This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52005DC0479
Communication from the Commission to the Council, the European Parliament and the European Economic and Social Committee on a Customs response to latest trends in Counterfeiting and piracy
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar rispons tad-Dwana għax-xejriet ta’ dan l-aħħar fl-Iffalsifikar u l-Piraterija
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar rispons tad-Dwana għax-xejriet ta’ dan l-aħħar fl-Iffalsifikar u l-Piraterija
/* KUMM/2005/0479 finali */
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar rispons tad-Dwana għax-xejriet ta’ dan l-aħħar fl-Iffalsifikar u l-Piraterija /* KUMM/2005/0479 finali */
MT Brussel 11.10.2005 KUMM(2005) 479 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW dwar rispons tad-Dwana għax-xejriet ta’ dan l-aħħar fl-Iffalsifikar u l-Piraterija WERREJ 1. DAĦLA 3 2. EVALWAZZJONI – PROBLEMA LI QED TIKBER 4 2.1 Sekwestri mid-dwana jindikaw problema diversifikata li qed tikber 4 2.2 Raġunijiet għaż-żieda sostanzjali fil-kummerċ ta’ prodotti foloz 5 2.3 Theddidiet ġodda 6 3. RAKKOMANDAZZJONIJIET – PJAN TA’ AZZJONI GĦAL RISPONS EFFIĊJENTI TAD-DWANA GĦALL-IFFALSIFIKAR U L-PIRATERIJA 7 3.1 Żieda fil-livell ta’ ħarsien tal-Komunità 7 3.1.1 Leġiżlazzjoni 7 3.1.2 Titjib fir-rendiment operazzjonali 8 3.2 Titjib fis-sħubija kummerċjali-Doganali 10 3.3 L-infurzar tal-kooperazzjoni internazzjonali 12 4. KONKLUŻJONI 15 1. DAĦLA Is-saħħa u s-sikurezza taċ-ċittadini ta’ l-UE, l-impjiegi tagħhom, il-kompetittività tal-Komunità, il-kummerċ u l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni huma kollha taħt theddida li dejjem qed tiżdied bil-produzzjoni industrijalizzata ta’ prodotti foloz. Din il-Komunikazzjoni tiddefinixxi evalwazzjoni tal-qagħda attwali, imsejsa fuq analiżi ta’ l-esperjenza Doganali ta’ l-UE ta’ dan l-aħħar fl-attentat biex twaqqaf il-fluss ta' prodotti foloz fil-kummerċ internazzjonali. Tippreżenta wkoll għadd ta’ inizjattivi li flimkien jiffurmaw Pjan ta’ Azzjoni biex itejbu l-implimentazzjoni tal-politika u l-leġiżlazzjoni kontra l-ifflasifikar, b’mod partikolari permezz ta’ azzjonijiet doganali. Il-Komunikazzjoni tispjega fid-dettal it-tkabbir f’dan it-traffikar kif turi ż-żieda ta’ 1000% fis-sekwestri ta’ prodotti foloz li saru mid-dwana ta’ l-UE bejn l-1998 u l-2004. Dawn is-sekwestri jammontaw għal aktar minn 100 miljun prodott fis-sena [1]li jirrappreżentaw biss parti żgħira tal-problema ta’ l-iffalsifikar. Barra l-impatt fuq l-impjiegi, is-saħħa, s-sikurezza u l-kompetittività, ħafna minn dan it-traffikar jinbiegħ fuq is-suq illegali li jfisser telf kbir fl-introjtu tat-taxxa. L-industrija ta’ prodotti foloz twassal ukoll għal impjieg illegali u huwa rrappurtat li dan jorbot ma’ l-imigrazzjoni illegali u ma’ kriminalità organizzata minn pajjiż għall-ieħor. Waħda mill-aktar dimensjonijiet allarmanti ta’ dan il-fenomenu hija r-riskju li qed jiżdied u li qed jaffaċċaw iċ-ċittadini ta’ l-UE b’konsegwenza taż-żieda fil-merkanzija falza u perikoluża bħalma huma l-mediċini, partijiet tal-karozzi u prodotti ta’ l-ikel. Għoxrin sena ilu, l-istudji indikaw li 7 minn 10 ditti affettwati mill-iffalsifikar kienu fis-settur lussuż. Fl-2004, aktar minn 4.4miljun prodotti foloz ta’ l-ikel u xorb alkoħoliku ġew sekwestrati fuq il-fruntieri tal-Komunità (żieda ta’ 196% fuq is-sena ta’ qabel) waqt li inqas minn 2% ta’ l-oġġetti sekwestrati mid-Dwana kienet merkanzija lussuża. Sabiex jitnaqqas b’mod sostanzjali l-kummerċ globali fil-merkanzija falza jew ta’ kuntrabandu, u fil-ġlieda kontra n-netwerks minn pajjiż għall-ieħor involuti f’dan il-kummerċ, jeħtieġu kontromiżuri f’livelli nazzjonali, komunitarji u internazzjonali. Ġew adottati għadd ta’ strumenti legali Komunitarji u diġà jeżistu inizjattivi u żviluppi oħrajn rilevanti biex jikkumbattu l-iffalsifikar u l-piraterija. Fit-taqsima tad-Dwana, l-istrumenti l-aktar rilevanti huma r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 tat-22 ta’ Lulju 2003 [2] li għandu x’jaqsam ma’ azzjoni doganali kontra merkanzija ssuspettata li tikser id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-miżuri li għandhom jittieħdu kontra merkanzija li tinstab li kisret tali drittijiet u r-regolament ta’ implimentazzjoni tiegħu, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1891/2004 tal-21 ta' Ottubru 2004 [3]. Fil-qasam tas-suq Intern, hemm id-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 [4] dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (l-hekk imsejħa Direttiva ta’ Infurzar) u l-proposti tal-Kummissjoni adottati dan l-aħħar li jimmiraw lejn it-tisħiħ tal-miżuri kriminali biex jiġġieldu l-iffalsifikar [5]Il-Kummissjoni adottat ukoll, f’Novembru 2004 Stateġija ta’ Infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali lejn pajjiżi terzi [6]. Madankollu, kif spjegat fit-Taqsima 3 isfel, jista’ jsir iżjed biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-iffalsifikar u l-piraterija fil-qasam tad-dwana. 2. EVALWAZZJONI – PROBLEMA LI QED TIKBER 2.1 Sekwestri mid-dwana jindikaw problema diversifikata li qed tikber F’Davos, fl-Iżvizzera, fl-2003, mexxejja gobali tal-kummerċ u rappreżentanti tal-Gvern sejħu għal “sforz globali massiv għall-ġlieda kontra l-iffalsifikar li stmata li tilħaq aktar minn 450 biljun dollaru fis-sena". It-titjib fil-kontrolli fuq il-fruntieri kien meqjus bħala ta’ importanza ewlenija. Diġà fl-1998, skond studji ta’ l-OECD, l-iffalsifikar kien jgħodd minn 5 sa 7% tal-kummerċ dinji. Fl-istess sena, l-amministrazzjoni tad-dwana ssekwestrat madwar 10 miljun oġġett falz u ta' kuntrabandu fuq il-fruntieri esterni ta’ l-UE. Fl-2004, id-dwana ta’ l-UE ssekwestrat aktar minn 103 miljun oġġett falz, żieda ta’ 1000%. Filwaqt li l-firxa vera tal-fenomenu ta' l-iffalsifikar hija, fin-natura tagħha impossibbli li tiġi kkalkolata bir-reqqa, l-istatistika ddettaljata tad-Dwana ta’ l-UE dwar is-sekwestri ta’ prodotti foloz toffri possibilità ta’ sorveljanza ta’ l-iżviluppi li dejjem qed jinbidlu f’dan is-settur. Ir-rapporti li l-amministrazzjonijiet tad-dwana ta’ l-Istati Membri jittrażmettu lill-Kummissjoni taħt ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1891/2004 tal-21 ta' Ottubru 2004 dwar l-interċezzjoni tagħhom ta’ prodotti foloz fuq il-fruntieri tal-Komunità jagħtu indikazzjoni pjuttost preċiża ta’ xejriet li qed jinbidlu fl-iffalsifikar u l-piraterija tal-kummerċ internazzjonali Xieraq li wieħed jinnota li l-evalwazzjoni li ġejja tan-natura u l-iskala tal-problema tikkostitwixxi r-rapport annwali tal-Kummissjoni kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003. L-Anness 1 fih sommarju komparattiv taċ-ċifri globali għas-snin ta’ dan l-aħħar. Dan is-sommarju jindika kemm l-għadd ta’ oġġetti li ġew miżmuma kif ukoll l-għadd ta’ każijiet ittrattati mid-dwana [7]. Analiżi fid-dettal ta' l-istatistika tas-sekwestru tad-Dwana ta’ l-UE fuq dawn l-aħħar 5 snin turi dan li ġej: Bidliet Kwantitattivi: · Is-sekwestru żdied b’ 1000% f-dak il-perjodu · Id-dwana bħalissa tissekwestra aktar minn 100 miljun oġġett fis-sena · L-Asja, b’mod partikolari ċ-Ċina, hija r-reġjun ewlieni li jipproduċi dan · Mill-2003 sa l-2004, l-għadd ta’ każijiet tad-dwana li għandhom x’jaqsmu ma’ prodotti foloz aktar minn irduppjaw sa 22 000 każ fis-sena · Żieda fil-problemi li għandhom x’jaqsmu mal-ħtieġa għal qerda li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent tal-kwantitajiet kbar ta’ merkanzija ssekwestrata Bidliet Kwalitattivi: · Żieda sostanzjali fil-merkanzija falza li hija perikoluża għas-saħħa u s-sikurezza · Ħafna mill-prodotti ssekwestrati bħalissa huma tagħmir tad-dar aktar milli merkanzija lussuża · Prodotti sofistikati ta' teknoloġija għolja li dejjem qed jiżdiedu · Il-produzzjoni hija fuq skala industrijalizzata · Il-kwalità għolja tal-prodotti foloz ta’ spiss tagħmel l-identifikazzjoni impossibbli fin-nuqqas ta’ kompetenza teknika Fl-2004, flimkien mat-tip ta’ prodotti tas-soltu ssekwestrati mid-dwana (balma huma oġġetti ta’ lussu, sigaretti, DVDs, CDs, prodotti tat-tessuti eċċ.), il-merkanzija falza ssekwestrata mid-dwana fuq il-fruntieri ta’ l-UE kienet tinkludi ilma minerali, ġamm, mowbajls, kafè, tuffieħ, kremi tal-wiċċ, fjuri, partijiet tal-karozzi, trab tal-ħasil, farmaċewtiċi, mwies tal-leħja, toothpaste u xkupilji eċċ. Il-kwalità ta' dawn il-prodotti foloz hija tant tajba - il-kopji jista' jkun li jkollhom ologrammi addizzjonali ta' sigurtà, imballaġġ aħjar eċċ., mill-oriġinali – li qed issir aktar u aktar diffiċli għall-awtoritajiet tad-dwana u għad-detenturi tad-drittijiet infushom biex jiddistingwu l-veru mill-falz. 2.2 Raġunijiet għaż-żieda sostanzjali fil-kummerċ ta’ prodotti foloz Ir-raġunijiet għal din l-esplużżjoni nibtet essenzjalment mill-qligħ għoli u r-riskji involuti pjuttost baxxi, b'mod partikolari meta wieħed jiġi għall-penali f'ċerti pajjiżi, u għal tkabbir ġenerali globali fil-kapaċità industrijali fil-produzzjoni ta’ prodotti ta’ kwalità għolja. DVDs foloz huma eżempju tajjeb ta' dan: il-qligħ huwa aktar għoli minn dak għal piż ekwivalenti ta’ drogi ħfief filwaqt li l-penali jekk jinstabu huma ħafna inqas. Is-sigaretti huma eżempju tajjeb ieħor: jekk wieħed li jiffalsifika jirnexxielu jdaħħal kunsinna waħda ta’ sigaretti foloz f’10 mill-kontejners tiegħu, dan ikun se jagħmel xorta waħda suċċess fil-qligħ fuq l-investiment tiegħu. L-iffalsifikar fuq din l-iskala jagħti lok lill-kriminali għal mod utli ta' ħasil tal-flus rikavati mill-atti kriminali tagħhom. Il-kapaċità fil-produzzjoni industrijali sofistikata li dejjem aktar qed iżżid f’ċerti pajjiżi (notevolment fiċ-Ċina) wasslet għal opportunità massiva għall-industrija ta’ l-iffalsifikar Is-sekwestru ta' partijiet tal-kompjuters, inkjet cartridges, mowbajls u partijiet tal-karozzi foloz juru l-kapaċità li dejjem qed tiżdied li jiġi kkopjat kollox. Anke fejn pajjiżi għamlu sforz (bħal liġijiet ġodda) biex titwaqqaf il-produzzjoni, qed isibu lilhom infushom imxekkla mid-diffikultajiet fil-kontroll ta’ l-industriji li malajr jistgħu jbiddlu minn produzzjoni għal oħra u diffikultajiet fejn jista’ jkun hemm dgħjufijiet lokali fl-infurzar. Dawn ix-xejriet issaħħu sforz ta’ l-interess li dejjem qed jikber minn naħa tal--kriminalità organizzata permezz ta’ sehem f’dan il-qligħ sostanzjali. Il-kunsinni ta’ spiss ikun fihom mhux biss prodotti foloz iżda wkoll merkanzija oħra illegali bħalma huma drogi illeċti Gruppi ta’ terroristi kienu wkoll marbuta ma’ inizjattivi ta’ l-iffalsifikar. 2.3 Theddidiet ġodda L-iffalsifikar u l-piraterija huma rrapportati fil-wisa’ bħala theddida għall-investiment u l-impjiegi fl-ekonomiji tagħna msejsa fuq l-għarfien kif ukoll bħala ħsara lill-wirt kulturali ta’ ħafna pajjiżi. Madankollu, minħabba produzzjoni industrijalizzata li qed tiżdied, marbuta ma' ħaddiema bla ħniena qed insibu quddiemna riskji serji għas-saħħa pubblika u s-sigurtà. Sekwestri doganali ta' merkanzija perikoluża ta’ dan l-aħħar jinkludu farmaċewtiċi foloz, ta’ sikwit fi triqithom lejn żoni li huma l-anqas żviluppati. Prodotti ta’ l-ikel, trab tal-ħasil, ġugarelli perikolużi foloz sekwestrati huma indikaturi oħrajn għall-ħtieġa li nżidu l-kontro-miżuri tagħna u nassiguraw implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni. It-tkabbir fil-produzzjoni industrijalizzata ta’ prodotti foloz iżżid ukoll ir-riskju ta’ telf serju ta' taxxa lill-gvernijiet kemm fil-pajjiżi produtturi kif ukoll f’dawk konsumaturi billi min jiffalsifika jaħdem kważi għal kollox fl-ekonomija s-sewda. It-telf annwali fit-taxxa fuq il-valur miżjud fir-Renju Unit biss u li jirriżulta minn prodotti foloz ġie stmat mill-komunità tal-kummerċ li laħaq it-€2.5 biljun fis-sena. Xi prodotti foloz misjuba mid-Dwana joħolqu riskji serji oħrajn lis-soċjetà: eżempji jinkludu passaporti vojta jew iffalsifikati, karti ta' l-identità, ċertifikati taż-żwieġ, liċenzji tas-sewqan eċċ. li jistgħu jintużaw biex jappoġġaw l-imigrazzjoni illegali jew biex jheddu s-sigurtà. It-trasbord huwa ta’ tħassib li qed jikber minħabba li min iwettaq il-frodi ibiddel ir-rotot biex jaħbi l-oriġini tal-merkanzija. Pajjiżi li jitqiesu li huma ta’ riskju zgħir mid-Dwana, bhall-Ġappun u l-Istati Uniti ta' l-Amerika, qed jiżdidilhom bħala riskju minħabba fit-traffikar ta’ prodotti foloz ta’ tranżitu u ta’ trasbord. Sekwestru fl-2004 wera li mekkaniżmi foloz tal-karozzi daħlu fil-Komunità mill-Istati Uniti għalkemm il-merkanzija kienet fil-verità ta’ origini Ċiniża. Kien hemm każijiet ukoll fejn il-Komunità innifisha tintuża biex taħbi l-oriġini tal-merkanzija (eż. mediċini foloz mill-Asja ttrasbordati mill-UE fi triqithom lejn l-Afrika). Il-bejgħ fuq l-internet huwa problema li qed tiżdied. Aktar minn 30% tas-sekwestri postali magħmula mid-dwana fl-2004 kellhom x’jaqsmu ma' l-internet. Il-kwantitajiet żgħar involuti jagħmlu l-użu tal-proċeduri tal-qerda bi prezzijiet sempliċi u baxxi issa permessi taħt l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 ta’ sinifikat li dejjem qed jikber. 3. RAKKOMANDAZZJONIJIET – PJAN TA’ AZZJONI GĦAL RISPONS EFFIĊJENTI TAD-DWANA GĦALL-IFFALSIFIKAR U L-PIRATERIJA Ir-rwol ewlieni tad-dwana fil-waqfien tal-moviment internazzjonali ta’ merkanzija falza jintwera mill-fatt li huma responsabbli għal madwar 70% tas-sekwestri kollha ta’ prodotti foloz li ġew prodotti globalment. Id-dwana hija wkoll l-unika aġenzija ta’ infurzar fdata b’missjoni speċifika taħt il-Ftehim tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatat mal-Kummerċ ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (Il-Ftehim TRIPS). Madankollu, minkejja din il-qagħda, huwa ċar li l-Dwana tista’ tagħmel aktar. Teħtieġ strateġija b'firxa akbar u aktar komprensiva jekk il-problema trid tinżamm taħt kontroll. B’mod partikolari, hija meħtieġa ħarsa lil hinn mis-sekwestri lejn investigazzjonijiet li jwaqqfu l-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti foloz. Għandha titjib il-kooperazzjoni ma' atturi oħrajn. Filwaqt li din il-Komunikazzjoni tiffoka primarjament fuq il-kooperazzjoni operazzjonali, b'mod partikolari ma’ l-awtoritajiet tad-dwana u tan-negozju fil-pajjiżi terzi, huwa wkoll importanti li ma nitilqux minn taħt għajnejna l-ħtieġa għal kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet li jinfurzaw il-liġi. Huwa importanti li kull strateġija komprensiva tissejjes fuq miżuri prattiċi li jistgħu jkunu infurzati. In-negozju wera r-rieda tiegħu li jappoġġa inizjattivi konkreti doganali bħal dawn. Hemm 3 oqsma ewlenin fejn l-azzjonijiet jitqiesu bħala meħtieġa: iż-żieda fil-livell ta’ ħarsien Komunitarju, it-titjib fis-sħubija kummerċjali-doganali u l-infurzar tal-kooperazzjoni internazzjonali [8]. It-taqsima li ġejja tħares lejn dawk l-oqsma u tipprovdi sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet. Dawn, jekk ikun hemm qbil fuq livell politiku, għandhom flimkien jiffurmaw pjan ta’ azzjoni li l-implimentazzjoni u l-impatt tiegħu jkun jista’ jkun issorveljat u evalwat mill-Kummissjoni. 3.1 Żieda fil-livell ta’ ħarsien tal-Komunità Hemm ħtieġa qawwija għall-infurzar ta’ ħarsien kontra prodotti li joħolqu riskju għas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumatur ta’ l-UE (farmaċewtiċi, partijiet tal-karozzi, prodotti ta’ l-ikel foloz eċċ.) jew li x’aktarx jinvolvu l-kriminalità organizzata (sigaretti, alkoħol, DVDs eċċ.). Biex dan iseħħ, huwa qabel kollox meħtieġ li jitjiebu l-kontrolli tad-dwana fuq it-traffiku tal-merkanzija li tidħol billi l-ewwel isir eżami ta’ l-adegwatezza tal-miżuri legali operazzjonali eżistenti li hemm bħalissa u jiġu rrakkomandati bidliet fejn meħtieġ. 3.1.1 Leġiżlazzjoni Fil-Komunità, id-Dwana għandha poteri li jmorru lil hinn sew mill-kontrolli minimi fuq l-importazzjonijiet kif stipulati fil-Ftehim TRIPS, u li jisgħu jwaqqfu l-prodotti foloz suspettużi waqt l-importazzjoni, l-esportazzjoni, it-tranżitu u t-trasbord. Fl-2004, id-Dwana fil-Komunità għamlet bejn wieħed u ieħor 22000 intervenzjoni li rriżultaw fis-sekwestru ta’ merkanzija falza (fl-2003, iċ-ċifra korrispondenti kienet ta’ 10,000). F'livell Komunitarju, id-Dwana ħadmet sa mill-1986 biex topponi ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali taħt strumenti leġiżlattivi varji. Il-qagħda nbidlet b'mod sinifikattiv bil-leġiżlazzjoni Doganali Komunitarja l-ġdida (Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003) li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2004. Din il-leġiżlazzjoni l-ġdida introduċiet kontrolli f’setturi li qabel ma kenux koperti (bħaldrittijiet ta’varjetajiet ta’ pjanti, id-denominazzjoni ta’ oriġini u dik ġeografika), proċeduri ssimplifikati, spejjeż imnaqqsa fin-negozju u pprovdiet lill-Istati Membri bil-possibilità li jippermettu l-qirda ta’ merkanzija falza b’ burokrazija minima. Il-leġiżlazzjoni Doganali f’dan il-qasam qed titqies bħalissa bħala waħda fost l-aktar b’saħħitha mad-dinja (Iċ-Ċina issa adottat leġiżlazzjoni ġdida ta’ tip simili) u hija riflessa fil-fatt li l-amministrazzjonijiet Doganali ta’ l-Istati Membri jissekwestraw b’mod konsiderevoli aktar merkanzija falza milli hu l-każ fi bnadi oħra. Permezz tal-kontrolli fuq il-moviment ta' merkanzija, speċjalment waqt it-trasbord, id-dwana tipproteġi mhux biss l-UE iżda wkoll partijiet oħra tad-dinja u b'mod partikolari l-pajjiżi l-anqas żviluppati li huma ta’ sikwit il-mira ta’ dawk li jagħmlu l-frodi (f’sekwestri ta’ mediċini foloz, kondoms u partijiet ta’ karozzi li jitwaqqfu fuq il-fruntieri ta’ l-UE fi triqthom lejn fl-Afrika). It-tlestija tal-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għal merkanzija fil-kummerċ internazzjonali se tkun ikkomplementata minn ħarsien simili fil-Komunità minn prodotti foloz magħmula u li jibqgħu fil-Komunità, meta d-Direttiva ta’ Infurzar adottata fl-2004 tiġi implimentata fl-2006. Din id-Direttiva, meta titpoġġa flimkien mal-miżuri proposti fil-qasam tal-liġi kriminali biex issaħħaħ l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u tikkumbatti r-reati, għandha tipprovdi sensiela ta’ strumenti kompluta kif xieraq biex issolvi din il-kwistjoni fil-Komunità. Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huwa settur li jinbidel malajr u l-leġiżlaturi u l-kummerċ jeħtieġ li jaħdmu flimkien biex jiżguraw li l-leġiżlazzjoni tissokta tlaħħaq mar-rekwiżiti tal-ġejjieni u tista’ tiġi adattata malajr fejn jinqalgħu l-problemi. F'dan il-kuntest, il-kummerċ għadu qed iqajjem żewġ punti partikolari ta’ tħassib. L-ewwelnett, l-operaturi ekonomiċi jridu li l-Istati Membri jdaħħlu malajr il-proċeduri ssimplifikati ta’ qerda issa permessi taħt il-liġi Komunitarja li għandhom inaqqsu l-ispejjeż kemm għall-kummerċ kif ukoll għall-amministrazzjonijiet pubbliċi. It-tieni punt ta’ tħassib għandu x'jaqsam mal-possibilità eżistenti għall-vjaġġjaturi li jimpurtaw prodotti ta' użu personali f’volum żgħir li jistgħu jkunu foloz. Min-naħa tal-kummerċ jaċettaw li l-Dwana ma tistax issolvi kull każ individwali iżda jħossu li l-leġiżlazzjoni qed tibgħat messaġġ ħażin billi tidher li qed tiskuża l-iffalsifikar. Punt ta’ tħassib ieħor fil-leġiżlazzjoni għandu x’jaqsam ma’ l-attribuzzjoni ta’ l-ispejjeż, fejn il-kummerċ jqis li għandha titpoġġa aktar responsabilità fuq dak li jagħmel il-ħażin milli fuq id-detentur tad-drittijiet. Punti ta’ azzjoni: Hemm żewġ kwistjonijiet li jeħtieġu li jkunu ndirizzati: il-kunsinni ta' valur baxx u l-proċeduri ssemplifikati ta’ qerda. Għandu jinħoloq grupp ta’ ħidma għad-Dwana u l-kummerċ biex jeżamina kif it-trattament ta’ dawn il-kwistjonijiet jista’ jittejjeb fil-prattika. Fid-dawl tad-deliberazzjonijiet tal-grupp, il-Kummissjoni tkun tista’ tirrapporta fuq il-ħtieġa għal emendi leġiżlattivi jew proposti prattiċi oħrajn biex ittejjeb il-qagħda. Data stabbilita għal-laqgħat tal-gruppi: Tmiem ta’ l-2005. Data stabbilita għar-rapport: Ġunju 2006. 3.1.2 Titjib fit-tħaddim operazzjonali Aktar importanti mill-aġġornament tal-leġiżlazzjoni hija l-ħtieġa li jkun żgurat li l-kapaċità operazzjonali tkun ta’ livell konsistenti u għoli biżżejjed. Id-dwana għandha r-rwol doppju li tiffaċilita l-iskambju internazzjonali filwaqt li tapplika kontrolli biex twaqqaf it-traffikar illegali. Sabiex tagħmel dan, jeħtieġ li l-kontrolli jittejbu aktar permezz ta’ l-użu ta’ strumenti u teknika ġdida. Kien hemm ħafna inizjattivi operazzjonali f’dawn l-aħħar snin li wasslu għal riżultati tajba rigward iż-żieda fis-sekwestri Doganali ta’ merkanzija falza. L-użu ta’ seminars operazzjonali biex tqarreb id-Dwana mal-kummerċ biex jeżaminaw l-aħħar żviluppi u jiskambjaw informazzjoni dwar l-infurzar huwa pass siewi sabiex tiżdied il-kooperazzjoni. Bl-istess mod, l-iskambju ta' uffiċjali ta' ħidma u ħidmiet konġunti bejn l-Istati Membri huwa pass sinifikanti lejn kooperazzjoni qawwija fl-infurzar . Jeħtieġ li dawn l-azzjonijiet jiġu żviluppati aktar u jitpoġġew flimkien fi pjan ta’ kontroll operattiv ġdid imsejjes fuq strateġija Komunitarja għall-immaniġġjar ta’ riskju u li juża l-għarfien espert biex ixerred l-aħjar prassi kemm fil-Kommunità u 'l barra minnha. Problema ewlenija hija kif wieħed jitlaq mill-qagħda attwali, fejn qed jikbru s-sekwestri iżda fejn mhux qed isir biżżejjed fl-investigazzjoni u l-waqfien tal-produzzjoni u n-netwerks ta’ distribuzzjoni, lejn qagħda fejn l-għerq tal-problema jiġi attakkat. Punti ta’ azzjoni: 1. Aktar użu ta’ l-immaniġġjar ta’ riskju Bl-emenda ta’ dan l-aħħar fil-Kodiċi Doganali Komunitarju [9] li jpoġġi aktar emfażi fuq l-immaniġġjar tar-riskju fil-Komunità, is-settur ta’ l-iffalsifikar huwa kandidat tajjeb biex iniedi prova ta’ strateġija Komunitarja. It-tlestija ta’ gwida speċifika għall-immaniġġjar tar-Riskju kontra l-iffalsifikar hija l-ewwel azzjoni li għandha titwettaq. Din il-gwida għandha tintuża fil-prattika. Dan jista’ jsir billi l-gwida titqassam liċ-ċentri ta’ immaniġġjar ta’ riskju u permezz tal-qsim ta’ esperjenza fir-riskju bejn gruppi magħluqa ta’ utenti ta' esperti dwar l-iffalsifikar. Dan ikun jippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni ta’ riskju fil-ħin bejn l-esperti permezz tas-sistema l-ġdida ta’ l-immaniġġjar tar-riskju fil-Komunità [10]. Data stabbilita għal gwida għall-immaniġġjar ta’ Riskju: Jannar 2006. Data stabbilita għall-ħolqien ta’ Gruppi Magħluqa ta’ utenti dwar l-RIF: Jannar 2006 2. Il-ħolqien ta’ Task Force ta’ esperti Doganali ta’ l-Istati Membri biex itejbu l-kontrolli kontra l-iffalsifikar. Task Force10 bħal dan għandu jkun magħmul minn speċjalisti doganali mill-Istati Membri kontra l-iffalsifikar li jaħdmu flimkien ma’ esperti minn Stati Membri oħrajn, b’mod partikolari billi jissorveljaw il-qagħda u jipprovdu għajnuna fuq medda qasira ta’ żmien fil-qsim tal-ħila u l-għarfien espert prattiku. Jista’ jkun involut il-kummerċ f’din il-ħidma, kif xieraq. Data stabbilita għall-ewwel azzjonijiet: Ottubru 2005 3. Kontrolli operattivi konġunti Il-ħidmiet doganali konġunti stabbiliti jew dawk reġjonali fl-iffalsifikar għandhom jitwettqu kif xieraq taħt il-koordinazzjoni u bl-appoġġ tal-Kummissjoni. Dan għandu jkun magħmul minn azzjonijiet speċifiċi li jimmiraw lejn kontrolli għal perjodu limitat fuq kwistjonijiet speċifiċi ta’ l-iffalsifikar (żoni jew merkanzija b’riskji għolja). Uħud mill-pajjiżi terzi li għalihom ikun daħal fis-seħħ ftehim (jew protokoll) ta’ għajnuna amministrattiva reċiproka ta’ l-UE fil-kwistjonijiet doganali, għandhom ikunu mistiedna, jekk meħtieġ, biex jieħdu sehem f’ħidmiet doganali konġunti bħal dawn. Data stabbilita: matul l-2006 4. Seminars Operattivi Dwana/Kummerċ Dawn is-seminars kienu qabel ta’ suċċess kbir. Is-sekwestri żdiedu wara kull każ sforz ta’ kontrolli aktar ikkonċentrati. Tejbu wkoll il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali differenti u l-atturi diversi. Għandhom jiġu ssupplimentati permezz ta’ taħriġ, benchmarking u skambji kif xieraq. Data stabbilita: Kontinwa 5. L-użu ta’ laboratorji tad-dwana Hemm ftit informazzjoni disponibbli dwar il-parti l-kbira ta’ prodotti perikolużi li qed jinstabu, għandha tiġi eżaminata l-possibilità li tintuża d-Dwana jew laboratorji oħra tal-gvern biex tikkontrolla/jikkontrollaw prodotti foloz ta’ perikolu. Grupp ta’ studju żgħir [11] ta’ esperti mill-Istati Membri għandu jirrapporta fuq il-benefiċċji u l-prattiċità (inklużi l-ispejjeż) biex dan isir. Data stabbilita: matul l-2006 6. Sistema ta’ Informazzjoni Doganali Għandu jitħeġġeġ ukoll l-użu massimu tas-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali ta’ l-Unjoni Ewropea (CIS), li tippermetti lis-servizzi doganali nazzjonali ta’ l-Istati Membri biex jiskambjaw, ifittxu dwar u jxerrdu l-informazzjoni rigward attivitajiet ta’ kutrabandu u talbiet għall-azzjoni (tilmiħ, rappurtar, sorveljanza diskreta jew kontrolli speċifiċi), fil-ġlieda kontra l-piraterija u l-iffalsifikar. Dan għandu jżid l-impatt tal-kontrolli, u għandu jgħin b’mod partikolari fil-qtugħ tan-netwerks ta’ distribuzzjoni, billi jkun żgurat li meta kunsinni ssuspettati jitwaqqfu fi Stat Membru wieħed, ikunu jistgħu jittieħdu azzjonijiet speċifiċi (tilmiħ, rappurtar, sorveljanza diskreta jew kontrolli speċifiċi) fi Stati Membri oħrajn biex jopponu dan it-traffiku ta’ merkanzija. Dan jista’ jkun ta’ sinifikat partikolari għat-traffiku li għandu x’jaqsam ma' l-internet u li qed jikber. Rikors għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat-13 ta’ Marzu 1997, dwar l-għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri u l-kooperazzjoni bejn dawn ta’ l-aħħar u l-Kummissjoni biex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-liġi dwar kwistjonijiet ta’ dwana u agrikoltura, f’dan ir-rigward se jkun importanti biex jinforza l-għajnuna reċiproka bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Data stabbilita: matul l-2006 3.2 Titjib fis-sħubija kummerċjali-Doganali Huwa importanti li wieħed jiftakar li l-merkanzija iffalsifikata hija ttrattata b’mod differenti minn merkanzija oħra ttrattata taħt kontrolli ġenerali tad-Dwana. Il-Dwana ma tissekwestrax merkanzija direttament iżda normalment iżżomm il-merkanzija biex tippermetti li n-negozjanti jieħdu l-azzjoni meħtieġa ma’ l-awtoritajiet kompetenti. Dan isir billi l-ewwel jitlobu azzjoni mid-dwana fuq formola ta’ applikazzjoni speċjali. Is-sehem tan-negozjanti huwa meħtieġ billi d-detenturi tad-drittijiet għandhom l-għarfien espert tekniku biex jagħrfu l-prodotti foloz ta’ kwalità għolja tal-lum mill-prodott oriġinali. Il-kummerċ wkoll jerfa' r-responsabilità jekk il-kunsinni jitwaqqfu mingħajr ġustifikazzjoni xierqa. Dan jirrendi s-sehem sħiħ tan-negozjanti bħala indispensabbli biex jiżgura l-infurzar effettiv tad-dwana. Jeħtieġ li l-awtoritajiet ta’ kontroll jikkooperaw iżjed man-negozjanti, filwaqt li n-negozjanti għandhom jipprovdu informazzjoni biżżejjed biex iħarsu d-drittijiet tagħhom. L-isforz ewlieni li n-negozjanti jeħtieġu li jagħmlu huwa li jressqu applikazzjonijiet għall-azzjoni mid-Dwana [12], li mingħajrhom id-Dwana għandha ftit possibilità jew inċentiv li tgħin id-detenturi tad-drittijiet b’mod effettiv. Huwa kruċjali wkoll it-titjib ta’ l-informazzjoni bikrija ta’ skambju bejn il-kummerċ u d-Dwana. Madankollu huwa importanti li jkun żgurat li flus il-poplu ma jintefqux fl-iżvilupp ta’ sistemi sofistikati jew għaljin għall-iskambju ta’ informazzjoni (li għandu mnejn ma jkunx utli għad-dwana f'kuntatt mal-merkanzija) li n-negozjanti jkunu jistgħu jwettqu aktar b’mod irħis u effettiv, b’mod partikolari fl-aġġornament tas-sistemi. F’dan il-kuntest, tista’ tkun maħsuba soluzzjoni prattika u aktar effikaċi fir-rigward tan-nefqa taħt il-forma ta’ l’UE sistema ta’ informazzjoni elettronika għad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali li tressaq flimkien l-għodod esistenti għad-dwana biex din tiskambja informazzjoni dwar riskju bil-possibilità għad-dwana li jkollha aċċess permezz tal-hyperlinks, għad-databases speċifiċi varji tal-Proprjetà Intellettwali (bħal l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern – l-OHIM). Dan ikun qed jibża għar-riżorsi u jtejjeb il-kontrolli billli jippermetti lid-dwana li tidentifika u tikkuntattja d-detenturi tad-drittijiet fejn titfaċċa merkanzija suspettuża fuq il-fruntiera. Punti ta’ azzjoni: 1. L-intrapriża għandha tadotta strateġija aktar pro-attiva L-intrapriża għandha tkun imħeġġa biex tressaq applikazzjonijiet għall-azzjoni mid-Dwana, b’mod partikolari l-SMEs. Għadd ta’ intrapriżi (eż. l-Mercedes, l-LVMH, il-Panasonic, il-Gilette, in-Nike, il-Lacoste u l-BIC) żviluppaw referenzi ta’ gwida ta’ malajr għad-dwana. Din l-istrateġija għandha titħeġġeġ permezz ta’ skambji regolari Dwana/Intrapriża li jintużaw biex jeżaminaw żoni ġodda ta’ problemi. Data stabbilita: Kontinwa 2. It-twessigħ tas-sħubija Kummerċjali-Doganali L-iffirmar ta’ memoranda ta’ ftehim ma’ rappreżentanti ewlenin tal-kummerċ, linji ta’ l-ajru, kumpaniji marittimi, express carriers eċċ. jkun jista’ jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni u jtejjeb l-kontrolli permezz ta’ skambju aħjar ta’ informazzjoni u għarfien usa’ tar-riskji maħluqa mit-traffiku ta’ prodotti foloz. Data stabbilita: matul l-2006 3. Titjib fid Dwana – Kuntratti tad-dententuri tad-drittijiet L-identifikazzjoni tad-detentur tad-drittijiet fil-każ ta’ kunsinna ta’ merkanzija falza mhijiex ħidma faċli għad-Dwana. Id-diffikultajiet li jaffaċċaw l-SMEs fit-tressiq ta’ applikazzjonijiet għall-azzjoni mid-dwana fil-25 Stat Membru jikkontribwixxu għal din il-problema. Sistema ta’ informazzjoni tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali ta' l-UE, li tgħaqqad flimkien il-possibilitajiet offruti mis-sistemi doganali Komunitarji ta’ l-immaniġġjar tar-riskju biex id-dwana tiskambja informazzjoni ta’ riskju dwar l-iffalsifikar bil-possibilità li d-Dwana jkollha aċċess għal-listi ta’ kumpaniji, prodotti ewlenin u kuntatti permezz ta’ l-internet, għandha tħeġġeġ id-Dwana biex din tieħu azzjonijiet u tippermetti li aktar intrapriżi jibbenefikaw mill-ħarsien tagħha. Għandu jinħoloq grupp ta’ ħidma Dwana - kummerċ sabiex jiżviluppa qafas għal sistema bħal din. Data stabbilita: Laqgħat it-2 nofs 2005 Sistema bażika eżistenti fi tmiem l-2006. 4. Sistema ta’ informazzjoni express għall-intrapriżi Għandha tinħoloq sistema li tippermetti li l-intrapriżi jipprvdu informazzjoni dwar każijiet ta’ sinifikat immedjat. Din hija problema partikolari għall-SMEs. Il-possibilità ta’ kaxxa postali elettronika ċentrali ssorveljata minn speċjalist kontra l-iffalsifikar għandha tippermetti l-kontroll ta’ dawn it-talbiet u, fejn iġġustifikat, it-trasmissjoni tagħhom permezz tas-sistema Komunitarja ta’ l-Immaniġġjar tar-Riskji lill-ispeċjalisti kontra l-iffalsifikar fl-Istati Membri u wkoll lill-portijiet/lill-ajruporti/lill-fruntieri fuq l-art ewlenin. Din għandha topera fi żmien reali. Data stabbilita: 2006 5. Azzjonijiet speċifiċi ma’setturi ta’-kummerċsensittivi Għandhom jittieħdu azzjonijiet speċifiċi f’setturi b’riski għolja għas-saħħa pubblika (farmaċewtiċi, ġugarelli eċċ) iżda wkoll fis-setturi fejn it-telf mit-taxxa hija partikolarment ta’ dannu. Data stabbilita: Kontinwa 6. Tkattir ta’ l-għarfien u azzjonijiet ta’ pubbliċità It-tkattir ta’ l-għarfien dwar azzjonijiet tad-Dwana kemm għall-impriżi kif ukoll għall-pubbliku dwar it-theddid għas-saħħa l-impjiegi u s-soċjetà b’mod ġenerali huwa importanti ħafna. Dan jista’ jsir permezz ta’ kampanji f’punti ewlenin fuq il-fruntieri (b’mod partikolari f’ajruporti internazzjonali), permezz ta’ l-użu ta’ wirjiet fit-toroq, esibizzjonijiet f’mużewijiet tad-Dwana, jew it-tixrid ta’ informazzjoni - lill-konsumaturi eċċ. Data stabbilita: Kontinwa 3.3 L-infurzar tal-kooperazzjoni internazzjonali Flimkien mat-titjib ta' kontrolli ta' l-UE kontra l-prodotti foloz importati, li dejjem se jkun mod wieħed biss ta’ kif jitwaqqfu l-kunsinni jew ta’ kif jiġu ittrattati s-setturi kriminali individwali, hija meħtieġa l-azzjoni f’ras il-għajn tal-problema, billi, ta’ l-anqas, titwaqqaf l-esportazzjoni tal-merkanzija falza u, fejn possibbli, tintemm il-produzzjoni. Dan jeħtieġ il-kooperazzjoni internazzjonali. Filwaqt li l-istandards minimi tat-TRIPS għall-ħarsien tad-Drittijiet tal-proprjetà Intellettwali jipprovdu għal kontrolli ta’ l-importazzjonijiet mid-Dwana, l-esperjenza tad-Dwana ta’ l-UE turi li jeħtieġ li jsir aktar. L-ewwel nett, wieħed mill-aħjar modi biex titwaqqaf il-merkanzija qabel ma din tħalli l-pajjiż li qed jipproduċiha (inkluża l-prevenzjoni ta' dawk li jagħmlu l-prodotti foloz milli jużaw reġjuni siguri bħall-UE, l-Ġappun jew l-Istati Uniti biex jaħbu l-oriġini vera tal-merkanzija), huwa li jiddaħħlu kontrolli ta’ esportazzjoni u trasbord fuq medda wiesgħa. It-tieni, huwa wkoll meħtieġ li jkun żgurat li l-Ftehim ta’ Kooperazzjoni Doganali (jew protokolli fi ftehimiet internazzjonali usa’), li jippermetti kooperazzjoni mill-qrib ma’ amministrazzjoni msieħba u li jipprovdi kopertura legali xierqa għal azzjonijiet bilaterali, jiġi sfruttat bis-sħiħ u estiż biex ikopri reġjuni fejn il-produzzjoni hija sinifikanti. L-iffirmar tal-Ftehim tal-Kooperazzjoni Doganali maċ-Ċina f’April 2005 (risponsabbli għall-maġġoranza ta’ prodotti foloz sekwestrati mid-dwana ta’ l-UE) huwa partikolarment importanti f’dan ir-rigward. Punti ta’ azzjoni: 1. Titjib tal-Ftehim TRIPS tad-WTO Iż-żieda fis-sekwestri ta’ prodotti foloz waqt it-trasbord doganali wriet għal xi żmien li jeħieġ li jitqies it-titjib ta' l-Artikolu 51 tal-Ftehim TRIPS [13]Dan ikun jikkonsisti f' li jiġi estiż l-obbligu attwali għal pajjiżi li japplikaw kontrolli tad-dwana kontra l-iffalsifikar fuq l-importazzjonijiet biex ikopri wkoll il-kontrolli fuq l-esportazzjonijiet, fuq it-tranżitu u fuq movimenti ta' trasbord [14]. Tista' titqies ukoll, meta jkun il-waqt, l-estensjoni ta’ l-ambitu ta' l-Artikolu 51 sabiex jinkludi l-ksur ta’ ċerti drittijiet oħrajn tal-Proprjetà Intellettwali. Data stabbilita: tiddependi min-negozjati tad-WTO 2. Kooperazzjoni ma’ l-Organizzazzjoni Doganali Dinjija (WCO), l-Europol u l-Interpol Ħafna mill-esperjenzi miksuba f'livell Komunitarju dwar l-immaniġġjar tar-riskju u l-użu ta’ statistika dwar is-sekwestru jistgħu jkunu ta’ interess globalment. Il-kooperazzjoni attiva mill-qrib mal-korpi internazzjonali ta' infurzar li huma l-aktar involuti bħalma huma d-WCO, l-Europol u l-Interpol tista’ tintuża kemm biex tiġbor ix-xejriet internazzjonali kif ukoll biex tgħin fil-firxa ta' din l-istrateġija prattika ta’ l-UE għal udjenza usa’. It-tixrid ta’ l-għarfien espert ta’ l-UE fl-immaniġġjar tar-riskju f’dan il-qasam għandu jkun ta' benefiċċju partikolari għall-partijiet interessati. Data stabbilita: 2005/2006 3. Arranġamenti bilaterali Jeħtieġ li jinqasmu l-għodod prattiċi (gwida għall-imaniġġjar tar-risku, statistika, analiżi tax-xejriet eċċ) żviluppati fl-UE ma’ l-imsieħba kummerċjali ta’ l-UE biex jiġi ndirizzat l-iffalsifikar fiż-żoni ewlenin bi problema. Ftehim ta’ Kooperazzjoni Doganali u Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni ma’ komponent ta’ għajnuna Reċiproka jipprovdu bażi legali fil-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni. Eżempji ta’ kooperazzjoni bħal din jinkludu t-taħriġ ta’ l-iskambju ta’ uffiċjali, il-qsim ta’ l-għarfien espert u l-aħħar informazzjoni dwar ix-xejriet. Għandu jkun maħsub Ftehim ta’ Kooperazzjoni Doganali, f’xi każijiet qed jiġi nnegozjat ma’ pajjiżi jew organizzazzjonijiet bħalma huma l-Indja, l-Ġappun, il-membri ta’ l-ASEAN [15], il-Mercosur u l-Pakistan. Flimkien ma’ dan, fil-kapitolu tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali dwar il-ftehim bilaterali fil-ġejjieni, il-Kummissjoni se tfittex li tinkludi impenn għall-partijiet sabiex japplikaw kontrolli doganali mhux biss fuq l-importazzjonijiet iżda wkoll fuq l-esportazzjonijiet, u fuq it-tranżitu u t-trasbord tal-merkanzija li tikser ċerti drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali. Data stabbilita: Kontinwa 4. Azzjonijiet speċifiċi li għandhom x’jaqsmu maċ-Ċina L-esportazzjonijiet Ċiniżi jiffurmaw il-maġġoranza tas-sekwestri kollha tal-prodotti foloz fl-UE u din iċ-ċifra x’aktarx li se tiżdied b’rata mgħaġġla minħabba r-rata ta’ żvilupp fiċ-Ċina. Iċ-Ċina hija wkoll ta’ interess għal raġunijiet doganali oħra (f’dawk li huma sorsi magħrufa ta’ prekursuri ta’ l-ecstacy għall-Ewropa, ta’ ikel li jagħmel il-ħsara, ta’ logħob tan-nar eċċ)., Iċ-Ċina adottat leġiżlazzjoni doganali b’saħħitha kontra l-iffalsifikar u se tkun meħtieġa ħidma lkoll flimkien għal promozzjoni tal-kummerċ leġittimu filwaqt li jitwaqqaf it-traffikar ta’ prodotti foloz bir-rimi. Il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni Doganali ta’ dan l-aħħar bejn l-UE u ċ-Ċina jipprovdi l-qafas legali għal kooperazzjoni fil-fond. Flimkien ma’ l-iskambju ta’ uffiċjali u ta’ għarfien espert, sistema speċifika ta’ informazzjoni li permezz tagħha l-UE u ċ-Ċina jistgħu jiskambjaw l-informazzjoni biex jgħinu fil-waqfien tat-traffiku illegali u jaqtgħu l-produzzjoni, għandha tkun pass prattiku fit-tnaqqis taċ-ċirkolazzjoni internazzjonali tal-prodotti foloz. Jekk tkun ta’ suċċess, din l-istrateġija tista’ tiġi estiża għal imsieħba ewlenin oħra tal-kummerċ. Data stabbilita: 2006 5. Imsieħba internazzjonali għal azzjonijiet ewnlenin Id-dikjarazzjoni ta’ dan l-aħħar tas-Samit ta’ l-UE/l-Istati Uniti turi l-intenzjoni ċara ta’ l-Istati Uniti u l-UE li jaħdmu flimkien biex jiġġieldu l-iffalsifikar u l-piraterija. Il-mixja 'l quddiem ta’ dan kollu fil-prattika jimplika t-trawwim ta’ l-iskambju ta’ l-għarfien doganali espert u l-informazzjoni taħt il-Ftehim attwali ta’ Kooperazzjoni Doganali KE - Stati Uniti Huwa mixtieq ukoll li wieħed jara fejn l-UE tista’ tgħaqqad il-forza tagħha ma’ dik ta’ msieħba oħra. Data stabbilita: 2005/2006 6. L-istazzjonar ta’ uffiċjali tad-Dwana f’reġjuni ewlenin ta’ l-oriġini ta’ dawn il-prodotti Il-livell ta’ l-iffalsifikar u l-ħtieġa li titwaqqaf il-produzzjoni f’ras il-għajn jirrendi l-istazzjonar ta’ speċjalisti tad-Dwana kontra l-iffalsifikar fir-reġjuni ewlenin, bħal fir-reġjun ta’ l-Asja, investiment effikaċi fir-rigward tan-nefqa li dejjem qed jiżdied. Interazzjoni diretta bejn dwana u oħra għandha ġġib magħha żieda fir-riżiltati msejsa fuq esperjenza u fehma komuni. Dan il-punt għandu jiġi eżaminat mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri. Data stabbilita: 2006 u lil hinn. 4. KONKLUŻJONI Iż-żieda konsiderevoli fis-sekwestri tad-Dwana ta’ l-UE turi li l-iffalsifikar huwa fenomenu perikoluż li qed jikber. Il-ġlieda kontra dan jeħtieġ appoġġ politiku u azzjonijiet konkreti biex iħarsu lill-UE u liċ-ċittadini tagħha minn kummerċ inġust u minn prodotti perikolużi. Waqt li l-kummerċ internazzjonali qed jiżdied, b’mod partikolari mir-reġjun ta’ l-Asja, fejn it-tkabbir fil-produzzjoni fiċ-Ċina huwa partikolarment sinifikanti, l-UE qed taffaċċa muntanja sħiħa ta’ merkanzija falza ta’ kwalità għolja li dejjem qed tikber. Dan il-kummerċ jgħaqqad il-qligħ għoli ħafna flimkien ma’ riskji komparattivament baxxi, li jagħmluh partikolarment attraenti għal organizzazzjonijiet ta’ kriminali u anke ta' terroristi. Jekk l-UE ma taġixxix bis-saħħa, malajr u b’mod xieraq, ma jdumx ma jkun tard wisq biex tiġi ndirizzata din it-theddida serja għall-impjiegi, għas-saħħa u għal soċjetà b’saħħitha fl-UE. L-implimentazzjoni mgħaġġla tal-pakkett ta’ rakkomandazzjonijiet ippreżentat f’taqsima 3 ta' din il-Komunikazzjoni għandha ssaħħaħ bil-kbir il-kontrolli kontra l-iffalsifikar imwettqa mid-Dwana fil-Komunità u ttejjeb l-isforzi internazzjonali konġunti fil-ġlieda kontra din it-theddida globali. Minħabba l-urġenza u l-kobor ta’ din il-problema, din il-Komunikazzjoni tiffoka fuq is-setturi ewlenin li jeħtieġu attenzjoni minnufih. Madankollu għandhom jitwettqu wkoll aktar azzjonijiet fejn meħtieġ (inklużi t-tixrid ta’ informazzjoni dwar miżuri Doganali lill-applikanti kollha ta’ marki ta’ reġistrazzjoni Komunitarji, l-użu possibbli ta’ l-għarfien doganali espert biex jgħin fil-verifiki intra-Komunitarji fuq il-post, it-titjib fil-kooperazzjoni ma’ l-Uffiċċju ta’ Armonizzazzjoni tas-Suq Intern – l-OHIM). Dan il-Pjan ta’ Azzjoni propost huwa realistiku: bl-appoġġ politiku meħtieġ, ħafna mill-azzjonijiet tiegħu jistgħu jinkisbu fil-futur qrib. * * * ANNESS Prodotti foloz issekwestrati mid-Dwana – Analiżi permezz ta’ numri ta’ każijiet reġistrati u oġġetti ssekwestrati skond it-tip ta’ prodott – UE 2004 – Evoluzzjoni tan-numru ta’ oġġetti ssekwestrati bej l-1998 – l-2004 – Evoluzzjoni tan-numru ta’ applikazzjonijiet għal azzjoni milqugħa mill-Awtoritajiet Doganali (2000-2004) – Persentaġġ ta’ Oġġetti ssekwestrati fl-2003 skond il-pajjiż ta’ l-oriġini – Persentaġġ ta’ każijiet tad-Dwana skond il-pajjiż ta’ l-oriġini fl-2003 UE - 2004Analiżi skond l-għadd ta’ każijiet reġistrati u oġġetti ssekwestrati skond it-tip ta’ prodott | Tip ta’ prodott | Numru ta’ każijiet irreġistrati mid-dddDwana | % | Numru ta’ oġġetti ssekwestrati | % | Tqabbil bejnl-2003-2004 tan-numru ta’ l-oġġetti | Oġġetti ta’ l-ikel, xorb alkoħoliku u xorb ieħor | 52 | 0,5 | 4,5 miljuni | 4 | + 196% | Fwejjaħ u kożmetiċi | 214 | 1 | 1 miljun | 1 | - 22% | Ħwejjeġ u aċċessorji | 13.958 | 62 | 8 miljuni | 8 | + 102% | a) Ilbies ta’ l-Isports | 3.906 | 17 | 1 miljun | 1 | + 140% | b) Ilbies ieħor (ready-to-wear…) | 4.704 | 21 | 2 miljuni | 2 | + 26% | c)Aċċessorji tal-ħwejjeġ (basktijiet, nuċċalijiet tax-xemx) | 5.348 | 24 | 5 miljuni | 5 | + 146% | Tagħmir ta’ l-elettriku | 848 | 4 | 4 miljuni | 4 | + 712% | Tagħmir tal-kompjuter (kompjuters, skrins…) | 125 | 1 | 1 miljun | 1 | + 900% | CD (audio, logħob, softwer, DVD eċċ.) | 2.781 | 12,5 | 18-il miljun | 18 | - 57% | Arloġġi u ġojjellerija | 2.230 | 10 | 0,5 miljun | 1 | - 20% | Ġugarelli u logħob | 516 | 2 | 18-il miljun | 17 | + 46% | Merkanzija oħra | 1.347 | 6 | 10 miljuni | 6 | + 58% | Sigaretti | 313 | 1 | 38 miljun | 40 | + 14% | TOTAL UE | 22.384 | 100 | 103 miljuni | 100 | + 12% | (...PICT...) (...PICT...) (...PICT...) (...PICT...) (...PICT...) (...PICT...) (...PICT...) (...PICT...) (...PICT...) (...PICT...) [1] Is-sekwestri annwali tad-dwana ta’ l-UE huma stmati bejn €1 u 2 biljuni fis-sena. [2] ĠU L 196 tat-2.8.2003. [3] ĠU L 328 tat-30.10.2004. [4] ĠU L 195 tat-2.6.2004. [5] Ara COM (2005) 276, "Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri kriminali bl-għan li jiġi żgurat l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali” u “Proposta għal Qafas ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill li ssaħħaħ il-qafas tal-liġi kriminali biex tikkumbatti r-reati kontra l-proprjetà intellettwali". [6] ĠU C129 tas-26.5.2005, p.3. [7] Id-dettalji sħaħ jinstabu fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali tat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali. [8] Ċerti azzjonijiet jistgħu jiġu ffinanzjati taħt il-Programm Doganali 2007. [9] Regolament (KE) Nru 648/2005, ĠU L 117 ta' l-4.5.2005, p. 13 [10] Iffinanzjata taħt il-Programm Doganali 2007. [11] Iffinanzjat taħt il-Programm Doganali 2007. [12] Din il-proċedura hija prevista fil-leġiżlazzjoni tal-Komunità u tagħti l-poter u l-informazzjoni lid-Dwana biex twaqqaf prodotti foloz taħt suspett. [13] L-Artikolu 51 tat-TRIPS jaqra: “Is-sospenzjoni tar-Rilaxx mill-Awtoritajiet Doganali”. Il-Membri, fi qbil mad-dispożizzjonijiet stipulati hawn taħt, għandhom jadottaw proċeduri biex jippermettu lil detentur tad-drittijiet, li għandu raġuni validi għas-sospenzjoni ta’ l-importazzjoni ta’ merkanzija b’marka tar-reġistrazzjoni falza jew merkanzija bi drittijiet foloz ta’ l-awtur, li jressaq applikazzjoni bil-miktub lill-awtoritajiet kompetenti, amministrattivi jew ġudiżjarji, għas-sospensjoni mill-awtoritajiet doganali tar-rilaxx għal moviment liberu ta’ merkanzija bħal din. Il-Membri jistgħu jippermettu li ssir applikazzjoni bħal din fir-rigward ta’ merkanzija li tinolvi ksur ieħor tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, sakemm jintlaħqu r-rekwiżiti ta’ din it-Taqsima. Il-Membri jistgħu jipprovdu wkoll għall-proċeduri korrispondenti li għandhom x’jaqsmu mas-sospensjoni mill-awtoritajiet Doganali tar-rilaxx tal-merkanzija ta' kontravenzjoni ddestinata għall-esportazzjoni mit-territorji tagħhom. [14] Il-Kummissjoni diġà introduċiet din il-mistoqsija qabel il-Kunsill tat-TRIPs f’Ġunju 2005, meta ppreżentat Komunikazzjoni dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali li stqarret fil-Kapitolu li jiddiskrivi r-riżultati mistennija li “fost il-kwistjonijiet li għandhom jingħataw attenzjoni speċifika mill-Kunsill tat-TRIPs għandu jkun hemm.il-miżuri doganali u d-disponibilità tagħhom għall-esportazzjoni u t-tranżitu". (para.26 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni IP/C/W/448). [15] Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk ta' l-Asja --------------------------------------------------