Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R1720

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1720 tal-20 ta’ Ġunju 2024 li jemenda r-Regolament (UE) 2020/1148 fir-rigward tal-kompilazzjoni tal-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur

    C/2024/4153

    ĠU L, 2024/1720, 21.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1720/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1720/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/1720

    21.6.2024

    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1720

    tal-20 ta’ Ġunju 2024

    li jemenda r-Regolament (UE) 2020/1148 fir-rigward tal-kompilazzjoni tal-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur u l-indiċi armonizzat tal-prezzijiet tad-djar, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(4) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) 2016/792 jistabbilixxi qafas komuni għall-produzzjoni tal-indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur (HICP), tal-indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur b’rati tat-taxxa kostanti (HICP-CT), tal-indiċi tal-prezzijiet tal-abitazzjonijiet okkupati mis-sidien, u tal-indiċi tal-prezzijiet tad-djar.

    (2)

    It-tibdil sinifikanti fil-metodi tal-produzzjoni tal-HICP u tal-HICP-CT jista’ jirriżulta f’bidla permanenti u sinifikanti, ’il fuq jew ’l isfel, fil-livell tal-indiċi. Dan imbagħad jirriżulta f’rati ta’ bidla annwali distorti għal sena wara li ssir il-bidla. Sabiex jiġu żgurati rati ta’ bidla imparzjali, jista’ jkun meħtieġ li jiġi aġġustat il-livell tal-indiċi. Aġġustament bħal dan jenħtieġ li jiġi derivat mill-prezzijiet osservati.

    (3)

    Sabiex jiġi żgurat li l-indiċijiet armonizzati jkunu komparabbli, huma meħtieġa kundizzjonijiet uniformi għall-użu tal-aġġustamenti fil-kompilazzjoni tal-HICP u tal-HICP-CT fil-każ ta’ bidliet sinifikanti fil-metodi tal-produzzjoni.

    (4)

    Il-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat tas-Sistema tal-Istatistika Ewropea,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1148 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 2, jiżdiedu l-punti (34) u (35) li ġejjin:

    “(34)

    ‘Fattur ta’ ċaqliq fil-livell’ tfisser fattur iddeterminat mill-proporzjon bejn il-bidliet fil-prezzijiet miksuba bl-użu ta’ metodi tal-produzzjoni attwali u ġodda, fejn il-bidla fil-prezz titkejjel minn sena kalendarja għall-perjodu ta’ referenza tal-prezz, rispettivament:

    Formula

    L-indiċi katina f’Diċembru tas-sena

    Formula
    , bil-metodu tal-produzzjoni attwali, huwa indikat minn
    Formula
    . Il-medja annwali ta’ dan l-indiċi fi kwalunkwe sena kalendarja y qabel is-sena attwali t hija indikata minn ChI y . Bl-istess mod, l-indiċijiet katina, bil-metodu tal-produzzjoni l-ġdid, huma indikati minn ChI New . L-indiċijiet ChI u ChI New jista’ jkollhom perjodi ta’ referenza tal-indiċi differenti.

    (35)

    ‘Aġġustament għal ċaqliq fil-livell’ tfisser il-multiplikazzjoni tal-indiċi bil-metodu tal-produzzjoni l-ġdid fl-HICP u fl-HICP-CT, b’Diċembru tas-sena

    Formula

    bħala l-perjodu ta’ referenza tal-prezz, b’fattur rispettiv ta’ ċaqliq tal-livell, li jibda mill-ewwel xahar meta jiġi introdott il-metodu tal-produzzjoni l-ġdid sa tmiem is-sena kalendarja.”

    (2)

    Fil-Kapitolu 2, jiddaħħal l-Artikolu 22 li ġej:

    “Artikolu 22

    Applikazzjoni tal-aġġustamenti għal ċaqliq fil-livell

    1.   L-Istati Membri jistgħu japplikaw aġġustament għal ċaqliq fil-livell jekk biss l-introduzzjoni ta’ bidla sinifikanti fil-metodu tal-produzzjoni, kif definita fl-Artikolu 2(21) tar-Regolament (UE) 2016/792, tirriżulta f’bidla permanenti u sinifikanti, ’il fuq jew ’l isfel, fil-livell tal-indiċi marbut katina.

    2.   L-aġġustament għal ċaqliq fil-livell għandu jiġi applikat fl-aktar livell dettaljat li fih jistgħu jintrabtu l-indiċijiet ikkalkulati bil-metodi tal-produzzjoni attwali u l-ġodda.

    3.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni (Eurostat) dwar is-subindiċijiet li għalihom jiġu applikati l-aġġustamenti għal ċaqliq fil-livell u dwar il-valur tal-aġġustamenti fil-mument tal-ewwel trażmissjoni tad-data li għaliha jsiru l-aġġustamenti.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Ġunju 2024.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 135, 24.5.2016, p. 11, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2016/792/oj.


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1720/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top