Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R1732

    Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1732 tas-17 ta’ Ġunju 2024 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1173 fir-rigward ta’ inizjattiva EuroHPC għan-negozji ġodda sabiex tingħata spinta lit-tmexxija Ewropea f’intelliġenza artifiċjali affidabbli

    ST/10109/2024/INIT

    ĠU L, 2024/1732, 19.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1732/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1732/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/1732

    19.6.2024

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2024/1732

    tas-17 ta’ Ġunju 2024

    li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1173 fir-rigward ta’ inizjattiva EuroHPC għan-negozji ġodda sabiex tingħata spinta lit-tmexxija Ewropea f’intelliġenza artifiċjali affidabbli

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 187 u l-Artikolu 188, l-ewwel paragrafu, tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

    Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali (l-“Att dwar l-IA”) għandu l-għan li jtejjeb il-funzjonament tas-suq intern billi jistabbilixxi qafas legali uniformi b’mod partikolari għall-iżvilupp, il-kummerċjalizzazzjoni u l-użu tal-intelliġenza artifiċjali (“IA”) f’konformità mal-valuri tal-Unjoni.

    (2)

    Sa mill-2021, meta ġie adottat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/1173 (3), il-qasam tal-IA avvanza immens teknikament u sar dominju strateġiku u kkontestat ħafna madwar id-dinja. L-Unjoni tinsab fuq quddiem nett fl-isforzi biex tappoġġa r-riċerka u l-innovazzjoni responsabbli f’IA affidabbli u etika, u fl-istess waqt qed tistabbilixxi lqugħ regolatorju u tiżviluppa governanza effettiva.

    (3)

    Fit-13 ta’ Settembru 2023, bħala parti minn approċċ komprensiv li jappoġġa r-riċerka u l-innovazzjoni responsabbli fl-IA, il-Kummissjoni ħabbret inizjattiva strateġika ġdida biex il-kapaċità komputazzjonali ta’ prestazzjoni għolja tal-Unjoni ssir disponibbli għan-negozji ġodda Ewropej innovattivi f’IA affidabbli sabiex ikunu jistgħu jħarrġu l-mudelli tagħhom. Dik l-inizjattiva tikkumplimenta l-ħidma fuq l-istabbiliment ta’ lqugħ regolatorju għall-IA permezz tal-Att dwar l-IA, li jistabbilixxi strutturi ta’ governanza u jappoġġa l-innovazzjoni permezz tal-Pjan Ikkoordinat dwar l-Intelliġenza Artifiċjali.

    (4)

    Billi l-aktar kapaċità b’saħħitha ta’ supercomputing ta’ klassi dinjija tal-Unjoni tinsab fil-faċilitajiet tal-Impriża Konġunta għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew (l-“Impriża Konġunta”), jenħtieġ li dawk il-faċilitajiet ikunu disponibbli biex l-inizjattiva tal-Unjoni tkun tista’ ssir realtà. Għalhekk jeħtieġ jiddaħħal is-seba’ objettiv mas-sitt objettivi eżistenti tal-Impriża Konġunta li jikkonċerna l-kontribut tas-supercomputers tagħha għall-inizjattiva l-ġdida tal-Unjoni dwar l-IA.

    (5)

    Bl-objettiv il-ġdid, l-Impriża Konġunta tkun tista’ twettaq attivitajiet fid-dominji tal-akkwist u t-tħaddim ta’ supercomputers jew partizzjonijiet ta’ supercomputers ottimizzati permezz tal-IA biex ikun jista’ jseħħ l-apprendiment awtomatiku u t-taħriġ ta’ mudelli tal-IA bi skop ġenerali. Jenħtieġ li l-Impriża Konġunta tkun tista’ toħloq mod ta’ aċċess ġdid għar-riżorsi tal-computing tagħha għall-ekosistema tan-negozji ġodda tal-IA u għall-ekosistema tar-riċerka u l-innovazzjoni u tiżviluppa applikazzjonijiet iddedikati tal-IA li jkunu ottimizzati biex jaħdmu fuq is-supercomputers tagħha. Jenħtieġ li l-Impriża Konġunta titħalla wkoll taħtar entitajiet eżistenti tal-hosting tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew bħala Fabbriki tal-IA jekk l-entità tal-hosting tkun tista’ turi li s-supercomputer tagħha għandu biżżejjed riżorsi tal-computing għat-taħriġ ta’ mudelli ta’ IA bi skop ġenerali u fuq skala kbira u applikazzjonijiet tal-IA emerġenti, u dment li l-entità tal-hosting timplimenta l-firxa sħiħa ta’ attivitajiet addizzjonali meħtieġa biex tiżviluppa u tappoġġa l-ekosistema tal-IA. B’dawk il-bidliet, l-Impriża Konġunta tkun tista’ toffri qawwa u servizzi komputazzjonali mfassla apposta li jħeġġu t-taħriġ, l-iżvilupp u l-adozzjoni tal-IA fuq skala kbira fl-Unjoni, li mhux fattibbli bir-Regolament attwali. Jenħtieġ li l-fabbriki tal-IA jinteraġixxu ma’ xulxin u ma’ inizjattivi rilevanti tal-IA tal-Unjoni, u, fejn applikabbli, il-fabbriki tal-IA jistgħu jinteraġixxu mal-ekosistemi nazzjonali tal-IA rilevanti u mal-inizjattivi nazzjonali tal-IA.

    (6)

    Biex id-data tal-applikazzjoni tal-bidliet introdotti b’dan ir-Regolament emendatorju tiġi allinjata mad-data tal-applikazzjoni tal-Att dwar l-IA, jenħtieġ li dan ir-Regolament emendatorju japplika mingħajr dewmien żejjed.

    (7)

    Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2021/1173 jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (UE) 2021/1173 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

    “(3a)

    ‘supercomputer ottimizzat permezz tal-IA’ tfisser supercomputer li jkun iddisinjat prinċipalment għat-taħriġ ta’ mudelli tal-intelliġenza artifiċjali (IA) bi skop ġenerali u fuq skala kbira u applikazzjonijiet tal-IA emerġenti;

    (3b)

    ‘fabbrika tal-IA’ tfisser entità ċentralizzata jew distribwita li tipprovdi infrastruttura ta’ servizzi tas-supercomputing għall-IA li tkun magħmula minn supercomputer ottimizzat permezz tal-IA jew partizzjoni ta’ supercomputer għall-IA, ċentru tad-data assoċjat, aċċess apposta u servizzi ta’ supercomputing orjentati lejn l-IA, u li tattira u takkumula t-talent biex tipprovdi l-kompetenzi meħtieġa biex jintużaw is-supercomputers għall-IA;”

    ;

    (b)

    il-punt (9) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(9)

    ‘supercomputer tal-EuroHPC’ tfisser kwalunkwe sistema tal-computing li tkun proprjetà sħiħa tal-Impriża Konġunta jew li tkun koproprjetà ma’ Stati Parteċipanti oħra jew ma’ konsorzju ta’ sħab privati u li jkun supercomputer klassiku (supercomputer ta’ livell għoli, supercomputer ta’ grad industrijali, supercomputer ottimizzat permezz tal-IA jew supercomputer ta’ livell medju), kompjuter ibridu klassiku kwantistiku, kompjuter kwantistiku jew simulatur kwantistiku;”

    ;

    (2)

    fl-Artikolu 3(2), jiżdied il-punt li ġej:

    “(h)

    tiżviluppa u topera l-fabbriki tal-IA b’appoġġ għall-iżvilupp ulterjuri ta’ ekosistema tal-IA ferm kompetittiva u innovattiva fl-Unjoni.”

    ;

    (3)

    fl-Artikolu 4(1), jiżdied il-punt li ġej:

    “(h)

    pilastru tal-fabbrika tal-IA għal IA affidabbli u etika, li jkopri l-attivitajiet għall-għoti ta’ infrastruttura ta’ servizzi tas-supercomputing orjentata lejn l-IA li għandha l-għan li tkompli tiżviluppa l-kapaċitajiet, il-kompetenzi u l-ħiliet fir-rigward tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-ekosistema tal-IA; dan għandu jinkludi l-attivitajiet li ġejjin:

    (i)

    l-akkwist u t-tħaddim ta’ supercomputers ottimizzati permezz tal-IA kolokalizzati ma’ ċentri tad-data jew konnessi ma’ ċentri tad-data permezz ta’ networks b’veloċità għolja ħafna;

    (ii)

    l-aġġornar tas-supercomputers eżistenti tal-EuroHPC b’kapaċitajiet ta’ IA;

    (iii)

    l-għoti ta’ aċċess u opportunitajiet ta’ aċċess ekwu għas-supercomputers ottimizzati permezz tal-IA jew għas-supercomputers EuroHPC li ġew aġġornati b’kapaċitajiet tal-IA, inkluż li l-użu tagħhom jinfetaħ għal għadd kbir ta’ utenti pubbliċi u privati, inkluż għan-negozji ġodda u l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju;

    (iv)

    it-tħaddim ta’ ċentri ta’ servizzi tas-supercomputing orjentati lejn l-IA ċentralizzati jew distribwiti b’appoġġ għall-ekosistema tan-negozji ġodda fil-qasam tal-IA u l-ekosistema tar-riċerka u l-innovazzjoni li jipprovdu appoġġ algoritmiku, appoġġ għall-iżvilupp, it-taħriġ, l-ittestjar, l-evalwazzjoni u l-validazzjoni ulterjuri ta’ mudelli u sistemi tat-taħriġ tal-IA, u appoġġ għall-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet emerġenti tal-IA fuq skala kbira f’oqsma strateġiċi bħas-saħħa u l-kura, it-tibdil fil-klima, ir-robotika, jew is-sewqan konness u awtomatizzat;

    (v)

    it-tħaddim ta’ faċilitajiet ta’ programmazzjoni adattati għas-supercomputers, inkluż għall-parallelizzazzjoni tal-applikazzjonijiet tal-IA biex jiġi ottimizzat l-użu tal-kapaċitajiet tas-supercomputing;

    (vi)

    it-tħaddim ta’ servizzi oħra tas-supercomputing li jippermettu l-IA;

    (vii)

    l-attrazzjoni, l-akkomunament u t-taħriġ tat-talent biex jiġu żviluppati l-kompetenzi u l-ħiliet tagħhom fl-użu tas-supercomputers EuroHPC għall-IA;

    (viii)

    l-interazzjoni mal-fabbriki l-oħra tal-IA, l-aċċessibbiltà tas-servizzi tagħhom madwar l-Ewropa, u l-kooperazzjoni maċ-Ċentri ta’ Kompetenza u ċ-Ċentri ta’ Eċċellenza EuroHPC, u mal-inizjattivi rilevanti tal-IA tal-Unjoni, bħaċ-ċentri tan-negozji ġodda fil-qasam tal-Intelliġenza Artifiċjali, l-ekosistemi tal-Intelliġenza Artifiċjali u tad-data, il-Faċilitajiet għall-Ittestjar u l-Esperimentazzjoni tal-Intelliġenza Artifiċjali, il-pjattaforma ċentrali Ewropea tal-Intelliġenza Artifiċjali, iċ-Ċentri ta’ Innovazzjoni Diġitali orjentati lejn l-Intelliġenza Artifiċjali, l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija u l-Komunitajiet tal-Għarfien u l-Innovazzjoni fil-qasam tal-Intelliġenza Artifiċjali, l-infrastrutturi Ewropej rilevanti tar-riċerka u inizjattivi relatati oħra.”

    ;

    (4)

    l-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 5, jiżdied is-suparagrafu li ġej:

    “Għas-supercomputers ottimizzati permezz tal-IA, għandhom japplikaw il-kriterji tal-għażla addizzjonali li ġejjin għall-entitajiet tal-hosting:

    (a)

    prossimità ma’ ċentru tad-data stabbilit jew konnessjoni ma’ ċentru tad-data stabbilit permezz ta’ networks b’veloċità għolja ħafna;

    (b)

    il-viżjoni, il-pjanijiet u l-kapaċità tal-entità tal-hosting li tindirizza l-isfidi tal-ekosistema tan-negozji ġodda fil-qasam tal-IA, l-ekosistema tar-riċerka u l-innovazzjoni, u l-komunità tal-utenti tal-IA, u tipprovdi servizz ta’ supercomputing orjentat lejn l-IA ċentralizzat jew distribwit;

    (c)

    il-kwalità u l-pertinenza tal-esperjenza u l-għarfien prattiku disponibbli fi ħdan it-tim li hu mistenni li jkun responsabbli għall-ambjent ta’ appoġġ tas-servizz tas-supercomputing orjentat lejn l-IA;

    (d)

    il-pjanijiet għall-interazzjoni u l-kooperazzjoni ma’ fabbriki oħra tal-IA, maċ-Ċentri ta’ Kompetenza tal-EuroHPC u ċ-Ċentri ta’ Eċċellenza tal-EuroHPC u ma’ inizjattivi rilevanti tal-IA bħaċ-ċentri tan-negozji ġodda fil-qasam tal-Intelliġenza Artifiċjali, l-ekosistemi tal-Intelliġenza Artifiċjali u d-data, il-Faċilitajiet għall-Ittestjar u l-Esperimentazzjoni fil-qasam tal-Intelliġenza Artifiċjali, il-pjattaforma ċentrali Ewropea tal-Intelliġenza Artifiċjali, iċ-Ċentri ta’ Innovazzjoni Diġitali orjentati lejn l-Intelliġenza Artifiċjali u inizjattivi oħra relatati;

    (e)

    il-kapaċitajiet eżistenti u l-pjanijiet futuri tal-entità tal-hosting biex tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-akkomunament tat-talent”

    ;

    (b)

    jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “5a   Entità tal-hosting eżistenti tista’ tapplika biex issir fabbrika tal-IA. Wara sejħa għal espressjonijiet ta’ interess, entità tal-hosting eżistenti għandha tintgħażel mill-Bord tat-Tmexxija permezz ta’ proċess ġust u trasparenti bbażat, fost l-oħrajn, fuq il-kriterji tal-għażla deskritti fl-Artikolu 9(5), it-tieni subparagrafu, u dment li l-entità tal-hosting tkun tista’ turi li s-supercomputer tal-EuroHPC tagħha għandu biżżejjed riżorsi tal-computing għat-taħriġ ta’ mudelli ta’ IA bi skop ġenerali u fuq skala kbira u applikazzjonijiet emerġenti tal-IA.”

    ;

    (c)

    jiddaħħal il-paragrafu li ġej

    “6a   Għas-supercomputers ottimizzati permezz tal-IA msemmija fl-Artikolu 12a, l-entità tal-hosting għandha toħloq punt uniku tas-servizz għall-utenti, inkluż in-negozji ġodda, intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u utenti xjentifiċi, biex tiffaċilita l-aċċess għas-servizzi ta’ appoġġ tagħha.”

    ;

    (5)

    fl-Artikolu 10(2), il-punt (l) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(l)

    il-kundizzjonijiet speċifiċi applikabbli meta l-entità tal-hosting topera supercomputer tal-EuroHPC għall-użu industrijali jew supercomputer ottimizzat permezz tal-IA.”

    ;

    (6)

    jiddaħħal l-artikolu li ġej:

    “Artikolu 12a

    Akkwist u sjieda ta’ supercomputers ottimizzati permezz tal-IA

    1.   L-Impriża Konġunta għandha takkwista supercomputers ottimizzati permezz tal-IA u għandha tkun is-sid tagħhom.

    2.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 5(1) għandha tkopri sa 50 % tal-kostijiet tal-akkwist flimkien ma’ sa 50 % tal-kostijiet operatorji tas-supercomputers ottimizzati permezz tal-IA. Il-kostijiet operatorji jinkludu l-kostijiet għas-servizzi tas-supercomputing orjentati lejn l-IA.

    Il-kost totali li jifdal tas-sjieda tas-supercomputers ottimizzati permezz tal-IA għandu jkoprih l-Istat Parteċipanti fejn tkun stabbilita l-entità tal-hosting jew l-Istati Parteċipanti fil-konsorzju tal-hosting, possibbilment issupplimentat bil-kontribuzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6.

    3.   L-għażla tal-fornitur tas-supercomputers ottimizzati permezz tal-IA għandha tindirizza s-sigurtà tal-katina tal-provvista. Din għandha tkun ibbażata fuq speċifikazzjonijiet tal-offerta li jkunu mmexxija mid-domanda u li jqisu r-rekwiżiti tal-utenti u l-ispeċifikazzjonijiet ġenerali tas-sistema pprovduti mill-entità tal-hosting magħżula fl-applikazzjoni tagħha għas-sejħa għal espressjoni ta’ interess.

    4.   L-Impriża Konġunta tista’ taġixxi bħala l-ewwel utent tas-supercomputers ottimizzati permezz tal-IA li jintegraw teknoloġiji żviluppati primarjament fl-Unjoni.

    5.   Jekk ikun debitament ġustifikat għal raġunijiet ta’ sigurtà, fil-programm ta’ ħidma, il-Bord tat-Tmexxija jista’ jiddeċiedi li jpoġġi kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-fornituri fl-akkwist tas-supercomputers ottimizzati permezz tal-IA f’konformità mal-Artikolu 12(6) tar-Regolament (UE) 2021/694, jew inkella li jillimita l-parteċipazzjoni tal-fornituri għal raġunijiet ta’ sigurtà jew meta l-azzjonijiet jirrelataw direttament mal-awtonomija strateġika tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 18(4) ta’ dak ir-Regolament.

    6.   Is-supercomputers ottimizzati permezz tal-IA għandhom ikunu f’entità tal-hosting ta’ supercomputer tal-EuroHPC jew ċentru tas-supercomputing li jkun jinsab fl-Unjoni.

    7.   Mingħajr preġudizzju għall-istralċ tal-Impriża Konġunta, kif imsemmi fl-Artikolu 23(4) tal-Istatuti, mhux qabel ħames snin wara t-test ta’ aċċettazzjoni b’suċċess mis-supercomputer ottimizzat permezz tal-IA installat f’entità tal-hosting, is-sjieda tas-supercomputer ottimizzat permezz tal-IA tista’ tiġi trasferita lil dik l-entità tal-hosting jew is-supercomputer ottimizzat permezz tal-IA tista’ tinbiegħ lil entità oħra jew tiġi dekummissjonata permezz ta’ deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija u f’konformità mal-ftehim tal-hosting. Fil-każ ta’ trasferiment tas-sjieda ta’ supercomputer ottimizzat permezz tal-IA, l-entità tal-hosting għandha tirrimborża lill-Impriża Konġunta l-valur residwu tas-supercomputer li jiġi trasferit. Jekk ma jsir l-ebda trasferiment tas-sjieda lill-entità tal-hosting iżda tittieħed deċiżjoni għad-dekummissjonar tas-supercomputer ottimizzat permezz tal-IA, il-kostijiet rilevanti għandhom jinqasmu b’mod ugwali bejn l-Impriża Konġunta u l-entità tal-hosting. L-Impriża Konġunta ma għandhiex tkun responsabbli għall-kostijiet imġarrba wara t-trasferiment tas-sjieda tas-supercomputer ottimizzat permezz tal-IA jew wara l-bejgħ jew id-dekummissjonar tas-supercomputer ottimizzat permezz tal-IA.”

    ;

    (7)

    l-Artikolu 15 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   L-Impriża Konġunta tista’ tniedi sejħa għal espressjonijiet ta’ interess għall-aġġornament tas-supercomputers tal-EuroHPC li jkun proprjetarja jew koproprjetarja tagħhom, biex iżżid il-livell ta’ prestazzjoni tas-supercomputer qrib l-iskala eksa, biex iżżid il-kapaċitajiet tal-IA tas-supercomputer, jew biex iżżid il-prestazzjoni operattiva tas-supercomputer b’xi mod ieħor, inkluż permezz ta’ aċċelleraturi kwantistiċi.”

    ;

    (b)

    il-paragrafu 2 jitħassar;

    (c)

    il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “5.   Il-persentaġġ tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-kostijiet tal-akkwist tal-aġġornament għandu jkun l-istess bħall-persentaġġ tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għas-supercomputer oriġinali tal-EuroHPC, deprezzat għall-bqija tal-ħajja mistennija tas-supercomputer oriġinali. Il-perċentwal tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-kostijiet operattivi addizzjonali tal-aġġornament għandu jkun l-istess bħall-persentaġġ tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għas-supercomputer oriġinali tal-EuroHPC. Għas-supercomputers fuq skala peta akkwistati matul iż-żmien tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1488, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-aġġornament għandha tkopri sa 35 % tal-kostijiet operatorji addizzjonali.”

    ;

    (8)

    l-Artikolu 16 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “1a.   Is-supercomputers ottimizzati permezz tal-IA u s-supercomputers tal-EuroHPC aġġornati għall-kapaċitajiet tal-IA għandhom jintużaw primarjament għall-iżvilupp, l-ittestjar, l-evalwazzjoni u l-validazzjoni ta’ mudelli tat-taħriġ ta’ IA bi skop ġenerali u fuq skala kbira u għal applikazzjonijiet emerġenti tal-IA, kif ukoll għall-iżvilupp ulterjuri ta’ soluzzjonijiet tal-IA fl-Unjoni li jeħtieġu Computing ta’ Prestazzjoni Għolja u l-eżekuzzjoni ta’ algoritmi tal-IA fuq skala kbira biex jissolvew problemi tax-xjenza.”

    ;

    (b)

    jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “2a.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jiddefinixxi kundizzjonijiet speċjali tal-aċċess għas-supercomputers ottimizzati permezz tal-IA u għas-supercomputers tal-EuroHPC aġġornati għall-kapaċitajiet tal-IA f’konformità mal-Artikolu 17, filwaqt li jqis il-ħtiġijiet speċifiċi tal-ekosistema tan-negozji ġodda fil-qasam tal-IA u tal-ekosistema tar-riċerka u l-innovazzjoni. Dawk għandhom jinkludu aċċess iddedikat għan-negozji ġodda u l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. Għall-aċċess għandhom ikunu eliġibbli biss il-proposti għall-iżvilupp ta’ mudelli, sistemi u applikazzjonijiet tal-IA affidabbli u etiċi li jkunu konformi mal-valuri tal-Unjoni.”

    ;

    (9)

    fl-Artikolu 17, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Is-sehem tal-ħin tal-aċċess tal-Unjoni għal kull supercomputer tal-EuroHPC ta’ livell għoli, kwantistiku u ottimizzat permezz tal-IA għandu jkun direttament proporzjonali għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 5(1) għall-kost totali tas-sjieda tas-supercomputer tal-EuroHPC u għalhekk ma għandux jaqbeż il-50 % tal-ħin tal-aċċess totali tas-supercomputer tal-EuroHPC.”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, is-17 ta’ Ġunju 2024.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. MARON


    (1)  L-opinjoni tal-24 ta’ April 2024 (għadha mhijiex ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  L-opinjoni tal-20 ta’ Marzu 2024 (għadha mhijiex ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/1173 tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-istabbiliment tal-Impriża Konġunta għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew u li jħassar ir-Regolament (UE) 2018/1488 (ĠU L 256, 19.7.2021, p. 3).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1732/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top