hija impenjata li taffronta t-tibdil fil-klima u li tistenna mill-istituzzjonijiet, in-negozji u ċ-ċittadini kollha tagħha li jagħmlu l-parti tagħhom.

Il-Kummissjoni Ewropea impenjat ruħha li tieħu dawn il-miżuri biex tiġġieled kontra t-tibdil fil-klima, filwaqt li tqis ukoll l-impatti fuq l-iżvilupp ekonomiku ta' l-UE u fuq il-benessri taċ-ċittadini tagħha. Speċifikament, il-Kummissjoni sejra tirrevedi l-progress u tesplora azzjonjiet ġodda sabiex sistematikament tisfrutta toroq ta' nfiq effikaċi għat-tnaqqis ta' l-emissjonjiet, f'sinerġija ma' l-istrateġija ta' Liżbona[2].

L-istrateġija proposta ta' l-UE għal aktar azzjoni wara l-2012 tenfasizza l-ħtieġa għal parteċipazzjoni usa' min-naħa tal-pajjiżi u s-setturi, l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda li jserrħu anqas fuq il-karbon, it-tkomplija u t-twessigħ ta' l-użu tal-mekkaniżmi tas-suq, u l-ħtieġa ta' l-adattament għall-impatti inevitabbli tat-tibdil fil-klima.

Fuq il-livell internazzjnali, l-UE qiegħda taħdem ukoll biex tgħin lil pajjiżi lil hinn mill-Unjoni jnaqqsu l-emissjonjiet tagħhom ta' gassijiet ta' l-effett tas-serra. Fil-preżent qed taħdem ma' pajjiżi mid-dinja kolha biex tgħin fl-implimentazzjoni tas-sorsi li jiġġeddu ta' l-enerġija u ta' l-effiċjenza enerġetika, bil-għan ta' titjib sew fil-kwalità tal-ħajja kif ukoll fl-iżvilupp sostenibbli. L-UE tagħti appoġġ finanzjarju għal għadd ta' programmi, li jinkludu l-użu ta' l-enerġija mix-xemx għall-produzzjoni ta' l-ilma tax-xorb fis-Sahel, it-titjib ta' l-effiċjenza enerġetika u l-użu ta' sorsi li jiġġeddu fiċ-Ċina, proġetti tat-tħawwil ta' foresti biex jiġġeneraw introjtu minn mekkaniżmi nodfa ta' żvilupp fl-Amerika ta' Isfel, u t-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali fl-Indja rigward it-tibdil fil-klima.

Sallum, l-UE rreġstrat progress tajjeb. Aktar progress jiddependi fuq il-ħeffa u l-komprensività ta' l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja u tal-miżuri domestiċi min-naħa ta' l-Istati Membri. It-total tal-projezzjonijiet għall-Istati Membri ta' l-UE-15 juru li l-miri ta' Kyoto jistgħu jintlaħqu jekk l-Istati Membri jimplimentaw il-miżuri addizzjonali ppjanati, u jużaw mekkaniżmi flessibbli.

It-twettiq ta' l-impenji ta' Kyoto ma jkunx jimmarka t-tmiem ta' l-isforzi ta' l-UE. L-UE qed tirrakkomanda tnaqqisiet akbar fl-emissjonijiet matul l-għexieren ta' snin li ġejjin, bil-għan li jitwaqqaf it-tibdil fil-klima dinjija. L-UE hija impenjata li tagħti s-sehem ġust tagħha fl-isforzi dinjija biex jitnaqqas l-indħil tal-bniedem fis-sistema tal-klima.

Ċirkostanzi Nazzjonali

- Is-sistema istituzzjonali ta' l-Unjoni Ewropea hija unika, b'25 Stat Membru li, f'xi oqsma, jiddelegaw is-sovranità lil istituzzjonijiet indipendenti.

- Il-Prodott Gross Domestiku (PGD) ta' l-UE-15 kiber bi 18% f'termini reali, mill-1995 sa' l-2002 (tkabbir annwali medju ta' aktar minn 2%), żvilupp li jimbotta 'l fuq l-emissjonijiet tal-gassijiet ta' l-effett tas-serra.

- L-intensità enerġetika naqset konsiderevolment mill-1990.

- L-enerġija li tiġġedded bħalissa tikkontribwixxi 6% lill-forniment ta enerġija, u mistennija tara tkabbir sinifikanti fi żmien ftit snin.

- L-użu ta' l-art agrikola qed jonqos, u l-erja mogħtija għall-koltivazzjoni tal-foresti kull ma jmur qed tiżdied.

Inventarju tal-Gassijiet ta' l-Effett tas-Serra

- L-emissjonijiet totali tal-gassijiet ta' l-effett tas-serra ( GHG, Greenhouse Gases ) naqsu b'aktar minn 5% bejn l-1990 u l-2003. Fl-istess perjodu, naqsu bi kważi 2% fl-UE-15.

- B'medja kkalkolata fuq l-aħħar ħames snin, l-emissjonijiet ta' l-UE-15 kienu 3% anqas mil-livell ta' l-1990.

- L-emissjonjiet tad-dijossidu tal-karbon (CO2) u gassijiet oħra ta' l-effett tas-serra fl-2003 żdied b'1.3% fl-UE-15, meta mqabbel ma' l-2002. Dan kien prinċipalment minħabba żieda fl-użu tal-faħam għall-produzzjoni ta' l-elettriku fl-2003.

Politiki u miżuri

- Fl-2005, l-ewwel skema ta' suq fl-emissjonijiet tas-CO2 bdiet topera fl-UE.

- Il-maġġoranza l-kbira tal-politiki u l-miżuri identifikati mill-Kummissjoni bħala prijorità għall-UE, b'riżultat tax-xogħol li sar mill-Programm Ewropew għat-Tibdil fil-Klima ( ECCP ) I issa ġew implimentati.

- L- ECCP jkompli jipprovdi l-qafas ewlieni ta' politika sabiex tkun tista’ tiġi affrontata l-isfida tat-tibdil fil-klima, u fit-tieni fażi tiegħu jiffoka partikolarment fuq is-settur tat-trasport (inklużi u l-emissjonjiet fl-avjazzjoni u fil-vetturi), il-qbid u l-ħażna tal-karbon, u r-rwol ta' l-UE fit-tnaqqis tal-vulnerabbiltà u l-promozzjoni ta' l-adattament.

- Fil-parti l-kbira tas-setturi, il-Komunità Ewropea għandha azzjonjiet ġodda ta' politika.

- Rabtiet mal-Mekkaniżmi ta' Kyoto sejrin jiżguraw li l-iskema ta' l-UE ta' suq ta' l-emissjonijiet se tikkontribwixxi wkoll għat-trasferiment tat-teknoloġiji lejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

- L-azzjoni mill-Komunità Ewropea ssaħħaħ u tappoġġa għadd kbir ħafna ta' miżuri nazzjonali li għandhom l-għan li jnaqqsu t-tibdil fil-klima.

Projezzjonijiet

- Fl-UE-25, l-emissjonijiet ta' gassijiet ta' l-effett tas-serra huma stmati li se jinżlu 5% taħt il-livelli ta' l-2005 fl-2010, b'konsegwenza ta' miżuri li diġà qed jiġu implimentati.

- Fl-UE-15, l-emissjoniet ta' gassijiet ta' l-effett tas-serra, mingħajr LULUCF , huma stmati li se jinżlu 1.6% taħt il-livelli tas-sena ta' bażi fl-2010, b'konsegwenza ta' miżuri li diġà qed jiġu implimentati. Jekk dak li jkun jinkludi l-previżjonijiet magħmula mill-Istati Membri dwar kemm se jirnexxilhom inaqqsu permezz tal-mekkaniżmi ta' Kyoto, allura l-projezzjoni ta' l-emissjonjiet għall-2010 tinżel 4.1% taħt dawk tas-sena ta' bażi.

- L-implimentazzjoni weħidha tal-miżuri eżistenti u ta' dawk proposti sa l-2010 hija mistennija tnaqqas l-emissjonjiet ta' GHG fl-UE-25 sa 9.3% taħt il-livelli ta' l-1990, u fl-UE-15 sa 6.8% taħt l-emissjonjiet tas-sena ta' bażi sa l-2010. L-użu tal-mekkaniżmi ta' Kyoto fl-aħħar mill-aħħar sejjer inaqqas it-total ta' l-emissjonijiet għall-UE-15 sa anqas minn -8% sa l-2008 meta mqabbel mas-sena ta' bażi, u b'hekk jilħaq il-miri kollettivi ta' Kyoto.

[pic]

Noti: L-indiċi fuq l-ass y jirreferi għas-sena ta' bażi. Din hija l-1990 għall-parti l-kbira ta' l-Istati membri, għas-CO2, il-metan (CH4) u l-ossidu nitriku (N2O), imma l-1995 għall-gassijiet florinati, bl-eċċezzjonijiet li ġejjin: is-sena ta' bażi għas-CO2, is-CH4 u l-N2O għall-Ungerija hija l-medja għas-snin 1985-1987, għas-Slovenja l-1986 u għall-Polonja l-1988; is-sena ta' bażi għal-gassijiet florinati hija l-1990 għal Franza u l-Finlandja. Dan ifisser li għall-UE-15 u l-UE-25, il-valur għall-1990 mhuwiex preċiżament 100. Il-kurva "operat bħas-soltu" tirrappreżenta l-emissjonjiet projettati fl-assenza ta' miżuri u politiki rigward it-tibdil fil-klima.

Evalwazzjoni tal-vulnerabbiltà, impatti tat-tibdil fil-klima u miżuri ta' adattament

- L-irfigħ imbassar tal-livelli ta' l-ibħra jista' jolqot lil 68 miljun ruħ fl-UE.

- Huwa mistenni li t-temperaturi jiżdiedu, bir-riżultat li magħhom jiżdiedu l-imwiet mit-temperaturi għoljin fis-sjuf, iżda jonqsu l-imwiet relatati mal-bard fix-xtiewi.

- L-Ewropa tat-Tramuntana mistennija jkollha aktar xita/borra, filwaqt li l-Ewropa ta' Nofsinhar mistennija li jkollha anqas, u għalhekk potenzjalment aktar nixfiet.

- Il-Kummissjoni Ewropea diġà hija involuta f'xi attivitajiet relatati ma' l-adattament, permezz tat-tħaddim ta’ sistemi li jkopru l-UE kollha għat-twissija bikrija ta' l-għargħar u n-nirien tal-foresti.

- Xogħol ġdid dwar l-adattament huwa ppjanat taħt il-fażi li jmiss tal-Programm Ewropew għat-Tibdil fil-Klima.

Riċerka u Osservazzjoni Sistematika

- Il-baġit għall-qasam tematiku li jkopri t-tibdil fil-klima fis-6 Programm ta' Qafas huwa ta' € 2.12 biljun. Dan mistenni li jiżdied fis-7 Programm ta' Qafas.

- Il-kooperazzjoni internazzjonali hija parti integrali mill-oqsma tematiċi prijoritarji.

- L-Unjoni Ewropea appoġġat firxa wiesgħa ta' proġetti relatati max-xjenza, l-impatti, l-adattament u t-taffija tal-klima.

- Iċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea ( DG JRC ) iffoka l-attivitajiet tiegħu ta' riċerka madwar l-oqsma l-ewlenin tal-politika, fosthom it-tibdil fil-klima.

- L-UE, bħala parti mill-Grupp dwar l-Osservazzjonijiet tad-Dinja ( GEO, Group on Earth Observations ) qed taħdem biex jintlaħaq livell qatt qabel milħuq ta' koordinament u armonizzazzjoni tas-Sistemi ta' l-Osservazzjoni tad-Dinja, bil-għan li tinħoloq Sistema Globali tas-Sistemi ta' l-Osservazzjoni tad-Dinja ( GEOSS, Global Earth Observation System of Systems ).

Riżorsi Finanzjarji u t-Trasferiment tat-Teknoloġija

- L-Unjoni Ewropea hija donatriċi sinifikanti ħafna fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

- Ġiet proposta strateġija speċifika u pjan ta' azzjoni qiegħed jiġi implimentat biex jgħin lill-pajjiżi ta' l-iżvilupp li huma msieħba ma' l-UE jilħqu l-isfidi mqajma mit-tibdil fil-klima.

- Kważi 200 proġett, b'baġit totali ta' € 300 miljun, ġew identifikati li għandhom element rilevanti għat-tibdil fil-klima.

- Ir-riċerka u l-kooperazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw huma elementi ewlenin għall-implimentazzjoni ta' l-istrateġija ta' l-UE dwar it-tibdil fil-klima u l-iżvilupp. il-pajjiżi kollha msieħba jistgħu jipparteċipaw fil-Programm Komunitarju ta' riċerka (is-6 Programm ta' Qafas).

Edukazzjoni, Taħriġ u Kuxjenza Pubblika

- Il-Kummissjoni Ewropea hija impenjata li tħares il-prinċipji tal-gvern miftuħ u tipprovdi lill-pubbliku kwantità kbira ta' tagħrif f'diversi forom.

- Is-sit ta' l-internet tal-Kummissjoni Ewropea jipprovdi sors komprensiv ta' tagħrif dwar azzjonjiet tal-Komunità u kwistjonjiet li jinteressawha, inkluż it-tibdil fil-klima.

- Il-Premjijiet Ewropej għall-Ambjent li jingħataw mill-Kummissjoni Ewropea huma maħsuba biex jirrikonoxxu u jippromwovu kumpaniji li jagħtu kontribut straordinarju lill-iżvilupp sostenibbli.

- Il-Ġimgħa l-Ħadra 2005 kienet għal kollox iddedikata għat-tibdil fil-klima u tlaqqa' flimkien dawk kollha li għandhom interess fl-ambjent biex "jaħsbu pubblikament" dwar kif nistgħu nibdlu l-aġir tagħna.

- L-Istati Membri ta' l-UE jappoġġaw attivitajiet li jsiru min-NU taħt l-Artikolu 6 tal- UNFCCC (Edukazzjoni, taħriġ u kuxjenza pubblika). Mill-2002 'l hawn, dawn l-attivitajiet inkludew diversi laqgħat reġjonali ta' ħidma u l-iżvilupp preliminari min-naħa tan-NU ta' ċentru, ibbażat fuq l-internet, għad-distribuzzjoni tat-tagħrif, kif ukoll attivitajiet li saru fuq il-livell nazzjonali mill-Istati Membri individwali.

[1] Fuq il-bażi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/69/KE tal-15 ta' Diċembru 1993 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kambjamenti tal-Klima (ĠU L 033 tas-07/02/1994).

[2] COM(2005)35 finali tad-09.02.2005 - Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: "Nirbħu l-Battalja kontra t-Tibdil fil-Klima Dinjija"”http://europa.eu.int/comm/environment/climat/pdf/comm_en_050209.pdf

Top