Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52005PC0361

    Proposta għal direttiva tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill li tirrevoka d-Direttiva 90/544/KEE dwar il-meded ta' frekwenza magħżula għall-introduzzjoni koordinata ta’ sistema terrestri pubblika pan-Ewropea ta’ pejġing bir-radju fil-Komunità

    /* KUMM/2005/0361 finali - COD 2005/0147 */

    52005PC0361

    Proposta għal direttiva tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill li tirrevoka d-Direttiva 90/544/KEE dwar il-meded ta' frekwenza magħżula għall-introduzzjoni koordinata ta’ sistema terrestri pubblika pan-Ewropea ta’ pejġing bir-radju fil-Komunità /* KUMM/2005/0361 finali - COD 2005/0147 */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 3.8.2005

    KUMM(2005) 361 finali

    2005/0147 (COD)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li tirrevoka d-Direttiva 90/544/KEE dwar il-meded ta' frekwenza magħżula għall-introduzzjoni koordinata ta’ sistema terrestri pubblika pan-Ewropea ta’ pejġing bir-radju fil-Komunità

    (preżentata mill-Kummissjoni)

    MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

    IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA |

    Il-bażi għall-proposta u l-għanijiet tagħha Din il-proposta għandha l-għan li tirrevoka d-Direttiva 90/544/KE tad-9 ta' Ottubru 1990 dwar il-meded ta' frekwenza magħżula għall-introduzzjoni koordinata ta’ sistema terrestri pubblika pan-Ewropa ta’ pejġing bir-radju fil-Komunità (Direttiva ERMES). Wara din ir-revoka, il-Kummissjoni se tadotta pjan ġdid armonizzat għall-ispektrum għal din il-medda sabiex jintlaħqu l-għanijiet politiċi tal-KE skond id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 676/2002/KE tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispektrum tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispektrum tar-Radju). |

    Il-kuntest ġenerali Id-Direttiva ERMES, li tispeċifika l-użu ta’ l-ispektrum għas-servizzi terrestri pubbliċi pan-Ewropej tal-pejġing bir-radju (ERMES) m’għadhomx jaqdu l-ħtiġijiet politiċi tal-KE minħabba li teħtieġ li tirriserva erba' kanali fil-medda bejn il-169.4 u l-169.8 MHz għal ERMES u l-medda sħiħa skond it-talba kummerċjali. L-użu tal-medda minn ERMES naqas jew saħansitra waqaf u ERMES ġie sostitwit minn teknoloġiji oħra bħas-sistemi ta’ messaġġi qosra (SMS) permezz tal-GSM. Billi l-użu armonizzat tal-medda jista’ jappoġġja applikazzjonijiet oħra ta’ interess għall-politika tal-KE, fl-2003 il-Kummissjoni ħarġet mandat għall-Konferenza Ewropea ta’ l-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjonijiet (CEPT) f'applikazzjoni tad-Deċiżjoni dwar l-Ispektrum tar-Radju, sabiex jinġabar tagħrif dwar l-użi possibbli tal-medda, jiġu identifikati għażliet għall-ħtiġijiet tal-politika tal-KE, u jiġu proposti soluzzjonijiet tekniċi u regolatorji, filwaqt li jitqiesu l-użi tal-komunikazzjoni elettronika u għanijiet oħra tal-KE bħall-inklużjoni soċjali tal-persuni b’diżabilità. |

    Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Il-kwistjoni hijja ggvernata mid-Direttiva ERMES li se tiġi rrevokata; għandu jiġi adottat pjan armonizzat ġdid mill-Kummissjoni. |

    Il-konsistenza mal-politika u l-għanijiet l-oħra ta' l-Unjoni Malli tiġi rrevokata d-direttiva ERMES, il-Kummissjoni se tadotta pjan ġdid ta’ taqssim ta’ frekwenzi u kanali li jippermetti li sitt tipi ta’ applikazzjonijiet jaqsmu l-medda sabiex jaqdu l-ħtiġijiet ta' l-UE b’mod konsistenti mal-politika u l-għanijiet l-oħra tal-Kummissjoni. Dawn l-applikazzjonijiet jinkludu hearing aids għal min hu nieqes mis-smigħ, li jistgħu jtejbu l-kundizzjonijiet ta' l-ivvjaġġar fil-KE u jgwadu minn ekonomija ta' skala u tnaqqis fil-prezzijiet; alarms soċjali għall-anzjani sabiex jingħataw messaġġi ta’ emerġenza; rintraċċar ta’ l-assi jew mezzi għar-rintraċċar biex jiġu rrintraċċati oġġetti misruqa fil-KE; sistemi għall-qari ta’ l-arloġġ tad-dawl u l-ilma għall-kumpaniji li joperaw f'dan il-qasam, u s-sistemi ta' pejġing eżistenti bħal ERMES u sistemi privati ta’ komunikazzjoni mobbli bir-radju. Id-Direttiva ta’ Qafas 2002/21/KE teħtieġ li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ gruppi soċjali speċjali ta’ ċittadini bħall-utenti b’diżabilità. Il-Kunsill Informali ta’ Vitoria għall-Ministri tat-Telekomunikazzjoni stipola li tiġi żgurata l-aċċessibbiltà tas-servizzi elettroniċi għall-anzjani jew il-persuni b’diżabilità, u l-pjan eEurope 2005 adottat mill-Kunsill Ewropew fil-21-22 ta' Ġunju 2002 f'Sevilla saħaq dwar l-importanza ta' l-aċċess għaċ-ċittadini kollha għas-servizzi pubbliċi onlajn, it-televixin u l-mowbajls, b’mod partikolari l-aċċess għall-broadband, il-politika dwar l-ispektrum tar-radju, u l-kontenut fuq aktar minn pjattaforma waħda. |

    IL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TA' L-IMPATT |

    Il-konsultazzjoni tal-partijiet interessati |

    Il-metodi ta' konsultazzjoni, is-setturi fil-mira ewlenin u profil ġenerali ta’ min wieġeb L-użu tal-medda bejn il-169.4 u l-169.8 MHz kien kostantament mistħarreġ mill-Kummissjoni. Fl-1998, tmexxa studju għall-Kummissjoni dwar is-swieq tal-pejġing bir-radju fl-Ewropa, li kien fih 149 intervista ma’ l-industrija, l-utenti u l-awtoritajiet. Fuq il-bażi tal-mandat tal-Kummissjoni, is-CEPT indaga, bejn l-2002 u l-2004, dwar l-użu attwali u ġejjieni tal-medda; inġabru tagħrif u proposti għall-applikazzjoni waqt l-intervisti. Intbagħtu kwestjonarji u ntalbu opinjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali, l-Istitut Ewropew għall-Istandardizzazzjoni tat-Telekomunikazzjoni, l-industrija, gruppi ta’ utenti, assoċjazzjonijiet ta’ nies b’diżabilità u partijiet interessati oħra. |

    Sommarju tat-tweġibiet u kif tqiesu L-istudju ta’ l-1998 wera li l-użu ta’ l-ERMES ma kienx qed jiżviluppa u ma baqax jiġi żviluppat minn bosta manifatturi. Fir-rapport tiegħu ta’ l-2004 lill-Kummissjoni, is-CEPT ikkonkluda li l-użu tal-medda ta’ frekwenzi għall-ERMES kien naqas sew u li kellu jiġi organizzant mill-ġdid għal applikazzjonijiet oħra. L-applikazzjonijiet li nżammu huma dawk l-aktar rilevanti mill-aspett kemm tekniku u kemm tal-KE; dawn jinkludu alarms soċjali, sistemi għall-qari ta’ l-arloġġ tad-dawl u l-ilma, sistemi ta’ traċċar u traċċar ta’ l-assi, sistemi ta' pejġing, sistemi privati ta’ komunikazzjoni mobbli bir-radju, u hearing aids. |

    Il-ġbir u l-użu ta’ l-għarfien espert |

    L-oqsma xjentifiċi/ta’ l-għarfien espert ikkonċernati Il-ġestjoni ta’ l-ispektrum tar-radju, il-komunikazzjoni elettronika l-għarfien espert tas-CEPT. |

    Il-metodoloġija użata Il-Kummissjoni ħarġet mandat lis-CEPT li pproduċa rapport li l-Kummissjoni eżaminat, megħjuna mill-Kumitat dwar l-Ispektrum tar-Radju. |

    L-organizzazzjonijiet/esperti ewlenin ikkonsultati Awtoritajiet nazzjonali, ESTI, utenti ta’ l-ERMES u utenti potenzjali ta’ applikazzjonijiet alternattivi, assoċjazzjonijiet ta’ nies neqsin mis-smigħ, operaturi tal-komunikazzjonijiet, manifatturi u partijiet interessati oħra. |

    Sommarju tal-pariri li ngħataw u ntużaw L-eżistenza ta' riskji potenzjalment serji b'konsegwenzi irreversibbli ma ssemmietx. |

    Fir-rapport tiegħu ta’ l-2004 lill-Kummissjoni, is-CEPT ikkonkluda li l-użu tal-medda ta’ frekwenzi għall-ERMES naqas sew u sitt tipi ta’ applikazzjonijiet jistgħu jaqsmu l-medda sabiex jilħqu l-ħtiġijiet politiċi tal-KE. Sabiex tintuża bl-aktar mod effiċjenti l-medda bejn il-169.4 u l-169.8 MHz, id-Direttiva ERMES għandha tiġi revokata u għandu jiġi introdott pjan armonizzat ġdid b’deċiżjoni tal-Kummissjoni. |

    Il-mezzi użati sabiex il-pariri ta' l-esperti jsiru disponibbli għall-pubbliku Ir-rapport CEPT jinsab fuq: https://forum.europa.eu.int/Members/irc/infso/radiospectrum/library?l=/members/documentsv2004/rscom04-69_ermesdoc/_EN_1.0_ |

    Il-valutazzjoni ta' l-impatt Il-Kummissjoni pprevediet bosta soluzzjonijiet għall-armonizzazzjoni ta’ l-ispektrum għall-politika tal-KE. Ir-regolamentazzjoni, l-awtoregolamentazzjoni jew il-koregolamentazzjoni ma jistgħux jirrevokaw id-Direttiva ERMES sabiex jiżguraw introduzzjoni f’waqtha u armonizzata ta’ pjan ġdid li jilħaq l-għanijiet politiċi tal-KE. Dirtettiva tal-Kunsill u tal-PE hija meħtieġa biex tirrevoka d-Direttiva ERMES. tiġi mbagħad adottata deċiżjoni tal-Kummissjoni bi pjan ġdid ta’ armonizzazzjoni mħejji mill-Kummissjoni bl-għarfien tekniku espert tas-CEPT, u bl-għajnuna tal-Kumitat dwar l-Ispektrum tar-Radju. L-impatti soċjali pożittivi tal-pjan armonizzat il-ġdid se jinkludu inklużjoni soċjali u mobilità akbar tan-nies neqsin mis-smigħ u ta' l-anzjani fil-KE, il-ħarsien kontra s-serq, is-sikurezza ta' kapaċitajiet aktar effiċjenti mill-kumpaniji ta' l-utilitajiet, u għodod xierqa tal-komunikazzjoni elettronika. Il-pjan il-ġdid se jgawdu minnu bosta oqsma u negozji tal-KE, fosthom tat-tagħmir tal-komunikazzjoni bir-radju, l-oqsma ta’ l-ilma u ta' l-elettriku, is-servizzi ta' komunikazzjoni, it-teatri, is-swali tal-wiri u tal-konferenza, l-iskejjel u l-entitajiet tal-kura soċjali. L-impatti ekonomiċi pożittivi jinkludu t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-hearing aids u ta’ l-alarms soċjali, aktar impjiegi u possibilitajiet ta’ vvjaġġar għan-nies b’xi forma ta’ diżabilità jew xkiel ieħor, spejjeż ta’ l-assigurazzjoni aktar baxxi u rkupru akbar ta' oġġetti misruqa, spejjeż aktar baxxi ta’ monitoraġġ u operat għall-kumpaniji ta’ l-utilitajiet, opportunitajiet ġodda għall-manifattura, l-investiment u s-servizzi, tipi ġodda ta’ applikazzjonijiet, kompetittività akbar u ekonomiji ta’ skala bit-tagħmir tar-radju jopera madwar il-KE. M’hemm l-ebda impatt ambjentali rilevanti. |

    ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA |

    Sommarju ta' l-azzjoni proposta Il-proposta hija għar-revoka tad-direttiva ERMES sabiex pjan ġdid tal-medda minn 169.4 sa 169.8 MHz jkun jista' jaqdi l-ħtiġijiet politiċi attwali u ġodda tal-KE, li se jiġu stabbiliti minn deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata b'applikazzjoni tad-Deċiżjoni dwar l-Ispektrum tar-Radju. |

    Bażi legali Artikolu 95 tat-Trattat KE. |

    Il-prinċipju tas-sussidjarjetà Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika sakemm il-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità. |

    L-għanijiet tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba r-raġunijiet li ġejjin. |

    L-azzjoni individwali ta' l-Istati Membri ma tistax tiżgura b’mod sodisfaċenti l-użu armonizzat tal-medda minn 169.4 sa 169.8 MHz sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet politiċi tal-KE, u dan jista' jintlaħaq aħjar fuq il-livell tal-KE bis-saħħa ta’ miżuri tas-suq intern taħt id-Deċiżjoni dwar l-Ispektrum tar-Radju. L-adozzjoni ta’ pjan ġdid teħtieġ revoka tad-direttiva ERMES. |

    Ir-revoka tad-Direttiva ERMES tista’ biss issir fuq livell tal-KE permezz ta’ direttiva. Il-pjan armonizzat il-ġdid irid jiġi adottat fuq il-livell tal-KE sabiex jiħi żgurat li l-għanijiet politiċi tal-KE jintlaħqu f’waqthom u b’mod armonizzat. Mingħajr pjan armonizzat bħal dan, ma jkunux jistgħu jidhru applikazzjonijiet ġodda b’vantaġġi ekonomiċi u soċjali għall-Istati Membri. |

    L-azzjoni tal-KE se tilħaq aħjar l-għanijiet tal-proposta minħabba r-raġunijiet li ġejjin. |

    Ir-revoka tad-Direttiva ERMES u s-sostituzzjoni tal-pjan b’miżura oħra tal-KE li tkun torbot huma meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-introduzzjoni f’waqtha u armonizzata tal-pjan il-ġdid fl-Istati Membri. Mingħajr miżura tal-KE bħal din, ma tistax tkun iggarnatita soluzzjoni f'waqtha u armonizzata. |

    Id-Direttiva ERMES m'għadhiex taqdi l-ħtiġijiet tal-KE. L-użu tal-medda bejn il-169.4 u l-169.8 MHz jista’ jappoġġja applikazzjonijiet oħra li jwettqu l-għanijiet politiċi attwali tal-KE. |

    Il-pjan armonizzat il-ġdid irid jiġi adottat fuq il-livell tal-KE sabiex ikun żgurat li l-għanijiet politiċi tal-KE jintlaħqu f’waqthom u b’mod armonizzat. |

    Il-proposta hija għalhekk konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. |

    Il-prinċipju tal-proporzjonalità Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin. |

    Id-Direttiva ERMES se tiġi rrevokata u l-pjan ġdid ta’ l-ispektrum tar-radju se jiġi introdott mill-Kummissjoni. Se jiġi armonizzat biss l-ispektrum strettament meħtieġ għall-applikazzjonijiet tal-KE. L-applikazzjonijiet li ma jeħtiġux spektrum armonizzat mhux se jiġu armonizzati fuq livell tal-KE. Il-medda se tibqa’ suġġetta għall-verifika, fid-dawl ta’ l-evoluzzjoni tal-ħtiġijiet tat-teknoloġija u tal-konsumaturi. |

    Il-pjan il-ġdid ġie eleaborat bl-għarfien tekniku espert tas-CEPT u mill-esperti nazzjonali mingħajr piż finanzjarju jew ammnistrattiv żejjed fuq il-livelli tal-KE, nazzjonali jew reġjonali. Il-pjan il-ġdid se joffri ekonomiji ta' skala kif ukoll servizzi addizzjonali u aktar effettivi fil-KE għall-operaturi u l-utenti. |

    Għażla ta' strumenti |

    L-istrument propost: direttiva. |

    Mezzi oħra ma jkunux adattati għar-raġunijiet/raġuni li ġejja: Hija biss direttiva li tista’ tirrevoka d-direttiva ERMES. Il-pjan ta’ dik id-Direttiva se jiġi ssostitwit bi pjan ġdid aktar effettiv u aktar xieraq imsejjes fuq deċiżjoni tal-Kummissjoni taħt id-Deċiżjoni dwar l-Ispektrum tar-Radju. |

    IMPLIKAZZJONI GħALL-BAġIT |

    Il-proposta m'għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit Komunitarju. |

    INFORMAZZJONI ULTERJURI |

    Simplifikazzjoni |

    Il-proposta tipprevdi s-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni, tal-proċeduri amministrattivi għall-awtoritajiet pubbliċi (UE jew nazzjonali), u ta’ proċeduri ammnistrattivi għall-privati. |

    Mar-revoka tad-Direttiva, l-adozzjoni tal-pjan il-ġdid mill-Kummissjoni se jeħles lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mix-xogħol tekniku fuq il-ġestjoni ta' l-ispektrum. |

    L-armonizzazzjoni ta’ l-ispektrum se tħaffef il-ħidma ta’ l-awtoritajiet nazzjonali permezz ta’ tabella ċara għall-allokazzjoni ta’ l-applikazzjonijiet armonizzati. |

    L-ispektrum armonizzat se jissimplifika il-manifattura, il-bejgħ u l-użu ta’ applikazzjonijiet ġodda fil-KE u se jiftaħ opportunitajiet ġodda għall-utenti bi bżonnijiet speċjali. |

    Il-proposta hija inkluża fil-programm għaddej tal-Kummissjoni għall-aġġornament u t-tħaffif ta’ l-acquis communautaire. |

    Revoka ta' leġiżlazzjoni attwali |

    L-adozzjoni tal-proposta se twassal għar-revoka tal-leġiżlazzjoni eżistenti. |

    Iż-Żona Ekonomika Ewropea |

    L-att propost jikkonċerna kwistjoni li tirrigwarda ż-ŻEE u għandu għalhekk jestendi għaż-Żona Ekonomika Ewropea. |

    1. 2005/0147 (COD)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li tirrevoka d-Direttiva 90/544/KEE dwar il-meded ta' frekwenza magħżula għall-introduzzjoni koordinata ta’ sistema terrestri pubblika pan-Ewropea ta’ pejġing bir-radju fil-Komunità (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 95 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni[1],

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Soċjali u Eknomiku Ewropew[2],

    Wara li kkunisdraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[3],

    Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat[4],

    Billi:

    (1) Id-Direttiva tal-Kunsill 90/544/KEE tad-9 ta’ Ottburu 1990 dwar il-meded ta’ frekwenza magħżula għall-introduzzjoni koordinata ta’ sistema terrestri pubblika pan-Ewropea ta’ pejġing bir-radju pubbliku fil-Komunità[5] kienet tesiġi li l-Istati Membri, sal-31 ta’ Diċembru 1992, jagħżlu erba’ kanali fl-ispektrum tar-radju fil-medda ta’ bejn il-169.4 u l-169.8 MHz għas-servizz terrestri pubbliku pan-Ewropew ta’ pejġing bir-radju (minn hawn ‘il quddiem “ERMES”) u jħejju, malajr kemm jista’ jkun, pjani sabiex is-servizz terrestri pubbliku pan-Ewropew ta’ pejġing bir-radju jokkupa l-medda sħiħa ta’ bejn il-169.4 u l-169.8 MHz skond it-talba kummerċjali.

    (2) L-użu tal-medda ta’ l-ispektrum bejn il-169.4 u l-169.8 MHz ta’ l-ERMES fil-Komunità naqas u saħansitra waqaf, u għalhekk din il-medda bħalissa mhix qed tintuża b’mod effiċjenti mill-ERMES u tista’ tiġi użata aħjar biex taqdi ħtiġijiet oħra tal-politika Komunitarja.

    (3) Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 676/2002/KE tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għal politika dwar l-ispektrum tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispektrum tar-Radju)[6] stabbiliet politika u qafas legali Komunitarju sabiex tiżgura l-koordinazzjoni ta’ strateġiji politiċi u, fejn xieraq, kundizzjonijiet armonizzati fir-rigward tad-disponibbiltà u l-użu effiċjenti tal-medda ta’ l-ispektrum meħtieġa għat-twaqqif u t-tħaddim tas-suq intern. Id-Deċiżjoni tippermetti li l-Kummissjoni tadotta miżuri tekniċi ta’ implimentazzjoni sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet armonizzati għad-disponibbiltà u għall-użu effiċjenti tal-medda ta’ l-ispektrum.

    (4) Billi l-medda bejn il-169.4 u l-169.8 MHz hija xierqa għal applikazzjonijiet għal min għandu xi diżabilità jew xkiel ieħor, u billi l-promozzjoni ta’ applikazzjonijiet bħal dawn hija għan politiku għall-Komunità flimkien ma’ l-għan ġenerali li jiġi żgurat l-operat tas-suq intern, il-Kummissjoni, f'applikazzjoni ta' l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni dwar l-Ispektrum tar-Radju, ħarġet mandat lill-Konferenza Ewropea ta’ l-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjonijiet (minn hawn ‘il quddiem is-“ CEPT ”) sabiex teżamina, fost oħrajn, l-applikazzjonijiet marbuta ma’ l-assistenza għal persuni b’diżabilità.

    (5) Skond il-mandat, is- CEPT ipproduċiet pjan ġdid għall-frekwenzi, u organizzat il-kanali b’tali mod li sitt tipi ta’ applikazzjonijiet ippreferuti jkunu jistgħu jaqsmu bejniethom il-medda sabiex jaqdu bosta ħtiġijiet tal-politika tal-Komunità.

    (6) Għal dawn ir-raġunijiet u f'konformità ma’ l-għanijiet tad-Deċiżjoni dwar l-ispektrum tar-Radju, id-Direttiva 90/544/KEE għandha tiġi rrevokata.

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Id-Direttiva 90/544/KEE hija rrevokata b’seħħ minn […].

    Artikolu 2

    Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, [...]

    Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

    Il-President Il-President

    [1] ĠU C [...], [...], p. [...].

    [2] ĠU C [...], [...], p. [...].

    [3] ĠU C [...], [...], p. [...].

    [4] ĠU C [...], [...], p. [...].

    [5] ĠU L 310, tad-9.11.1990, p.28.

    [6] ĠU L 108, ta’ l-24.4.2002, p. 1.

    Top