Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52005DC0074

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar l-immaniġġar tar-riskji u l-kriżijiet fl-agrikoltura {SEC(2005) 320}

    /* KUMM/2005/0074 finali */

    52005DC0074

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar l-immaniġġar tar-riskji u l-kriżijiet fl-agrikoltura {SEC(2005) 320} /* KUMM/2005/0074 finali */


    Brussel 09.03.2005

    KUMM(2005) 74 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

    dwar l-immaniġġar tar-riskji u l-kriżijiet fl-agrikoltura{SEC(2005) 320}

    1. Introduzzjoni

    Għal bosta snin il-Politika Agrikola Komuni (CAP) indirizzat l-għan li jkun assigurat id-dħul għall-istabbilimenti agrikoli permezz ta’ sensiela ta’ miżuri ta’ stabbilizzazzjoni tas-suq u tal-prezzijiet. Riformi suċċessivi gradwalment dawru l-appoġġ minn immaniġġar tas-suq u tal-prezzijiet għal ħlasijiet diretti, li mill-2005 se jiġu fil-biċċa l-kbira tagħhom diżakkoppjati. Issa li r-riforma CAP neħħiet ir-rabta bejn il-ħlasijiet diretti u t-tip u l-volum tal-produzzjoni, il-bdiewa se jkunu jistgħu jaġġustaw b'mod aħjar id-deċiżjonijiet tagħhom dwar il-produzzjoni skond kriterji ekonomiċi u agronomiċi.

    L-iskema ta’ ħlas wieħed diżakkoppjat se tkompli tipprovdi kontribut sinifikanti u stabbli lejn id-dħul ta' l-istabbilimenti agrikoli, għalkemm b'differenzi notevoli skond id-distribuzzjoni storika ta' appoġġ bejn is-setturi differenti ta' produzzjoni agrikola. Il-bdiewa se jkunu jistgħu jkunu aktar orjentati lejn is-suq, filwaqt li jibbenefikaw minn dan l-appoġġ għad-dħul iffokat aħjar u aktar effiċjenti.

    Dawn l-aspetti ekonomiċi u soċjali, kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet ambjentali inkorporati fl-iskema l-ġdida ta' ħlas wieħed, se jfissru li l-CAP il-ġdida tkun aktar sostenibbli. Madankollu, dan se jobbliga lill-bdiewa li jkunu responsabbli li jimmaniġġaw dawk ir-riskji li qabel kien assorbiti mill-politiki ta' appoġġ f’dawk li huma suq u prezz. Fl-istess waqt, il-bdiewa ta’ l-UE huma kull ma jmur dejjem aktar esposti għal kompetizzjoni u ċaqliq fil-prezzijiet agrikoli, b’riżultat tal-liberalizzazzjoni kummerċjali.

    Bħal fl-imgħoddi, in-negozju tal-biedja se jibqa' vulnerabbli għal riskji u kriżijiet speċifiċi li jmorru ’l hinn mill-kontroll tal-bidwi. Filwaqt li t-teħid tar-riskji kkalkulat jista’ jwassal għal riżultati pożittivi, jixraq li l-bdiewa jkunu armati kontra kwalunkwe eżitu negattiv possibbli ta' l-għażliet li jagħmlu, kif ukoll kontra l-kriżijiet ipprovokati minn diżastri naturali u avvenimenti oħra imprevedibbli. Fil-limiti tal-kuntest tar-riforma CAP, strumenti ġodda – li mhumiex se jbattu l-pass ta’ kwalunkwe aġġustament strutturali meħtieġ – jistgħu jgħinu lill-bdiewa jtejbu l-kapaċità tagħhom biex jimmaniġġaw ir-riskji u l-kriżijiet.

    Din il-Komunikazzjoni teżamina dawn il-kwistjonijiet u tqis x’miżuri addizzjonali tista’ tintroduċi l-CAP sabiex tassisti lill-bdiewa, f’dak li hu mmaniġġar tar-riskji u l-kriżijiet. L-alternattivi mressqa għad-diskussjoni jikkonformaw mal-mandat għal din il-Komunikazzjoni u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Agrikolu ta’ Diċembru 2003. Għandu jiġi enfasizzat li dawn ma jkunux jinkludu nfiq addizzjonali.

    Il-Komunikazzjoni hija akkumpanjata minn Dokument ta’ Ħidma tas-Servizzi tal-Kummissjoni li jiddeskrivi l-għodod ta’ mmaniġġar tar-riskji u l-kriżijiet li diġà jinsabu disponibbli għall-agrikoltura ta’ l-UE.

    2. Sfond

    F’Jannar 2001, il-Kummissjoni Ewropea pprovdiet l-ewwel analiżi[1] ta' għodod ta' mmaniġġar tar-riskji għall-agrikoltura ta' l-UE, li ġiet diskussa mill-korpi relevanti tal-Kunsill taħt il-Presidenza Żvediża fl-2001. Il-Presidenza Spanjola qabdet mal-kwistjoni ta' l-assigurazzjoni agrikola bħala għodda ta' mmaniġġar tar-riskji fit-trobbija tal-bhejjem u t-tkabbir ta’ l-uċuh tar-raba’ permezz ta' memorandum f'Marzu 2002, li ġie segwit minn konferenza internazzjonali dwar “L-assigurazzjoni agrikola u l-garanziji tad-dħul ta’ flus”, li ttellgħet f’Madrid nhar it-13 u l-14 ta’ Mejju 2002. Memorandum mill-Presidenza Griega dwar ir-riskji naturali u l-assigurazzjoni fis-settur agrikolu tressqet quddiem il-Kunsill f’Mejju 2003 u seminar sabiex jiġi eżaminat r-rispons possibbli għad-diżastri naturali fis-settur agrikolu ttella’ f’Tessaloniki nhar is-6 ta’ Ġunju 2003. L-aktar reċenti, fil-15 u s-16 ta’ Diċembru 2004, il-Presidenza Olandiża organizzat konferenza dwar “L-ispejjeż materjali u immaterjali tal-qerda tal-mard ta' l-annimali”.

    Ir-riforma CAP li ġiet deċiża fil-Lussemburgu f’Ġunju ta’ l-2003 tistipula sistema mmodifikata ta’ appoġġ lill-bdiewa għad-dħul finanzjarju ta' l-istabbilimenti agrikoli, iddiżakkoppjata mill-produzzjoni. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar din ir-riforma inkorporaw dikjarazzjoni mill-Kummissjoni “sabiex jiġu eżaminati miżuri speċifiċi li jindirizzaw ir-riskji, il-kriżijiet u d-diżastri nazzjonali fl-agrikoltura” u “jiġi ppreżentat rapport, akkompanjat minn proposti xierqa, lill-Kunsill qabel tmiem l-2004.”

    Id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni kompliet billi indikat żewġ kwistjonijiet speċifiċi li għandhom jiġu eżaminati: “...il-finanzjament ta’ dawn il-miżuri permezz tal-punt wieħed ta’ perċentwal ta’ modulazzjoni distribwit mill-ġdid b'mod dirett lill-Istati Membri kif ukoll l-inklużjoni, f'kull organizzazzjoni tas-suq komuni, ta' artikolu li jagħti l-jedd lill-Kummissjoni li taġixxi, fil-każ ta' kriżi madwar il-Komunità kollha, skond il-linji stabbiliti għal tali każijiet fl-organizzazzjoni ta’ suq komuni fil-każ taċ-ċanga.”

    F’Diċembru 2003, taħt il-Presidenza Taljana, il-konklużjonijiet tal-Kunsill Agrikolu[2] stiednu lill-Kummissjoni:

    1. sabiex tkompli tmexxi d-dibattitu dwar l-għodod ta’ l-immaniġġar tar-riskji fl-agrikoltura u sabiex tipprovdi inventarju aġġornat ta’ għodod ta’ l-immaniġġar tar-riskji disponibbli fl-Istati Membri;

    2. sabiex teżamina l-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta' l-alternattivi differenti ta’ mmaniġġar tar-riskji – minkejja r-responsabilità tas-settur agrikolu nniffsu. Strumenti ġodda possibbli sabiex jissostitwixxu, fejn jixraq, il-miżuri attwali għandhom jittieħdu in konsiderazzjoni u jiġu eżaminati skond l-għarfien li t-tfixkil għall-kompetizzjoni għandu jiġi evitat, ir-regoli tad-WTO għandhom jiġu mħarsa u l-finanzjament ta' kwalunkwe miżura ġdida għandu jkun skond l-impenji finanzjarji li diġà huma fis-seħħ;

    3. sabiex tevalwa l-opportunitajiet ipprovduti fil-linjigwida Komunitarji għall-għajnuniet mill-Istat fis-settur agrikolu u jekk meħtieġ sabiex tissuġerixxi addattamenti.

    3. Immaniġġar tar-Riskji u l-Kriżijiet: Alternattivi

    Riskju jimplika sitwazzjoni li jista’ jkollha għadd ta’ eżiti differenti, li għal kull wieħed minnhom tista’ tiġi stmata l-probabilità. Għalkemm it-teħid tar-riskji spiss huwa prerekwiżit sabiex iseħħ il-progress, eżitu negattiv jista’ jkollu konsegwenzi ekonomiċi serji għal negozju.

    Il-firxa wiesgħa ta’ għodod ta’ mmaniġġar tar-riskji disponibbli hija deskritta f’Dokument ta’ Ħidma tas-Servizzi tal-Kummissjoni li jakkumpanja lil din il-Komunikazzjoni. Dawn jistgħu jkomplu jiġu żviluppati sabiex jgħinu fit-titjib tal-kompetittività u s-sostenibilità ekonomika ta' l-intrapriżi tal-biedja, speċjalment dawk bi proporzjoni għoli ta' kapital missellef, ngħidu aħna bdiewa żgħażagħ. Madankollu, dawn l-għodod ma jistgħux u mhumiex maħsuba sabiex joffru t-tip ta’ garanziji pprovduti mill-CAP ta’ qabel, iżda qegħdin aktar biex jgħinu lin-negozju agrikolu ħalli dan ikun jiflaħ għal daqqiet temporanji u jtejjeb l-aċċess tiegħu għal finanzi għall-iżvilupp ta' l-attivitajiet tiegħu. Huwa b’din il-perspettiva li l-iżvilupp u d-disponibilità ta' l-istrumenti ta’ l-immaniġġar tar-riskji jistgħu jiġu inkoraġġuti b’mod utli.

    Filwaqt li riskju jista’ jkun assoċjat sew ma’ eżitu pożittiv jew negattiv, is-suppożizzjoni li dejjem issir hija li kriżi jkollha konsegwenzi negattivi sinifikanti. F’din il-Komunikazzjoni kriżi tfisser sitwazzjoni imprevista li tipperikola l-vijabbiltà ta’ l-impriżi agrikoli, sew f'livell lokalizzat jew inkella fuq il-firxa kollha ta' settur ta' produzzjoni sħiħ.

    Għadd ta' strumenti ta’ mmaniġġar tal-kriżijiet huma disponibbli jew ġew stabbiliti reċentement sabiex jipprovdu assistenza meta l-kapaċità individwali sabiex wieħed ilaħħaq ma’ telf sostanzjali f'assi u/jew dħul, li jirriżulta minn avvenimenti imprevedibbli, tista' ma tkunx biżżejjed. Dawn l-istrumenti huma deskritti fid-Dokument ta' Ħidma tas-Servizzi tal-Kummissjoni li jakkumpanja lil din il-Komunikazzjoni. Madankollu, bosta minn dawn l-istrumenti jiddependu minn azzjonijiet ad hoc .

    F’dan il-kuntest, u skond l-impenn tal-Kummissjoni ta' Ġunju 2003, il-kwistjoni tal- ġeneralizzazzjoni tal-klawsola dwar il-kriżi taċ-ċanga hija indirizzata f'taqsima 3.1.

    Il-Kummissjoni qieset għadd ta’ alternattivi sabiex jiġi inkoraġġut l-iżvilupp ta’ għodod għall-immaniġġar tar-riskji u jiġi provdut rispons aħjar fil-każ ta' kriżi. L-użu ta’ fondi ta’ modulazzjoni għal dan il-għan – li ma jkunu jeħtieġu ebda nfiq Komunitarju addizzjonali - huwa diskuss fid-dettall f’taqsima 3.2.

    Finalment, tfissru tliet alternattivi li, flimkien jew waħedhom, jistgħu maż-żmien jissostitwixxu b’mod sħiħ jew parzjali l-miżuri ta’ emerġenza ad hoc tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri. Dawn il-miżuri possibbli ġodda huma ppreżentati fit-taqsima 3.3.

    3.1 Il-ġeneralizzazzjoni ta’ dispożizzjonijiet bħala ‘xibka tas-sigurtà’ fil-każ ta’ kriżi tas-suq

    Filwaqt li r-riforma CAP iddiżakkoppjat l-appoġġ għad-dħul finanzjarju fil-każ tas-setturi ta' produzzjoni ewlenin, għadd ta' strumenti għadhom jinfluwenzaw is-suq u s-sitwazzjoni tal-prezzijiet u baqgħu jindirizzaw kriżijiet possibbli. Dawn ivarjaw b'mod sinifikanti bejn l-organizzazzjonijiet tas-suq, skond il-karatteristiċi speċifiċi ta' kull suq u jirriflettu l-evoluzzjoni tal-metodu preċedenti speċifiku għal kull settur.

    Sa mill-1974 ġiet introdotta dispożizzjoni ġenerali dwar l-immaniġġar tal-kriżijiet fis- CMO għal-laħam taċ-ċanga . L-Artikolu 38 ta’ l-Organizzazzjoni tas-Suq Komuni[3] għaċ-ċanga għadha tgħid: “1) Meta żieda jew waqgħa sostanzjali fil-prezzijiet tkun irreġistrata fis-suq tal-Komunità u din is-sitwazzjoni probabbli li tkompli, biex b’hekk tfixkel jew thedded li tfixkel is-suq, għandhom jittieħdu l-miżuri li jixirqu. 2) Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni …”

    Qatt ma ġiet adottata klawsola simili għal CMOs oħrajn, billi l-istrumenti l-oħrajn ġew meqjusa bħala insuffiċjenti. Bir-riforma CAP, id-dispożizzjonijiet ta’ ‘xibka tas-sigurtà’ fil-każ ta’ kriżi għadhom disponibbli f’għadd ta' setturi koperti b'dik ir-riforma. Fil-każ ta’ setturi oħra, (frott u ħxejjex, inbid, u majjali u tjur ta’ l-irziezet) illum m’hemm l-ebda ġustifikazzjoni li tiġi introdotta dispożizzjoni addizzjonali bħala ‘xibka tas-sigurtà’. Jekk ikun hemm bżonn, ħtiġijiet speċifiċi jistgħu jitwieżnu abbażi ta' każ b'każ fil-kuntest tar-ri-evalwazzjoni ta' CMOs individwali.

    Ta’ aktar importanza, l-istabbilizzazzjoni tad-dħul finanzjarju issa hija fil-biċċa l-kbira tagħha pprovduta permezz tas-sistema l-ġdida ta' ħlasijiet iddiżakkoppjati. Bl-introduzzjoni tal-ħlas wieħed ġdid, il-biċċa l-kbira tal-bdiewa ingħataw garanzija ta' bażi soda għall-ippjanar sa l-2013.

    Ir-riforma CAP neħħiet ir-rabta bejn l-appoġġ għad-dħul u t-tip u l-volum ta' produzzjoni. Dan ifisser li l-bdiewa se jkunu jistgħu jorjentaw il-produzzjoni tagħhom skond kriterji ekonomiċi u agronomiċi mingħajr ma jitilfu l-appoġġ għad-dħul. Is-sistema l-ġdida se tippermettilhom li jaddattaw aħjar il-produzzjoni tagħhom b'reazzjoni għal riskji klimatiċi jew sanitarji u skond l-iżviluppi tas-suq.

    Il-Kummissjoni, għalhekk mhix biħsiebha tipproponi l-introduzzjoni ġenerali ta’ klawsola ta’ 'xibka tas-sigurtà' għal kull organizzazzjoni ta' suq komuni. Il-Kummissjoni pjuttost tistieden qabelxejn lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew u Istituzzjonijiet oħra ta’ l-UE sabiex jiddiskutu l-għażliet alternattivi ta' mmaniġġar tal-kriżijiet ippreżentati fit-taqsima 3.3.

    3.2 Il-finanzjament ta’ miżuri ta’ mmaniġġar tar-riskji u l-kriżijiet permezz ta’ modulazzjoni

    Għan ewlieni ta’ din il-Komunikazzjoni huwa li tiddiskuti kif miżuri addizzjonali ta’ mmaniġġar tar-riskji u l-kriżijiet jistgħu jkunu kkofinanzjati b’punt wieħed ta’ perċentwal ta’ modulazzjoni. Imfassla bħala mekkaniżmu sabiex isaħħaħ it-tieni pilastru tal-CAP, il-modulazzjoni tnaqqas il-ħlasijiet diretti u tgħaddi l-fondi mfaddla għall-iżvilupp rurali. Taħt ir-riforma tal-CAP ta’ l-2003, il-modulazzjoni se tnaqqas progressivament il-ħlasijiet diretti fuq bażi obbligatorja madwar il-Komunità kollha , bi 3% fl-2005, 4% fl-2006 u 5% fis-snin 2007 sa 2012.

    Il-liġi Komunitarja tgħid li l-fondi kollha rilaxxati permezz tal-modulazzjoni jistgħu jintużaw biss fil-kuntest ta' programmi ta' żvilupp rurali – inkluż l-ammont li jista’ possibbilment jintuża għall-miżuri ta' mmaniġġar tar-riskji u l-kriżijijet.

    Miżuri ġodda ta’ mmaniġġar tar-riskji kkofinanzjati mill-punt wieħed ta’ perċentwal ta’ modulazzjoni jimmiraw lejn titjib fil- kompetittività tas-setturi agrikoli u forestarji billi jsaħħu s-sostennibilità ekonomika ta’ l-impriżi agrikoli. Dawn għalhekk iwessgħu l-kamp ta' applikabilità ta’ “Priority Axis 1” tal-proposta tal-Kummissjoni għal regolament ġdid dwar l-iżvilupp rurali. Huwa f’dan il-kuntest li l-Istati Membri jkollhom l-għażla li jintroduċu miżuri ġodda ta’ mmaniġġar tar-riskji u l-kriżijiet fil-programmi tagħhom ta’ żvilupp rurali.

    Taħt ir-Regolament Finanzjarju l-ġdid, u b’mod partikolari l- prinċipju ta’ annwalità , is-sistema l-ġdida ta’ modulazzjoni obbligatorja m’għadhiex tippermetti li l-Istati Membri jżommu l-fondi sabiex jerġgħu jqassmuhom fis-snin ta' wara.

    Bl-użu tal-modulazzjoni sabiex jiġu ffinanzjati strumenti ġodda ta’ mmaniġġar tar-riskji u l-kriżijiet ma' jkunx jeħtieġ infiq Komunitarju addizzjonali; dan sempliċiment jagħmilha possibbli għall-Istati Membri li jużaw ammont massimu ta’ fondi ta' żvilupp rurali għal dawn l-għanijiet. L-użu ta’ għajnuniet mill-istat jew żidiet ma’ din it-tip ta’ miżura għandhom ikunu suġġetti għar-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni applikabbli.

    Il-politika ta’ l-UE dwar l-iżvilupp rurali tfasslet sabiex tkun konformi b’mod sħiħ mal-kriterji “ green box ” stabbiliti mid-WTO. Konsegwentement, kwalunkwe miżura addizzjonali ffinanzjata taħt il-modulazzjoni għandha wkoll tkun konformi mal-kriterji “green box”.

    F’dan il-kuntest, f’kull każ, l-ammonti użati għall-immaniġġar tar-riskji u l-kriżijiet għandhom ikunu limitati għal punt wieħed ta’ perċentwal ta’ modulazzjoni fl-Istati Membri fejn il-modulazzjoni hija applikata. Fil-każ ta’ Stati Membri fejn il-modulazzjoni għadha ma tapplikax jista’ jiġi applikat metodu ekwivalenti li jiffissa l-livell massimu ta' fondi għall-iżvilupp rurali li jistgħu jiġu allokati għal dawn il-miżuri.

    3.3 Alternattivi ġodda ta’ għodod għall-immaniġġar tar-riskji u l-kriżijiet

    Il-Kummissjoni tissuġerixxi li l-potenzjal ta' tliet alternattivi għandu jiġi evalwat, mil-lati li waħedhom jew flimkien, b’mod sħiħ jew parzjali jissostitwixxu l-miżuri ta’ emerġenza ad hoc tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri. Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew u Istituzzjonijiet oħra ta’ l-UE sabiex jiddiskutu l-alternattivi li ġejjin hawn taħt, li se jitfasslu b'konformità mal-kriterji “green box” tad-WTO. Jekk jiġu introdotti fil-lista ta' miżuri għall-iżvilupp rurali, dawn l-alternattivi jkunu għad-dispożizzjoni ta’ l-Istati Membri u tar-reġjuni sabiex jutilizzawhom, skond il-prijoritajiet speċifiċi tagħhom għall-perjodu ta' pprogrammar li jmiss.

    Indipendentement minn kull deċiżjoni dwar l-alternattivi li ġejjin hawn taħt, il-kawżi ta’ żvilupp pjuttost batut u l-użu ta’ għodod għall-immaniġġar tar-riskji bbażati fuq is-suq (assigurazzjoni, is-suq tal- futures , il-biedja kkuntrattata) jistgħu jiġu indirizzati b’miżuri ta’ taħriġ fi ħdan programmi għall-iżvilupp rurali. Dan jgħin sabiex itejjeb il-kuxjenza dwar ir-riskji attwali, itejjeb l-istrateġiji ta’ mmaniġġar tar-riskji u jipprovdi l-għarfien, per eżempju dwar l-użu ta’ futures u options , li wkoll jistgħu jwasslu għal użu usa’ ta’ kuntratti bejn l-industrija alimentari, il-kummerċjanti u l-bdiewa.

    Alternattiva 1: Assigurazzjoni kontra d-diżastri naturali – Parteċipazzjoni finanzjarja fil-ħlasijiet tal-primjum tal-bdiewa

    L-assigurazzjoni tipprovdi alternattiva għall-ħlasijiet ta’ kumpens ex-post pubbliċi għal telf ikkawżat minn diżastri naturali fil-livelli ta’ l-UE, u f’dak nazzjonali jew reġjonali. Ċerti Stati Membri diġà stabbilixxew skemi nazzjonali sabiex jinkoraġġixxu lill-bdiewa sabiex jakkwistaw kopertura assigurattiva kontra tali avvenimenti.

    Miżura ġdida, li hi eliġibbli taħt ir-regolament għall-iżvilupp rurali, tista’ għalhekk tipprovdi kontribut finanzjarju lejn il-primjums imħallsa mill-bdiewa għall-assigurazzjoni kontra telf ta' dħul ikkawżat minn diżastru naturali jew mard.

    L-ammont mogħti lil kull bidwi taħt miżura bħal din mill-appoġġ ta' l-UE u dak nazzjonali/reġjonali m'għandhiex tisboq il-50% tal-prezz totali tal-primjum għall assigurazzjoni in kwistjoni.

    Sabiex ikunu eliġibbli għal appoġġ mill-fondi għall-iżvilupp rurali, l-iskemi ta' assigurazzjoni kontra d-diżastri għandhom ikunu konformi mal-linjigwida ta’ l-UE dwar l-għajnuna agrikola mill-istat u r-rekwiżiti tal-“green box” tad-WTO. Skemi ta’ assigurazzjoni eliġibbli għal kofinanzjament jiddeterminaw il-livell ta’ kumpens għal telf fil-produzzjoni, minħabba d-diżastru naturali in kwistjoni, li jaqbżu t-30% tal-produzzjoni agrikola medja tul il-perjodu tat-tliet snin preċedenti, jew medja ta’ tliet snin ibbażata fuq il-perjodu tal-ħames snin preċedenti, bl-esklużjoni ta’ l-ogħla u l-anqas reġistrazzjoni. Din il-miżura tirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu sistema riferenzarja storika fil-livell ta' l-istabbilimenti agrikoli.

    Il-ħlasijiet ta’ l-assigurazzjoni għandhom jikkumpensaw mhux aktar minn 100% tad-dħul mitluf, fil-livell tal-benefiċjarju, fis-sena li fiha jkun seħħ id-diżastru. Il-ħlas m’għandux jitlob jew jispeċifika t-tip jew il-kwantità ta' produzzjoni futura. Jekk id-diżastru naturali, flimkien ma l-assigurazzjoni, iġib miegħu eliġibbiltà għal kumpens pubbliku ieħor, il-kumpens globali mill-iskemi kollha m’għandux jisboq il-100% tat-telf ta’ dħul fis-sena li fiha jkun seħħ id-diżastru.

    Billi bosta riskji agrikoli normalment jolqtu għadd kbir ta’ stabbilimenti agrikoli (riskju sistemiku) il-kumpaniji ta’ l-assigurazzjoni jridu jixtru ri-assigurazzjoni relattivament għalja. Din hi waħda mir-raġunijiet għaliex is-swieq privati għall-assigurazzjoni agrikola mhumiex żviluppati sew. Għalhekk, miżura ta’ politika li ttejjeb l-aċċess għar-ri-assigurazzjoni tista' wkoll tgħin sabiex jiżviluppaw skemi privati ta' assigurazzjoni agrikola. Bħala alternattiva għall-appoġġ tal-primjums ta’ l-assigurazzjoni, l-inkoraġġiment ta’ skemi nazzjonali ta’ ri-assigurazzjoni jistgħu jiġu eżaminati wkoll. Fil-livell nazzjonali, flimkien ma’ arranġamenti ta’ koassigurazzjoni bejn kumpaniji ta’ l-assigurazzjoni privati, il-gvernijiet jistgħu 1) joffru ri-assigurazzjoni sħiħa bi prezzijiet imraħħsa, 2) joffru parti mir-ri-assigurazzjoni neċessarja bla ħlas, biex b'hekk inaqqsu l-bżonn globali tal-kumpanija ta' l-assigurazzjoni għal ri-assigurazzjoni, u 3) ikunu msieħba għar-ri-assigurazzjoni permezz ta' ftehim stop loss .

    Alternattiva 2: Appoġġ għal fondi reċiproki ( mutual funds )

    Fondi reċiproki huma mod kif ir-riskju jinqasam fost gruppi ta' produtturi li jridu li jieħdu r-responsabilità għall-immaniġġar tar-riskji tagħhom stess. Il-kapital tal-fond jista’ jintalab mill-membri fil-każ ta’ telf ta’ dħul serju li għandu jkun speċifikat b’regoli predefiniti.

    Sa issa fondi reċiproki agrikoli, stabbiliti fuq inizjattiva privata, twaqqfu primarjament fuq il-livell ta' setturi speċifiċi, fejn il-produtturi jaqsmu flimkien riskji paragunabbli. Minkejja li attwalment dawn mhumiex disponibbli għall-impriżi agrikoli kollha huma għandhom il-potenzjal li jiżviluppaw f’għodda aktar komuni għall-immaniġġar tar-riskji li tkopri telf ta' dħul.

    B’dan f’moħħha, il-Komunità tista’ tipprevedi li tipprovdi appoġġ għall-iżvilupp ta’ fondi reċiproki fis-settur agrikolu. Taħt din l-alternattiva, jista’ jingħata appoġġ temporanju u digressiv għall-operat amministrattiv għal kull bidwi li jipparteċipa f'fondi rikonoxxuti formalment mill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru.

    Alternattiva 3: Provvista ta’ kopertura bażika kontra kriżijiet ta’ dħul finanzjarju

    Bil-konċentrazzjoni tar-riforma CAP fuq l-istabbilizzazzjoni tad-dħul u d-diżakkoppjar ta' l-appoġġ mill-produzzjoni agrikola, jidher li metodu ġeneralizzat li jirreaġixxi għall-kriżijiet ta’ dħul ikun aktar adatt minn kull metodu speċifiku settur b’settur. Kopertura aktar ġenerali kontra l-kriżijiet li jwasslu għal telf ta’ dħul serju tippermetti li d-dispożizzjonijiet eżistenti ta' ‘xibka tas-sigurtà’ jiġu ssimplifikati aktar u li jittejjeb il-bilanċ bejn setturi agrikoli differenti.

    Orjentazzjoni aħjar tas-suq u produzzjoni ta’ kwalità, kif promossi bir-riforma CAP, ifissru li ħafna bdiewa fl-UE se jkollhom jinvestu sostanzjalment fir-ristrutturar. Programmi ta’ żvilupp rurali se jkunu disponibbli sabiex isostnu l-aġġustamenti strutturali. Madankollu, jekk l-iskop tal-miżuri ta’ żvilupp rurali ikun insuffiċjenti, ikollha titqajjem il-kwistjoni ta’ strumenti ġodda sabiex jindirizzaw sitwazzjonijiet fejn iseħħu problemi ta’ likwidità u telf serju ta’ dħul. Kwalunkwe miżuri ta’ dan it-tip għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

    - huma għandhom ikun miftuħa għall-bdiewa kollha milquta minn kriżi;

    - il-bdiewa jistgħu jkunu eliġibbli biss għal ħlasijiet ta’ appoġġ għal-likwidità jekk id-dħul tagħhom mill-agrikoltura f’sena speċifika jkun ta’ anqas minn 70% tad-dħul gross medju jew l-ekwivalenti ta’ dan f’termini ta’ dħul nett tul il-perjodu tat-tliet snin preċedenti, jew medja ta’ tliet snin ibbażata fuq il-perjodu tal-ħames snin preċedenti, bl-esklużjoni ta’ l-ogħla u l-anqas reġistrazzjoni;

    - l-ammont tal-ħlasijiet għandu jikkumpensa għal anqas minn 70% tat-telf ta’ dħul tal-produttur tul is-sena li fiha l-produttur isir eliġibbli li jirċievi l-assistenza għad-dħul;

    - l-ammont tal-ħlasijiet ta’ stabbilizzazzjoni tad-dħul għandhom jintrabtu biss mad-dħul, dan m’għanadux ikollu x’jaqsam mat-tip jew il-volum ta’ produzzjoni tal-produttur speċifiku; jew mal-prezzijiet, domesitiċi jew internazzjonali, li japplikaw għat-tali produzzjoni; jew mal-fatturi ta’ produzzjoni applikati;

    - fejn il-produttur jirċievi ħlasijiet minn skemi ta’ kumpens oħrajn, p.eż. għal għajnuna f' każijiet ta' diżastri naturali, il-ħlas totali għandu jkun ta’ anqas minn 100% tat-telf.

    Din il-miżura tkun teħtieġ qbil fuq definizzjoni preċiża ta’ x’inhu dħul abbażi tal- kontabilità u li l-Istati Membri jistabbilixxu sistema ta’ dħul riferenzarju fil-livell ta' l-istabbilimenti agrikoli.

    Fl-aħħarnett, sabiex tkun iggarantita il-kompetizzjoni ġusta mal-Komunità kollha, il-possibilità li wieħed jutilizza għajnuna mill-istat jew żidiet f’dan il-kuntest għandha tkun evalwata b’attenzjoni mill-Kummissjoni.

    [1] “Risk Management Tools for EU Agriculture” – Dokumenti ta’ Ħidma tad-DĠ AGRI: http://europa.eu.int/comm/agriculture/publi/insurance/index_en.htm.

    [2] ĠU C 34, tas-7.2.2004, pġ. 2.

    [3] L-Artikolu 38 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999 (ĠU L 160, tas-26.6.1999, pġ. 21).

    Top