Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R1309

    Regolament (UE) 2024/1309 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar miżuri biex tonqos l-ispiża tal-implimentazzjoni tan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi tal-gigabits, li jemenda r-Regolament (UE) 2015/2120 u li jħassar id-Direttiva 2014/61/UE (Att dwar l-Infrastruttura tal-Gigabits) (Test b’rilevanza għaz-ŻEE)

    PE/55/2024/REV/1

    ĠU L, 2024/1309, 8.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1309/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 08/05/2024

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1309/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/1309

    8.5.2024

    REGOLAMENT (UE) 2024/1309 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tad-29 ta’ April 2024

    dwar miżuri biex tonqos l-ispiża tal-implimentazzjoni tan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi tal-gigabits, li jemenda r-Regolament (UE) 2015/2120 u li jħassar id-Direttiva 2014/61/UE (Att dwar l-Infrastruttura tal-Gigabits)

    (Test b’rilevanza għaz-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    Matul l-aħħar deċennju, l-ekonomija diġitali biddlet is-suq intern mill-qiegħ. Il-viżjoni tal-Unjoni hi ta’ ekonomija diġitali li tipprovdi benefiċċji ekonomiċi u soċjali sostenibbli bbażati fuq konnettività eċċellenti, affidabbli u sigura għal kulħadd u kullimkien fl-Ewropa inkluż f’reġjuni rurali, remoti u b’popolazzjoni baxxa kif ukoll fil-kurituri tat-trasport. Infrastruttura diġitali ta’ kwalità għolja bbażata fuq networks b’kapaċità għolja ħafna kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (2) tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (“VHCNs”- very high capacity networks) tirfed kważi s-setturi kollha ta’ ekonomija moderna u innovattiva. Din tista’ tipprovdi servizzi innovattivi, operazzjonijiet kummerċjali aktar effiċjenti u soċjetajiet diġitali intelliġenti, sostenibbli, filwaqt li tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-miri klimatiċi tal-Unjoni. Għandha importanza strateġika għall-koeżjoni soċjali u territorjali, u b’mod ġenerali għall-kompetittività, ir-reżiljenza, is-sovranità diġitali u t-tmexxija diġitali tal-Unjoni. Id-diġitalizzazzjoni għandha impatt profond fuq il-ħajja soċjali, ekonomika, politika u kulturali ta’ kuljum tan-nies kollha fl-Unjoni. F’dak ir-rigward, aċċess limitat u espansjoni insuffiċjenti tan-network jistgħu japprofondixxu l-inugwaljanzi soċjali, u b’hekk joħolqu distakk diġitali ġdid bejn il-persuni li jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ minn konnettività diġitali effiċjenti u sigura, li tippermettilhom jaċċessaw firxa wiesgħa ta’ servizzi, u l-persuni li ma jistgħux jagħmlu dan. F’dak ir-rigward, l-introduzzjoni ta’ VHCNs f’reġjuni rurali, remoti u b’popolazzjoni baxxa, kif ukoll fl-akkomodazzjoni soċjali, jenħtieġ li tkun prijorità għall-proġetti ta’ investiment pubbliku, bħala aspett ewlieni tal-inklużjoni soċjali. Għaldaqstant, jenħtieġ li persuni fiżiċi u ġuridiċi fis-settur privat u pubbliku jkollhom l-opportunità li jkunu parti mill-ekonomija diġitali.

    (2)

    L-evoluzzjoni rapida tat-teknoloġiji, it-tkabbir esponenzjali fit-traffiku tal-broadband u d-domanda dejjem akbar għal konnettività avvanzata b’kapaċità għolja ħafna komplew iħaffu l-pass matul il-pandemija tal-COVID-19. Għalhekk, ħafna mill-miri stabbiliti fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Mejju 2010 intitolata “Aġenda Diġitali għall-Ewropa” intlaħqu, iżda saru wkoll obsoleti. Is-sehem tal-unitajiet domestiċi li għandhom aċċess għal veloċitajiet tal-internet ta’ 30Mbps żdied minn 58,1 % fl-2013 għal 90 % fl-2022. Id-disponibbiltà ta’ 30Mbps biss ma għadhiex valida għall-futur u mhix allinjata mal-objettivi l-ġodda stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2018/1972 biex niżguraw konnettività u disponibbiltà mifruxa ta’ VHCNs. Għalhekk, fid-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), l-Unjoni stabbiliet miri aġġornati għall-2030 li jikkorrespondu aħjar mal-ħtiġijiet tal-konnettività mistennija tal-futur fejn l-unitajiet domestiċi Ewropej kollha jenħtieġ li jkunu koperti b’network tal-gigabit biż-żoni popolati kollha jkunu koperti minn networks ta’ veloċità għolja mingħajr fili tal-ġenerazzjoni li jmiss bi prestazzjoni mill-inqas ekwivalenti għal dik tal-5G.

    (3)

    Biex jintlaħqu dawk il-miri, neħtieġu politiki li jħaffu, jissimplifikaw u jnaqqsu l-ispejjeż tal-implimentazzjoni ta’ networks fissi u bla fili b’kapaċità għolja ħafna madwar l-Unjoni, inkluż ippjanar xieraq, koordinazzjoni mtejba u l-istabbiliment ta’ proċeduri għall-għoti tal-permessi simplifikati u razzjonalizzati bħala mod kif jitnaqqas il-piż amministrattivi kemm fuq l-operaturi kif ukoll fuq l-amministrazzjonijiet nazzjonali.

    (4)

    L-integrazzjoni tal-infrastruttura spazjali u terrestri hija importanti għall-introduzzjoni tal-konnettività u t-tħejjija għall-mewġa li jmiss ta’ infrastruttura diġitali li tippermetti lill-Unjoni tkun minn ta’ quddiem nett. Il-progress tekniku reċenti ppermetta li jitfaċċaw kostellazzjonijiet ta’ komunikazzjoni bis-satellita u li gradwalment joffru servizzi ta’ konnettività b’veloċità għolja u b’latenza relattivament baxxa, biex jippermettu l-konnettività u jżidu l-koeżjoni madwar l-Unjoni, inkluż ir-reġjuni ultraperiferiċi u ż-żoni rurali, remoti u b’popolazzjoni baxxa tagħha. F’dak ir-rigward, ir-riżorsi previsti mir-Regolament (UE) 2023/588 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), u b’mod partikolari l-kapaċitajiet ta’ aċċess potenzjali għall-internet kummerċjali tal-kostellazzjoni satellitari futura jaf jiġu kkunsidrati fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni ta’ networks fissi u bla fili b’kapaċità għolja ħafna madwar l-Unjoni u jikkontribwixxu, fejn possibbli, għall-implimentazzjoni ta’ VHCNs. Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-konnettività satellitari tiġi wkoll b’elementi bbażati fuq l-art li l-implimentazzjoni tagħhom tista’ tiġi ffaċilitata minn dan ir-Regolament.

    (5)

    L-introduzzjoni ta’ VHCNs madwar l-Unjoni teħtieġ investiment sostanzjali, li proporzjon sinifikanti minnu hija l-ispiża tax-xogħlijiet tal-inġinerija ċivili. Il-kondiviżjoni tal-infrastruttura fiżika tillimita l-ispejjeż tax-xogħlijiet tal-inġinerija ċivili u tagħmel l-introduzzjoni tal-broadband avvanzat aktar effettiva.

    (6)

    Parti kbira mill-ispejjeż tal-implimentazzjoni tal-VHCNs tista’ tiġi attribwita għal ineffiċjenzi fil-proċess tal-introduzzjoni relatati ma’: (a) l-użu tal-infrastruttura passiva eżistenti, bħal tubi, conduit, toqob tal-ispezzjonar, kabinetti, arbli, installazzjonijiet tal-antenni, torrijiet u kostruzzjonijiet oħra ta’ appoġġ; (b) il-konġestjonijiet relatati mal-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili mwettqa mill-operaturi tan-networks jew mill-korpi tas-settur pubbliku; (c) il-proċeduri amministrattivi onerużi u twal biex jingħataw il-permessi; u (d) il-konġestjonijiet fl-implimentazzjoni tan-networks fil-bini, li jwasslu għal ostakli finanzjarji kbar, b’mod partikolari fiż-żoni rurali.

    (7)

    Id-Direttiva 2014/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), adottata b’rispons għall-ħtieġa li jonqsu l-ispejjeż tal-implimentazzjoni tal-broadband, kienet tinkludi miżuri għall-kondiviżjoni tal-infrastruttura, il-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv. Biex ikompli jiffaċilita l-introduzzjoni ta’ VHCNs, inkluż il-fibra u l-5G, il-Kunsill Ewropew, fil-Konklużjonijiet tiegħu dwar it-Tiswir tal-Futur Diġitali tal-Ewropa tad-9 ta’ Ġunju 2020, talab li jinħoloq pakkett ta’ miżuri addizzjonali li jappoġġaw il-ħtiġijiet attwali u emerġenti tal-implimentazzjoni tan-networks, inkluż b’rieżami tad-Direttiva 2014/61/UE.

    (8)

    Il-miżuri stabbiliti fid-Direttiva 2014/61/UE għenu biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-introduzzjonijiet tan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi b’veloċità għolja. Iżda dawn il-miżuri jenħtieġ li jissaħħu u jiġu ssimplifikati biex ikomplu jitnaqqsu l-ispejjeż u titħaffef l-introduzzjoni tan-networks.

    (9)

    Il-miżuri maħsuba biex jagħmlu l-użu tal-infrastrutturi pubbliċi u privati eżistenti aktar effiċjenti u jitnaqqsu l-ispejjeż u l-ostakli fit-twettiq tax-xogħlijiet ġodda tal-inġinerija ċivili jenħtieġ li jikkontribwixxu sostanzjalment biex tkun żgurata introduzzjoni malajr u estensiva ta’ VHCNs, inkluż f’żoni rurali, remoti jew b’popolazzjoni baxxa kif ukoll fil-kurituri tat-trasport. Jenħtieġ li dawn il-miżuri jżommu kompetizzjoni effettiva mingħajr ma jagħmlu ħsara lis-sikurezza, lis-sigurtà, u lill-operat bla xkiel tal-infrastruttura eżistenti jew lis-saħħa pubblika u l-ambjent. Jenħtieġ li jitqiesu metodoloġiji u data xjentifika adegwati.

    (10)

    Xi Stati Membri adottaw miżuri biex inaqqsu l-ispejjeż tal-introduzzjoni tal-broadband, inkluż billi jmorru lil hinn mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/61/UE. Iżda dawk il-miżuri xorta għadhom differenti ħafna fost l-Istati Membri u kisbu riżultati differenti madwar l-Unjoni. Li wħud minn dawk il-miżuri jitwessgħu fl-Unjoni kollha u li jittieħdu miżuri msaħħa ġodda jistgħu jgħinu ferm għal funzjonament aħjar tas-suq uniku diġitali. Barra minn hekk, id-differenzi fir-rekwiżiti regolatorji u l-implimentazzjoni inkonsistenti tar-regoli tal-Unjoni xi drabi jxekklu l-kooperazzjoni bejn il-kumpaniji tal-utilitajiet. Id-differenzi jistgħu wkoll joħolqu ostakli għad-dħul għal impriżi ġodda li jipprovdu jew li huma awtorizzati jipprovdu networks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jew faċilitajiet assoċjati, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (29) tad-Direttiva (UE) 2018/1972 (operaturi). Dawk id-differenzi jistgħu wkoll jagħlqu opportunitajiet ġodda tan-negozju, u b’hekk ixekklu l-iżvilupp ta’ suq intern għall-użu u l-introduzzjoni ta’ infrastruttura fiżika għal VHCNs. Barra minn hekk, il-miżuri notifikati fil-pjanijiet direzzjonali nazzjonali u fir-rapporti tal-implimentazzjoni adottati mill-Istati Membri skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1307 (7) la jkopru l-oqsma kollha tad-Direttiva 2014/61/UE u lanqas ma jindirizzaw il-kwistjonijiet kollha b’mod konsistenti u sħiħ. Dan minkejja li hu essenzjali li tittieħed azzjoni tul il-proċess kollu tal-introduzzjoni u fost is-setturi kollha biex jitħalla impatt koerenti u sinifikanti. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jkomplu jimplimentaw l-aħjar prattiki stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1307 li jistgħu jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’konformità mal-prinċipju ta’ armonizzazzjoni minima.

    (11)

    Dan ir-Regolament għandu l-għan li jsaħħaħ u jarmonizza d-drittijiet u l-obbligi applikabbli madwar l-Unjoni biex iħaffef l-introduzzjoni ta’ VHCNs u l-koordinazzjoni transsettorjali, inkluż networks ewlenin u tal-ġenerazzjoni li jmiss b’veloċità għolja bi prestazzjoni ta’ mill-inqas ekwivalenti għal dik tal-5G. Minħabba l-frammentazzjoni persistenti tas-swieq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, l-impriżi li jipprovdu, jew li huma awtorizzati jipprovdu, networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi ma jistgħux jiksbu ekonomiji ta’ skala. Nuqqas ta’ konnettività ta’ kwalità għolja fl-Unjoni jista’ jkollu effett downstream qawwi fuq il-kummerċ transfruntier u l-forniment tas-servizzi, peress li ħafna servizzi jistgħu jingħataw biss fejn ikun hemm network bi prestazzjoni adegwata madwar l-Unjoni. Filwaqt li jiżgura kundizzjonijiet imtejba ta’ kompetizzjoni, dan ir-Regolament ma jwaqqafx l-Istati Membri milli jintroduċu jew iżommu regoli nazzjonali f’konformità mal-liġi tal-Unjoni bil-ħsieb li jippromwovu l-użu konġunt tal-infrastruttura fiżika eżistenti jew li jippermettu introduzzjoni aktar effiċjenti u rapida ta’ infrastruttura fiżika ġdida billi jikkumplementaw jew imorru lil hinn mid-drittijiet u l-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament u jipprovdu soluzzjonijiet biex l-objettivi tiegħu jinkisbu aħjar. Pereżempju, l-Istati Membri jistgħu jadottaw tali regoli aktar stretti jew aktar dettaljati biex iqassru l-iskadenzi għall-għoti jew għaċ-ċaħda tal-permessi meħtieġa għall-varar, jintroduċu eżenzjonijiet supplimentari għall-permessi, jestendu d-dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili anke għal proġetti ffinanzjati privatament jew jirrikjedu li tiġi pprovduta aktar informazzjoni dwar l-infrastruttura fiżika jew ix-xogħlijiet ċivili ppjanati lil punt uniku tal-informazzjoni f’format elettroniku, jespandu d-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għall-infrastruttura fiżika eżistenti għal bini bi sjieda privata, kif ukoll jintroduċu aktar miżuri biex iħaffu l-proċeduri għall-għoti ta’ permessi, dment li ma jiksrux il-liġi tal-Unjoni inkluż id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

    (12)

    Biex tkun żgurata ċ-ċertezza legali, inkluż fir-rigward tal-miżuri regolatorji speċifiċi imposti skont il-Parti II, it-Titolu II, il-Kapitoli II sa IV, tad-Direttiva (UE) 2018/1972, id-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/77/KE (8), u d-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), id-dispożizzjonijiet ta’ dawk id-direttivi jenħtieġ li jipprevalu fuq dan ir-Regolament. Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jżommu jew jintroduċu miżuri li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, bħall-obbligi ta’ aċċess għall-wajers fil-bini, f’konformità mad-Direttiva (UE) 2018/1972.

    (13)

    Jista’ jkun ferm aktar effiċjenti għall-operaturi, b’mod partikolari għall-parteċipanti ġodda, li jerġgħu jużaw l-infrastruttura fiżika eżistenti, inkluż dik ta’ utilitajiet oħra, biex jintroduċu VHCNs jew faċilitajiet assoċjati. Dan hu l-każ b’mod partikolari għaż-żoni li ma jkollhom l-ebda network tal-komunikazzjoni elettronika addattat jew li ma jkunx ekonomikament fattibbli li jibnu infrastruttura fiżika ġdida. Barra minn hekk, is-sinerġiji bejn is-setturi jistgħu jnaqqsu b’mod sinifikanti l-ħtieġa ta’ xogħlijiet ċivili relatati mal-introduzzjoni ta’ VHCNs. Dan l-użu mill-ġdid jista’ jnaqqas ukoll l-ispejjeż soċjali u ambjentali relatati ma’ dawn ix-xogħlijiet, bħat-tniġġis, l-istorbju u l-konġestjoni tat-traffiku. Għalhekk, dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun japplika għall-operaturi daqskemm għas-sidien jew id-detenturi tad-drittijiet għall-użu ta’ infrastruttura fiżika estensiva u mifruxa li tkun adattata biex tilqa’ elementi tan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, bħan-networks fiżiċi tal-forniment tal-elettriku, tal-gass, tal-ilma u tad-drenaġġ u s-sistemi tad-drenaġġ, u s-servizzi tat-tisħin u tat-trasport. Fil-każ tad-detenturi tad-drittijiet, dan ma jbiddel l-ebda dritt tal-proprjetà ta’ partijiet terzi u lanqas ma jillimita l-eżerċizzju ta’ tali drittijiet. Fejn applikabbli, jenħtieġ li d-drittijiet tal-inkwilini jitqiesu wkoll għal dak l-għan.

    (14)

    Biex tittejjeb l-introduzzjoni ta’ VHCNs fis-suq intern, dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi drittijiet għall-impriżi li jipprovdu networks pubbliċi tal-komunikazzjoni elettronika jew il-faċilitajiet assoċjati (inkluż impriżi ta’ natura pubblika) li jaċċessaw l-infrastruttura fiżika, irrispettivament mill-post fejn tkun tinsab u b’termini ġusti u raġonevoli, konsistenti mal-eżerċitar normali tad-drittijiet tal-proprjetà. L-obbligu li jingħata aċċess għall-infrastruttura fiżika jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tas-sid tal-art jew tal-bini fejn tkun tinsab l-infrastruttura.

    (15)

    B’mod partikolari, filwaqt li jitqies l-iżvilupp mgħaġġel tal-impriżi, li jipprovdu primarjament faċilitajiet assoċjati bħall-“kumpaniji tat-torrijiet”, u r-rwol dejjem aktar sinifikanti tagħhom bħala fornituri tal-aċċess għal infrastruttura fiżika xierqa biex jiġu installati elementi tan-networks tal-komunikazzjoni elettronika bla fili, bħall-5G, jenħtieġ li d-definizzjoni ta’ “operatur ta’ network” tiġi estiża lil hinn mill-impriżi li jipprovdu jew li huma awtorizzati biex jipprovdu networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u l-operaturi ta’ tipi oħra ta’ networks, bħat-trasport, il-gass jew l-elettriku, biex tkun tinkludi lill-impriżi li jipprovdu faċilitajiet assoċjati, li b’hekk jenħtieġ li jsiru soġġetti għall-obbligi u l-benefiċċji kollha stabbiliti f’ dan ir-Regolament, għajr id-dispożizzjonijiet rigward l-infrastruttura fiżika fil-bini u l-aċċess. Biex jiġu żgurati l-kontinwità tas-servizz u l-prevedibbiltà għall-implimentazzjonijiet ippjanati ta’ faċilitajiet assoċjati, il-persuni ġuridiċi li huma attivi primarjament bħala inkwilini tal-art jew detenturi ta’ drittijiet fuq l-art, għajr id-drittijiet tal-propjetà, li fuqhom il-faċilitajiet huma ppjanati li jiġu installati jew li ġew installati bil-ħsieb li jiġu introdotti elementi tal-VHCNs, jew li jimmaniġġaw kuntratti ta’ lokazzjoni f’isem is-sidien tal-art, jenħtieġ li jinnegozjaw aċċess bona fide għall-art u jinfurmaw lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali dwar il-ftehimiet tagħhom, inkluż il-prezz innegozjat, li meta xieraq jenħtieġ li jirrifletti l-kundizzjonijiet tas-suq. Biex jiffaċilitaw tali negozjati, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu gwida, b’mod partikolari dwar il-prezz għall-aċċess għall-art.

    (16)

    L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jestendu l-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament għal korpi li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, bħal unitajiet organizzattivi li mhumiex mogħnija personalità ġuridika bil-liġi, li għandhom kapaċità ġuridika u li jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fi tranżazzjonijiet ekonomiċi, jew impriżi li jgawdu minn konċessjoni minn korpi pubbliċi.

    (17)

    Fid-dawl tal-grad baxx ta’ differenzjar tagħhom, il-faċilitajiet fiżiċi tan-network spiss ikunu jistgħu jilqgħu firxa wiesgħa ta’ elementi tan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi fl-istess ħin bla ma jaffettwaw is-servizz ewlieni pprovdut u bi spejjeż minimi ta’ adattament. Dawn l-elementi jinkludu dawk li kapaċi jipprovdu servizzi tal-aċċess għall-broadband b’veloċitajiet ta’ mill-inqas 100 Mbps f’konformità mal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika. Għalhekk, l-infrastruttura fiżika, maħsuba biex tilqa’ biss elementi oħra tan-networks bla ma ssir element attiv tan-networks hi stess tista’ fil-prinċipju tintuża biex takkomoda kejbils tal-komunikazzjoni elettronika, tagħmir jew xi element ieħor tan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, irrispettivament mill-użu attwali tagħha jew is-sjieda tagħha, it-tħassib tas-sigurtà jew l-interessi kummerċjali futuri tas-sid tal-infrastruttura. L-infrastruttura fiżika tan-networks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi tista’ fil-prinċipju tintuża wkoll biex takkomoda elementi oħra tan-networks. Għalhekk, f’każijiet xierqa, l-operaturi tan-networks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jenħtieġ li jkunu jistgħu jagħtu aċċess għan-networks tagħhom biex ikunu jistgħu jiġu introdotti networks oħra. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jispeċifikaw ir-rekwiżiti amministrattivi formali ta’ dawn it-talbiet għall-aċċess, bħall-forma ta’ tali talbiet jew tal-abbozz tal-kuntratt jew tal-abbozz tal-proġett tal-installazzjoni VHCN. Mingħajr preġudizzju għall-insegwiment tal-interess ġenerali speċifiku marbut mal-forniment tas-servizz ewlieni, is-sinerġiji bejn l-operaturi tan-networks jenħtieġ li fl-istess ħin jitħeġġu jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-miri diġitali stabbiliti fid-Deċiżjoni (UE) 2022/2481.

    (18)

    Fin-nuqqas ta’ eċċezzjoni ġustifikata, l-elementi tal-infrastruttura fiżika li jkunu proprjetà ta’ korpi tas-settur pubbliku jew ikkontrollati minnhom, inkluż meta ġestiti minn kwalunkwe entità fdata bit-twettiq ta’ kompiti f’isem dawk il-korpi tas-settur pubbliku, anki meta ma jkunux parti minn network, jistgħu jilqgħu wkoll elementi tan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u f’tali każijiet jenħtieġ li jkunu aċċessibbli biex jiffaċilitaw l-installazzjoni ta’ elementi ta’ VHCNs, b’mod partikolari n-networks bla fili. Eżempji ta’ elementi tal-infrastruttura fiżika huma l-bini, inkluż il-bjut tagħhom u parti mill-faċċata tagħhom, id-daħliet għall-bini, u kull assi ieħor, inkluż l-għamara tat-toroq, bħall-arbli tad-dawl, is-sinjali tat-toroq, id-dwal tat-traffiku, il-billboards u l-istrutturi għall-pedaġġ, kif ukoll il-waqfiet tal-karozzi tal-linja u tat-tramm, l-istazzjonijiet tal-metrò u l-ferrovija u mini. Sta għall-Istati Membri, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jidentifikaw kategoriji ta’ infrastruttura fiżika speċifika li jkunu proprjetà ta’ korpi tas-settur pubbliku fit-territorji tagħhom jew ikkontrollati minnhom, fejn l-obbligi tal-aċċess ma jistgħux ikunu japplikaw, pereżempju minħabba raġunijiet ta’ valur arkitettoniku, storiku, reliġjuż jew ambjentali, is-siġurtà nazzjonali jew is-sikurezza fit-toroq. Sabiex jiġu żgurati l-aċċettazzjoni pubblika u l-introduzzjoni sostenibbli, l-elementi tan-network tal-VHCNs jenħtieġ li jkollhom impatt viżiv minimu.

    (19)

    Minn naħa, żoni sħaħ, speċjalment fir-reġjuni rurali, jistgħu jitħallew mingħajr konnettività minħabba l-fatt li l-infrastruttura tas-settur pubbliku ma tippermettix jew mhijiex adatta għall-installazzjoni ta’ elementi ta’ VHCNs. Min-naħa l-oħra, hemm bini kummerċjali li huwa l-uniku alternattiva biex jilqa’ tali elementi. Sabiex tiġi żgurata l-konnettività f’żoni remoti u b’popolazzjoni baxxa u jitnaqqas id-distakk fil-kopertura diġitali bejn iż-żoni rurali u urbani, filwaqt li l-interferenza mal-proprjetà privata tinżamm minima, meta ma jkun hemm l-ebda alternattiva għall-iżvilupp ta’ networks VHCNs fiż-żona kkonċernata, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li, jekk jiġu ssodisfati xi kundizzjonijiet speċifiċi, is-sidien ta’ bini kummerċjali privat li jinsab f’żoni rurali jew remoti jenħtieġ li jagħtu aċċess għal tali bini lill-operaturi b’termini u b’kundizzjonijiet ġusti u raġonevoli u bi prezzijiet li jirriflettu l-kundizzjonijiet tas-suq. Dan l-obbligu jiġi applikat biss meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin: ma hemm l-ebda VHCNs tal-istess tip – fiss jew mobbli – li dak li jkun qed ifittex aċċess biħsiebu jimplimenta, disponibbli fiż-żona kkonċernata u ma hemm l-ebda pjan minn qabel biex dan isir abbażi tal-informazzjoni miġbura permezz tal-punt uniku tal-informazzjoni disponibbli fid-data tat-talba; ma jkun hemm l-ebda infrastruttura fiżika eżistenti disponibbli li hija proprjetà ta’ operaturi tan-networks jew ta’ korpi tas-settur pubbliku jew ikkontrollata minnhom li hija teknikament adatta biex tilqa’ elementi ta’ VHCNs fiż-żona kkonċernata.

    (20)

    Dan ir-Regolament sigurtà nazzjonali,jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għal kull salvagwardja speċifika meħtieġa biex jiġu żgurati s- is-sikurezza u s-saħħa pubblika, is-sigurtà u l-integrità tan-networks, b’mod partikolari l-infrastruttura kritika, kif ikun definit fil-liġi nazzjonali, u biex ikun żgurat li s-servizz ewlieni pprovdut minn operatur tan-network jew korp tas-settur pubbliku ma jkunx affettwat, b’mod partikolari fin-networks użati għall-forniment tal-ilma għall-konsum mill-bniedem. Madankollu, ir-regoli ġenerali fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li jipprojbixxu lill-operaturi tan-networks milli jinnegozjaw l-aċċess għal infrastruttura fiżika minn impriżi li jipprovdu, jew li huma awtorizzati jipprovdu, networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jew il-faċilitajiet assoċjati jistgħu jwaqqfu milli jinħoloq suq tal-aċċess għall-infrastruttura fiżika. Għalhekk, jenħtieġ li dawk ir-regoli ġenerali jitneħħew. Fl-istess ħin, il-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jkunux iwaqqfu lill-Istati Membri milli jinċentivaw lill-operaturi tal-utilitajiet biex jagħtu aċċess għall-infrastruttura billi jeskludu d-dħul iġġenerat mill-aċċess għall-infrastruttura fiżika tagħhom meta jikkalkolaw it-tariffi tal-utenti finali għall-attività jew l-attivitajiet ewlenin tagħhom, f’konformità mad-dritt applikabbli tal-Unjoni.

    (21)

    Biex tkun żgurata ċ-ċertezza legali u jiġi evitat piż sproporzjonat fuq l-operaturi tan-networks li jinħolqu bl-applikazzjoni simultanja ta’ żewġ reġimi distinti tal-aċċess għall-istess infrastruttura fiżika, l-infrastruttura fiżika soġġetta għall-obbligi tal-aċċess imposti mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali skont id-Direttiva (UE) 2018/1972 jew għall-obbligi tal-aċċess li jirriżultaw bl-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat jenħtieġ li ma tkunx soġġetta għall-obbligi tal-aċċess stabbiliti f’dan ir-Regolament sakemm dawk l-obbligi tal-aċċess jibqgħu fis-seħħ. Iżda dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun applikabbli meta awtorità regolatorja nazzjonali timponi obbligu tal-aċċess skont id-Direttiva (UE) 2018/1972 li jillimita l-użu li jista’ jsir mill-infrastruttura fiżika kkonċernata. Dan jista’ jsir, pereżempju, meta operatur li jkun beħsiebu jgħaqqad l-istazzjonijiet bażi, jitlob aċċess għall-infrastruttura fiżika eżistenti li għaliha jiġu imposti obbligi tal-aċċess fis-suq tal-aċċess għall-kapaċità ddedikata bl-ingrossa fi ħdan it-tifsira tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2245 (10).

    (22)

    Biex tiġi żgurata l-proporzjonalità u jitħarsu l-inċentivi għall-investiment, jenħtieġ li operatur tan-network jew korp tas-settur pubbliku jkollu d-dritt li jirrifjuta l-aċċess għal infrastruttura fiżika speċifika minħabba raġunijiet oġġettivi u ġustifikati. B’mod partikolari, infrastruttura fiżika li għaliha jkun intalab aċċess tista’ tkun teknikament mhux adattata minħabba ċirkostanzi speċifiċi, jew minħabba nuqqas ta’ spazju disponibbli bħalissa jew il-ħtiġijiet futuri għall-ispazju murija b’suffiċjenza, pereżempju, fi pjanijiet tal-investiment disponibbli għall-pubbliku. Biex tkun evitata kull distorsjoni potenzjali tal-kompetizzjoni jew kull abbuż possibbli tal-kundizzjonijiet għar-rifjut tal-aċċess, jenħtieġ li rifjut bħal dan ikun ġustifikat kif xieraq u bbażat fuq raġunijiet oġġettivi u dettaljati. Pereżempju, dawk ir-raġunijiet ma jitqisux oġġettivi meta impriża li tipprovdi, jew li tkun awtorizzata tipprovdi, networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi tkun introduċiet infrastruttura fiżika bis-saħħa ta’ koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili ma’ operatur tan-network li mhux operatur tan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u tirrifjuta li tagħti aċċess abbażi ta’ allegat nuqqas ta’ disponibbiltà tal-ispazju biex tilqa’ l-elementi ta’ VHCNs li jirriżulta minn deċiżjonijiet meħuda mill-impriża fil-kontroll tagħha. F’każ bħal dan, tista’ tinħoloq distorsjoni tal-kompetizzjoni jekk ma jkun hemm l-ebda VHCN ieħor fiż-żona li huwa potenzjalment kkonċernat mit-talba għall-aċċess. Bl-istess mod, f’ċirkostanzi speċifiċi, il-kondiviżjoni tal-infrastruttura tista’ tipperikola s-sikurezza jew is-saħħa pubblika, l-integrità u s-sigurtà tan-networks, inkluż dik ta’ infrastruttura kritika, jew tista’ tipperikola l-forniment ta’ servizzi li jingħataw primarjament bl-istess infrastruttura. Barra minn hekk, meta l-operatur tan-network ikun diġà jipprovdi aċċess fiżiku bl-ingrossa passiv għan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ dawk li jkunu qed ifittxu aċċess, bħall-fibra skura jew is-separazzjoni tal-fibra, l-aċċess għall-infrastruttura fiżika sottostanti jista’ jħalli impatt ekonomiku negattiv fuq il-mudell tan-negozju tiegħu, b’mod partikolari fuq dak tal-operaturi bl-ingrossa biss, u l-inċentivi tiegħu għall-investiment, u b’hekk joħloq ostaklu għall-introduzzjoni rapida ta’ VHCNs għaż-żoni rurali u remoti. Dan ir-Regolament ma jżommux lill-Istati Membri milli jimponu restrizzjonijiet fuq il-kundizzjonijiet għar-rifjut tal-aċċess abbażi tal-eżistenza ta’ offerta alternattiva ta’ fibra skura jew is-separazzjoni tal-fibra fejn tali prodotti ma jikkostitwux, fis-suq rilevanti, mezz alternattiv vijabbli ta’ aċċess fiżiku passiv bl-ingrossa għan-networks tal-komunikazzjoni elettronika. B’mod partikolari, jenħtieġ li tiġi evitata duplikazzjoni ineffiċjenti tal-elementi ta’ VHCN li jqiegħdu f’riskju l-investimenti inizjali u l-pjanijiet ta’ investiment fiż-żoni rurali, fejn aktar minn VHCN wieħed fiż-żona jaf ma jkunx ekonomikament vijabbli, mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2002/77/KE, dment li l-eżitu ta’ tali deċiżjoni jibqa’ konformi mal-prinċipju tat-trattament ugwali. Il-valutazzjoni tal-natura ġusta u raġonevoli tat-termini u l-kundizzjonijiet għal dawn il-mezzi alternattivi tal-aċċess fiżiku bl-ingrossa jenħtieġ li tqis, fost l-oħrajn, il-mudell tan-negozju sottostanti tal-impriża li tipprovdi, jew li hija awtorizzata tipprovdi, networks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li jagħtu aċċess u l-ħtieġa li jkun evitat kull rinfurzar tas-saħħa sinifikanti fis-suq, jekk ikun hemm, ta’ xi parti, u jekk il-fornitur tal-aċċess jorbotx jew jirraggruppax l-aċċess ma’ servizzi li mhumiex assolutament meħtieġa.

    (23)

    Biex jiġu ppreservati l-inċentivi għall-investiment u jiġu evitati impatti ekonomiċi negattivi u mhux intenzjonati fuq il-mudell kummerċjali tal-operatur tal-ewwel attur fl-implimentazzjoni ta’ networks tal-fibra sal-bini (FttP), speċjalment f’żoni rurali, l-Istati Membri, fejn raġuni simili għal rifjut tkun diġà applikata fil-liġi nazzjonali f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, jistgħu jipprevedu li fejn impriża li tipprovdi jew li tkun awtorizzata biex tipprovdi networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi tfittex aċċess għall-uniku network tal-fibra preżenti fiż-żona ta’ kopertura fil-mira tagħha, il-fornitur tal-aċċess jista’ jirrifjuta l-aċċess għall-infrastruttura fiżika tiegħu jekk jipprovdi, b’termini u kundizzjonijiet ġusti u raġonevoli, mezz alternattiv vijabbli ta’ aċċess attiv bl-ingrossa li jkun xieraq għall-forniment ta’ VHCNs. Tali aċċess attiv bl-ingrossa jenħtieġ li jiżgura, għall-operatur rikjedenti, id-disponibbiltà ta’ VHCNs u l-possibbiltà li jitwasslu servizzi bil-kwalità u l-karatteristiċi inerenti fil-VHCNs li huma komparabbli mal-aċċess passiv, bħal fibra skura jew separazzjoni tal-fibra, f’termini ta’ possibbiltajiet għal karatteristiċi tal-kwalità jew tas-servizz. Barra minn hekk, dawk il-mezzi alternattivi vijabbli ta’ aċċess attiv bl-ingrossa jenħtieġ li jiġu pprovduti fuq bażi nondiskriminatorja u miftuħa. Għal dak l-għan, l-operatur li jipprovdi aċċess lil operaturi oħra jenħtieġ li japplika kundizzjonijiet ekwivalenti f’ċirkostanzi ekwivalenti u jenħtieġ li jipprovdi servizzi u informazzjoni lil operaturi oħra taħt l-istess kundizzjonijiet u tal-istess kwalità li jipprovdi għas-servizzi tiegħu stess, jew dawk tas-sussidjarji jew sħab tiegħu sabiex jiggarantixxi trattament ugwali, filwaqt li joffri opportunitajiet indaqs lill-operaturi kollha inkluż l-operatur fornitur.

    (24)

    Biex jiġi ffaċilitat l-użu mill-ġdid tal-infrastruttura fiżika eżistenti, meta l-operaturi jitolbu aċċess f’żona speċifikata, l-operaturi tan-networks u l-korpi tas-settur pubbliku li jkunu sidien tal-infrastruttura fiżika jew jikkontrollawha jenħtieġ li jagħmlu offerta għall-użu kondiviż tal-faċilitajiet tagħhom b’termini u kundizzjonijiet oġġettivi u ġustifikati, inkluż il-prezz, sakemm l-aċċess ma jiġix rifjutat minħabba raġunijiet oġġettivi u sostanzjati. Il-korpi tas-settur pubbliku jenħtieġ li jintalbu wkoll joffru aċċess b’termini u kundizzjonijiet nondiskriminatorji. Skont iċ-ċirkostanzi, hemm diversi fatturi li jistgħu jinfluwenzaw il-kundizzjonijiet li skonthom jingħata dan l-aċċess. Tali fatturi jinkludu: (a) kwalunkwe salvagwardji preventivi li jridu jiġu adottati biex jiġu limitati l-effetti negattivi fuq is-sikurezza, is-sigurtà u l-integrità tan-networks; (b) kwalunkwe arranġamenti speċifiċi ta’ responsabbiltà fil-każ ta’ danni; (c) l-użu ta’ xi sussidju pubbliku mogħti għall-kostruzzjoni tal-infrastruttura, inkluż termini u kundizzjonijiet speċifiċi marbuta mas-sussidju jew previsti fil-liġi nazzjonali f’konformità mal-liġi tal-Unjoni; (d) l-abbiltà li titwassal jew li tinkiseb kapaċità infrastrutturali biex jiġu ssodisfati l-obbligi tas-servizz pubbliku; u (e) kwalunkwe limitazzjoni li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet nazzjonali maħsuba biex jipproteġu l-ambjent, inkluż il-minimizzazzjoni tal-impatt viżwali fuq l-infrastruttura biex jiġu żgurati l-aċċettazzjoni pubblika, is-saħħa pubblika, is-sigurtà pubblika jew biex jilħqu l-objettivi tal-ippjanar rurali u urban.

    (25)

    L-investimenti fl-infrastruttura fiżika tan-networks pubbliċi tal-komunikazzjoni elettronika jew il-faċilitajiet assoċjati jenħtieġ li jikkontribwixxu direttament għall-objettivi stabbiliti fid-Deċiżjoni (UE) 2022/2481, u jevitaw imġiba opportunistika. Peress li l-obbligi tal-aċċess huma imposti fuq l-operaturi tan-networks, inkluż l-operaturi u l-kumpaniji tal-utilitajiet, u l-korpi tas-settur pubbliku, il-kriterji għad-determinazzjoni ta’ prezzijiet ġusti u raġonevoli u l-evitar ta’ prezzijiet eċċessivi jenħtieġ li jqisu s-sitwazzjonijiet u l-mudelli ta’ negozju differenti tagħhom. Pereżempju, il-fornituri kollha tal-aċċess jenħtieġ li jkollhom opportunità ġusta biex jirkupraw l-ispejjeż li jġarrbu biex jipprovdu aċċess għall-infrastruttura fiżika tagħhom kif ukoll kwalunkwe spiża addizzjonali ta’ manutenzjoni u adattament li jirriżulta mill-għoti ta’ aċċess għal tali infrastruttura. B’mod partikolari, kwalunkwe obbligu ta’ aċċess għal infrastruttura fiżika eżistenti jew koordinazzjoni ta’ xogħlijiet ċivili impost fuq l-operaturi, inkluż impriżi li jipprovdu, jew li huma awtorizzati li jipprovdu networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jew faċilitajiet assoċjati biss, jenħtieġ li jqis bir-reqqa għadd ta’ fatturi bħall-vijabbiltà ekonomika ta’ dawk l-investimenti abbażi tal-profil tar-riskju tagħhom kif ukoll il-ħtieġa għal redditu ġust fuq dawk l-investimenti u għal kwalunkwe skeda ta’ żmien għar-redditu fuq l-investiment. Fl-aħħar nett, id-determinazzjoni tal-prezzijiet tal-aċċess jenħtieġ li tiżgura kunsiderazzjoni xierqa tal-mudell kummerċjali differenti ta’ dawk l-operaturi li primarjament jipprovdu faċilitajiet assoċjati u joffru aċċess fiżiku lil aktar minn fornitur wieħed ta’ networks pubbliċi tal-komunikazzjoni elettronika, filwaqt li titqies il-gwida rilevanti tal-Kummissjoni. Fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-prezzijiet, u t-termini u l-kundizzjonijiet mill-operaturi tan-networks u mill-korpi tas-settur pubbliku li huma s-sidien ta’ infrastruttura fiżika jew jikkontrollawha, ċerti kuntratti eżistenti u termini u kundizzjonijiet kummerċjali miftiehma bejn dawk li jkunu qed ifittxu l-aċċess u l-fornituri tal-aċċess jistgħu jintużaw jew mill-fornituri tal-aċċess jew mill-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim bħala fattur ta’ valutazzjoni komparattiva biex jiġi ddeterminat jekk il-prezzijiet, u t-termini u l-kundizzjonijiet humiex ġusti u raġonevoli, peress li jirriflettu l-prezzijiet u l-kundizzjonijiet tas-suq fil-ħin tal-konklużjoni tal-kuntratt. Dan jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni tal-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim li jistgħu jikkunsidraw, fost l-oħrajn, li l-kuntratti ppreżentati mill-partijiet ma jikkonformawx mal-kriterji għall-iffissar tal-prezzijiet previsti f’dan ir-Regolament.

    (26)

    Il-korpi tas-settur pubbliku li jkunu sidien tal-infrastruttura fiżika jew jikkontrollawha jistgħu ma jkollhomx biżżejjed riżorsi, esperjenza jew l-għarfien tekniku meħtieġ biex jidħlu f’negozjati mal-operaturi rigward l-aċċess. Biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-infrastruttura fiżika ta’ dawn il-korpi tas-settur pubbliku, jista’ jinħatar korp biex jikkoordina t-talbiet għall-aċċess, jipprovdi pariri legali u tekniċi għan-negozjar tat-termini u l-kundizzjonijiet tal-aċċess, u jagħmel l-informazzjoni rilevanti dwar din l-infrastruttura fiżika disponibbli permezz ta’ punt uniku tal-informazzjoni. Il-korp ta’ koordinazzjoni jista’ jappoġġa wkoll lill-korpi tas-settur pubbliku waqt it-tħejjija ta’ kuntratti mudell u jimmonitorja l-eżitu u t-tul taż-żmien tal-proċess tat-talbiet għall-aċċess. Il-korp jista’ jgħin ukoll jekk jinqala’ tilwim dwar l-aċċess għall-infrastruttura fiżika li tkun il-proprjetà tal-korpi tas-settur pubbliku jew ikkontrollata minnhom.

    (27)

    Biex tkun żgurata l-konsistenza tal-approċċi fost l-Istati Membri, filwaqt li jitqiesu s-sitwazzjonijiet distinti fost l-Istati Membri, il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Korp tar-Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC), tista’ tipprovdi gwida dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għall-infrastruttura fiżika, inkluż iżda mhux biss dwar l-applikazzjoni ta’ kundizzjonijiet ġusti u raġonevoli. Il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati, tal-awtoritajiet nazzjonali u tal-korpi nazzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwim jenħtieġ li jitqiesu kif xieraq waqt it-tħejjija tal-gwida biex jiġi żgurat, kemm jista’ jkun, li tali gwida ma tfixkilx prinċipji ferm stabbiliti, tkun konformi mar-regoli proċedurali tal-korpi nazzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwim, u ma tkunx ta’ ħsara għall-introduzzjoni ulterjuri ta’ VHCNs. Il-gwida tista’ tqis il-karatteristiċi tal-operaturi tan-network u l-mudell tan-negozju tagħhom.

    (28)

    Jenħtieġ li l-operaturi jkollhom aċċess, fuq talba, għal informazzjoni minima dwar l-infrastruttura fiżika u x-xogħlijiet ċivili ppjanati fiż-żona tal-introduzzjoni. Dan jagħtihom iċ-ċans jippjanaw b’mod effettiv l-implimentazzjoni ta’ VHCNs u jiżguraw l-aktar użu effettiv tal-infrastruttura fiżika eżistenti, xierqa għall-introduzzjoni ta’ tali networks, u x-xogħlijiet ċivili ppjanati. Din l-informazzjoni minima hi prerekwiżit biex jiġi vvalutat il-potenzjal għall-użu tal-infrastruttura fiżika eżistenti jew għall-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili ppjanati f’xi żona speċifika, u biex jonqos id-dannu lil xi infrastruttura fiżika eżistenti. Fid-dawl tal-għadd ta’ partijiet ikkonċernati involuti li jkopru x-xogħlijiet ċivili ffinanzjati pubblikament u mill-privat, kif xieraq, kif ukoll l-infrastruttura fiżika eżistenti jew ippjanata u biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal dik l-informazzjoni fis-setturi kollha u minn naħa għal oħra tal-fruntiera, l-operaturi tan-networks u l-korpi tas-settur pubbliku soġġetti għall-obbligi tat-trasparenza jenħtieġ li jagħmlu disponibbli minnufih, sal-iskadenza, tali informazzjoni minima aġġornata permezz ta’ punt uniku tal-informazzjoni. Dan ser jissimplifika l-ġestjoni tat-talbiet għall-aċċess għal din l-informazzjoni filwaqt li l-operaturi jkunu jistgħu jesprimu l-interess tagħhom fl-aċċess għal infrastruttura fiżika jew fil-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili, li għalihom l-għażla taż-żmien tkun kritika. L-informazzjoni minima dwar ix-xogħlijiet ċivili ppjanati jenħtieġ li ssir disponibbli permezz ta’ punt uniku tal-informazzjoni malli din l-informazzjoni tkun disponibbli għall-operatur ta’ network ikkonċernat u, fi kwalunkwe każ u meta jkun hemm bżonn xi permessi, fi żmien xahrejn qabel ma l-applikazzjoni għall-permess tiġi sottomessa l-ewwel darba lill-awtoritajiet kompetenti. L-operaturi tan-networks u l-korpi tas-settur pubbliku soġġetti għall-obbligi ta’ trasparenza jistgħu b’mod proattiv u, fuq bażi volontarja, jespandu l-informazzjoni minima li ssir disponibbli għal karatteristiċi addizzjonali, bħal, fil-każ ta’ infrastruttura fiżika eżistenti, informazzjoni dwar il-livell ta’ okkupazzjoni tal-infrastruttura fiżika, fejn disponibbli, jew informazzjoni indikattiva rigward id-disponibbiltà tal-fibra skura.

    (29)

    L-informazzjoni minima jenħtieġ li tkun disponibbli minnufih permezz ta’ punt uniku tal-informazzjoni b’termini proporzjonati, nondiskriminatorji u trasparenti biex l-operaturi jkunu jistgħu jissottomettu t-talbiet tagħhom għall-informazzjoni. Il-punt uniku tal-informazzjoni jista’ jkun jikkonsisti f’repożitorju tal-informazzjoni f’format elettroniku fejn l-informazzjoni tista’ tkun aċċessata jew issir disponibbli u t-talbiet jistgħu jsiru online permezz tal-għodod diġitali, bħal paġni web, applikazzjonijiet diġitali u pjattaformi diġitali. L-informazzjoni disponibbli tista’ tkun limitata biex tiżgura s-sigurtà u l-integrità tan-networks, b’mod partikolari dik tal-infrastruttura kritika, is-sigurtà nazzjonali, jew biex tħares sigrieti kummerċjali u operattivi leġittimi. Il-punt uniku tal-informazzjoni ma għandux għalfejn iżomm l-informazzjoni dment li dan jiżgura li jipprovdi konnessjonijiet għal għodod diġitali oħra, bħal portali web, bażijiet ta’ data tal-pjattaformi diġitali, jew applikazzjonijiet diġitali, li jaħżnu l-informazzjoni. Għaldaqstant, jistgħu jiġu previsti mudelli differenti għal punt uniku tal-informazzjoni. Il-punt uniku tal-informazzjoni jista’ jipprovdi funzjonalitajiet addizzjonali, bħal aċċess għal informazzjoni addizzjonali jew appoġġ għall-proċess tat-talba għall-aċċess għall-infrastruttura fiżika eżistenti jew għat-talba għall-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili.

    (30)

    Barra minn hekk, jekk it-talba tkun raġonevoli, b’mod partikolari jekk tkun meħtieġa għall-kondiviżjoni tal-infrastruttura fiżika eżistenti jew għall-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili, l-operaturi jenħtieġ li jingħataw il-possibbiltà li jagħmlu stħarriġiet fuq il-post u jitolbu informazzjoni dwar ix-xogħlijiet ċivili ppjanati b’kundizzjonijiet trasparenti, proporzjonati u nondiskriminatorji u mingħajr preġudizzju għas-salvagwardji adottati biex jitħarsu s-sigurtà u l-integrità tan-networks, il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità, u s-sigrieti operattivi u kummerċjali.

    (31)

    Jenħtieġ li tiġi inċentivata t-trasparenza avvanzata tax-xogħlijiet ċivili ppjanati permezz tal-punti uniċi tal-informazzjoni. Dan jista’ jsir billi l-operaturi jiġu ridirezzjonati għal din l-informazzjoni fejn din tkun disponibbli. It-trasparenza tista’ tiġi infurzata wkoll billi l-applikazzjonijiet għall-għoti tal-permessi jsiru soġġetti għal fatt li l-informazzjoni l-ewwel issir disponibbli dwar ix-xogħlijiet ċivili ppjanati permezz ta’ punt uniku tal-informazzjoni.

    (32)

    Id-diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri biex jallokaw il-funzjonijiet tal-punti uniċi tal-informazzjoni lil aktar minn korp kompetenti wieħed jenħtieġ li ma tkunx taffettwa l-abbiltà tagħhom li jaqdu b’mod effettiv dawk il-funzjonijiet. Meta jiġu stabbiliti aktar minn punt uniku tal-informazzjoni wieħed fi Stat Membru, punt tad-dħul diġitali nazzjonali uniku li jkollu interfaċċa komuni għall-utenti jenħtieġ li jkun jiżgura aċċess bla xkiel għall-punti uniċi tal-informazzjoni kollha b’mezzi elettroniċi. Il-punt uniku tal-informazzjoni jenħtieġ li jkun diġitalizzat għalkollox u jipprovdi aċċess faċli għall-għodod diġitali rilevanti. Dan jippermetti lill-operaturi tan-networks u lill-korpi tas-settur pubbliku jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u jikkonformaw mal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament, li jinkludu aċċess rapidu għall-informazzjoni minima dwar l-infrastruttura fiżika eżistenti u x-xogħlijiet ċivili ppjanati, il-proċeduri amministrattivi elettroniċi għall-għoti tal-permessi u d-drittijiet ta’ aċċess, u l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet u l-proċeduri applikabbli. Bħala parti minn dik l-informazzjoni minima, il-punt uniku tal-informazzjoni jenħtieġ li jagħti aċċess għal informazzjoni ġeoreferenzjata dwar il-lokalizzazzjoni tal-infrastruttura fiżika eżistenti u x-xogħlijiet ċivili ppjanati. Biex jiffaċilitaw tali aċċess, l-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu għodod diġitali awtomatizzati għas-sottomissjoni tal-informazzjoni ġeoreferenzjata u għodod tal-konverżjoni għall-formati tad-data appoġġati. Tali għodod jistgħu jsiru disponibbli għall-operaturi tan-networks u għall-korpi tas-settur pubbliku responsabbli biex jipprovdu dik l-informazzjoni permezz tal-punt uniku tal-informazzjoni. Barra minn hekk, meta d-data tal-lokalizzazzjoni ġeoreferenzjata tkun disponibbli b’għodod diġitali oħra, bħall-Ġeoportal INSPIRE skont id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), il-punt uniku tal-informazzjoni jista’ jipprovdi aċċess faċli lill-utenti għal dik l-informazzjoni.

    (33)

    Biex ikunu żgurati l-proporzjonalità u s-sigurtà, ir-rekwiżit li ssir disponibbli informazzjoni dwar l-infrastruttura fiżika eżistenti permezz ta’ punt uniku tal-informazzjoni ma hemmx bżonn li jkun japplika għall-istess raġunijiet bħal dawk li jiġġustifikaw rifjut ta’ talba għall-aċċess. Barra minn hekk, li ssir disponibbli l-informazzjoni dwar l-infrastruttura fiżika eżistenti permezz ta’ punt uniku tal-informazzjoni jista’, f’każijiet speċifiċi ħafna, ikun oneruż jew sproporzjonat għall-operaturi tan-networks u għall-korpi tas-settur pubbliku. Dan jista’ jinqala’ pereżempju meta l-immappjar tal-assi rilevanti jkun għadu mhux disponibbli u fejn dan ikun jiswa ħafna flus jew meta t-talbiet għall-aċċess ikunu mistennija jkunu baxxi ħafna f’ċerti żoni ta’ Stat Membru jew fir-rigward ta’ ċerta infrastruttura fiżika speċifika. Meta jidher li l-għoti tal-informazzjoni jkun sproporzjonat abbażi ta’ analiżi tal-ispiżabenefiċċji, l-operaturi tan-networks u l-korpi tas-settur pubbliku jenħtieġ li ma jkunux obbligati jagħmlu tali informazzjoni disponibbli. L-Istati Membri jenħtieġ li jwettqu tali analiżi tal-ispiżabenefiċċji wara konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati dwar it-talba għall-aċċess għall-infrastruttura fiżika eżistenti, u l-analiżi jenħtieġ li tiġi aġġornata regolarment. Il-proċess ta’ konsultazzjoni u l-eżitu tiegħu jenħtieġ li jkunu disponibbli għall-pubbliku permezz ta’ punt uniku tal-informazzjoni.

    (34)

    Biex tkun żgurata l-konsistenza, il-korpi kompetenti li jwettqu l-funzjonijiet ta’ punt uniku tal-informazzjoni, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li jwettqu l-kompiti tagħhom skont id-Direttiva (UE) 2018/1972 jew awtoritajiet kompetenti oħra, bħall-awtoritajiet lokali, reġjonali jew nazzjonali responsabbli mill-katast jew mill-implimentazzjoni tad-Direttiva 2007/2/KE, jenħtieġ li jikkonsultaw u jikkooperaw kif xieraq bejniethom. Din il-kooperazzjoni jenħtieġ li ssir bl-iskop li jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-isforzi għall-konformità mal-obbligi tat-trasparenza fuq l-operaturi tan-networks u l-korpi tas-settur pubbliku, inkluż l-impriżi deżinjati b’saħħa sinifikanti fis-suq (operaturi “SMP”), biex jagħmlu l-informazzjoni dwar l-infrastruttura fiżika tagħhom disponibbli. Meta jkun meħtieġ sett differenti ta’ data dwar l-infrastruttura fiżika tal-operatur SMP, din il-kooperazzjoni jenħtieġ li tirriżulta fl-istabbiliment ta’ interkonnessjonijiet u sinerġiji utli bejn il-bażi ta’ data relatata mal-SMP u l-punt uniku tal-informazzjoni u prattiki komuni proporzjonati tal-ġbir tad-data u l-forniment tad-data biex jinkisbu riżultati li jkunu komparabbli faċilment. Il-kooperazzjoni jenħtieġ li taqdi l-għan ukoll li tiffaċilita l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-infrastruttura fiżika, fid-dawl taċ-ċirkostanzi nazzjonali. Jekk l-obbligi regolatorji jiġu modifikati jew irtirati, il-partijiet affettwati jenħtieġ li jkunu jistgħu jaqblu dwar l-aħjar soluzzjonijiet biex jadattaw il-ġbir u l-forniment tad-data dwar l-infrastruttura fiżika għar-rekwiżiti regolatorji ġodda applikabbli.

    (35)

    L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddeċiedu li l-obbligu ta’ trasparenza għall-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili ma japplikax għal tipi ta’ xogħlijiet ċivili relatati ma’ infrastruttura kritika nazzjonali jew għal raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali kif identifikati mill-Istati Membri. Il-korpi tas-settur pubbliku li huma s-sidien ta’ infrastruttura fiżika jew jikkontrollawha u l-operaturi tan-networks jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddeċiedu li l-obbligu ta’ trasparenza għall-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili ma japplikax għal tipi ta’ xogħlijiet ċivili li huma b’ambitu limitat kif ukoll għar-raġunijiet ta’ emerġenza kif identifikati mill-Istati Membri. Dan jista’ jkun il-każ, għax-xogħlijiet ċivili mwettqa meta jkun hemm riskju ta’ periklu pubbliku minħabba proċessi ta’ degradazzjoni għax-xogħlijiet tal-inġinerija ċivili u l-installazzjonijiet assoċjati tagħhom, li jinqalgħu minħabba fatturi naturali jew umani qerrieda u li jkunu meħtieġa biex tkun żgurata s-sikurezza jew id-demolizzjoni tagħhom. Minħabba raġunijiet tat-trasparenza, l-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu disponibbli t-tipi ta’ xogħlijiet ċivili li jaqgħu f’dawk iċ-ċirkostanzi permezz ta’ punt uniku tal-informazzjoni.

    (36)

    Biex ikun żgurat iffrankar sinifikanti u jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-inkonvenjenzi fiż-żona affettwata bl-introduzzjoni ta’ networks ġodda tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, jenħtieġ li jiġu pprojbiti l-limitazzjonijiet regolatorji li, bħala regola ġenerali, jipprevjenu n-negozjar fost l-operaturi tan-networks ta’ ftehimiet tal-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili biex jintroduċu VHCNs. Jekk ix-xogħlijiet ċivili ma jiġux iffinanzjati b’mezzi pubbliċi, dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-operaturi tan-networks jikkonkludu ftehimiet ta’ koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili skont il-pjanijiet tal-investiment u tan-negozju tagħhom stess u l-għażla taż-żmien ippreferuta tagħhom.

    (37)

    L-Istati Membri jenħtieġ li jimmassimizzaw ir-riżultati tax-xogħlijiet ċivili ffinanzjati għalkollox jew parzjalment b’mezzi pubbliċi, billi jisfruttaw l-esternalitajiet pożittivi ta’ dawk ix-xogħlijiet fis-setturi kollha u jiżguraw opportunitajiet indaqs għall-kondiviżjoni tal-infrastruttura fiżika disponibbli u ppjanata biex jiġu introdotti VHCNs. L-iskop ewlieni tax-xogħlijiet ċivili ffinanzjati b’mezzi pubbliċi jenħtieġ li ma jiġix affettwat ħażin. Madankollu, it-talbiet fil-ħin u raġonevoli għall-koordinazzjoni tal-introduzzjoni tal-elementi ta’ VHCNs jenħtieġ li jiġu ssodisfati mill-operatur tan-networks li jwettaq ix-xogħlijiet ċivili kkonċernati direttament jew indirettament, pereżempju b’sottokuntrattur, b’termini proporzjonati, nondiskriminatorji u trasparenti. Pereżempju, l-operatur rikjedenti jenħtieġ li jkopri kwalunkwe spiża addizzjonali, inkluż dawk ikkawżati minn dewmien, u jżomm il-bidliet fil-pjanijiet oriġinali f’livell minimu. Jenħtieġ li tali dispożizzjonijiet ma jaffettwawx id-dritt tal-Istati Membri li jirriżervaw il-kapaċità għan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi anke fin-nuqqas ta’ talbiet speċifiċi. B’hekk, l-Istati Membri jkunu jistgħu jissodisfaw id-domanda futura għall-infrastruttura fiżika biex jimmassimizzaw il-valur tax-xogħlijiet ċivili jew biex jadottaw miżuri li jagħtu drittijiet simili lill-operaturi ta’ tipi oħra tan-networks, bħat-trasport, il-gass jew l-elettriku, biex jikkoordinaw ix-xogħlijiet ċivili.

    (38)

    Xi drabi, b’mod partikolari għall-introduzzjonijiet fiż-żoni rurali, remoti jew b’popolazzjoni baxxa, l-obbligu tal-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili jista’ jirriskja l-vijabbiltà finanzjarja ta’ dawn l-introduzzjonijiet u eventwalment jiddiżinċentiva l-investimenti mwettqa skont it-termini tas-suq. Għaldaqstant, talba lil impriża li tipprovdi, jew li hi awtorizzata tipprovdi, networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi pubbliċi li tikkordina xogħlijiet ċivili tista’ tiġi kkunsidrata li hija irraġonevoli skont ċirkostanzi speċifiċi. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, meta l-impriża rikjedenti li tipprovdi, jew li hi awtorizzata tipprovdi, networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi ma tkunx iddikjarat l-intenzjoni tagħha li tintroduċi VHCNs f’dik iż-żona, bħala introduzzjoni ġdida, aġġornament jew estensjoni ta’ network, u kien hemm previżjoni jew stedina biex tiġi dikjarata l-intenzjoni li f’żoni deżinjati jiġu implimentati VHCNs (skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva (UE) 2018/1972) jew konsultazzjoni pubblika skont ir-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat. Jekk ikun hemm aktar minn waħda minn dawk il-previżjonijiet, l-istediniet u/jew il-konsultazzjonijiet pubbliċi, jenħtieġ li jiġi kkunsidrat biss in-nuqqas ta’ espressjoni ta’ interess fl-aktar okkażjoni reċenti li tkopri l-perjodu li matulu ssir it-talba għall-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili. Biex tkun żgurata l-possibbiltà ta’ aċċess għall-infrastruttura implimentata fil-futur, l-impriża li tipprovdi, jew li hi awtorizzata tipprovdi, networks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u li tkun ser twettaq ix-xogħlijiet ċivili jenħtieġ li tiżgura li ser timplimenta infrastruttura fiżika b’kapaċità biżżejjed, filwaqt li tqis ir-rekwiżiti tal-kapaċità espressi mill-impriża li titlob il-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili u l-linji gwida pprovduti mill-BEREC f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni. Dan hu mingħajr preġudizzju għar-regoli u l-kundizzjonijiet marbuta mal-assenjar tal-fondi pubbliċi u l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

    (39)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament dwar il-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili, inkluż it-trasparenza, għal xogħlijiet ċivili b’ambitu limitat, bħal f’termini ta’ valur, daqs jew durata. Dan jista’ jkun pereżempju, għal xogħlijiet ċivili li jieħdu inqas minn ċertu għadd ta’ sigħat jew jiem, bl-użu ta’ tekniki mill-inqas invażivi bħall-microtrenching jew li jkunu ta’ natura ta’ emerġenza.

    (40)

    Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza tal-approċċi, filwaqt li jitqiesu s-sitwazzjonijiet differenti madwar l-Istati Membri, jenħtieġ li l-BEREC, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni jipprovdi linji gwida dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili sa 18-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    (41)

    Koordinazzjoni effettiva tista’ tgħin biex jitnaqqsu l-ispejjeż u d-dewmien kif ukoll it-tfixkil fl-implimentazzjoni li jista’ jiġi kkawżat minn problemi fuq il-post. Eżempju wieħed meta l-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili tista’ tipprovdi benefiċċji ċari huwa l-proġetti transsettorjali fi ħdan iżda mhux limitati għan-network Trans-Ewropew tal-Enerġija (TEN-E) u dak Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T), bħal pereżempju biex jiġu implimentati kurituri tal-5G tul il-mogħdijiet tat-trasport, bħat-toroq, il-linji ferrovjarji u l-passaġġi fuq l-ilma interni. Dawn il-proġetti spiss jistgħu jkunu jeħtieġu wkoll koordinazzjoni tad-disinn jew kodisinn abbażi ta’ kooperazzjoni bikrija bejn il-parteċipanti tal-proġett. Bħala parti mill-kodisinn, il-partijiet ikkonċernati jistgħu jaqblu minn qabel fuq il-mogħdijiet tal-implimentazzjoni tal-infrastruttura fiżika u fuq it-teknoloġija u t-tagħmir li jridu jintużaw, qabel il-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili. Għalhekk, it-talba għall-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili jenħtieġ li tiġi ppreżentata mill-aktar fis possibbli.

    (42)

    Jista’ jkun hemm bżonn għadd ta’ permessi differenti għall-implimentazzjoni tal-elementi tan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jew il-faċilitajiet assoċjati biex jitħarsu l-interessi ġenerali tal-Unjoni u tal-Istati Membri. Dawn jistgħu jinkludu t-tħaffir, il-kostruzzjoni, l-ippjanar urban, il-permessi ambjentali u oħrajn, kif ukoll id-drittijiet ta’ aċċess. L-għadd ta’ permessi u d-drittijiet ta’ aċċess meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ tipi differenti ta’ networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jew il-faċilitajiet assoċjati, u l-karattru lokali tal-implimentazzjoni jistgħu jinvolvu l-applikazzjoni ta’ proċeduri u kundizzjonijiet differenti, li jistgħu jikkawżaw diffikultajiet fl-implimentazzjoni tan-networks. Għalhekk, biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni, ir-regoli kollha dwar il-kundizzjonijiet u l-proċeduri applikabbli għall-għoti tal-permessi u d-drittijiet ta’ aċċess jenħtieġ li jiġu ssimplifikati u jkunu konsistenti fil-livell nazzjonali sa fejn ikun possibbli, filwaqt li jiġi ppreservat id-dritt ta’ kull awtorità kompetenti li tkun involuta u żżomm il-prerogattivi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. L-informazzjoni dwar il-proċeduri u l-kundizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-għoti tal-permessi għax-xogħlijiet ċivili u d-drittijiet ta’ aċċess jenħtieġ li tkun disponibbli tramite l-punti uniċi tal-informazzjoni minn kull awtorità kompetenti involuta. Dan jista’ jnaqqas il-kumplessità u jżid l-effiċjenza u t-trasparenza għall-operaturi kollha u b’mod partikolari għall-parteċipanti ġodda u l-operaturi iżgħar mhux attivi f’dik iż-żona. Barra minn hekk, l-operaturi jenħtieġ li jkollhom id-dritt li jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom għall-permessi u d-drittijiet ta’ aċċess f’format elettroniku permezz ta’ punt uniku tal-informazzjoni. Dawk l-impriżi jenħtieġ li jkunu jistgħu wkoll jiksbu l-informazzjoni b’format elettroniku dwar l-istatus tal-applikazzjonijiet tagħhom u dwar jekk ikunux ingħataw jew ġew rifjutati.

    (43)

    Il-proċeduri tal-għoti tal-permessi jenħtieġ li ma jammontawx għal ostakli mhux ġustifikati għall-investiment u ma jagħmlux ħsara lis-suq intern. Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li deċiżjoni dwar jekk għandhomx jingħataw permessi jew le għall-implimentazzjoni ta’ elementi ta’ VHCNs jew il-faċilitajiet assoċjati ssir disponibbli fi żmien erba’ xhur mid-data tal-wasla tal-applikazzjoni għall-permess jew tal-iskadenza stabbilita mil-liġi nazzjonali, skont liem hi l-iqsar. L-Istati Membri huma mħeġġa jintroduċu dispożizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom għall-awtoritajiet kompetenti biex jagħtu jew jirrifjutaw permessi aktar malajr milli meħtieġ mil-liġi. Dan hu mingħajr preġudizzju għal skadenzi jew obbligi speċifiċi oħra stabbiliti għat-tmexxija xierqa tal-proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-għoti tal-permessi f’konformità mal-liġi nazzjonali jew mal-liġi tal-Unjoni. L-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li ma jillimitawx, ma jfixklux u ma jagħmlux l-implimentazzjoni ta’ VHCNs jew tal-faċilitajiet assoċjati ekonomikament inqas attraenti. B’mod speċifiku, dawn jenħtieġ li ma jwaqqfux lill-proċeduri tal-għoti tal-permessi u d-drittijiet ta’ aċċess milli jipproċedu b’mod paralleli, meta possibbli, jew li ma jeżiġux l-operaturi jiksbu tip wieħed ta’ awtorizzazzjoni qabel ma jkunu jistgħu japplikaw għal tipi oħra ta’ awtorizzazzjonijiet. L-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jiġġustifikaw kull rifjut għall-għoti tal-permessi jew id-drittijiet ta’ aċċess fil-kompetenza tagħhom, abbażi ta’ kundizzjonijiet oġġettivi, trasparenti, nondiskriminatorji u proporzjonati.

    (44)

    Biex ikun evitat dewmien bla bżonn, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jiddeterminaw il-kompletezza tal-applikazzjoni għall-permess fi żmien 20 jum tax-xogħol mid-data tal-wasla tagħha. Fejn l-awtorità kompetenti tikkonkludi li l-applikazzjoni għal permess mhijiex kompluta, jenħtieġ li tistieden lill-applikant jipprovdi kwalunkwe informazzjoni nieqsa f’dak il-perjodu. Minħabba raġunijiet ta’ trattament ugwali u trasparenza, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jkunu jistgħu jqisu applikazzjonijiet għall-permess għax-xogħlijiet ċivili bħala inammissibbli jekk l-informazzjoni minima meħtieġa skont dan ir-Regolament ma tkunx saret disponibbli tramite punt uniku tal-informazzjoni mhux aktar tard minn xahrejn qabel ma titressaq l-ewwel applikazzjoni għall-permess lill-awtoritajiet kompetenti. Meta, minbarra l-permessi, ikunu meħtieġa drittijiet ta’ aċċess għall-implimentazzjoni ta’ elementi ta’ VHCNs, l-awtoritajiet kompetenti, b’deroga mill-Artikolu 43 tad-Direttiva (UE) 2018/1972, jenħtieġ li jagħtu tali drittijiet ta’ aċċess mid-data tal-wasla tal-applikazzjoni, għajr f’każijiet ta’ esproprjazzjoni. Id-drittijiet l-oħra ta’ aċċess li mhumiex meħtieġa flimkien mal-permessi għax-xogħlijiet ċivili jenħtieġ li jibqgħu jingħataw fi żmien sitt xhur f’konformità mal-Artikolu 43 tad-Direttiva (UE) 2018/1972.

    (45)

    Biex titħaffef l-implimentazzjoni ta’ VHCNs filwaqt li jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-awtoritajiet tal-għoti tal-permessi, ċerti tipi ta’ xogħlijiet ċivili, bħal xogħlijiet ċivili fuq skala żgħira, jenħtieġ li ma jkunux soġġetti għal xi permess minn qabel. Għal raġunijiet ta’ trasparenza u ċertezza legali, jenħtieġ li l-Istati Membri jidentifikaw dawk it-tipi ta’ xogħlijiet u jagħmlu l-informazzjoni pubblika permezz ta’ punt uniku tal-informazzjoni. L-eżenzjonijiet minn kwalunkwe proċedura għall-għoti ta’ permess jistgħu jiġu applikati għal kategoriji differenti ta’ infrastruttura (bħal arbli, antenni u kanali ta’ taħt l-art) b’ċerti kundizzjonijiet speċifikati. Dawn jistgħu jiġu applikati wkoll għal aġġornamenti tekniċi ta’ installazzjonijiet eżistenti, xogħlijiet ta’ manutenzjoni u xogħlijiet ċivili fuq skala żgħira, bħall-mikrotrinek. Xorta jistgħu jkunu meħtieġa permessi għal xogħlijiet ċivili fuq skala żgħira tal-implimentazzjoni ta’ VHCNs jew faċilitajiet assoċjati, għal raġunijiet ta’ valur arkitettoniku, storiku, reliġjuż jew ambjentali jew għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika, difiża, sikurezza, l-ambjent jew is-saħħa pubblika jew biex tiġi protetta s-sigurtà tal-infrastruttura kritika. Jenħtieġ li l-Istati Membri jidentifikaw dawn il-kategoriji u jippubblikaw id-derogi permezz ta’ punt uniku tal-informazzjoni għat-trasparenza. Sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jivvalutaw jekk ix-xogħlijiet ippjanati humiex koperti mid-derogi, ikunu jeħtieġu informazzjoni minima bħal informazzjoni dwar il-bidu u d-durata tax-xogħlijiet. Għal din ir-raġuni, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrikjedu li l-operatur inkwistjoni jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti bl-intenzjoni tiegħu li jibda x-xogħlijiet ċivili permezz ta’ dikjarazzjoni b’informazzjoni minima.

    (46)

    Biex ikun żgurat li l-proċeduri tal-għoti ta’ dawn il-permessi jitlestew fi skadenzi raġonevoli, f’konformità ma’ ċerti prattiki amministrattivi ġodda u tajbin fil-livell nazzjonali, hu meħtieġ li jitfasslu prinċipji għas-simplifikazzjoni amministrattiva. Dan jenħtieġ li jinkludi, fost l-oħrajn, li l-obbligu ta’ awtorizzazzjoni minn qabel jiġi limitat għall-każijiet meta jkun essenzjali, u li tiddaħħal approvazzjoni taċita mill-awtoritajiet kompetenti meta jkun għadda ċertu perjodu ta’ żmien. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjoni ta’ approvazzjoni taċita jekk jagħmlu disponibbli għall-operatur rimedju alternattiv għan-nuqqas ta’ konformità mill-awtorità kompetenti mal-iskadenza għall-ħruġ ta’ deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal permess stabbilita skont il-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali. Tali rimedju alternattiv jenħtieġ li jinkludi jew mekkaniżmu li jippermetti lill-operatur jitlob kumpens għal dannu li jirriżulta mid-dewmien fil-proċedura jew il-possibbiltà li l-każ jiġi riferut lil qorti jew lil awtorità superviżorja, u jkun preċedut jekk l-operatur jitlob hekk permezz ta’ laqgħa mal-awtorità kompetenti. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu jew jintroduċu proċedura ta’ awtorizzazzjoni simplifikata għal proċeduri ta’ komunikazzjoni li jistgħu jeżistu skont il-liġi nazzjonali, applikabbli għall-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe element ta’ VHCNs jew faċilitajiet assoċjati. Meta l-Istati Membri jidderogaw mill-applikazzjoni tad-dispożizzjoni dwar l-approvazzjoni taċita, jenħtieġ li jiżguraw li – flimkien ma’ u mingħajr preġudizzju għar-rimedji alternattivi pprovduti minnhom – tiġi organizzata laqgħa ta’ konċiljazzjoni fejn l-operatur jew l-awtorità kompetenti jitolbu dan. Tali laqgħa jenħtieġ li tiġi organizzata mingħajr dewmien żejjed bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata l-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-permess. Il-laqgħa ser tipprovdi b’mod partikolari opportunità biex jiġu identifikati, fejn xieraq bil-parteċipazzjoni ta’ partijiet interessati oħra jew awtoritajiet rilevanti, kwalunkwe informazzjoni addizzjonali kif ukoll aġġustamenti possibbli għall-proġett. L-Istati Membri xorta jistgħu jintroduċu jew iżommu kwalunkwe miżura alternattiva oħra biex jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jikkonformaw mal-iskadenza għall-għoti jew ir-rifjut tal-permessi.

    (47)

    Biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-elementi ta’ VHCNs, kull tariffa relatata ma’ permess, għajr id-drittijiet ta’ aċċess, jenħtieġ li tkun limitata għall-ispejjeż amministrattivi relatati mal-ipproċessar tal-applikazzjoni għall-permess skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 16 tad-Direttiva (UE) 2018/1972. Fil-każ tad-drittijiet ta’ aċċess, japplikaw l-Artikoli 42 u 43 tad-Direttiva (UE) 2018/1972.

    (48)

    Biex jintlaħqu l-miri stabbiliti fid-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 jeħtieġ li, sal-2030, l-utenti finali kollha fil-postijiet fissi jkunu koperti minn network tal-gigabits sal-punt tat-terminazzjoni tan-network, u ż-żoni popolati kollha jkunu koperti minn networks bla fili ta’ veloċità għolja tal-ġenerazzjoni li jmiss bi prestazzjoni mill-inqas ekwivalenti għal dik tal-5G, f’konformità mal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika. Jenħtieġ li jiġi ffaċilitat il-forniment tan-networks tal-gigabits lill-utent finali, b’mod partikolari b’infrastruttura fiżika fil-bini lesta għall-fibra. It-tħejjija ta’ mikrokanali waqt il-kostruzzjoni tal-bini għandha biss spiża inkrementali limitat, filwaqt li t-tagħmir tal-bini b’infrastruttura tal-gigabits jista’ jirrappreżenta parti sinifikanti mill-ispiża tal-implimentazzjoni tan-networks tal-gigabits. Għalhekk, il-bini ġdid kollu jew il-bini soġġett għal xogħlijiet kbar ta’ rinnovazzjoni jenħtieġ li jkun mgħammar b’infrastruttura fiżika u wajers tal-fibra fil-bini, li jippermettu l-konnessjoni tal-utenti finali mal-veloċitajiet tal-gigabits, jekk dan ma jżidx b’mod sproporzjonat l-ispejjeż tax-xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni u jekk ikun teknikament fattibbli. Bini ġdid b’abitazzjonijiet multipli u bini b’abitazzjonijiet multipli soġġett għal xogħlijiet kbar ta’ rinnovazzjoni jenħtieġ li jkun mgħammar ukoll b’punt ta’ aċċess, faċilment aċċessibbli għal impriża waħda jew aktar li jipprovdu, jew li jkunu awtorizzati, jipprovdu networks pubbliċi tal-komunikazzjoni elettronika, jekk dan ma jżidx b’mod sproporzjonat l-ispejjeż tax-xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni u jekk dan ikun teknikament fattibbli. Barra minn hekk, l-iżviluppaturi tal-bini jenħtieġ li jħejju kanali vojta minn kull abitazzjoni sal-punt ta’ aċċess tal-bini, li jkun jinsab f’bini b’abitazzjonijiet multipli jew fuq barra, li jippermetti konnessjonijiet sal-punti tat-terminazzjoni tan-network, jew f’dawk l-Istati Membri il-punt tat-terminazzjoni tan-network jitpoġġa, f’konformità mal-liġi nazzjonali, barra mill-post partikolari tal-utent finali, sal-punt fiżiku fejn l-utent finali jikkonnettja biex jaċċessa n-network pubbliku. Ix-xogħlijiet kbar ta’ rinnovazzjoni tal-bini eżistenti fil-post tal-utent finali biex titjieb il-prestazzjoni tal-enerġija skont id-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) huma opportunità biex dak il-bini jiġi attrezzat wkoll b’infrastruttura fiżika fil-bini lesta għall-fibra, wajers tal-fibra fil-bini u, għal bini b’abitazzjonijiet multipli, punt ta’ aċċess.

    (49)

    Punt ta’ aċċess jista’ jkun partikolarment utli għal operatur biex jaċċessa bini, speċjalment fil-każ ta’ bini b’abitazzjonijiet multipli, peress li dak il-punt fiżiku jista’ jaggrega l-wajers li jikkonnettjaw postijiet speċifiċi tal-utent finali. Sabiex tissaħħaħ il-kompetizzjoni billi aktar minn impriża waħda tkun tista’ taqdi lill-klijenti finali, huwa importanti li l-punti ta’ aċċess li jservu bini ġdid b’abitazzjonijiet multipli u bini b’abitazzjonijiet multipli soġġetti għal xogħlijiet kbar ta’ rinnovazzjoni jkunu faċilment aċċessibbli minn aktar minn operatur wieħed, mingħajr sforz eċċessiv.

    (50)

    Id-dispożizzjonijiet dwar l-infrastruttura fiżika fil-bini lesta għall-fibra, punt ta’ aċċess u wajers tal-fibra fil-bini ma jipprekludux il-preżenza ta’ tip ieħor ta’ teknoloġija fi ħdan l-istess infrastruttura fiżika fil-bini. Jenħtieġ li dawn id-dispożizzjonijiet ma jaffettwawx id-dritt tas-sidien tal-bini li jgħammru l-bini b’wajers fil-bini flimkien mal-fibra, b’infrastruttura fiżika fil-bini addizzjonali li kapaċi tospita wajers flimkien mal-fibra jew elementi oħra tan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

    (51)

    Il-prospett li l-bini jiġi attrezzat b’infrastruttura fiżika fil-bini lesta għall-fibra, b’punt ta’ aċċess jew b’wajers tal-fibra fil-bini jista’ jitqies li huwa sproporzjonat mil-lat ta’ spejjeż f’każijiet speċifiċi, bħal għal xi abitazzjonijiet uniċi ġodda jew għall-bini li qed isirlu xogħlijiet kbar ta’ rinnovazzjoni. Dan jista’ jiġi bbażat fuq raġunijiet oġġettivi, bħal stimi tal-ispejjeż imfassla apposta, raġunijiet ekonomiċi marbuta mal-post, jew raġunijiet ta’ konservazzjoni tal-wirt jew ambjentali (pereżempju għal kategoriji speċifiċi ta’ monumenti).

    (52)

    Ix-xerrejja u l-inkwilini prospettivi jkunu jibbenefikaw mill-identifikazzjoni ta’ bini li jkun attrezzat b’infrastruttura fiżika fil-bini lesta għall-fibra, b’punt ta’ aċċess u b’wajers tal-fibra fil-bini u li għalhekk għandu potenzjal konsiderevoli li jiffrankalhom l-ispejjeż. Jenħtieġ li tiġi promossa wkoll it-tħejjija tal-bini għall-fibra. Bini li hu mgħammar b’infrastruttura fiżika fil-bini lesta għall-fibra, b’punt ta’ aċċess u b’wajers tal-fibra fil-bini, jenħtieġ li jkun eliġibbli, fuq bażi volontarja u skont il-proċeduri stabbiliti mill-Istati Membri, li jirċievi tikketta “lest għall-fibra”, fejn l-Istati Membri jkunu għażlu li jintroduċu t-tali tikketta.

    (53)

    L-impriżi li jipprovdu, jew li huma awtorizzati, jipprovdu networks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li jimplimentaw networks tal-gigabits f’żona speċifika jistgħu jiksbu ekonomiji ta’ skala sinifikanti jekk ikunu jistgħu jitterminaw in-network tagħhom fil-punt ta’ aċċess billi jużaw l-infrastruttura fiżika eżistenti u jreġġgħu lura ż-żona affettwata. Jenħtieġ li dan ikun possibbli, irrispettivament minn jekk abbonat ikunx esprima interess għas-servizz f’dak il-mument, u dment li l-impatt fuq il-proprjetà privata jiġi minimizzat, mingħajr interferenza bla bżonn mad-dritt għall-propjetà. Meta t-terminazzjoni tan-network issir fil-punt ta’ aċċess, il-konnessjoni ta’ klijent addizzjonali tkun tista’ ssir b’inqas spejjeż sinifikanti, b’mod partikolari permezz tal-aċċess għal segment vertikali lest għall-fibra fil-bini, meta dan ikun diġà jeżisti. Dak l-objettiv jintlaħaq ukoll fejn il-binja nnifisha tkun diġà attrezzata b’network tal-gigabits li l-aċċess għalih jingħata lil kull fornitur ta’ networks pubbliċi tal-komunikazzjoni li jkollu xi abbonat attiv fil-binja, b’termini u kundizzjonijiet trasparenti, proporzjonati u nondiskriminatorji. Dan jista’ jkun il-każ b’mod partikolari fl-Istati Membri li jkunu ħadu miżuri skont l-Artikolu 44 tad-Direttiva (UE) 2018/1972. Jenħtieġ li l-impriżi li jipprovdu, jew li huma awtorizzati li jipprovdu, networks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, sa fejn ikun possibbli, ineħħu l-elementi tan-network tagħhom, bħal kejbils u tagħmir skaduti, u jirrestawraw iż-żona affettwata mat-terminazzjoni tal-kuntratt mal-abbonat.

    (54)

    Biex jikkontribwixxu għall-iżgurar tad-disponibbiltà ta’ networks tal-gigabits għall-utenti finali, il-bini ġdid u l-bini rinnovat bil-kbir jenħtieġ li jiġu attrezzati b’infrastruttura fiżika fil-bini lesta għall-fibra, b’wajers tal-fibra fil-bini u, fil-każ tal-bini b’abitazzjonijiet multipli, b’punt tal-aċċess. L-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom ċertu grad ta’ flessibbiltà biex jiksbu dan. Għalhekk, dan ir-Regolament ma għandux l-għan li jarmonizza r-regoli dwar l-ispejjeż relatati, inkluż l-irkupru tal-ispejjeż biex il-bini jiġi attrezzat b’infrastruttura fiżika fil-bini lesta għall-fibra, b’wajers tal-fibra fil-bini u b’punt ta’ aċċess.

    (55)

    F’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u biex jitqiesu ċ-ċirkostanzi nazzjonali, l-Istati Membri jenħtieġ li jadottaw l-istandards jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi meħtieġa biex il-bini li għadu kif inbena jew il-bini soġġett għal xogħlijiet kbar ta’ rinnovazzjoni b’infrastruttura fiżika fil-bini lesta għall-fibra u b’wajers tal-fibra fil-bini; u l-bini b’abitazzjonijiet multipli li għadu kif inbena jew il-bini b’abitazzjonijiet multipli li qed isirlu xogħlijiet kbar ta’ rinnovazzjoni jiġi attrezzat b’punt ta’ aċċess. Jenħtieġ li dawk l-istandards jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jistabbilixxu mill-inqas: l-ispeċifikazzjonijiet tal-punt ta’ aċċess tal-bini; l-ispeċifikazzjonijiet tal-interfaċċa tal-fibra; l-ispeċifikazzjonijiet tal-kejbil; l-ispeċifikazzjonijiet tas-sokit; l-ispeċifikazzjonijiet għall-conduits jew il-mikrokanali; l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi meħtieġa biex tkun evitata interferenza mal-kejbils elettriċi, ir-raġġ minimu tal-liwja. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw konformità ma’ dawk l-istandards jew speċifikazzjonijiet tekniċi neċessarji. Biex juru tali konformità, l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu proċeduri, li jistgħu jinkludu spezzjoni fuq il-post tal-bini jew kampjun rappreżentattiv tagħhom. Barra minn hekk, biex tkun evitata aktar burokrazija relatata ma’ tali proċeduri stabbiliti skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu r-rekwiżiti proċedurali applikati għall-proċeduri skont id-Direttiva 2010/31/UE, u jenħtieġ li jikkunsidraw il-possibbiltà li jippermettu t-tnedija kkombinata taż-żewġ proċeduri tat-talba, fejn applikabbli.

    (56)

    Fid-dawl tal-benefiċċji soċjali miksuba bl-inklużjoni diġitali u filwaqt li jitqiesu l-ekonomiji tal-implimentazzjoni ta’ VHCNs, meta ma hemmx infrastruttura passiva jew attiva eżistenti lesta għall-fibra li sservi l-bini tal-utenti finali, jew alternattivi għall-forniment ta’ VHCNs lil abbonat, kwalunkwe fornitur ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jenħtieġ li jkollu d-dritt li jittermina n-network tiegħu għall-post privat bi spejjeż tiegħu, dment li l-impatt fuq il-proprjetà privata jkun mingħajr interferenza bla bżonn mad-dritt għall-proprjetà, u jiġi minimizzat, pereżempju, jekk possibbli, billi terġa’ tintuża l-infrastruttura fiżika eżistenti disponibbli fil-bini jew billi jkun żgurat li ż-żoni affettwati jitreġġgħu lura għalkollox.

    (57)

    It-talbiet għall-aċċess għall-infrastruttura fiżika fil-bini jenħtieġ li jkunu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, filwaqt li t-talbiet għall-aċċess għall-wajers tal-fibra fil-bini tkun taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2018/1972.

    (58)

    Biex tiġi żgurata l-konsistenza tal-approċċi, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni distinta fl-Istati Membri kollha, jenħtieġ li l-BEREC, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, fi żmien 18-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, jippubblika linji gwida dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tal-aċċess għall-infrastruttura fiżika fil-bini, inkluż dwar l-applikazzjoni ta’ termini u kundizzjonijiet ġusti u raġonevoli, u l-kriterji li l-korpi nazzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwim għandhom isegwu meta jsolvu t-tilwim. Il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati u b’mod partikolari tal-korpi nazzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwim jenħtieġ li jitqiesu kif xieraq waqt it-tħejjija tal-linji gwida biex jiġi żgurat li tali linji gwida ma jfixklux il-prinċipji stabbiliti sew, tkun konformi mar-regoli proċedurali tal-korpi nazzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwim, u ma tkunx ta’ ħsara għal aktar introduzzjoni ta’ VHCN. Meta jitqies il-livell ta’ flessibbiltà li l-Istati Membri ngħataw fl-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet, u sabiex ikunu effiċjenti, jenħtieġ li l-linji gwida tal-BEREC jipprovdu livell xieraq ta’ granularità.

    (59)

    Biex jitħeġġu l-modernizzazzjoni u l-aġilità tal-proċeduri amministrattivi u jitnaqqsu l-ispiża u l-ħin tal-proċeduri tal-implimentazzjoni ta’ VHCNs, is-servizzi tal-punti uniċi tal-informazzjoni jenħtieġ li jsiru kompletament online. Għal dak il-għan, il-punti uniċi tal-informazzjoni jenħtieġ li jipprovdu aċċess faċli għall-għodod diġitali meħtieġa, bħal portali web, bażijiet ta’ data, pjattaformi diġitali u applikazzjonijiet diġitali. L-għodod jenħtieġ li jagħtu aċċess b’mod effiċjenti għall-informazzjoni minima dwar l-infrastruttura fiżika eżistenti u x-xogħlijiet ċivili ppjanati u jiżguraw il-possibbiltà li tintalab l-informazzjoni. Dawn l-għodod diġitali jenħtieġ li jagħtu aċċess ukoll għall-proċeduri amministrattivi elettroniċi tal-għoti tal-permessi u d-drittijiet ta’ aċċess, u informazzjoni relatata dwar il-kundizzjonijiet u l-proċeduri applikabbli. Meta jiġi stabbilit aktar minn punt uniku tal-informazzjoni wieħed fi Stat Membru, il-punti uniċi tal-informazzjoni kollha jenħtieġ li jkunu aċċessibbli faċilment u bla xkiel, b’mezzi elettroniċi, permezz ta’ punt tad-dħul diġitali nazzjonali uniku. Dan il-punt tad-dħul jenħtieġ li jkollu interfaċċa komuni tal-utenti li tiżgura aċċess għall-punti uniċi tal-informazzjoni online. Il-punt tad-dħul diġitali nazzjonali uniku jenħtieġ li jiffaċilita l-interazzjoni bejn l-operaturi u l-awtoritajiet kompetenti li jwettqu l-funzjonijiet tal-punti uniċi tal-informazzjoni.

    (60)

    L-Istati Membri jenħtieġ li jitħallew jistrieħu fuq, u meta meħtieġ itejbu, l-għodod diġitali, bħal portali web, bażijiet ta’ data, pjattaformi diġitali u applikazzjonijiet diġitali li jaf diġà huma disponibbli fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali biex jaqdu l-funzjonijiet tal-punt uniku tal-informazzjoni, dment li dawn ikunu konformi mal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament. Dan jinkludi l-aċċess permezz ta’ punt tad-dħul diġitali nazzjonali uniku u d-disponibbiltà tal-funzjonalitajiet kollha stabbiliti f’dan ir-Regolament. Biex jikkonformaw mal-prinċipji tal-minimizzazzjoni u l-akkuratezza tad-data ta’ “darba biss”, l-Istati Membri jenħtieġ li jitħallew jintegraw aktar pjattaformi, bażijiet ta’ data, jew applikazzjonijiet diġitali li jappoġġaw il-punti uniċi tal-informazzjoni, kif xieraq. Pereżempju, il-pjattaformi, il-bażijiet ta’ data jew l-applikazzjonijiet diġitali li jappoġġaw il-punti uniċi tal-informazzjoni fl-infrastruttura fiżika eżistenti jistgħu jiġu interkonnessi, jew integrati għalkollox jew parzjalment, ma’ dawk għax-xogħlijiet ċivili ppjanati u għall-għoti tal-permessi. Sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni u biex tiġi żgurata integrazzjoni bla xkiel, l-Istati Membri jistgħu jwettqu valutazzjoni tal-għodod diġitali diġà eżistenti fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali u jibnu fuq l-aħjar prattiki meta jfasslu l-punti uniċi tal-informazzjoni.

    (61)

    Biex tkun żgurata l-effettività tal-punti uniċi tal-informazzjoni previsti f’dan ir-Regolament, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw ir-riżorsi adegwati u li l-informazzjoni rilevanti dwar żona ġeografika speċifika tkun disponibbli faċilment. L-informazzjoni jenħtieġ li tiġi ppreżentata bil-livell xieraq ta’ dettall biex tiġi massimizzata l-effiċjenza fid-dawl tal-kompiti assenjati, inkluż fil-katast lokali. F’dak ir-rigward, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw is-sinerġiji possibbli u l-ekonomiji ta’ skala mal-punti ta’ kuntatt waħdieni skont it-tifsira tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) u soluzzjonijiet ippjanati jew eżistenti oħra tal-gvern elettroniku biex jibnu fuq l-istrutturi eżistenti u jimmassimizzaw il-benefiċċji għall-utenti. Bl-istess mod, il-Gateway Diġitali Unika stabbilita bir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) jenħtieġ li tiġi konnessa mal-punti uniċi tal-informazzjoni.

    (62)

    L-ispejjeż tal-istabbiliment tal-punt tad-dħul diġitali nazzjonali uniku, tal-punti uniċi tal-informazzjoni u tal-għodod diġitali meħtieġa għall-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jistgħu jkunu eliġibbli għalkollox jew parzjalment għal appoġġ finanzjarju mill-fondi tal-Unjoni, bħall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali – l-objettiv speċifiku: Ewropa aktar kompetittiva u aktar intelliġenti bis-saħħa tal-promozzjoni ta’ trasformazzjoni ekonomika innovattiva u intelliġenti u konnettività tal-ICT reġjonali (15); il-Programm Ewropa Diġitali (16) – l-objettiv speċifiku: l-implimentazzjoni u l-aqwa użu tal-kapaċitajiet diġitali u l-interoperabbiltà u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (17) – pilastri dwar it-trasformazzjoni diġitali u dwar it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, inkluż il-koeżjoni ekonomika, l-impjiegi, il-produttività, il-kompetittività, ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, u suq intern li jiffunzjona tajjeb b’intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju b’saħħithom, dment li jkunu konformi mal-objettivi u l-kriterji tal-eliġibbiltà fihom.

    (63)

    Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tekniċi u kummerċjali waqt in-negozjati kummerċjali dwar l-aċċess għall-infrastruttura fiżika jew il-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili, kull parti jenħtieġ li tkun tista’ titlob lil korp nazzjonali tas-soluzzjoni tat-tilwim biex jimponi soluzzjoni fuq il-partijiet ħalli jkunu evitati rifjuti mhux ġustifikati li tiġi ssodisfata t-talba jew l-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet mhux raġonevoli. Meta jiddetermina l-prezzijiet tal-għoti tal-aċċess għal infrastruttura fiżika eżistenti jew għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż għal xogħlijiet ċivili kkoordinati, il-korp tas-soluzzjoni tat-tilwim jenħtieġ li jiżgura li l-fornitur tal-aċċess u l-operaturi tan-networks li jippjanaw xogħlijiet ċivili jkollhom opportunità ġusta biex jirkupraw l-ispejjeż tagħhom imġarrba biex jipprovdu l-aċċess għall-infrastruttura fiżika tagħhom jew biex jikkoordinaw ix-xogħlijiet ċivili ppjanati tagħhom. Jenħtieġ li dan iqis il-gwida xierqa tal-Kummissjoni jew linji gwida tal-BEREC, kwalunkwe kundizzjoni nazzjonali speċifika, kwalunkwe struttura tariffarja stabbilita u kwalunkwe impożizzjoni preċedenti ta’ rimedji minn xi awtorità regolatorja nazzjonali. Il-korp tas-soluzzjoni tat-tilwim jenħtieġ li jqis ukoll l-impatt tal-aċċess mitlub jew tal-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili ppjanati fuq il-pjan tan-negozju tal-fornitur tal-aċċess jew tal-operaturi tan-networks li jippjanaw xogħlijiet ċivili, inkluż l-investimenti tagħhom magħmula jew ippjanati, b’mod partikolari l-investimenti fl-infrastruttura fiżika li għaliha tirreferi t-talba.

    (64)

    Biex jevita d-dewmien fl-implimentazzjoni tan-networks, il-korp nazzjonali tas-soluzzjoni tat-tilwim jenħtieġ li jsolvi t-tilwima fil-ħin u, fi kwalunkwe każ, fi żmien erba’ xhur mid-data tal-wasla tat-talba biex isolvi t-tilwima fil-każ tat-tilwim dwar l-aċċess għall-infrastruttura fiżika eżistenti, u fi żmien xahar fejn tidħol it-trasparenza dwar l-infrastruttura fiżika, il-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili ppjanati u t-trasparenza dwar ix-xogħlijiet ċivili ppjanati. Ċirkostanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw dewmien fis-soluzzjoni ta’ tilwima jistgħu jkunu lil hinn mill-kontroll tal-korpi tas-soluzzjoni tat-tilwim, bħal nuqqas ta’ informazzjoni jew dokumentazzjoni biżżejjed li tkun meħtieġa biex tittieħed deċiżjoni, inkluż il-fehmiet ta’ awtoritajiet kompetenti oħra li jeħtieġ jiġu kkonsultati jew il-kumplessità qawwija tal-fajl.

    (65)

    Meta jinqala’ tilwim dwar l-aċċess għall-infrastruttura fiżika, ix-xogħlijiet ċivili ppjanati jew l-informazzjoni tagħhom biex jiġu implimentati VHCNs, il-korp tas-soluzzjoni tat-tilwim jenħtieġ li jkollu s-setgħa li jsolvi dan it-tilwim b’deċiżjoni vinkolanti. Fi kwalunkwe każ, id-deċiżjonijiet ta’ dan il-korp jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li xi parti tirreferi l-każ quddiem qorti jew twettaq mekkaniżmu ta’ konċiljazzjoni preċedenti jew paralleli għas-soluzzjoni formali tat-tilwim, li jista’ jieħu l-forma ta’ medjazzjoni jew sessjoni addizzjonali ta’ skambji. Sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u l-prevedibbiltà u biex jissaħħu l-infurzar u l-fiduċja fil-mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim, il-korpi nazzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwim jenħtieġ li jippubblikaw id-deċiżjoni tagħhom filwaqt li jirrispettaw il-prinċipji tal-kunfidenzjalità u tas-sigrieti kummerċjali u l-punti uniċi tal-informazzjoni jenħtieġ li jiżguraw l-aċċess għal dawn id-deċiżjonijiet.

    (66)

    Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/61/UE dwar is-soluzzjoni tat-tilwim jibqgħu japplikaw għal kwalunkwe proċediment għas-soluzzjoni tat-tilwim li nbeda skont dik id-Direttiva.

    (67)

    F’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Istati Membri jallokaw kompiti regolatorji lill-aktar awtoritajiet adattati biex iwettquhom f’konformità mas-sistema kostituzzjonali nazzjonali tal-attribuzzjoni tal-kompetenzi u tas-setgħat u mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament. Biex jitnaqqas il-piż amministrattiv, l-Istati Membri jitħallew jenħtieġ li jaħtru korp eżistenti jew iżommu l-korpi kompetenti diġà maħtura skont id-Direttiva 2014/61/UE. L-informazzjoni dwar il-kompiti allokati lill-korp jew il-korpi kompetenti jenħtieġ li ssir disponibbli permezz ta’ punt uniku tal-informazzjoni u tiġi notifikata lill-Kummissjoni, sakemm dan ma jkunx sar diġà skont id-Direttiva 2014/61/UE. Id-diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri biex jallokaw il-funzjonijiet tal-punt uniku tal-informazzjoni lil aktar minn korp kompetenti wieħed, jenħtieġ li ma tkunx taffettwa l-abbiltà tagħhom li jaqdu dawk il-funzjonijiet b’mod effettiv.

    (68)

    Il-korp nazzjonali tas-soluzzjoni tat-tilwim maħtur u l-korp kompetenti li jwettaq il-funzjonijiet tal-punt uniku tal-informazzjoni jenħtieġ li jiżguraw l-imparzjalità, l-indipendenza u s-separazzjoni strutturali lejn il-partijiet involuti, filwaqt li jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b’mod imparzjali, trasparenti u fil-ħin; u jkollhom il-kompetenzi u r-riżorsi xierqa. Il-korpi nazzjonali tas-soluzzjoni tat-tilwim jenħtieġ li jaġixxu b’mod indipendenti u oġġettiv, u jenħtieġ li ma jiħdux jew ifittxu li jieħdu struzzjonijiet minn xi korp ieħor meta jiddeċiedu dwar it-tilwim sottomess lilhom.

    (69)

    L-Istati Membri jenħtieġ li jipprevedu penali xierqa, effettivi, proporzjonati u dissważivi fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament jew ma’ deċiżjoni vinkolanti adottata mill-korpi kompetenti, inkluż meta operatur tan-network jew korp tas-settur pubbliku jipprovdi konxjament jew b’mod gravi u negliġenti informazzjoni qarrieqa, żbaljata jew mhux kompluta permezz ta’ punt uniku tal-informazzjoni.

    (70)

    Billi l-objettivi ta’ dan ir-Regolament li għandu l-għan li jiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ infrastruttura fiżika adattata għal VHCNs madwar l-Unjoni b’mod li jippromwovi s-suq intern ma tistax tintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri minħabba approċċi diverġenti persistenti, kif ukoll it-traspożizzjoni bil-mod u ineffettiva tad-Direttiva 2014/61/UE, iżda pjuttost jistgħu, minħabba l-iskala tal-implimentazzjoni tan-networks u l-investimenti meħtieġa, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-objettivi.

    (71)

    Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-Istati Membri li jissalvagwardjaw is-sigurtà nazzjonali jew is-setgħa tagħhom li jissalvagwardjaw funzjonijiet Statali essenzjali oħra, b’mod partikolari fir-rigward tas-sigurtà pubblika, l-integrità territorjali tal-Istat u ż-żamma tal-ordni pubbliku.

    (72)

    Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari dan ir-Regolament għandu l-għan li jiżgura rispett sħiħ tad-dritt għall-ħajja privata u l-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali, il-libertà ta’ intrapriża, id-dritt għal proprjetà u d-dritt għal rimedju effettiv. Dan ir-Regolament irid jiġi applikat f’konformità ma’ dawk id-drittijiet u l-prinċipji.

    (73)

    Dan ir-Regolament jinkludi dispożizzjonijiet li jkopru l-oqsma kollha tas-sustanzi koperti mid-Direttiva 2014/61/UE, li għalhekk jenħtieġ li jitħassru. Madankollu, minħabba dewmien fl-applikazzjoni fir-rigward ta’ xi regoli dwar it-trasparenza, il-proċeduri tal-għoti tal-permessi, l-infrastruttura fiżika fil-bini u d-diġitalizzazzjoni tal-punti uniċi tal-informazzjoni, jenħtieġ li xi regoli stabbiliti fid-Direttiva 2014/61/UE jibqgħu fis-seħħ sakemm japplikaw ir-regoli korrispondenti ta’ dan ir-Regolament. Pereżempju, l-operaturi tan-networks u l-korpi tas-settur pubbliku, jenħtieġ li jibqgħu marbuta, kif previst fl-Artikolu 4(2) u 4(3), u l-Artikolu 4(4), l-ewwel sentenza, tad-Direttiva 2014/61/UE, li jagħmlu disponibbli l-informazzjoni dwar l-infrastruttura fiżika eżistenti permezz ta’ punt uniku tal-informazzjoni sabiex tkun tista’ tkun aċċessibbli minnufih sakemm japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament.

    (74)

    Bejn id-dati tad-dħul fis-seħħ u tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament hemm perjodu ta’ tmintax il-xahar biex jagħti lill-Istati Membri biżżejjed żmien biex jiżguraw li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom ma jkun fiha l-ebda ostaklu għall-applikazzjoni uniformi u effettiva ta’ dan ir-Regolament. B’deroga minn dik id-data tal-applikazzjoni, biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkollhom biżżejjed żmien biex jistabbilixxu sistemi ġodda u jikkonformaw ma’ regoli ġodda introdotti minn dan ir-Regolament, xi regoli dwar it-trasparenza dwar l-infrastruttura fiżika eżistenti u x-xogħlijiet ċivili ppjanati, dwar id-diġitalizzazzjoni tal-punti uniċi tal-informazzjoni u dwar ir-rwol tagħhom fir-rigward tas-simplifikazzjoni tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi, kif ukoll dwar l-infrastruttura fiżika fil-bini, jenħtieġ li japplikaw fi stadju aktar tard. Pereżempju, l-obbligu li bini ġdid u rinnovat bil-kbir jiġi mgħammar b’infrastruttura fiżika fil-bini lesta għall-fibra u b’wajers tal-fibra fil-bini jenħtieġ li jsir obbligatorju 21 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u l-korpi tas-settur pubbliku jenħtieġ li jagħmlu disponibbli informazzjoni dwar l-infrastruttura fiżika eżistenti permezz tal-punt uniku tal-informazzjoni f’forma elettronika wara 24 xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, filwaqt li l-istess obbligu jenħtieġ li jkompli japplika għall-operaturi tan-networks kif diġà applikat f’konformità mad-Direttiva 2014/61/UE. Barra minn hekk, filwaqt li d-dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza dwar l-informazzjoni minima dwar ix-xogħlijiet ċivili ppjanati, inkluż il-post ġeoreferenzjat, jeħtieġu perjodu itwal sa massimu ta’ 24-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jiżguraw li l-punti uniċi tal-informazzjoni rilevanti jagħmlu disponibbli l-għodod diġitali xierqa, il-punti uniċi tal-informazzjoni eżistenti ser ikomplu jintużaw skont l-Artikolu 6(1), (2) u (3) tad-Direttiva 2014/61/UE. L-istess japplika għall-eċċezzjonijiet rilevanti definiti fl-Istati Membri skont l-Artikolu 6(5) tad-Direttiva 2014/61/UE. L-Istati Membri jridu jirtiraw id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkoinċidu ma’ dan ir-Regolament jew li jikkontradixxuh sal-mument li kull dispożizzjoni tibda tapplika. Fir-rigward tal-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida tul dan il-perjodu, jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE li l-Istati Membri għandhom id-dmir ta’ kooperazzjoni sinċiera li ma jiħdux azzjoni kunfliġġenti mar-regoli legali prospettivi tal-Unjoni.

    (75)

    Ir-Regolament (UE) 2018/1971 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) introduċa, fost l-oħrajn, u permezz ta’ emenda għar-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19), miżuri li jirregolaw il-prezzijiet bl-imnut għall-komunikazzjonijiet intra-UE. Il-miżuri mmirati biex jiżguraw li l-konsumaturi ma jintalbux prezzijiet eċċessivi biex jagħmlu komunikazzjonijiet interpersonali bbażati fuq in-numri li joriġinaw fl-Istat Membru tal-fornitur domestiku tagħhom u jitterminaw f’kwalunkwe numru fiss jew mobbli fi Stat Membru ieħor. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, il-miżura ma tmurx lil hinn minn dak li kien neċessarju sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet. Il-miżuri daħlu fis-seħħ fil-15 ta’ Mejju 2019 għal perjodu ta’ ħames snin, sal-14 ta’ Mejju 2024. B’mod speċifiku, ir-Regolament (UE) 2018/1971 introduċa d-definizzjonijiet tal-komunikazzjonijiet intra-UE regolati u tal-komunikazzjonijiet interpersonali bbażati fuq in-numri fir-Regolament (UE) 2015/2120, emenda r-Regolament (UE) 2015/2120 billi stabbilixxa tariffi bl-imnut għall-komunikazzjonijiet intra-UE, u ppreveda l-iskadenza ta’ dawk it-tariffi bl-imnut fl-14 ta’ Mejju 2024.

    (76)

    Il-limiti massimi tal-prezzijiet bl-imnut, li daħlu fis-seħħ fl-Istati Membri kollha fil-15 ta’ Mejju 2019, ġew stabbiliti f’livell li ppermetta lill-fornituri ta’ servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali bbażati fuq in-numri disponibbli pubblikament jirkupraw l-ispejjeż tagħhom, u b’hekk ġie żgurat intervent proporzjonat kemm fis-suq tal-komunikazzjonijiet mobbli kif ukoll dawk fissi. Barra minn hekk, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali ngħataw, u għad għandhom, is-setgħa li jagħtu deroga fuq talba ta’ fornitur ta’ servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali bbażati fuq in-numri disponibbli għall-pubbliku f’każ li dawn ikunu ferm aktar affettwati mill-miżuri mill-maġġoranza ta’ fornituri oħra fl-Unjoni.

    (77)

    Fil-15 ta’ Mejju 2023, il-Kummissjoni ppubblikat Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-komunikazzjonijiet intra-UE tar-Regolament (UE) 2018/1971, flimkien ma’ rapport ta’ stħarriġ tal-Ewrobarometru dwar il-komunikazzjonijiet internazzjonali fl-Unjoni (ir- “Rapport tal-Ewrobarometru tal-2022”). Il-Kummissjoni vvalutat l-impatt tal-miżuri abbażi tal-monitoraġġ kontinwu tal-implimentazzjoni tar-regoli u tal-iskambji mal-partijiet ikkonċernati, kif ukoll qieset l-Opinjoni tal-BEREC dwar ir-regolament dwar il-komunikazzjonijiet intra-UE (l-“Opinjoni tal-BEREC”). Kemm il-valutazzjoni tal-Kummissjoni kif ukoll ir-riżultati tar-Rapport tal-Ewrobarometru tal-2022 juru li r-regoli tal-Unjoni wrew li huma effettivi u proporzjonati. Il-miżuri naqqsu b’mod sinifikanti l-prezzijiet bl-imnut tal-komunikazzjonijiet intra-UE. Abbażi tad-data li tirriżulta mill-Opinjoni tal-BEREC u r-Rapport tal-Ewrobarometru tal-2022, għadd sinifikanti ta’ konsumaturi fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri bbenefikaw mill-miżuri u xi wħud għadhom jiddependu fuq komunikazzjonijiet tradizzjonali bħal telefonati u messaġġi SMS għal komunikazzjonijiet intra-UE, bil-konsumaturi jikkomunikaw l-aktar bit-telefon, minkejja għadd dejjem akbar ta’ konsumaturi li għandhom aċċess għal servizzi ta’ komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri għall-ħtiġijiet ta’ komunikazzjoni intra-UE tagħhom. Dan huwa l-każ għaċ-ċittadini li għandhom 55 sena jew aktar.

    (78)

    Barra minn hekk, il-limiti massimi tal-prezzijiet bl-imnut la rriżultaw f’żieda fil-volum ta’ komunikazzjonijiet intra-UE, u lanqas ma jidher li kellhom impatt negattiv sinifikanti fuq il-fornituri. Minn meta l-miżuri daħlu fis-seħħ, ma ntalbet l-ebda deroga minn xi fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet interpersonali bbażati fuq in-numri pubblikament disponibbli. Barra minn hekk, l-eżitu tal-konsultazzjoni esploratorja dwar il-futur tas-suq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u l-infrastruttura tiegħu, li ngħalqet fid-19 ta’ Mejju 2023, jikkonforma l-ħtieġa kontinwa li jiġu estiżi l-miżuri eżistenti.

    (79)

    Minħabba li l-prezzijiet bl-ingrossa għall-komunikazzjonijiet intra-UE mhumiex regolati u li hemm nuqqas ta’ ħarsa ġenerali tal-ispejjeż tat-tranżitu, f’dan l-istadju, ma jistax jiġi eskluż li dawk il-prezzijiet bl-imnut jiżdiedu jekk il-miżuri jitneħħew immedjatament, u l-klijenti jistgħu jkunu esposti għal prezzijiet għoljin ħafna għall-komunikazzjonijiet intra-UE. Għalhekk, dan ir-Regolament jintroduċi dispożizzjoni li temenda r-Regolament (UE) 2015/2120 biex tittawwal l-applikazzjoni tal-Artikolu 5a(1) tiegħu.

    (80)

    Madankollu, fid-dawl tal-objettiv li jitneħħew id-differenzi fil-prezzijiet bl-imnut bejn it-tariffi applikati għal komunikazzjonijiet intra-UE u t-tariffi applikabbli għal komunikazzjonijiet domestiċi bil-vuċi (fissi u mobbli) u SMS, mill-1 ta’ Jannar 2025, il-fornituri li volontarjament jiddeċiedu li ma japplikawx tariffi addizzjonali għal komunikazzjonijiet intra-UE, jenħtieġ li jkunu eżentati mill-applikazzjoni tal-prezzijiet massimi bl-imnut, soġġetti għal politika ta’ użu ġust sabiex iġibu l-benefiċċji ta’ prezzijiet bl-imnut ugwali għal komunikazzjonijiet domestiċi u intra-UE lill-konsumaturi aktar kmieni. Il-politika ta’ użu ġust ser tiġi definita f’att ta’ implimentazzjoni li l-Kummissjoni jenħtieġ li tadotta sal-31 ta’ Diċembru 2024, wara konsultazzjoni mal-BEREC.

    (81)

    Bħala t-tieni pass, mill-1 ta’ Jannar 2029, jenħtieġ li l-fornituri ma jitolbux prezzijiet bl-imnut differenti għal komunikazzjonijiet domestiċi u komunikazzjonijiet intra-UE. L-obbligu għall-fornituri li jikkonformaw ma’ din il-miżura huwa madankollu soġġett għall-adozzjoni ta’ għadd ta’ salvagwardji għall-fornituri dwar is-sostenibbiltà, l-użu ġust u l-miżuri kontra l-frodi. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta tali salvagwardji permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni sat-30 ta’ Ġunju 2028.

    (82)

    Barra minn hekk, it-tneħħija gradwali sħiħa tat-tariffi addizzjonali bl-imnut għall-komunikazzjonijiet intra-UE li tibda fl-1 ta’ Jannar 2029 għandha tkun preċeduta minn rieżami tar-regoli dwar il-komunikazzjonijiet intra-UE li l-Kummissjoni jenħtieġ li twettaq sat-30 ta’ Ġunju 2027, wara konsultazzjoni mal-BEREC.

    (83)

    Bħala parti mir-rieżami, il-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-BEREC, jenħtieġ li tivvaluta l-impatt tal-miżuri l-ġodda fuq il-konsumaturi u fuq il-fornituri, filwaqt li tqis ukoll id-dinamika tas-suq li qed tiżviluppa. Jenħtieġ li l-valutazzjoni tinkludi l-evoluzzjoni tal-ispejjeż bl-ingrossa, ix-xejra tal-prezzijiet bl-imnut tal-komunikazzjonijiet intra-UE, l-evoluzzjoni tal-preferenzi tal-konsumatur, l-impatt possibbli fuq is-swieq nazzjonali għall-forniment ta’ servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali bbażati fuq in-numri, b’mod partikolari fuq il-prezzijiet bl-imnut imposti fuq il-konsumaturi, l-impatt potenzjali tal-miżuri fuq id-dħul tal-fornituri, il-firxa tal-użu, id-disponibbiltà u l-kompetittività tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri jew kwalunkwe alternattiva għall-komunikazzjonijiet intra-UE u l-evoluzzjoni tal-pjanijiet tariffarji fir-rigward tal-komunikazzjonijiet intra-UE.

    (84)

    Il-valutazzjoni ser tkun il-bażi biex il-Kummissjoni tadotta att ta’ implimentazzjoni sat-30 ta’ Ġunju 2028 li jistabbilixxi s-salvagwardji għall-fornituri dwar is-sostenibbiltà, l-użu ġust u l-miżuri kontra l-frodi. Tista’ sservi wkoll bħala bażi għal proposta leġiżlattiva possibbli mill-Kummissjoni biex temenda l-miżuri kif possibbilment meħtieġ.

    (85)

    Għall-fini tal-ġbir tad-data, il-monitoraġġ, ir-rieżami u r-rappurtar dwar l-impatt tar-regoli fuq il-komunikazzjonijiet intra-UE, jenħtieġ li l-Kummissjoni, il-BEREC, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u, fejn applikabbli, awtoritajiet kompetenti oħra kkonċernati jittrattaw bħala kunfidenzjali kwalunkwe sigriet kummerċjali u informazzjoni kunfidenzjali oħra kondiviża mill-fornituri. Madankollu, jenħtieġ li l-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali ma tipprevjenix lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti milli jikkondividu tali informazzjoni fil-ħin.

    (86)

    F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, il-miżuri applikabbli għall-komunikazzjonijiet intra-UE introdotti b’dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu limitati fiż-żmien u jenħtieġ li jiskadu sat-30 ta’ Ġunju 2032. Tali estensjoni jenħtieġ li tippermetti lill-Kummissjoni tiġbor u teżamina data rilevanti biex tivvaluta l-impatt tal-miżuri, filwaqt li fl-istess ħin tiżgura li l-konsumaturi vulnerabbli jkunu protetti minn prezzijiet potenzjalment eċċessivi għall-komunikazzjonijiet intra-UE. L-iskadenza tal-miżuri tikkoinċidi mad-data tal-iskadenza tar-Regolament (UE) 2022/612 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20).

    (87)

    Sabiex tkun tista’ ssir applikazzjoni fil-pront tal-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

    1.   Dan ir-Regolament għandu l-għan li jiffaċilita u jistimula l-introduzzjoni tan-networks b’kapaċità għolja ħafna (VHCN) billi jippromwovi l-użu konġunt tal-infrastruttura fiżika eżistenti u billi jippermetti implimentazzjoni aktar effiċjenti tal-infrastruttura fiżika ġdida biex dawn in-networks ikunu jistgħu jiġu introdotti aktar malajr u b’inqas spejjeż.

    2.   Jekk xi dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament tkun kunfliġġenti għal xi dispożizzjoni tad-Direttiva 2002/77/KE, (UE) 2018/1972 jew (UE) 2022/2555, għandha tipprevali d-dispożizzjoni rilevanti ta’ dawk id-Direttivi.

    3.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti minimi biex jintlaħqu l-għanijiet stipulati fil-paragrafu 1. L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu miżuri f’konformità ma’ liġijiet tal-Unjoni li jkunu aktar stretti jew aktar dettaljati minn dawk ir-rekwiżiti minimi, jekk dawn il-miżuri jservu biex jippromwovu l-użu konġunt tal-infrastruttura fiżika eżistenti jew jippermettu implimentazzjoni aktar effiċjenti ta’ infrastruttura fiżika ġdida.

    4.   B’deroga mill-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri ma għandhomx iżommu jew jintroduċu l-miżuri msemmija f’dak il-paragrafu fir-rigward tal-Artikolu 3(5), l-ewwel subparagrafu, il-punti (a) sa (e), l-Artikolu 3(7) u (10), l-Artikolu 4(7), l-Artikolu 5(2), it-tieni subparagrafu, l-Artikoli 5(5) u 6(2) u l-Artikolu 10(7) u (8).

    5.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-Istati Membri li jissalvagwardjaw is-sigurtà nazzjonali u s-setgħa tagħhom li jissalvagwardjaw funzjonijiet Statali essenzjali oħra, fosthom l-iżgurar tal-integrità territorjali tal-Istat u ż-żamma tal-ordni pubbliku.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2018/1972, b’mod partikolari d-definizzjonijiet ta’ “network tal-komunikazzjonijiet elettroniċi”, “network b’kapaċità għolja ħafna”, “network pubbliku tal-komunikazzjonijiet elettroniċi”, “punt tat-terminazzjoni tan-network”, “faċilitajiet assoċjati”, “utent finali”, “sigurtà tan-networks u tas-servizzi”, “aċċess”, u “operatur”.

    Japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “operatur ta’ network” tfisser:

    (a)

    operatur kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (29), tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

    (b)

    impriża li tipprovdi infrastruttura fiżika maħsuba biex tipprovdi:

    (i)

    servizz tal-produzzjoni, tat-trasport jew tad-distribuzzjoni ta’:

    gass;

    elettriku, inkluż it-tidwil pubbliku;

    tisħin;

    ilma, inkluż ir-rimi jew it-trattament tal-ilma mormi u tad-drenaġġ, u s-sistemi tad-drenaġġ;

    (ii)

    servizzi tat-trasport, inkluż linji ferrovjarji, toroq, inkluż toroq urbani, mini, portijiet u ajruporti;

    (2)

    “korp irregolat bil-liġi pubblika” tfisser korp li għandu l-karatteristiċi kollha li ġejjin:

    (a)

    huwa stabbilit bl-iskop speċifiku li jissodisfa l-ħtiġijiet fl-interess ġenerali, li ma jkollhomx karattru industrijali jew kummerċjali;

    (b)

    ikollu personalità ġuridika;

    (c)

    huwa ffinanzjat, għalkollox jew fil-parti l-kbira, mill-awtoritajiet tal-Istat, reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħra rregolati bil-liġi pubblika jew huwa soġġett għal superviżjoni maniġerjali minn dawk l-awtoritajiet jew korpi; jew ikollu bord amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju, li aktar minn nofs il-membri tiegħu jinħatru mill-awtoritajiet tal-Istat, reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħra rregolati bil-liġi pubblika;

    (3)

    “korp tas-settur pubbliku” tfisser awtorità tal-Istat, reġjonali jew lokali, korp irregolat bil-liġi pubblika jew assoċjazzjoni maħluqa minn awtorità waħda jew aktar bħal dawn, jew minn korp wieħed jew aktar bħal dawn irregolati bil-liġi pubblika;

    (4)

    “infrastruttura fiżika” tfisser:

    (a)

    kwalunkwe element ta’ network li hu maħsub biex jilqa’ elementi oħra tan-network bla ma jsir element attiv tan-network innifsu, bħal pajpijiet, arbli, tubi, kaxxetti tal-ispezzjoni, tappieri, kaxxi tat-triq, installazzjonijiet tal-antenni, torrijiet u arbli, kif ukoll il-bini inkluż is-soqfa tagħhom jew partijiet mill-faċċati tagħhom jew id-daħliet għall-bini, u kwalunkwe ass ieħor, inkluż għamara tat-toroq, bħal arbli tad-dawl, sinjali tat-triq, dwal tat-traffiku, billboards u strutturi għall-pedaġġ, kif ukoll waqfiet tal-karozzi tal-linja u tat-tramm u stazzjonijiet tal-metro u ferrovjarji;

    (b)

    fejn ma jkunux parti minn network u jkunu proprjetà ta’ korpi tas-settur pubbliku jew ikkontrollati minnhom: bini inkluż is-soqfa tagħhom u partijiet mill-faċċati tagħhom jew id-daħliet għall-bini, u kwalunkwe ass ieħor, inkluż għamara tat-toroq, bħal arbli tad-dawl, sinjali tat-triq, dwal tat-traffiku, billboards u strutturi għall-pedaġġ, kif ukoll waqfiet tal-karozzi tal-linja u tat-tramm u stazzjonijiet tal-metro u ferrovjarji.

    Il-kejbils, inkluż il-fibra skura, kif ukoll l-elementi tan-networks użati għall-forniment tal-ilma għall-konsum mill-bniedem kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1), tad-Direttiva (UE) 2020/2184 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21) mhumiex infrastruttura fiżika skont it-tifsira ta’ dan ir-Regolament;

    (5)

    “xogħlijiet ċivili” tfisser l-eżitu ta’ xogħlijiet tal-bini jew tal-inġinerija ċivili meħuda kollha flimkien li minnu innifsu jkun biżżejjed biex titwettaq funzjoni ekonomika jew teknika u li jinvolvi element wieħed jew aktar ta’ infrastruttura fiżika;

    (6)

    “infrastruttura fiżika fil-bini” tfisser infrastruttura fiżika jew installazzjonijiet fiżiċi fil-post tal-utent finali, inkluż elementi b’sjieda konġunta, maħsuba biex tilqa’ networks ta’ aċċess bil-wajer u/jew mingħajru, meta dawn in-networks ta’ aċċess ikunu jifilħu jagħtu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika u jqabbdu l-punt ta’ aċċess tal-bini mal-punt ta’ terminazzjoni tan-network;

    (7)

    “wajers tal-fibra fil-bini” tfisser kejbils tal-fibra ottika fil-post tal-utent finali, inkluż elementi bi sjieda konġunta, maħsuba biex iwasslu servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u jgħaqqdu l-punt tal-aċċess tal-bini mal-punt tat-terminazzjoni tan-network;

    (8)

    “infrastruttura fiżika fil-bini lesta għall-fibra” tfisser infrastruttura fiżika fil-bini maħsuba biex tilqa’ elementi tal-fibra ottika;

    (9)

    “xogħlijiet kbar ta’ rinnovazzjoni” tfisser xogħlijiet ċivili fil-post tal-utent finali li jinkludu modifiki strutturali tal-infrastruttura fiżika fil-bini kollha kemm hi jew ta’ parti sinifikanti minnha u li jeħtieġu, f’konformità mal-liġi nazzjonali, permess tal-bini;

    (10)

    “permess” tfisser deċiżjoni espliċita jew impliċita jew sett ta’ deċiżjonijiet meħuda simultanjament jew suċċessivament minn awtorità kompetenti waħda jew aktar li huma meħtieġa skont il-liġi nazzjonali biex impriża twettaq xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ċivili meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ elementi ta’ VHCNs;

    (11)

    “punt ta’ aċċess” tfisser punt fiżiku, li jkun jinsab ġewwa jew barra l-bini, aċċessibbli għall-impriżi li jipprovdu jew li huma awtorizzati biex jipprovdu networks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, li permezz tiegħu tkun tista’ ssir disponibbli l-konnessjoni mal-infrastruttura fiżika fil-bini lesta għall-fibra;

    (12)

    “drittijiet ta’ aċċess” tfisser id-drittijiet imsemmijin fl-Artikolu 43(1) tad-Direttiva (UE) 2018/1972, mogħtija lil operatur biex jinstalla faċilitajiet fuq, minn fuq jew minn taħt proprjetà pubblika jew privata biex jimplimenta VHCNs u faċilitajiet assoċjati.

    Artikolu 3

    Aċċess għall-infrastruttura fiżika eżistenti

    1.   L-operaturi tan-networks u l-korpi tas-settur pubbliku li huma s-sidien ta’ infrastruttura fiżika jew jikkontrollawha għandhom jissodisfaw, fuq talba bil-miktub ta’ operatur, it-talbiet raġonevoli kollha għal aċċess għal dik l-infrastruttura fiżika b’termini u kundizzjonijiet ġusti u raġonevoli, inkluż il-prezz, bil-ħsieb li jiġu implimentati elementi ta’ VHCNs jew faċilitajiet assoċjati. Il-korpi tas-settur pubbliku li huma s-sidien tal-infrastruttura fiżika jew li jikkontrollawha għandhom jissodisfaw dawn it-talbiet raġonevoli kollha wkoll b’termini u kundizzjonijiet nondiskriminatorji. Dawn it-talbiet bil-miktub għandhom jispeċifikaw l-elementi tal-infrastruttura fiżika li għaliha jintalab l-aċċess, u jkunu jinkludu t-tul tal-perjodu speċifiku. L-Istati Membri jistgħu jispeċifikaw rekwiżiti ddettaljati relatati mal-aspetti amministrattivi tat-talbiet.

    2.   Fuq talba ta’ operatur, persuni ġuridiċi li huma primarjament attivi bħala inkwilini tal-art, jew bħala detenturi ta’ drittijiet fuq l-art, għajr id-drittijiet tal-proprjetà, li fuqhom il-faċilitajiet huma ppjanati li jiġu installati jew li ġew installati bil-ħsieb li jiġu implimentati elementi ta’ VHCNs, jew li jimmaniġġaw kuntratti ta’ lokazzjoni f’isem is-sidien tal-art, u l-operaturi għandhom jinnegozjaw l-aċċess għal tali art in bona fide, inkluż fir-rigward tal-prezz, li meta xieraq għandu jirrifletti l-kundizzjonijiet tas-suq, f’konformità mal-liġi kuntrattwali nazzjonali.

    L-operaturi u l-persuni ġuridiċi msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom jinfurmaw lill-awtorità regolatorja nazzjonali dwar il-konklużjoni tal-ftehimiet milħuqa f’konformità mal-ewwel subparagrafu, inkluż il-prezz miftiehem.

    L-Istati Membri jistgħu jipprovdu gwida dwar it-termini u l-kundizzjonijiet, inkluż il-prezz, sabiex jiffaċilitaw il-konklużjoni ta’ tali ftehimiet.

    3.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li s-sidien ta’ bini kummerċjali privat, li ma jkunux jappartjenu jew ikkontrollati minn operatur tan-network għandhom jissodisfaw, fuq it-talba bil-miktub ta’ operatur, talbiet raġonevoli għall-aċċess għal dak il-bini, inkluż il-bjut tagħhom, bil-ħsieb li jinstallaw elementi ta’ VHCNs jew faċilitajiet assoċjati b’termini u kundizzjonijiet ġusti u raġonevoli, u bi prezz li jirrifletti l-kundizzjonijiet tas-suq. Qabel talba bħal din minn dawk li jkunu qed ifittxu aċċess għandhom jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a)

    il-bini jkun jinsab f’żona rurali jew remota kif definit mill-Istati Membri;

    (b)

    ma jkun hemm disponibbli l-ebda VHCN tal-istess tip – fiss jew mobbli – bħal dak li dawk li jkunu qed ifittxu aċċess ikun biħsiebhom jimplimentaw fiż-żona li għaliha ssir it-talba għall-aċċess, u ma jkun hemm l-ebda pjan biex jiġi implimentat tali network skont l-informazzjoni miġbura mill-punt uniku ta’ informazzjoni disponibbli fid-data tat-talba,

    (c)

    ma jkun hemm l-ebda infrastruttura fiżika fiż-żona li għaliha ntalab l-aċċess, li hija proprjetà ta’ operaturi ta’ networks jew korpi tas-settur pubbliku jew ikkontrollata minnhom u li hija teknikament adatta biex tilqa’ elementi ta’ VHCNs.

    L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw lista ta’ kategoriji ta’ bini kummerċjali li jistgħu jkunu eżentati mill-obbligu li jissodisfaw tali talba għal aċċess, għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika, difiża, sikurezza u saħħa. Dik il-lista u l-kriterji li għandhom jiġu applikati biex dawk il-kategoriji jiġu identifikati għandhom jiġu ppubblikati permezz ta’ punt uniku tal-informazzjoni.

    4.   Meta jiddeterminaw termini u kundizzjonijiet ġusti u raġonevoli, inkluż il-prezzijiet, għall-għoti tal-aċċess, u sabiex jevitaw prezzijiet eċċessivi, l-operaturi ta’ networks u l-korpi tas-settur pubbliku li huma s-sidien ta’ infrastruttura fiżika jew jikkontrollawha għandhom, fejn rilevanti, iqisu mill-inqas dawn li ġejjin:

    (a)

    kuntratti u termini u kundizzjonijiet kummerċjali eżistenti miftiehma bejn operaturi li jfittxu aċċess u operaturi ta’ networks jew korpi tas-settur pubbliku li jagħtu aċċess għal infrastruttura fiżika;

    (b)

    il-ħtieġa li jkun żgurat li l-fornitur tal-aċċess ikollu opportunità ġusta biex jirkupra l-ispejjeż li jġarrab biex jipprovdi aċċess għall-infrastruttura fiżika tiegħu, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet nazzjonali speċifiċi, il-mudelli tan-negozju, u kwalunkwe struttura tariffarja stabbilita biex tingħata opportunità ġusta għall-irkupru tal-ispejjeż; fil-każ tan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, għandu jitqies ukoll kull rimedju impost minn awtorità regolatorja nazzjonali;

    (c)

    kwalunkwe spiża addizzjonali ta’ manutenzjoni u adattament li jirriżulta mill-għoti ta’ aċċess għall-infrastruttura fiżika rilevanti;

    (d)

    l-impatt tal-aċċess mitlub fuq il-pjan tan-negozju tal-fornitur tal-aċċess, inkluż l-investimenti fl-infrastruttura fiżika li għaliha jkun intalab l-aċċess;

    (e)

    fil-każ speċifiku ta’ aċċess għall-infrastruttura fiżika tal-operaturi, kwalunkwe gwida rilevanti skont il-paragrafu 13, u b’mod partikolari:

    (i)

    il-vijabbiltà ekonomika ta’ dawk l-investimenti fuq il-bażi tal-profil ta’ riskju tagħhom;

    (ii)

    il-ħtieġa għal redditu ġust fuq l-investiment u għal kwalunkwe skeda ta’ żmien għal tali redditu fuq l-investiment;

    (iii)

    kwalunkwe impatt tal-aċċess fuq il-kompetizzjoni downstream u konsegwentement fuq il-prezzijiet u r-redditu fuq l-investiment;

    (iv)

    kwalunkwe deprezzament tal-assi tan-network fil-mument tat-talba għal aċċess;

    (v)

    kwalunkwe argument għall-vijabbiltà li jirfed l-investiment fil-mument li jkun sar, b’mod partikolari investiment fl-infrastruttura fiżika użata għall-forniment tal-konnettività; u

    (vi)

    kwalunkwe possibbiltà offruta preċedentement lil dawk li jkunu qed ifittxu aċċess biex jikkoinvestu fl-implimentazzjoni tal-infrastruttura fiżika, b’mod partikolari skont l-Artikolu 76 tad-Direttiva (UE) 2018/1972, jew jimplimentawha b’mod konġunt;

    (f)

    meta titqies il-ħtieġa tal-operaturi għal redditu ġust fuq l-investiment li jirrifletti l-kundizzjonijiet rilevanti tas-suq, il-mudelli kummerċjali differenti tagħhom, b’mod partikolari fil-każ ta’ impriżi li primarjament jipprovdu faċilitajiet assoċjati u joffru aċċess fiżiku għal aktar minn impriża waħda li tipprovdi, jew li hija awtorizzata li tipprovdi, networks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

    5.   L-operaturi ta’ networks u l-korpi tas-settur pubbliku li huma s-sidien ta’ infrastruttura fiżika jew jikkontrollawha jistgħu jirrifjutaw l-aċċess għal infrastruttura fiżika speċifika fuq il-bażi ta’ waħda jew aktar mir-raġunijiet li ġejjin:

    (a)

    l-infrastruttura fiżika li għaliha jkun intalab l-aċċess ma tkunx teknikament xierqa biex tospita xi wieħed mill-elementi tal-VHCN imsemmija fil-paragrafu 1;

    (b)

    ikun hemm nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ spazju biex jintlaqgħu l-elementi tal-VHCNs jew tal-faċilitajiet assoċjati msemmijin fil-paragrafu 1, inkluż wara li tkun tqieset il-ħtieġa futura għal spazju tal-fornitur tal-aċċess li tkun intweriet b’mod suffiċjenti, pereżempju b’referenza għall-pjanijiet ta’ investimenti disponibbli pubblikament jew għal perċentwal applikat konsistentement għall-kapaċità riżervata għall-ħtiġijiet futuri, imqabbla mal-kapaċità kollha tal-infrastruttura fiżika;

    (c)

    l-eżistenza ta’ raġunijiet ġustifikati rigward is-sikurezza, is-sigurtà nazzjonali u s-saħħa pubblika;

    (d)

    l-eżistenza ta’ raġunijiet ġustifikati kif xieraq rigward l-integrità u s-sigurtà ta’ kwalunkwe network, b’mod partikolari l-infrastruttura kritika nazzjonali;

    (e)

    l-eżistenza ta’ riskju ġustifikat kif xieraq ta’ interferenzi serji tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi ppjanati bil-forniment ta’ servizzi oħra fuq l-istess infrastruttura fiżika;

    (f)

    id-disponibbiltà ta’ mezzi alternattivi vijabbli ta’ aċċess fiżiku passiv bl-ingrossa għan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, xierqa għall-forniment ta’ VHCNs, u offruti b’termini u kundizzjonijiet ġusti u raġonevoli, li jiġu pprovduti mill-istess operatur ta’ network jew, fil-każ speċifiku ta’ żoni rurali jew remoti fejn network jitħaddem fuq bażi bl-ingrossa biss u jkun proprjetà ta’ korpi tas-settur pubbliku jew ikkontrollat minnhom, li jiġu pprovduti mill-operatur ta’ tali network.

    6.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-operaturi ta’ networks u l-korpi tas-settur pubbliku li huma s-sidien ta’ infrastruttura fiżika jew jikkontrollawha jistgħu jirrifjutaw l-aċċess għal infrastruttura fiżika speċifika meta jkun hemm mezzi alternattivi vijabbli ta’ aċċess attiv bl-ingrossa miftuħ u nondiskriminatorju għal VHCNs, li huma pprovduti mill-istess operatur ta’ network jew mill-istess korp pubbliku, dment li jiġu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    tali mezzi alternattivi ta’ aċċess bl-ingrossa jiġu offruti b’termini u kundizzjonijiet ġusti u raġonevoli, inkluż il-prezz;

    (b)

    il-proġett ta’ implimentazzjoni tal-operatur rikjedenti jindirizza l-istess żona ta’ kopertura u ma jkun hemm ebda network ieħor tal-fibra li jservi ż-żona ta’ kopertura li jikkonnettja l-bini tal-utent finali.

    Dan il-paragrafu għandu japplika biss għal dawk l-Istati Membri fejn tali possibbiltà għal rifjut jew possibbiltà ekwivalenti għal rifjut tiġi applikata fil-11 ta’ Mejju 2024, f’konformità mal-liġi nazzjonali li tikkonforma mal-liġi tal-Unjoni.

    7.   Fil-każ li jiġi rrifjutat l-għoti ta’ aċċess kif imsemmi fil-paragrafi 5 u 6, l-operatur ta’ network jew il-korp tas-settur pubbliku li huwa s-sid ta’ infrastruttura fiżika jew jikkontrollaha għandu jikkomunika bil-miktub lil dawk li qed ifittxu l-aċċess ir-raġunijiet speċifiċi u dettaljati għal tali rifjut mhux aktar tard minn xahar mid-data tal-wasla tat-talba kompleta għall-aċċess, għajr għall-infrastruttura kritika nazzjonali kif definita fil-liġi nazzjonali, li għaliha ma għandhomx ikunu meħtieġa raġunijiet speċifiċi u dettaljati fil-komunikazzjoni tar-rifjut lil dawk li jkunu qed ifittxu aċċess.

    8.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu jew jaħtru korp biex jikkoordina t-talbiet għall-aċċess għall-infrastruttura fiżika li tkun il-proprjetà ta’ korpi tas-settur pubbliku jew ikkontrollata minnhom, jipprovdu pariri legali u tekniċi permezz tan-negozjar ta’ termini u kundizzjonijiet tal-aċċess, u jiffaċilitaw l-għoti tal-informazzjoni permezz ta’ punt uniku tal-informazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 12.

    9.   L-infrastruttura fiżika li diġà hi soġġetta għall-obbligi tal-aċċess imposti mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali skont id-Direttiva (UE) 2018/1972 jew li tirriżulta mill-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat ma għandhiex tkun soġġetta għall-obbligi stipulati fil-paragrafi 1, 4 u 5, sakemm dawk l-obbligi tal-aċċess ikunu fis-seħħ.

    10.   Il-korpi tas-settur pubbliku li huma s-sidien ta’ infrastruttura fiżika jew ta’ ċerti kategoriji ta’ infrastruttura fiżika, jew li jikkontrollawha, jistgħu ma japplikawx il-paragrafi 1, 4 u 5 għal dik l-infrastruttura fiżika jew dawk il-kategoriji ta’ infrastruttura fiżika minħabba raġunijiet ta’ valur arkitettoniku, storiku, reliġjuż jew ambjentali, jew minħabba raġunijiet ta’ sigurtà pubblika, difiża, sikurezza u saħħa. L-Istati Membri jew, kif xieraq, l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom jidentifikaw din l-infrastruttura fiżika jew dawn il-kategoriji ta’ infrastruttura fiżika fit-territorji tagħhom abbażi ta’ raġunijiet debitament ġustifikati u proporzjonati. Il-lista ta’ kategoriji ta’ infrastruttura fiżika u l-kriterji applikati biex dawn jiġu identifikati għandhom isiru disponibbli permezz ta’ punt uniku tal-informazzjoni.

    11.   L-operaturi għandu jkollhom id-dritt li joffru aċċess għall-infrastruttura fiżika tagħhom għall-fini tal-implimentazzjoni tan-networks, għajr in-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jew il-faċilitajiet assoċjati.

    12.   Minkejja l-paragrafu 3, dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt għall-proprjetà tas-sid tal-infrastruttura fiżika meta l-operatur tan-network jew il-korp tas-settur pubbliku ma jkunx is-sid, u għad-dritt għall-proprjetà ta’ partijiet terzi oħra, bħas-sidien tal-artijiet u s-sidien ta’ proprjetà privata, jew, fejn applikabbli, għad-drittijiet tal-inkwilini.

    13.   Wara li tikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati, lill-korpi nazzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwim u lil korpi jew aġenziji kompetenti oħra tal-Unjoni fis-setturi rilevanti, kif xieraq, u b’kont meħud tal-prinċipji stabbiliti sew u s-sitwazzjoni distinta fost l-Istati Membri, il-Kummissjoni tista’, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-BEREC, tipprovdi gwida dwar l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

    Artikolu 4

    Trasparenza tal-infrastruttura fiżika

    1.   Biex ikun jista’ jitlob aċċess għall-infrastruttura fiżika f’konformità mal-Artikolu 3, operatur għandu jkollu d-dritt ta’ aċċess, meta jitolbu, għall-informazzjoni minima li ġejja dwar l-infrastruttura fiżika eżistenti, b’format elettroniku permezz ta’ punt uniku tal-informazzjoni:

    (a)

    il-post u r-rotta ġeoreferenzjati;

    (b)

    it-tip u l-użu attwali tal-infrastruttura;

    (c)

    punt tal-kuntatt.

    Din l-informazzjoni minima għandha tkun aċċessibbli, skont termini proporzjonati, nondiskriminatorji u trasparenti u, fi kwalunkwe każ, fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol wara d-data tas-sottomissjoni tat-talba għall-aċċess għall-informazzjoni. F’każijiet ġustifikati kif xieraq, dik l-iskadenza tista’ tiġi estiża b’ħamest ijiem tax-xogħol. L-operaturi li jitolbu aċċess għandhom jiġu infurmati bi kwalunkwe estensjoni tal-iskadenza permezz ta’ punt uniku tal-informazzjoni.

    Kull operatur li jitlob aċċess għall-informazzjoni skont dan l-Artikolu għandu jispeċifika ż-żona ġeografika fejn ikun biħsiebu jimplimenta l-elementi ta’ VHCNs jew il-faċilitajiet assoċjati.

    L-aċċess għall-informazzjoni minima jista’ jkun limitat jew irrifjutat dment li jkun meħtieġ biex jiġu żgurati s-sigurtà ta’ ċertu bini li jkunu proprjetà ta’ korpi tas-settur pubbliku jew ikkontrollati minnhom, is-sigurtà tan-networks u l-integrità tagħhom, is-sigurtà nazzjonali, is-sigurtà tal-infrastruttura nazzjonali kritika, is-saħħa jew is-sikurezza pubblika, jew minħabba raġunijiet ta’ kunfidenzjalità jew sigrieti kummerċjali u operattivi.

    2.   Minbarra l-informazzjoni minima msemmija fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu informazzjoni dwar l-infrastruttura fiżika eżistenti bħal informazzjoni dwar il-livell ta’ okkupazzjoni tal-infrastruttura fiżika.

    3.   L-operaturi tan-networks u l-korpi tas-settur pubbliku għandhom jagħmlu disponibbli mill-inqas l-informazzjoni minima msemmija fil-paragrafu 1 u, fejn applikabbli, l-informazzjoni addizzjonali msemmija fil-paragrafu 2 permezz ta’ punt uniku tal-informazzjoni u f’format elettroniku, u għandhom jagħmlu disponibbli minnufih kwalunkwe aġġornament ta’ dik l-informazzjoni. F’każ li l-operaturi tan-networks jew il-korpi tas-settur pubbliku ma jikkonformawx ma’ dan il-paragrafu, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu li l-informazzjoni nieqsa msemmija fil-paragrafu 1 issir disponibbli b’format elettroniku permezz ta’ punt uniku tal-informazzjoni, fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol mid-data tal-wasla ta’ tali talba, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Istati Membri jimponu penali fuq l-operaturi tan-networks u l-korpi tas-settur pubbliku li huma s-sidien ta’ infrastruttura fiżika jew jikkontrollawha talli ma jkunux ikkonformaw ma’ dak l-obbligu.

    4.   Għal perjodu tranżitorju tal-iqsar żmien possibbli u ta’ mhux aktar minn tnax-il xahar, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw muniċipalitajiet b’inqas minn 3 500 abitant mill-obbligu msemmi fil-paragrafu 3. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu pjan direzzjonali bi skadenzi biex l-informazzjoni minima msemmija fil-paragrafu 1 issir disponibbli permezz ta’ punt uniku tal-informazzjoni f’format elettroniku. Dawk l-eċċezzjonijiet u l-pjanijiet direzzjonali għandhom jiġu ppubblikati permezz ta’ punt uniku tal-informazzjoni. Matul dak il-perjodu tranżitorju, dawk il-muniċipalitajiet għandhom jiżguraw li l-informazzjoni disponibbli tkun aċċessibbli għall-operaturi.

    5.   L-operaturi tan-networks u l-korpi tas-settur pubbliku għandhom jissodisfaw it-talbiet raġonevoli għal stħarriġiet fuq il-post ta’ elementi speċifiċi tal-infrastruttura fiżika tagħhom meta ssir talba speċifika bil-miktub minn operatur. Dawn it-talbiet għandhom jispeċifikaw l-elementi tal-infrastruttura fiżika kkonċernata biex jiġu implimentati l-elementi ta’ VHCNs jew il-faċilitajiet assoċjati. L-istħarriġiet fuq il-post tal-elementi speċifikati tal-infrastruttura fiżika għandu jingħata b’termini proporzjonati, nondiskriminatorji u trasparenti fi żmien xahar mid-data tal-wasla tat-talba, soġġett għal-limitazzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1, ir-raba’ subparagrafu. L-Istati Membri jistgħu jispeċifikaw rekwiżiti ddettaljati relatati mal-aspetti amministrattivi tat-talbiet.

    6.   L-Istati Membri jistgħu jidentifikaw, abbażi ta’ raġunijiet debitament ġustifikati u proporzjonati, l-infrastruttura kritika nazzjonali kif definita fil-liġi nazzjonali, jew partijiet minnha, li ma għandhomx ikunu soġġetti għall-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 1, 3 u 5.

    7.   Il-paragrafi 1, 3 u 5 ma għandhomx japplikaw fejn:

    (a)

    l-infrastruttura fiżika mhix adattata teknikament għall-implimentazzjoni ta’ VHCNs jew faċilitajiet assoċjati”;

    (b)

    l-obbligu li tingħata informazzjoni dwar ċerti tipi eżistenti ta’ infrastruttura fiżika skont il-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, ikun sproporzjonat, abbażi ta’analiżi tal-ispiżabenefiċċji mwettqa mill-Istati Membri u ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati; jew

    (c)

    l-infrastruttura fiżika ma tkunx soġġetta għal obbligi tal-aċċess f’konformità mal-Artikolu 3(10).

    Il-ġustifikazzjoni, il-kriterji u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ kull eċċezzjoni bħal din għandhom jiġu ppubblikati permezz ta’ punt uniku tal-informazzjoni u nnotifikati lill-Kummissjoni.

    8.   L-operaturi li jiksbu aċċess għall-informazzjoni skont dan l-Artikolu għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw ir-rispett għall-kunfidenzjalità kif ukoll għas-sigrieti kummerċjali u operattivi. Għal dak l-għan, għandhom iżommu l-informazzjoni kunfidenzjali u jużawha biss għall-fini tal-implimentazzjoni tan-networks tagħhom.

    Artikolu 5

    Koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili

    1.   Il-korpi tas-settur pubbliku li huma s-sidien ta’ infrastruttura fiżika jew jikkontrollawha u l-operaturi tan-networks għandu jkollhom id-dritt li jinnegozjaw ftehimiet dwar il-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili, inkluż dwar it-tqassim tal-ispejjeż, ma’ operaturi oħra biex jiġu implimentati elementi ta’ VHCNs jew faċilitajiet assoċjati.

    2.   Meta jwettqu, jew jippjanaw li jwettqu, direttament jew indirettament, xogħlijiet ċivili ffinanzjati għalkollox jew parzjalment b’mezzi pubbliċi, il-korpi tas-settur pubbliku li huma s-sidien ta’ infrastruttura fiżika jew jikkontrollawha u l-operaturi tan-networks għandhom jissodisfaw kull talba raġonevoli bil-miktub għall-koordinazzjoni ta’ dawk ix-xogħlijiet ċivili b’termini trasparenti u nondiskriminatorji li jagħmlu l-operaturi biex jiġu implimentati elementi ta’ VHCNs jew faċilitajiet assoċjati. L-Istati Membri jistgħu jispeċifikaw rekwiżiti ddettaljati relatati mal-aspetti amministrattiv tat-talba.

    It-talbiet għall-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili għandhom jiġu ssodisfati, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a)

    il-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili ma tkunx ser tinvolvi spejjeż addizzjonali li ma jistgħux jiġu rkuprati, inkluż dawk ikkawżati minn dewmien addizzjonali, għall-operatur tan-network jew il-korp tas-settur pubbliku li huwa s-sid ta’ infrastruttura fiżika jew jikkontrollaha li inizjalment ippreveda x-xogħlijiet ċivili inkwistjoni, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-partijiet ikkonċernati jaqblu dwar it-tqassim tal-ispejjeż;

    (b)

    l-operatur tan-network jew il-korp tas-settur pubbliku li huma s-sidien ta’ infrastruttura fiżika jew jikkontrollawha li inizjalment ippreveda x-xogħlijiet ċivili jibqa’ jkollu kontroll tal-koordinazzjoni tax-xogħlijiet;

    (c)

    it-talba tiġi sottomessa mill-aktar fis possibbli u, meta jkun meħtieġ permess għax-xogħlijiet ċivili, fi żmien mill-inqas xahar qabel is-sottomissjoni tal-proġett finali lill-awtoritajiet kompetenti tal-għoti tal-permessi.

    3.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li talbiet għall-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili magħmula minn impriża li tipprovdi, jew li tkun awtorizzata tipprovdi, networks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi lil impriża li tkun proprjetà ta’ korpi tas-settur pubbliku jew ikkontrollata minnhom u li tipprovdi, jew li tkun awtorizzata tipprovdi, networks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jitqiesu mhux raġonevoli f’każ li x-xogħlijiet ċivili jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta’ VHCNs, dment li dawk il-VHCNs ikunu jinsabu f’żoni rurali jew remoti, ikunu proprjetà ta’ korpi tas-settur pubbliku jew ikkontrollati minnhom, u huma operati fuq bażi ta’ ingrossa biss.

    4.   Talba għall-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili magħmula minn impriża li tipprovdi, jew li hi awtorizzata li tipprovdi, networks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi lil impriża li tipprovdi jew li hi awtorizzata li tipprovdi networks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi tista’ titqies mhux raġonevoli meta jiġu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    it-talba tikkonċerna żona li kienet soġġetta għal xi waħda minn dawn:

    (i)

    previżjoni tal-ilħuq minn networks tal-broadband, inkluż minn VHCNs skont l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

    (ii)

    stedina biex tiġi ddikjarata l-intenzjoni li jiġi implimentat VHCNs skont l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

    (iii)

    konsultazzjoni pubblika għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat;

    (b)

    l-impriża rikjedenti naqset milli tesprimi l-intenzjoni tagħha li timplimenta VHCNs fiż-żona msemmija fil-punt (a) f’xi waħda mill-aktar proċeduri reċenti minn dawk elenkati f’dak il-punt li jkopru l-perjodu li matulu ssir it-talba għal koordinazzjoni.

    Jekk talba għal koordinazzjoni titqies mhux raġonevoli abbażi tal-ewwel subparagrafu, l-impriża li tipprovdi, jew li hi awtorizzata tipprovdi, networks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li tkun irrifjutat il-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili għandha timplimenta infrastruttura fiżika b’kapaċità biżżejjed biex takkomoda l-ħtiġijiet raġonevoli futuri possibbli tal-aċċess tal-partijiet terzi.

    5.   L-Istati Membri jistgħu jidentifikaw, abbażi ta’ raġunijiet debitament ġustifikati u proporzjonati, it-tipi ta’ xogħlijiet ċivili meqjusa bħala b’ambitu limitat, bħal fir-rigward ta’ valur, daqs jew durata, jew relatati ma’ infrastruttura kritika nazzjonali li tista’ tkun eżentata mill-obbligu ta’ koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili skont il-paragrafu 2. Il-ġustifikazzjoni, il-kriterji u l-kundizzjonijiet biex jiġu applikati eċċezzjonijiet għal tali tipi ta’ xogħlijiet ċivili għandhom jiġu ppubblikati permezz ta’ punt uniku tal-informazzjoni.

    L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-korpi tas-settur pubbliku li huma s-sidien ta’ infrastruttura fiżika jew jikkontrollawha u l-operaturi ta’ networks ma għandhomx japplikaw il-paragrafi 2 u 4 għat-tipi ta’ xogħlijiet ċivili relatati mal-infrastruttura kritika nazzjonali jew għal raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali identifikati mill-Istati Membri skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

    Il-korpi tas-settur pubbliku li huma s-sidien ta’ infrastruttura fiżika jew jikkontrollawha u l-operaturi tan-networks jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx il-paragrafi 2 u 4 għat-tipi ta’ xogħlijiet li huma identifikati mill-Istati Membri bħala b’ambitu limitat skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

    6.   Sat-12 ta’ Novembru 2025, wara konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, il-korpi nazzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwim u korpi jew aġenziji kompetenti oħra tal-Unjoni fis-setturi rilevanti kif xieraq, u wara li jittieħed kont tal-prinċipji stabbiliti sew u s-sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ kull Stat Membru, il-BEREC għandu, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, jipprovdi linji gwida dwar l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, b’mod partikolari dwar:

    (a)

    it-tqassim tal-ispejjeż assoċjati mal-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili kif imsemmi fil-paragrafu 1;

    (b)

    il-kriterji li l-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim jenħtieġ li jsegwu meta jsolvu tilwim li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu; u

    (c)

    il-kriterji biex tiġi żgurata kapaċità suffiċjenti biex jiġu akkomodati ħtiġijiet raġonevoli prevedibbli fil-futur jekk il-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili tiġi rrifjutata skont il-paragrafu 4.

    Artikolu 6

    Trasparenza fix-xogħlijiet ċivili ppjanati

    1.   Biex ikun jista’ jsir in-negozjar ta’ ftehimiet dwar il-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili msemmija fl-Artikolu 5, kwalunkwe operatur ta’ networks u korp tas-settur pubbliku li huwa s-sid ta’ infrastruttura fiżika jew jikkontrollaha għandu jagħmel disponibbli b’format elettroniku permezz ta’ punt uniku tal-informazzjoni l-informazzjoni minima li ġejja:

    (a)

    il-post ġeoreferenzjat u t-tip ta’ xogħlijiet;

    (b)

    l-elementi tal-infrastruttura fiżika involuta;

    (c)

    id-data stmata għall-bidu tax-xogħlijiet u d-durata tagħhom;

    (d)

    id-data stmata għas-sottomissjoni tal-proġett finali lill-awtoritajiet kompetenti għall-għoti tal-permessi, meta applikabbli;

    (e)

    punt tal-kuntatt.

    L-operatur tan-network u l-korp tas-settur pubbliku li huwa s-sid ta’ infrastruttura fiżika jew jikkontrollaha għandhom jiżguraw li l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għax-xogħlijiet ċivili ppjanati relatati mal-infrastruttura fiżika tagħhom, hija korretta, u aġġornata u disponibbli fil-pront, permezz ta’ punt uniku tal-informazzjoni uniku, malli l-informazzjoni tkun disponibbli għall-operatur tan-network għax-xogħlijiet ċivili tiegħu previsti għas-sitt xhur ta’ wara u, fi kwalunkwe każ u fejn ikun previst permess, mhux aktar tard minn xahrejn qabel l-ewwel sottomissjoni tal-applikazzjoni għal permess lill-awtoritajiet kompetenti.

    L-operaturi għandu jkollhom id-dritt li jaċċessaw l-informazzjoni minima msemmija fl-ewwel subparagrafu f’format elettroniku, fuq talba ġustifikata, permezz ta’ punt uniku tal-informazzjoni, li jispeċifika ż-żona li fiha l-operatur rikjedenti jipprevedi li jimplimenta elementi ta’ VHCNs jew faċilitajiet assoċjati. Fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol mid-data tal-wasla tat-talba għall-aċċess għall-informazzjoni, l-informazzjoni mitluba għandha ssir disponibbli b’termini proporzjonati, nondiskriminatorji u trasparenti. F’każijiet ġustifikati kif xieraq, dik l-iskadenza tista’ tiġi estiża darba b’ħamest ijiem tax-xogħol. L-aċċess għall-informazzjoni minima jista’ jkun limitat jew irrifjutat biss meta meħtieġ biex jiġu żgurati s-sigurtà tan-networks u l-integrità tagħhom, is-sigurtà nazzjonali, is-sigurtà tal-infrastruttura kritika, is-saħħa jew is-sikurezza pubblika, jew minħabba raġunijiet ta’ kunfidenzjalità jew sigrieti kummerċjali u operattivi.

    2.   L-Istati Membri jistgħu jidentifikaw, abbażi ta’ raġunijiet ġustifikati kif xieraq u proporzjonati, it-tipi ta’ xogħlijiet ċivili meqjusa bħala b’ambitu limitat, bħal fir-rigward tal-valur, id-daqs jew id-durata, jew relatati ma’ infrastruttura kritika nazzjonali, kif ukoll l-emerġenzi jew ir-raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali li jiġġustifikaw id-deroga mis-soġġezzjoni għall-obbligu tad-disponibbiltà tal-informazzjoni minima skont il-paragrafu 1. Il-ġustifikazzjoni, il-kriterji u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ eċċezzjonijiet għal tali tipi ta’ xogħlijiet ċivili għandhom jiġu ppubblikati permezz ta’ punt uniku tal-informazzjoni.

    L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-korpi tas-settur pubbliku li huma s-sidien ta’ infrastruttura fiżika jew jikkontrollawha u l-operaturi tan-networks ma għandhomx japplikaw il-paragrafu 1 għat-tipi ta’ xogħlijiet ċivili relatati mal-infrastruttura kritika nazzjonali jew għal raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali identifikati mill-Istati Membri skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

    Il-korpi tas-settur pubbliku li huma s-sidien ta’ infrastruttura fiżika jew jikkontrollawha u l-operaturi tan-networks jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx il-paragrafu 1 għall-informazzjoni dwar tipi ta’ xogħlijiet ċivili b’ambitu limitat u lanqas għar-raġunijiet ta’ emerġenza identifikati mill-Istati Membri skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

    Artikolu 7

    Proċeduri tal-għoti tal-permessi u d-drittijiet ta’ aċċess

    1.   L-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jirrestrinġu jew ifixklu bla bżonn l-implimentazzjoni ta’ xi element ta’ VHCNs jew faċilitajiet assoċjati. L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jagħmluha aktar faċli li kwalunkwe regola li tirregola l-kundizzjonijiet u l-proċeduri applikabbli għall-għoti tal-permessi u d-drittijiet ta’ aċċess, meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ elementi ta’ VHCNs jew faċilitajiet assoċjati tkun konsistenti fit-territorju nazzjonali kollu.

    2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu disponibbli, permezz ta’ punt uniku tal-informazzjoni f’format elettroniku, l-informazzjoni kollha dwar il-kundizzjonijiet u l-proċeduri applikabbli għall-għoti tal-permessi u d-drittijiet ta’ aċċess, li jingħataw permezz ta’ proċeduri amministrattivi, inkluż kull informazzjoni dwar l-eżenzjonijiet fuq uħud mill-permessi jew id-drittijiet ta’ aċċess, jew fuq kollha kemm huma, meħtieġa skont il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali u modi kif wieħed jissottometti applikazzjonijiet f’format elettroniku u jikseb informazzjoni dwar l-istatus tal-applikazzjoni.

    3.   Kwalunkwe operatur għandu jkollu d-dritt li jissottometti, permezz ta’ punt uniku tal-informazzjoni f’format elettroniku, applikazzjonijiet għall-permessi jew għat-tiġdid tagħhom, jew drittijiet ta’ aċċess kollha meħtieġa u li jikseb informazzjoni dwar l-istatus tal-applikazzjoni tiegħu. L-Istati Membri jistgħu jispeċifikaw proċeduri dettaljati biex tinkiseb dik l-informazzjoni.

    4.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu, fi żmien 15-il jum tax-xogħol mill-wasla tagħhom, jirrifjutaw l-applikazzjonijiet għall-permessi, inkluż tad-drittijiet ta’ aċċess, li għalihom l-informazzjoni minima ma tkunx saret disponibbli permezz ta’ punt uniku tal-informazzjoni, skont l-Artikolu 6(1), l-ewwel subparagrafu, mill-istess operatur li japplika għal dak il-permess.

    5.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu jew jirrifjutaw il-permessi, għajr id-drittijiet ta’ aċċess, fi żmien 4 xhur mid-data tal-wasla ta’ applikazzjoni kompluta għall-permess.

    L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddeterminaw il-kompletezza tal-applikazzjoni għall-permessi jew għad-drittijiet ta’ aċċess fi żmien 20 jum tax-xogħol minn meta jirċievu l-applikazzjoni.L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistiednu lill-applikant jipprovdi kwalunkwe informazzjoni nieqsa matul dak il-perjodu. Id-determinazzjoni mill-awtorità kompetenti li l-applikazzjoni għal permess hija kompluta ma għandhiex tirriżulta f’xi sospensjoni jew interruzzjoni tal-perjodu globali ta’ erba’ xhur għall-eżami tal-applikazzjoni għall-permess, li jibda mid-data tal-wasla tal-applikazzjoni kompluta.

    L-ewwel u t-tieni subparagrafi għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal skadenzi jew obbligi speċifiċi oħra stabbiliti għat-twettiq xieraq tal-proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-għoti tal-permessi, inkluż il-proċedimenti tal-appell, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew mal-liġi nazzjonali li tosserva l-liġi tal-Unjoni u mingħajr preġudizzju għar-regoli li jagħtu lill-applikant drittijiet addizzjonali jew li jkollhom l-għan li jiżguraw li l-permessi jingħataw malajr kemm jista’ jkun.

    L-Istati Membri għandhom jistipulaw u jippubblikaw, bil-quddiem, permezz ta’ punt uniku tal-informazzjoni, ir-raġunijiet li għalihom l-awtorità kompetenti tista’, f’każijiet eċċezzjonali u sostanzjati kif xieraq, filwaqt li taġixxi fuq inizjattiva tagħha stess, testendi l-iskadenzi msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u fil-paragrafu 6.

    Kull estensjoni għandha tkun l-iqsar possibbli u ma għandhiex taqbeż l-erba’ xhur, għajr meta din tkun meħtieġa biex jiġu ssodisfati skadenzi jew obbligi speċifiċi oħra stabbiliti għat-twettiq xieraq tal-proċedura li jkunu applikabbli għall-proċedura tal-għoti tal-permessi, inkluż il-proċedimenti tal-appell, skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali li tosserva l-liġi tal-Unjoni.

    Ma għandhiex tintalab estensjoni sabiex tinkiseb informazzjoni nieqsa li l-awtorità kompetenti tkun naqset milli titlob mill-applikant skont it-tieni subparagrafu.

    Kull rifjut ta’ permess jew dritt ta’ aċċess għandu jiġi ssostanzjat kif xieraq abbażi ta’ kriterji oġġettivi, trasparenti, nondiskriminatorji u proporzjonati.

    6.   B’deroga mill-Artikolu 43(1), il-punt (a), tad-Direttiva (UE) 2018/1972, meta jkunu meħtieġa drittijiet ta’ aċċess fi, fuq jew taħt proprjetà pubblika jew, fejn applikabbli, proprjetà privata, bl-awtorizzazzjoni minn qabel tas-sid jew f’konformità mal-liġi nazzjonali, għall-implimentazzjoni ta’ elementi ta’ VHCNs jew faċilitajiet assoċjati flimkien mal-permessi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu dawk id-drittijiet ta’ aċċess fi żmien il-perjodu ta’ erba’ xhur jew fl-iskadenza stabbilita bil-liġi nazzjonali, liema minnhom tkun l-iqsar, mid-data tal-wasla tal-applikazzjoni kompluta, għajr fil-każ ta’ esproprjazzjoni.

    7.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jġeddu l-permess mogħti lil operatur għax-xogħlijiet ċivili meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ elementi ta’ VHCNs jew faċilitajiet assoċjati fejn, għal raġunijiet oġġettivament ġustifikati, ix-xogħlijiet ċivili ma setgħux jibdew jew jintemmu qabel l-iskadenza tal-validità tal-permess. It-tiġdid tal-permess għandu jingħata mingħajr rekwiżiti proċedurali addizzjonali għall-operaturi.

    8.   L-Istati Membri jistgħu, fost l-oħrajn, jitolbu permessi għall-introduzzjoni tal-elementi ta’ VHCNs jew tal-faċilitajiet assoċjati f’bini jew f’siti ta’ valur arkitettoniku, storiku, reliġjuż jew ambjentali protetti f’konformità mal-liġi nazzjonali jew, meta meħtieġ, minħabba raġunijiet ta’ sikurezza pubblika, ta’ sigurtà tal-infrastruttura kritika jew raġunijiet ambjentali.

    9.   Il-permessi, għajr id-drittijiet ta’ aċċess, meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ elementi ta’ VHCNs jew ta’ faċilitajiet assoċjati, ma għandhomx ikunu soġġetti għal tariffi jew imposti li jmorru lil hinn mill-ispejjeż amministrattivi kif previst, mutatis mutandis, fl-Artikolu 16 tad-Direttiva (UE) 2018/1972.

    10.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu fl-Istati Membri. Għal dak l-għan, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw kull tliet snin lill-Kummissjoni dwar l-istatus tal-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu u dwar jekk il-kundizzjonijiet elenkati fih ġewx issodisfati.

    11.   Il-proċedura stabbilita f’dan l-Artikolu għandha tapplika mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 57 tad-Direttiva (UE) 2018/1972.

    12.   Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Istati Membri jintroduċu aktar dispożizzjonijiet għall-awtoritajiet kompetenti biex iħaffu l-proċedura għall-għoti tal-permessi.

    Artikolu 8

    Nuqqas ta’ deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal permess

    1.   Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni mill-awtorità kompetenti sal-iskadenza applikabbli msemmija fl-Artikolu 7(5), il-permess għandu jitqies li jkun ingħata mal-iskadenza ta’ dik l-iskadenza.

    L-ewwel subparagrafu għandu japplika dment li l-proċedura tal-għoti tal-permessi ma tikkonċernax id-drittijiet ta’ aċċess. Fuq talba, l-operatur jew kwalunkwe parti affettwata għandha tkun intitolata li tirċievi konferma bil-miktub mill-awtorità kompetenti li, fejn applikabbli, il-permess ikun ingħata b’mod impliċitu.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe parti terza affettwata jkollha d-dritt li tintervjeni fil-proċedura amministrattiva u li tikkontesta d-deċiżjoni li tagħti l-permess.

    2.   L-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fejn ikun disponibbli mill-inqas wieħed mir-rimedji li ġejjin għall-proċedura rilevanti tal-għoti tal-permessi:

    (a)

    l-operatur li ġarrab dannu bħala riżultat ta’ nuqqas ta’ konformità mill-awtorità kompetenti mal-iskadenza applikabbli stipulata f’konformità mal-Artikolu 7(5) ikun intitolat li jitlob kumpens għad-dannu, f’konformità mal-liġi nazzjonali;

    (b)

    l-operatur jista’ jirreferi l-każ lil qorti jew lil awtorità superviżorja.

    3.   Fil-każ ta’ deroga skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura li, mal-għeluq tal-iskadenza stabbilita f’konformità mal-Artikolu 7(5) u mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-operatur li immedjatament ifittex rimedji f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti, jew kwalunkwe korp ieħor determinat minn dak l-Istat Membru, għandu jistieden lill-applikant, mingħajr dewmien żejjed, fuq talba tal-operatur, jew fuq inizjattiva proprja, għal laqgħa biex tiġi ffaċilitata l-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal permess. Il-laqgħa għandha tissejjaħ mill-awtorità kompetenti mhux aktar tard minn xahrejn wara s-sottomissjoni tat-talba. Mingħajr dewmien żejjed wara l-laqgħa, l-awtorità kompetenti għandha tipprovdi rendikont bil-miktub tad-diskussjoni, inkluż il-fehmiet tal-partijiet involuti u li jindika lill-operatur data meta għandha tinħareġ deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal permess.

    Artikoli 9

    Eżenzjonijiet mill-proċeduri tal-għoti tal-permessi

    1.   Ix-xogħlijiet ċivili li jikkonsistu f’xi waħda minn dawn li ġejjin ma għandhom ikunu soġġetti għal ebda proċedura tal-għoti tal-permessi skont it-tifsira tal-Artikolu 7, sakemm tali permess ma jkunx meħtieġ f’konformità ma’ atti legali oħra tal-Unjoni:

    (a)

    xogħlijiet ta’ tiswija u manutenzjoni b’ambitu limitat, bħal fir-rigward ta’ valur, daqs, impatt u durata;

    (b)

    aġġornamenti tekniċi limitati ta’ xogħlijiet jew installazzjonijiet eżistenti, b’impatt limitat;

    (c)

    xogħlijiet ċivili fuq skala żgħira li huma b’ambitu limitat, bħal fir-rigward ta’ valur, daqs, impatt jew durata meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ VHCNs.

    2.   Abbażi ta’ raġunijiet ġustifikati kif xieraq u proporzjonati, l-Istati Membri għandhom jidentifikaw it-tipi ta’ xogħlijiet ċivili li għalihom japplika l-paragrafu 1. L-informazzjoni dwar dawn it-tipi ta’ xogħlijiet ċivili għandha tiġi ppubblikata permezz ta’ punt uniku tal-informazzjoni.

    3.   B’deroga mill-paragrafu 1 u soġġett għall-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrikjedu permessi għall-introduzzjoni ta’ elementi ta’ VHCNs jew faċilitajiet assoċjati fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    għal infrastruttura fiżika jew ċerti kategoriji ta’ infrastruttura fiżika protetta għal raġunijiet ta’ valur arkitettoniku, storiku, reliġjuż jew ambjentali, jew protetti mod ieħor f’konformità mal-liġi nazzjonali; jew

    (b)

    fejn meħtieġ għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika, difiża, sikurezza, ambjent jew saħħa pubblika, jew biex tiġi protetta s-sigurtà tal-infrastruttura kritika.

    4.   L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-operaturi li jippjanaw li jwettqu xogħlijiet ċivili koperti minn dan l-Artikolu jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti, qabel il-bidu tax-xogħlijiet, bl-intenzjoni tagħhom li jibdew ix-xogħlijiet ċivili.

    Din in-notifika ma għandhiex tinvolvi aktar minn dikjarazzjoni mill-operatur tal-intenzjoni tiegħu li jibda x-xogħlijiet ċivili u s-sottomissjoni tal-informazzjoni minima li hija meħtieġa biex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jivvalutaw jekk dawk ix-xogħlijiet humiex koperti mid-deroga stipulata fil-paragrafu 3. Dik l-informazzjoni minima għandha tinkludi mill-inqas id-data meta x-xogħlijiet ċivili huma mistennija li jibdew, id-durata tagħhom, id-dettalji ta’ kuntatt tal-persuna responsabbli għat-twettiq tax-xogħlijiet u ż-żona kkonċernata mix-xogħlijiet.

    Artikolu 10

    Infrastruttura fiżika u wajers tal-fibra fil-bini

    1.   Il-bini kollu li għadu kif inbena u l-bini li qed isirlu xogħlijiet kbar ta’ rinnovazzjoni, inkluż l-elementi bi sjieda konġunta, li għalihom ikunu ġew sottomessi applikazzjonijiet għall-permessi tal-bini wara t-12 ta’ Frar 2026, għandu jiġi attrezzat b’infrastruttura fiżika fil-bini lesta għall-fibra u wajers tal-fibra fil-bini, inkluż konnessjonijiet sal-punt fiżiku fejn l-utent finali jikkonnettja man-network pubbliku.

    2.   Il-bini b’abitazzjonijiet multipli kollu li għadu kif inbena jew li qed isirluxogħlijiet kbar ta’ rinnovazzjoni, li għalih l-applikazzjonijiet tal-permessi tal-bini jkunu ġew sottomessi wara t-12 ta’ Frar 2026 għandu jiġi attrezzat b’punt tal-aċċess.

    3.   Sat-12 ta’ Frar 2026, il-bini kollu, inkluż l-elementi tagħhom bi sjieda konġunta, li qed isirlu xogħlijiet kbar ta’ rinnovazzjoni kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (10), tad-Direttiva 2010/31/UE, għandu jiġi attrezzat b’infrastruttura fiżika fil-bini lesta għall-fibra, u wajers tal-fibra fil-bini, inkluż konnessjonijiet sal-punt fiżiku fejn l-utent finali jikkonnettja man-network pubbliku, jekk dan ma jżidx b’mod sproporzjonat l-ispejjeż tax-xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni u jekk ikun teknikament fattibbli. Il-bini kollu b’abitazzjonijiet multipli li qed isirlu xogħlijiet kbar ta’ rinnovazzjoni bħal dawn għandu wkoll ikun attrezzat b’punt ta’ aċċess.

    4.   Sat-12 ta’ Novembru 2025, l-Istati Membri għandhom, f’konsultazzjoni mal-partijiet interessati u abbażi tal-aħjar prattiki tal-industrija, jadottaw l-istandards jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi rilevanti li huma meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-paragrafi 1, 2 u 3. Dawk l-istandards jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jippermettu faċilment attivitajiet ta’ manutenzjoni ordinarji għall-wajers tal-fibra individwali li jintużaw minn kull operatur biex jipprovdi servizzi tal-VHCN u għandhom jistabbilixxu mill-inqas:

    (a)

    l-ispeċifikazzjonijiet tal-punt ta’ aċċess għall-bini u l-ispeċifikazzjonijiet tal-interfaċċa tal-fibra;

    (b)

    l-ispeċifikazzjonijiet tal-kejbil;

    (c)

    l-ispeċifikazzjonijiet tas-sokit;

    (d)

    l-ispeċifikazzjonijiet għall-conduits jew il-mikrokanali;

    (e)

    l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi meħtieġa biex tiġi evitata interferenza mal-kejbils elettriċi;

    (f)

    ir-raġġ minimu tal-liwja;

    (g)

    speċifikazzjonijiet tekniċi għall-installazzjoni tal-kejbils.

    5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw konformità mal-istandards jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fil-paragrafu 4. Biex juru tali konformità, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri li jistgħu jinkludu spezzjoni fuq il-post tal-bini jew kampjun rappreżentattiv tagħhom.

    6.   Bini attrezzat f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandu jkun eliġibbli, fuq bażi volontarja u skont il-proċeduri stabbiliti mill-Istati Membri, li jirċievi tikketta “lest għall-fibra”, fejn l-Istati Membri jkunu għażlu li jintroduċu t-tali tikketta.

    7.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 ma għandhomx japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ bini, meta l-konformità ma’ dawk il-paragrafi tkun sproporzjonata, mil-lat ta’ spejjeż għal sidien individwali jew konġunti abbażi ta’ elementi oġġettivi. L-Istati Membri għandhom jidentifikaw dawn il-kategoriji tal-bini abbażi ta’ raġunijiet ġustifikati kif xieraq u proporzjonati.

    8.   L-Istati Membri għandhom jidentifikaw, abbażi ta’ raġunijiet debitament sostanzjati u proporzjonati, it-tipi ta’ bini, bħal kategoriji speċifiċi ta’ monumenti, bini storiku, bini militari u bini użat għal finijiet ta’ sigurtà nazzjonali, kif definit fil-liġi nazzjonali, li għandhom ikunu eżentati mill-obbligi previsti fil-paragrafi 1, 2 u 3 jew li għalihom dawn l-obbligi għandhom japplikaw b’adattamenti tekniċi xierqa. L-informazzjoni dwar dawn il-kategoriji tal-bini għandha tiġi ppubblikata permezz ta’ punt uniku tal-informazzjoni.

    Artikolu 11

    Aċċess għall-infrastruttura fiżika fil-bini

    1.   Soġġett għall-paragrafu 3, u mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-proprjetà, kull fornitur ta’ networks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għandu jkollu d-dritt li jintroduċi n-network tiegħu bi spejjeż tiegħu sal-punt ta’ aċċess.

    2.   Soġġett għall-paragrafu 3, kull fornitur ta’ networks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għandu jkollu d-dritt tal-aċċess għal kwalunkwe infrastruttura fiżika eżistenti fil-bini biex jimplimenta elementi ta’ VHCNs jekk id-duplikazzjoni tkun teknikament impossibbli jew ekonomikament ineffiċjenti.

    3.   Kull detentur ta’ dritt li juża l-punt ta’ aċċess u l-infrastruttura fiżika fil-bini għandu jissodisfa t-talbiet bil-miktub raġonevoli kollha tal-aċċess għall-punt ta’ aċċess u għall-infrastruttura fiżika fil-bini mingħand il-fornituri tan-networks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi b’termini u kundizzjonijiet ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji, inkluż il-prezz, meta xieraq. L-Istati Membri jistgħu jispeċifikaw rekwiżiti ddettaljati relatati ma’ aspetti amministrattivi tat-talba.

    4.   Fin-nuqqas ta’ infrastruttura fiżika disponibbli fil-bini lesta għall-fibra, kull fornitur ta’ networks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għandu jkollu d-dritt li jtemm in-network tiegħu fil-bini tal-abbonat, soġġett għall-qbil tas-sid u/jew tal-abbonat, f’konformità mal-liġi nazzjonali, bl-użu tal-infrastruttura fiżika eżistenti fil-bini, sal-punt li tkun disponibbli u aċċessibbli skont il-paragrafu 3, u dment li din timminimizza l-impatt fuq il-proprjetà privata ta’ partijiet terzi.

    5.   Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt għall-proprjetà tas-sid tal-punt ta’ aċċess jew tal-infrastruttura fiżika fil-bini fejn id-detentur ta’ dritt għall-użu ta’ dik l-infrastruttura jew dak il-punt ta’ aċċess ma jkunx is-sid, u għad-dritt għall-proprjetà ta’ partijiet terzi oħra, bħas-sidien tal-artijiet u s-sidien tal-bini.

    6.   Sat-12 ta’ Novembru 2025, wara konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, mal-korpi nazzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwim u ma’ korpi jew aġenziji kompetenti oħra tal-Unjoni fis-setturi rilevanti kif xieraq, u b’kont meħud ta’ prinċipji stabbiliti sew u tas-sitwazzjoni distinta fl-Istati Membri kollha, il-BEREC għandu, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, jippubblika linji gwida dwar it-termini u l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-infrastruttura fiżika fil-bini, inkluż dwar l-applikazzjoni ta’ termini u kundizzjonijiet ġusti u raġonevoli, u l-kriterji li jenħtieġ li jsegwu l-korpi nazzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwim meta jsolvu tilwim.

    Artikolu 12

    Diġitalizzazzjoni tal-punti ta’ informazzjoni uniċi

    1.   Il-punti ta’ informazzjoni uniċi għandhom jagħmlu l-għodod diġitali xierqa disponibbli, bħal fil-forma ta’ portali web, bażijiet tad-data, pjattaformi diġitali jew applikazzjonijiet diġitali, biex jippermettu l-eżerċitar online tad-drittijiet kollha u l-konformità mal-obbligi kollha stipulati f’dan ir-Regolament.

    2.   L-Istati Membri jistgħu jinterkollegaw, jew jintegraw għalkollox jew parzjalment, diversi għodod diġitali eżistenti jew li għadhom kemm ġew żviluppati li jappoġġaw il-punti ta’ informazzjoni uniċi msemmija fil-paragrafu 1, kif xieraq, sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-għodod diġitali.

    3.   L-Istati Membri għandhom jistipulaw punt tad-dħul diġitali nazzjonali uniku, li jkun jikkonsisti f’interfaċċa komuni tal-utenti biex jiġi żgurat aċċess bla xkiel għall-punti ta’ informazzjoni uniċi diġitalizzati.

    4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw riżorsi tekniċi, finanzjarji u umani adegwati biex jappoġġaw l-introduzzjoni u d-diġitalizzazzjoni tal-punti ta’ informazzjoni uniċi.

    Artikolu 13

    Soluzzjoni tat-tilwim

    1.   Mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li każ jiġi riferut quddiem qorti, kull parti għandha tkun intitolata li tirreferi tilwima li tista’ tinqala’ quddiem il-korp nazzjonali kompetenti għas-soluzzjoni tat-tilwim stabbilit skont l-Artikolu 14:

    (a)

    meta l-aċċess għall-infrastruttura eżistenti jiġi rrifjutat jew ma jkunx intlaħaq qbil dwar it-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi, inkluż il-prezz, fi żmien xahar mid-data tal-wasla tat-talba għall-aċċess skont l-Artikolu 3;

    (b)

    b’rabta mad-drittijiet u l-obbligi stipulati fl-Artikoli 4 u 6, inkluż meta l-informazzjoni mitluba ma tiġix ipprovduta sal-iskadenzi applikabbli;

    (c)

    meta ma jkunx intlaħaq qbil dwar il-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili skont l-Artikolu 5(2) fi żmien xahar mid-data tal-wasla tat-talba formali għall-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili; jew

    (d)

    meta ma jkunx intlaħaq qbil dwar l-aċċess għall-infrastruttura fiżika fil-bini msemmi fl-Artikolu 11(2) jew (3) fi żmien xahar mid-data tal-wasla tat-talba formali tal-aċċess.

    L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li, fil-każ tat-tilwim imsemmi fil-paragrafu 1, il-punti (a) u (d), meta l-entità li mingħandha l-operatur talab aċċess tkun fl-istess ħin l-entità intitolata li tagħti d-dritt ta’ aċċess lill-proprjetà li fuqha, li fiha jew taħtha jinsab is-suġġett tat-talba għall-aċċess, il-korp nazzjonali kompetenti għas-soluzzjoni tat-tilwim jista’ wkoll isolvi t-tilwima rigward id-dritt ta’ passaġġ.

    2.   Filwaqt li jqis bis-sħiħ il-prinċipju tal-proporzjonalità u l-prinċipji stabbiliti fil-gwida rilevanti tal-Kummissjoni jew il-linji gwida tal-BEREC, il-korp nazzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwim imsemmi fil-paragrafu 1 għandu joħroġ deċiżjoni vinkolanti biex isolvi t-tilwima:

    (a)

    fi żmien erba’ xhur mid-data tal-wasla tat-talba tas-soluzzjoni tat-tilwim, fir-rigward tat-tilwim imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (a).

    (b)

    fi żmien xahar mid-data tal-wasla tat-talba tas-soluzzjoni tat-tilwim, fir-rigward tat-tilwim imsemmi fil-paragrafu 1, il-punti (b), (c) u (d).

    Dawk l-iskadenzi jistgħu jiġu estiżi biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali ġustifikati kif xieraq.

    3.   Fir-rigward tat-tilwim imsemmi fil-paragrafu 1, il-punti (a), (c) u (d), tad-deċiżjoni tal-korp nazzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwim tista’ tikkonsisti fl-istabbiliment ta’ termini u kundizzjonijiet ġusti u raġonevoli, inkluż il-prezz, meta xieraq.

    4.   Il-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim għandhom jippubblikaw id-deċiżjonijiet tagħhom, filwaqt li jirrispettaw il-prinċipji tal-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali. Il-punt ta’ informazzjoni uniku għandu jiżgura aċċess għad-deċiżjonijiet ippubblikati mill-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim.

    Meta t-tilwima tkun relatata mal-aċċess għall-infrastruttura ta’ operatur u l-korp nazzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwim ikun l-awtorità regolatorja nazzjonali, għandhom jitqiesu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2018/1972, meta xieraq.

    5.   Dan l-Artikolu jikkomplementa r-rimedji u l-proċeduri ġudizzjarji f’konformità mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u huwa mingħajr preġudizzju għalihom.

    Artikolu 14

    Korpi kompetenti

    1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu jew jaħtru korp kompetenti wieħed jew aktar biex iwettqu l-kompiti assenjati lill-korp nazzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwim f’konformità mal-Artikolu 13(1) (il-“korp nazzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwim”).

    2.   Il-korp nazzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwim għandu jkun legalment distint, u funzjonalment indipendenti, minn kwalunkwe operatur tan-network u minn kwalunkwe korp tas-settur pubbliku li huwa s-sid ta’ infrastruttura fiżika involuta fit-tilwim, jew li jikkontrollaha. L-Istati Membri li jibqa’ jkollhom is-sjieda jew il-kontroll tal-operaturi tan-networks għandhom jiżguraw separazzjoni strutturali effettiva tal-funzjonijiet relatati mal-proċeduri nazzjonali tas-soluzzjoni tat-tilwim u dawk tal-punt uniku tal-informazzjoni minn attivitajiet assoċjati mas-sjieda jew mal-kontroll.

    Il-korpi nazzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwim għandhom jaġixxu b’mod indipendenti u oġġettiv, u ma għandhomx ifittxu jew jieħdu struzzjonijiet minn xi korp ieħor meta jiddeċiedu dwar it-tilwim sottomess lilhom. Dan ma għandux jipprevjeni superviżjoni f’konformità mal-liġi nazzjonali. Il-korpi tal-appell kompetenti biss għandu jkollhom is-setgħa li jissospendu jew ibiddlu d-deċiżjonijiet tal-korpi nazzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwim.

    3.   Il-korp nazzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwim jista’ jitlob xi ħlasijiet biex ikopri l-ispejjeż tat-twettiq tal-kompiti assenjati lilu.

    4.   Il-partijiet kollha kkonċernati minn tilwima għandhom jikkooperaw bis-sħiħ mal-korp nazzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwim.

    5.   Il-funzjonijiet ta’ punt uniku tal-informazzjoni msemmi fl-Artikoli minn 3 sa 10, 12 u 13 għandhom jitwettqu minn korp kompetenti wieħed jew aktar maħtura mill-Istati Membri fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali, kif xieraq. Biex jiġu koperti l-ispejjeż tal-qadi ta’ dawk il-funzjonijiet, jistgħu jintalbu ħlasijiet għall-użu tal-punti ta’ informazzjoni uniċi.

    6.   Il-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, għandu japplika mutatis mutandis għall-korpi kompetenti li jwettqu l-funzjonijiet ta’ punt uniku tal-informazzjoni.

    7.   Il-korpi kompetenti għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b’mod imparzjali, trasparenti u fil-ħin. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn ikollhom ir-riżorsi tekniċi, finanzjarji u umani adegwati biex iwettqu l-kompiti assenjati lilhom.

    8.   L-Istati Membri għandhom jippubblikaw il-kompiti li għandu jwettaq kull korp kompetenti permezz ta’ punt uniku tal-informazzjoni, b’mod partikolari meta dawk il-kompiti jiġu assenjati lil aktar minn korp kompetenti wieħed jew meta l-kompiti assenjati jkunu nbidlu. Meta xieraq, il-korpi kompetenti għandhom jikkonsultaw u jikkooperaw bejniethom dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni.

    9.   L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-identità ta’ kull korp kompetenti, f’konformità ma’ dan l-Artikolu, biex iwettaq funzjoni skont dan ir-Regolament, u bir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom kif ukoll bi kwalunkwe modifika fihom, qabel ma din il-ħatra jew il-modifika tidħol fis-seħħ.

    10.   Kull deċiżjoni meħuda minn korp kompetenti għandha tkun soġġetta għal appell, f’konformità mal-liġi nazzjonali, quddiem korp tal-appell indipendenti għalkollox, inkluż korp ta’ natura ġudizzjarja. L-Artikolu 31 tad-Direttiva (UE) 2018/1972 għandu japplika mutatis mutandis għal kull appell skont dan il-paragrafu.

    Id-dritt għal appell f’konformità mal-ewwel subparagrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-partijiet li jressqu t-tilwima quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti.

    Artikolu 15

    Penali

    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u ta’ xi deċiżjoni vinkolanti adottata skont dan ir-Regolament mill-korpi kompetenti msemmija fl-Artikolu 14 u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu xierqa, effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    Artikolu 16

    Rapport u monitoraġġ

    1.   Sat-12 ta’ Mejju 2028, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Ir-rapport għandu jinkludi sommarju tal-impatt tal-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament u valutazzjoni tal-progress lejn l-ilħuq tal-objettivi tiegħu, inkluż jekk dan ir-Regolament jistax jikkontribwixxi aktar biex jintlaħqu l-miri tal-konnettività stabbiliti fid-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 u, jekk iva, kif.

    Ir-rapport għandu jinkludi żviluppi relatati mal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament li għandhom impatt potenzjali fuq il-progress lejn l-implimentazzjoni rapida u estensiva tal-VHCN, f’żoni rurali, insulari u remoti, bħall-gżejjer u r-reġjuni muntanjużi u b’popolazzjoni baxxa, kif ukoll fuq l-evoluzzjoni tas-suq għall-infrastruttura ta’ torrijiet, u l-adozzjoni ta’ diversi soluzzjonijiet ta’ backhauling inkluż backhauling bis-satellita fil-konnettività diġitali ta’ veloċità għolja.

    2.   Għal dak il-għan, il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni mingħand l-Istati Membri, li trid tiġi sottomessa mingħajr dewmien żejjed. B’mod partikolari, sat-12 ta’ Novembru 2025, l-Istati Membri għandhom, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, permezz tal-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet stabbilit skont l-Artikolu 118 tad-Direttiva (UE) 2018/1972, jistipulaw indikaturi biex jiġu mmonitorjati b’mod adegwat l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u l-mekkaniżmu biex jiġi żgurat il-ġbir perjodiku tad-data u r-rappurtar ta’ dan lill-Kummissjoni.

    Artikolu 17

    Emendi għar-Regolament (UE) 2015/2120

    Ir-Regolament (UE) 2015/2120 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 2, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

    “(5)

    ‘servizz ta’ komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri’ tfisser servizz ta’ komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (7), tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1);

    (6)

    ‘komunikazzjonijiet domestiċi’ tfisser kwalunkwe servizz tal-komunikazzjonijiet interpersonali bbażati fuq in-numri li joriġina fl-Istat Membru tal-fornitur domestiku tal-konsumatur u li jittermina fi kwalunkwe numru fiss jew mobbli tal-pjan nazzjonali ta’ numerazzjoni, tal-istess Stat Membru;

    (7)

    ‘komunikazzjonijiet intra-UE’ tfisser kwalunkwe servizz tal-komunikazzjonijiet interpersonali bbażati fuq in-numri li joriġina fl-Istat Membru tal-fornitur domestiku tal-konsumatur u li jittermina fi kwalunkwe numru fiss jew mobbli tal-pjan nazzjonali ta’ numerazzjoni ta’ Stat Membru ieħor.

    (*1)  Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36).”;"

    (2)

    fl-Artikolu 5a, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

    “7.   Mill-1 ta’ Jannar 2029, il-fornituri ma għandhomx japplikaw prezzijiet bl-imnut differenti għall-konsumaturi għal komunikazzjonijiet domestiċi u komunikazzjonijiet intra-UE, dment li jiġu adottati regoli tekniċi dwar salvagwardji bħas-sostenibbiltà, l-użu ġust u l-miżuri kontra l-frodi. Sat-30 ta’ Ġunju 2028, il-Kummissjoni għandha, wara konsultazzjoni mal-BEREC, tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi dawk ir-regoli tekniċi f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 5b.

    8.   Mill-1 ta’ Jannar 2025, il-fornituri jistgħu, fuq bażi volontarja, jikkonformaw mal-obbligu li ma japplikawx prezzijiet bl-imnut differenti minn dawk stabbiliti fil-paragrafu 7. Dawk il-fornituri għandhom ikunu eżentati mill-obbligi stabbiliti fil-paragrafu 1, soġġett għal politika ta’ użu ġust, bil-ħsieb li jġibu l-benefiċċji ta’ prezzijiet bl-imnut ugwali għal komunikazzjonijiet domestiċi u intra-UE lill-konsumaturi aktar kmieni. Għal dak l-għan, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni dwar l-użu ġust, ibbażat fuq xejriet tipiċi tal-użu, u miżuri kontra l-frodi sal-31 ta’ Diċembru 2024, wara konsultazzjoni mal-BEREC. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ rieżami msemmija fl-Artikolu 5b(2).

    9.   Sat-30 ta’ Ġunju 2027, wara konsultazzjoni mal-BEREC, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina dan l-Artikolu, u abbażi tal-valutazzjoni tal-impatt tiegħu, il-Kummissjoni tista’, jekk xieraq, tiddeċiedi li tippreżenta proposta leġiżlattiva sabiex temendah.

    10.   Il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 9 għandha tinkludi:

    (a)

    l-evoluzzjoni tal-ispejjeż bl-ingrossa relatati mal-forniment ta’ komunikazzjonijiet intra-UE;

    (b)

    l-evoluzzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq għall-forniment ta’ servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali bbażati fuq in-numri u x-xejra tal-prezzijiet bl-imnut tal-komunikazzjonijiet intra-UE fl-Istati Membri differenti;

    (c)

    l-evoluzzjoni tal-preferenzi tal-konsumaturi u l-għażla ta’ offerti speċjali u pakketti mhux imposti fuq il-bażi tal-konsum reali tal-komunikazzjonijiet intra-UE;

    (d)

    l-impatt possibbli fuq is-swieq nazzjonali għall-forniment ta’ servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali bbażati fuq in-numri u b’mod partikolari fuq il-prezzijiet bl-imnut imposti fuq il-konsumaturi b’mod ġenerali, filwaqt li jitqiesu l-ispejjeż tal-forniment ta’ komunikazzjonijiet intra-UE, u l-impatt potenzjali tal-miżuri fuq id-dħul għall-fornituri u, jekk possibbli, il-kapaċità ta’ investiment tal-fornituri, b’mod partikolari bil-ħsieb tal-introduzzjoni futura ta’ networks f’konformità mal-miri għall-konnettività stabbiliti fid-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 fejn l-imposti addizzjonali għall-komunikazzjonijiet intra-UE ma jkunux diġà ġew applikati;

    (e)

    il-firxa tal-użu, id-disponibbiltà u l-kompetittività tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri jew kwalunkwe alternattiva għall-komunikazzjonijiet intra-UE;

    (f)

    l-evoluzzjoni tal-pjanijiet tariffarji fir-rigward tal-komunikazzjonijiet intra-UE, u b’mod partikolari, il-punt sa fejn l-implimentazzjoni tal-miżuri previsti fil-paragrafu 8 pproduċiet riżultati fid-direzzjoni tal-eliminazzjoni tad-differenzi fil-prezzijiet bl-imnut għall-konsumaturi bejn komunikazzjonijiet domestiċi u dawk intra-UE.

    11.   Sabiex iwettaq il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 9, il-BEREC għandu jiġbor l-informazzjoni rilevanti mingħand l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fuq bażi regolari. Fejn applikabbli, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jipprovdu tali data f’koordinazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti oħra. Id-data miġbura mill-BEREC skont dan il-paragrafu għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni mill-inqas darba fis-sena. Il-Kummissjoni għandha tippubblikaha. Biex jiġi żgurat li l-BEREC ikun jista’ jwettaq l-obbligi tiegħu skont dan il-paragrafu, il-fornituri għandhom ikunu obbligati jikkooperaw billi jipprovdu d-data mitluba, inkluż data kunfidenzjali, lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti.”;

    (3)

    jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 5b

    Proċedura ta’ kumitat

    1.   Sabiex tissodisfa l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 5a ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet stabbilit bl-Artikolu 118(1) tad-Direttiva (UE) 2018/1972. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2.   Fejn issir referenza għal dan l-Artikolu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.”;

    (4)

    fl-Artikolu 10(5), id-data “14 ta’ Mejju 2024” hija sostitwita bid-data “30 ta’ Ġunju 2032.”.

    Artikolu 18

    Tħassir

    1.   Id-Direttiva 2014/61/UE hija mħassra b’effett mill-11 ta’ Mejju 2024.

    2.   B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, fejn id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li jissostitwixxu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/61/UE japplikaw minn data aktar tard, id-dispożizzjonijiet korrispondenti li ġejjin ta’ dik id-Direttiva għandhom jibqgħu fis-seħħ sa dik l-istess data, kif stipulat hawn taħt:

    (a)

    L-Artikolu 4(2) u (3), l-Artikolu 4(4), l-ewwel sentenza, l-Artikolu 6(1), (2), (3) u (5) u l-Artikolu 7(1) u (2), ta’ dik id-Direttiva għandhom jibqgħu fis-seħħ sat-12 ta’ Mejju 2026;

    (b)

    L-Artikolu 8(1) sa (4) ta’ dik id-Direttiva għandu jibqa’ fis-seħħ sat-12 ta’ Frar 2026.

    3.   Ir-referenzi għad-Direttiva li tħassret għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw f’konformità mat-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness.

    Artikolu 19

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    2.   Għandu japplika mit-12 ta’ Novembru 2025.

    3.   B’deroga mill-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu:

    (a)

    l-Artikolu 5(6) u l-Artikolu 11(6) għandhom japplikaw mill-11 ta’ Mejju 2024;

    (b)

    l-Artikolu 17 għandu japplika mill-15 ta’ Mejju 2024.

    (c)

    l-Artikolu 10(1), (2) u (3) għandu japplika mit-12 ta’ Frar 2026;

    (d)

    l-Artikolu 4(3), l-Artikolu 6(1), l-Artikolu 7(2) u (3) u l-Artikolu 12(1), (2) u (3) għandhom japplikaw mit-12 ta’ Mejju 2026;

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ April 2024.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    R. METSOLA

    Il-President

    Il-President

    M. MICHEL


    (1)   ĠU C 349, 29.9.2023, p. 116.

    (2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ April 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024.

    (3)  Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36).

    (4)  Id-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li tistabbilixxi l-Programm ta’ Politika tal-2030 dwar id-Deċennju Diġitali (ĠU L 323, 19.12.2022, p. 4).

    (5)  Ir-Regolament (UE) 2023/588 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2023 li jistabbilixxi l-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura għall-perjodu 2023-2027 (ĠU L 79, 17.3.2023, p. 1).

    (6)  Id-Direttiva 2014/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar miżuri biex tonqos l-ispiża għall-installazzjoni ta’ networks tal-komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja (ĠU L 155, 23.5.2014, p. 1).

    (7)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1307 tat-18 ta’ Settembru 2020 dwar sett ta’ għodod komuni tal-Unjoni biex titnaqqas l-ispiża tal-implimentazzjoni ta’ networks b’kapaċità għolja ħafna u biex jiġi żgurat aċċess f’waqtu għall-ispettru tar-radju tal-5G li jiffavorixxi l-investiment, sabiex titwitta t-triq għall-konnettività b’appoġġ għall-irkupru ekonomiku mill-kriżi tal-COVID-19 fl-Unjoni (ĠU L 305, 21.9.2020, p. 33).

    (8)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/77/KE tas-16 ta’ Settembru 2002 dwar kompetizzjoni fis-swieq tan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU L 249, 17.9.2002, p. 21).

    (9)  Id-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha, li temenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 u d-Direttiva (UE) 2018/1972, u li tħassar id-Direttiva (UE) 2016/1148 (Direttiva NIS 2) (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 80).

    (10)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2245 tat-18 ta’ Diċembru 2020 dwar is-swieq rilevanti tal-prodotti u tas-servizzi fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika suxxettibbli għal regolamentazzjoni ex ante f’konformità mad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, 18.12.2020, C(2020) 8750 (ĠU L 439, 29.12.2020, p. 23).

    (11)  Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).

    (12)  Id-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13).

    (13)  Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36).

    (14)  Ir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Ottubru 2018 li jistabbilixxi gateway diġitali unika li tipprovdi aċċess għal informazzjoni, għal proċeduri u għas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 1).

    (15)  L-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 60).

    (16)  L-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Diġitali u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 (ĠU L 166, 11.5.2021, p. 1).

    (17)  L-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).

    (18)  Ir-Regolament (UE) 2018/1971 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Aġenzija għall-Appoġġ għal BEREC (l-Uffiċċju tal-BEREC), li jemenda r-Regolament (UE) 2015/2120 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 1).

    (19)  Ir-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi miżuri dwar aċċess għal internet miftuħ u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u r-Regolament (UE) Nru 531/2012 dwar roaming fuq networks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 310, 26.11.2015, p. 1).

    (20)  Ir-Regolament (UE) 2022/612 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ April 2022 dwar ir-roaming fuq networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 115, 13.4.2022, p. 1).

    (21)  Id-Direttiva (UE) 2020/2184 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 435, 23.12.2020, p. 1).


    ANNESS

    Tabella ta’ korrelazzjoni

    Direttiva 2014/61/UE

    Dan ir-Regolament

    Artikolu 1(1)

    Artikolu 1(1)

    Artikolu 1(2)

    Artikolu 1(3)

    Artikolu 1(3)

    Artikolu 1(3)

    Artikolu 1(4)

    Artikolu 1(2)

    Artikolu 1(4)

    Artikolu 1(5)

    Artikolu 2

    Artikolu 2

    Artikolu 3(1)

    Artikolu 3(11)

    Artikolu 3(2)

    Artikolu 3(1)

    Artikolu 3(2)

    Artikolu 3(3)

    Artikolu 3(4)

    Artikolu 3(3)

    Artikolu 3(5)

    Artikolu 3(6)

    Artikolu 3(3), it-tieni subparagrafu

    Artikolu 3(7)

    Artikolu 3(4)

    Artikolu 13(1)(a)

    Artikolu 3(5)

    Artikolu 13(2)

    Artikolu 13(3)

    Artikolu 13(4), it-tieni subparagrafu

    Artikolu 3(8)

    Artikolu 3(9)

    Artikolu 3(10)

    Artikolu 3(6)

    Artikolu 3(12)

    Artikolu 3(13)

    Artikolu 4(1)

    Artikolu 4(1)

    Artikolu 4(2)

    Artikolu 4(3)

    Artikolu 4(2)

    –Artikolu 4(3)

    Artikolu 4(1)

    Artikolu 4(3)

    Artikolu 4(4) l-ewwel sentenza

    Artikolu 4(3)

    Artikolu 4(4)

    Artikolu 4(4) it-tieni u t-tielet sentenza

    Artikolu 4(1), it-tieni u t-tielet subparagrafu

    Artikolu 4(5)

    Artikolu 4(5)

    Artikolu 4(6)

    Artikolu 13(1)(b)

    Artikolu 13(2)(b)

    Artikolu 4(7)

    Artikolu 4(6)

    Artikolu 4(7)

    Artikolu 4(8)

    Artikolu 4(8)

    Artikolu 5(1)

    Artikolu 5(1)

    Artikolu 5(2)

    Artikolu 5(2)

    Artikolu 5(3)

    Artikolu 5(4)

    Artikolu 5(3)

    Artikolu 13(1)(c)

    Artikolu 5(4)

    Artikolu 13(2)(b)

    Artikolu 13(3)

    Artikolu 5(5)

    Artikolu 5(5)

    Artikolu 5(6)

    Artikolu 6(1)

    Artikolu 6(1)

    Artikolu 6(2)

    Artikolu 6(3)

    Artikolu 6(1)

    Artikolu 6(4)

    Artikolu 13(1)(b), Artikolu 13(2)(b),

    Artikolu 6(5)

    Artikolu 6(2)

    Artikolu 7(1)

    Artikolu 7(1)

    Artikolu 7(2)

    Artikolu 7(2)

    Artikolu 7(3)

    Artikolu 7(4)

    Artikolu 7(3)

    Artikolu 7(5)

    Artikolu 7(6)

    Artikolu 7(7)

    Artikolu 7(8)

    Artikolu 7(9)

    Artikolu 7(10)

    Artikolu 7(11)

    Artikolu 7(12)

    Artikolu 7(4)

    Artikolu 8

    Artikolu 9

    Artikolu 8(1)

    Artikolu 10(1)

    Artikolu 8(2)

    Artikolu 10(2)

    Artikolu 8(3)

    Artikolu 10(6)

    Artikolu 8(4)

    Artikolu 10(7)

    Artikolu 10(8)

    Artikolu 9(1)

    Artikolu 11(1)

    Artikolu 9(2)

    Artikolu 11(2)

    Artikolu 9(3)

    Artikolu 11(3)

    Artikolu 13(1)(d)

    Artikolu 13(2)

    Artikolu 9(4)

    Artikolu 11(3)

    Artikolu 9(5)

    Artikolu 11(4)

    Artikolu 9(6)

    Artikolu 11(5)

    Artikolu 11(6)

    Artikolu 12

    Artikolu 13(1) it-tieni subparagrafu

    Artikolu 13(4) l-ewwel subparagrafu

    Artikolu 13(5)

    Artikolu 10(1)

    Artikolu 14(1)

    Artikolu 10(2)

    Artikolu 14(2) u Artikolu 14(3)

    Artikolu 10(3)

    Artikolu 14(4)

    Artikolu 10(4)

    Artikolu 14(5)

    Artikolu 14(6)

    Artikolu 14(7)

    Artikolu 10(5)

    Artikolu 14(9)

    Artikolu 10(6)

    Artikolu 14(10)

    Artikolu 11

    Artikolu 15

    Artikolu 12

    Artikolu 16(1)

    Artikolu 16(2)

    Artikolu 17

    Artikolu 18

    Artikolu 13

    Artikolu 14

    Artikolu 19

    Artikolu 15


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1309/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top