EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R1501

Regolament (UE) 2024/1501 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar miżuri temporanji ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ li jissupplimentaw il-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti mir-Repubblika tal-Moldova skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra

PE/60/2024/REV/1

ĠU L, 2024/1501, 29.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1501/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1501/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1501

29.5.2024

REGOLAMENT (UE) 2024/1501 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta’ Mejju 2024

dwar miżuri temporanji ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ li jissupplimentaw il-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti mir-Repubblika tal-Moldova skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (2) (il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”), jikkostitwixxi l-bażi tar-relazzjoni bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Moldova. Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/492/UE (3), it-Titolu V tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li jirrigwarda l-kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ, applika proviżorjament mill-1 ta’ Settembru 2014, u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2016, wara r-ratifika mill-Istati Membri kollha.

(2)

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jesprimi x-xewqa tal-Partijiet għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (il-“Partijiet”) li jsaħħu u jwessgħu r-relazzjonijiet b’mod ambizzjuż u innovattiv, li jiffaċilitaw u jiksbu integrazzjoni ekonomika gradwali, u li jagħmlu dan f’konformità mad-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mis-sħubija tal-Partijiet fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

(3)

L-Artikolu 143 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jipprovdi għall-istabbiliment progressiv ta’ żona ta’ kummerċ ħieles bejn il-Partijiet f’konformità mal-Artikolu XXIV tal-Ftehim Ġenerali tal-1994 dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT 1994). Għal dan il-għan, l-Artikolu 147 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jipprevedi l-eliminazzjoni progressiva tad-dazji doganali f’konformità mal-Iskedi inklużi f’Anness XV tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-possibbiltà li l-ambitu ta’ tali eliminazzjoni jitħaffef u jitwessa’.

(4)

Il-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna mill-24 ta’ Frar 2022, kellha impatt negattiv profond fuq il-kapaċità tar-Repubblika tal-Moldova li tagħmel kummerċ mal-bqija tad-dinja, b’mod partikolari minħabba li l-esportazzjonijiet mir-Repubblika tal-Moldova jiddependu fuq it-tranżitu mit-territorju Ukren u fuq l-infrastruttura Ukrena, li bħalissa fil-biċċa l-kbira mhumiex disponibbli. Taħt ċirkostanzi kritiċi bħal dawn u biex jittaffew l-effetti negattivi fuq l-ekonomija tar-Repubblika tal-Moldova tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, huwa neċessarju li jitħaffef l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet ekonomiċi eqreb bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Moldova u li jkompli jingħata appoġġ lill-ekonomija tar-Repubblika tal-Moldova. Huwa għalhekk neċessarju u xieraq li jibqgħu jiġu stimulati l-flussi kummerċjali u li jingħataw konċessjonijiet fil-forma ta’ miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ għall-prodotti kollha f’konformità mal-aċċellerazzjoni tal-eliminazzjoni tad-dazji doganali fuq il-kummerċ bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Moldova.

(5)

F’konformità mal-Artikolu 21(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-Unjoni hija meħtieġa tiżgura l-konsistenza bejn l-oqsma differenti tal-azzjoni esterna tagħha. Skont l-Artikolu 207(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-politika kummerċjali komuni trid titwettaq fil-kuntest tal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni.

(6)

Ir-Regolament (UE) 2023/1524 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jiskadi fl-24 ta’ Lulju 2024.

(7)

Il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ temporanji stabbiliti b’dan ir-Regolament jenħtieġ li jieħdu l-forma li ġejja: (i) is-sospensjoni tal-applikazzjoni tas-sistema ta’ prezzijiet ta’ dħul għall-frott u l-ħxejjex; u (ii) is-sospensjoni tal-kwoti tariffarji u tad-dazji tal-importazzjoni kollha. Permezz ta’ dawk il-miżuri, l-Unjoni se tapprofondixxi l-integrazzjoni ekonomika bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-Unjoni u tipprovdi temporanjament appoġġ ekonomiku xieraq għall-benefiċċju tar-Repubblika tal-Moldova u l-operaturi ekonomiċi li huma affettwati bil-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

(8)

Sabiex jiġi evitat il-frodi, jenħtieġ li l-jedd għall-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ stabbiliti permezz ta’ dan ir-Regolament ikun kundizzjonali fuq li r-Repubblika tal-Moldova tkun ikkonformat mal-kundizzjonijiet rilevanti kollha biex jinkisbu l-benefiċċji skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, inklużi r-regoli tal-oriġini tal-prodotti kkonċernati u l-proċeduri relatati magħhom, kif ukoll l-involviment tar-Repubblika tal-Moldova f’kooperazzjoni amministrattiva mill-qrib mal-Unjoni, kif previst mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

(9)

Jenħtieġ li r-Repubblika tal-Moldova żżomm lura milli tintroduċi dazji jew imposti ġodda li jkollhom effett ekwivalenti u restrizzjonijiet kwantitattivi ġodda jew miżuri li jkollhom effett ekwivalenti għall-importazzjonijiet li joriġinaw fl-Unjoni, milli żżid il-livelli eżistenti ta’ dazji jew imposti jew milli tintroduċi kwalunkwe restrizzjoni oħra, sakemm dan ma jkunx iġġustifikat b’mod ċar fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Fil-każ li r-Repubblika tal-Moldova tonqos milli tikkonforma ma’ kwalunkwe waħda minn dawk il-kundizzjonijiet, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha s-setgħa li tissospendi temporanjament il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ kollha jew parti minnhom stabbiliti minn dan ir-Regolament.

(10)

L-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jipprevedi li, fost affarijiet oħra, l-osservanza tal-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kif ukoll il-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva, materjali relatati u l-mezzi ta’ kunsinna tagħhom jikkostitwixxu elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Skont l-istess Artikolu, il-Partijiet jimpenjaw ruħhom b’mod partikolari favur il-prinċipji ġenerali li ġejjin: ir-rispett għall-prinċipji tal-istat tad-dritt u l-governanza tajba, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-attivitajiet kriminali, organizzati jew le, inklużi dawk ta’ karattru tranżnazzjonali, u t-terroriżmu, u r-rispett għall-prinċipji ta’ żvilupp sostenibbli u multilateraliżmu effettiv. Huwa xieraq li tiġi introdotta l-possibbiltà li jiġu sospiżi temporanjament il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ previsti f’dan ir-Regolament jekk ir-Repubblika tal-Moldova tonqos milli tirrispetta jew dawk l-elementi essenzjali jew dawk il-prinċipji ġenerali.

(11)

Soġġett għal valutazzjoni mill-Kummissjoni mwettqa fil-kuntest tal-monitoraġġ regolari tal-impatt ta’ dan ir-Regolament u mnedija jew wara talba debitament sostanzjata minn Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni stess, huwa meħtieġ li tiġi prevista l-possibbiltà li tittieħed kwalunkwe miżura meħtieġa rigward l-importazzjonijiet ta’ kwalunkwe prodott li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament li qed jaffettwa b’mod negattiv is-suq tal-Unjoni jew is-suq ta’ Stat Membru wieħed jew aktar għal prodotti simili jew li jikkompetu direttament.

(12)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex tissospendi temporanjament l-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ previsti f’dan ir-Regolament jekk il-kundizzjonijiet għall-intitolament għal dawk l-arranġamenti preferenzjali ma jibqgħux jiġu rrispettati, u biex tintroduċi salvagwardji f’każijiet fejn is-suq tal-Unjoni jew is-suq ta’ Stat Membru wieħed jew aktar għal prodotti simili jew li jikkompetu direttament jiġu affettwati b’mod negattiv mill-importazzjonijiet skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Il-proċedura konsultattiva jenħtieġ li tintuża għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja provviżorji, minħabba l-effetti u n-natura ta’ dawk il-miżuri u l-loġika sekwenzjali tagħhom fir-rigward tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja definittivi.

(13)

Jenħtieġ li r-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni taż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva, li hija parti integrali mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, jinkludi valutazzjoni fid-dettall tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ stabbiliti permezz ta’ dan ir-Regolament.

(14)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika fir-Repubblika tal-Moldova u tal-iskadenza tar-Regolament (UE) 2023/1524 fl-24 ta’ Lulju 2024, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-25 ta’ Lulju 2024,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ

Il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ li ġejjin huma introdotti:

(a)

il-kwoti tariffarji kollha stabbiliti skont l-Anness XV-A tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandhom jiġu sospiżi u l-prodotti koperti minn dawk il-kwoti għandhom jiġu ammessi għall-importazzjoni fl-Unjoni mir-Repubblika tal-Moldova mingħajr ebda dazju doganali;

(b)

l-applikazzjoni tas-sistema ta’ prezzijiet ta’ dħul għandha tiġi sospiża għal dawk il-prodotti li għalihom tapplika kif speċifikat fl-Anness XV-B tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni; l-ebda dazju doganali ma għandu japplika għall-importazzjonijiet ta’ dawk il-prodotti.

Artikolu 2

Kundizzjonijiet għall-intitolament għall-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ

Il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ previsti fl-Artikolu 1 għandhom ikunu soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-konformità tar-Repubblika tal-Moldova mar-regoli tal-oriġini tal-prodotti u l-proċeduri relatati magħhom, kif previst fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni;

(b)

li r-Repubblika tal-Moldova tastjeni milli tintroduċi dazji jew imposti ġodda li jkollhom effett ekwivalenti u restrizzjonijiet kwantitattivi ġodda jew miżuri li jkollhom effett ekwivalenti għal importazzjonijiet li joriġinaw mill-Unjoni, milli żżid il-livelli eżistenti ta’ dazji jew imposti jew milli tintroduċi kwalunkwe restrizzjoni oħra, inklużi miżuri diskriminatorji amministrattivi interni, sakemm dan ma jkunx iġġustifikat b’mod ċar fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; u

(c)

li r-Repubblika tal-Moldova tirrispetta l-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kif ukoll il-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva, materjali relatati u l-mezzi ta’ twassil tagħhom, ir-rispett għall-prinċipji tal-istat tad-dritt u l-governanza tajba, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-attivitajiet kriminali, organizzati jew le, inklużi dawk ta’ karattru tranżnazzjonali, u t-terroriżmu, u tirrispetta l-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli u l-multilateraliżmu effettiv previsti fl-Artikoli 2, 9 u 16 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

Artikolu 3

Sospensjoni temporanja tal-miżuri

1.   Fejn il-Kummissjoni ssib li hemm biżżejjed evidenza ta’ nuqqas ta’ konformità mir-Repubblika tal-Moldova mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2, hija tista’, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, tissospendi kompletament jew parzjalment il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ stipulati f’dan ir-Regolament. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 5(3).

2.   Meta Stat Membru jitlob li l-Kummissjoni tissospendi kwalunkwe waħda mill-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ previsti f’dan ir-Regolament abbażi ta’ nuqqas mir-Repubblika tal-Moldova li tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2, il-punt (b), il-Kummissjoni għandha tipprovdi opinjoni motivata fi żmien erba’ xhur mit-talba dwar jekk il-pretensjoni ta’ nuqqas ta’ konformità tar-Repubblika tal-Moldova hijiex sostanzjata. Jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-allegazzjoni tkun sostanzjata, għandha tagħti bidu għall-proċedura msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 4

Miżuri ta’ salvagwardja

1.   Fejn prodott kopert mill-Artikolu 1 li joriġina fir-Repubblika tal-Moldova jiġi importat taħt kundizzjonijiet li jaffettwaw b’mod negattiv is-suq tal-Unjoni jew is-suq ta’ Stat Membru wieħed jew aktar għal prodotti simili jew li jikkompetu direttament, il-Kummissjoni tista’ timponi kwalunkwe miżura li tkun meħtieġa permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 5(3).

Tali miżura tista’ tiġi imposta sakemm ikun meħtieġ biex jikkontrobattu l-effetti negattivi fuq is-suq tal-Unjoni jew fuq is-suq ta’ Stat Membru wieħed jew aktar għal prodotti simili jew li jikkompetu direttament.

2.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja regolarment l-impatt ta’ dan ir-Regolament, filwaqt li tqis l-informazzjoni dwar l-esportazzjonijiet, l-importazzjonijiet, il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni jew fis-suq ta’ Stat Membru wieħed jew aktar u l-produzzjoni tal-Unjoni tal-prodotti soġġetti għall-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ skont l-Artikolu 1, il-punt (a).

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar ir-riżultati tal-monitoraġġ regolari kull xahrejn, mill-25 ta’ Lulju 2024..

3.   Il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni tas-sitwazzjoni tas-suq tal-Unjoni jew tas-suq ta’ Stat Membru wieħed jew aktar għal prodotti simili jew f’kompetizzjoni diretta bl-għan li timponi miżuri skont il-paragrafu 1. Dik il-valutazzjoni għandha titnieda:

(a)

wara talba sostanzjata kif xieraq minn Stat Membru li tinkludi biżżejjed evidenza prima facie disponibbli b’mod raġonevoli għal dak l-Istat Membru skont il-paragrafu 4 ta’ importazzjonijiet li jaffettwaw b’mod negattiv lis-suq kif imsemmi fil-paragrafu 1; jew

(b)

fuq l-inizjattiva tagħha stess, wara li jkun ħareġ biċ-ċar għall-Kummissjoni li hemm biżżejjed evidenza prima facie ta’ importazzjonijiet li jaffettwaw b’mod negattiv lis-suq kif imsemmi fil-paragrafu 1.

Il-valutazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tiġi konkluża fi żmien erba’ xhur mit-tnedija tagħha.

4.   Fit-twettiq tal-valutazzjoni skont il-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha tqis l-iżviluppi rilevanti kollha tas-suq, inkluż l-impatt tal-importazzjonijiet ikkonċernati fuq is-sitwazzjoni tas-suq tal-Unjoni jew tas-suq ta’ Stat Membru wieħed jew aktar għal prodotti simili jew li jikkompetu direttament. Dik il-valutazzjoni għandha tinkludi fatturi bħal:

(a)

ir-rata u l-ammont taż-żieda fl-importazzjonijiet mir-Repubblika tal-Moldova tal-prodott ikkonċernat f'termini assoluti u relattivi,

(b)

l-effett tal-importazzjonijiet ikkonċernati fuq il-produzzjoni u l-prezzijiet fuq is-suq tal-Unjoni jew fuq is-suq ta’ Stat Membru wieħed jew aktar, filwaqt li jitqies l-iżvilupp tal-importazzjonijiet minn sorsi oħra.

Il-lista ta’ fatturi msemmija fl-ewwel subparagrafu mhix eżawrjenti u fatturi rilevanti oħra jistgħu wkoll jiġu kkunsidrati.

5.   F’ċirkostanzi kritiċi fejn id-dewmien jikkawża dannu li jkun diffiċli li jissewwa, il-Kummissjoni tista’ timponi b’mod provviżorju kwalunkwe miżura li tkun meħtieġa permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. Tali miżura tista’ tiġi imposta biss wara talba debitament sostanzjata minn Stat Membru skont il-paragrafu 3, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu u għandha tiġi adottata fi żmien 21 jum wara li tkun waslet it-talba. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 5(4). It-tul ta’ żmien ta’ miżura ta’ salvagwardja proviżorja ma għandux jaqbeż il-120 jum.

6.   Meta, bħala riżultat tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni tqis li s-suq tal-Unjoni jew is-suq ta’ Stat Membru wieħed jew aktar għal prodotti simili jew li jikkompetu direttament ikun ġie affettwat ħażin u jkollha l-ħsieb li timponi miżura definittiva skont il-paragrafu 1, hija għandha tippubblika avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jħabbar l-introduzzjoni ta’ tali miżura. L-avviż għandu jipprovdi sommarju tar-riżultati ewlenin tal-valutazzjoni u jispeċifika l-perjodu li fih il-partijiet interessati jistgħu jissottomettu l-fehmiet tagħhom bil-miktub. Dak il-perjodu ma għandux jeċċedi għaxart ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż.

7.   Jekk il-Kummissjoni timponi miżura skont il-paragrafu 1 jew 5 li tintroduċi mill-ġdid kwota tariffarja sospiża mill-Artikolu 1, il-punt (a), il-kwantità importata matul is-sena kalendarja li fiha l-Kummissjoni timponi dik il-miżura għandha titqies fil-ġestjoni ta’ dik il-kwota tariffarja.

Artikolu 5

Proċedura ta’ Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali stabbilit bl-Artikolu 285(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) fir-rigward tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat dwar is-Salvagwardji stabbilit bl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) fir-rigward tal-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-Regolament. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

4.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 6

Valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ

Ir-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni taż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondit u Komprensiv għandu jinkludi valutazzjoni fid-dettall tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ previsti f’dan ir-Regolament u għandu jinkludi, sa fejn ikun xieraq, valutazzjoni tal-impatt soċjali ta’ dawk il-miżuri fir-Repubblika tal-Moldova u fl-Unjoni. L-informazzjoni dwar importazzjonijiet ta’ prodotti skont l-Artikolu 1, il-punt (a), għandha tkun disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni u għandha tiġi aġġornata kull xahar.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-25 ta’ Lulju 2024.

Huwa għandu japplika sal-24 ta’ Lulju 2025.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Mejju 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Marzu 2024 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Mejju 2024.

(2)   ĠU L 260, 30.8.2014, p. 4.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/492/UE tas-16 ta’ Ġunju 2014 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra ( ĠU L 260, 30.8.2014, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2023/1524 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2023 dwar miżuri temporanji ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ li jissupplimentaw il-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti mir-Repubblika tal-Moldova skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (ĠU L 185, 24.7.2023, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri mill-eżerċizzju tal-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni ( ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (ĠU L 83, 27.3.2015, p. 16).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1501/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top