Kies de experimentele functies die u wilt uitproberen

Dit document is overgenomen van EUR-Lex

Document 42012Y1219(01)

    Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill fis- 27 ta’ Novembru 2012 dwar il-parteċipazzjoni u l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ b'enfasi fuq dawk li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni

    ĠU C 393, 19.12.2012, blz. 15–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.12.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 393/15


    Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill fis-27 ta’ Novembru 2012 dwar il-parteċipazzjoni u l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ b'enfasi fuq dawk li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni

    2012/C 393/05

    IL-KUNSILL U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI, IMLAQQGĦIN FIL-KUNSILL,

    WAQT LI JFAKKRU FL-ISFOND POLITIKU GĦAL DIN IL-KWISTJONI KIF JIDHER Fl-ANNESS, B'MOD PARTIKOLARI LI:

    1.

    l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jirreferi għar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi bħala valuri ċentrali tal-Unjoni Ewropea. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà fejn il-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel huma prevalenti (1);

    2.

    l-Artikolu 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi azzjoni tal-Unjoni Ewropea li għandha tkun immirata lejn l-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika fl-Ewropa;

    3.

    ir-Riżoluzzjoni dwar qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018) (2) tirreferi għall-promozzjoni taċ-ċittadinanza attiva taż-żgħażagħ u l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ kollha fost l-objettivi ġenerali tagħha, u tidentifika l-parteċipazzjoni u l-inklużjoni soċjali bħala tnejn mit-tmien oqsma ta' azzjoni tagħha. Ir-Riżoluzzjoni tistabbilixxi li r-rikonoxximent li ż-żgħażagħ kollha huma riżorsa għas-soċjetà, u li jiġi sostnut id-dritt taż-żgħażagħ li jipparteċipaw fl-iżvilupp ta' linji ta' politika li jaffettwawhom permezz ta' djalogu strutturat kontinwu maż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, huma fost il-prinċipji gwida li għandhom jiġu osservati fil-linji ta' politika u l-attivitajiet kollha li jikkonċernaw iż-żgħażagħ;

    4.

    l-Ewropa 2020 tippreżenta tliet prijoritajiet li jsaħħu lil xulxin ibbażati fuq it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Bħala parti mill-inizjattiva ewlenija tagħha, il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali, hija speċifikament issemmi l-ħtieġa li tiġi żgurata l-koeżjoni soċjali u territorjali biex b'hekk il-benefiċċji tat-tkabbir u l-impjiegi jiġu kondiviżi b'mod mifrux, u li l-persuni li jesperjenzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali jkunu jistgħu jgħixu f'dinjità u jieħdu sehem attiv fis-soċjetà. Hija tirreferi wkoll għall-qasam taż-Żgħażagħ bħala qasam ewlieni li fih l-inizjattiva Żgħażagħ Attivi għandha l-kompitu li ttejjeb il-prestazzjoni tas-sistemi edukattivi, kemm formali kif ukoll mhux formali, u li tiffaċilita d-dħul taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol.

    U WAQT LI JINNOTAW LI:

    5.

    dawn il-konklużjonijiet jimmiraw iż-żgħażagħ kollha b'enfasi fuq dawk li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni (3).

    WAQT LI JIEĦDU KONT LI:

    6.

    il-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ tkopri l-oqsma kollha li jaffettwaw il-ħajja taż-żgħażagħ, kif ukoll l-involviment attiv fi proċessi demokratiċi;

    7.

    l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ tinkludi l-aċċess għal servizzi bħas-saħħa, l-edukazzjoni formali u t-tagħlim mhux formali u informali, it-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT), il-kultura, id-djar, is-sevizzi soċjali u l-impjiegi, irrispettivament mis-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali;

    8.

    id-diversità razzjali, etnika, kulturali u reliġjuża hija karatteristika ċentrali tal-Unjoni Ewropea. Il-mobbiltà u l-migrazzjoni kienu sors kbir ta' diversità; fl-2011 kien hemm 20,5 miljun ċittadin ta' pajjiż terz, ġeneralment imsejħa immigranti fil-kuntest tal-UE, li jgħixu fl-UE, li jammontaw għal madwar 4 % tal-popolazzjoni totali tal-UE u 12,8 miljun ċittadin tal-UE li jgħixu fi Stat Membru ieħor li mhuwiex dak tagħhom, li jirrappreżentaw 2,5 % tal-popolazzjoni tal-UE27 (4);

    9.

    l-età tal-immigranti tvarja fl-Istati Membri. Fl-2011 aktar minn nofshom kellhom bejn l-20 u l-34 sena (5);

    10.

    l-effetti negattivi tal-kriżi ekonomika u finanzjarja fuq it-tkabbir u l-impjiegi qed jaffettwaw b'mod partikolari liż-żgħażagħ b'inqas opportunitajiet. B'mod partikolari, ir-rata tal-Unjoni Ewropea tal-qgħad fost iż-żgħażagħ laħqet il-livelli inkwetanti ta' 'l fuq minn 20 %, u qed togħla, għal dawk li għandhom anqas minn 25 sena. 21,1 % taż-żgħażagħ li għandhom bejn it-18 u l-24 sena huma f'riskju ta' faqar;

    11.

    l-avvenimenti fin-Nofsinhar tal-Mediterran mit-tmiem tal-2010 kkawżaw movimenti sinifikanti ta' migranti żgħażagħ, b'impatt dirett fuq il-fruntieri tal-UE;

    12.

    il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta' immigranti mhux mill-UE (EIF) ifittex li jippromwovi l-kooperazzjoni Ewropea, bl-objettiv li jiggarantixxi drittijiet, responsabbiltajiet u opportunitajiet komparabbli għal kulħadd (6).

    WAQT LI JIKKUNSIDRAW LI:

    13.

    l-edukazzjoni formali u t-tagħlim mhux formali u informali huma ta' importanza vitali għall-integrazzjoni u l-koeżjoni soċjali b'mod sħiħ. Iż-żgħażagħ kollha għandu jkollhom aċċess ugwali għall-edukazzjoni, it-taħriġ u s-suq tax-xogħol. Permezz tal-integrazzjoni taż-żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni fis-sistema edukattiva tal-pajjiż ta' akkoljenza, huma jkunu jistgħu jwessgħu l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom, li jgħinhom b'mod sinifikanti biex isibu impjieg;

    14.

    it-tagħlim mhux formali u informali huwa ta' appoġġ għall-edukazzjoni formali u jista' jżid l-inklużjoni soċjali u ekonomika taż-żgħażagħ. F'dan il-kuntest, il-ħidma tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u tal-ħaddiema li jaħdmu fost iż-żgħażagħ imwettqa miż-żgħażagħ, magħhom u għalihom, partikolarment dawk li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni, hija importanti;

    15.

    għadd kbir ta' attivitajiet ta' tagħlim mhux formali u informali huma promossi permezz tal-programmi ta' finanzjament tal-UE. Ċerti programmi, bħall-programmi għaż-żgħażagħ, huma aġġustati għall-ħtiġijiet taż-żgħażagħ u huma aċċessibbli minn kull persuna żagħżugħa indipendentament mil-livell edukattiv, l-ambjent u l-għażliet diversi tagħhom;

    16.

    għadd dejjem jikber ta' studji wrew li nisa u rġiel żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni jibqgħu jiffaċċjaw żvantaġġi kbar fl-edukazzjoni, fis-suq tax-xogħol, u fit-transizzjoni mill-edukazzjoni għas-suq tax-xogħol, minkejja l-fatt li porzjon kbir ta' dan il-grupp ta' persuni kien soċjalizzat jew imwieled fil-pajjiż ta' residenza tagħhom (7). Barra minn dan, id-data tindika lin-nisa żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni huma aktar milquta mill-qgħad u l-esklużjoni soċjali mill-irġiel żgħażagħ;

    17.

    l-integrazzjoni b'suċċess tal-migranti hija essenzjali għall-prosperità, l-fehim reċiproku u l-komunikazzjoni mhux biss tal-migranti individwali u s-soċjetà lokali iżda wkoll tal-UE kollha, peress li hija tikkontribwixxi kemm għat-tkabbir ekonomiku kif ukoll għar-rikkezza kulturali;

    18.

    l-għoti ta' setgħa liċ-ċittadini żgħażagħ mobbli tal-UE u liż-żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni biex iwettqu l-potenzjal tagħhom li jipparteċipaw fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u dak Ewropew huwa fattur essenzjali għall-kisba ta' inklużjoni soċjali akbar u għall-funzjonament sod, sostenibbli u demokratiku u aktar żvilupp tas-soċjetajiet;

    19.

    ir-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta' intolleranza jkomplu jkunu ta' tħassib qawwi fl-UE, inkluż għaż-żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni. Kwalunkwe azzjoni mmirata lejn iż-żgħażagħ, inklużi dawk li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni, għandha tirrispetta l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, b'mod partikolari il-promozzjoni tan-nondiskriminazzjoni, id-drittijiet tat-tfal u l-protezzjoni tad-data personali u ma għandhiex twassal għal stigmatizzazzjoni ta' kwalunkwe grupp partikolari;

    20.

    strateġiji li jimmiraw lejn l-inklużjoni Soċjali għandhom jiffaċiltaw il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni fil-ħajja demokratika, ekonomika, soċjali u kulturali.

    JIDENTIFIKAW IL-PRIJORITAJIET LI ĠEJJIN GĦAT-TISĦIĦ TAL-PARTEĊIPAZZJONI U L-INKLUŻJONI SOĊJALI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ LI ĠEJJIN MINN AMBJENT TA' MIGRAZZJONI:

    Huwa vitali li tiġi promossa l-parteċipazzjoni sħiħa u l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ kollha, speċjalment dawk iż-żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni, b'mod partikolari billi;

    21.

    iż-żgħażagħ kollha jiġu involuti fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politiki kollha li jaffettwawhom;

    22.

    jiġu promossi d-djalogu u l-fehim interkulturali; notevolment billi jiġu involuti b'mod attiv persuni li ġejjin minn ambjenti kulturali differenti fis-soċjetà, u b'hekk jiġu miġġielda d-diskriminazzjoni, ir-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta' intolleranza;

    23.

    tiġi promossa l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel zgħażagħ, b'mod partikolari billi jingħataw aċċess ugwali għal edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità; u jiġi ffaċilitati transizzjonijiet bla xkiel mill-edukazzjoni għas-suq tax-xogħol;

    24.

    jiġi rikonoxxut ir-rwol prinċipali tat-tagħlim mhux formali u informali, u li jiġu vvalidati l-eżiti tat-tagħlim tiegħu;

    25.

    jiġi rikonoxxut ir-rwol li għandhom l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, inklużi organizzazzjonijiet ta' zgħażagħ migranti u partijiet oħra tas-soċjetà ċivika, fl-appoġġ għall-inklużjoni taż-żgħażagħ;

    26.

    jiġu involuti b'mod attiv l-awtoritajiet lokali, reġjonali, u nazzjonali fl-implimentazzjoni tal-politika tal-inklużjoni soċjali; u tiġi mtejba l-kooperazzjoni tagħhom fi kwistjonijiet assoċjati mal-migrazzjoni, inkluż appoġġ għall-parteċipazzjoni u l-inklużjoni soċjali taż-zgħażagħ;

    27.

    tiġi rikonoxxuta l-importanza tat-tagħlim tal-lingwa(i) uffiċjali tal-pajjiż ta' akkoljenza, kif ukoll ta' lingwi barranin oħra.

    JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI, FL-AMBITU TAL-KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHOM U B'RISPETT DOVUT GĦALL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ, SABIEX:

    28.

    jieħdu kont tal-ħtiġijiet speċifiċi u d-diffikultajiet li jaffrontaw iż-żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni fl-iżvilupp tal-politika u l-għoti tas-servizzi; jipprovdu servizzi li huma aċċessibbli faċilment għaż-żgħażagħ li esperjenzaw jew jinsabu fil-periklu li jesperjenzaw diskriminazzjoni, ksenofobija u razziżmu; jirrikonoxxu li ċ-ċittadinanza attiva taż-żgħażagħ […] hija bbażata ugwalment fuq ir-responsabbiltajiet u l-impenn tagħhom għal parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà;

    29.

    jippromwovu x-xogħol taż-żgħażagħ u l-politika taż-żgħażagħ, li jistgħu jtejbu l-parteċipazzjoni attiva, l-inklużjoni soċjali, is-solidarjetà u d-djalogu interkulturali taż-żgħażagħ, li jwasslu għall-aċċettazzjoni tad-diversità li qed tikber fost iż-żgħażagħ kollha; jiżviluppaw metodi innovattivi biex titwettaq il-ħidma taż-żgħażagħ f'żoni fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ;

    30.

    jippromwovu l-iżvilupp personali u l-benesseri taż-żgħażagħ kollha, permezz ta' opportunitajiet tax-xogħol taż-żgħażagħ, sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-potenzjal tagħhom u jsiru membri tas-soċjetà attivi u involuti;

    31.

    jappoġġaw l-involviment u l-parteċipazzjoni attiva fiż-żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni fil-komunitajiet lokali tagħhom, b'mod partikolari rigward l-opportunitajiet ta' tagħlim nonformali u informali;

    32.

    iżidu l-aċċessibbiltà għal attivitajiet kulturali, sportivi u ta' divertiment, minħabba li huma għodod importanti għall-inklużjoni soċjali ta' żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni u ċittadini żgħażagħ mobbli tal-UE;

    33.

    jiżviluppaw sistemi ta' edukazzjoni u ta' taħriġ kif ukoll jipprovdu l-għalliema bit-taħriġ u l-kompetenzi meħtieġa, li jwieġbu għall-ħtiġijiet speċifiċi ta' kull min jitgħallem, inkluż appoġġ aħjar għat-tagħlim għaż-żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni;

    34.

    jippromwovu l-multilingwiżmu ta' ċittadini żgħażagħ mobbli tal-UE u żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni u jappoġġaw il-kisba tal-lingwa(i) uffiċjali fil-pajjiż fejn jgħixu, sabiex ikunu jistgħu jiksbu għarfien u jipparteċipaw b'mod sħiħ f'attivitajiet edukattivi, kulturali u soċjali;

    35.

    jikkooperaw ma' ħaddiema u organizzazzjonijiet li jaħdmu fost iż-żgħażagħ, inklużi organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni, biex jiżviluppaw, jippromwovu u jappoġġaw attivitajiet ta' tagħlim aċċessibbli bejn il-pari sabiex irawmu r-rispett, it-tolleranza u l-fehim interkulturali reċiproċi;

    36.

    jippromwovu l-inklużjoni soċjali fis-soċjetà ta' informazzjoni billi pereżempju jissaħħaħ il-litteriżmu tal-media fost iż-żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni;

    37.

    jappoġġaw ċittadini żgħażagħ mobbli tal-UE u żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni huma u jagħmlu t-transizzjoni mill-edukazzjoni jew it-taħriġ għax-xogħol u jiżguraw aċċess ugwali għaż-żgħażagħ kollha għal skemi ta' garanzija taż-żgħażagħ skont il-leġiżlazzjoni u s-servizzi nazzjonali;

    38.

    jippromwovu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini żgħażagħ mobbli tal-UE u żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni fl-istrutturi ta' teħid ta' deċiżjonijiet u jsaħħu l-parteċipazzjoni u l-kontribut effettivi tagħhom għall-politika u l-programmi li jaffettwawhom;

    39.

    jappoġġaw in-netwerking u jistimulaw sħubijiet strateġiċi bejn l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, inklużi l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni, l-awtoritajiet fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali kif ukoll fis-settur privat biex jiġu organizzati proġetti u avvenimenti mmexxija miż-żgħażagħ li jirrikonoxxu d-diversità u jippromwovu l-inklużjoni.

    JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI, FL-AMBITU TAL-KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHOM U B'RISPETT DOVUT GĦALL-PRINĊIPJU TA' SUSSIDJARJETÀ, SABIEX:

    40.

    jinvolvu liż-żgħażagħ kollha fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politika kollha li taffettwahom;

    41.

    janalizzaw is-sitwazzjoni differenzjata skont is-sessi ta' żgħażagħ nisa u rġiel li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni u jistabbilixxu miżuri għal opportunitajiet ugwali u l-ugwaljanza bejn is-sessi;

    42.

    jirrikonoxxu r-rwol importanti li taqdi s-soċjetà lokali billi tappoġġa żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni biex iwessgħu l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom, permezz ta' edukazzjoni formali u dik mhix formali u tagħlim informali u opportunitajiet ta' żvilupp;

    43.

    jagħmlu l-awqa użu mis-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013 bil-ħsieb li jingħata enfasi fuq il-mobbiltà u l-parteċipazzjoni sħiħa ta' ċittadini żgħażagħ mobbli tal-UE fis-soċjetà Ewropea u tissaħħaħ is-sensibilizzazzjoni tad-drittijiet u r-responsabbiltajiet taċ-ċittadini żgħażagħ mobbli tal-UE u żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni biex jippromwovu l-koeżjoni u l-fehim reċiproku;

    44.

    jippromwovu l-kooperazzjoni transettorjali u s-sinerġija ta' diversi partijiet interessati li jittrattaw kwistjonijiet ta' migrazzjoni fil-livell nazzjonali, reġjonali u Ewropew;

    45.

    jappoġġaw programmi u attivitajiet biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-impjiegi u tittejjeb l-impjegabbiltà ta' ċittadini żgħażagħ mobbli tal-UE u żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni, permezz ta' gwida għall-karriera u informazzjoni dwar l-impjiegi, l-edukazzjoni u l-opportunitajiet ta' taħriġ;

    46.

    janalizzaw il-possibbiltajiet ta' informazzjoni u servizzi ta' konsulenza għaż-żgħażagħ biex jimmiraw liż-żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni, sabiex jingħataw informazzjoni u konsulenza mfassla apposta u innovattiva permezz ta' metodi wiċċ imb'wiċċ u dawk online;

    47.

    jinkoraġġixxu u jappoġġaw il-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, inklużi l-organizzazzjonijiet għal żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni, u l-mezzi tal-informazzjoni biex jippromwovu stampa imparzjali ta' żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni sabiex tissaħħaħ l-inklużjoni soċjali;

    48.

    jilqgħu l-adozzjoni ta' rakkomandazzjoni proposta tal-Kunsill dwar il-validazzjoni ta' tagħlim mhux formali u informali u jirrikonoxxu r-rwol tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fost l-oħrajn bħala fornituri ewlenin ta' tagħlim mhux formali u informali, li huwa ta' importanza kbira għaż-żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni;

    49.

    jistinkaw biex jiżguraw li l-implimentazzjoni tal-ġenerazzjoni li jmiss ta' programmi tal-UE u strumenti oħra li jimmiraw liż-żgħażagħ tkun aċċessibbli u adattata għall-ħtiġijiet taż-żgħażagħ kollha u jissaħħu l-appoġġ u l-finanzjament ta' attivitajiet taż-żgħażagħ fil-livelli kollha li jiffukaw fuq l-inklużjoni soċjali u d-djalogu interkulturali ta' żgħażagħ mill-pajjiżi tal-UE u ta' dawk li mhumiex fl-UE.

    JISTIEDNU LILL-KUMMISSJONI, FIL-KOMPETENZA TAGĦHA BIEX:

    50.

    tippromwovi l-prattiki tajba dwar l-“Inklużjoni Soċjali” ta' ċittadini żgħażagħ mobbli tal-UE u żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni, ibbażati fuq studji rilevanti, bħar-rapport dwar il-politika taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka dwar l-ICTs għal żgħażagħ żvantaġġati u l-istudju dwar il-Valur tax-xogħol taż-żgħażagħ, li ser juru attivitajiet ta' xogħol taż-żgħażagħ u l-valur tagħhom għal żgħażagħ fl-UE;

    51.

    issaħħaħ sinerġiji bejn politiki rilevanti, b'mod partikolari r-rabta bejn l-istrateġija taż-Żgħażagħ tal-UE u l-prijorità tat-“Tkabbir Inklużiv” tal-Ewropa 2020;

    52.

    tiġbor iktar evidenza u għarfien dwar is-suġġetti tal-Parteċipazzjoni u l-Inklużjoni Soċjali taż-żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni u ċ-ċittadini żgħażagħ mobbli tal-UE.


    (1)  Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

    (2)  ĠU C 311, 19.12.2009, p. 1.

    (3)  Għall-finijiet ta' dawn il-konklużjonijiet it-terminu “Żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni” ser jintuża biex jiddeskrivi żgħażagħ residenti legalment li huma ċittadini ta' pajjiż terz irrispettivament minn fejn twieldu u dawk li saru ċittadini tal-Istat Membru iżda li l-ġenituri tagħhom twieldu barra mill-UE. Għall-finijiet ta' dawn il-konklużjonijiet, it-terminu “ċittadini żgħażagħ mobbli tal-UE” ser jintuża biex ikopri dawk iċ-ċittadini tal-UE li jirrisjedu f'pajjiż tal-UE fejn la twieldu huma u lanqas il-ġenituri tagħhom, b'hekk jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu u residenza skont it-Trattat. Hemm differenza ċara bejn l-oqfsa legali li japplikaw għal ċittadini ta' pajjiż terz u għal Ċittadini tal-UE li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu. Ta' min jinnota li l-miżuri kollha li jirreferu għall-integrazzjoni japplikaw għal ċittadini ta' pajjiż terz waqt li l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà lokali japplikaw kemm għaċ-ċittadini żgħażagħ mobbli tal-UE kif ukoll għal żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni.

    (4)  Eurostat-Statistics in focus, 31/2012.

    (5)  Sors Eurostat (migr_pop2ctz).

    (6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/435/KE tal-25 ta’ Ġunju 2007 li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-perjodu mill-2007 sal-2013 bħala parti mill-Programm Ġenerali Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni (ĠU L 168, 28.6.2007, p. 18).

    (7)  L-Istudju tal-FRA dwar il-migranti, il-minoranzi u l-impjiegi (2011).


    ANNESS

    Sfond politiku

    1.

    Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 2001 dwar il-promozzjoni tal-inizjattiva, tal-intraprendenza u tal-kreattività taż-żgħażagħ: tal-inklużjoni tal-awtonomija (1).

    2.

    Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2008 dwar il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ b'anqas opportunitajiet (2).

    3.

    Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2009 dwar l-edukazzjoni ta’ tfal bi sfond ta’ migrazzjoni (3).

    4.

    Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2009 dwar qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018) (4).

    5.

    Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta’ Novembru 2010 dwar ir-rwol tal-isport bħala sors u mutur tal-inklużjoni soċjali attiva (5).

    6.

    Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ (6).

    7.

    Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar l-inklużjoni attiva taż-żgħażagħ: ġlieda kontra l-qgħad u l-faqar (7).

    8.

    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Indirizzar tal-faqar tat-tfal u l-promozzjoni tal-benesseri tat-tfal — adottati fis-17 ta' Ġunju 2011 (8).

    9.

    Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 2011 dwar kompetenzi lingwistiċi għat-tisħiħ tal-mobilità (9).

    10.

    Konklużjonijiet dwar l-Aġenda Ewropea għall-Integrazzjoni ta' Ċittadini ta' Pajjiżi Terzi adottati mill-Kunsill ĠAI, f'Diċembru 2011 (10).

    11.

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Aġenda Ewropea għall-Integrazzjoni ta' Ċittadini ta' Pajjiżi Terzi (11).

    12.

    Ewropa 2020 — Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv (12).


    (1)  ĠU C 196, 12.7.2001, p. 2.

    (2)  ĠU C 141, 7.6.2008, p. 1.

    (3)  ĠU C 301, 11.12.2009, p. 5.

    (4)  ĠU C 311, 19.12.2009, p. 1.

    (5)  ĠU C 326, 3.12.2010, p. 5.

    (6)  ĠU C 327, 4.12.2010, p. 1.

    (7)  ĠU C 137, 27.5.2010, p. 1.

    (8)  Dok. 11844/11.

    (9)  ĠU C 372, 20.12.2011, p. 27.

    (10)  Dok. 18296/11.

    (11)  COM(2011) 455 finali.

    (12)  COM(2010) 2020 finali.


    Naar boven