Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52004DC0453

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar it-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira {SEC(2004) 875}

    /* KUMM/2004/0453 finali */

    52004DC0453

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar it-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira {SEC(2004) 875} /* KUMM/2004/0453 finali */


    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar it-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira {SEC(2004) 875}

    1. Sfond

    Il-Kummissjoni ppreżentat Komunikazzjoni dwar it-Trasport bil-Baħar [1] fuq Distanza Qasira fl-1995 u rapport ta' progress fl-1997 [2]. Komunikazzjoni ulterjuri fl-1999 [3] inkorporat it-tieni rapport dwar il-progress. Analizzat ukoll numru ta' ostakoli li jfixklu l-iżvilupp tat-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira u kienet favur metodu ta' ħidma bieb bieb b'post wieħed fejn tinqeda (one stop shop) sabiex tippromwovi dan il-mod ta' trasport.

    [1] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Iżvilupp tat-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira fl-Ewropa - Prospetti u Sfidi, COM (95) 317 finali, 5.7.1995.

    [2] Dokument ta' Ħidma ta' l-Istaff tal-Kummissjoni: Rapport ta' Progress mis-Servizzi tal-Kummissjoni wara r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar it-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira tal-11 ta' Marzu 1996, SEC(97) 877, 6.5.1997

    [3] L-Iżvilupp tat-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira fl-Ewropa: Alternattiva Dinamika f'Katina ta' Trasport Sostenibbli - It-tieni Rapport ta' Progress Bijennali, COM (1999) 317 finali, 29.9.1999.

    Aktar minn hekk fl-2001 il-Karta Bajda tal-Kummissjoni dwar il-Politika Ewropea tat-Trasport għall-2010 [4] stabbiliet numru ta' miri ambizzjużi sabiex tiżgura l-kompetittività u l-mobbiltà sostenibbli fl-Ewropa.

    [4] Karta Bajda dwar il-Politika Ewropea ta' Trasport għall-2010; Żmien ta' Deċiżjoni, COM (2001) 370, 12.9.2001.

    F'Ġunju ta' l-2002 il-Ministri tat-Trasport ta' l-Unjoni Ewropea kellhom laqgħa nformali f'Gijón (Spanja) interament dedikata għat-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira. Wara din il-laqgħa, il-Kummissjoni ppreparat Programm għall-Promozzjoni tat-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira [5]. Il-programm jistabbilixxi 14-il azzjoni li għandhom l-iskop li jtejbu t-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira u li jneħħu l-ostakoli għall-iżivilupp tiegħu.

    [5] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Programm għall-Promozzjoni tat-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira, COM(2003) 155 finali, 7.4.2003.

    Il-Kummissjoni issa qed tippreżenta Komunikazzjoni ulterjuri dwar it-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira fl-Ewropa li jissottolinja l-progress li sar mill-1999 u jorbtu mal-Programm dwar il-Promozzjoni tat-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira (ara l-Anness II).

    2. It-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira qed Jikber

    Fl-aħħar rapport ta' progress, aħna eżaminajna l-potenzjal tat-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira. Madanakollu, fil-frattemp irrealizzajna li dan huwa ferm aktar minn sempliċi potenzjal. Per eżempju, fid-disgħinijiet dan kien l-uniku metodu ta' trasport li ġie ppruvat li seta' jlaħħaq mat-tkabbir b'saħħtu fit-trasport bit-toroq. Bejn l-1995 u l-2002 ir-rendiment tunnellata-kilometru kemm tat-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira u tat-toroq kiber b'25%. Fl-2001, it-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira kellu 40% tat-tunnellati-kilometri kolha fl-Ewropa filwaqt li s-sehem tat-trasport bl-art kien ta' 45% [6] Għal aktar dettalji, ara l-Anness II.

    [6] Figuri ta' l-UE dwar l-Enerġija u t-Trasport: Ktejjeb ta' l-Istatistika ta' l-2003.

    Ma hemm l-ebda dubju li t-trasport tal-passiġġieri huwa parti importanti mit-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira u li dan jgħin sabiex tiżdied il-koeżjoni. Madanakollu, peress illi l-mira ewlenija tal-promozzjoni tat-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira huwa li jintlaħaq xi forma ta' trasferiment lejn metodu ieħor ta' trasport ta' l-oġġetti, u peress illi l-potenzjal li titnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku billi l-passiġġieri jgħaddu minn fuq l-art għal fuq il-baħar jidher li huwa marġinali xħin imqabbel mal-ġarr tal-merkanzija, din il-Komunikazzjoni tikkonċentra fuq it-trasport ta' l-oġġetti.

    3. Benefiċċji u Nuqqasijiet Ambjentali

    It-trasport bil-baħar għandu effiċjenza enerġetika ogħla mill-metodi l-oħrajn ta' trasport u, f'termini ġenerali huwa anqas ta' ħsara għall-ambjent. Iż -żieda fl-użu tat-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira ġeneralment ikun konformi mal-politiki tal-Komunità dwar it-trasport u l-ambjent (ara l-Anness III).

    4. Negħlbu l-Ostakoli għall-Iżvilupp tat-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira

    Kif intqal fil-Komunikazzjoni ta' l-1999 u l-Programm ta' l-2003 dwar il-Promozzjoni tat-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira sussegwenti, fadal numru ta' ostakoli li jtellfu milli dan il-metodu ta' trasport milli jiżviluppa aktar malajr:

    * Għadu ma laħaqx integrazzjoni sħiħa fil-katina tal-provvista bieb-bieb b'mezzi ta' trasport differenti;

    * Għadu ma nfiridx mit-tikketta ta' industrija antikwata;

    * Jinvolvi proċeduri amministrattivi kkumplikati;

    * Jitlob efiċċjenza għolja fil-portijiet.

    L-iżvilupp tat-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira huwa kompitu ewlieni ta' l-industriji. Madanakollu, l-awtoritajiet għandhom rwol ċar x'jilgħabu fil-ħolqien ta' qafas xieraq u ż-żamma kontinwa ta' dan il-metodu ta' trasport fuq quddiem fl-aġenda politika, kif sar tul dawn l-aħħar snin.

    Il-katina ta' loġistika li tinvolvi t-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira trid tkun immaniġġjata u negozjata minn one-stop shops bħal integraturi tal-merkanzija [7]. Dawn il-postijiet għandhom joffru lill-konsumaturi punt wieħed ta' kuntatt li jassumi r-responsabbiltà għall-katina tal-provvista bieb bieb kollha bil-mezzi ta' trasport differenti. Dan jitlob sforzi mill-partijiet kollha iżda hija dejjem sitwazzjoni ta' vantaġġ.

    [7] Ara http://europa.eu.int/comm/transport/logistics/index_en.htm

    4.1. "Eżerċizzju li jnaqqas il-Konġestjoni"

    Il-Kummisssjoni, f'kooperazzjoni mal-Punti Fokali tat-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira [8], ilha tiġbor lista ta' ostakoli li jtellfu l-iżvilupp tat-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira [9]. Fl-2003, ġew dedikati żewġ laqgħat sabiex jindirizzaw dawk il-punti ta' konġestjoni wieħed wieħed fil-kategoriji li ġejjin:

    [8] Għal aktar dettalji fuq il-Punti Fokali tat-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira, ara l-kapitolu 7.1.

    [9] Ara http://europa.eu.int/comm/transport/maritime/sss/policy_bottlenecks_en.htm.

    * Stampa tat-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira;

    * Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira bieb bieb;

    * Amministrazzjoni u dokumentazzjoni;

    * Portijiet u servizzi tal-port;

    * Materji tal-pajjiżi partikolari.

    Numru ta' postijiet ta' konġestjoni fuq il-lista oriġinali ġew solvuti (ara l-Anness IV għal eżempji). Ix-xogħol fuq is-67 punt ta' konġestjoni li fadal ser jibqa' għaddej b'mod sistematiku.

    4.2. Proċeduri Doganali għat-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira

    Fl-2002 il-Kummissjoni ppreżentat Gwida dwar il-Proċeduri Doganali għat-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira [10]. Il-Gwida għandha żewġ skopijiet. L-ewwel nett hija tidentifika r-regoli ta' l-UE fuq id-Dwana li japplikaw għat-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira, inklużi l-opportunitajiet li hemm disponibbli sabiex jintużaw proċeduri tad-Dwana sempliċi. U, it-tieni din tipprovdi bażi konċiża għall-identifikazzjoni ta' ħtiiġijiet konkreti għal modifiki jew simplifikazzjonijiet ulterjuri.

    [10] Dokument ta' Ħidma ta' l-Istaff tal-Kummissjoni: Gwida għall-Proċeduri tad-Dwana għat-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira, SEC(2002) 632, 29.5.2002.

    Il-konsultazzjonijiet madwar l-Ewropa fuq il-Gwida spiċċaw f'April 2003 u l-ewwel analiżi tal-kontribuzzjonijiet urew li l-problemi konkreti assoċjati mar-regoli ġenerali ta' l-UE dwar id-Dwana jistgħu jkunu ħafna anqas milli wieħed kien jaħseb. Il-kummenti prinċipali ffokaw fuq l-hekk imsejjaħ "Servizz Regolari Awtorizzat ta' Trasport bil-Baħar" [11] li huwa servizz awtorizat mid-Dwana sabiex jinġarru oġġetti tal-Komunità bejn żewġ Stati Membri b'minimu ta' formalitajiet. Fil-fatt, għall-oġġetti tal-Komunità, dan is-servizz jista' jitqabbel ma' pont bejn żewġ jew aktar punti fit-territorju tad-Dwana tal-Komunita fejn m'hemm l-ebda kontrolli fuq tad-Dwana fuq iż-żewġ naħat tal-pont. L-istat ta' l-oġġetti tal-Komunità trasportati fuq dan is-servizz m'hemmx bżonn li jiġi ppruvat aktar milli fil-każ tat-trasport bit-toroq. Għal oġġetti mhux mill-Komunità, dan is-servizz jista' japplika għall-proċeduri simplifikati ta' transitu, bħall-użu tad-dikjarazzjonijiet tal-persuna li tipprovdi s-servizz stess għal finijiet ta' Dwana.

    [11] Cf. Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 75/98 tat-12 ta' Jannar 1998, ĠU L 7.13.1.1998, p.3 kif sussegwentement emendat.

    Sabiex jiġu ndirizzati domandi marbuta mas-Servizz Regolari Awtorizzat ta' Trasport bil-Baħar u l-applikazzjoni prattika tiegħu, u t-tnaqqis tal-burokrazija, il-Kummissjoni f'Marzu ta' l-2004 ippreżentat Dokument ta' Ħidma [12] fejn spjegat it-tipi differenti ta' servizz u l-proċeduri dwar kif wieħed isir Servizz Regolari Awtorizzat ta' Trasport bil-Baħar. Id-Dokument jipprovdi risposta diretta lill-industrija tat-trasport bil-baħar billi jirrendi s-servizz aktar magħruf u aċċessibbli mill-kumpaniji li jistgħu jibbenefikaw minnu.

    [12] Dokument ta' Ħidma ta' l-Istaff tal-Kummissjoni: Proċeduri Doganali għat-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira 'Servizz Regolari Awtorizzat ta' Trasport bil-Baħar', SEC(2004) 333, 17.3.2004.

    Xi problemi fil-kontribuzzjonijiet kienu ta' natura purament prattika u setgħu ħafna drabi jiġi simplifikati jew solvuti bl-introduzzjoni tat-trasferiment elettroniku ta' data tad-Dwana u data amministrattiva oħra (e-Customs).

    Bħala wieħed mill-ewwel passi fl-e-Customs, xi 3000 uffiċjal tad-Dwana fi 22 pajjiż issa implementaw is-Sistema l-Ġdida ta' Transitu Kompjuterizzat (NCTS) sa minn nofs l-2003. Taħt is-sistema attwali, il-proċedura marbuta mat-trasport skond id-dokument amministrattiv uniku (SAD) qed jiġi mibdul minn messaġġi elettroniċi. Huma ppjanati funzjonalitajiet addizzjonali li ser jiġu introdotti fl-NCTS fil-futur.

    Il-Kummissjoni f' Lulju ta' l-2003 ippreżentat Komunikazzjoni dwar ambjent sempliċi u mingħajr dokumenti għad-Dwana u l-Kummerċ [13]. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet differenti li jitilgħu fuq il-vapur. Dan jista' finalment iwassal għal one-stop shops amministrattivi (jew single windows) għall-kummerċjanti li mbagħad ikollhom jinnegozjaw ma' korp amministrattiv wieħed biss minnflok ma tlieta jew erbgħa kif inhu l-każ bħalissa. Għaldaqstant, l-informazzjoni marbuta ma' konsenja impurtata partikolari trid tintbgħat darba biss.

    [13] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: Ambjent sempliċi u mingħajr dokumenti għad-Dwana u l-Kummerċ, COM(2003) 452 finali, 24.7.2003.

    Il-Komunikazzjoni tissuġġerixxi wkoll l-aġġustament fil-Kodiċi tad-Dwana sabiex d-dikjarazzjonijiet elettroniċi u l-messaġġi jsiru r-regola u d-dikjarazzjonijiet fuq karta l-eċċezzjoni. Sabiex jinkiseb dan, madanakoillu, irid jgħaddi ż-żmien minħabba li l-flussi meħtieġa ta' data u jiġu stabbiliti ssystemi kompatibbli ta' l-IT.

    Numru ta' problemi li kienu ndikati fil-konsultazzjonijiet kienu marbuta ma' l-applikazzjoni nazzjonali, reġjonali jew lokali tar-regoli Doganali tal-Komunità. Xi wħud minn dawn il-materji jistgħu jiġu ndirizzati taħt l-inizzjattivi intiżi sabiex japprossimaw l-applikazjonijiet nazzjonali tar-Regoli Doganali tal-Komunità u sabiex itejbu l-kooperazzjoni bejn is-servizzi nazzjonali tad-Dwana, b'mod partikolari permezz tal-programm ta' azzjoni fil-Komunità (Dwana 2007) [14] Aktar minn hekk, żewġ gruppi ta' kuntatt [15] ta' l-uffiċċji tad-Dwana qed jaħdmu sabiex iżidu l-kooperazzjoni prattika bejn l-uffiċċji tad-Dwana tal-portijiet prinċipali ta' l-UE. Dawn il-Gruppi jeżaminaw materji prattiċi ta' tħaddim, jistabbilixxu l-istandards u jimmiraw sabiex jiksbu applikazzjoni ekwivalenti tal-kontrolli.

    [14] Deċiżjoni Nru 253/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2003 li adottat programm ta' azzjoni għad-dwana fil-Komunità (Dwana 2007), ĠU L 36, 12.2.2003, p.1.

    [15] RALFH li jkopri l-portijiet ewlenin tat-Tramuntana ta' l-UE u ODYSSUD li jkopri l-portijiet ewlenin tan-nofsinhar ta' l-UE.

    Fuq il-konsultazzjonijiet u l-iżviluppi ulterjuri fil-qasam tad-Dwana, il-Kummissjoni taġġorna perjodikament il-Gwida dwar il-Proċeduri Doganali għat-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira l-ġdida. L-aħħar verżjoni ta' din il-Gwida hija l-verżjoni Nru 3, aġġornata fl-14 ta' Jannar 2004.

    4.3. Servizzi tal-Port u Sigurtà

    It-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira jeħtieġ portijiet effiċjenti u akkoljenti kemm jekk dawn ikunu portijiet fuq il-baħar, fi gżejjer jew portijiet tax-xmajjar. Jeħtieġ ħinijiet ta' xogħol raġonevoli, u proċeduri u tariffi trasparenti. Huwa biss b'portijiet li jaħdmu mingħajr intoppi fil-katina ta' mezzi differenti trasport, li t-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira jista' jkabbar ir-rwol veru tiegħu fl-Ewropa. U dawn il-kundizzjonijiet mhux dejjem qed jintlaħqu.

    Konsegwentement, il-Kummissjoni fl-2001 għamlet proposta dwar l-aċċess għas-suq tas-servizzi tal-port [16] fl-Unjoni Ewropea. Din il-proposta hija ndirizzata sabiex iżżid l-effiċjenza u tnaqqas l-ispejjeż ta' ċerti servizzi tal-portijiet: pilotaġġ, irmunkar, irmiġġ, servizzi lill-passiġġieri u t-tagħbija tal-merkanzija.

    [16] Proposta ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess għas-suq tas-servizzi tal-portijiet COM(2001) 35 finali, 13.2.2001, kif emendata bil-COM(2002) 101 finali, 19.2.2002.

    Madanakollu, l-Parlament Ewropew ivvota kontra t-test propost wara l-konċiljazzjoni mal-Kunsill. Konsegwentement, il-kompetizzjoni fis-suq tas-servizzi tal-port għadha anqas minn kif kienet tkun b'Direttiva speċifika.

    Fil-qasam tas-sigurtà tal-portijiet, it-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira jista' jibbenefika mill-opportunità fil-Konvenzjoni SOLAS (Sigurtà tal-Ħajja fuq il-Baħar) sabiex jinkludi ftehim bilaterali jew multilaterali bejn l-Istati Membri dwar l-arranġamenti alternattivi fuq is-sigurtà (ara l-Anness V).

    4.4. Unità ta' Kejl tat-Tagħbija

    L-armonizzazzjoni u l-istandardizzazzjoni ta' l-unitajiet ta' kejl tat-tagħbija jistgħu jkollhom influwenza pożittiva fuq it-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira, per eżempju, billi jippermettu li dan it-tip ta' trasport jippenetra s-suq tat-trasport bl-art biss u tal-kontenituri kbar li jistgħu jinqalgħu u jitpoġġew fuq vettura oħra (ara l-Anness VI).

    5. Toroq tal-Baħar

    Il-Karta Bajda dwar il-Politika Ewropea ta' Trasport għall-2010 enfasizzat bil-kbir il-kunċett ta' "Toroq tal-Baħar". Dawn it-Toroq tal-Baħar għandhom isiru parti min-network trans-Ewropew (TEN-T) - bl-istess mod tat-toroq u l-linji tal-ferrovija - u jnaqqsu l-konġestjoni fuq it-toroq u/jew itejbu l-aċċess għar-reġjuni u l-Istati periferali jew gżejjer. Minn barra li jnaqqsu n-numru ta' trakkijiet fuq it-toroq prinċipali, huma jistgħu wkoll f'ċerti każijiet jikkontribwixxu għaż-żieda fit-trasport tal-passiġġieri bil-baħar peress illi l-bastimenti jistgħu jġorru l-merkanzija u l-passiġġieri fl-istess ħin.

    It-Toroq tal-Baħar għandhom isiru parti integrali mill-katina tal-loġistika bieb-bieb u joffru servizzi effiċjenti, regolari, ta' min joqgħod fuqhom u frekwenti li jistgħu jikkompetu mat-trasport bit-toroq, per eżempju f'termini ta' ħin ta' transitu u prezz. Il-portijiet konnessi mat-Toroq għandhom ikollhom konnessjonijiet effiċjenti fuq l-art, proċeduri amministrattivi rapidi u livell għoli ta' servizzi mmirati sabiex jirrendu t-trasport l-operazzjonijiet ta' trasport bil-baħar fuq distanza qasira suċċess.

    Minkejja li t-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira huwa l-mod ta' kif wieħed għandu jopera fuq it-Toroq tal-Baħar il-kunċett bażi huwa usa minn dak tat-Toroq tal-Baħar, minħabba li minbarra l-konnessjonijiet transnazzjonali bejn l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea, it-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira jinkludi wkoll konnessjonijiet ma' pajjiżi terzi fil-qrib, konnessjonijiet domestiċi u konnessjonijiet mit-territorju prinċipali lejn il-gżejjer.

    F'Ottubru 2003, Il-Kumissjoni pproponiet reviżjoni tal-Linji ta' Gwida tal-Komunità dwar l-iżvilupp tat-TEN-T [17] inkluż id-29 proġett prijoritarju li riedu jiġu mplementati sa mhux aktar tard mill-2020. Dawn il-proġetti prijoritarji għandhom jiġu ddikjarati bħala ta' "interess Ewropew" u jirċievu fondi prijoritarji mir-riżorsi relevanti tal-Komunità. Il-Proġett Nru. 21 huwa l-proġett prijoritarju dwar l-iżvilupp tat-Toroq tal-Baħar. Qed jiġu proposti erba' żoni ta' Toroq tal-Baħar bħala parti minn dak il-proġett prijoritarju (ara l-mappa fl-Anness VII):

    [17] Proposta emendata ta' Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda l-proposta emendata ta' Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li emendat id-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE dwar il-linji ta' gwida tal-Komunità għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport, COM(2003) 564 finali, 1.10.2003.

    * It-Triq tal-Baħar Baltiku (li tgħaqqad l-Istati Membri tal-Baħar Baltiku ma' l-Istati Membri ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Punent, inkluż ir-rotta minn ġol-kanal tal-Baħar tan-Nord/Baħar Baltiku);

    * L-Awtostrada tal-Baħar ta' l-Ewropa tal-Punent (li twassal mill-Portugall u Spanja lejn l-Ark Atlantiku lejn il-Baħar tan-Nord u l-Baħar Irlandiż);

    * L-Awtostrada tal-Baħar ta' l-Ewropa tax-Xlokk (li tgħaqqad il-Baħar Adrijatiku lejn il-Baħar Jonju u l-Mediterran tal-Lvant, inkluż Ċipru);

    * L-Awtostrada tal-Baħar ta' l-Ewropa tal-Lbiċ (Mediterran tal-Punent, li tgħaqqad lil Spanja, Franza, l-Italja u nkluża Malta u li tgħaqqad ma' l-Awtostrada tal-Baħar ta' l-Ewropa tax-Xlokk, inkluż il-konnessjonijiet mal-Baħar l-Iswed).

    Il-Parlament Ewropew approva l-Pożizzjoni Komuni dwar il-proposta tal-Kummissjoni f'April 2004. L-artikolu l-ġdid 12a dwar l-Awtostradi tal-Baħar issa jippermetti għajnuna tal-Komunità għal sensiela ta' miżuri fil-qafas tan-network trans-Ewropew. Il-mekkaniżmu jippermetti lill-Istati Membri, bl-għajnuna tal-Komunità, jassistu, fost l-affarijiet l-oħra fl-infrastruttura, faċilitajiet u sistemi ta' mmaniġġjar loġistiku bbażati fuq proċedura apposta ta' appalti.

    L-għajnuna għall-iżvilupp ta' l-Awtostradi tal-Baħar għandha tkun ibbażata fuq l-istess kriterji tal-Marco Polo [18], bħal li jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-vijabbiltà tal-proġett fih innifsu wara l-perijodu ta' fondi tal-Komunità [19].

    [18] Regolament (KE) Nru 1382/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 2003 dwar l-għoti ta' għajnuna finanzjarja tal-Komuntià għat-titjib tar-rendiment ambjentali tas-sistema ta' ġarr tal-merkanzija (Programm Marco Polo), ĠU L 196, 2.8.2003, p.1

    [19] Kundizzjonijiet ewlenin oħra taħt il-Marco Polo huma li l-azzjoni twassal għal bidla attwali, sostanzjali u kwantifikabbli lil hemm mit-trasport bit-toroq; pjan ta' negozju realistiku (u, skond dan il-pjan, vijabbiltà wara l-finanzjament tal-Komunità); il-proċedura ta' l-għażla ta' servizzi ta' partijiet terzi trid tkun trasparenti, oġġettiva u mhux diskriminatorja; l-azzjoni trid tkun tinvolvi t-territorju ta' mill-anqas żewġ Stati Membri jew ta' l-anqas Stat Membru wieħed u pajjiż terz viċin; il-proġetti jridu jiġu sottomessi minn konsorzji ta' tnejn jew aktar impriżi stabbiliti f'mill-anqas żewġ Stati Membri differenti jew ta' l-anqas Stat Membru wieħed u pajjiż terz viċin; u irid ikun hemm limitu aggregat għall-għajnuna tal-Komunità u ta' l-Istat li tkun kompatibbli ma' l-arranġamenti dwar l-għajnuna Statali stipulata fit-Trattat.

    Sabiex tgħin dan il-proċess, il-Kummissjoni qed tiżviluppa linji ta' gwida li jistipulaw il-kriterji u l-proċeduri għall-finanzjament tal-proġetti ta' l-Awtostradi tal-Baħar skond ir-regoli tan-network tat-trasport trans-Ewropew u dan jiffaċilita l-applikazzjoni prattika ta' dawk ir-regoli. Il-linji ta' gwida mistennija jkunu lesti ftit wara li l-Linji ta' Gwida Ten-T jidħlu fis-seħħ.

    Il-konnessjonijiet bil-baħar bil-karatteristiċi ewlenin ta' l-Awtostradi tal-Baħar diġà jeżistu (ara l-Anness VIII għal eżempji), u l-konnessjonijiet tul til-Fliegu Ingliż u l-Istrett ta' Kattegat (Danimarka/Svezja) huma l-eżempji l-aktar ċari. Madanakollu, qed jiġu mitluba standards ta' l-ogħla kwalità u espansjoni konsiderevoli ta' tali konnessjonijiet sabiex tinkiseb il-mira ambizzjuża tal-Karta Bajda tal-Kummissjoni dwar il-Politika Ewropea tat-Trasport għall-2010, jiġifieri li jkun hemm parti sinjifikanti mit-tkabbir fit-trasport assorbita mit-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira u, b'mod partikolari, bil-konnessjonijiet fuq l-Awtostradi tal-Baħar.

    6. Marco Polo

    Il-programm "Azzjonijiet Pilota għal Trasport Kombinat" (PACT) [20] li skada fl-aħħar ta' l-2001. Dan ġie segwit minn programm ġdid, "Marco Polo", f'Awissu 2003 [21]. Dan il-programm il-ġdid huwa usa minn dak ta' qablu peress illi jista' jissussidja l-azzjonijiet kollha fis-sezzjonijiet tat-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira, ferrovija u kanali. Marco Polo għandu l-mira ambizzjuża li jitrasferixxi 12-il biljun tunnellata-kilometri fis-sena minn fuq it-toroq lejn il-mezzi ta' trasport l-oħra. Il-baġit tal-programm il-ġdid huwa ta' 100 miljun EUR għall-perijodu 2003-2006.

    [20] Għal aktar informazzjoni ara http://europa.eu.int/comm/transport/marcopolo/pact/projects_en.htm.

    [21] Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna Error! Bookmark not defined..

    L-ewwel sejħa għal proposti taħt il-Marco Polo ġiet ppubblikata f'Ottubru 2003 b'baġit ta

    15-il miljun EUR. Taħt din is-sejħa l-Kummissjoni rċeviet 87 proposta eliġbbli li talbu sussidji f'total ta' 182.4 miljun EUR.

    Sitta u tletin fil-mija (36%) tal-proposti kienu marbuta direttament mat-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira, 5% kienu proġetti marbuta mal-kanali u 25% kienu jinvolvu aktar minn metodu ta' trasport wieħed li mhux bit-toroq (e.ż. Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira flimkien ma' trasport bil-ferrovija jew bil-kanali).

    Il-proposti tat-trasport bil-baħar fuq distanza qasira fil-fażi ta' l-għażla kienu ġeneralment ta' kwalità għolja u sehem sostanzjali mill-proġetti aċċettati ser jinvolvu t-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira.

    7. Networks ta' Promozzjoni fil-Livelli Amministrattivi u Prattiċi

    Mhux kulħadd, s'issa, huwa konxju mill-benefiċċji tat-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira bieb-bieb. Dan il-fatt qed jiġi ndirizzat permezz ta' promozzjoni ġenerali fil-livell ta' l-UE [22] u żewġ networks Ewropej separati ta' promozzjoni kull wieħed bil-kompiti speċifiċi tiegħu: Punti Fokali tat-trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira u Ċentri tal-Promozzjoni tat-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira.

    [22] Ara http://europa.eu.int/comm/energytransport/maritime/sss/index_en.htm.

    7.1. Punti Fokali tat-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira

    Il-Punti Fokali tat-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira huma membri kkwalifikati sew taċ-ċivil fl-amministrazzjonijietnazzjonali u responsabbli minn dak il-metodu ta' trasport fil-livell nazzjonali fi ħdan l-amminiztrazzjonijiet pubbliċi tagħhom. Huma jaħdmu f'koordinazzjoni sħiħa mal-Kummissjoni u l-politika ta' l-UE. Fuq inizjattiva tal-Kummissjoni, il-Punti Fokali ngħaqdu fil-livell ta' l-UE sabiex jiskambjaw l-esperjenza, jiddiskutu l-metodi ta' promozzjoni tat-Trasport bil-Baħar fuq Distanza qasira, biex jindirizzaw il-punti ta' konġestjoni li jfixklu l-iżvilupp ta' dan il-metodu ta' trasport u jfasslu strateġiji ġodda sabiex jagħmlu dan il-metodu ta' trasport aktar attraenti. Huma jiltaqgħu medja ta' darbtejn fis-sena taħt il-presidenza tal-Kummissjoni. Il-Forum ta' l-Industriji Marittimi huwa rappreżentat bħala osservatur f'dawk il-laqgħat.

    Kwasi l-Istati Membri kollha li għandhom kosta ħatru Punti Fokali, u l-istess għamlu n-Norveġja u l-Islanda pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea u l-pajjiżi kandidati bħall-Bulgarija, ir-Romanija u t-Turkina. Anke l-Kroazja għandha Punt Fokali.

    Il-Punti Fokali huma l-atturi ewlenin fl-amministrazzjonijiet ta' l-Istati Membri sabiex jikkoordinaw il-politiki ta' Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira ma' l-amministrazzjonijiet tagħhom u ma' amministrazzjonijiet oħrajn. Huma jiżguraw ukoll li t-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira jinżamm fuq quddiem fuq l-aġenda politika.

    Il-Punti Fokali kienu attivi ħafna u għamlu differenza ċara f'kif l-amministrazzjonijiet nazzjonali jħarsu lejn it-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira. Huma jaħdmu wkoll sabiex jiksbu kooperazzjoni bejn l-amminstrazzjonijiet differenti, bejn l-amministrazzjonijiet u l-industriji relevanti, u bejn l-amministrazzjonijiet u ċ-Ċentri ta' Promozzjoni tat-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira. Kienu strumentali sabiex jiġu riżolti numru ta' problemi amminstrattivi għall-benefiċċju tat-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira.

    7.2. Ċentri ta' Promozzjoni tat-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira u tan-Network Ewropew tat-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira

    Apparti minn hekk, bħalissa qed joperaw 16-il Ċentru tal-Promozzjoni tat-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira [23] nazzjonali. Dawn iċ-Ċentri ta' Promozzjoni jaħdmu in linja mal-politika tal-Kummissjoni iżda huma juru varjetà kbira ta' metodi ta' ħidma sabiex jindirizzaw l-udjenzi nazzjonali. Huma mmexxija mill-interessi tan-negozju li jifhmu l-benefiċċji ta' korp newtrali li jippromwovi l-użu tat-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira.

    [23] Fil-Belġju, Danimarka, Finlandja, Franza, Ġermanja, Greċja, Irlanda, Italja, Litwanja, Olanda, Norveġja, Polonja, Portugall, Spanja, Svezja u Renju Unit. Għall-hyperlinks, ara www.shortsea.info.

    Dawn iċ-Ċentri jgħinu lil min ikun bi ħsiebu juża t-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira b'pariri u informazzjoni. Ix-xogħol ta' promozzjoni jsir, fost l-affarijiet l-oħra permezz ta' preżentazzjonijiet lil udjenzi mmirati, laqgħat bilaterali ma' gruppi mmirati, risposti lil domandi individwali, jintbgħatu ittri (skedi ta' fatti), stqarrijiet lill-istampa u esibizzjonijiet. Dawk li jġorru l-merkanzija bil-baħar u fuq it-toroq qed jiġu ndirizzati speċifikament b'dan ix-xogħol sabiex jiġi nfluwenzat il-mod kif jaħsbu u jaħdmu fit-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira. Ċerti Ċentri ta' Promozzjoni għaddejin ukoll b'inizjattivi speċifiċi, bħal dawk li jħajru żgħażagħ jersqu lejn karriera fis-settur tat-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira jew tal-loġistika marittima.

    It-twaqqif ta' aktar Ċentri nazzjonali tal-Promozzjoni tat-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira għadu għaddej f'numru ta' pajjiżi Ewropej oħrajn.

    U peress illi t-trasport bil-baħar huwa negozju internazzjonali b'konsumaturi fuq iż-żewġ trufijiet tar-rotta qasira, iċ-Ċentri ta' Promozzjoni huma konnessi flimkien fil-livell Ewropew. In-Network Ewropew tat-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira tagħhom jippermetti li l-utenti potenzjali ta' dan il-metodu jibbenefikaw, mhux biss minn kopertura ġeografika sħiħa iżda wkoll mill-ispeċjalizzazzjoni taċ-Ċentri ndividwali.

    In-Network Ewropew tat-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira għandu l-missjoni li jżid il-profil tat-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira. Dan in-Network jimmira li jsir sors ewlieni ta' informazzjoni dwar dan il-metodu ta' trasport. Huwa jagħti valur miżjud lix-xogħol taċ-Ċentri ta' Promozzjoni individwali billi jipprovdi mezz sabiex huma jiskambjaw informazzjoni u ideat bejniethom, billi jagħtu parir u għajnuna liċ -Ċentri l-ġodda u billi jiżgura żvilupp kontinwu tal-portal ewlieni tan-Network fuq l-internet.

    In-Network Ewropew tat-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira huwa prodott uniku disponibbli fuq l-Internet (www. shortsea.info). Din hija database tas-Servizzi tal-Vapuri tal-Merkanzija li joperaw fuq distanza qasira fl-Ewropa. L-ewwel fażi tad-database diġà tista' titħaddem u hija estiża u aġġornata regolarment. Fit-tieni fażi, ser jiġu miżjuda possibilitajiet mkabbra għall-estrazzjoni u l-iskambju tad-data.

    Is-sorsi ta' finanzjament taċ-Ċentri tal-Promozzjoni tat-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira jirreflettu varjetà kbira ta' sorsi pubbliċi u privati. Sabiex iċ-Ċentri jkunu jistgħu jilħqu l-miri tagħhom, huwa mportanti għalihom li jkollhom, ta' l-inqas, sigurtà finanzjarja fit-terminu medju. L-għajnuna pubblika huwa mezz tajjeb ta' kif tiġi assigurata n-newtralità taċ-Ċentri u ta' kif tissaħħaħ il-kredibilità tagħhom. Apparti minn dan, il-parteċipazzjoni wiesgħa ta' l-industrija hija fundamentali għaċ-Ċentri.

    Il-Kummissjoni Ewropea ssostni bis-sħiħ dawn iċ-Ċentri ta' Promozzjoni u n-Network tagħhom u taħdem sabiex tiżgura li dawn ikunu qed jiffunzjonaw sew u tipprovdi l-għajnuna meħtieġa fit-tfassil tal-politika ta' attivitajiet tagħhom.

    8. Żviluppi Nazzjonali

    Waqt li kienet qed tħejji din il-Komunikazzjoin, il-Kummissjoni talbet għall-kontribut tal-Punti Fokali tat-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira. Il-Kummissjoni tirringrazzjhom għal dan il-kontribut li ġie rifless f'bosta partijiet f'din il-Komunikazzjoni u, b'mod partikolari, fl-Anness IX.

    9. Bħala Konklużjoni

    Filwaqt li kien ikkunsidrat bħala metodu ta' trasport b'rendiment aktar baxx, it-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira issa bil-provi wera li huwa kapaċi jilħaq livelli ta' kompetittività li normalment ikunu attribwiti biss lit-trasport bit-toroq. Madanakollu, it-tkabbir mistenni fil-ġarr ta' l-oġġetti fl-Ewropa jitlob li t-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira jkompli jespandi dejjem aktar sabiex jagħti kontribut sħiħ lis-soluzzjoni tal-problemi futuri tat-trasport fl-Ewropa.

    Minkejja l-messaġġ ċar u posittiv ta' din il-Komunikazzjoni, wieħed irid jiftakar illi l-promozzjoni tat-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira huwa eżerċizzju mmirat lejn it-terminu t-twil u l-impatt tal-ħidma għaddejja jista' biss jitkejjel fuq skala Ewropea fuq perspettiva itwal ta' żmien. Il-Kummissjoni ser tkompli tippromwovi t-Trasport bil-Baħar fuq Distanza Qasira u tirrevedi l-iżvilupp tagħha; għal dan il-għan bi ħsiebha tippreżenta Komunikazzjonijiet ulterjuri jew rapporti ta' progress kull meta jidrilha xierqa.

    Top