Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52004PC0381

    Proposta għal Deċiżjoni tal-kunsill li tiddeskrivi fil-qosor it-trattament ġenerali għar-riallokazzjoni tar-riżorsi skond ir-Regolament (KE) Nru 1267/1999 li jwaqqaf Strument għall-Politika Strutturali għal Qabel l-Adeżjoni

    /* KUMM/2004/0381 finali */

    52004PC0381

    Proposta għal Deċiżjoni tal-kunsill li tiddeskrivi fil-qosor it-trattament ġenerali għar-riallokazzjoni tar-riżorsi skond ir-Regolament (KE) Nru 1267/1999 li jwaqqaf Strument għall-Politika Strutturali għal Qabel l-Adeżjoni /* KUMM/2004/0381 finali */


    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tiddeskrivi fil-qosor it-trattament ġenerali għar-riallokazzjoni tar-riżorsi skond ir-Regolament (KE) Nru 1267/1999 li jwaqqaf Strument għall-Politika Strutturali għal Qabel l-Adeżjoni

    (preżentata mill-Kummissjoni)

    MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

    Il-Kunsill Ewropew ta' Kopenhagen tat-12 u t-13 ta' Diċembru 2002 approva r-riżultati tan-negozjati li se jirriżultaw fl-adeżjoni fil-Komunità fl-2004 ta' tmien pajjiżi li bħalissa qed jibbenifikaw mid-dispożizzjonjiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 1267/1999. Konsegwentement, fil-perjodu ta' bejn l-2004 u l-2006, il-Bulgarija u r-Rumanija biss se jkomplu jibbenifikaw mill-obbligi taħt dan ir-Regolament.

    Aktar minn hekk, bl-approvazzjoni tar-roadmaps għall-Bulgarija u r-Rumanija proposti mill-Kummissjoni [KUMM(2002)624 finali], il-Kunsill Ewropew ta' Kopenhagen qabel fuq żieda sinjifikanti ta' assistenza qabel l-adeżjoni. F'dak li jirrigwarda ż-żieda tar-riżorsi finanzjarji, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddeċidew fid-19 ta' Mejju 2003 li jaġġustaw il-perspettivi finanzjarji għat-tkabbir (ĠU L 147, tal-14 ta' Ġunju 2003, paġna 25).

    B'relazzjoni għad-diviżjoni ta' l-allokazzjoni finanzjarja bejn il-Bulgarija u r-Rumanija għad baqa' l-ħtieġa li jiġi adottat att li jkun jorbot legalment. Fil-każ ta' l-ISPA dan l-att għandu jkun adottat skond l-Artikolu 15, it-tieni subparagrafu tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1267/1999, li jipprovdi li: "Il-Kunsill permezz ta' maġġoranza kwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jieħu deċiżjoni fuq kif għandha ssir ir-riallokazzjoni".

    Għalhekk, il-Kunsill huwa mitlub li jadotta l-abbozz tal-proposta mehmuż għad-deċiżjoni tal-Kunsill li jfassal l-istrateġija ġenerali għar-riallokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji disponnibbli għall-istrument ISPA bejn ir-Rumanija u l-Bulgarija, kif ipprovdut fl-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 1267/1999.

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tiddeskrivi fil-qosor it-trattament ġenerali għar-riallokazzjoni tar-riżorsi skond ir-Regolament (KE) Nru 1267/1999 li jwaqqaf Strument għall-Politika Strutturali għal Qabel l-Adeżjoni

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidra ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1267/1999 tal-21 ta' Ġunju 1999 li jwaqqaf Strument għall-Politika Strutturali għal Qabel l-Adeżjoni [1], u b'mod partikolari it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 15 tiegħu,

    [1] ĠU L 161, tas-26.6.1999, p.73. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2500/2001 (ĠU L 342, tas-27/12/2001, p.1)

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [2],

    [2] ĠU C , , p.

    Billi:

    (1) Il-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen tat-12 u t-13 ta' Diċembru 2002 approva uffiċjalment ir-riżultati tan-negozjati li ser jirriżultaw fl-adeżjoni mal-Komunità fl-2004 ta' tmien pajjiżi li preżentament jibbenifikaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 1267/1999. Konsegwentament, matul il-perjodu mill-2004 sa l-2006, il-Bulgarija u r-Rumanija biss ser ikomplu jibbenifikaw mill-obbligi skond dak ir-Regolament.

    (2) Bl-approvazzjoni uffiċjali tar-"roadmaps" proposti mill-Kummissjoni għall-Bulgarija u r-Rumanija, il-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen ftiehem, b'mod ta' trattament ġenerali għar-riallokazzjoni, li l-proporzjon għar-riallokazzjoni għandu jkun iffissat fi 30/70, rispettivament, skond il-programm Phare mwaqqaf bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3906/89 tat-18 ta' Diċembru 1989 dwar l-għajnuna ekonomika għar-Repubblika ta' l-Ungerija u r-Repubblika tal-Poplu Pollakk [3], il-programm speċjali ta' l-adeżjoni għal żvilupp agrikolu u rurali (SAPARD) mwaqqaf bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1268/1999 tal-21 ta' Ġunju 1999 [4] u l-Istrument għall-Politika Strutturali għal Qabel l-Adeżjoni (ISPA), mwaqqaf bir-Regolament Nru 1267/1999.

    [3] ĠU L 375, tat-23.12.1989, p.11. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Reoglament tal-Kunsill (KE) Nru 807/2003 (ĠU L 122 , tas-16.5.2003, p.36)

    [4] ĠU L 161, tas-26.6.1999, p.87

    (3) Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1267/1999, il-proporzjon ieqis l-bżonn u l-kapaċità tal-Bulgarija u r-Rumanija li jassorbu l-assistenza, kif ukoll tal-kriterji stipulati fl-Artikolu 4 ta' dak ir-Regolament.

    (4) Peress illi l-proporzjon 70/30 japplika għall-perjodu sħiħ ta' tlett snin mill-2004 sa l-2006, huwa xieraq tkun permessa allokazzjoni indikattiva tar-riżorsi totali fuq bażi annwali konsistenti ma' dak il-proporzjon.

    (5) Konsegwentament, it-trattament ġenerali għar-riallokazzjoni bejn il-pajjiżi benefiċjarji li baqa', jiġifieri l-Bulgarija u r-Rumanija, għandu jkun li l-proporzjon 70/30 għandu japplika għall-perjodu sħiħ ta' tlett snin mill-2004 sa l-2006, u allokazzjoni indikattiva tar-riżorsi totali għandha tkun determinata fuq bażi annwali skond fourchette li jirrifletti dak il-proporzjon ġenerali.

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu Waħdani

    B'mod ta' trattament ġenerali għall-perjodu ta' tlett snin mill-2004 sa l-2006, ir-riżorsi skond ir-Regolament (KE) Nru 1267/1999 għandhom jiġu riallokati bejn ir-Rumanija u l-Bulgarija skond proporzjon ta' 70/30, rispettivament, applikabbli għal dak il-perjodu sħiħ.

    Matul il-perjodu ta' tlett snin msemmi fl-ewwel paragrafu, l-allokazzjoni annwali ta' riżorsi skond ir-Regolament (KE) Nru 1267/1999 għandha tkun determinata abbażi ta' proporzjon indikattiv ta' 65% sa 75% tar-riżorsi totali fil-każ tar-Rumanija u 25% sa 35% tar-riżorsi totali fil-każ tal-Bulgarija.

    Magħmul fi Brussel,

    Għall-Kunsill

    Il-President

    Top