Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R1295

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/1295 tas-26 ta’ Frar 2024 dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi armonizzati u l-istandards ta’ ttestjar għall-pajpijiet għat-tifi tan-nar

    C/2024/890

    ĠU L, 2024/1295, 6.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1295/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1295/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/1295

    6.5.2024

    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1295

    tas-26 ta’ Frar 2024

    dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi armonizzati u l-istandards ta’ ttestjar għall-pajpijiet għat-tifi tan-nar

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar tagħmir tal-baħar u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tagħha,

    Billi:

    (1)

    L-applikazzjoni uniformi tal-istandards internazzjonali ta’ ttestjar u tal-proċeduri għall-approvazzjoni tat-tagħmir tal-baħar hija żgurata bid-Direttiva 2014/90/UE.

    (2)

    It-tagħmir tal-baħar li għandu jitqiegħed fuq il-bastimenti tal-UE għandu jissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva 2014/90/UE, f’konformità mal-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 35(2) ta’ dik id-Direttiva, li jindikaw ir-rekwiżiti rispettivi ta’ disinn, kostruzzjoni u prestazzjoni u l-istandards ta’ ttestjar previsti fl-istrumenti internazzjonali fir-rigward ta’ dan it-tagħmir tal-baħar.

    (3)

    Għal raġunijiet ta’ sikurezza, il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS) teħtieġ il-ġarr u l-approvazzjoni ta’ pajpijiet għat-tifi tan-nar abbord il-bastimenti.

    (4)

    Bħalissa ma hemm l-ebda standard internazzjonali għall-ispeċifikazzjoni teknika u ttestjar ta’ pajpijiet ċatti għat-tifi tan-nar mhux perkolanti b’dijametru intern akbar minn 52 mm u għalhekk dawn il-pajpijiet mhumiex koperti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fis-seħħ. In-nuqqas ta’ standards internazzjonali jfisser li dawn il-pajpijiet ma jistgħux jiġu vvalutati u approvati għall-użu abbord il-bastimenti tal-UE f’konformità mad-Direttiva 2014/90/UE. In-nuqqas ta’ armonizzazzjoni jwassal għal livelli differenti ta’ sikurezza tal-prodotti abbord il-bastimenti tal-UE, li potenzjalment iwasslu għall-ħsara f’dawn il-prodotti waqt li jkunu qed jintużaw, li qed joħloq riskju serju u inaċċettabbli għas-saħħa u s-sikurezza marittima, u piż amministrattiv għall-Istati Membri.

    (5)

    Ma hemm l-ebda standards internazzjonali għall-ittestjar tar-reżistenza għall-brix ta’ pajpijiet ċatti għat-tifi tan-nar mhux perkolanti b’dijametru intern ta’ bejn 25 mm u 52 mm u għalhekk dawn l-standards mhumiex koperti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fis-seħħ. Fin-nuqqas ta’ standards internazzjonali, dawn il-pajpijiet ma jistgħux jiġu vvalutati għall-konformità fir-rigward tar-reżistenza għall-brix f’konformità mad-Direttiva 2014/90/UE. In-nuqqas ta’ armonizzazzjoni għat-testijiet tal-brix iwassal għal ħsara bikrija potenzjali ta’ prodotti bħal dawn meta jintużaw abbord bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE. Dan qed joħloq riskju serju u inaċċettabbli għas-saħħa u s-sikurezza marittima.

    (6)

    Għalhekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti speċifikazzjonijiet tekniċi armonizzati u standards ta’ ttestjar għall-pajpijiet ċatti għat-tifi tan-nar mhux perkolanti b’dijametru intern akbar minn 25 mm. Jenħtieġ li dawk l-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards ta’ ttestjar jibqgħu applikabbli sakemm l-istrumenti internazzjonali jkunu ġew emendati biex jinkorporaw standards ta’ ttestjar xierqa għal dawn il-pajpijiet,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-istandards ta’ ttestjar stabbiliti fl-Anness għandhom japplikaw għall-pajpijiet ċatti għat-tifi tan-nar mhux perkolanti b’dijametru intern akbar minn 25 mm.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Frar 2024.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 257, 28.8.2014, p. 146, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/90/oj.


    ANNESS

    Speċifikazzjonijiet tekniċi u standards ta’ ttestjar għall-pajpijiet għat-tifi tan-nar ċatti mhux perkolanti b’dijametru intern akbar minn 25 mm

    Ref.

    Entrata

    Standards ta’ ttestjar

    1.

    Pajpijiet għat-tifi tan-nar b’dijametru intern akbar minn 25 mm

    NF S 61-112 (Ġunju 2019)

    NB: F’konformità mar-Regolament 10.2.3.2.1, il-Parti B tal-Kapitolu II-2 tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS), id-dijametri tal-pajpijiet għat-tifi tan-nar huma meħtieġa li jkunu għas-sodisfazzjon tal-amministrazzjoni.

    2.

    Pajpijiet għat-tifi tan-nar b’dijametru intern akbar minn 25 mm

    DIN 14811 (Jannar 2008) esklużi r-rekwiżiti tat-taqsima 5.3.

    NB: F’konformità mar-Regolament 10.2.3.2.1, il-Parti B tal-Kapitolu II-2 tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS), id-dijametri tal-pajpijiet għat-tifi tan-nar huma meħtieġa li jkunu għas-sodisfazzjon tal-amministrazzjoni.


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1295/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top