EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52005DC0329

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar miżuri biex tiġi żgurata sigurtà akbar fl-isplussivi, detonaturi, tagħmir għall-produzzjoni tal-bombi u armi tan-nar

/* KUMM/2005/0329 finali */

52005DC0329

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar miżuri biex tiġi żgurata sigurtà akbar fl-isplussivi, detonaturi, tagħmir għall-produzzjoni tal-bombi u armi tan-nar /* KUMM/2005/0329 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 18.7.2005

KUMM(2005) 329 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

DWAR MIŻURI BIEX TIĠI ŻGURATA SIGURTÀ AKBAR FL-ISPLUSSIVI, DETONATURI, TAGĦMIR GĦALL-PRODUZZJONI TAL-BOMBI U ARMI TAN-NAR

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

DWAR MIŻURI BIEX TIĠI ŻGURATA SIGURTÀ AKBAR FL-ISPLUSSIVI, DETONATURI, TAGĦMIR GĦALL-PRODUZZJONI TAL-BOMBI U ARMI TAN-NAR

1. INTRODUZZJONI

L-użu ta’ l-isplussivi biex jagħmel ħsara lil ċittadini innoċenti dejjem kien l-aktar metodu komuni għat-terroristi biex idaħħlu l-biża’ f’popolazzjonijiet imdorrija jgħixu f’soċjetajiet demokratiċi, liberi u miftuħa. F’Ottubru 2003 il-Kunsill ĠAI ikkonkluda li ma kienx hemm bżonn li jiġu introdotti miżuri ġodda dwar il-ħażna u t-trasport ta' l-isplussivi. Madankollu, wara l-attakk terroristiku f’Madrid fil-11 ta’ Marzu 2004 beda jidher qbil fi ħdan l-Istati Membri ta' l-UE li kien hemm bżonn li tinstab sistema aktar armonizzata li tevita li l-isplussivi, detonaturi, tagħmir għall-produzzjoni tal-bombi u armi tan-nar jaqgħu f'idejn it-terroristi. Fid- Dikjarazzjoni li għamel fil-25 ta' Marzu 2004, il-Kunsill Ewropew għaraf il-“ħtieġa li jiġi żgurat li l-għaqdiet u l-gruppi terroristiċi ma jsibux l-istrumenti ta' l-attività taghħom”. Partikolarment għaraf “il-ħtieġa li tiġi żgurata sigurtà akbar fl-armi tan-nar, l-isplussivi u t-tagħmir għall-produzzjoni tal-bombi, u teknoloġiji li jikkontribwixxu fit-twettiq ta' l-għajb terrorista”. Barra minn hekk, il-Pjan ta’ Azzjoni revist dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu ta’ Ġunju 2004 sejjaħ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jeżaminaw il-firxa ta' miżuri biex tiġi żgurata sigurtà akbar fl-isplussivi (Azzjoni 3.6.1).

Il-Kummissjoni, fil- Komunikazzjoni ta’ Ottubru 2004 dwar il-Prevenzjoni, it-tħejjija u t-tweġiba għal attakki terroristiċi[1] wriet l-intenzjoni tagħha li jekk hemm bżonn tippreżenta proposti biex tiżgura l-ogħla livell ta’ sigurtà possibbli fl-Ewropa. Fil-fatt, il-“ Programm ta’ The Hague - Insaħħu l-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja fl-UE” , approvat mill-Kunsill Ewropew f’Novembru 2004, jistieden b’mod espliċitu lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposti mmirati lejn titjib fil-ħażna u t-trasport ta' l-isplussivi kif ukoll sabiex tiżgura li l-prekursuri industrijali u kimiċi jkunu jistgħu jiġu traċċati. Il-Kummissjoni tilqa’ b'ħeġġa dan l-invit u qegħda hawnhekk tippreżenta l-proposti tagħha fil-Komunikazzjoni preżenti.

Il-Kummisjoni temmen li l-partijiet kollha, partikolarment l-industrija (inklużi l-produtturi, l-utenti finali, min jittrasporta, min jirriċerka), l-Istati Membri u l-Europol għandhom jikkontribwixxu biex itejbu s-sigurtà ta’ l-isplussivi u l-armi tan-nar. Filwaqt li m'hemmx dubju dwar l-utilità industrijali tagħhom, min jieħu d-deċiżjonijiet għandu jiżgura s-sigurtà taċ-ċittadini billi jnaqqas u jelimina l-possibbiltà ta’ l-użu ħażin tagħhom. Bl-istess mod bħalma fil-passat il-manifatturi ta' l-isplussivi u l-armi tan-nar daħħlu l-kunċett tas-sigurtà u għamlu minnu karatteristika ta’ rutina fil-prodotti tagħhom, hekk ukoll għandu jsir biex ikun hemm sigurtà interna. Il-Kummissjoni għalhekk hija lesta li tidħol fi djalogu strutturat mas-settur privat sabiex tara titjib fil-karatteristiċi tas-sigurtà (l-aktar importanti huma l-ħażna, il-kummerċjalizzazzjoni, it-trasport u t-traċċabilità) tal-komponenti u tal-prodotti finali matul il-linja kollha ta’ produzzjoni u forniment. Meta tħejji modi li jiggarantixxu s-sigurtà ta’ l-isplussivi u l-armi tan-nar, il-Kummissjoni tista' toqgħod fuq l-esperjenza tagħha f’oqsma oħra - ngħidu aħna, it-traċċabilità fejn tidħol il-produzzjoni u l-katina tal-produzzjoni ta’ l-ikel għal skopijiet tal-ħarsien tas-saħħa.

2. IL-PJAN TA’ L-UE BIEX TITJIEB IS-SIGURTÀ TA’ L-ISPLUSSIVI

Il-Kummissjoni tippjana li tressaq flimkien il-partijiet interessati kollha : il-manifatturi u n-negozjanti ta’ l-isplussivi, esperti mill-Europol u SitCen, u esperti nazzjonali mill-Istati Membri, il-Kummissjoni, u l-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar it-Terroriżmu. Wara dan, il-Kummissjoni ser tikkunsidra t-twaqqif ta’ grupp ta' esperti ( Grupp ta' Esperti dwar is-Sigurtà ta’ l-Isplussivi ) u tqabbdu jelabora u jissottometti lill-Kummissjoni Pjan ta’ l-UE għat-titjib tas-sigurtà ta’ l-isplussivi u l-armi tan-nar . Il-Pjan irid jiżgura li l-miżuri pubbliċi u dawk privati f’dan il-qasam ikunu kumplimentari u li jistabbilixxi għanijiet definiti. Għandu jiġi definit metodu ta’ ħidma għall-pjan u għall-monitoraġġ tas-suċċess tiegħu. Il-grupp ta’ esperti jista' jivvaluta l-ħtiġijiet f'kull wieħed mill-oqsma li għandhom x'jaqsmu mat-titjib tas-sigurtà ta’ l-isplussivi u l-armi tan-nar, jidentifika n-nuqqasijiet fil-kapaċità tas-sejba u l-intervent fl-UE li jeħtieġu li jiġu indirizzati u janalizza l-ispejjeż involuti.

3. IL-ĦAżNA, IT-TRASPORT U T-TRAċċABILITÀ

Bħalma jissuġġerixxi l-programm ta’ The Hague, l-aktar importanti għal din il-Kummissjoni huma l-ħażna, it-trasport u t-traċċabilità. L-arranġamenti tas-sigurtà għall-ħażna ta’ l-isplussivi, ngħidu aħna permezz ta’ mezzi fiżiċi u standards ta’ kontabilità u verifika effiċjenti , huma kruċjali biex jiġi evitat li prodotti manifatturati b’mod legali jaqgħu fil-pussess tat-terroristi wara serq jew misapproprjazzjoni. Filwaqt li t-trasparenza hija essenzjali biex tiffaċilita l-iskrutinju tajjeb tat-trasferimenti ta’ prodotti bħal dawn, it-tekniċi ta’ traċċabilità (bħall-ittikkettar jew l-immarkar) huma utli biex ikun segwit iċ-ċiklu tal-ħajja ta' l-isplussivi u biex jinstabu trasferimenti perikolużi u pussess suspettuż. Għandhom jinstabu wkoll metodi kif jiġu imposti obbligazzjonijiet fuq min jinnegozja l-isplussivi sabiex jirrapporta kull tranżazzjoni suspettuża. Barra minn hekk, prodotti perikolużi waqt it-trasport - bħal splussivi u t-tagħmir u mezzi kollha li għandhom x'jaqsmu mal-bombi - jistgħu jkunu jew suġġett ta' attakk dirett jew żvijati b’mod illeċitu għal destinazzjoni differenti minn dik maħsuba. L-arranġamenti tas-sigurtà u t-traċċabilità għandhom għalhekk isiru aspett kruċjali f’kull stadju tal-katina tal-produzzjoni.

Il-miżuri fil-ġlieda kontra t-terroriżmu għandhom jindirizzaw is-sorsi possibbli kollha. Huwa meħtieġ metodu ta’ azzjoni wiesa' kontra l-problema għaliex it-titjib fit-traċċabilità ta’ ċerti splussivi/detonaturi jista’ jġiegħel lit-terroristi sabiex minflokhom jużaw mezzi jew sustanzi oħra, li jista’ jkun aktar diffiċli li jinqabdu.

Analiżi komprensiva tat-tekniċi tas-sejbien u r-rati ta’ suċċess tagħhom għal tipi differenti ta’ splussivi tkun aspett importanti biex jiġu identifikati r-riskji prinċipali. L-attitudni lejn it-tnaqqis tar-riskji li l-isplussivi jintużaw ħażin mit-terroristi jew mill-kriminali għandha tkun waħda estensiva u li tinvolvi r-regolazzjoni ta’ l-isplussivi kummerċjali (inkluż ir-rappurtaġġ ta’ tranżazzjonijiet suspettużi), l-immarkar ta’ l-isplussivi, obbligi ta’ sigurtà aktar stretti għat-trasport u l-ħażna, l-użu tat-teknoloġija biex jinstab, jiġi ttikkettat u traċċat materjal splussiv, qsim ta' tagħrif u għajnuna investigattiva. L-UE, filwaqt li tixtieq iżżomm il-kooperazzjoni reċiproka utli f’kull qasam ma’ l-Istati Uniti, m’għandiex tħalli jiżviluppa diżlivell teknoloġiku transatlantiku, partikolarment fejn jidħol l-użu ta’ tagħmir tas-sejbien f'punti tat-trasport.

Barra minn hekk, l- isplussivi hekk imsejħa ‘ homemade ’ , magħmula minn kimiċi disponibbli b’mod mifrux, jippreżentaw theddida fuq l-istess skala ta' splussivi kummerċjali u għaldaqstant ir-riċerka biex titjieb it-traċċabilità tagħhom għandha wkoll tiġi kkunsidrata bħala prijorità.

L-isplussivi li jitneħħew mill-militar u li jispiċċaw fuq is-suq ukoll jippreżentaw riskju kbir. Minħabba li normalment l-isplussivi militari ma jkunux immarkati, iċ-ċans li jinstabu jista’ jkun inqas minn dak li jinstabu splussivi ċivili. Għaldaqstant, il-kummerċ uffiċjali jew parallel ta’ splussivi militari żejda u l-grad ta’ involviment ta’ xbieki ta’ kriminalità organizzata fl-Ewropa fit-trasferimenti illeċiti huma kawża prinċipali ta’ tħassib u għandhom jiġu indirizzati mill-ewwel. Rapport tan-Nazzjonijiet Uniti[2] jinnota li diversi stati ta’ l-Ewropa tal-Lvant esprimew tħassib dwar it-traffikar ta’ splussivi u mezzi militari żejda minn ħażniet ex-Sovjetiċi. Fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant jeżistu ħażniet kbar ta’ splussivi militari. Hemm programmi biex dawn il-ħażniet jinqerdu iżda s’issa ma kellhomx wisq suċċess u għalhekk għandhom bżonn jitjiebu b’mod drastiku.

4. L-ISTAT PREżENTI / MIżURI PROPOSTI

4.1. Il-kummerċ tal-fertilizzanti

Ir- Regolament dwar il-Fertilizzanti [3], fl-Artikoli 25 sa 28, jipprevedi xi miżuri ta’ sigurtà, kontrolli u ħtiġiet ta’ ttestjar speċjali għall-fertilizzanti tan-nitrat ta’ l-ammonju. Dan jobbliga lill-manifatturi wkoll li jżommu rekords dwar il-postijiet tal-produzzjoni u dwar l-operaturi tagħhom.

Il-Kummissjoni qegħda tikkunsidra modifika ta’ dan ir-Regolament sabiex tintroduċi r-rekwiżiti xierqa biex il-fertilizzant tan-nitrat ta’ l-ammonju jinbiegħ biss lil persuni awtorizzati u wara li tingħata prova ta’ l-użu għal skopijiet agrikoli biss. Barra dan, tista’ tiġi esplorata proposta li tobbliga kumpaniji li jbigħu materjal simili li jinnotifikaw lill-awtoritajiet ta’ l-infurzar tal-liġijiet b’kull tranżazzjoni suspettuża. L-Istati Membri għandhom ikunu mħeġġa wkoll jieħdu miżuri bħal dawn fejn jidħlu fertilizzanti li ma jaqgħux taħt ir-Regolament.

4.2. Il-ħażna ta’ l-isplussivi

Il-ħażna ta’ l-isplussivi taqa' taħt id- Direttiva Seveso II [4]. L-għan tagħha ma jiffukax fuq l-isplussivi bħala tali, iżda fuq installazzjonijiet fissi li jaħżnu kwantitajiet akbar ta' sustanzi perikolużi. Bażikament tindirizza l-għan li l-installazzjonijiet ikunu mingħajr periklu, aktar milli t-titjib tas-sigurtà tagħhom. Id-Direttiva ma tirrikjedix analiżi tas-sigurtà, u lanqas ma timponi miżuri ta’ sigurtà addizzjonali għal installazzjonijiet li huma jew partikolarment vulnerabbli għal attakki terroristiċi jew li huma potenzjalment miri ta’ attakki. Madankollu, għandu jiġi nnutat li r-rekwiżiti kollha li għandhom x'jaqsmu mat-tnaqqis tal-konsegwenzi ta' l-inċidenti, u partikolarment it-tfassil minn qabel ta’ pjanijiet ta’ emerġenza, kollha jgħinu fil-każ ta’ attakk terroristiku fuq installazzjoni Seveso. Barra minn hekk, parti mill-informazzjoni meħtieġa għall-valutazzjoni tar-riskju hija diġà disponibbli fir-rapporti tas-sigurtà.

Il-Kummissjoni qegħda tindirizza kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ stabbilimenti koperti bid-Direttiva Seveso II fejn ikun hemm il-preżenza ta’ sustanzi perikolużi bħal splussivi jew nitrat ta’ l-ammonju, bħalma huma l-analiżi tal-konsegwenzi ta’ atti ostili intenzjonati, inċidenti kbar intenzjonati u l-miżuri biex dawn jiġu evitati. Ir-riżultati ta’ grupp ta’ ħidma konġunt dwar il-protezzjoni ta' installazzjonijiet perikolużi minn atti ostili intenzjonati, Budapest, 28-29 t'April 2005 jinsabu fuq is-sit ta' l-internet tal-Kummissjoni:

http://europa.eu.int:8082/comm/environment/seveso/conf_events.htm

Id-Direttiva Seveso II tapplika l-aktar għal impjanti kimiċi u petrokimiċi fejn ikun hemm kwantitajiet kbar ta’ kimiċi. Id-direttiva ma tiddistingwix bejn prodotti perikolużi “normali” u prodotti perikolużi “b'konsegwenzi kbar” (jiġifieri li l-użu ħażin tagħhom jista' jwassal għall-mewt ta' ħafna nies jew għad-distruzzjoni tal-massa). Għaldaqstant id-dispożizzjonijiet biex jitnaqqas ir-riskju miżjud għandhom japplikaw b’mod speċjali għal dawn is-sustanzi perikolużi b’potenzjal għoli bħalma huma l-isplussivi.

Il-Kummissjoni ser tindirizza rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri sabiex dawn jieħdu inizjattivi biex itejbu s-sigurtà fil-kumpaniji kollha u l-persunal responsabbli minn jew li jaħdmu bi prodotti perikolużi li jista' jkollhom konsegwenzi kbar. Is-sigurtà ser tiżdied permezz tal-ħolqien u l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ sigurtà li jista' jkun fihom numru ta' elementi identifikati mill-Kummissjoni.

4.3. It-trasport ta’ l-isplussivi u prodotti perikolużi oħra (TDG)

L-Istati Membri ta’ l-UE huma obbligati li jemendaw id-dispożizzjonijiet dwar is-sigurtà tat-TDG fil-leġiżlazzjoni tagħhom dwar it-trasport domestiku bit-triq u bil-ferrovija sa l-1 ta’ Lulju 2005. Madankollu, ħafna mill-Istati membri għandhom aktar regolamenti dwar il-kontroll ta’ ċerti kategoriji ta’ prodotti perikolużi. L-assoċjazzjonijiet industrijali relevanti ħejjew linji gwida għad-dispożizzjonijiet ta’ sigurta fit-Trasport ta’ Prodotti Perikolużi li jkopru s-setturi relevanti kollha. Il-Kummissjoni tat l-appoġġ tagħha f'dan ix-xogħol u l-linji gwida tlestew f'April 2005. Id-djalogu ma’ l-industrija huwa element essenzjali biex titjieb is-sigurtà fit-trasport ta’ l-isplussivi għaliex l-industrija tista’ tiżviluppa linji gwida aktar stretti biex titjieb is-sigurtà fit-trasport.

F’April 2004, il-Kummissjoni adottat kontrolli aħjar fuq it-trasferiment ta’ splussivi bejn l-Istati Membri bħala miżura biex it-trasport bejn il-fruntieri jsir inqas perikoluż. Il-kontrolli jinsabu fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/388/KE li tarmonizza l-informazzjoni meħtieġa u l-proċeduri li għandhom ikunu segwiti waqt trasferimenti simili bejn il-fruntieri.

Il-kontrolli hekk imtejba fuq it-trasferiment ta’ l-isplussivi bejn l-Istati Membri għandhom jagħmluha aktar faċli li l-isplussivi jkunu traċċati u li jiġi aċċertat li l-moviment tagħhom ikun ġie approvat mill-awtoritajiet nazzjonali. Id-dokument jinkludi wkoll dettalji dwar liema kumpaniji jew għaqdiet huma involuti f’liema tip ta’ splussivi u itinerarju tat-trasferiment u l-awtorizzazzjonijiet mill-Istati Membri kollha li mit-territorju tagħhom jgħaddu l-isplussivi. Din il-miżura għandha tagħmilha aktar faċli biex jiġi traċċat il-perkors ta’ l-isplussivi mill-manifattur għall-utent.

Sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni ta’ l-UE dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (punt 4.2), il-Kummissjoni bdiet tiżviluppa politika dwar is-sigurtà fil-katina tal-forniment, sabiex tikkumplimenta l-leġiżlazzjoni diġà eżistenti f’diversi oqsma tas-sigurtà tat-trasport (bl-ajru, marittimu u s-sigurtà fil-portijiet) u żżid is-sigurtà tat-trasport fuq l-art.

L-akbar importanza ta’ dan il-proċess ta’ politika tingħata lill-iżvilupp ta’ inizjattivi u miżuri ta’ sigurtà, legali u operazzjonali, biex in-negozju jżid il-kuxjenza dwar is-sigurtà fil-katina tal- forniment nazzjonali ta’ l-UE mingħajr ma jxekkel il-kummerċ, u b'hekk jopponu l-possibbiltà ta’ theddid terroristiku.

Is-sigurtà tal-katina tal-forniment hija proċess li jevolvi. Il-fatt li l-ħsieb dwar is-sigurtà tat-trasport fl-UE jsir rutina ta’ kuljum (kuxjenza) jgħin biex titjieb il-prestazzjoni tal-kwalità tan-negozju u r-reżistenza għall-inċidenti. Fil-kummerċ internazzjonali, is-suċċess ta' politika ta' sigurtà tat-trasport tiddependi mir-reċiproċità.

4.3.1. Is-sejba ta’ splussivi u armi tan-nar fl-ajruporti

Wara l-attakki tal-11 ta’ Settembru u inċidenti oħra relatati ma’ l-ajruplani, is-sigurtà fl-ajruporti żdiedet. Ir- Regolament Qafas Nru 2320/2002 li jistabbilixxi regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili jikkunsidra l-armi tan-nar u l-isplussivi bħala oġġetti projbiti u jirrikjedi li l-passiġġieri kollha u l-bagalji tagħhom (fil-kabina jew le) ikunu skrinjati permezz ta' sett ta' metodi aċċettabbli. Il-Kummissjoni twettaq spezzjonijiet biex tivverifika, inter alia, l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti.

Il-Kummissjoni, megħjuna mill-Kumitat għas-Sigurtà ta’ l-Avjazzjoni (AVSEC), fil-preżent qegħda taħdem fuq il-kontroll ta’ l-implimentazzjoni ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi u kriterji tal-prestazzjoni ta’ tipi differenti ta’ tagħmir tas-sejbien użat fl-ajruporti ta’ l-Istati Membri.

4.4. Il-produzzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u t-traċċabilità ta’ l-isplussivi

Id-Direttiva tal-Kunsill Nru 93/15/KEE dwar l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar id-dħul fis-suq u s-superviżjoni ta' splussivi għall-użu ċivili[5] (per eżempju għal xogħlijiet fil-barrieri jew ta’ twaqqigħ) tiddefinixxi r-rekwiżiti essenzjali li għandhom jintlaħqu minn testijiet tal-konformità ta’ l-isplussivi sabiex jiġi żgurat il-moviment ħieles ta’ dawn il-prodotti mingħajr ma jitbaxxew il-livelli għolja ta’ sigurtà. Tkopri wkoll is-sorveljanza tat-trasferimenti ta' l-isplussivi u l-munizzjon. Minħabba l-limitazzjonijiet ovvji ta’ din il-leġiżlazzjoni fid-dawl ta’ riskju akbar ta’ terroriżmu, il-Kummissjoni bdiet djalogu ma’ l-industrija dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà. Jistgħu jiġu kkunsidrati prattiċi ġodda f’diversi oqsma: l-immarkar ta’ l-isplussivi u d-detonaturi, sigurtà akbar fil-ħażna u t-trasport, kif ukoll ir-rappurtaġġ ta’ tranżazzjonijiet suspettużi.

Wara li jinstabu l-isplussivi, ikun ta’ importanza kruċjali għall-investigaturi li tinstab l-oriġini tagħhom. Il-leġiżlazzjoni Svizzera ngħidu aħna, hija stretta ħafna u tirrikjedi li l-isplussivi jiġu mmarkati qabel ma jiġu kkummerċjalizzati. Madankollu, ir-rata ta’ każijiet solvuti b’suċċess fejn jidħlu splussivi mmarkati fl-Isvizzera ma kenitx ogħla wisq minn dik ta' każijiet solvuti fejn jidħlu splussivi mhux immarkati.

Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li ssir valutazzjoni tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ l-immarkar ta’ l-isplussivi b’kodiċi elettromanjetiku.

4.5. Is-sejba ta’ l-isplussivi

Is-sejba ta’ l-isplussivi tista’ tintlaħaq permezz ta’ diversi tekniċi (eż. X-Ray , klieb li jxommu, sistemi ta' sejbien tal-fwar). L-ebda teknika waħedha ma tippermetti s-sejba sodisfaċenti ta’ l-isplussivi; dejjem hija meħtieġa serje ta’ metodi. Madankollu, jekk ikun hemm sustanza jew mod ta’ mmarkar ta’ bilfors fl-UE għall-isplussivi kollha, ikunu jistgħu jinstabu aktar faċilment għaliex ġeneralment is- sensors ikunu jridu jsibu sustanza waħda. Minkejja dan, minħabba l-preżenza ta’ splussivi magħmula barra, huwa meħtieġ li t-tagħmir tas-sejbien xorta jkun kapaċi jsib modi ta’ mmarkar oħrajn u splussivi mhux immarkati.

Hemm programmi ta’ riċerka estensivi dwar xamm elettroniku ( electronic noses ) u teknoloġiji oħrajn. Il-programm NOSE II (it-tieni network ta' eċċellenza dwar is-sejbien permezz ta' xamm artifiċjali) tal-Kummissjoni Ewropea diġà ppermetta l-ħolqien ta’ network ta’ xjentisti f’dan il-qasam. Madankollu, l-ewwel pass importanti huwa li jsir studju estensiv dwar it-tekniċi tas-sejbien eżistenti, li jivvaluta b'mod preċiż ir-rata ta' suċċess tagħhom, iż-żmien meħud għas-sejbien u l-ispiża għal kull tip ta' splussiv. B’dan il-mod ikunu jistgħu jiġu identifikati nuqqasijiet teknoloġiċi u dawn jiġu kkunsidrati fil-programmi ta’ riċerka. Għandhom ikunu evalwati wkoll l-aħjar sensiliet ta’ tagħmir għaliex ikun impossibbli li jinstabu l-isplussivi kif suppost b’sistema bi stadju wieħed.

Il-Kummissjoni ser tniedi analiżi hekk integrata ta’ tekniċi tas-sejbien. Dan ix-xogħol ser jikkostitwixxi bażi soda sabiex jitfasslu inizjattivi leġiżlattivi f’dan il-qasam. Sadanittant il-Kummissjoni tirrakkomanda li jsiru miżuri xierqa sabiex l-użu ta' mezzi tas-sejbien f’ċerti postijiet strateġiċi jsiru ta' bilfors (eż. fl-ajruporti).

4.6. Detonaturi

Minħabba d-daqs żgħir tagħhom, id-detonaturi jippreżentaw riskju kbir ta’ serq u nuqqas ta’ sejbien tagħhom. Għalhekk, jekk id-detonaturi jsiru aktar faċli li jinstabu jkun titjib importanti fil-katina tas-sigurtà. Iċ-Ċentru ta’ Riċerka Konġunt tal-Kummissjoni jista’ janalizza xi wħud mill-possibbiltajiet disponibbli biex ikunu jistgħu jinstabu aktar faċilment. Skond ir-riżultati ta’ l-analiżi mill-KRK, il-Kummissjoni tista’ tipproponi modifika fid- Direttiva tal-Kunsill Nru 93/15 KEE sabiex tibda ssir ta’ bilfors xi marka, mod jew mezz li jiffaċilita s-sejbien.

4.7. Kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġijiet fil-qasam ta' l-isplussivi

L-identifikazzjoni tad-differenzi fil-kapaċitajiet tar-riżorsi umani, tekniċi u materjali maħsuba għas-sejbien, l-intervent u n-newtralizzazzjoni ta’ mezzi splussivi improvizzati u mhux konvenzjonali fl-UE tirrikjedi riflessjoni serja dwar metodu biex dawn jintrabtu flimkien. Il-Kummissjoni ġabret tagħrif mill-Istati Membri permezz ta' kwestjonarju li ppreżentat fil-Kunsill fl-2004. Wara analiżi, kull nuqqas li jista’ jirriżulta jista’ jitranġa permezz ta' varjetà ta’ modi inkluża riċerka b’direzzjoni speċifika u l-iżvilupp ta’ strutturi li jippermettu s-solidarjetà bejn l-Istati Membri, ngħidu aħna permezz ta’ inizjattivi favur l-għajnuna reċiproka fuq bażi bilaterali u multilaterali.

4.7.1. Il-Bank tad-Data tal-Bombi ta’ l-Europol

Fil-preżent Europol qegħda tmexxi bank tad- data ta' l-UE dwar il-mezzi splussivi użati minn għaqdiet terroristiċi u kriminali. Is-servizzi Ewropej ta’ l-infurzar tal-liġi u partikolarment l- Unitajiet tat-Tneħħija ta’ Mezzi Splussivi (EOD) jeħtieġu li jkollhom aċċess 24 siegħa kuljum għat-tagħrif disponibbli dwar l-isplussivi, mezzi splussivi u l-komponenti tagħhom sabiex jiskambjaw din l-informazzjoni immedjatament fid-dawl ta’ inċidenti jew theddid ta’ bombi terroristiċi.

Europol diġà qegħda tesplora l-possibbiltà li jkollha sistema kompjuterizzata ċentrali li fiha jkun jista' jinżamm tagħrif relatat mal-bombi li jkun jikkonsisti f’testi miktubin, tagħrif strutturat u informazzjoni multimedjali bħal stampi ta’ partijiet elettroniċi u ċirkwiti elettroniċi.

L-iskambju ta’ informazzjoni permezz tal-bank tad- data ta’ l-Europol għandu jkun ta’ importanza kbira fejn jidħlu “splussivi homemade ” u n- network tkun strument ideali biex issir lista ta’ mezzi splussivi improvizzati (IEDs) u biex jiġi valutat l-impatt tagħhom.

L-Europol għandha tħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jużaw il-bank tad-data tagħha dwar il-mezzi splussivi li jużaw it-terroristi billi tirrapporta kull sitt xhur dwar l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri u mdaħħla fil-bank tad-data.

4.7.2. Inventarju tal-Kapaċitajiet ta’ l-Istati Membri

Is-sena l-oħra, il-Kummissjoni ppreżentat kwestjonarju lill-Kunsill sabiex tivvaluta l-kapaċitajiet ta’ l-Istati Membri u l-koordinazzjoni fil-futur bejn l-Unitajiet EOD tagħhom. Ir-riżultati tal-kwestjonarju iffaċilitaw il-valutazzjoni tal-kapaċitajiet ta' l-Istati Membri fir-riżorsi umani, tekniċi u materjali dedikati għas-sejbien, l-intervent u n-newtralizzazzjoni ta’ mezzi splussivi improvizzati u mhux konvenzjonali. Dan l-inventarju jivvaluta wkoll il-kapaċitajiet tagħhom f’termini ta’ investigazzjoni forensika ta’ attakki bomba u ser ikun ukoll l-ewwel pass lejn applikazzjoni fil-futur ta’ mekkaniżmi ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri f'każ ta' attakki terroristiċi kbar.

4.7.3. Network ta’ Unitajiet tat-Tneħħija ta’ Mezzi Splussivi

Wara l-valutazzjoni tal-kapaċitajiet, għandu jiġi kkunsidrat it-twaqqif ta’ Network ta’ Unitajiet EOD ta’ l-Istati Membri, fuq l-eżempji diġà żviluppati f’oqsma oħra bħan- Network tal-Protezzjoni tal-Figuri Pubbliċi. In- Network jista jkun kanal għal skambju miftuħ u kostanti ta’ tagħrif dwar tekniċi u tattiċi operazzjonali. Barra minn hekk, it-titjib tal-kapaċitajiet tas-sejbien għandu jkun prijorità għan- Network .

Fil-preżent, wara t-tweġibiet għall-kwestjonarji ppreżentata lill-Istati Membri, il-Kummissjoni qegħda taħdem biex twaqqaf network ta’ Unitajiet EOD.

4.7.4. Network Forensiku dwar Mezzi Splussivi Improvizzati

Fit-tieni fażi, in- Network ta’ Unitajiet EOD li qed tiġi proposta għandha tkabbar il-kapaċità tagħha sabiex tiskambja tagħrif dwar l-aspetti forensiċi ta’ mezzi splussivi improvizzati (MSI). Il-ħolqien ta’ Network Forensiku jista’ jkun punt tat-tluq sabiex tiġi żviluppata strateġija komuni dwar l-investigazzjoni u politika ta’ riċerka u għall-armonizzazzjoni tat-tekniċi f’dan il-qasam.

4.8. Riċerka u żvilupp teknoloġiku

Ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku jistgħu jnaqqsu r-riskju marbut mal-produzzjoni, it-trasport u l-ħażna ta’ l-armi tan-nar, splussivi, tagħmir għall-produzzjoni tal-bombi u teknoloġiji li jikkontribwixxu fit-twettiq ta’ atti terroristiċi. Ir-riċerka tista' tikkontribwixxi wkoll għal sistemi aħjar ta' sejbien, immarkar u traċċar.

Tnidiet Azzjoni ta’ Tħejjija ta’ tliet snin (2004-2006) bil-għan li tinkoraġġixxi kundizzjonijiet u ambjent favorevoli għat-titjib tal-kapaċitajiet xjentifiċi, teknoloġiċi u industrijali Ewropej u sabiex tipprepara għal Programm sħiħ ta’ Riċerka Ewropew dwar is-Sigurtà li għandu jibda fl-2007. L-Azzjoni ta’ Tħejjija tkopri 5 punti prinċipali ta’ riċerka prijoritarji, li jinkludu l-ġlieda kontra t-terroriżmu.

Wara l-Azzjoni ta' Tħejjija, il-Programm ta' Riċerka Ewropew dwar is-Sigurtà multi-annwali imbagħad iwettaq riċerka teknoloġika orjentata lejn il-missjoni speċifika, fejn jiġu kkunsidrati l-bżonnijiet ta’ l-utent finali. Taħt is-7 Programm ta’ Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku, il-Kummissjoni għamlet sejħa għal proposti ta’ riċerka dwar metodi nanoteknoloġiċi għal sistemi ta’ sigurtà imtejba inklużi detectors għall-isplussivi.

4.9. Kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġijiet fil-qasam ta' l-armi tan-nar

Diversi inizjattivi diġà tnedew bil-għan li jtejbu l-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġijiet fil-ġlieda kontra l-armi tan-nar illeċiti, u li ser jagħtu l-frott fl-2005. Bħala parti mill-programm kontra l-proliferazzjoni ta’ l-Unità Kontra t-Terroriżmu, l-Europol ser toffri appoġġ fl-investigazzjonijiet ta’ l-Istati Membri u tqassam prodotti strateġiċi. L-Europol bħalissa qegħda tagħmel studju ta’ valutazzjoni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta’ l-armi tan-nar sabiex tiddeċiedi jekk jistax jinfetaħ fajl ta’ ħidma ta' analiżi dwar l-armi tan-nar illeċiti fl-2005. Barra dan, l-iżvilupp ta’ kapaċità ta’ l-UE li tittraċċa l-armi tan-nar illeċiti huwa parti mill-Programm ta’ Ħidma ta’ l-Europol għall-2005.

Jista’ jiġi kkunsidrat strument leġiżlattiv li jistipula standards komuni għar-rappurtaġġ ta’ armi tan-nar maqbuda jew irkuprati li jkunu intużaw għall-kriminalità, jew armi tan-nar li jkunu ġew żvijati jew misruqa. Dan jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni għal skop ta' investigazzjoni u s-sejbien ta' denominatur komuni għal metodu ta' analiżi ta' l-għarfien (intelligence).

4.10. Armi tan-Nar - Ir-regolazzjoni ta’ l-importazzjoni/esportazzjoni u aspetti oħra ta’ l-implimentazzjoni tal-Protokoll tan-NU

Sa l-2007, il-Kummissjoni ser tippreżenta proposta għal regolament tal-Kunsill dwar sistema ta’ liċenzjar għall-importazzjoni/esportazzjoni ta’ l-armi tan-nar, wara proċess ta’ konsultazzjoni interna ma’ l-Istati Membri u mal-partijiet interessati.

Dan ir-regolament jimmira li jimplimenta l-Artikolu 10 tal- Protokoll tan-NU dwar il-manifattura u t-traffikar illeċiti ta’ l-armi tan-nar, il-partijiet, il-komponenti u l-munizzjon tagħhom fil-leġiżlazzjoni tal-Komunità. Minħabba li l-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll tan-NU jkopri firxa wiesa’ ta’ kwistjonijiet bħad-dwana, il-kummerċ, l-isplussivi, is-suq intern u r-relazzjonijiet esterni, il-proposta ser tikkunsidra dawn l-elementi kollha.

Barra minn hekk, fl-2005 l-Kummissjoni ser tipproponi modifika teknika tad-Direttiva Nru 91/477[6] sabiex tintegra d-dispożizzjonijiet xierqa meħtieġa mill-Protokoll fir-rigward ta’ trasferimenti fil-Komunità ta’ armi msemmija fid-Direttiva , u b’mod aktar partikolari l-artikolu 10 ta’ l-istess Protokoll dwar il-ħtiġiet ġenerali għas-sistemi ta’ liċenzjar jew awtorizzazzjoni ta’ l-esportazzjoni, l-importazzjoni u t-tranżitu. Sistema ta’ liċenzjar ta’ l-esportazzjoni/importazzjoni li tiffunzjona għandha sservi bħala għodda ta’ kontroll/monitoraġġ importanti fuq l-esportazzjoni/importazzjoni ta’ l-armi tan-nar minn u lejn l-UE u, għaldaqstant, tikkontribwixxi għall-mekkaniżmi ta’ prevenzjoni u l-investigazzjoni tat-terroriżmu.

Madankollu, is-sistema ta’ importazzjoni/esportazzjoni mtejba hija biss element wieħed fil-prevenzjoni tat-traffikar illegali ta’ l-armi tan-nar u għandha titqies flimkien ma’ ġestjoni effettiva tal-fruntieri, inkluża politika tal-viċinat attiva f’dan il-qasam.

[1] COM (2004) 698 finali; ta’ l-20.10.2004

[2] Ir-Rapport tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Manifattura Illeċita u t-traffikar ta’ l-isplussivi mill-kriminali u l-użu tagħhom għal skopijiet kriminali (tat-23 ta’ Jannar 2002); E/CN.15/2002/9/Add.1

[3] Ir-Regolament (KE) Nru. 2003/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 t’Ottubru 2003 dwar il-fertilizzanti.

[4] Id-Direttiva Seveso II (96/82/KE) dwar il-kontroll ta' perikoli ta' aċċidenti kbar (ĠU Nru L 10 ta’ l-14 ta’ Jannar 1997).

[5] ĠU L 121 tal-15.5.1993.

[6] Id-Direttiva tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 1991 dwar il-kontroll ta' l-akkwist u l-pussess ta' armi (91/477/KEE)

Top