Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52004DC0374

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - White Paper dwar servizz ta' interess ġenerali

    /* KUMM/2004/0374 finali */

    52004DC0374

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - White Paper dwar servizz ta' interess ġenerali /* KUMM/2004/0374 finali */


    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI - White Paper dwar servizz ta' interess ġenerali

    1. Introduzzjoni

    Fis-snin riċenti, ir-rwol ta' l-Unjoni Ewropea fil-formazzjoni tas-servizzi futuri ta' interess ġenerali [1] kien iċ-ċentru tad-dibattitu dwar il-mudell Ewropew tas-soċjetà. Billi tirrikonoxxi li servizzi ta' interess ġenerali li jaħdmu tajjeb, li jkunu aċċessibbli, li ma jkunux għoljin fil-prezz u li jkunu ta' kwalità għolja għandhom importanza kruċjali għall-kwalità ta' għajxien taċ-ċittadini Ewropej, għall-ambjent u l-kompettittività ta' l-intrapriżi Ewropej, il-Kummissjoni Ewropea adottat Green Paper dwar is-servizzi ta' interess ġenerali, [2] li bdiet konsultazzjoni pubblika vasta dwar kif hu l-aħjar mod biex tgħaddi dispożizzjoni għal servizzi ta' kwalità għolja ta' interess ġenerali fl-Unjoni Ewropea. Il-Green Paper kienet ta' stedina għall-kummenti dwar ir-rwol sħiħ ta' l-Unjoni Ewropea fid-definizzjoni ta' l-għanijiet tas-servizz pubbliku mfittxa mis-servizzi ta' interess ġenerali u dwar il-mod kif dawn is-servizzi huma organizzati, finanzjati u evalwati.

    [1] Ara d-definizzjoni tat-termini f'Anness 1

    [2] KUMM(2003) 270, 21.5.2003

    Id-dibattitu mibdi mill-Green Paper intlaqa' b'interess qawwi u minn ħafna partijiet interessati. Il-Kummissjoni rċiviet kważi 300 kontribuzzjoni minn varjetà kbira ta' nies li wieġbu, inkluż ħafna mill-Istati Membri [3]. L-istaff tal-Kummissjoni ħejja Rapport dwar il-konsultazzjoni pubblika li janalizza il-kontribuzzjonijiet imressqa u li jipprovdi materjal li hu ta' sfond għall-White Paper preżenti [4].

    [3] It-test sħiħ tal-kontribuzzjonijiet huwa aċċessibbli fuq is-sit ta' l-internet tal-Kummissjoni: http://europa.eu.int/comm/secretariat_general/service_general_interest/comments/public_en.htm

    [4] Rapport dwar il-konsultazzjoni pubblika dwar il-Green Paper dwar is-servizzi ta' interess ġenerali, Working Paper ta' l-Istaff tal-Kummissjoni, SEC(2004) 326, 15.03.2004, aċċessibbli fuq: http://europa.eu.int/comm/secretariat_general/service_general_interest

    B'mod konformi mat-talba magħmula mill-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tiegħu dwar il-Green Paper ta' l-14 ta' Jannar 2004 [5], il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni mid-dibattitu fil-White Paper preżenti.

    [5] Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Green Paper dwar is-servizzi ta' interess ġenerali, 14.01.2004, (T5-0018/2004)

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [6] u l-Kumitat tar-Reġjuni [7] ukoll iddiskutew il-kwistjonijiet li rriżultaw mill-Green Paper u taw l-opinjonijiet tagħhom.

    [6] Opinjoni dwar il-Green Paper dwar is-servizzi ta' interess ġenerali, CESE 1607/2003, 11.12.2003

    [7] Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni ta' l-20 ta' Novembru 2003 dwar il-Green Paper dwar is-servizzi ta' interess ġenerali, CdR 149/2003 finali

    Barra minnhekk, is-servizzi ta' interess ġenerali kien wkoll is-suġġett ta' dibattitu intens fi ħdan il-Konvenzjoni dwar il-futur ta' l-Ewropa.

    Finalment, il-Qorti tal-Ġustizzja wkoll eżaminat il-mistoqsijiet varjati relatati ma' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali, b'mod partikolari fir-rigward tal-finanzjament tagħhom, u waslet għal deċiżjoni importanti dwar il-kumpens tas-servizzi pubbliċi [8].

    [8] Sentenza ta' l-24 ta' Lulju 2003 fil-każ C-280/00 Altmark Trans

    Id-dibattitu wera differenzi konsiderevoli fl-opinjonijiet u l-perspettivi. Madankollu, jidher li ntlaħaq konsensus dwar il-ħtieġa li tkun assigurata l-kombinazzjoni armonizzata tal-mekkaniżmi tas-suq u tal-missjonijiet tas-servizz pubbliku. Is-servizzi ta' interess ġenerali u l-kuntest li fih jitwettqu, inkluża l-Unjoni Ewropea nnifisha, qegħdin kontinwament jevolvu u se jkomplu jevolvu. Bis-sottomissjoni ta' din il-White Paper, il-Kummissjoni m'għandhiex il-ħsieb li tagħlaq id-dibattitu li żviluppa fuq il-livell Ewropew. L-għan tagħha huwa li tagħmel kontribuzzjoni fid-diskussjoni preżenti u biex tmexxiha 'l quddiem billi tiddefinixxi r-rwol ta' l-Unjoni u qafas li jippermetti li dawn is-servizzi jaħdmu b'mod tajjeb.

    Il-White Paper tistabbilixxi l-approċċ tal-Kummissjoni fl-iżvilupp ta' rwol pożittiv ta' l-Unjoni Ewropea li tistimola l-iżvilupp ta' servizzi ta' interess ġenerali ta' kwalità għolja u tippreżenta l-elementi ewlenin ta' strateġija li għandha l-għan li tassigura li ċ-ċittadini u l-intrapriżi kollha fl-Unjoni ikollhom aċċess għal servizzi ta' kwalità għolja u bi prezzijiet li jintlaħqu minn kulħadd. Id-dokument jiffoka fuq ftit biss mill-kwistjonijiet ewlenin tad-dibattitu peress li jkun impossibbli li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet kollha li ħarġu waqt il-konsultazzjoni pubblika. Kwistjonijiet aktar speċifiċi se jkunu indirizzati fil-kuntest tal-politika rilevanti.

    2. responsabbiltà komuni ta' l-awtorità pubblika fl-unjoni

    Id-diskussjoni pubblika dwar il-Green Paper uriet li hemm ftehim kbir dwar l-importanza ta' servizzi ta' interess ġenerali ta' kwalità għolja fis-soċjetaijiet Ewropej. Il-qsim tal-kompiti u tas-setgħat bejn l-Unjoni u l-Istati Membri twassal għal responsabbiltà komuni ta' l-Unjoni u ta' l-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri imma d-definizzjoni dettaljata tas-servizzi li għandhom ikunu provvduti u t-twettiq ta' dawk is-servizzi jibqgħu taħt ir-responsabbiltà ta' l-Istati Membri.

    2.1. Komponent essenzjali tal-mudell Ewropew

    Id-dibattitu dwar il-Green Paper ikkonferma b'mod qawwi l-importanza tas-servizzi ta' interess ġenerali bħala wieħed mill-pedamenti tal-mudell Ewropew tas-soċjetà. Minkejja li kultant kien hemm differenzi sostanzjali fl-opinjonijiet u l-perspettivi tal-parteċipanti differenti fid-dibattitu, il-konsultazzjoni uriet konsensus kbir dwar il-ħtieġa li jkun assigurat il-forniment ta' servizzi ta' interess ġenerali ta' kwalità għolja u bi prezzijiet li jintlaħqu minn kulħadd liċ-ċittadini u l-intrapriżi kollha fl-Unjoni Ewropea. Ikkonferma wkoll l-eżistenza ta' kunċett komuni ta' servizzi ta' interess ġenerali fl-Unjoni. Dan il-kunċett jirrifletti l-valuri u l-għanijiet tal-Komunità u huwa bbażat fuq sett ta' elementi komuni, inkluż: servizz universali, kontinwità, kwalità tas-servizz, prezz li jintlaħaq minn kulħadd, kif ukoll protezzjoni għall-konsumatur u għal min juża.

    Fl-Unjoni, is-servizzi ta' interess ġenerali jibqgħu essenzjali biex jassiguraw il-koeżjoni soċjali u territorjali u l-kompettittività ta' l-ekonomija Ewropea. Iċ-ċittadini u l-intrapriżi bi dritt jistennew li jkollhom aċċess madwar l-Unjoni Ewropea għal servizzi ta' interess ġenerali ta' kwalità għolja u bi prezzijiet li jintlaħqu minn kulħadd. Għaċ-ċittadini ta' l-Unjoni, dan l-aċċess huwa komponent essenzjali taċ-ċittadinanza Ewropea u huwa neċessarju sabiex jippermettilhom li jgawdu b'mod sħiħ id-drittijiet fundamentali tagħhom. Għall-intrapriżi, l-aċċessibbiltà ta' servizzi ta' interess ġenerali ta' kwalità għolja hija ħtieġa indispensabbli għal ambjent kompettittiv tan-negozju. Il-forniment ta' servizzi ta' interess ġenerali li jkunu ta' kwalità għolja, aċċessibbli u bi prezzijiet li jintlaħqu minn kulħadd li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-konsumaturi u l-intrapriżi huwa għalhekk element importanti li jikkontribwixxi biex jintlaħaq l-għan strateġiku ta' l-Unjoni "li ssir l-ekonomija bbażata fuq l-għarfien l-iktar kompettittiva u dinamika fid-dinja li tkun kapaċi tkabbar ekonomija sostenibbli b'iktar u b'aħjar xogħlijiet u b'iktar koeżjoni soċjali [9]".

    [9] Kunsill Ewropew ta' Lisbona tat-23 u l-24 ta' Marzu 2000, konklużjoni tal-presidenza, paragrafu 5. Ara http://europa.eu.int/comm/lisbon_strategy/intro_en.html għad-dettalji

    Kif enfasizzat il-Kummissjoni fil-Green Paper, is-servizzi ta' interess ġenerali kienu ta' għajnuna biex jintlaħqu l-għanijiet ta' l-Unjoni f'numru kbir ta' politiki tal-Komunità. Fl-istess ħin, il-politiki tal-Komunità taw kontribut sinjifikanti fit-titjib tal-kwalità, għażla u effiċjenza ta' numru ta' servizzi ta' interess ġenerali.

    B'mod konformi mal-prinċipji mniżżla f'Artikolu 16 tat-Trattat [10] u Artikolu 36 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, [11] il-Kummissjoni hija lesta li tikkunsidra b'mod sħiħ ir-rwol speċifiku tas-servizzi ta' interess ġenerali fil-politiki u fl-attivitajiet li jaqgħu taħt l-isfera tal-kompetenza tagħha. Se taħdem biex tassigura li l-Unjoni Ewropea tkompli tagħti kontribuzzjoni pożittiva għall-iżvilupp tas-servizzi ta' interess ġenerali bħala parti mill-mudell Ewropew, waqt li tirrispetta d-diversità tat-tradizzjonijiet, strutturi u sitwazzjonijiet li jeżistu fl-Istati Membri. B'mod konformi mal-prinċipji ta' regolament aħjar [12], l-evalwazzjoni preċedenti ta' l-impatt ta' l-inizjattivi l-kbar [13] kif ukoll l-evalwazzjoni regolari tal-politiki rilevanti tal-Komunità se jgħinu biex jintlaħaq dan il-għan.

    [10] L-Artikolu 16 jgħid: "Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 73, 86 u 87, u b'konsiderazzjoni tal-post okkupat mis-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali fil-valuri komuni ta' l-Unjoni kif ukoll tar-rwol fil-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali u territorjali, il-Komunità u l-Istati Membri, kull wieħed skond is-setgħat rispettivi tiegħu u fi ħdan l-iskop ta' dan it-Trattat, għandhom jaraw li dawn is-servizzi jaħdmu fuq il-bażi tal-prinċipji u l-kondizzjonijiet li jippermettulhom li jwettqu l-missjonijiet tagħhom"

    [11] L-Artikolu 36 jgħid: "L-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta l-aċċess għas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali kif previst fil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali, skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, sabiex tippromwovi l-koeżjoni soċjali u territorjali ta' l-Unjoni"

    [12] Gvern Ewropew: Liġijiet aħjar, Komunikazzjoni mill-Komunità, KUMM(2002) 275 finali, 5.6.2002

    [13] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Evalwazzjoni ta' l-Impatt, KUMM(2002) 276, 5.6.2002

    F'dan il-punt kruċjali ta' l-iżvilupp ta' l-Unjoni, għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-iżviluppi fl-Istati Membri l-ġodda u għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom li jirriżultaw b'mod partikolari mit-trasformazzjoni ta' l-ekonomiji tagħhom fl-aħħar għoxrin sena.

    2.2. Responsabbiltà għall-awtoritajiet pubbliċi

    Waqt li l-forniment ta' servizzi ta' interess ġenerali jista' jkun organizzat f'kooperazzjoni mas-settur privat jew jista' jkun fdat lill-intrapriżi privati jew pubbliċi, id-definizzjoni ta' l-obbligi u l-missjonijiet tas-servizz pubbliku tibqa' kompitu ta' l-awtoritajiet pubbliċi fil-livell rilevanti. L-awtoritajiet pubbliċi rilevanti huma wkoll responsabbli għar-regoli tas-suq u biex jassiguraw li l-operaturi jwettqu l-missjonijiet ta' servizz pubbliku fdati lilhom.

    Fil-konsultazzjoni dwar il-Green Paper kien enfasizzat li fi ħdan il-qafas ta' suq intern kompettittiv l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti għandhom iżommu s-setgħa biex jassiguraw li l-għanijiet definiti tal-politika pubblika jkunu effettivament milħuqa u li l-għażliet demokratiċi jkunu rispettati, inkluż fir-rigward tal-livell ta' kwalità u ta' l-ispejjeż li jirriżultaw. Għall-awtoritajiet pubbliċi rilevanti huwa neċessarju li jkollhom strumenti u kompetenza adegwata għad-dispożizzjoni tagħhom. Ir-regoli eżistenti tal-Komunità speċifiċi għas-settur jaħsbu għal strumenti u setgħat legali speċifiċi li jippermettu lill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri li jinfurzaw l-għanijiet tal-politika pubblika. Fuq kollox, l-Istati Membri għandhom joqogħdu attenti għall-kompiti ta' l-awtoritajiet regolatorji li dejjem qed isiru iktar kumplessi u għandhom jipprovdulhom l-istrumenti u r-riżorsi kollha neċessarji.

    2.3. Responsabbiltà komuni ta' l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha

    Fil-Green Paper tagħha, il-Kummissjoni diġà ddikjarat li t-Trattat jipprovdi lill-Komunità b'firxi sħiħa ta' mezzi biex ikun assigurat li dawk li jużaw is-servizzi ta' interess ġenerali li jkunu ta' kwalità għolja u bi prezz li jintlaħaq minn kulħadd jkollhom aċċess għalihom fl-Unjoni Ewropea. Minkejja dan, huwa prinċipalment f'idejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali rilevanti li jiddefinixxu, jorganizzaw u jimmonitorjaw is-servizzi ta' interess ġenerali.

    Din ir-responsabbiltà komuni hija l-kunċett li huwa l-bażi tad-dispożizzjoni ta' l-Artikolu 16 tat-Trattat KE li jqassam ir-responsabbiltà fuq il-Komunità u l-Istati Membri biex jassiguraw, kull wieħed fi ħdan is-setgħat rispettivi tiegħu, li l-politiki tagħhom jippermettu lill-operaturi tas-servizzi ta' interess ġenerali ekonomiku li jwettqu l-missjonijiet tagħhom. Id-dritt ta' l-Istati Membri li jassenjaw obbligi speċifiċi tas-servizz pubbliku lill-operaturi ekonomiċi u li jassiguraw il-konformità huwa wkoll impliċitament rikonoxxut fl-Artikolu 86(2) tat-Trattat KE [14].

    [14] L-Artikolu 86 (2) jgħid: "L-intrapriżi fdati bl-operazzjoni tas-servizzi ta' interess ġenerali ... għandhom ikunu suġġetti għar-regoli li jinsabu fit-Trattat, b'mod partikolari għar-regoli dwar il-kompetizzjoni, sakemm l-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli ma tkunx ta' ostaklu għall-eżekuzzjoni, legali jew fil-fatt, tal-kompiti partikolari assenjati lilhom. L-iżvilupp tan-negozju m'għandux ikun effettwat b'tali mod li jkun kuntrarju għall-interessi tal-Komunità"

    Fid-dibattitu dwar il-Green Paper kien hemm ftehim kbir dwar il-fatt li ma kienx neċessarju li l-Komunità tkun konċessa setgħa addizzjonali fil-qasam tas-servizzi ta' interess ġenerali. Fil-prinċipju, il-Kummissjoni taqbel ma' din l-analiżi. Hija ta' l-opinjoni li s-setgħat preżentement konċessi lill-Komunità fir-rigward tas-servizzi ta' interess ġenerali huma xierqa u suffiċjenti sabiex ikun assigurat li s-servizzi li jiffunzjonaw tajjeb jinżammu u jkunu żviluppati madwar l-Unjoni.

    Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tilqa' l-emenda tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 16 tat-Trattat KE preżenti kif propost mill-Konvenzjoni Ewropea f'Artikolu III-6 ta' l-abbozz tat-Trattat Kostituzzjonali. L-Artikolu III-6 jgħid:

    "Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu III-55, III-56 u III-136, u b'konsiderazzjoni tal-post okkupat mis-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali bħala servizzi li fl-Unjoni kulħadd jtihom valur kif ukoll tar-rwol fil-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali u territorjali, l-Unjoni u l-Istati Membri, kull wieħed skond is-setgħat rispettivi tiegħu u fi ħdan l-iskop ta' applikazzjoni ta' din il-Kostituzzjoni, għandhom jaraw li dawn is-servizzi jaħdmu fuq il-bażi tal-prinċipji u l-kondizzjonijiet, b'mod partikolari dawk ekonomiċi u finanzjarji, li jippermettulhom li jwettqu l-missjonijiet tagħhom. Il-liġijiet Ewropej għandhom jiddefinixxu dawn il-prinċipju u kondizzjonijiet."

    Ladarba t-Trattat Kostituzzjonali jkun daħal fis-seħħ, din id-dispożizzjoni se tipprovdi bażi legali addizzjonali għal azzjoni tal-Komunità fil-qasam tas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali, fi ħdan is-setgħat ta' l-Unjoni u fi ħdan l-iskop ta' applikazzjoni tal-Kostituzzjoni.

    3. Prinċipji ta' gwida għall-approċċ tal-Kummissjoni

    L-approċċ tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq numru ta' prinċipji li huma riflessi fil-politiki settorjali tal-Komunità u jistgħu jkunu ċċarati fuq il-bażi tar-riżultati tad-dibattitu dwar il-Green Paper:

    3.1. Permess lill-awtoritajiet pubbliċi biex jaħdmu qrib iċ-ċittadini

    Fil-konsultazzjoni kien enfasizzat li s-servizzi ta' interess ġenerali għandhom ikunu organizzati u regolati mill-aktar qrib possibbli għaċ-ċittadini u li l-prinċipju ta' sussidjarejetà għandu jkun rispettat b'mod strett.

    Il-Kummissjoni tirrispetta r-rwol essenzjali ta' l-Istati Membri u ta' l-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-qasam tas-servizzi ta' interess ġenerali. Dan ir-rwol huwa rifless fil-politiki tal-Komunità dwar is-servizzi ta' interess ġenerali, li huma bbażati fuq diversi gradi ta' azzjoni u fuq l-użu ta' strumenti differenti skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà.

    Bħal fl-imgħoddi, il-Kummissjoni beħsiebha, meta jkun meħtieġ, tagħmel proposti għal regolament speċifiku għas-settur biss f'dawk iż-żoni li, bħan-networks kbar ta' industriji, għandhom dimensjoni ċara ta' l-Ewropa sħiħa u li jippreżentaw każ sod għad-definizzjoni ta' kunċett Ewropew ta' interess ġenerali. Regolament tal-Komunità bħal dan jiddefinixxi, bħala regola ġenerali, biss qafas regolatorju li jista' jkun implimentat u speċifikat mill-Istati Membri, b'konsiderazzjoni tas-sitwazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż.

    3.2. Li jintlaħqu l-għanijiet tas-servizz pubbliku fi ħdan swieq kompetittivi miftuħa

    Fuq il-bażi tal-konsultazzjoni, il-Kummissjoni tibqa' tal-fehma li l-għanijiet ta' suq intern miftuħ u kompetittiv u ta' servizzi ta' interess ġenerali ta' kwalità għolja u bi prezzijiet li jintlaħqu minn kulħadd huma kompatibbli. Tabilħaqq, il-ħolqien ta' suq intern ikkontribwixxa b'mod sinjifikanti għal titjib fl-effiċjenza billi wassal biex numru ta' servizzi ta' interess ġenerali saru iktar vantaġġużi fil-prezz. Barra minnhekk, wassal għal żieda fl-għażla tas-servizzi offruti, kif jidher b'mod ċar fis-setturi tat-telekomunikazzjoni u tat-trasport [15].

    [15] Evalwazzjoni dettaljata se tkun provduta fid-dokument ta' ħidma ta' l-istaff tal-Kummissjoni li jmiss "Evoluzzjoni ta' l-eżekuzzjoni ta' industriji f'network li jipprovdu servizzi ta' interess ġenerali - Rapport 2004"

    Madankollu, f'ċerti sitwazzjonijiet, it-twettiq ta' għan nazzjonali ta' politika pubblika jista' jkun jeħtieġ li jkun koordinat ma' ċerti għanijiet tal-Komunità. Fuq il-livell tat-Trattat, dawn is-sitwazzjonijiet huma indirizzati mill-Artikolu 86(2), li jafferma li servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali m'humiex suġġetti għall-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat tant li dawn ikunu neċessarji biex jippermettulhom li jissodisfaw il-missjoni ta' interess ġenerali tagħhom. Dan ifisser li, taħt it-Trattat KE u suġġetta għall-kondizzjonijiet mniżżla fl-Artikolu 86(2), l-eżekuzzjoni effettiva ta' kompitu ta' interess ġenerali tiġi qabel, f'każ ta' tensjoni, l-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat [16]. Għalhekk, huma protetti l-missjonijiet iktar milli l-mod kif jitwettqu. Id-dispożizzjoni tat-Trattat għalhekk tippermetti r-rikonċiljazzjoni tal-mira u t-twettiq ta' l-għanijiet tal-politika pubblika flimkien ma' l-għanijiet kompetittivi ta' l-Unjoni Ewropea sħiħa, b'mod partikolari l-ħtieġa li jkun assigurat kamp ugwali għall-fornituri kollha u l-aħjar użu tal-flus pubbliċi.

    [16] L-applikazzjoni ta' l-Artikolu 86(2) hija spjegata fid-dettall fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Servizzi ta' interess ġenerali fl-Ewropa, ĠU C 17, tad-19.1.2001, p. 4

    3.3. Li tkun assigurata koeżjoni u aċċess universali

    L-aċċess taċ-ċittadini u l-intrapriżi kollha tul it-territorju ta' l-Istati Membri għal servizzi ta' interess ġenerali li jkunu ta' kwalità għolja u bi prezzijiet li jintlaħqu minn kulħadd huwa essenzjali għall-promozzjoni ta' koeżjoni soċjali u territorjali fl-Unjoni Ewropea, inkluż it-tnaqqis ta' xkiel ikkawżat min-nuqqas ta' aċċessibbiltà tar-reġjuni l-iktar mbiegħda. Il-Kummissjoni hija lesta li tippromwovi u tiżviluppa aċċess universali effettiv għas-servizzi ta' interess ġenerali għall-politiki kollha tagħha.

    F'dan il-kuntest, servizz universali huwa l-kunċett li l-Komunità żviluppat sabiex tassigura aċċessibbiltà effettiva tas-servizzi essenzjali [17]. Jistabbilixxi d-dritt li kulħadd jaċċessa ċerti servizzi meqjusa bħala essenzjali u jimponi obbligi għal fornituri tas-servizzi biex joffru servizzi definiti skond il-kondizzjonijiet speċifikati, inkluż kopertura territorjali sħiħa u bi prezz li jintlaħaq minn kulħadd. Is-servizz universali huwa kunċett dinamiku u flessibbli u wera li hu dispożizzjoni effettiva ta' sigurtà netta għal dawk li kieku kien mod ieħor ma kinux jixtru servizzi essenzjali għalihom infushom. Jista' jkun definit mill-ġdid perjodikament sabiex ikun adattat għall-ambjent soċjali, ekonomiku u teknoloġiku. Il-kunċett jippermetti li prinċipji komuni jkunu definiti fil-livell tal-Komunità u li l-implimentazzjoni ta' dawn il-prinċipji titħalla f'idejn l-Istati Membri, b'hekk tagħmilha possibbli li jittieħed kont tas-sitwazzjonijiet speċifiċi f'kull pajjiż, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà.

    [17] Ara l-Green Paper dwar is-servizzi ta' interess ġenerali, KUMM(2003) 270, 21.5.2003, paragrafi 50 sa 54

    Fil-qafas tal-politiki strutturali tagħha il-Komunità tgħin biex tevita li gruppi soċjali jew reġjuni vulnerabbli jkunu esklużi mill-aċċess għas-servizzi essenzjali [18]. Il-fondi strutturali jistgħu jintużaw biex ikunu ko-finanjzati investimenti f'infrastrutturi tan-network, suġġetti għal ċerti kriterji [19]. Barra minnhekk, il-politika tal-Kummissjoni fil-qasam ta' networks trans-Ewropej qed ittejjeb l-aċċess għal networks ta' transport, enerġija u komunikazzjoni fl-iktar żoni remoti u se tgħin biex tgħaqqad l-Istati Membri l-ġodda ma' l-infrastruttura tal-Ħmistax, u b'hekk iżżomm livell għoli ta' kwalità u sigurtà. Fl-Inizjattiva ta' Tkabbir Ewropew tagħha, il-Kummissjoni fasslet programm ambizzjuż għall-implimentazzjoni ta' proġetti prijoritarji fuq il-fruntieri fil-qasam tan-networks tat-trasport, ta' l-enerġija u tal-komunikazzjoni broadband [20].

    [18] Sħubija ġdida għall-koeżjoni, it-Tielet Rapport dwar il-koeżjoni ekonomika u soċjali, KUMM(2004) 107, tat-18.2.2004

    [19] Ara per eżempju, il-Working Paper ta' l-iStaff tal-Kummissjoni : Linjigwida dwar il-Kriterji u l-Modalitajiet ta' l-Implimentazzjoni ta' Fondi Strutturali bħala Appoġġ għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, SEC(2003) 895

    [20] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Inizjattiva Ewropea għat-Tkabbir, Investiment fin-Networks u fl-Għarfien għat-Tkabbir u x-Xogħlijiet, Rapport Finali lill-Kunsill Ewropew, 11.11.2003, KUMM(2003) 690 finali

    3.4. Li jinżamm livell għoli ta' kwalità u sigurtà

    Il-konsultazzjoni pubblika enfasizzat li huwa kruċjali li jkunu assigurati livelli għolja ta' kwalità u sigurtà. Il-Kummissjoni taqbel li ċ-ċittadini kollha għandhom ikunu provduti b'servizzi ta' interess ġenerali ta' kwalità għolja. Ukoll, is-sigurtà fiżika tal-konsumaturi u ta' min juża, tal-persuni kollha involuti fil-produzzjoni u l-forniment ta' dawn is-servizzi, u tal-pubbliku ġenerali għandha tkun garantita, inkluż il-protezzjoni kontra theddid possibbli bħal attakki terroristiċi u katastrofi ambjentali. Barra minnhekk, is-sigurtà tal-forniment tas-servizz, u b'mod partikolari s-sigurtà tal-fornitura, jikkostitwixxu rekwiżit essenzjali li għandu jkun rifless meta jkunu definiti l-missjonijiet ta' servizz. Il-kondizzjonijiet li fihom jkunu fornuti s-servizzi għandhom ukoll jipprovdu inċentivi biżżejjed lill-operaturi biex iżommu livelli adegwati ta' investiment fuq perijodu twil. Il-kwalità u s-sigurtà tal-forniment jġibu magħhom spiża ekonomika għas-soċjetà li għandha tkun bilanċjata b'mod suffiċjenti u trasparenti bil-benefiċċji mistennija.

    B'konsiderazzjoni tal-politika ta' l-Unjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli, għandu jitqies b'mod korrett ukoll ir-rwol tas-servizzi ta' interess ġenerali għall-protezzjoni ta' l-ambjent u tal-karatteristiċi speċifiċi tas-servizzi ta' interess ġenerali relatati direttament mal-qasam ta' l-ambjent, bħas-setturi ta' l-ilma u ta' l-iskart.

    Il-Kummissjoni tikkunsidra dawn ir-rekwiżiti sħiħ u se tassigura li l-politiki tal-Komunità jikkontribwixxu biex u jiffaċilitaw iż-żamma ta' l-istandards ta' kwalità u sigurtà. Se timmonitorja l-progress b'mod partikolari fir-rapporti evalwattivi u settorjali regolari tagħha.

    3.5. Li jkunu assigurati d-drittijiet tal-konsumatur u ta' min juża

    Il-konsultazzjoni dwar il-Green Paper uriet li hemm qbil qawwi dwar il-fatt li l-forniment tas-servizzi ta' interess ġenerali għandu jkun organizzat b'tali mod li jkun assigurat livell għoli tad-drittijiet tal-konsumatur u ta' min juża. Il-Kummissjoni beħsiebha tibbaża l-politiki tagħha fuq il-prinċipji identifikati fil-Green Paper u fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-servizzi ta' interess ġenerali fl-Ewropa ta' Settembru 2000 [21].

    [21] KUMM(2000) 580, 20.9.2000, ĠU C 17, tad-19.1.2001. Ara b'mod partikolari l-paragrafi 8 sa 13

    Dawn jinkludu b'mod partikolari l-aċċess għas-servizzi, inkluż is-servizzi li jmorru lilhinn mill-fruntieri, madwar it-territorju ta' l-Unjoni u għall-gruppi kollha tal-popolazzjoni, prezzijiet li jintlaħqu minn kulħadd fis-servizzi, inkluż skemi speċjali għal persuni bi dħul baxx, sigurtà fiżika, sigurtà u reżistenza, kontinwità, kwalità għolja, għażla, trasparenza u aċċess għall-informazzjoni mill-fornituri u r-regolaturi.

    L-implimentazzjoni ta' dawn il-prinċipji ġeneralment titlob l-eżistenza ta' regolaturi indipendenti b'setgħat u dmirijiet definiti b'mod ċar. Dawn jinkludu setgħat ta' sanzjoni (jiġifieri li jimmonitorjaw t-traspożizzjoni u l-infurzar tad-dispożizzjonijiet ta' servizz universali) u għandhom jinkludu dispożizzjonijiet għar-rappreżentazzjoni u l-parteċipazzjoni attiva tal-konsumaturi fid-definizzjoni u l-evalwazzjoni tas-servizzi, id-disponibbiltà ta' mekkaniżmi xierqa ta' riparazzjoni u ta' kumpens u l-eżistenza ta' klawżola evoluzzjonarja li tippermetti li jkunu adottati rekwiżiti skond il-ħtiġijiet u l-preokkupazzjonijiet li jinbidlu tal-konsumatur, u tal-bidliet fl-ambjent ekonomiku u teknoloġiku. Ir-regolaturi għandhom ukoll jimmonitorjaw l-iżviluppi tas-suq u jipprovdu data għal skopijiet ta' evalwazzjoni.

    3.6. Li tkun monitorata u evalwata l-eżekuzzjoni

    Fuq il-bażi tal-konsultazzjoni pubblika, il-Kummissjoni tibqa' konvinta li l-evalwazzjoni u l-monitoraġġ sistematiku huma strument essenzjali biex jinżammu u jkunu żviluppati servizzi ta' interess ġenerali ta' kwalità għolja, aċċessibbli, bi prezzijiet li jintlaħqu minn kulħadd u effiċjenti fl-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi r-responsabbiltà partikolari ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunità, bl-għajnuna tad-data provduta fuq livell nazzjonali, fl-evalwazzjoni tas-servizzi li huma suġġetti għal qafas regolatorju mwaqqaf mill-Komunità li hu speċifiku għas-settur. Madankollu, evalwazzjoni fil-livell tal-Komunità tista' tkun maħsuba f'oqsma oħra jekk ikun stabbilit f'każi speċifiċi li din l-evalwazzjoni tista' toħloq valur miżjud.

    Fuq il-linja ta' l-opinjoni dominanti espresso fil-konsultazzjoni pubblika, il-Kummissjoni tqis li kwalunkwe evoluzzjoni għandha tkun multi-dimensjonali u għandha tkopri l-aspetti legali, ekonomiċi, soċjali u ambjentali rilevanti kollha. F'kull każ, kwalunkwe evoluzzjoni għandha tikkonsidra l-karatteristiċi speċifiċi tas-settur evalwat u tas-sitwazzjoni differenti li jeżistu fl-Istati Membri differenti u fir-reġjuni tagħhom.Għandha tkun ibbażata fuq forniment perjodiku ta' data komparabbli mill-Istati Membri u/jew mir-regolaturi nazzjonali.

    3.7. Li tkun rispettata d-diversità tas-servizzi u tas-sitwazzjonijiet

    Il-konsultazzjoni enfasizzat id-differenzi bejn id-diversi servizzi ta' interess ġenerali u l-ħtiġijiet u preferenzi differenti tal-konsumaturi li jirriżultaw minn sitwazzjonijiet ekonomiċi, soċjali, ġeografiċi jew kulturali differenti. Barra minnhekk, kien enfasizzat il-fatt li n-natura personali ta' ħafna servizzi soċjali u tas-saħħa twassal għal rekwiżiti li huma differenti b'mod sinjifikanti minn dawk fl-industriji f'network. Fir-rigward tax-xandir, l-importanza tas-servizz ta' xandir pubbliku għall-ħtiġijiet demokratiċi, soċjali u kulturali ta' kull soċjetà għandhom jittieħdu in konsiderazzjoni [22]. Il-Kummissjoni tappoġġja dawn l-opinjonijiet.

    [22] Ara wkoll il-Protokoll dwar is-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri anness mat-Trattat KE mit-Trattat ta' Amsterdam

    Kwalunkwe politika tal-Komunità fil-qasam tas-servizzi ta' interess ġenerali għandha tqis id-diversità tal-karatteristiċi differenti tas-servizzi ta' interess ġenerali u tas-sitwazzjonijiet li fihom jkunu provduti. Madankollu, dan ma jfissirx li m'huwiex neċessarju li tkun assigurata l-konsistenza ta' l-approċċ tal-Komunità fuq is-setturi differenti jew li l-iżvilupp tal-kunċetti komuni li jistgħu jkunu applikati f'diversi setturi ma jistax ikun utli.

    F'dan il-kuntest, għandu jingħad li l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar servizzi fis-Suq Intern [23] tkopri biss servizzi li jikkorrispondu għall-attività ekonomika. Ma tkoprix is-servizzi ta' interess ġenerali li m'humiex ekomomiċi imma biss servizzi ta' interess ġenerali ekonomiku. Barra minnhekk, f'din il-proposta, ċerti attivitajiet li mill-Istati Membri jistgħu jitqiesu bħala servizzi ta' interess ġenerali ekonomiku huma esklużi mill-iskop tal-proposta bħal ma huwa l-każ tat-trasport jew huma s-suġġett ta' derogi mill-pajjiżi ta' l-oriġni tal-prinċipju, bħal ma huwa l-każ tas-servizzi tal-posta u tas-servizzi tad-distribuzzjoni ta' l-elettriku, gass u ilma. Iktar importanti, il-proposta la titlob lill-Istati Membri biex jiftħu servizzi ta' interess ġenerali ekonomiku għall-kompetizzjoni u lanqas ma tkun ta' xkiel mal-mod kif huma finanzjati jew organizzati.

    [23] KUMM(2004) 2, tat-13.1.2004

    3.8. Li tiżdied it-trasparenza

    Il-prinċipju ta' trasparenza huwa kunċett ewlieni għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' politiċi pubbliċi li għandhom x'jaqsmu mas-servizzi ta' interess ġenerali. Huwa jassigura li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jeżerċitaw r-responsabbiltajiet tagħhom u li l-għażliet demokratiċi jistgħu jsiru u huma rispettati. Il-prinċipju għandu japplika għall-aspetti kollha tal-proċess ta' forniment u għandu jkopri d-definizzjoni tal-missjonijiet ta' servizzi pubbliċi, ta' l-organizzazzjoni, l-finanzjar u r-regolamenti tas-servizzi, kif ukoll il-produzzjoni u l-evalwazzjoni tagħhom, inkluż il-mekkaniżmi li jieħdu ħsieb l-ilmenti.

    L-applikazzjoni tal-liġi tal-Komunità diġà tat kontribut fit-titjib tat-trasparenza tal-forniment ta' servizzi ta' interess ġenerali fl-Unjoni. Il-Kummissjoni lesta li taħdem sabiex iżżid iktar it-trasparenza tal-forniment tas-servizzi fil-politiki kollha tagħha relatati mas-servizzi ta' interess ġenerali. L-Istati Membri għandhom ukoll jiggarantixxu trasparenza sħiħa fl-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Komunità u fid-dispożizzjonijiet nazzjonali oħra rilevanti.

    3.9. Li tkun provduta ċ-ċertezza legali

    Fil-konsultazzjoni dwar il-Green Paper ħareġ il-punt li f'ċerti oqsma l-applikazzjoni tar-regoli tal-Komunità għas-servizzi ta' interess ġenerali ma kinitx ċara biżżejjed. L-applikazzjoni tar-regoli ta' l-għajnuna ta' l-istat għall-iffinanzjar ta' servizzi ta' interess ġenerali u tar-regoli dwar il-ksib u s-servizzi ta' konċessjonijiet kienu frekwentement enfasizzati b'mod speċifiku. Ukoll, issemmiet is-sitwazzjoni tas-servizzi soċjali u tas-saħħa.

    Il-Kummissjoni taf li l-applikazzjoni tal-liġi tal-Komunità għas-servizzi ta' interess ġenerali tista' twassal għal kwistjonijiet kumplessi. Għalhekk se tagħmel sforz kontinwu biex ittejjeb iċ-ċertezza legali fir-rigward ta' l-applikazzjoni tal-liġi tal-Komunità għall-forniment ta' servizzi ta' interess ġenerali, mingħajr preġudizzju għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim'Istanza. Kif imniżżel hawntaħt, diġà wettqet il-modernizzazzjoni tar-regoli pubbliċi eżistenti tal-ksib u bdiet inizzjattivi fil-qasam ta' l-għajnuna ta' l-istat u fir-rigward ta' sħubiji bejn il-pubbliku u l-privat [24].

    [24] Ara t-taqsimiet 4.2 u 4.3 hawntaħt

    4. Orjentazzjonijiet Ġodda għal Politika koerenti

    4.1. Ir-rispett tad-diversità f'qafas koerenti

    Waħda mill-mistoqsijiet ewlenin li ħarġu mill-Green Paper kienet tikkonċerna l-ħtieġa għal direttiva kwadru dwar is-servizzi ta' interess ġenerali. L-opinjonijiet espressi fuq is-suġġett fil-konsultazzjoni pubblika baqgħu maqsuma, b'numru ta' Stati Membri u l-Parlament Ewropew jibqgħu xettiċi fuq il-kwistjoni. B'riżultat ta' dan, baqa' d-dubju jekk direttiva kwadru tkunx l-aħjar triq f'dan l-istadju. Barra minnhekk, fil-konsultazzjoni, il-valur miżjud ta' qafas orizzontali meta mqabbel ma' approċċ speċifiku għas-settur s'issa għadu ma ġiex dimostrat.

    Il-Kummissjoni għalhekk tqis xieraq li ma tissoktax bit-tressiq ta' proposta f'dan il-mument imma li teżamina mill-ġdid il-kwistjoni fi stadju iktar avvanzat. Bħala parti minn din l-eżaminazzjoni, il-Kummissjoni tagħmel kwalunkwe proposta leġislattiva suġġetta għal evalwazzjoni estiża ta' l-impatt għall-implikazzjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tagħha [25].

    [25] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni ta' l-Impatt, KUMM(2002) 276 finali, tal-5.6.2002

    Fir-rigward tal-kalendarju għal din l-eżaminazzjoni mill-ġdid, jista' jitqies ukoll il-fatt li d-dħul fis-seħħ futur tat-Trattat Kostituzzjonali u tal-propost Artikolu III-6 tal-Kostituzzjoni se jġibu bażi legali oħra possibbli li tikkumplimenta dawk li jeżistu diġà. Il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li teżamina mill-ġdid il-kwistjoni ladarba t-Trattat Kostituzzjonali jkun fis-seħħ.

    Għalissa, l-Kummissjoni, bħala regola ġenerali, se ssegwi u tiżviluppa l-approċċ settorjali tagħha billi tipproponi, fejn meħtieġ u xieraq, regoli speċifiċi għas-settur li jippermettu li ssir kunsiderazzjoni tar-rekwiżiti u s-sitwazzjonijiet speċifiċi f'kull settur. Madankollu, mingħajr preġudizzju għar-regoli eżistenti tal-Komunità speċifiċi għas-settur, se jkun maħsub approċċ orizzontali fir-rigward ta' numru ta' kwistjonijiet speċifiċi, bħalma huma l-interessi tal-konsumaturi, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tas-servizzi ta' interess ġenerali, l-applikazzjoni ta' regoli ta' għajnuna ta' l-istat għal kumpens finanzjarju jew l-użu ta' fondi strutturali għall-appoġġ ta' servizzi ta' interess ġenerali.

    Filwaqt li l-ħtieġa għal strument ta' qafas kienet kwistjoni kontroversjali ħafna, il-ħtieġa li tkun assigurata l-konsistenza u l-koerenza tal-miżuri tal-Komunità fil-qasam tas-servizzi ta' interess ġenerali kienet rikonoxxuta b'mod qawwi fil-konsultazzjoni pubblika. Fl-istess ħin, kien enfasizzat li huwa essenzjali għall-politiki tal-Komunità li jirrispettaw u jikkunsidraw il-karatteristiċi differenti tas-servizzi differenti u r-realtajiet diversi fl-Istati Membri.

    Il-Kummissjoni se tqawwi l-isforzi tagħha biex tassigura konsistenza sħiħa fil-politiki tal-Komunità fil-qasam tas-servizzi ta' interess ġenerali u se tfittex koerenza sħiħa fil-politiki settorjali tagħha fir-rigward ta' l-approċċ ġenerali tagħha matul ir-reviżjonijiet tas-setturi konċernati li se jsiru 'l quddiem [26].

    [26] Ara Anness 2

    Barra minnhekk, il-Kummissjoni se tirrevedi s-sitwazzjoni tas-servizzi ta' interess ġenerali fl-Unjoni Ewropea u l-ħtieġa għal xi miżuri orizzontali fl-2005. Hija beħsiebha tressaq rapport dwar is-sejbiet tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni qabel it-tmiem tas-sena 2005.

    Il-Kummissjoni

    * se teżamina l-possibbiltà ta' u l-ħtieġa għal qafas ta' liġi għas-servizzi ta' interess ġenerali dwar id-dħul fis-seħħ tat-Trattat Kostituzzjonali,

    * se tibda reviżjoni tas-sitwazzjonijiet tas-servizzi ta' interess ġenerali u se tressaq rapport qabel it-tmiem tas-sena 2005.

    L-Istati Membri

    * għandhom ifittxu l-modernizzazzjoni tas-servizzi ta' interess ġenerali fil-livelli tagħhom sabiex jassiguraw li ċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess għal servizzi ta' kwalità adattati għal ħtiġijiet u t-talbiet tagħhom.

    4.2. Li jkun iċċarat u simplifikat il-qafas legali għall-kumpens ta' l-obbligi tas-servizz pubbliku

    Hemm b'mod partikolari żewġ oqsma - l-iffinanzjar u l-għoti tal-kuntratti - fejn id-diskrezzjoni ta' l-Istati Membri biex jiddefinixxu u jaħtru l-missjonijiet ta' servizzi ta' interess ġenerali normalment jinteraġixxu mal-liġi tal-Komunità. Din it-taqsima tieħu ħsieb l-iffinanzjar. Il-kwistjoni tal-ksib pubbliku se tkun indirizzata fit-taqsima 4.3.

    Il-prinċipju ta' l-awtonomija ta' l-Istati Membri biex jagħmlu għażliet tal-politiki relatati mas-servizzi ta' interess ġenerali japplika b'mod ugwali fir-rigward ta' l-iffinanzjar ta' dawn ta' l-aħħar. Tabilħaqq, l-Istati Membri jgawdu minn diskrezzjoni kbira meta jiddeċiedu jekk u b'liema mod jiffananzjawx il-forniment ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali. Il-mekkaniżmi ta' finanzjar applikati mill-Istati Membri jinkludu appoġġ finanzjarju dirett permezz tal-baġit ta' l-iStat, drittijiet speċjali jew esklużivi, kontribuzzjonijiet mill-parteċipanti fis-suq, medja tat-tariffi u finanzjar fuq bażi ta' solidarjetà. Bħala regola ġenerali, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu liema mekkaniżmu finanzjarju jintuża. Fin-nuqqas ta' armonizzazzjoni tal-Komunità, il-limitu ewlieni għal din id-diskrezzjoni huwa l-ħtieġa li dan il-mekkaniżmu finanzjarju m'għandux ifixkel il-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni. Huwa dmir tal-Kummissjoni, bħala gwardjana tat-Trattat, li tassigura li din ir-regola tkun rispettata għall-benefiċċju ta' min iħallas it-taxxa u ta' l-ekonomija b'mod ġenerali.

    Madankollu, l-applikazzjoni prattika ta' din ir-regola kultant hija kwistjoni kumplessa. Mhux dejjem kien ċar, per eżempju, taħt liema kondizzjonijiet il-kumpens għas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali jkun jikkostitwixxi għajnuna ta' l-istat. Bl-istess mod, ladarba l-eżistenza ta' għajnuna ta' l-istat tkun stabbilita jista' jkun hemm xi inċertezza fir-rigward tal-kundizzjonijiet li taħthom għajnuna bħal din tkun meqjusa kombatibbli mas-suq komuni. U finalment, l-obbligu fit-Trattat li wieħed jinforma l-Kummissjoni dwar pjanijiet għal konċessjoni jew tibdil ta' l-għajnuna joħloq piż amministrattiv li jista' jkun kbir iżżejjed għal ammonti relattivament modesti ta' għajnuna.

    Il-konsultazzjoni pubblika ikkonfermat it-talba għal aktar ċertezza u tbassir legali fir-rigward ta' l-applikazzjoni tar-regoli ta' l-għajnuna ta' l-istat għal kumpens tas-servizz pubbliku. Din is-sejħa kienet partikolarment b'saħħitha fuq livell lokali, f'dak li jikkonċerna s-servizzi lokali. Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja reċentement fasslet numru ta' kondizzjonijiet li taħthom il-kumpens għal servizz ta' interess ekonomiku ġenerali ma jikkostitwixxix għajnuna ta' l-istat [27]. Imma l-ħtieġa għal żieda fiċ-ċertezza legali għadha hemm u huwa f'idejn il-Kummissjoni li twassal din iċ-ċertezza għall-għola valur possibbli. Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi numru ta' inizjattivi.

    [27] Is-sentenza ta' l-24 ta' Lulju 2003 fil-każ C-280/00 Altmark Trans u s-sentenza ta' l-24 Novembru 2003 fil-każijiet konġunti C-34/01 sa 38/01 Enirisorse SpA

    L-ewwel miżura proposta hija deċiżjoni tal-Kummissjoni li taħseb għal fond pubbliku fuq skala relattivament baxxa għal intrapriżi fdati bl-operazzjoni ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali biex ikunu kompatibbli mas-suq komuni taħt ċerti kondizzjonijiet. Bl-istess mod, dan il-ħlas għandu jkun ukoll eżentat mill-obbligu ta' avviż preċedenti, sakemm ikun proporzjonat għall-ispejjeż attwali tas-servizzi, u sakemm ma jinqabżux ċerti limiti. Il-Kummissjoni tipproponi l-istess ħaġa għall-ħlas ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali provdut mill-isptarijiet u mid-djar soċjali, irrispettivament mill-ammonti involuti.

    Essenzjalment, il-Kummissjoni hawnhekk tfittex li teżenta l-kumpens lill-fornituri lokali ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali mill-obbligu ta' avviż preċedenti. Ladarba jkunu stabbiliti l-limiti fid-dawl tar-riżultati tal-proċess ta' konsultazzjoni li qed isir bħalissa, iċ-ċertezza legali għal ħlas pubbliku fuq skala relattivament baxxa se tiżdied b'mod sinifikanti.

    Barra minnhekk, il-Kummissjoni tipproponi wkoll li żżid iċ-ċertezza legali għall-kumpens għal interess ekonomiku ġenerali li jaqbeż il-limiti msemmija hawnfuq - u għalhekk għandu jkun notifikat lill-Kummissjoni - permezz ta' qafas tal-Komunità li jniżżel il-kriterji għall-evalwazzjoni ta' tali kumpens għal servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali.

    Ukoll, il-Kummissjoni beħsiebha li temenda d-Direttiva 80/723/KEE dwar it-trasparenza fir-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-intrapriżi pubbliċi. L-emenda se tispeċifika li d-direttiva hija applikabbli għal kumpens tas-servizz pubbliku, tkun xi tkun il-kwalifika legali ta' dawn taħt l-Artikolu 87 tat-Trattat. Kemm id-deċiżjoni tal-Kummissjoni kif ukoll il-qafas tal-Komunità m'hux se jkunu applikabbli għas-settur tat-trasport [28].

    [28] Id-deċiżjoni tista' tkun applikabbli għal ċerti konessjonijiet marittimi mal-gżejjer, li fuqhom it-traffiku annwali ma jaqbiżx limitu stabbilit

    Finalment, il-Kummisjoni tippjana li tiċċara iktar il-kondizzjonijiet li taħthom il-kumpens jista' jikkostitwixxi għajnuna ta' l-istat wara l-ġurisprudenza riċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja. Kif mitlub f'numru ta' kummenti riċevuti fil-konsultazzjoni pubblika dwar il-Green Paper, dan se jinkludi wkoll kjarifika ulterjuri tad-distinzjoni bejn l-attivitajiet ekonomiċi u non-ekonomiċi [29].

    [29] Għal iktar dettalji ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-servizzi ta' interess ġenerali fl-Ewropa, ĠU C 17, tad-19.1.2001, p. 4 (paragrafi 28 sa 30) u l-Green Paper dwar is-servizzi ta' interess ġenerali, KUMM(2003) 270, 270, tal-21.5.2003, paragrafi 43 sa 45

    Meħuda flimkien, dawk il-miżuri li huma mirquma fuq il-bażi ta' konsultazzjonijiet estensivi mal-partijiet interessati aktarx jassiguraw ċertezza u tbassir legali għall-operaturi u l-awtoritajiet fl-ikbar ammont possibbli. Il-Kummissjoni, barra minnhekk, se tkompli bl-approċċ pragmatiku tagħha meta tevalwa l-kumpens għal obbligi ta' servizz pubbliku sabiex tassigura li servizzi ta' interess ġenerali ta' kwalità għolja, aċċessibbli u bi prezz li jintlaħaq minn kulħadd jibqgħu jiġu provduti qrib iċ-ċittadini waqt li jirrispettaw ir-regoli bażiċi komuni.

    Il-Kummissjoni

    * se tadotta Deċiżjoni dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 86 tat-Trattat għall-għajnuna ta' l-istat fil-forma ta' kumpens tas-servizz pubbliku mogħti lil ċerti intrapriżi fdati bl-operazzjoni ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali sa Lulju 2005,

    * se tadotta qafas tal-Komunità għal għajnuna ta' l-istat fil-forma ta' kumpens tas-servizz pubbliku sa Lulju 2005,

    * se tadotta emenda tad-Direttiva 80/723/KEE dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-intrapriżi pubbliċi sa Lulju 2005,

    * se tiċċara iktar taħt liema kundizzjonijiet il-kumpens tas-servizz pubbliku jista' jikkostitwixxi għajnuna ta' l-istat fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 87 (1) sa Lulju 2005.

    L-Istati Membri

    * għandhom jassistu lill-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-qafas legali ġdid, b'mod partikolari billi jiddefinixxu b'mod ċar l-obbligi tas-servizz pubbliku u billi japplikaw regoli trasparenti fuq il-kumpens.

    4.3. Li jkun provdut qafas ċar u trasparenti għall-għażla ta' intrapriżi fdati b'servizz ta' interess ġenerali

    Fil-prinċipju, l-Istati Membri għandhom firxa kbira biex jiddeċiedu kif jorganizzaw servizzi ta' interess ġenerali. Fin-nuqqas ta' armonizzazzjoni tal-Komunità, l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti fl-Istati Membri huma fil-prinċipju ħielsa li jiddeċiedu jekk jipprovdux servizz ta' interess ġenerali huma nfushom jew jekk jafdawx il-forniment lil entità oħra (pubblika jew private) [30]. Madankollu, il-fornituri ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali, inkluż il-fornituri ta' servizzi ta' ġewwa, huma intrapriżi u għalhekk huma suġġetti għar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat [31]. Fil-prattika, l-Istati Membri qed jużaw dejjem iktar skemi pubbliċi-privat, inkluż kuntratti tat-tip iddiżinja-ibni-iffinanzja-ħaddem, konċessjonijiet u l-ħolqien ta' kumpanniji b'ekonomija varjata biex jassiguraw it-twettiq ta' proġetti ta' infrastruttura jew ta' servizzi ta' interess ġenerali.

    [30] Fir-rigward tat-trasport lokali intern, il-Kummissjoni proponiet leġislazzjoni li titlob lill-Istati Membri li jużaw konċessjonijiet tas-servizz pubbliku Cf. Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar azzjoni mill-iStati Membri li tikkonċerna r-rekwiżiti tas-servizz pubbliku u l-għoti ta' kuntratti ta' servizz pubbliku fit-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija, bl-art jew minn passaġġi interni ta' l-ilma, ĠU C 151 E, tal-25.6.2002, p. 146

    [31] Għad-dettalji ara l-Green Paper dwar is-servizzi ta' interess ġenerali, KUMM(2003) 270, 21.5.2003, paragrafi 79 sa 83

    Fil-konsultazzjoni pubblika, saru talbiet għal ċarezza dwar numru ta' kwistjonijiet relatati mar-regoli tal-Komunità applikabbli għal dawn it-tip ta' skemi, u b'mod partikolari dwar l-iskop u s-sustanza tar-regoli tal-Komunità li l-awtoritajiet pubbliċi jista' jkollhom iħarsu meta jafdaw missjoni ta' servizz pubbliku lil entità oħra.

    Sabiex tiċċara r-regoli applikabbli, il-Komunità intrabtet bi sforz favur is-simplifikazzjoni u l-kjarezza tad-direttivi ta' l-akkwist pubbliku [32]. Id-direttivi l-ġodda, adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill f'Marzu li għadda, mistennija li jkunu trasferiti mill-Istati Membri kollha sa Jannar 2006 u għandhom jagħmluha iktar faċli, għall-awtoritajiet kollha ta' konċessjoni konċernati, biex ikunu konformi ma' l-obbligi tagħhom ta' trasparenza taħt it-Trattat KE.

    [32] Id-Direttiva 2004/18 tal-31 ta' Marzu 2004 dwar il-koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti ta' xogħlijiet pubbliċi, kuntratti ta' provvisti pubbliċi u kuntratti ta' servizz pubbliku u d-Direttiva 2004/17 tal-31 ta' Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwist ta' l-entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta' l-ilma, l-enerġija, it-trasport u l-posta, ĠU L 134, tat-30.4.2004, p. 1 u p. 114

    Barra minnhekk, sabiex tistabbilixxi jekk il-leġislazzjoni tal-Komunità għandhiex tkun proposta b'mod partikolari dwar l-għoti trasparenti ta' konċessjonijiet ta' servizz mill-awtoritajiet pubbliċi, u dwar forom oħra ta' kooperazzjoni bejn il-pubbliku u s-settur privat, il-Kummissjoni reċentement adottat Green Paper dwar is-sħubiji bejn il-pubbliku u l-privat fl-Unjoni Ewropea [33]. Din il-Green Paper tibda konsultazzjoni wiesgħa dwar l-aspetti ta' akkwist fl-isħubiji bejn il-pubbliku u l-privat.

    [33] Green Paper dwar is-sħubiji bejn il-pubbliku u l-privat u dwar il-liġi tal-Komunità dwar il-kuntratti u l-konċessjonijiet pubbliċi, KUMM(2004) 327, tat-30.4.2004

    Il-Kummissjoni

    * se twettaq konsultazzjoni pubblika fil-Green Paper dwar l-aspetti ta' akkwist fl-isħubiji bejn il-pubbliku u l-privat ,

    * se tressaq, fejn meħtieġ, fuq il-bażi tar-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika, proposti qabel it-tmiem ta' l-2004.

    L-Istati Membri

    * għandhom jassiguraw li l-qafas nazzjonali għall-għoti ta' kuntratti tas-servizz pubbliku jkun bbażat fuq regoli trasparenti u mhux diskriminatorji.

    4.4. Li jkun rikonoxxut b'mod sħiħ l-interess ġenerali fis-servizzi soċjali u tas-saħħa

    Il-Green Paper dwar is-servizzi ta' interess ġenerali qajmet interess konsiderevoli mill-partijiet interessati fil-qasam tas-servizzi soċjali, inklużi s-servizzi tas-saħħa, kura f'perijodu twil, sigurtà soċjali, servizzi ta' l-impjegar, u akkomodazzjonijiet soċjali. Is-servizzi soċjali ta' interess ġenerali għandhom rwol speċifiku x'iwettqu bħala parti integrali mill-mudell Ewropew tas-soċjetà. Ibbażati fuq il-prinċipju ta' solidarjetà, is-servizzi soċjali u tas-saħħa ta' interess ġenerali huma ċċentrati madwar il-persuna u jassiguraw li ċ-ċittadini jgawdu b'mod effettiv id-drittijiet fundamentali tagħhom u livell għoli ta' protezzjoni soċjali, u jsaħħu l-koeżjoni soċjali u territorjali. It-twettiq, l-iżvilupp u l-modernizzazzjoni tagħhom jimxu fuq il-linji ta' l-għanijiet stabbiliti fil-Kunsill Ewropew ta' Lisbona ta' Marzu 2000, u b'mod partikolari ma' l-għan li ssir konnessjoni pożittiva bejn il-politiki ekonomiċi, soċjali u ta' l-impjiegi. Il-konsultazzjoni pubblika uriet li l-fornituri tas-servizzi soċjali huma lesti li jibdew proċess ta' modernizzazzjoni sabiex iwieġbu aħjar għall-ħtiġijiet dejjem jinbidlu taċ-ċittadini Ewropej. Madankollu, huma esprimew il-ħtieġa għal iktar ċarezza u tbassir neċessarji biex jassiguraw evoluzzjoni bla diffikultajiet tas-servizzi soċjali, inkluż is-servizzi tas-saħħa.

    Waqt li fil-prinċipju id-definizzjoni tal-missjonijiet u l-għanijiet tas-servizzi ta' sigurtà soċjali u tas-saħħa huma kompetenza ta' l-Istati Membri, ir-regoli tal-Komunità jista' jkollhom impatt fuq l-istrumenti għat-twettiq u l-iffinanzjar tagħhom. Għarfien ċar tad-distinzjoni bejn il-missjonijiet u l-istrumenti għandu jgħin biex joħloq iktar kjarezza b'ħarsa għall-moderizzazzjoni ta' dawn is-servizzi fil-kuntest ta' ħtiġijiet li dejjem jevolvu filwaqt li jżommu n-natura speċifika tagħhom f'dak li għandhom x'jaqsam mar-rekwiżiti partikolari ta', fost l-oħrajn, solidarjetà, servizz volontarju u l-inklużjoni ta' gruppi ta' nies vulnerabbli. Il-kjarezza f'din id-distinzjoni se tgħin partikolarment lill-Istati Membri li jużaw sistemi bbażati fuq is-suq biex iwettqu s-servizzi soċjali u tas-saħħa biex b'hekk jantiċipaw l-impatt possibbli tal-liġi tal-kompetizzjoni ta' l-UE fuqhom. Se tibqa' ovvjament kwistjoni ta' għażla politika ta' l-Istati Membri jekk jużawx dawn it-tip ta' sistemi jew jipprovdux servizzi direttament permezz ta' aġenziji mħallsa mit-taxxi ta' l-istat.

    Il-Kummissjoni hija ta' l-opinjoni li jkun ta' għajnuna jekk ikun żviluppat approċċ sistematiku sabiex ikunu identifikati u rikonoxxuti l-karatteristiċi speċifiċi tas-servizzi soċjali u tas-saħħa ta' interess ġenerali u biex ikun iċċarat il-qafas li fih joperaw u jistgħu jiġu modernizzati. Dan l-approċċ se jkun stabbilit f'Komunikazzjoni dwar is-servizzi soċjali ta' interess ġenerali, inkluż s-servizzi tas-saħħa, li se tkun adottata matul l-2005.

    Din il-Komunikazzjoni se tagħmel inventarju tal-politiki tal-Komunità li huma relatati mal-forniment ta' servizzi soċjali u tas-saħħa ta' interess ġenerali. Se tiddeskrivi wkoll il-mod kif is-servizzi soċjali u tas-saħħa huma organizzati u kif jaħdmu fl-Istati Membri. Din id-deskrizzjoni se tkun preparata f'kooperazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri [34] u ma' l-organizzazzjonijiet mis-soċjetà ċivili.

    [34] B'mod partikolari mal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali u mal-Ğ Grupp ta' livell għoli dwar is-servizzi tas-saħħa u l-kura medika ğ mwaqqaf riċentement

    Il-Komunikazzjoni se tistabbilixxi wkoll, skond il-prinċipji ġenerali tal-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni, mekkaniżmu għal valutazzjoni u evalwazzjoni regolari tal-qafas nazzjonali għall-forniment tas-servizzi soċjali ta' interess ġenerali. Il-metodi eżistenti ta' koordinazzjoni fil-qasam ta' l-inklużjoni soċjali u l-protezzjoni soċjali jistgħu jintużaw għal dan il-għan. Il-Kummissjoni reċentement ipproponiet metodu miftuħ ta' koordinazzjoni fil-qasam tal-kura tas-saħħa u tal-kura f'perijodu twil li se jikkontribwixxi b'mod tajjeb fl-iskambju ta' l-aqwa prattiki fil-qasam tas-servizzi tas-saħħa u se jappoġġja r-riformi meħuda f'dan il-qasam [35].

    [35] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Modernizzazzjoni tal-protezzjoni soċjali għall-iżvilupp ta' kura tas-saħħa u kura f'perijodu twil li tkun ta' kwalità għolja, aċċessibbli u sostenibbli : appoġġ għall-istrateġiji nazzjonali li jużaw "il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni", KUMM(2004) 304, ta'l-20.4.2004

    Il-Kummissjoni preżentement qed taħdem fuq is-segwitu tal-proċess ta' livell għoli ta' riflessjoni dwar il-mobilità tal-pazjent u l-iżviluppi fil-kura tas-saħħa u adottat Komunikazzjoni f'April 2004 [36] li tfakkar il-prinċipji tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u tniżżel firxa ta' inizjattivi dwar suġġetti bħall-qsim ta' spazji żejda u l-kooperazzjoni fil-kura lilhinn mill-fruntieri, l-identifikazzjoni u n-networking ta' ċentri Ewropej ta' referenza u l-koordinazzjoni fl-evalwazzjoni ta' teknoloġiji ġodda tas-saħħa. Id-Deċiżjoni li takkumpanjaha tistabbilixxi Grupp ta' Livell Għoli ġdid biex jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri f'dan il-qasam.

    [36] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Segwitu għall-proċess ta' riflessjoni ta' livell għoli dwar il-mobilità tal-pazjent u l-iżviluppi fil-kura tas-saħħa fl-Unjoni Ewropea, KUMM(2004) 301, ta'l-20.4.2004

    Il-Kummissjoni

    * se tressaq Komunikazzjoni dwar is-servizzi soċjali u tas-saħħa ta' interess ġenerali matul l-2005.

    * se tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward tas-servizzi tas-saħħa u l-kura medika sabiex tikkontribwixxi biex ikun assigurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa madwar l-Unjoni.

    L-Istati Membri

    * għandhom itejbu l-kooperazzjoni fir-rigward tas-servizzi soċjali u l-kura medika sabiex jassiguraw livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa madwar l-Unjoni.

    4.5. L-evalwazzjoni tar-riżultati u l-valutazzjoni ta' l-eżekuzzjoni

    Il-konsultazzjoni pubblika ikkonfermat il-fehma tal-Kummissjoni li l-evalwazzjoni ta' l-eżekuzzjoni fil-livell tal-Komunità kif ukoll fil-livell nazzjonali hija kruċjali biex ikun assigurat l-iżvilupp ta' servizzi ta' interess ġenerali ta' kwalità għolja, aċċessibbli u bi prezzijiet li jintlaħqu minn kulħadd f'ambjent li jevolvi kostantement. Barra minnhekk, kien hemm qbil kbir fost il-kontributuri dwar il-fatt li din l-evalwazzjoni għandha tkun ibbażata mhux biss fuq kriterji ta' effiċjenza ekonomika imma wkoll fuq kriterji soċjali, ekonomiċi u ambjentali iktar wiesgħa.

    Fl-aħħar snin, il-Kummissjoni żiedet tabilħaqq l-isforzi evalwattivi tagħha fil-qasam tas-servizzi ta' interess ġenerali. Fir-rigward ta' l-industriji f'network, l-istrateġija evalwattiva tal-Kummissjoni tkopri kemm l-evalwazzjonijiet settorjali u anke dawk orizzontali fuq bażi regolari u tinvolvi l-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra ta' l-Unjoni Ewropea kif ukoll il-partijiet interessati [37]. Ladarba l-Kummissjoni bdiet twettaq evalwazzjonijiet orizzontali fl-2001, u se tressaq fl-2004 l-ewwel rapport ta' l-evalwazzjoni orizzontali tagħha li huwa totalment ibbażat fuq il-metodoloġija preżentata fl-2002, jidher li huwa xieraq li tinkiseb iktar esperjenza f'dan il-proċess qabel isiru xi riflessjonijiet dwar mekkaniżmi addizzjonali ta' evalwazzjoni.

    [37] Għad-dettalji ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Nota Metodoloġika għall-Evalwazzjoni Orizzontali tas-Servizzi ta' Interess Ekonomiku Ġenerali, KUMM(2002)331 finali, tat-18.6.2002

    Fl-istess ħin, hemm lok għal titjib fl-involviment tal-partijiet kollha konċernati. Il-Kummissjoni għalhekk se tara kif temenda l-metodoloġija u l-proċeduri preżenti sabiex tassigura li l-partijiet kollha interessati, inkluż l-awtoritajiet pubbliċi, il-konsumaturi, min juża, il-fornituri u l-impjegati, ikunu involuti b'mod sħiħ. Se teżamina wkoll il-ħtieġa għal xi emendi fir-rigward ta' l-evalwazzjoni ta' l-impatt tal-liberalizzazzjoni fuq iċ-ċittadini, l-intrapriżi u l-impjegati.

    Għandha tiġi konsidrata integrazzjoni aħjar bejn l-isforzi preżenti fl-evalwazzjoni li speċifikament jiffukaw fuq is-servizzi ta' interess ġenerali u l-għodda iktar wiesgħa tar-rapporti tal-Kummissjoni. Dan se jassigura approċċ iktar wiesgħa u iktar komprensiv fl-evalwazzjoni tas-servizzi ta' interess ġenerali u għalhekk se jkun jista' jiġġenera valur miżjud mingħajr ma jżid bżonnijiet ta' rappurtaġġ u statistika għall-Komunità, l-Istati Membri, l-intrapriżi u tabilħaqq iċ-ċittadini nfushom.

    F'dan il-kuntest il-konnessjoni bejn, fuq naħa waħda, l-evalwazzjonijiet settorjali u orizzontali msemmija hawnfuq u, fuq in-naħa l-oħra, il-"Pakkett ta' Implimentazzjoni" - li jikkonsisti mir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni tal-Linjigwida tal-Politika Ekonomika Wiesgħa, ir-Rapport Konġunt ta' l-Impjegar u r-Rapport ta' Implimentazzjoni dwar l-iStrateġija tas-Suq Intern u mressaq flimkien mar-Rapport tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa - hija importanti u għandha tinżamm.

    Barra minnhekk, l-evalwazzjoni tas-servizzi ta' interess ġenerali tista' tkun b'mod utli integrata fl-analiżi magħmula regolarment mill-Kummissjoni ta' l-għadd ta' politiki tal-Komunità. Din tista' tkun rilevanti b'mod partikolari fil-qasam tas-servizzi soċjali u tas-saħħa.

    Fuq il-bażi ta' l-esperjenza tagħha fl-applikazzjoni tal-metodoloġija emendata tagħha, il-Kummissjoni se tirrevedi l-mekkaniżmi ta' evalwazzjoni tagħha, inkluż l-iskop tagħhom, meta tkun qed tevalwa l-approċċ tagħha fl-2006 kif previst fil-Komunikazzjoni tagħha tat-18 ta' Ġunju 2002. Din ir-reviżjoni se tħares ukoll lejn il-ħtieġa ta' miżuri addizzjonali li għandhom l-għan li jtejbu l-aċċessibbiltà u l-kwalità tad-data, l-iskambju ta' informazzjoni u ta' l-aħjar prattiki, u l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati.

    Il-Kummissjoni

    * se tressaq l-ewwel evalwazzjoni orizzontali tagħha dwar is-servizzi ta' interess ġenerali fuq il-bażi tal-metodoloġija ta' evalwazzjoni tagħha fl-2004,

    * se tirrevedi l-mekkaniżmi ta' evalwazzjoni tagħha għas-servizzi ta' interess ġenerali fl-2006.

    L-Istati Membri

    * għandhom jgħinu lill-Kummissjoni fl-iżvilupp u l-applikazzjoni tal-mekkaniżmi ta' evalwazzjoni,

    * għandhom iqisu l-iżvilupp ta' l-istrumenti ta' evalwazzjoni fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, fejn meħtieġ.

    4.6. Reviżjoni tal-politiki settorjali

    Preżentement, ir-regolament speċifiku għas-settur fil-livell tal-Komunità jkopri essenzjalment l-industriji kbar f'networks bħat-telekomunikazzjoni, servizzi postali, transport u enerġija, li għandhom dimensjoni trans-Ewropea. Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-konsultazzjoni pubblika ikkonfermat dan l-approċċ. F'dak li għandu x'jaqsam mas-settur ta' l-ilma, il-Kummissjoni se tippubblika qabel tmiem is-sena ir-riżultati ta' l-evalwazzjoni li wettqet [38].

    [38] Strateġiji tas-suq intern, Prijoritajiet 2003 - 2006, KUMM(2003)238, tas-7.5.2003

    Il-konsultazzjoni pubblika ikkonfermat ir-rilevanza u l-importanza tas-sett ta' obbligi li fuqhom hija bbażata l-leġislazzjoni preżenti, speċifika għas-settur tal-Komunità u li huma mniżżla fil-Green Paper (servizz universali, kontinwità, kwalità tas-servizz, prezz li jintlaħaq minn kulħadd, protezzjoni tal-konsumatur u ta' min juża, sigurtà, aċċess u interkonnettività). Fejn meħtieġ, fuq il-bażi tar-reviżjonijiet settorjali mbassra, il-Kummissjoni se tipproponi li tadatta dawn l-obbligi.

    F'dak li jikkonċerna l-pluraliżmu tal-medja, il-konsultazzjoni pubblika enfasizzat li, fid-dawl tad-differenzi li jeżistu minn Stat Membru għall-ieħor, f'dan il-mument il-kwistjoni għandha titħalla f'idejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni taqbel ma' din il-fehma u tikkonkludi li ma jkunx xieraq li titressaq inizjattiva tal-Komunità dwar il-pluraliżmu. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja mill-viċin is-sitwazzjoni.

    Fir-rigward tal-qafas istituzzjonali għar-regolament, kienet frekwentement enfasizzata l-ħtieġa ta' kooperazzjoni aktar fil-qrib bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali. Il-Kummissjoni beħsiebha tinkoraġġixxi l-ħolqien u l-iżvilupp ta' kooperazzjoni mill-qrib bejn regolatorji fil-qafas tan-networks eżistenti ta' awtoritajiet regolatorji [39]. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni se tagħmel proposti bil-għan li ssaħħaħ il-qafas legali għal din il-kooperazzjoni.

    [39] Għad-dettalji ara l-punti 53 - 59 ta' l-Anness tal-Green Paper dwar is-servizzi ta' interess ġenerali

    Il-Kummissjoni se tikkunsidra l-pożizzjonijiet mniżżla hawnfuq kif ukoll kwalunkwe riżultat ieħor tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-Green Paper fir-reviżjonijiet li huma maħsuba għas-setturi differenti.

    Il-Kummissjoni

    * se tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni ta' l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fuq il-bażi ta' networks ta' regolaturi,

    * se tikkunsidra r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-Green Paper fir-reviżjonijiet diġà maħsuba għas-setturi differenti, b'mod partikolari:

    * - ir-reviżjoni ta' l-iskop tas-servizz universali fil-komunikazzjoni elettronika sa Lulju 2005

    * - ir-reviżjoni tal-pakkett ta' komunikazzjoni elettronika sa Lulju 2006

    * - ir-reviżjoni tad-direttiva tas-servizzi postali sa l-aħħar ta' l-2006

    * - ir-reviżjoni tas-suq intern għall-elettriku sa l-1 ta' Jannar 2006

    * - ir-reviżjoni tas-suq intern għall-gass sa l-1 ta' Jannar 2006

    * - ir-reviżjoni tad-direttiva "Televiżjoni mingħajr fruntieri" fil-bidu tas-sena 2005

    * - l-evalwazzjoni tas-settur ta' l-ilma sa l-aħħar ta' l-2004.

    (Għal iktar dettalji ara t-tabella mhux eżawrjenti fl-Anness).

    L-Istati Membri

    * għandhom jassiguraw li l-leġislazzjoni speċifika għas-settur eżistenti tkun trasferita u applikata b'mod sħiħ,

    * għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali bl-istrumenti u r-riżorsi kollha meħtieġa.

    * għandhom jgħinu lill-Kummissjoni biex tinkoraġġixxi kooperazzjoni aktar fil-qrib fi ħdan il-qafas tan-networks tar-regolaturi.

    4.7. Li l-politiki interni tagħna jkunu riflessi fil-politiki internazzjonali tagħna tal-kummerċ

    Kif uriet il-Kummissjoni fil-Green Paper, l-impenji meħuda mill-Komunità fil-kuntest ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) jew fil-kuntest ta' ftehim bilaterali, kienu konsistenti b'mod sħiħ mar-regoli tas-suq intern li japplikaw għal dawn is-servizzi u ma wasslux, sal-lum, għal problemi fl-organizzazzjoni, forniment u finanzjament tas-servizzi ta' interess ġenerali. L-istess japplika għall-impenji ġodda li qed ikunu offerti fil-qafas tan-negozjati preżenti.

    Il-konsultazzjoni pubblika uriet li hemm xewqa kbira biex tkun assigurata l-konsistenza kontinwa bejn il-qafas regolatorju intern tal-Komunità u l-obbligi aċċettati mill-Komunità u l-Istati Membri tagħha fil-qafas tal-ftehim tal-kummerċ internazzjonali, b'mod partikolari l-WTO. Hemm xewqa qawwija li l-ftehim tal-kummerċ internazzjonali m'għandux imur lilhinn mill-pożizzjonijiet miftehma fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

    Fit-tmexxija tal-politika tal-kummerċ tal-Komunità, il-Kummissjoni hija impenjata b'mod sħiħ biex tassigura din il-konsistenza u temmen fl-appoġġ ta' l-Istati Membri u tal-Parlament Ewropew f'dan ir-rigward. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni se tkompli tagħmel użu sħiħ mill-qafas istituzzjonali previst mit-Trattat (Artikoli 133 u 300) u se tinvolvi l-Parlament Ewropew fil-formulazzjoni ta' politika tal-kummerċ minkejja s-setgħat limitati tiegħu taħt dak il-qafas, waqt li tħares bit-tama għat-titjib mixtieq ta' dawk is-setgħat taħt l-abbozz tat-Trattat Kostituzzjonali. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll iżżomm djalogu regolari mas-soċjetà ċivili u se tassigura l-ogħla grad ta' trasparenza fin-negozjati tal-kummerċ, li l-pubblikazzjoni ta'l-offerta inizjali tal-Komunità fin-negozjati preżenti GATS hija ta' eżempju.

    Il-Kummissjoni

    * se tkompli tassigura li l-pożizzjonijiet meħuda mill-Komunità fin-negozjati tal-kummerċ internazzjonali jkunu konsistenti b'mod sħiħ mal-qafas regolatorju intern ta' l-UE fir-rigward tas-servizzi ta' interess ġenerali.

    L-Istati Membri

    * għandhom jaħdmu mal-Kummissjoni sabiex jassiguraw li l-pożizzjonijiet tal-politika interna jkunu riflessi b'mod sħiħ fil-politika tagħna tal-kummerċ.

    4.8. Il-promozzjoni tas-servizzi ta' interess ġenerali fl-iżvilupp tal-kooperazzjoni

    Fil-konsultazzjoni dwar il-Green Paper, ġiet rikonoxxuta b'mod qawwi l-importanza essenzjali tas-servizzi bażiċi ta' interess ġenerali għall-iżvilupp ta' l-ifqar pajjiżi. Ġie enfasizzat li n-nuqqas ta' investiment kien ta' ostaklu kbir għat-titjib ta' dawn is-servizzi fl-ifqar pajjiżi. Fuq il-linja tar-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-riforma ta' l-intrapriżi li huma propjetà ta' l-istat fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw [40] il-Kummissjoni beħsiebha tkompli tgħin fil-ħolqien ta' qafas regolatorju u istituzzjonali sod għall-promozzjoni ta' l-investiment fil- u aċċess għal finanzi għas-servizzi bażiċi ta' interess ġenerali.

    [40] Ir-Riforma ta' l-Intrapriżi li huma Propjetà ta' l-iStat fil-Pajjiżi li qed Jiżviluppaw b'attenzjoni għas-servizzi pubbliċi importanti: Il-Ħtieġa li jkunu Evalwati l-Opzjonijiet Kollha, Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, KUMM(2003) 326, tat-3.6.2003

    L-Inizjattivi ta' l-UE dwar l-Ilma u l-Enerġija, mibdija fis-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli għandhom l-għan li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju permezz ta' forniment ta' servizzi moderni u bi prezzijiet li jintlaħqu minn kulħadd għall-foqra. L-inizjattivi jinvolvu lill-Istati Membri u lil stakeholders mis-soċjetà ċivili u mis-settur privat, u huma żviluppati permezz ta' djalogu kontinwu, ibbażat fuq il-prinċipju ewlieni tal-propjetà, ma' sħab fl-Afrika u f'reġjuni oħra, biex jinbdew attivitajiet fil-livelli nazzjonali u reġjonali. Kemm l-Inizjattiva dwar l-Ilma u kemm dik dwar l-Enerġija għandhom l-għan ta' bini istituzzjonali, ippjanar fuq il-medda tas-settur u żvilupp tas-suq, permezz ta' kooperazzjoni teknika mirata u kooperazzjoni estiża ma' l-istituzzjonijiet finanzjarji.

    Il-Kummissjoni

    * se tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw bil-ħolqien ta' qafas regolatorju u istituzzjonali sod bħala rekwiżit ewlieni għall-promozzjoni ta' l-investiment fi u aċċess għall-iffinanzjar ta' servizzi bażiċi ta' interess ġenerali.

    ANNESS 1 Definizzjoni tat-Termini [41]

    [41] Dawn id-definizzjonijiet huma bbażati fuq id-definizzjonijiet użati fil-Green Paper dwar is-servizzi ta' interess ġenerali, KUMM(2003)270, tal-21.5.2004

    Differenzi fit-terminoloġija, konfużjoni semantika u tradizzjonijiet differenti fl-Istati Membri wasslu għal ħafna nuqqas ta' ftehim fid-diskussjoni fuq livell Ewropew. Fl-Istati Membri termini u definizzjonijiet differenti huma użati fil-kuntest tas-servizzi ta' interess ġenerali, li lkoll jirriflettu żviluppi storiċi, ekonomiċi, kulturali u politiċi differenti. It-terminoloġija tal-Komunità tipprova tikkunsidra dawn id-differenzi.

    Servizzi ta' interess ġenerali

    It-terminu Ğservizzi ta' interess ġeneraliğ ma jistax jinstab fit-Trattat innifsu. Huwa derivat fil-prattika tal-Komunità mit-terminu Ğservizzi ta' interess ekonomiku ġeneraliğ, li huwa użat fit-Trattat. Huwa iktar wiesgħa mit-terminu Ğservizzi ta' interess ekonomiku ġeneraliğ u jkopri kemm is-servizzi tas-suq u kemm is-servizzi mhux tas-suq li l-awtoritajiet pubbliċi jikklassifikaw bħala li huma ta' interess ġenerali u li huma suġġetti għal obbligi speċifiċi ta' servizz pubbliku.

    Servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali

    It-terminu Ğservizzi ta' interess ekonomiku ġeneraliğ huwa wżat fl-Artikoli 16 u 86(2) tat-Trattat. M'huwiex imfisser fit-Trattat jew f'xi leġislazzjoni sekondarja. Madankollu, fil-prattika tal-Komunità hemm qbil fuq il-fatt li t-terminu jirreferi għas-servizzi ta' natura ekonomika li l-Istati Membri jew il-Komunità suġġetti għal obbligi speċifiċi ta' servizz pubbliku jwettqu fuq kriterju ta' interess ġenerali. Il-kunċett tas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali għalhekk ikopri b'mod partikolari ċertu servizzi fornuti minn industriji f'networks kbar bħat-trasport, is-servizzi postali, l-enerġija u l-komunikazzjoni. Madankollu, it-terminu jestendi wkoll għal attività ekonomika oħra li tkun suġġetta għall-obbligi tas-servizz pubbliku.

    Bħall-Green Paper, il-White Paper tiffoka prinċipalment, imma mhux esklussivament, fuq kwistjonijiet relatati ma' Ğservizzi ta' interess ekonomiku ġeneraliğ, peress li t-Trattat innifsu jiffoka prinċipalment fuq l-attivitajiet ekonomiċi. It-terminu Ğservizzi ta' interess ġeneraliğ huwa wżat fil-White Paper biss meta t-test jirreferi għal servizzi mhux ekonomiċi jew fejn ma m'hux meħtieġ li tkun speċifikata n-natura ekonomika jew mhux-ekonomika tas-servizzi konċernati.

    Servizz pubbliku

    It-termini Ğservizz ta' interess ġeneraliğ u Ğservizz ta' interess ekonomiku ġeneraliğ m'għandhomx ikunu mħallta mat-terminu Ğservizz pubblikuğ. Dan it-terminu huwa inqas preċiż. Jista' jkollu tifsiriet differenti u għalhekk jista' jwassal għal konfużjoni. It-terminu kultant jirreferi għall-fatt li servizz jkun offrut lill-pubbliku ġenerali, kultant jenfasizza li servizz ingħata rwol speċifiku fl-interess pubbliku, u kultant jirreferi għall-propjetà jew l-istatus ta' l-entità li tipprovdi s-servizz [42]. Għalhekk, dan it-terminu m'hux se jintuża fil-White Paper.

    [42] Ħafna drabi tinħoloq konfużjoni bejn it-terminu Ğservizz pubblikuğ u t-terminu Ğsettur pubblikuğ. It-terminu Ğsettur pubblikuğ jkopri l-amministrazzjonijiet pubbliċi kollha flimkien ma' l-intrapriżi kollha kontrollati mill-awtoritajiet pubbliċi

    Obbligi tas-servizz pubbliku

    It-terminu Ğobbligi tas-servizz pubblikuğ huwa wżat fil-White Paper. Jirreferi għal rekwiżiti speċjali li huma imposti fuq il-fornitur tas-servizz mill-awtoritajiet pubbliċi sabiex ikun assigurat li ċerti għanijiet ta' interess pubbliku jkunu milħuqa, per eżempju, f'dak li għandu x'jaqsam mat-trasport u l-enerġija fl-ajru, fit-triq u bil-ferrovija. Dawn l-obbligi jistgħu jkunu applikati fil-livell nazzjonali, reġjonali jew tal-Komunità.

    Intrapriża pubblika

    It-terminu Ğintrapriża pubblikağ huwa normalment użat biex tkun definita l-propjetà tal-fornitur tas-servizz. It-Trattat jitlob newtralità stretta. Taħt il-liġi tal-Komunità huwa irrilevanti jekk il-fornituri tas-servizzi ta' interess ġenerali jkunux pubbliċi jew privati; huma suġġetti għall-istess drittijiet u obbligi.

    ANNESS 2: Riżultati Ewlenin tal-Konsultazzjoni Pubblika [43]

    [43] Il-punti li ġejjin huma bbażati fuq il-Working Paper ta' l-iStaff tal-Kummissjoni, Rapport dwar il-konsultazzjoni pubblika dwar il-Green Paper dwar is-servizzi ta' interess ġenerali, SEC (2004) 326, tal-15.3.2004

    1. Importanza tas-Servizzi ta' interess ġenerali

    * Hemm konsensus qawwi dwar l-importanza essenzjali tas-servizzi ta' interess ġenerali għas-soċjetajiet Ewropej. Hemm qbil ukoll dwar il-fatt li dawn is-servizzi għandhom ikunu provduti b'tali mod li dawk li jużawhom jitpoġġew fl-ewwel post.

    * Ma jeżisti l-ebda ftehim li jikkonċerna r-relazzjoni bejn is-servizzi ta' interess ġenerali u l-prinċipji tas-suq.

    2. Ir-rwol ta' l-Unjoni Ewropea

    * Waqt li hemm opinjonijiet differenti dwar il-ħtieġa li jiġi emendat it-Trattat, hemm qbil kbir dwar il-fatt li l-Komunità għandha tingħata setgħat addizzjonali fil-qasam tas-servizzi ta' interess ġenerali.

    * Ir-responsabbiltajiet tal-Komunità u ta' l-Istati Membri jidhru li huma ċari. Madankollu, hemm talbiet għal kjarezza tar-regoli tal-Komunità f'xi oqsma.

    * Jeżisti qbil li r-regolament speċifiku għas-settur għandu jkun estiż għas-servizzi kollha. Madankollu, għal xi servizzi (ilma, skart, transport pubbliku lokali) ġew espressi opinjonijiet diversi dwar jekk qafas regolatorju speċifiku huwiex mixtieq fil-livell tal-Komunità. Hija enfasizzata l-ħtieġa li jittieħed kont ta' l-ispeċifikalitajiet ta' settur bħal dak tas-saħħa.

    * Hemm konsensus kbir dwar il-fatt li m'hemm l-ebda ħtieġa għall-ħolqien ta' awtoritajiet regolatorji Ewropej f'dan l-istadju. Networks ta' regolatorji nazzjonali koordinati fil-livell Ewropew jidhru li huma s-soluzzjoni preferita.

    3. Leġislazzjoni speċifika għas-settur u qafas legali ġenerali

    * L-opinjonijiet dwar il-ħtieġa għal qafas leġislattiv ġenerali għadhom maqsuma. Madankollu, hemm qbil dwar il-ħtieġa kontinwa għal leġislazzjoni speċifika għas-settur.

    * Għadd ta' kontribuzzjonijiet jenfasizzaw il-benefiċċji tal-politiki settorjali eżistenti. Oħrajn isemmu li l-liberalizzazzjoni kellha konsegwenzi soċjali u ekonomiċi negattivi.

    4. Servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali u servizzi mhux-ekonomiċi

    * Ħafna kontributuri jħossu li d-distinzjoni hija importanti. Madankollu, numru ta' kontribuzzjonijiet jitolbu kriterji oħra minbarra d-distinzjoni ekonomika - mhux-ekonomika sabiex tinħoloq iktar ċertezza legali.

    * Waqt li hemm xi interess fi kjarezza ulterjuri tas-sitwazzjonijiet ta' l-organizzazzjonijiet li jipprovdu servizzi soċjali taħt il-liġi tal-Komunità u fil-protezzjoni tas-servizzi mhux-ekonomiċi ta' interess ġenerali bħala parti mill-mudell soċjali Ewropew, hemm qbil qawwi dwar il-fatt li l-Komunità m'għandhiex tingħata setgħat addizzjonali fil-qasam tas-servizzi mhux-ekonomiċi.

    5. Sett komuni ta' obbligi

    * Hemm opinjonijiet differenti dwar il-ħtieġa u l-possibbiltà ta' attwazzjoni fit-twaqqif ta' sett komuni ta' obbligi fil-livell tal-Komunità. Filwaqt li xi kontribuzzjonijiet jenfasizzaw il-ħtieġa li jkunu stabbiliti obbligi tas-settur pubbliku skond is-settur, kummenti oħra jgħidu li kunċett komuni huwa xieraq u neċessarju.

    * Jidher li hemm konsensus kbir dwar il-fatt li regolament fil-livell tal-Komunità għandu jistabbilixxi il-prinċipji u l-għanijiet, waqt li l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jimplimentaw u jispeċifikaw ir-regoli skond is-sitwazzjonijiet u l-ħtiġijiet speċifiċi li jeżistu fil-livell nazzjonali u reġjonali.

    * M'hemm l-ebda qbil dwar l-implimentazzjoni effettiva tar-rekwiżiti fil-leġislazzjoni tal-Komunità jew dwar l-impatt ta' dawn ir-rekwiżiti fuq il-koeżjoni soċjali u territorjali. Toħroġ l-idea li għadu kmieni wisq biex wieħed jifforma opinjoni u li evalwazzjoni dettaljati hija meħtieġa.

    * Jeżistu fehmiet differenti fir-rigward tal-ħtieġa li jkunu introdotti obbligi addizzjonali fil-livell tal-Komunità u fir-rigward tal-ħtieġa li jkunu estiżi r-rekwiżiti eżistenti għal servizzi oħra ta' interess ġenerali.

    6. Obbligi speċifiċi għas-settur

    * Ma tantx jidher li hemm appoġġ għall-introduzzjoni fil-livell tal-Komunità ta' obbligi addizzjonali speċifiċi għas-settur f'dan l-istadju. Madankollu, toħroġ l-idea li s-sitwazzjoni għandha tkun monitorata mill-qrib fir-rigward tas-setturi differenti, b'mod partikolari fir-rigward tas-sigurtà fil-forniment. Hemm ukoll xi talbiet għal titjib fl-aċċess u l-interkonnettività f'xi setturi.

    * Ma jeżisti l-ebda qbil fir-rigward tal-ftuħ ta' settur ta' l-ilma fil-livell tal-Komunità.

    * Hemm qbil kbir dwar il-fatt li m'għandha tittieħed l-ebda miżura speċifika tal-Komunità dwar il-pluraliżmu fil-medja f'dan l-istadju u li l-protezzjoni tal-pluraliżmu għandha tkun f'idejn l-Istati Membri.

    7. Definizzjoni ta' l-obbligi u l-għażla ta' l-organizzazzjoni

    * Xi kontribuzzjonijiet jenfasizzaw il-problemi li jirriżultaw mill-applikazzjoni, kif perċepita minn dawk li wieġbu, tal-liġi tal-Komunità, b'mod partikolari fl-oqsma ta' l-akkwist u ta' l-għajnuna ta' l-istat. Hemm talba għal kjarifika tar-regoli dwar il-konċessjonijiet u l-isħubiji bejn il-pubbliku u l-privat. Xi kummenti jirreferu wkoll għas-sitwazzjonijiet fejn jinħoloq ostaklu għat-twettiq tas-suq intern fil-livell nazzjonali.

    * Il-kummenti jaqblu li armonizzazzjoni ulterjuri ta' l-obbligi tas-servizz pubbliku fil-livell tal-Komunità m'hix mixtieqa.

    * Ħafna kontribuzzjonijiet jesprimu interess fi skambju flessibbli u mhux-burokratiku ta' l-aqwa prattiki u valuri ta' riferiment fir-rigward ta' l-organizzazzjoni tas-servizzi ta' interess ġenerali.

    8. Finanzjament tas-servizzi ta' interess ġenerali

    * Hemm talba qawwija għal kjarifika u simplifikazzjoni tar-regoli li japplikaw għall-iffinanzjar tas-servizzi ta' interess ġenerali, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-għajnuna ta' l-istat. Is-sentenza reċenti ta' l-ECJ fil-każ Altmark tidher bħala pożittiva iżda m'hix biżżejjed.

    * Hemm ukoll konsensus kbir dwar il-fatt li l-Istati Membri għandhom ikunu ħielsa li jiddeterminaw l-iktar mod xieraq ta' finanzjament ta' servizz ta' interess ġenerali, bil-kondizzjoni li l-kompetizzjoni ma tkunx imfixkla.

    9. L-evalwazzjoni tas-servizzi ta' interess ġenerali

    * Filwaqt li hemm opinjonijiet differenti dwar l-importanza totali ta' l-evalwazzjoni, hemm konsensus dwar il-fatt li l-evalwazzjoni għandha tkun komprensiva u għandha tqis il-kriterji politiċi, soċjali, ekonomiċi u ambjentali.

    * Ma jeżisti l-ebda qbil dwar il-medda ta' servizzi li għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni jew fir-rigward ta' l-arranġamenti proċedurali u istituzzjonali neċessarji.

    10. Id-dimensjoni internazzjonali

    * Hemm talba ċara sabiex ikun assigurat li l-pożizzjonijiet meħuda mill-Komunità f'negozjati tal-kummerċ internazzjonali jkunu b'mod sħiħ konsistenti mal-qafas regolatorju intern ta' l-UE.

    * Numru ta' kummenti jitolbu wkoll għal iktar informazzjoni u trasparenza fir-rigward tan-negozjati tal-kummerċ internazzjonali.

    * L-importanza kruċjali tas-servizzi bażiċi essenzjali għall-iżvilupp ta' l-ifqar pajjiżi hija rikonoxxuta b'mod qawwi. L-aċċess għall-finanzi u l-attrazzjoni ta' investiment barrani huma identifikati bħala l-problemi ewlenin.

    Anness 3: Deskrizzjoni qasira u ġenerika ta' reviżjonijiet settorjali importanti

    Komunikazzjoni elettronika

    - Reviżjoni tal-pjan ta' azzjoni eEurope sa Ġunju 2004

    - Reviżjoni tad-dispożizzjonijiet dwar in-networks tal-Cable TV tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/77/KE sa l-aħħar ta' l-2004

    - Reviżjoni ta' l-għan tas-servizz universali taħt id-Direttiva tas-Servizz Universali 2002/22/KE sa Lulju 2005

    - Reviżjoni tal-pakkett ta' komunikazzjoni elettronika sa Lulju 2006

    Servizzi Postali

    - Rapport dwar l-applikazzjoni tad-direttiva postali qabel it-tmiem ta' l-2004, u imbagħad kull sentejn

    - Rapport magħmul sa l-aħħar ta' l-2006 dwar studju prospettiv dwar l-impatt fuq is-servizz universali tat-twettiq sħiħ tas-suq intern postali fl-2009. Proposta li tikkonferma, jekk meħtieġ, id-data ta' l-2009 għat-twettiq sħiħ tas-suq intern postali jew li tiddetermina xi stadju ieħor fid-dawl tal-konklużjonijiet ta' l-istudju

    Elettriċità

    - Rapporti Annwali dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/54/KE, inkluż kull tieni sena rapport dwar l-obbligi tas-servizz pubbliku

    - Rapport dettaljat tal-progress dwar il-ħolqien ta' suq intern għall-elettriċità sa l-1 ta' Jannar 2006. Proposti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fejn meħtieġ, biex ikunu garantiti livelli għolja ta' servizz pubbliku

    - Rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament 1228/2003 dwar aċċess permezz ta' network għal skambji ta' elettriċità lilhinn mill-fruntieri sa Lulju 2006

    - Proposti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fejn meħtieġ, biex tkun assigurata distribuzzjoni sħiħa u effettiva ta' operaturi tas-sistema qabel l-1 ta' Lulju 2007. Fejn meħtieġ, dawn il-proposti se jindirizzaw wkoll kwistjonijiet ta' dominanza tas-suq, konċentrazzjoni tas-suq u mġiba predatorja jew mhux-kompetittiva

    Gass

    - Rapporti Annwali dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/55/KE, inkluż kull tieni sena rapport dwar l-obbligi tas-servizz

    - Rapport dettaljat tal-progress dwar il-ħolqien ta' suq intern għall-gass sa l-1 ta' Jannar 2006. Proposti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fejn meħtieġ, biex ikunu garantiti livelli għolja ta' servizz pubbliku

    - Proposti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fejn meħtieġ, biex tkun assigurata distribuzzjoni sħiħa u effettiva ta' operaturi tas-sistema qabel l-1 ta' Lulju 2007. Fejn meħtieġ, dawn il-proposti se jindirizzaw wkoll kwistjonijiet ta' dominanza tas-suq, konċentrazzjoni tas-suq u mġiba predatorja jew mhux-kompetittiva

    Ilma

    - Preżentazzjoni mill-Kummissjoni tar-riżultati ta' l-evalwazzjoni tagħha tas-settur ta' l-ilma qabel it-tmiem ta' l-2004

    Trasport

    - 2004: Adozzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tat-tieni pakkett dwar il-ferroviji li preżentement jinsab fl-istadju ta' konċiljazzjoni

    - Adozzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tat-tielet pakkett dwar il-ferroviji qabel it-tmiem ta' l-2004

    - Adozzjoni qabel it-tmiem ta' l-2004 mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tar-regolament propost dwar ir-rekwiżiti tas-servizz pubbliku u dwar l-għoti ta' kuntratti tas-servizz pubbliku fit-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija, fit-toroq, u minn passaġġi interni ta' l-ilma

    Xandir

    - Rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva "Televiżjoni mingħajr fruntieri", jekk meħtieġ, akkumpanjata bi proposti leġislattivi fil-bidu ta' l-2005

    Top