Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R1252

    Regolament (UE) 2024/1252 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 li jistabbilixxi qafas li jiżgura provvista sigura u sostenibbli tal-materja prima kritika u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 168/2013, (UE) 2018/858, (UE) 2018/1724 u (UE) 2019/1020 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    PE/78/2023/REV/1

    ĠU L, 2024/1252, 3.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1252/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 03/05/2024

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1252/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/1252

    3.5.2024

    REGOLAMENT (UE) 2024/1252 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-11 ta’ April 2024

    li jistabbilixxi qafas li jiżgura provvista sigura u sostenibbli tal-materja prima kritika u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 168/2013, (UE) 2018/858, (UE) 2018/1724 u (UE) 2019/1020

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    L-aċċess għall-materja prima huwa essenzjali għall-ekonomija tal-Unjoni u għall-funzjonament tas-suq intern. Hemm sett ta’ materja prima mhux tal-enerġija u mhux agrikola li jitqiesu bħala kritiċi minħabba l-importanza ekonomika kbira tagħha u l-esponiment tagħha għal riskju tal-provvista kbir, spiss ikkawżat minn konċentrazzjoni qawwija ta’ provvista minn ftit pajjiżi terzi. Minħabba r-rwol ewlieni ta’ ħafna mill-materja prima kritika ta’ dan it-tip fit-twettiq tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u fid-dawl tal-użu tagħha għall-applikazzjonijiet tad-difiża u tal-ajruspazju d-domanda x’aktarx se tiżdied b’mod esponenzjali fid-deċennji li ġejjin. Fl-istess ħin, ir-riskju ta’ tfixkil fil-provvista qed jiżdied fil-kuntest ta’ żieda fit-tensjonijiet ġeopolitiċi u fil-kompetizzjoni għar-riżorsi. Barra minn hekk, jekk ma tiġix immaniġġjata kif xieraq, iż-żieda fid-domanda għall-materja prima kritika tista’ tikkawża impatti fuq l-ambjent u impatti soċjali negattivi.

    (2)

    Minħabba l-kumplessità u l-karattru tranżnazzjonali tal-ktajjen tal-valur tal-materja prima kritika, jekk il-miżuri nazzjonali maħsuba biex jiżguraw provvista sigura u sostenibbli ta’ materja prima kritika ma jkunux ikkoordinati, hemm ir-riskju li dawn jikkompromettu l-funzjonament tas-suq intern. Il-materja prima kritika spiss tiġi estratta f’pajjiżi jew f’reġjuni speċifiċi, skont id-distribuzzjoni ġeografika tar-riżervi rilevanti, tiġi ttrasportata għal ipproċessar ulterjuri xi mkien ieħor u mbagħad tinbiegħ fis-suq intern biex tintuża fi prodotti rilevanti. Fl-istadju tal-ipproċessar, il-materja prima kritika spiss tiġi importata u esportata diversi drabi fis-suq intern qabel ma tintuża f’applikazzjoni finali. B’mod simili, ir-riċiklaġġ ta’ tmiem il-ħajja ta’ prodotti rilevanti bil-ħsieb li tiġi rkuprata l-materja prima kritika jista’ jseħħ f’pajjiż jew reġjun differenti minn dak fejn jinġabar l-iskart, u l-materja prima sekondarja li tirriżulta x’aktarx li tiġi esportata mill-ġdid għall-ipproċessar u użu ulterjuri. Barra minn hekk, il-materja prima kritika tkun meħtieġa fil-bidu ta’ bosta ktajjen tal-valur industrijali u spiss tkun input indispensabbli għal sett wiesa’ ta’ setturi strateġiċi, fosthom l-enerġija rinnovabbli, l-industrija diġitali, u s-setturi ajruspazjali u tad-difiża. Għalhekk, din taqdi rwol essenzjali bħala bażi tal-attivitajiet ekonomiċi fis-suq intern, u tfixkil fil-provvista jista’ jkollu impatt transfruntier sinifikanti bejn l-Istati Membri.

    (3)

    F’dan l-isfond, hemm ir-riskju li azzjonijiet mill-Istati Membri li ma jkunux ikkoordinati jfixklu l-kompetizzjoni u jifframmentaw is-suq intern, pereżempju billi jimponu regolamentazzjoni diverġenti fuq operaturi tas-suq, jipprovdu livelli differenti ta’ aċċess għall-monitoraġġ tar-riskju tal-provvista, jipprovdu livelli differenti ta’ appoġġ għall-proġetti nazzjonali, jew joħolqu ostakli għall-kummerċ transfruntier bejn l-Istati Membri ta’ materja prima kritika jew oġġetti relatati u b’hekk joħolqu ostakli għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Barra minn hekk, l-azzjonijiet individwali tal-Istati Membri jistgħu ma jkunux biżżejjed biex jipprevjenu b’mod effettiv li jseħħ tfixkil fil-provvista tal-materja prima kritika jew jistgħu jkunu inqas effiċjenti biex jinkiseb dak l-għan.

    (4)

    Biex jiġi ssalvagwardjat il-funzjonament tas-suq intern, għalhekk jenħtieġ li jinħoloq qafas komuni tal-Unjoni biex jiġi żgurat aċċess għal provvista sigura u sostenibbli tal-materja prima kritika u biex jiġu ssalvagwardjati r-reżiljenza ekonomika u l-awtonomija strateġika miftuħa tal-Unjoni.

    (5)

    L-ewwel, dak il-qafas jenħtieġ li jiddefinixxi l-materja prima kritika li titqies strateġika u kritika u jsaħħaħ ir-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista għal dik il-materja prima fl-Unjoni, inkluż billi jidentifika u jappoġġa ċerti proġetti ta’ materja prima u jirrikonoxxihom bħala proġetti strateġiċi (Proġetti Strateġiċi) u billi jitwettqu sforzi biex jiġu inċentivati l-progress teknoloġiku u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi sabiex tiġi mmoderata ż-żieda mistennija fil-konsum tal-Unjoni tal-materja prima kritika. It-tieni, jeħtieġ li jiġu pprovduti għal miżuri li jirrinforzaw il-kapaċità tal-Unjoni li timmonitorja u timmitiga r-riskji tal-provvista eżistenti u futuri. It-tielet, jenħtieġ li l-qafas ikun fih miżuri li jżidu ċ-ċirkolarità u s-sostenibbiltà tal-materja prima kritika kkonsmata fl-Unjoni.

    (6)

    Sabiex ikun żgurat li l-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament jiffukaw fuq l-aktar materja prima rilevanti, jenħtieġ li jiġu stabbiliti lista tal-materja prima strateġika u lista tal-materja prima kritika. Dawk il-listi jenħtieġ li jkunu bbażati fuq metodoloġiji ċari, l-applikazzjoni li dwarha l-Kummissjoni jenħtieġ li tikkomunika b’mod miftuħ u trasparenti. Dawk il-listi jenħtieġ li jservu wkoll biex jiggwidaw u jikkoordinaw l-isforzi tal-Istati Membri favur it-twettiq tal-għanijiet ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-lista tal-materja prima strateġika jkun fiha materja prima li tkun ta’ importanza strateġika kbira għall-funzjonament tas-suq intern, filwaqt li jitqies l-użu tagħha fit-teknoloġiji strateġiċi li fuqhom huma bbażati t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali jew għall-applikazzjonijiet tad-difiża jew ajruspazjali, li huma kkaratterizzati minn diskrepanza potenzjalment sinifikanti bejn il-provvista globali u d-domanda projettata, u li għalihom żieda fil-produzzjoni hija relattivament diffiċli, pereżempju minħabba ż-żminijiet twal meħtieġa għal proġetti ġodda li jżidu l-kapaċità tal-provvista. Biex jitqiesu l-bidliet teknoloġiċi u ekonomiċi possibbli, jenħtieġ li l-lista tal-materja prima strateġika tiġi rieżaminata b’mod perjodiku u, jekk ikun meħtieġ, tiġi aġġornata. Biex jiġi żgurat li l-isforzi biex jiżdiedu l-kapaċitajiet tal-Unjoni tul il-katina tal-valur, jirrinforzaw il-kapaċità tal-Unjoni li timmonitorja u timmitiga r-riskji tal-provvista u żżid id-diversifikazzjoni tal-provvista jkunu ffukati fuq il-materja prima li jeħtiġuhom l-aktar, jenħtieġ li ċerti miżuri rilevanti japplikaw biss għal-lista tal-materja prima strateġika. L-Istati Membri jenħtieġ li ma jiġux imwaqqfa milli joħolqu listi addizzjonali abbażi tal-ħtiġijiet nazzjonali speċifiċi tagħhom jew milli jieħdu miżuri xierqa fuq livell nazzjonali.

    (7)

    Jenħtieġ li l-lista tal-materja prima kritika tinkludi l-materja prima strateġika kollha kif ukoll kwalunkwe materja prima oħra ta’ importanza kbira għall-ekonomija ġenerali tal-Unjoni u li għaliha hemm riskju kbir ta’ tfixkil fil-provvista li x’aktarx ifixkel il-kompetizzjoni u jifframmenta s-suq intern. Minbarra t-teknoloġiji strateġiċi, setturi oħra jistgħu jiġu esposti wkoll għal riskji tal-provvista kbar fil-futur. Biex jitqiesu l-bidliet teknoloġiċi u ekonomiċi possibbli, jenħtieġ li l-Kummissjoni, fil-kontinwazzjoni tal-prattika attwali, minn żmien għal żmien twettaq valutazzjoni abbażi ta’ data għall-produzzjoni, il-kummerċ, l-applikazzjonijiet, ir-riċiklaġġ, u s-sostituzzjoni għal firxa wiesgħa ta’ materja prima biex taġġorna l-listi tal-materja prima strateġika u kritika biex jiġu riflessi l-evoluzzjoni fl-importanza ekonomika u r-riskju tal-provvista assoċjati ma’ dik il-materja prima fis-suq intern. Jenħtieġ li l-lista tal-materja prima kritika tinkludi dik il-materja prima li tilħaq jew taqbeż il-limiti kemm għall-importanza ekonomika kif ukoll għar-riskju tal-provvista, mingħajr ma tikklassifika l-materja prima rilevanti f’termini ta’ kritikalità. Jenħtieġ li dik il-valutazzjoni tkun ibbażata fuq medja tal-aħħar data disponibbli fuq perjodu ta’ ħames snin. Jenħtieġ li l-miżuri relatati mal-punt ta’ kuntatt uniku, l-ippjanar, l-esplorazzjoni, il-monitoraġġ, iċ-ċirkolarità, u s-sostenibbiltà li huma previsti f’dan ir-Regolament japplikaw għall-materja prima kritika kollha.

    (8)

    Il-listi tal-materja prima kritika u tal-materja prima strateġika jenħtieġ li jużaw deżinjazzjonijiet stabbiliti għall-materja prima elenkata. Għal-lista tal-materja prima strateġika, jenħtieġ li d-deżinjazzjonijiet jirreferu, meta xieraq, għall-grad li għalih trid tiġi rfinata materja prima sabiex tintuża għall-manifattura ta’ teknoloġiji strateġiċi. Ir-referenzi għall-materja prima strateġika u kritika jenħtieġ li jinftiehmu li jirreferu għall-katina tal-valur kollha ta’ dik il-materja prima, inkluż fil-forma mhux ipproċessata tagħha u fl-istadji kollha tal-ipproċessar li jwasslu, fejn applikabbli, għall-grad speċifikat. Jenħtieġ li ssir kjarifika eċċezzjonali għall-katina tal-valur tal-aluminju, li ssemmi l-bauxite, l-aktar mineral importanti tiegħu, u l-alumina, il-forma intermedja tiegħu fl-ipproċessar, flimkien mal-aluminju. Il-materja prima strateġika u kritika huma, f’ħafna każijiet, estratti, ipproċessati jew irriċiklati bħala prodotti sekondarji ta’ proċessi ewlenin oħra ta’ estrazzjoni, ipproċessar u riċiklaġġ. Għalhekk, in-natura ta’ prodott sekondarju tal-materja prima jenħtieġ li ma taffettwax l-inklużjoni tagħha fil-lista jew il-kopertura tagħha mid-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament.

    (9)

    Biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni ta’ kompiti relatati mal-iżvilupp ta’ Proġetti Strateġiċi u l-finanzjament, il-programmi tal-esplorazzjoni, il-kapaċitajiet ta’ monitoraġġ jew l-istokkijiet strateġiċi tagħhom u biex il-Kummissjoni tingħata pariri xierqa, jenħtieġ li jiġi stabbilit Bord Ewropew għall-Materja Prima Kritika (il-“Bord”). Jenħtieġ li l-Bord ikun magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri u mill-Kummissjoni, filwaqt li jkun jista’ jiżgura l-parteċipazzjoni ta’ partijiet oħra bħala osservaturi, b’mod partikolari l-Parlament Ewropew. Biex jiġi żviluppat l-għarfien espert meħtieġ għall-implimentazzjoni ta’ ċerti kompiti, il-Bord jenħtieġ li jistabbilixxi sottogruppi permanenti dwar il-finanzjament, l-aċċettazzjoni pubblika, l-esplorazzjoni, il-monitoraġġ u l-istokkijiet strateġiċi kif ukoll wieħed dwar iċ-ċirkolarità, l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u s-sostituzzjoni, li jenħtieġ li jaġixxu bħala network billi jiġbru flimkien lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti u, fejn meħtieġ, jikkonsultaw lill-industrija, lill-akkademja, lis-soċjetà ċivili u lil partijiet ikkonċernati rilevanti oħra. Jenħtieġ li l-pariri u l-opinjonijiet tal-Bord ma jkunux vinkolanti u n-nuqqas ta’ tali parir jew opinjoni jenħtieġ li ma jipprevjenix lill-Kummissjoni milli twettaq il-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament.

    (10)

    Jeħtieġ li jiġu stabbiliti miżuri xierqa biex jiġi stabbilit approċċ komuni għall-Proġetti Strateġiċi fl-Unjoni attivi fl-estrazzjoni, l-ipproċessar jew ir-riċiklaġġ ta’ materja prima strateġika jew li jikkontribwixxu għall-produzzjoni ta’ materjali sostituti rilevanti. Dawk il-Proġetti Strateġiċi, flimkien mal-isforzi tal-Istati Membri, jenħtieġ li jikkontribwixxu għal żieda fil-kapaċitajiet biex tiġi żgurata provvista sigura ta’ materja prima strateġika. Miżuri oħra, b’mod partikolari dwar l-esplorazzjoni jew iċ-ċirkolarità, huma maħsuba biex jikkontribwixxu wkoll biex jirrinforzaw l-istadji differenti tal-katina tal-valur.

    (11)

    Biex jitnaqqas ir-riskju dejjem jikber fl-Unjoni ta’ interruzzjonijiet fil-provvista li x’aktarx ifixklu l-kompetizzjoni u jifframmentaw is-suq intern, jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jsaħħu l-kapaċità fl-istadji differenti tal-katina tal-valur tal-materja prima strateġika, sabiex jikkontribwixxu għall-kisba tal-parametri referenzjarji relatati mal-kapaċitajiet tal-Unjoni u d-diversifikazzjoni tal-provvista. Tali parametri referenzjarji jenħtieġ li jgħinu biex jiggwidaw sforzi biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-Unjoni tul l-istadji kollha tal-katina tal-valur tal-materja prima strateġika, fosthom l-estrazzjoni, l-ipproċessar u r-riċiklaġġ, u biex tiżdied id-diversifikazzjoni ta’ provvisti esterni ta’ materja prima strateġika. Jenħtieġ li l-għan ikun li jiżdiedu l-kapaċitajiet għal kull materja prima strateġika f’kull stadju tal-katina tal-valur, filwaqt li jitfittex li jinkisbu parametri referenzjarji tal-kapaċità ġenerali fil-livell tal-Unjoni għall-estrazzjoni, l-ipproċessar u r-riċiklaġġ tal-materja prima strateġika. L-ewwel, jenħtieġ li l-Unjoni żżid l-użu tar-riżorsi ġeoloġiċi tagħha stess ta’ materja prima strateġika u ssaħħaħ il-kapaċità biex tkun tista’ twettaq l-estrazzjoni tal-materja prima meħtieġa għall-produzzjoni ta’ mill-inqas 10 % tal-konsum tal-materja prima strateġika tal-Unjoni. B’kont meħud tal-fatt li l-kapaċità tal-estrazzjoni tiddependi ħafna fuq id-disponibbiltà tar-riżorsi ġeoloġiċi tal-Unjoni, il-kisba ta’ dak il-parametru referenzjarju tiddependi fuq tali disponibbiltà. It-tieni, biex tinbena katina tal-valur sħiħa u tiġi evitata kwalunkwe restrizzjoni fl-istadji intermedji, jenħtieġ li l-kapaċità tal-ipproċessar tal-Unjoni tiżdied ukoll u jenħtieġ li l-Unjoni tkun tista’ tipproduċi mill-inqas 40 % tal-konsum annwali tagħha tal-materja prima strateġika. It-tielet, fid-deċennji li ġejjin, hu mistenni li sehem dejjem akbar mill-konsum tal-Unjoni tal-materja prima strateġika jkun jista’ jiġi kopert minn materja prima sekondarja, u dan itejjeb kemm is-sigurtà kif ukoll is-sostenibbiltà tal-provvista tal-materja prima tal-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-kapaċità tar-riċiklaġġ tal-Unjoni tkun tista’ tipproduċi mill-inqas 25 % tal-konsum annwali tal-Unjoni ta’ materja prima strateġika u jenħtieġ li l-Unjoni tkun kapaċi tirriċikla żieda sinifikanti fl-ammonti ta’ kull materja prima strateġika mill-iskart.Għall-flussi tal-iskart u għall-materja prima strateġika li għalihom hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli biex tiġi stmata l-kapaċità tar-riċiklaġġ tal-Unjoni bħala sehem tal-materja prima strateġika li tkun tinsab f’dawk il-flussi tal-iskart, jenħtieġ li jiġi stabbilit parametru referenzjarju addizzjonali bbażat fuq l-iskart. L-isforzi ta’ akkumpanjament biex tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni, is-sostituzzjoni, is-sensibilizzazzjoni u miżuri rilevanti oħra se jiffaċilitaw ukoll il-kisba ta’ dawk il-parametri referenzjarji. Dawk il-parametri referenzjarji jirreferu għall-perjodu taż-żmien sal-2030, f’konformità mal-miri tal-Unjoni dwar il-klima u l-enerġija stabbiliti skont ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u l-miri diġitali skont id-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill (4), li jiffurmaw il-bażi tagħhom. Barra minn hekk, l-impjiegi ta’ kwalità, inkluż l-iżvilupp tal-ħiliet u t-tranżizzjonijiet minn impjieg għall-ieħor, se jindirizzaw ir-riskji fis-suq tax-xogħol settorjali u jgħinu biex tiġi żgurata l-kompetittività tal-Unjoni. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jinċentivaw ukoll il-progress teknoloġiku u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi sabiex jimmoderaw iż-żieda mistennija fil-konsum tal-Unjoni tal-materja prima kritika għal livell taħt projezzjonijiet ta’ referenza xierqa. Fil-kuntest tat-tħejjija tal-miżuri ta’ implimentazzjoni skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis il-kontribut possibbli tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-kisba tal-prijoritajiet tal-Unjoni stabbiliti f’dan ir-Regolament.

    (12)

    Għal xi materja prima, l-Unjoni tiddependi kważi għalkollox fuq pajjiż wieħed għall-provvista tagħha. Tali dipendenzi joħolqu riskju kbir ta’ tfixkil fil-provvista li x’aktarx ser ifixkel il-kompetizzjoni u jifframmenta s-suq intern. Biex jiġi limitat dan ir-riskju potenzjali u tiżdied ir-reżiljenza ekonomika tal-Unjoni, jenħtieġ li jitwettqu sforzi biex ikun żgurat li, sal-2030, l-Unjoni ma tkunx dipendenti fuq pajjiż terz wieħed għal aktar minn 65 % tal-provvista tagħha ta’ kwalunkwe materja prima strateġika, mhux ipproċessata u fi kwalunkwe stadju tal-ipproċessar, filwaqt li madankollu tingħata kunsiderazzjoni speċjali lill-pajjiżi li magħhom l-Unjoni stabbiliet sħubija strateġika (Sħubija Strateġika), ftehim ta’ kummerċ ħieles jew forom oħra ta’ kooperazzjoni li jkopru l-materja prima, peress li jipprovdu aktar assigurazzjonijiet fir-rigward tar-riskji tal-provvista.

    (13)

    Biex ikun żgurat li l-parametri referenzjarji jintlaħqu fil-ħin, jenħtieġ li l-Kummissjoni, bl-għajnuna tal-Bord, issegwi u tirrapporta l-progress lejn l-ilħiq tal-parametri referenzjarji u lejn l-ilħiq tal-moderazzjoni tad-domanda. Fejn il-progress irrapportat lejn l-ilħiq tal-parametri referenzjarji u lejn l-ilħiq tal-moderazzjoni tad-domanda jkun ġeneralment insuffiċjenti, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-fattibbiltà u l-proporzjonalità ta’ miżuri addizzjonali. Nuqqas ta’ progress fuq sett uniku biss jew fuq sett żgħir biss ta’ materja prima strateġika, fil-prinċipju jenħtieġ li ma jagħtix lok għall-ħtieġa ta’ sforzi addizzjonali mill-Unjoni.

    (14)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-Bord, tidentifika proġetti fl-Unjoni li huma maħsuba biex jibdew jew jespandu l-estrazzjoni, l-ipproċessar jew ir-riċiklaġġ tal-materja prima strateġika, jew il-produzzjoni u ż-żieda ta’ materjali li jistgħu jissostitwixxu materja prima strateġika f’teknoloġiji strateġiċi, bl-għan li tirrikonoxxi tali proġetti bħala Proġetti Strateġiċi. L-appoġġ effettiv għall-Proġetti Strateġiċi għandu l-potenzjal li jtejjeb l-aċċess għall-materja prima strateġika għas-setturi downstream li joħloq opportunitajiet ekonomiċi tul il-katina tal-valur, inkluż għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), u li jikkontribwixxi għall-ħolqien tal-impjiegi. Għalhekk, biex jiġi żgurat l-iżvilupp ta’ Proġetti Strateġiċi fl-Unjoni kollha, jenħtieġ li tali proġetti jibbenefikaw minn proċeduri għall-għoti tal-permessi simplifikati u prevedibbli u appoġġ biex jiksbu aċċess għall-finanzjament. Tali miżuri jistgħu wkoll jispiraw titjib fi proċeduri oħra għall-għoti tal-permessi u fl-aċċess għal finanzjament għal proġetti relatati ma’ materja kritika jew materja prima oħra. Biex l-appoġġ ikun iffukat u jiġi żgurat il-valur miżjud tagħhom, jenħtieġ li l-proġetti, qabel ma jirċievu tali appoġġ, jiġu vvalutati skont sett ta’ kriterji. Il-proġetti tal-materja prima fejn il-materja prima strateġika tkun prodott sekondarju, inkluż mir-ruttam ferruż, jenħtieġ li jkunu eliġibbli wkoll għal tali appoġġ, jekk jissodisfaw il-kriterji rilevanti kollha. Sabiex jiġu rikonoxxuti bħala Proġetti Strateġiċi, il-proġetti jenħtieġ li jsaħħu s-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni għall-materja prima strateġika. Jenħtieġ ukoll li l-proġetti juru biżżejjed fattibbiltà teknika, inkluż il-volum mistenni tal-materja prima strateġika jew tal-materjali sostituti li bih iżidu l-kapaċità tal-Unjoni, bl-esklużjoni ta’ materjali prodotti għal finijiet ta’ riċerka; jiġu implimentati b’mod sostenibbli ambjentalment u soċjalment; u jipprovdu wkoll benefiċċji transfruntiera lil hinn mill-Istat Membru kkonċernat, inklużi effetti konsegwenzjali aktar ’l isfel fil-katina tal-valur. Meta l-Kummissjoni tivvaluta li dawk il-kriterji jkunu ġew issodisfati, jenħtieġ li tippubblika r-rikonoxximent bħala Proġett Strateġiku permezz ta’ deċiżjoni. Peress li huwa essenzjali li r-rikonoxximent isir malajr sabiex is-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni tiġi appoġġata b’mod effettiv, jenħtieġ li l-proċess tal-valutazzjoni jibqa’ ħafif u ma jkunx peżanti żżejjed.

    (15)

    Meta jiġi vvalutat jekk proġett f’pajjiż terz jew f’pajjiż jew territorju ekstra-Ewropej (PTEE) jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni, l-istatus ta’ PTEEs skont il-liġi tal-Unjoni jenħtieġ li jitqies b’mod partikolari. Il-PTEEs jistgħu jikkontribwixxu għall-aċċess sikur tal-Unjoni għal provvista sostenibbli ta’ materja prima strateġika u kritika, b’mod partikolari fil-qafas ta’ sħubijiet strateġiċi.

    (16)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-Bord, tidentifika Proġetti Strateġiċi f’pajjiżi terzi jew f’PTEEs li huma maħsuba biex jibdew jew jespandu l-estrazzjoni, l-ipproċessar jew ir-riċiklaġġ ta’ materja prima strateġika, jew il-produzzjoni ta’ materjali li jistgħu jissostitwixxu materja prima strateġika fit-teknoloġiji strateġiċi. Biex ikun żgurat li tali Proġetti Strateġiċi jiġu implimentati b’mod effettiv, jenħtieġ li dawn jibbenifikaw minn aċċess aħjar għall-finanzjament, pereżempju permezz ta’ aċċess għall-mekkaniżmi tat-tneħħija tar-riskji għall-investiment. Biex ikun żgurat il-valur miżjud tagħhom, il-proġetti jenħtieġ li jiġu vvalutati skont sett ta’ kriterji. Bħall-Proġetti Strateġiċi fl-Unjoni, il-Proġetti Strateġiċi f’pajjiżi terzi jenħtieġ li jsaħħu s-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni tal-materja prima strateġika, u jenħtieġ li juru biżżejjed fattibbiltà teknika. Iż-żewġ tipi ta’ Proġetti Strateġiċi fl-Unjoni u Proġetti Strateġiċi f’pajjiżi terzi jew f’PTEEs, jenħtieġ li jikkonformaw mal-istess livell ta’ sostenibbiltà soċjali u ambjentali. Biex isir Proġett Strateġiku f’suq emerġenti jew f’ekonomija li qed tiżviluppa, proġett jenħtieġ li jkollu benefiċċju reċiproku għall-Unjoni u għall-pajjiż terz involut u jżid il-valur f’dak il-pajjiż, filwaqt li titqies ukoll il-konsistenza tiegħu mal-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni. Tali valur jista’ jiġi dderivat minn kontribut ta’ proġett għal aktar minn stadju wieħed tal-katina tal-valur kif ukoll bil-ħolqien ta’ benefiċċji ekonomiċi u soċjali usa’ permezz tal-proġett, inkluż il-ħolqien tal-impjiegi f’konformità mal-istandards internazzjonali. Meta l-Kummissjoni tivvaluta li dawk il-kriterji jkunu ġew issodisfati, jenħtieġ li tippubblika r-rikonoxximent bħala Proġett Strateġiku permezz ta’ deċiżjoni.

    (17)

    Sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà taż-żieda fil-produzzjoni tal-materja prima kritika, il-proġetti ġodda tal-materja prima kritika jenħtieġ li jiġu ppjanati u implimentati b’mod sostenibbli filwaqt li jkopru l-aspetti kollha tas-sostenibbiltà enfasizzati fil-pubblikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Settembru 2021, intitolata “Il-prinċipji tal-UE għall-materja prima sostenibbli”, inkluż li jiġi żgurat il-ħarsien ambjentali, il-prevenzjoni u l-minimizzazzjoni ta’ impatti negattivi mil-lat soċjali permezz tal-użu ta’ prattiki soċjalment sostenibbli, inkluż ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem bħad-drittijiet tan-nisa, u prattiki kummerċjali trasparenti. Il-proġetti jenħtieġ li jiżguraw ukoll impenn bona fide kif ukoll konsultazzjonijiet komprensivi u ekwitabbli tal-partijiet ikkonċernati rilevanti bħall-komunitajiet lokali u l-popli indiġeni. Jenħtieġ li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem jingħata attenzjoni speċjali meta proġett ikun jinvolvi risistemazzjoni potenzjali. Biex il-promoturi tal-proġetti jiġu pprovduti b’mod ċar u effiċjenti kif jikkonformaw ma’ dan il-kriterju, il-konformità mal-liġi rilevanti tal-Unjoni jew dik nazzjonali, mal-istandards, il-linji gwida u l-prinċipji internazzjonali, kif rilevanti, jew il-parteċipazzjoni fi skema ta’ ċertifikazzjoni rikonoxxuta skont dan ir-Regolament jenħtieġ li titqies li hija biżżejjed.

    (18)

    F’konformità mal-prinċipju ta’ prekawzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni ma tirrikonoxxix proġetti għall-estrazzjoni minerarja minn fond il-baħar bħala Proġetti Strateġiċi qabel l-effetti tal-estrazzjoni minerarja minn fond il-baħar fuq l-ambjent tal-baħar, il-bijodiversità u l-attivitajiet tal-bniedem ma jkunu ġew rriċerkati biżżejjed, ir-riskji jkunu ġew mifhuma u t-teknoloġiji u l-prattiki operazzjonali jkunu kapaċi li juru li l-ambjent ma ssirlux ħsara serja.

    (19)

    Kwalunkwe promotur tal-proġett tal-materja prima strateġika jenħtieġ li jkun jista’ jitlob lill-Kummissjoni r-rikonoxximent tal-proġett tiegħu bħala Proġett Strateġiku. L-applikazzjoni jenħtieġ li tinkludi dokumenti u evidenza rilevanti relatati mal-kriterji. Biex jiġu vvalutati aħjar il-vijabbiltà soċjali, ambjentali u ekonomika, il-fattibbiltà tal-proġett kif ukoll il-livell ta’ fiduċja fl-estimi, il-promotur tal-proġett jenħtieġ li jipprovdi wkoll klassifikazzjoni tal-proġett skont il-Klassifikazzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Riżorsi. Biex tkun tista’ ssir validazzjoni oġġettiva ta’ dik il-klassifikazzjoni, jenħtieġ li l-promotur tal-proġett jappoġġjaha b’evidenza rilevanti. Ma’ applikazzjoni, jenħtieġ li tinhemeż ukoll skeda taż-żmien għall-proġett, sabiex jiġi stmat meta l-proġett ikun jista’ jikkontribwixxi għall-parametri referenzjarji tal-kapaċità domestika jew għad-diversifikazzjoni. Billi l-aċċettazzjoni pubblika tal-proġetti tal-estrazzjoni minerarja hija kruċjali għall-implimentazzjoni effettiva tagħhom, jenħtieġ li l-promotur tal-proġett jipprovdi wkoll pjan li jkun fih miżuri li jiffaċilitaw l-aċċettazzjoni pubblika. Jenħtieġ li s-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u korpi oħra ta’ sorveljanza jingħataw attenzjoni speċjali. Il-promotur tal-proġett jenħtieġ li jipprovdi wkoll pjan kummerċjali li jipprovdi informazzjoni dwar il-vijabbiltà finanzjarja tal-proġett u li jagħti ħarsa ġenerali lejn il-finanzjament, l-istruttura tas-sjieda u l-ftehimiet off-take diġà ggarantiti kif ukoll estimi għall-ħolqien potenzjali ta’ impjiegi u għall-ħtiġijiet tal-proġett f’termini ta’ forza tax-xogħol bil-ħiliet meħtieġa, inkluż it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid. Sabiex jiġi armonizzat il-proċess tal-applikazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi mudell uniku għall-applikazzjonijiet.

    (20)

    Jenħtieġ li applikazzjonijiet relatati ma proġetti bil-potenzjal li jaffettwaw lill-popli indiġeni jinkludu pjan li jkun fih miżuri ddedikati għal konsultazzjoni sinifikanti tal-popli indiġeni affettwati, il-prevenzjoni u l-minimizzazzjoni tal-impatti negattivi fuq dawk il-popli indiġeni, u, meta xieraq, kumpens ġust. Jekk dawk il-kunċetti jiġu indirizzati mil-liġi nazzjonali applikabbli għall-proġett, il-pjan jista’, minflok, jiddeskrivi dawk il-miżuri. Għal proġetti f’pajjiżi terzi li jinvolvu l-estrazzjoni li mhumiex koperti mid-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), il-promotur tal-proġett jenħtieġ li jipprovdi wkoll pjan biex itejjeb l-istat ambjentali tas-siti affettwati wara tmiem l-estrazzjoni. Jekk il-proġett ikun jinsab f’żona protetta, il-promotur tal-proġett jenħtieġ li jivvaluta postijiet alternattivi teknikament xierqa u jiddeskrivihom fi pjan, fejn jinkludi għaliex ma jitqisux li huma xierqa bħala post għall-proġett.

    (21)

    Biex tistruttura l-proċess, jenħtieġ li l-Kummissjoni torganizza sejħa miftuħa b’dati limitu regolari, li jikkorrispondu għad-dati tal-laqgħat tal-Bord, għall-promoturi tal-proġetti biex japplikaw għar-rikonoxximent tal-proġetti tagħhom bħala Proġetti Strateġiċi. Sabiex tiġi pprovduta ċarezza għall-promoturi tal-proġetti fir-rigward tal-applikazzjonijiet tagħhom għall-Proġetti Strateġiċi, il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkonforma mal-iskadenza meta tiddeċiedi tirrikonoxxix proġett bħala wieħed strateġiku. Sabiex takkomoda każijiet partikolarment kumplessi jew għadd għoli ta’ applikazzjonijiet f’data limitu waħda, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista’ testendi dik l-iskadenza darba. Jenħtieġ li tikkondividi l-valutazzjoni tagħha mal-Bord qabel il-laqgħa tiegħu u jenħtieġ li tqis l-opinjoni tal-Bord meta tiddeċiedi tirrikonoxxix Proġett Strateġiku.

    (22)

    Peress li hemm bżonn il-kooperazzjoni tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun se jiġi implimentat Proġett Strateġiku sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tiegħu, dak l-Istat Membru jenħtieġ li jkollu d-dritt li joġġezzjona għalih u b’hekk jipprevjeni li proġett ikun rikonoxxut bħala Proġett Strateġiku kontra r-rieda ta’ dak l-Istat Membru. Jekk jagħmel hekk, l-Istat Membru rilevanti jenħtieġ li jipprovdi raġuni għar-rifjut tiegħ,u filwaqt li jirreferi għall-kriterji stabbiliti f’dan ir-Regolament. B’mod simili, jenħtieġ li l-Unjoni ma tirrikonoxxix proġett bħala Proġett Strateġiku meta se jiġi implimentat minn pajjiż terz kontra r-rieda tal-gvern tiegħu u għalhekk jenħtieġ li toqgħod lura milli tagħmel dan meta gvern ta’ pajjiż terz joġġezzjona.

    (23)

    Biex jiġi evitat l-użu ħażin tal-istatus tal-Proġett Strateġiku, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun intitolata li tirtira r-rikonoxximent tagħha ta’ Proġett Strateġiku billi tagħti raġunijiet għal dan wara li tikkonsulta l-Bord u l-promotur tal-proġett responsabbli jekk il-Proġett Strateġiku ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet jew jekk ir-rikonoxximent kien ibbażat fuq applikazzjoni li kien fiha informazzjoni żbaljata rilevanti għall-valutazzjoni tal-kriterji tal-għażla. Sabiex jiġu attirati investimenti fit-tul u tiġi żgurata l-prevedibbiltà legali, fil-każ ta’ aġġornamenti tal-lista tal-materja prima strateġika f’anness, Proġett Strateġiku jenħtieġ li jżomm l-istatus tiegħu għal perjodu raġonevoli wara l-irtirar.

    (24)

    Fid-dawl tal-importanza tagħhom biex jiżguraw is-sigurtà tal-provvista tal-materja prima u jissalvagwardjaw il-funzjonament tas-suq intern, il-Proġetti Strateġiċi jenħtieġ li jitqiesu li huma fl-interess pubbliku. L-iżgurar tas-sigurtà tal-provvista tal-materja prima strateġika huwa ta’ importanza kruċjali għas-suċċess tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, u għar-reżiljenza tas-setturi tad-difiża u ajruspazjali. Biex jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-provvista tal-materja prima strateġika fl-Unjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu appoġġ fil-proċessi nazzjonali tal-għoti tal-permessi biex jitħaffef it-twettiq tal-Proġetti Strateġiċi f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.

    (25)

    Il-proċess nazzjonali tal-għoti tal-permessi jiżgura li l-proġetti tal-materja prima kritika jkunu sikuri, siguri u konformi mar-rekwiżiti ambjentali, soċjali u tas-sikurezza. Il-liġi ambjentali tal-Unjoni tistabbilixxi kundizzjonijiet komuni għall-kontenut tal-proċess nazzjonali tal-għoti tal-permessi, u b’hekk tiżgura livell għoli ta’ ħarsien ambjentali u tippermetti l-isfruttament sostenibbli tal-potenzjal tal-Unjoni tul il-katina tal-valur tal-materja prima. Għalhekk, ir-rikonoxximent bħala Proġett Strateġiku, jenħtieġ li dan ikun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe kundizzjoni tal-għoti ta’ permessi applikabbli għall-proġetti rilevanti, inkluż dawk stabbiliti fid-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), fid-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (8), fid-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), fid-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), fid-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), fid-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), u fid-Direttiva 2006/21/KE.

    (26)

    Fl-istess ħin, l-imprevedibbiltà, il-kumplessità u, xi drabi, it-tul eċċessiv tal-proċessi nazzjonali tal-għoti ta’ permessi jikkompromettu s-sigurtà tal-investiment meħtieġa għall-iżvilupp effettiv tal-proġetti tal-materja prima strateġika. L-istruttura u t-tul ta’ proċess tal-għoti ta’ permessi għall-proġetti rilevanti jistgħu jvarjaw ħafna wkoll bejn l-Istati Membri. Għalhekk, sabiex tkun żgurata u mħaffa l-implimentazzjoni effettiva tagħhom, l-Istati Membri jenħtieġ li japplikaw proċessi tal-għoti ta’ permessi simplifikati u prevedibbli għall-Proġetti Strateġiċi. Għal dak il-għan, il-Proġetti Strateġiċi jenħtieġ li, jingħataw status ta’ prijorità fil-livell nazzjonali biex ikun żgurat immaniġġjar amministrattiv rapidu u immaniġġjar urġenti fil-proċeduri ġudizzjarji u ta’ soluzzjoni ta’ tilwim kollha relatati magħhom. Dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jipprevjenix lill-awtoritajiet kompetenti milli jissimplifikaw l-għoti ta’ permessi għal proġetti fuq il-katina tal-valur tal-materja prima kritika li ma jkunux Proġetti Strateġiċi.

    (27)

    Minħabba r-rwol tagħhom li jiżguraw is-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni għall-materja prima strateġika, u l-kontribut tagħhom għall-awtonomija strateġika miftuħa tal-Unjoni u t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, jenħtieġ li l-awtorità għall-għoti tal-permessi responsabbli tqis li l-Proġetti Strateġiċi huma fl-interess pubbliku. Jenħtieġ li jkun possibbli li jawtorizzaw il-Proġetti Strateġiċi li jkollhom impatt negattiv fuq l-ambjent, sa fejn dawn jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 2000/60/KE, 92/43/KEE jew 2009/147/KE jew atti leġiżlattivi tal-Unjoni rigward ir-restawr ta’ ekosistemi terrestri, kostali u tal-ilma ħelu meta l-awtorità għall-għoti tal-permessi responsabbli tikkonkludi, abbażi tal-valutazzjoni każ b’każ tagħha, li l-interess pubbliku moqdi mill-proġett jisboq dawk l-impatti, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet rilevanti kollha stabbiliti f’dawk l-atti legali. Il-valutazzjoni każ b’każ jenħtieġ li tqis b’mod xieraq l-ispeċifiċità ġeoloġika tas-siti tal-estrazzjoni, li tillimita d-deċiżjonijiet dwar il-post minħabba n-nuqqas ta’ postijiet alternattivi għal tali siti.

    (28)

    Biex titnaqqas il-kumplessità u jiżdiedu l-effiċjenza u t-trasparenza fil-proċess tal-għoti ta’ permessi, il-promoturi ta’ proġetti li jkunu proġetti tal-materja prima kritika jenħtieġ li jkunu jistgħu jinteraġixxu ma’ punt ta’ kuntatt uniku, li jkun responsabbli għall-iffaċilitar u l-koordinazzjoni tal-proċess kollu tal-għoti ta’ permessi. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu jew jiddeżinjaw punt ta’ kuntatt wieħed jew aktar, filwaqt li jiżguraw li l-promoturi tal-proġetti jkollhom jinteraġixxu biss ma’ punt ta’ kuntatt uniku. Jenħtieġ li jkunu l-Istati Membri li jiddeċiedu jekk punt ta’ kuntatt uniku jkunx ukoll awtorità li tieħu deċiżjonijiet ta’ għoti ta’ permessi. Biex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tar-responsabbiltajiet tagħhom, l-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu lill-punti ta’ kuntatt uniku tagħhom bil-persunal u bir-riżorsi suffiċjenti. Barra minn hekk, il-promotur ta’ proġett jenħtieġ li jkollu l-possibbiltà li jikkuntattja unità amministrattiva rilevanti fi ħdan il-punt ta’ kuntatt uniku, biex jiġi żgurat li jkollu kuntatt aċċessibbli.

    (29)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu, fid-dawl tal-organizzazzjoni interna tagħhom, jagħżlu jekk jistabbilux jew jiddeżinjawx il-punti ta’ kuntatt uniku tagħhom f’livell lokali, reġjonali jew nazzjonali, jew f’kwalunkwe livell amministrattiv rilevanti ieħor. Barra minn hekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu, fil-livell amministrattiv li jkunu għażlu, li jistabbilixxu jew jiddeżinjaw punti ta’ kuntatt uniku differenti li jiffukaw biss fuq proġetti tal-materja prima kritika relatati ma’ stadju speċifiku tal-katina tal-valur, jiġifieri l-estrazzjoni, l-ipproċessar jew ir-riċiklaġġ. Fl-istess ħin, il-promoturi tal-proġetti jenħtieġ li jkunu jistgħu jidentifikaw faċilment il-punt ta’ kuntatt uniku li jkun responsabbli għall-proġett tagħhom. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li, fiż-żona ġeografika li tikkorrispondi għal-livell amministrattiv li fih ikunu għażlu li jistabbilixxu jew jiddeżinjaw il-punt ta’ kuntatt uniku tagħhom, ma jkunx hemm aktar minn wieħed tali punt ta’ kuntatt uniku responsabbli għal kull stadju rilevanti tal-katina tal-valur. Peress li ħafna proġetti tal-materja prima kritika jkopru aktar minn stadju wieħed tal-katina tal-valur, jenħtieġ li l-Istati Membri, sabiex tiġi evitata l-konfużjoni, jiżguraw li jiġi ddeżinjat punt ta’ kuntatt uniku għal tali proġetti mingħajr dewmien.

    (30)

    Biex tiġi żgurata ċ-ċarezza dwar l-istatus tal-għoti tal-permessi tal-Proġetti Strateġiċi u tiġi limitata l-effettività ta’ litigazzjoni abbużiva potenzjali, filwaqt li ma jiġix kompromess rieżami ġudizzjarju effettiv, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li kwalunkwe tilwima dwar il-proċess tal-għoti tal-permessi għall-Proġetti Strateġiċi tissolva mingħajr dewmien. Għal dak il-għan, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-applikanti u l-promoturi tal-proġetti jkollhom aċċess għal proċeduri sempliċi tas-soluzzjoni ta’ tilwim u li l-Proġetti Strateġiċi huma soġġetti għall-immaniġġjar urġenti fil-proċeduri ġudizzjarji u tas-soluzzjoni ta’ tilwim kollha relatati mal-proġetti, meta l-liġi nazzjonali tkun tipprevedi tali proċeduri ta’ urġenza, u sal-limitu possibbli.

    (31)

    Sabiex iċ-ċittadini u n-negozji jkunu jistgħu jgawdu direttament l-benefiċċji tas-suq intern mingħajr ma jġarrbu piż amministrattiv addizzjonali bla bżonn, ir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), li stabbilixxa l-Gateway Diġitali Unika, jipprevedi regoli ġenerali għall-provvista online ta’ informazzjoni, ta’ proċeduri u ta’ servizzi tal-assistenza rilevanti għall-funzjonament tas-suq intern. Ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni u l-proċeduri koperti minn dan ir-Regolament jenħtieġ li jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2018/1724. B’mod partikolari, jenħtieġ li jiġi żgurat li l-promoturi tal-proġetti li jkunu Proġett Strateġiku jkunu jistgħu jaċċessaw u jlestu kwalunkwe proċedura relatata mal-proċess tal-għoti tal-permessi kompletament online, f’konformità mal-Artikolu 6(1) u l-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1724.

    (32)

    Biex il-promoturi tal-proġetti u investituri oħra jiġu pprovduti bis-sigurtà u ċ-ċarezza meħtieġa biex jiżdied l-iżvilupp ta’ Proġetti Strateġiċi, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-proċess tal-għoti tal-permessi relatat ma’ tali proġetti ma jaqbiżx il-limiti taż-żmien stabbiliti minn qabel. Għall-Proġetti Strateġiċi li jinvolvu biss l-ipproċessar jew ir-riċiklaġġ, it-tul tal-proċess tal-għoti tal-permessi jenħtieġ li ma jaqbiżx 15-il xahar. Madankollu, għall-Proġetti Strateġiċi li jinvolvu l-estrazzjoni, it-tul tal-proċess tal-għoti tal-permessi, meta jitqiesu l-kumplessità u l-firxa tal-impatti potenzjali involuti, jenħtieġ li ma jaqbiżx 27 xahar. Madankollu, it-tħejjija tar-rapport ta’ valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent skont id-Direttiva 2011/92/UE hija responsabbiltà tal-promotur tal-proġett u jenħtieġ li ma tkunx parti minn skedi taż-żmien li l-Istati Membri jkunu marbuta bihom. Għal dak il-għan, il-punt ta’ kuntatt uniku jenħtieġ li jinnotifika d-data sa meta l-promotur tal-proġett jenħtieġ li jissottometti r-rapport ta’ valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent, u kwalunkwe perjodu bejn dik id-data notifikata u s-sottomissjoni proprja tar-rapport jenħtieġ li ma jingħaddx mal-iskeda taż-żmien. Jenħtieġ li japplika l-istess prinċipju meta, wara l-konsultazzjonijiet meħtieġa, il-punt ta’ kuntatt uniku jinnotifika lill-promotur tal-proġett dwar l-opportunità li jissottometti informazzjoni addizzjonali biex jitlesta r-rapport ta’ valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent. Barra minn hekk, f’każijiet eċċezzjonali relatati man-natura, il-kumplessità, il-post jew id-daqs tal-proġett propost, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jestendu l-limiti taż-żmien. Tali każijiet eċċezzjonali jistgħu jinkludu ċirkostanzi mhux previsti li jagħtu lok għall-ħtieġa li jiżdiedu jew jitlestew valutazzjonijiet ambjentali relatati mal-proġett.

    (33)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet responsabbli jkollhom riżorsi u persunal suffiċjenti biex jippermettu lil dawk l-awtoritajiet jiksbu b’mod effettiv il-limiti taż-żmien imposti fuqhom. Permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku, stabbilit fl-ambitu tar-Regolament (UE) 2021/240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), jenħtieġ li l-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri, fuq talba tagħhom, fit-tfassil, fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta’ riformi, inkluż it-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva relatata mal-proċess tal-għoti ta’ permessi nazzjonali, bħall-punt ta’ kuntatt uniku.

    (34)

    Il-valutazzjonijiet u l-awtorizzazzjonijiet ambjentali meħtieġa skont il-liġi tal-Unjoni, inkluż b’rabta mal-ilma, il-ħamrija, il-ħabitats u l-għasafar, huma parti integrali mill-proċess tal-għoti tal-permessi għal proġett tal-materja prima u huma salvagwardja essenzjali biex jiġi żgurat li l-impatti negattivi fuq l-ambjent jiġu evitati jew minimizzati. Madankollu, sabiex ikun żgurat li l-proċess tal-għoti tal-permessi għall-Proġetti Strateġiċi jkun prevedibbli u f’waqtu, jenħtieġ li jitwettaq kwalunkwe potenzjal għas-simplifikazzjoni tal-valutazzjonijiet u tal-awtorizzazzjonijiet meħtieġa mingħajr ma jitbaxxa l-livell tal-ħarsien ambjentali jew il-kwalità tal-valutazzjonijiet. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-valutazzjonijiet meħtieġa jiġu raggruppati permezz ta’ proċedura konġunta jew koordinata biex tiġi evitata kwalunkwe duplikazzjoni bla bżonn. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-promoturi tal-proġetti u l-awtoritajiet responsabbli jaqblu b’mod espliċitu dwar l-ambitu tal-valutazzjoni raggruppata qabel ma tiġi implimentata biex tiġi evitata l-ħtieġa għal azzjoni ta’ segwitu bla bżonn. Fl-aħħar nett, jenħtieġ li l-promoturi tal-proġetti jkunu jistgħu jinteraġixxu ma’ awtorità unika għall-finijiet ta’ dik il-proċedura konġunta jew ikkoordinata.

    (35)

    Il-kunflitti dwar l-użu tal-art jistgħu joħolqu ostakli għall-varar tal-proġetti tal-materja prima kritika. Pjanijiet imfassla tajjeb, inklużi pjanijiet ġeografiċi u t-tqassim f’żoni, li jqisu l-potenzjal għall-implimentazzjoni tal-proġetti tal-materja prima kritika u li jiġu vvalutati l-impatti potenzjali tagħhom fuq l-ambjent, għandhom il-potenzjal li jgħinu fil-bilanċ bejn il-beni pubbliċi u l-interessi pubbliċi, filwaqt li jnaqqsu r-riskju ta’ kunflitt u jaċċelleraw il-varar sostenibbli tal-proġetti tal-materja prima kritika fl-Unjoni. Għalhekk, meta jiżviluppaw il-pjanijiet rilevanti, l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali responsabbli jenħtieġ li jikkunsidraw li jinkludu dispożizzjonijiet għall-proġetti tal-materja prima kritika. Dan huwa mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti eżistenti għall-valutazzjoni tal-impatti potenzjali ta’ tali pjanijiet fuq l-ambjent u għall-kwalità meħtieġa ta’ tali valutazzjonijiet.

    (36)

    Fl-Unjoni, il-proġetti tal-materja prima kritika spiss jiffaċċjaw diffikultajiet bl-aċċess għall-finanzjament. Is-swieq tal-materja prima kritika spiss ikunu karatterizzati minn volatilità kbira tal-prezzijiet, żminijiet twal tat-tħejjija, konċentrazzjoni qawwija u opaċità. Barra minn hekk, il-finanzjament għas-settur jirrikjedi livell għoli ta’ għarfien espert li ħafna drabi jkun nieqes fost l-istituzzjonijiet finanzjarji. Biex jingħelbu dawk il-fatturi u jingħata kontribut li jiżgura provvista stabbli u affidabbli tal-materja prima strateġika, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jenħtieġ li jgħinu bl-aċċess għall-finanzjament u b’appoġġ amministrattiv.

    (37)

    Katina tal-valur Ewropea b’saħħitha hija meħtieġa biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista sabiex jiġi ssalvagwardjat il-funzjonament tas-suq intern, u kapaċitajiet dejjem jiżdiedu jistgħu jinkisbu biss b’mezzi finanzjarji adegwati, li parti minnhom tista’ tiġi minn fondi tal-Unjoni eżistenti. Il-proġetti tal-materja prima kritika, inklużi l-Proġetti Strateġiċi, jistgħu jkunu eliġibbli għall-appoġġ minn tali fondi jekk jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-programmi rilevanti, pereżempju b’rabta mal-post ġeografiku, l-ambjent jew il-kontribut tagħhom għall-innovazzjoni. Il-fondi rilevanti jinkludu programmi tal-politika ta’ koeżjoni, bħall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15), li l-allokazzjoni tiegħu ta’ għotja għall-promozzjoni tal-koeżjoni reġjonali tista’ tippermetti lill-SMEs jiżviluppaw proġetti innovattivi, pereżempju marbuta mat-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija fl-ipproċessar tal-materja prima. Il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) jista’ jintuża wkoll biex jappoġġa tali tip ta’ proġetti sal-punt li dawn jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-kostijiet soċjali u ekonomiċi li ġġib magħha t-tranżizzjoni ekoloġika.Barra minn hekk, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza stabbilita fir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17), b’mod partikolari l-Kapitolu RePowerEU tagħha li jiffoka fuq is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija, tista’ tiġi mobilizzata biex tappoġġa proġetti involuti, pereżempju, fir-riċiklaġġ jew fl-irkupru tal-materja prima. Il-Fond għall-Innovazzjoni stabbilit fid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18), li l-objettiv tiegħu huwa, b’mod partikolari, li jixpruna teknoloġiji nodfa u innovattivi lejn is-suq, jista’ jipprovdi għotjiet, fost l-oħrajn, biex jippermettu l-iżvilupp tal-kapaċità tar-riċiklaġġ tal-materja prima relatata ma’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Barra minn hekk, InvestEU stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19) huwa l-programm ewlieni tal-Unjoni biex tingħata spinta lill-investiment, speċjalment fit-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, billi jipprovdi finanzjament u assistenza teknika. Permezz tal-użu ta’ mekkaniżmi ta’ taħlit, InvestEU jikkontribwixxi għall-inklużjoni ta’ kapital pubbliku u privat addizzjonali. Il-Kummissjoni se taħdem mas-sħab tal-implimentazzjoni ta’ InvestEU biex iżżid l-appoġġ għall-proġetti rilevanti u l-investiment fihom, f’konformità mal-objettivi komuni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/523 u f’dan ir-Regolament. Fl-aħħar nett, il-proġetti f’pajjiżi terzi li jikkontribwixxu għad-diversifikazzjoni tal-provvista tal-Unjoni jistgħu jiġu appoġġati permezz ta’ fondi rilevanti, bħall-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali, u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli Plus stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20).

    (38)

    Biex jingħelbu l-limitazzjonijiet tal-isforzi tal-investimenti pubbliċi u privati li attwalment spiss ikunu frammentati, u jiġu ffaċilitati l-integrazzjoni u r-redditu fuq l-investiment, jenħtieġ li l-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-banek promozzjonali jikkoordinaw aħjar u joħolqu sinerġiji bejn il-programmi eżistenti tal-finanzjament fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali, kif ukoll jiżguraw koordinazzjoni u kollaborazzjoni aħjar mal-industrija u mal-partijiet ikkonċernati ewlenin tas-settur privat. Għal dak il-għan, jenħtieġ li jiġi stabbilit sottogrupp tal-Bord apposta biex ilaqqa’ flimkien lill-esperti mill-Istati Membri u l-Kummissjoni kif ukoll istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi rilevanti. Dan is-sottogrupp jenħtieġ li jiddiskuti l-ħtiġijiet ta’ finanzjament individwali tal-Proġetti Strateġiċi u l-possibbiltajiet ta’ finanzjament eżistenti tagħhom biex il-promoturi tal-proġetti jiġu pprovduti b’suġġeriment dwar kif l-aħjar li jaċċessaw il-possibbiltajiet ta’ finanzjament eżistenti. Meta jiddiskuti u jagħmel rakkomandazzjonijiet għall-finanzjament ta’ Proġetti Strateġiċi f’pajjiżi terzi, il-Bord jenħtieġ li jqis b’mod partikolari l-istrateġija dwar il-Gateway Globali, stabbilita fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tal-1 ta’ Diċembru 2021, imsemmija “Il-Gateway Globali”.

    (39)

    L-investiment privat minn kumpaniji, investituri finanzjarji u off-takers huwa essenzjali. Meta l-investiment privat waħdu ma jkunx suffiċjenti, l-implimentazzjoni effettiva tal-proġetti tul il-katina tal-valur tal-materja prima kritika jaf tkun teħtieġ l-appoġġ pubbliku, pereżempju fil-forma ta’ garanziji, self jew investimenti tal-ekwità u tal-kważi ekwità. Dak l-appoġġ pubbliku jista’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Tali għajnuna mill-Istat jenħtieġ li jkollha effett ta’ inċentiv u tkun neċessarja, xierqa u proporzjonata. Il-linji gwida eżistenti dwar l-għajnuna mill-Istat, li dan l-aħħar saritilhom reviżjoni dettaljata skont l-objettivi tat-tranżizzjoni doppja, jipprovdu biżżejjed possibbiltajiet biex jiġu appoġġati l-investimenti tul il-katina tal-valur tal-materja prima kritika soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet.

    (40)

    L-appoġġ pubbliku jintuża biex ċerti fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet ta’ investimenti subottimali speċifiċi identifikati jiġu indirizzati b’mod proporzjonat, u l-azzjonijiet jenħtieġ li la jidduplikaw jew jeskludu l-finanzjament privat u lanqas ma jgħawġu l-kompetizzjoni fis-suq intern. L-azzjonijiet jenħtieġ ukoll li jkollhom valur miżjud ċar għall-Unjoni.

    (41)

    Il-prezzijiet volatili ta’ diversi tipi ta’ materja prima strateġika, aggravati b’mezzi limitati biex jiġu ħħeġġjati fi swieq forward, joħolqu ostaklu kemm għall-promoturi tal-proġetti biex jiżguraw il-finanzjament għall-proġetti tal-materja prima strateġika, kif ukoll għall-konsumaturi downstream li jkunu qed jippruvaw jiżguraw prezzijiet stabbli u prevedibbli għal inputs ewlenin. Bi sforz biex tonqos l-inċertezza dwar il-prezzijiet futuri tal-materja prima strateġika u b’hekk jiġi limitat ir-riskju tal-provvista biex jiġi ssalvagwardjat il-funzjonament tas-suq intern, jeħtieġ li jiġi previst l-istabbiliment ta’ sistema li tippermetti kemm lill-off-takers interessati kif ukoll lill-promoturi ta’ Proġetti Strateġiċi jindikaw l-offerti tagħhom tax-xiri jew tal-bejgħ u li dawn jitlaqqgħu jekk l-offerti rispettivi tagħhom jkunu potenzjalment kompatibbli.

    (42)

    L-għarfien eżistenti u l-immappjar tal-okkorrenzi tal-materja prima tal-Unjoni kienu ġew żviluppati fi żmien meta l-iżgurar tal-provvista tal-materja prima kritika għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji strateġiċi ma kienx prijorità. Nuqqas ta’ informazzjoni ġeoloġika aġġornata dwar il-materja prima kritika fl-Unjoni jista’ jikkomprometti l-iżvilupp ta’ proġetti tal-estrazzjoni, u b’hekk idgħajjef l-isforzi biex jitnaqqas ir-riskju tal-provvista u jiġi ssalvagwardjat il-funzjonament tas-suq intern. Biex tinkiseb u tiġi aġġornata l-informazzjoni dwar l-okkorrenzi tal-materja prima kritika, l-Istati Membri jenħtieġ li, meta rilevanti abbażi tal-kundizzjonijiet ġeoloġiċi, ifasslu programmi nazzjonali ta’ mmappjar għall-esplorazzjoni ġenerali tal-materja prima kritika u l-minerali ewlenin li flimkien magħhom tiġi estratta. Dan jenħtieġ li jinkludi miżuri bħall-immappjar ġeoloġiku, kampanji ġeokimiċi, stħarriġ ġeoxjentifiku kif ukoll l-ipproċessar mill-ġdid tas-settijiet tad-data ġeoxjentifiċi eżistenti. Dan iżid il-probabbiltà li jiġu lokalizzati depożiti ġodda, u konsegwentement dan suppost li jistimula l-investimenti fl-esplorazzjoni. Il-programmi ta’ esplorazzjoni jenħtieġ li jikkunsidraw ukoll li jużaw tekniki ġodda ta’ esplorazzjoni li jippermettu l-identifikazzjoni ta’ okkorrenzi aktar fil-fond mit-tekniki konvenzjonali. Biex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp tal-proġetti tal-estrazzjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu ċertu informazzjoni bażika miksuba matul il-programm nazzjonali tal-esplorazzjoni rispettiv tagħhom disponibbli għall-pubbliku, meta xieraq bl-użu tal-qafas tal-Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika stabbilita bid-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21), filwaqt li jipprovdu informazzjoni aktar dettaljata meta jintalbu jagħmlu dan. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ toħroġ linji gwida biex tippromwovi format armonizzat tal-programmi tal-esplorazzjoni.

    (43)

    Id-data u s-servizzi spazjali derivati mill-osservazzjoni tad-dinja jistgħu jappoġġaw l-isforzi favur ktajjen tal-valur tal-materja prima kritika sostenibbli billi jipprovdu fluss kontinwu ta’ informazzjoni, li jaf tkun utli għal attivitajiet bħall-monitoraġġ u l-immaniġġjar taż-żoni tal-estrazzjoni minerarja, il-valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent u dak soċjoekonomiku, jew l-esplorazzjoni tar-riżorsi minerali. Peress li l-osservazzjoni tad-dinja tista’ tipprovdi wkoll data dwar żoni remoti u inaċċessibbli, din jenħtieġ li titqies, sal-limitu possibbli, mill-Istati Membri meta jfasslu u jimplimentaw il-programmi nazzjonali tal-esplorazzjoni tagħhom.

    (44)

    Għalkemm ir-rinforzar tal-katina tal-valur tal-materja prima kritika tal-Unjoni huwa meħtieġ biex tiġi żgurata żieda fis-sigurtà tal-provvista, il-ktajjen tal-provvista tal-materja prima kritika se jibqgħu globali u esposti għal fatturi esterni. Eventi reċenti jew li għadhom għaddejjin bħalissa, fosthom il-kriżi tal-COVID-19 u l-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata kontra l-Ukrajna ħarġu fid-dieher il-vulnerabbiltà għat-tfixkil ta’ wħud mill-ktajjen tal-provvista tal-Unjoni. Sabiex jiġi żgurat li l-industriji Ewropej u tal-Istati Membri jkunu jistgħu jantiċipaw it-tfixkil fil-provvista u jkunu ppreparati jifilħu għall-konsegwenzi tagħhom, jenħtieġ li jiġu żviluppati miżuri li jsaħħu l-kapaċità tal-monitoraġġ, jikkoordinaw l-istokkijiet strateġiċi u jirrinforzaw it-tħejjija tal-kumpaniji.

    (45)

    L-Istati Membri ma għandhomx l-istess kapaċità għal dak li għandu x’jaqsam ma’ għarfien u antiċipazzjoni tar-riskji, u mhux l-Istati Membri kollha żviluppaw strutturi apposta li jimmonitorjaw il-ktajjen tal-provvista tal-materja prima kritika u jistgħu jinfurmaw lill-kumpaniji dwar ir-riskji potenzjali ta’ tfixkil fil-provvista. Bl-istess mod, għalkemm xi kumpaniji investew fil-monitoraġġ tal-ktajjen tal-provvista tagħhom, oħrajn huma neqsin mill-kapaċità biex jagħmlu dan. Għalhekk, fid-dawl tad-dimensjoni globali tal-ktajjen tal-provvista tal-materja prima kritika kif ukoll minħabba l-kumplessità tagħhom, il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżviluppa dashboard apposta għall-monitoraġġ li tivvaluta r-riskji tal-provvista tal-materja prima kritika u tiżgura d-disponibbiltà tal-informazzjoni miġbura għall-awtoritajiet pubbliċi u għall-atturi privati, u b’hekk iżżid is-sinerġiji fost l-Istati Membri. Biex ikun żgurat li l-ktajjen tal-valur tal-Unjoni jkunu ppreparati biżżejjed kontra t-tfixkil potenzjali fil-provvista li x’aktarx jgħawweġ il-kompetizzjoni u jifframmenta s-suq intern, bħat-tfixkil ikkawżat mill-kunflitti ġeopolitiċi, il-Kummissjoni jenħtieġ li twettaq testijiet tal-istress li jivvalutaw il-vulnerabbiltà tal-ktajjen tal-provvista tal-materja prima strateġika u l-esponiment tagħhom għar-riskji tal-provvista. L-Istati Membri jenħtieġ li jikkontribwixxu għal dan l-eżerċizzju billi, meta possibbli, iwettqu tali testijiet tal-istress permezz tal-korpi nazzjonali tal-provvista u tal-informazzjoni tagħhom li jkopru l-materja prima kritika. Il-Bord jenħtieġ li jiżgura l-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tat-testijiet tal-istress mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri. Meta l-ebda Stat Membru ma jkollu l-kapaċità biex iwettaq test tal-istress meħtieġ fuq materja prima strateġika partikolari, il-Kummissjoni jenħtieġ li twettqu hija stess. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tissuġġerixxi wkoll strateġiji potenzjali li l-awtoritajiet pubbliċi u l-atturi privati jkunu jistgħu jadottaw biex jimmitigaw ir-riskji tal-provvista, bħat-tisħiħ ta’ stokkijiet strateġiċi jew aktar diversifikazzjoni tal-provvista tagħhom. Għall-fini tal-ġbir tal-informazzjoni meħtieġa biex jitwettqu l-miżuri tal-monitoraġġ u tat-testijiet tal-istress, il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkoordina mas-sottogrupp permanenti rilevanti tal-Bord u l-Istati Membri jenħtieġ li jidentifikaw u jimmonitorjaw l-operaturi tas-suq ewlenin.

    (46)

    L-istokkijiet strateġiċi huma għodda importanti biex jiġi mmitigat it-tfixkil fil-provvista, b’mod partikolari għall-materja prima kritika. Għalkemm l-istrument għall-emerġenzi fis-suq uniku kif propost mill-Kummissjoni jkun jippermetti l-iżvilupp possibbli ta’ tali stokkijiet strateġiċi fil-każ tal-attivazzjoni tal-modalità ta’ viġilanza tas-suq uniku, l-Istati Membri u l-kumpaniji ma għandhomx obbligi li jsaħħu l-istokkijiet strateġiċi tagħhom qabel tfixkil fil-provvista. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni madwar l-Unjoni li jippermetti l-iżvilupp ta’ valutazzjoni komuni u ta’ analiżi ta’ duplikazzjonijiet u sinerġiji potenzjali. Għalhekk, bħala l-ewwel pass, u filwaqt li jitqies in-nuqqas attwali ta’ informazzjoni rilevanti, l-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar stokkijiet strateġiċi potenzjali, u jekk ikun hemm minnhom, jekk humiex operati minn awtoritajiet pubbliċi jew minn operaturi ekonomiċi f’isem l-Istati Membri. Tali informazzjoni jenħtieġ li tkun tinkludi l-livelli ta’ stokk strateġiku disponibbli għal kull materja prima strateġika fuq livell aggregat, il-prospettiva tal-livelli tal-istokk strateġiku, u r-regoli u l-proċeduri applikabbli għal dak l-istokk strateġiku. Kwalunkwe talba jenħtieġ li tkun proporzjonata, tqis il-kost u l-isforz meħtieġ biex id-data ssir disponibbli kif ukoll l-impatt tagħha fuq is-sigurtà nazzjonali, u jenħtieġ li tistabbilixxi skadenzi xierqa għall-għoti tal-informazzjoni mitluba.Jenħtieġ li l-Istat Membri jkunu jistgħu jżidu l-informazzjoni dwar l-istokkijiet strateġiċi tal-operaturi ekonomiċi mal-analiżi, għalkemm mhux soġġett għal talba għall-informazzjoni. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tittratta d-data b’mod sigur, u tippubblika biss informazzjoni fuq livell aggregat. Bħala t-tieni pass, abbażi tal-informazzjoni miksuba, il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżviluppa abbozz ta’ parametru referenzjarju għal dak li suppost jitqies bħala livell sikur ta’ stokkijiet strateġiċi tal-Unjoni, filwaqt li tqis il-konsum annwali totali tal-Unjoni tal-materja prima strateġika kkonċernata. Abbażi ta’ paragun bejn l-istokkijiet strateġiċi eżistenti u l-livelli ġenerali tal-istokkijiet strateġiċi ta’ materja prima strateġika madwar l-Unjoni, il-Bord, li jaġixxi bi qbil mal-Kummissjoni, imbagħad jenħtieġ li jkun jista’ joħroġ opinjonijiet mhux vinkolanti lill-Istati Membri dwar kif iżidu l-konverġenzi, u biex iħeġġiġhom isaħħu l-istokkijiet strateġiċi tagħhom. Meta jagħmel hekk, il-Bord jenħtieġ li jikkunsidra l-ħtieġa li jinżammu inċentivi għall-iżvilupp ta’ stokkijiet strateġiċi minn operaturi privati jew pubbliċi li jużaw il-materja prima strateġika.

    (47)

    Biex titrawwem aktar koordinazzjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżgura l-konsultazzjoni meħtieġa tal-Istati Membri qabel il-parteċipazzjoni fil-fora internazzjonali fejn jistgħu jiġu diskussi tali stokkijiet strateġiċi, b’mod partikolari permezz tas-sottogrupp permanenti tal-Bord apposta għal hekk. B’mod simili, biex tiżdied il-komplementarjetà bejn dan ir-Regolament u strumenti orizzontali jew speċifiċi għas-suġġett oħra, il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżgura li l-informazzjoni miġbura u aggregata tingħadda lill-mekkaniżmi ta’ viġilanza jew ta’ governanza tal-kriżijiet, bħall-grupp konsultattiv propost tal-istrument għall-emerġenzi fis-suq uniku, il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi stabbilit fir-Regolament (UE) 2023/1781 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22), il-Bord tal-HERA stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2021/C 393 I/02 (23) jew il-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa stabbilit skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2372 (24).

    (48)

    Biex ikun żgurat li jkunu ppreparati biżżejjed biex jiffaċċjaw tfixkil fil-provvista, il-kumpaniji l-kbar li jimmanifatturaw teknoloġiji strateġiċi fl-Unjoni bl-użu ta’ materja prima strateġika jenħtieġ li jwettqu valutazzjoni tar-riskju tal-ktajjen tal-provvista tagħhom. Dan se jiżgura li dawn iqisu r-riskji tal-provvista tal-materja prima strateġika u, fejn meħtieġ, jiżviluppaw strateġiji xierqa ta’ mitigazzjoni biex ikunu ppreparati aħjar f’każ ta’ tfixkil fil-provvista. Tali kumpaniji kbar jenħtieġ li, bħala parti minn dik il-valutazzjoni tar-riskju, jimmappjaw l-oriġini tal-materja prima strateġika tagħhom, janalizzaw il-fatturi li jistgħu jaffettwaw il-provvista tagħhom u jivvalutaw il-vulnerabbiltajiet tagħhom għat-tfixkil fil-provvista. F’każ li jiġu individwati vulnerabbiltajiet, il-kumpaniji l-kbar identifikati jenħtieġ li jagħmlu sforzi biex jimmitigawhom. Dik il-valutazzjoni tar-riskju jenħtieġ li tkun ibbażata fuq data miksuba mill-kumpaniji mingħand il-fornituri tagħhom u, jekk tali data ma tkunx disponibbli, jenħtieġ li tkun ibbażata, sal-limitu possibbli, fuq data li tkun disponibbli għall-pubbliku jew li tiġi ppubblikata mill-Kummissjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrikjedu li dak ir-rapport dwar il-valutazzjoni tar-riskju jiġi trażmess lill-bord tad-diretturi tal-kumpaniji. Sabiex titqies il-ħtieġa li jiġu protetti s-sigrieti kummerċjali u tan-negozju u biex jiġi limitat l-esponiment tal-vulnerabbiltajiet tal-kumpaniji, jenħtieġ li dak ir-rapport ma jsirx pubbliku. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jwasslu biex il-kostijiet ta’ tfixkil fil-provvista potenzjali jingħataw aktar kunsiderazzjoni, mingħajr ma jiġu preskritti strateġiji ta’ mitigazzjoni definiti.

    (49)

    Ħafna swieq għall-materja prima strateġika mhumiex trasparenti għalkollox u huma konċentrati fuq in-naħa tal-provvista, u dan iżid is-saħħa tan-negozjar tal-bejjiegħa u jżid il-prezzijiet għax-xerrejja. Biex tgħin fit-traħħis tal-prezzijiet għall-impriżi stabbiliti fl-Unjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tistabbilixxi sistema li tkun kapaċi twettaq aggregazzjoni tad-domanda tax-xerrejja interessati. Sabiex jiġi evitat impatt sproporzjonat fuq il-kompetizzjoni fis-suq intern, jenħtieġ li l-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mal-Bord, twettaq valutazzjoni dwar l-impatt tas-sistema fuq is-suq għal kull materja prima strateġika miżjuda mas-sistema. Meta tiżviluppa tali sistema, il-Kummissjoni jenħtieġ li tqis l-esperjenza miksuba fi sforzi simili, b’mod partikolari fir-rigward tax-xiri konġunt tal-gass kif stabbilit skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2576 (25). Il-miżuri kollha skont dak il-mekkaniżmu jenħtieġ li jkunu kompatibbli mal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

    (50)

    Id-dispożizzjonijiet dwar il-monitoraġġ u l-istokkijiet strateġiċi inklużi f’dan ir-Regolament ma jinvolvux l-armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali u ma jissostitwux il-mekkaniżmi eżistenti. L-inċentivi tal-monitoraġġ u t-tħejjija għar-riskji jenħtieġ li jkunu konformi mal-liġi tal-Unjoni. Atti leġiżlattivi tal-Unjoni bħall-proposta tal-istrument għall-emerġenzi fis-suq uniku, li hija maħsuba biex tantiċipa, timmitiga u tirrispondi għall-kriżijiet li jaffettwaw il-funzjonament tas-suq intern jew ir-Regolament (UE) 2022/2372 jistgħu japplikaw għall-materja prima strateġika u kritika f’każ ta’ kriżi jew theddida sal-punt li dik il-materja prima tkun fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali atti leġiżlattivi. Il-komplementarjetà u l-koerenza bejn dan ir-Regolament u l-istrumenti ta’ kriżi tal-Unjoni jenħtieġ li jiġu żgurati mill-Kummissjoni permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-korpi konsultattivi u ta’ governanza rilevanti stabbiliti minn dawk l-atti leġiżlattivi.

    (51)

    Il-biċċa l-kbira tal-materja prima kritika hija metalli, li fil-prinċipju jistgħu jiġu riċiklati għal dejjem, għalkemm soġġetti għal kwalità li xi drabi tiddeterjora. Dan joffri l-potenzjal li nersqu lejn ekonomija tassew ċirkolari fil-kuntest tat-tranżizzjoni ekoloġika filwaqt li tiżdied id-disponibbiltà ta’ materja prima kritika li b’hekk tikkontribwixxi biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista. Wara l-fażi inizjali ta’ tkabbir rapidu fid-domanda għall-materja prima kritika għal teknoloġiji ġodda, fejn l-estrazzjoni primarja u l-ipproċessar xorta se jkunu jikkostitwixxu s-sors predominanti, ir-riċiklaġġ jenħtieġ li dejjem aktar inaqqas il-ħtieġa ta’ estrazzjoni primarja u l-impatti assoċjati magħha. Dan jenħtieġ li jsir filwaqt li jinżamm livell għoli ta’ kapaċità ta’ riċiklaġġ tal-Unjoni permezz ta’ suq b’saħħtu għall-materja prima kritika sekondarja. Illum il-ġurnata, madankollu, ir-rati tar-riċiklaġġ tal-biċċa l-kbira tal-materja prima kritika huma baxxi, fejn flussi ta’ skart bħal batteriji, tagħmir elettriku u elettroniku u vetturi jiġu ttrasportati għal pajjiżi terzi għar-riċiklaġġ. Is-sistemi u t-teknoloġiji tar-riċiklaġġ spiss ma jkunux adattati għall-ispeċifiċitajiet ta’ dik il-materja prima. L-innovazzjoni taqdi rwol importanti fit-tnaqqis tal-ħtieġa ta’ materja prima kritika, fit-tnaqqis tar-riskji ta’ nuqqas ta’ provvista u fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji tar-riċiklaġġ biex il-materja prima kritika tiġi estratta b’mod xieraq u sikur mill-iskart. Għalhekk jeħtieġ tittieħed azzjoni fil-pront li tindirizza l-fatturi differenti li jżommu lura l-potenzjal taċ-ċirkolarità.

    (52)

    L-Istati Membri għad għandhom kompetenzi importanti fil-qasam taċ-ċirkolarità, pereżempju fil-qasam tas-sistemi tal-ġbir u tat-trattament tal-iskart. Jenħtieġ li dawk il-kompetenzi jintużaw biex jiżdiedu r-rati tal-ġbir u tar-riċiklaġġ tal-flussi tal-iskart b’potenzjal għoli ta’ rkupru ta’ materja prima kritika, inkluż l-iskart elettroniku, billi jintużaw pereżempju inċentivi finanzjarji bħal skontijiet, għotjiet monetarji jew sistemi ta’ rifużjoni tad-depożitu filwaqt li tiġi ppreservata l-integrità tas-suq intern. Bil-ħsieb li jiżdied l-użu ta’ materja prima kritika sekondarja, dan jista’ jinkludi wkoll tariffi differenzjati tar-responsabbiltà tal-produttur, dment li tali tariffi jeżistu fil-liġi nazzjonali, għall-benefiċċju ta’ prodotti li jkun fihom sehem akbar ta’ materja prima kritika sekondarja rkuprata minn skart riċiklat skont l-istandards ambjentali stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni. Tali materja prima kritika sekondarja rkuprata mill-iskart jenħtieġ li tinkludi l-irkupru mwettaq skont standards ta’ pajjiż terz li joffru protezzjoni ekwivalenti għal dik offruta mill-istandards tal-Unjoni. L-awtoritajiet tal-Istati Membri jenħtieġ ukoll li jagħmlu differenza bħala xerrejja tal-materja prima kritika u tal-prodotti li jkun fihom din il-materja prima kritika, u l-programmi nazzjonali tar-riċerka u tal-innovazzjoni jenħtieġ li jipprovdu riżorsi sinifikanti biex jiżdiedu l-istat tal-għarfien u t-teknoloġija għaċ-ċirkolarità tal-materja prima kritika kif ukoll l-effiċjenza tal-materjali. Fl-aħħar nett, l-Istati Membri jenħtieġ li jippromwovu l-irkupru tal-materja prima kritika mill-iskart tal-estrazzjoni billi jtejbu d-disponibbiltà tal-informazzjoni u jindirizzaw l-ostakli legali, ekonomiċi u tekniċi. Soluzzjoni possibbli li l-Istati Membri jenħtieġ li jeżaminaw hija mekkaniżmi tal-kondiviżjoni tar-riskju bejn l-operaturi u l-Istat Membru biex jiġi promoss l-irkupru minn faċilitajiet tal-iskart magħluqa. Il-Bord jenħtieġ li jiffaċilita wkoll l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri, dwar it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali tagħhom.

    (53)

    L-Unjoni għandha legat ta’ estrazzjoni tal-materja prima f’ħafna mir-reġjuni tagħha, u għalhekk għandha ammonti sostanzjali ta’ skart tal-estrazzjoni f’faċilitajiet magħluqa li, peress li l-importanza ekonomika tagħhom żdiedet biss dan l-aħħar, b’mod ġenerali qatt ma ġew analizzati għall-potenzjal tagħhom fir-rigward tal-materja prima kritika. L-irkupru tal-materja prima kritika mill-faċilitajiet tal-iskart tal-estrazzjoni għandu l-potenzjal li jżid l-kapaċità tal-Unjoni filwaqt li joħloq valur ekonomiku u impjiegi fir-reġjuni storiċi tal-estrazzjoni minerarja, li spiss huma affettwati mid-deindustrijalizzazzjoni u minn tnaqqis fl-utilità tagħhom. In-nuqqas ta’ attenzjoni għall-kontenut tal-materja prima kritika, u l-informazzjoni dwar dan il-kontenut, speċjalment fil-faċilitajiet tal-iskart magħluqa, huwa ostaklu ewlieni għal użu akbar tal-potenzjal b’rabta mal-materja prima kritika fl-iskart tal-estrazzjoni.

    (54)

    L-irkupru tal-materja prima kritika mill-faċilitajiet tal-iskart tal-estrazzjoni jenħtieġ li jkun parti mill-valorizzazzjoni tal-faċilitajiet tal-iskart rilevanti. Id-Direttiva 2006/21/KE tistabbilixxi rekwiżiti għoljin b’rabta mal-ħarsien ambjentali u tas-saħħa tal-bniedem għall-immaniġġjar tal-iskart tal-industrija tal-estrazzjoni. Filwaqt li dawk ir-rekwiżiti għoljin jenħtieġ li jinżammu, huwa xieraq li jiġu stabbiliti miżuri addizzjonali biex jiġi massimizzat l-irkupru tal-materja prima kritika mill-iskart tal-estrazzjoni.

    (55)

    L-operaturi eżistenti kif ukoll dawk ġodda tal-faċilitajiet tal-iskart tal-estrazzjoni jenħtieġ li jwettqu studju preliminari ta’ valutazzjoni ekonomika rigward l-irkupru tal-materja prima kritika mill-iskart tal-estrazzjoni preżenti fis-sit u minn tali skart li jkun qed jiġi ġġenerat. Skont il-ġerarkija tal-iskart stabbilita fid-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26), jenħtieġ li tingħata prijorità lill-prevenzjoni tal-ġenerazzjoni tal-iskart li jkun fih materja prima kritika, billi tiġi estratta l-materja prima kritika mill-volum estratt qabel ma dan isir skart. Fl-elaborazzjoni ta’ dan l-istudju, l-operaturi jenħtieġ li jiġbru l-informazzjoni meħtieġa, inkluż il-konċentrazzjonijiet u l-kwantitajiet tal-materja prima kritika fl-iskart tal-estrazzjoni, u jwettqu valutazzjoni ta’ diversi alternattivi fir-rigward tal-proċessi, l-operazzjonijiet jew l-arranġamenti kummerċjali li jistgħu jippermettu rkupru ekonomikament vijabbli tal-materja prima kritika. Dan l-obbligu jiżdied mal-obbligi stipulati fid-Direttiva 2006/21/KE u l-miżuri nazzjonali li jittrasponu dik id-Direttiva u huwa applikabbli direttament. Waqt l-implimentazzjoni tiegħu, l-operaturi u l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jippruvaw jimminimizzaw il-piż amministrattiv u jintegraw il-proċeduri sal-limitu possibbli.

    (56)

    Biex jiġi indirizzat in-nuqqas attwali ta’ informazzjoni dwar il-potenzjal b’rabta mal-materja prima kritika tal-faċilitajiet magħluqa tal-iskart tal-estrazzjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li jfasslu bażi tad-data li jkun fiha l-informazzjoni kollha rilevanti għall-promozzjoni tal-irkupru, b’mod partikolari l-kwantitajiet u l-konċentrazzjonijiet tal-materja prima kritika fil-faċilità tal-iskart tal-estrazzjoni, skont ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. L-informazzjoni jenħtieġ li ssir disponibbli għall-pubbliku u f’format diġitali u faċli għall-utent, biex ikun hemm aċċess għal informazzjoni teknika u aktar dettaljata. Biex jiżdied l-aċċess għall-informazzjoni f’format faċli għall-utent, l-Istati Membri jenħtieġ li, pereżempju, jipprovdu punt ta’ kuntatt biex ikunu jistgħu jsiru skambji aktar profondi mal-iżviluppaturi potenzjali ta’ proġetti tal-irkupru tal-materja prima kritika. Il-bażi tad-data jenħtieġ li tkun imfassla b’tali mod li tippermetti lill-promoturi potenzjali tal-proġetti jidentifikaw faċilment il-faċilitajiet b’potenzjal għoli ta’ rkupru ekonomikament vijabbli. Biex jiffukaw ir-riżorsi limitati, l-Istati Membri jenħtieġ li jsegwu approċċ fi stadji fil-ġbir tal-informazzjoni, u l-passi tal-ġbir tal-informazzjoni li huma aktar impenjattivi jwettquhom biss għall-aktar faċilitajiet promettenti. L-attivitajiet tal-ġbir tal-informazzjoni jenħtieġ li jkollhom l-għan li jipprovdu informazzjoni eżatta u rappreżentattiva dwar il-faċilitajiet tal-iskart tal-estrazzjoni u jiksbu l-aħjar indikazzjoni possibbli tal-potenzjal tal-irkupru tal-materja prima kritika.

    (57)

    Il-kalamiti permanenti huma inkorporati f’varjetà wiesgħa ta’ prodotti, fosthom it-turbini eoliċi u l-vetturi elettriċi li huma l-aktar applikazzjonijiet importanti u li qed jikbru malajr iżda wkoll prodotti oħra, inklużi apparati tal-immaġnijiet bir-reżonanza manjetika, robots industrijali, mezzi tat-trasport ħfief, ġeneraturi tat-tkessiħ, pompi tas-sħana, muturi elettriċi, pompi elettriċi industrijali, magni tal-ħasil awtomatiċi, magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ, microwaves, vacuum cleaners u magni tal-ħasil tal-platti li jkun fihom ammonti sinifikanti li jaqbel li jiġu rkuprati. Jenħtieġ li muturi elettriċi jkunu koperti wkoll meta jkunu inklużi fi prodotti oħra. Il-biċċa l-kbira tal-kalamiti permanenti, b’mod partikolari t-tipi l-aktar performanti, fihom materja prima kritika, bħan-neodimju, il-praseodimju, id-disprożju u t-terbju, il-boron, is-samarju, in-nikil jew il-kobalt. Ir-riċiklaġġ tagħhom huwa possibbli iżda llum il-ġurnata dan qed isir fl-Unjoni fuq skala żgħira biss jew fil-kuntest ta’ proġetti tar-riċerka. Għalhekk jenħtieġ li l-kalamiti permanenti jkunu prodott ta’ prijorità biex tiżdied iċ-ċirkolarità, u b’hekk jitrawwem suq sekondarju għall-kalamiti permanenti u tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-materja prima kritika.

    (58)

    Prekundizzjoni għar-riċiklaġġ effettiv ta’ kalamiti permanenti hija li r-riċiklaturi jkollhom aċċess għall-informazzjoni meħtieġa dwar l-ammont, it-tip u l-kompożizzjoni kimika tal-kalamiti permanenti fi prodott, il-post fejn ikunu jinsabu u l-kisja, il-kolol u l-addittivi użati, kif ukoll informazzjoni dwar kif il-kalamiti permanenti jistgħu jitneħħew mill-prodott b’mod sikur. Barra minn hekk, biex jiġi żgurat argument ekonomiku favur ir-riċiklaġġ tal-kalamiti permanenti, il-kalamiti permanenti inkorporati fi prodotti mqiegħda fis-suq tal-Unjoni jenħtieġ li, maż-żmien, ikun fihom ammont dejjem akbar ta’ materja prima riċiklata. Filwaqt li tiġi pprovduta trasparenza dwar il-kontenut riċiklat fl-ewwel stadju, jenħtieġ li jiġi stabbilit kontenut minimu riċiklat wara valutazzjoni apposta fil-livell xieraq u l-impatti probabbli.

    (59)

    Il-materja prima kritika mibjugħa fis-suq tal-Unjoni spiss tiġi ċċertifikata fir-rigward tas-sostenibbiltà tal-produzzjoni u tal-katina tal-provvista tagħha. Iċ-ċertifikazzjoni tista’ tinkiseb fil-kuntest ta’ firxa wiesgħa ta’ skemi taċ-ċertifikazzjoni pubbliċi u privati disponibbli b’ambiti u strettezzi varji, u dan joħloq il-potenzjal għal konfużjoni rigward in-natura u l-veraċità tal-asserzjonijiet magħmula dwar is-sostenibbiltà relattiva tal-materja prima kritika mqiegħda fis-suq tal-Unjoni abbażi ta’ tali ċertifikazzjoni. Il-Kummissjoni jenħtieġ li jkollha s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jirrikonoxxu l-iskemi taċ-ċertifikazzjoni li jenħtieġ li jitqiesu li huma affidabbli, filwaqt li tiġi pprovduta bażi komuni għall-awtoritajiet rilevanti u għall-parteċipanti fis-suq biex jivvalutaw is-sostenibbiltà tal-materja prima kritika. Ir-rikonoxximent jenħtieġ li jingħata biss lill-iskemi taċ-ċertifikazzjoni li jkun fihom dispożizzjonijiet għal verifika indipendenti minn parti terza u monitoraġġ tal-konformità. Fir-rigward tal-ħarsien ambjentali, l-iskemi taċ-ċertifikazzjonijiet jenħtieġ li jkopru r-riskji relatati, pereżempju, mal-arja, mal-ilma, mal-ħamrija, mal-bijodiversità u mal-immaniġġjar tal-iskart. Ir-rekwiżiti dwar id-dimensjonijiet kollha tas-sostenibbiltà jenħtieġ li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali u jenħtieġ li jkunu konsistenti mal-liġi tal-Unjoni jew mal-istrumenti internazzjonali elenkati f’anness. Biex ikunu żgurati proċeduri effiċjenti, jenħtieġ li l-promoturi tal-proġetti ta’ proġetti li japplikaw biex jiġu rikonoxxuti bħala Proġetti Strateġiċi jitħallew jistrieħu fuq il-parteċipazzjoni fi skema ta’ ċertifikazzjoni rikonoxxuta bħala evidenza rilevanti biex juru li l-proġett tagħhom huwa implimentat b’mod sostenibbli, u b’hekk ikunu qed jikkontribwixxu għal provvista sikura u sostenibbli ta’ materja prima kritika. Meta jużaw dik l-alternattiva, jenħtieġ li l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni rikonoxxuti jkopru d-dimensjonijiet kollha tas-sostenibbiltà. Fir-rikonoxximent ta’ tali skemi taċ-ċertifikazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis l-esperjenza miksuba fil-valutazzjoni tal-iskemi taċ-ċertifikazzjoni fil-kuntest ta’ atti leġiżlattivi oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-valutazzjoni ta’ skemi simili fil-kuntest tar-Regolamenti (UE) 2017/821 (27) u (UE) 2023/1542 (28) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

    (60)

    Il-produzzjoni tal-materja prima kritika fi stadji differenti tal-katina tal-valur tikkawża impatti fuq l-ambjent, kemm fuq il-klima, kif ukoll fuq l-ilma, il-ħamrija, il-fawna jew il-flora. Biex tiġi limitata tali ħsara u tiġi inċentivata l-produzzjoni ta’ materja prima kritika aktar sostenibbli, il-Kummissjoni jenħtieġ li jkollha s-setgħa li tiżviluppa sistema għall-kalkolu tal-impronta ambjentali tal-materja prima kritika, inkluż proċess ta’ verifika, biex tiżgura li l-materja prima kritika mqiegħda fis-suq tal-Unjoni turi pubblikament l-informazzjoni dwar tali impronta u tiġi ffaċilitata ċ-ċirkolarità tal-materja prima kritika. Is-sistema jenħtieġ li tkun ibbażata fuq il-kunsiderazzjoni ta’ metodi ta’ valutazzjoni xjentifikament sodi u standards internazzjonali rilevanti fil-qasam tal-valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja. Ir-rekwiżit li tiġi ddikjarata l-impronta ambjentali ta’ materja prima kiritka jenħtieġ li japplika biss meta jkun ġie konkluż, abbażi ta’ valutazzjoni apposta, li dan jikkontribwixxi għall-objettivi klimatiċi u ambjentali tal-Unjoni billi jiffaċilita l-akkwist tal-materja prima kritika b’impronta ambjentali aktar baxxa u ma jaffettwax b’mod sproporzjonat il-flussi kummerċjali u l-kostijiet ekonomiċi. Meta jkunu ġew adottati r-regoli tal-kalkolu rilevanti, il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżviluppa klassijiet tal-prestazzjoni għall-materja prima kritika, u b’hekk tippermetti lix-xerrejja potenzjali jqabblu faċilment l-impronta ambjentali relattiva tal-materja prima kritikadisponibbli u filwaqt li s-suq jitmexxa lejn materja prima aktar sostenibbli. Il-bejjiegħa tal-materja prima kritika jenħtieġ li jiżguraw li d-dikjarazzjoni tal-impronta ambjentali tkun disponibbli għall-klijenti tagħhom. It-trasparenza dwar l-impronta relattiva tal-materja prima kritika mqiegħda fis-suq tal-Unjoni jaf tippermetti wkoll politiki oħra fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali, bħal inċentivi jew kriterji għall-akkwist pubbliku ekoloġiku, li jrawmu l-produzzjoni tal-materja prima kritika b’impatti aktar baxxi fuq l-ambjent.

    (61)

    Il-metodi tal-impronta ambjentali stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2279 (29) jikkostitwixxu bażi rilevanti għall-iżvilupp tar-regoli tal-kalkolu rilevanti. Dawn jiddependu fuq metodi tal-valutazzjoni xjentifikament sodi li jqisu l-iżviluppi fil-livell internazzjonali u jkopru l-impatti fuq l-ambjent, inkluż it-tibdil fil-klima u l-impatti relatati mal-ilma, l-arja, il-ħamrija, ir-riżorsi, l-użu tal-art u t-tossiċità.

    (62)

    Jenħtieġ li l-konformità tal-prodotti jew tal-materja prima kritika mar-rekwiżiti biex itejbu ċ-ċirkolarità tal-kalamiti permanenti u fuq id-dikjarazzjoni tal-impronta ambjentali tal-materja prima kritika tiġi vvalutata mill-manifattur responsabbli qabel ma jitqiegħdu fis-suq u jenħtieġ li dawk ir-rekwiżiti jiġu infurzati b’mod effettiv mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Id-dispożizzjonijiet dwar il-konformità u s-sorveljanza tas-suq stabbiliti skont ir-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (30) u d-Direttiva 2009/125/KE tfasslu biex jindirizzaw dik l-isfida u għalhekk jenħtieġ li japplikaw ukoll għal dawk ir-rekwiżiti. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati biex tissupplimenta dan ir-Regolament biex tiżgura li dawk id-dispożizzjonijiet japplikaw meta rilevanti fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament. Biex jiġi żgurat ukoll li l-oqfsa regolatorji eżistenti jintużaw b’mod ottimali, jenħtieġ li l-konformità tal-prodotti li huma soġġetti għall-approvazzjoni tat-tip skont ir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (31) jew ir-Regolament (UE) Nru 168/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (32), jenħtieġ li tiġi infurzata permezz tas-sistema eżistenti tal-approvazzjoni tat-tip.

    (63)

    Skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (33), il-Kummissjoni jenħtieġ li titlob lil organizzazzjoni Ewropea waħda jew aktar tal-istandardizzazzjoni biex tabbozza standards Ewropej li jappoġġaw l-objettivi ta’ dan ir-Regolament.

    (64)

    L-Unjoni kkonkludiet Sħubijiet Strateġiċi li jkopru l-materja prima ma’ pajjiżi terzi sabiex timplimenta l-Pjan ta’ Azzjoni tal-2020 dwar il-Materja Prima Kritika. Biex tiġi ddiversifikata l-provvista, dawn l-isforzi jenħtieġ li jissoktaw. Biex jiġi żviluppat u żgurat qafas koerenti għall-konklużjoni tas-Sħubijiet Strateġiċi futuri, l-Istati Membri u l-Kummissjoni, bħala parti mill-interazzjoni tagħhom fuq il-Bord, jenħtieġ li jiddiskutu, fost l-oħrajn, dwar jekk is-sħubijiet eżistenti jilħqux l-għanijiet maħsuba, il-prijoritizzazzjoni tal-pajjiżi terzi għal sħubijiet ġodda, il-kontenut ta’ tali sħubijiet, u l-konsistenza u s-sinerġiji potenzjali tagħhom mal-kooperazzjoni bilaterali tal-Istati Membri mal-pajjiżi terzi rilevanti. Dan jenħtieġ li jsir mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-Kunsill f’konformità mat-Trattati. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tfittex sħubijiet ta’ benefiċċju reċiproku ma’ ekonomiji tas-suq u ma’ ekonomiji li qed jiżviluppaw emerġenti, b’koerenza mal-istrateġija tagħha dwar il-Gateway Globali, li jikkontribwixxu għad-diversifikazzjoni tal-katina tal-provvista tal-materja prima tagħha kif ukoll iżidu l-valur tal-produzzjoni f’dawn il-pajjiżi.

    (65)

    Il-Proġetti Strateġiċi f’pajjiżi terzi, b’mod partikolari fejn ma teżisti l-ebda Sħubija Strateġika, jistgħu jkunu partikolarment riskjużi għall-investituri u spiss ikunu jiddependu ħafna fuq l-appoġġ politiku fil-pajjiż terz. Din il-kwistjoni tista’ tittaffa permezz ta’ kondiviżjoni akbar tar-riskji bejn l-impriżi interessati, li jaġixxu fl-interess strateġiku tal-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li jingħata wkoll appoġġ biex in-negozji, inkluż meta jaġixxu bħala konsorzji, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), ikunu jistgħu jaċċessaw swieq f’pajjiżi terzi li mhumiex koperti minn Sħubija Strateġika jew ftehim ta’ kummerċ ħieles. Tali appoġġ jaf jinkludi network ta’ appoġġ ipprovdut biex jgħinhom jistabbilixxu kuntatt fil-pajjiż terz rilevanti u jiġbru informazzjoni dwar iċ-ċirkostanzi lokali u reġjonali.

    (66)

    In-nuqqas ta’ progress lejn l-ilħiq tal-objettivi u l-parametri referenzjarji tal-kapaċità u tad-diversifikazzjoni stabiliti f’dan ir-Regolament, jista’ jindika l-bżonn li jiġu adottati miżuri addizzjonali. Għalhekk, il-Kummissjoni jenħtieġ li timmonitorja l-progress lejn l-ilħiq ta’ dawk l-objettivi u parametri referenzjarji.

    (67)

    Biex il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri jinżamm għal minimu, jenħtieġ li jiġu ssimplifikati l-obbligi differenti tar-rappurtar, u l-Kummissjoni jenħtieġ li tiżviluppa mudell biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi tar-rappurtar tagħhom dwar il-proġetti, l-esplorazzjoni, il-monitoraġġ jew l-istokkijiet strateġiċi f’dokument uniku ppubblikat b’mod regolari, li jista’ jkun kunfidenzjali jew ristrett.

    (68)

    Sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni ta’ fiduċja u kostruttiva tal-awtoritajiet kompetenti fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali, il-partijiet kollha involuti fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jirrispettaw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni u tad-data li jiksbu waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, l-uffiċjali tagħhom, l-impjegati u persuni oħra li jaħdmu taħt is-superviżjoni ta’ dawk l-awtoritajiet kif ukoll l-uffiċjali u l-impjegati taċ-ċivil ta’ awtoritajiet oħra tal-Istati Membri jenħtieġ li ma jiddivulgaw l-ebda informazzjoni miksuba jew skambjata minnhom skont dan ir-Regolament meta tali informazzjoni hija koperta mill-obbligu tas-segretezza professjonali. Dan jenħtieġ li japplika wkoll għall-Bord. Id-data miġbura skont dan ir-Regolament jenħtieġ li tiġi ttrattata u maħżuna f’ambjent sigur.

    (69)

    Jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE sabiex taġġorna l-listi ta’ materja prima strateġika u kritika, tipprovdi għal punti referenzjarji tal-kapaċità ta’ riċiklaġġ tal-Unjoni abbażi ta’ materja prima strateġika disponibbli fl-iskart, tadatta l-elementi u l-evidenza li għandhom jitqiesu meta jiġi vvalutat it-twettiq tal-kriterji ta’ rikonoxximent għal Proġetti Strateġiċi, tistabbilixxi ishma minimi għan-neodimju, disprożju, praseodimju, terbju, boron, samarju, nikil u kobalt irkuprati mill-iskart ta’ wara l-konsum li jenħtieġ li jkun preżenti fil-kalamita permanenti inkorporata f’ċerti prodotti, tistabbilixxi regoli għall-kalkolu u l-verifika tal-impronta ambjentali ta’ materja prima kritika differenti u tistabbilixxi klassijiet ta’ prestazzjoni tal-impronta ambjentali għal materja prima kritika differenti. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (34). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

    (70)

    Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni rigward: (a) l-ispeċifikazzjoni tal-mudelli li jridu jintużaw għall-applikazzjonijiet għar-rikonoxximent tal-Proġetti Strateġiċi, ir-rapporti tal-progress relatati mal-Proġetti Strateġiċi, il-programmi nazzjonali tal-esplorazzjoni, u r-rappurtar tal-Istati Membri relatat mal-esplorazzjoni, il-monitoraġġ, l-istokkijiet strateġiċi u ċ-ċirkolarità; (b) l-ispeċifikazzjoni ta’ liema prodotti, komponenti u flussi tal-iskart għandhom jitqiesu li għandhom potenzjal rilevanti ta’ rkupru ta’ materja prima kritika; u (c) id-determinazzjoni tal-kriterji u l-applikazzjoni tagħhom għar-rikonoxximent ta’ skemi relatati mas-sostenibbiltà tal-materja prima kritika. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (35).

    (71)

    Biex jiġi żgurat li l-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament jiġu rrispettati, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu għal penali li jiġu imposti fuq impriżi li ma jikkonformawx mal-obbligi tagħhom, inklużi dawk dwar it-tħejjija għar-riskju, ir-rappurtar dwar il-proġetti u l-informazzjoni dwar ir-riċiklabbiltà. Għalhekk, fil-liġi nazzjonali, l-Istati Membri jeħtieġ jistipulaw penali effettivi, proporzjonati u dissważivi għan-nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament. Jeħtieġ ukoll li l-Istati Membri jiżguraw li l-promoturi tal-proġetti jkollhom aċċess, fejn rilevanti, għal rieżami amministrattiv jew ġudizzjarju f’konformità mal-liġi nazzjonali.

    (72)

    Il-Kummissjoni jenħtieġ li twettaq evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Skont il-paragrafu 22 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, dik l-evalwazzjoni jenħtieġ li tkun ibbażata fuq il-ħames kriterji tal-effiċjenza, tal-effettività, tar-rilevanza, tal-koerenza u tal-valur miżjud tal-Unjoni u jenħtieġ li tipprovdi l-bażi għal valutazzjonijiet tal-impatt ta’ miżuri oħra possibbli. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u l-progress lejn il-kisba tal-objettivi tiegħu, inklużi l-parametri referenzjarji tal-kapaċità u tad-diversifikazzjoni. Ir-rapport, abbażi tal-implimentazzjoni tal-miżuri relatati mat-trasparenza tal-impronta ambjentali tal-materja prima kritika, jenħtieġ li jivvaluta wkoll l-adegwatezza tal-istabbiliment ta’ limiti massimi relatati mal-impronta ambjentali. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa wkoll il-ħtieġa għal parametri referenzjarji mmirati lejn l-2040 u l-2050 u għal materja prima strateġika individwali, il-konsistenza bejn dan ir-Regolament u l-liġi ambjentali tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-istatus ta’ prijorità tal-proġetti strateġiċi, l-impatt tas-sistema ta’ xiri konġunt stabbilita skont dan ir-Regolament dwar il-kompetizzjoni fis-suq intern u l-adegwatezza li jiġu stabbiliti aktar miżuri biex jiżdiedu l-ġbir, is-separazzjoni u l-ipproċessar tal-iskart, b’mod partikolari għal dak li għandu x’jaqsam ma’ ruttam tal-metall.

    (73)

    Sal-punt li kwalunkwe miżura minn dawk previsti minn dan ir-Regolament tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw tali miżuri huma mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 TFUE.

    (74)

    Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jitjieb il-funzjonament tas-suq intern billi jiġi stabbilit qafas li jiżgura l-aċċess tal-Unjoni għal provvista sigura, reżiljenti u sostenibbli tal-materja prima kritika, inkluż bit-trawwim tal-effiċjenza u ċ-ċirkolarità tul il-katina tal-valur, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU 1

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 1

    Suġġett u objettivi

    1.   Dan ir-Regolament għandu l-objettiv ġenerali li jtejjeb il-funzjonament tas-suq intern billi jistabbilixxi qafas li jiżgura l-aċċess tal-Unjoni għal provvista sigura, reżiljenti u sostenibbli ta’ materja prima kritika, inkluż billi jrawwem l-effiċjenza u ċ-ċirkolarità tul il-katina tal-valur kollha.

    2.   Biex jikseb l-objettiv ġenerali msemmi fil-paragrafu 1, dan ir-Regolament jistipula miżuri li għandhom l-għan li:

    (a)

    ibaxxu r-riskju ta’ tfixkil tal-provvista tal-materja prima kritika li x’aktarx ifixkel l-kompetizzjoni u jifframmenta s-suq intern, b’mod partikolari billi jidentifikaw u jappoġġaw proġetti strateġiċi li jikkontribwixxu għal dipendenzi aktar baxxi u diversifikazzjoni fl-importazzjonijiet u billi jitwettqu sforzi biex jiġu inċentivati l-progress teknoloġiku u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi sabiex tiġi mmoderata ż-żieda mistennija fil-konsum tal-Unjoni tal-materja prima kritika;

    (b)

    itejbu l-kapaċità tal-Unjoni li timmonitorja u timmitiga r-riskju tal-provvista relatat mal-materja prima kritika;

    (c)

    jiżguraw il-moviment liberu tal-materja prima kritika u tal-prodotti li jkun fihom il-materja prima kritika mqiegħda fis-suq tal-Unjoni filwaqt li jiżguraw livell għoli ta’ ħarsien ambjentali u sostenibbiltà, inkluż billi jtejbu ċ-ċirkolarità tagħhom.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “materja prima” tfisser sustanza fi stat ipproċessat jew mhux ipproċessat użata bħala input għall-manifattura ta’ prodotti intermedji jew finali, minbarra sustanzi użati b’mod predominanti bħala ikel, għalf jew fjuwil tal-kombustjoni;

    (2)

    “katina tal-valur tal-materja prima” tfisser l-attivitajiet u l-proċessi kollha involuti fl-esplorazzjoni, l-estrazzjoni, l-ipproċessar u r-riċiklaġġ ta’ materja prima;

    (3)

    “esplorazzjoni” tfisser l-attivitajiet kollha mmirati għall-identifikazzjoni u l-istabbiliment tal-proprjetajiet ta’ okkorrenzi minerali;

    (4)

    “estrazzjoni” tfisser l-estrazzjoni ta’ minerali u prodotti tal-pjanti mis-sors oriġinali tagħhom, bħala prodott ewlieni jew bħala prodott sekondarju, inkluż minn okkorrenza minerali taħt l-art, okkorrenza minerali taħt u fl-ilma, u mis-salmura u siġar;

    (5)

    “kapaċità tal-estrazzjoni tal-Unjoni” tfisser aggregat tal-volumi massimi annwali tal-produzzjoni tal-operazzjonijiet tal-estrazzjoni għall-minerali, il-prodotti mill-pjanti u l-konċentrati b’materja prima strateġika, inkluż l-operazzjonijiet tal-ipproċessar li jkun hemm tipikament fis-sit tal-estrazzjoni jew qribu, fl-Unjoni;

    (6)

    “okkorrenzi minerali” tfisser kwalunkwe mineral wieħed jew kombinament ta’ minerali li jokkorri f’massa jew depożitu ta’ interess ekonomiku potenzjali;

    (7)

    “riżervi” tfisser l-okkorrenzi minerali kollha li jkunu ekonomikament vijabbli għall-estrazzjoni f’kuntest ta’ suq partikolari;

    (8)

    “ipproċessar” tfisser il-proċessi fiżiċi, kimiċi u bijoloġiċi kollha involuti fit-trasformazzjoni ta’ materja prima minn minerali, prodotti mill-pjanti jew skart f’metalli puri, ligi jew forom oħra użabbli ekonomikament, inkluż iżda mhux limitat għall-benefiċjazzjoni, is-separazzjoni, it-tidwib u l-irfinar u eskluż ix-xogħol tal-metall u t-trasformazzjoni ulterjuri f’oġġetti intermedji u finali;

    (9)

    “kapaċità tal-ipproċessar tal-Unjoni” tfisser aggregat tal-volumi massimi annwali tal-produzzjoni tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar għall-materja prima strateġika, għajr l-operazzjonijiet li jkun hemm tipikament fis-sit tal-estrazzjoni jew qribu, fl-Unjoni;

    (10)

    “riċiklaġġ” tfisser riċiklaġġ kif definit fl-Artikolu 3, punt (17), tad-Direttiva 2008/98/KE;

    (11)

    “kapaċità tar-riċiklaġġ tal-Unjoni” tfisser aggregat tal-volum massimu annwali tal-produzzjoni tal-operazzjonijiet tar-riċiklaġġ għall-materja prima strateġika wara l-ipproċessar mill-ġdid, inkluż l-issortjar u t-trattament minn qabel tal-iskart, u l-ipproċessar tiegħu f’materja prima sekondarja, fl-Unjoni;

    (12)

    “konsum annwali tal-materja prima strateġika” tfisser aggregat tal-ammont tal-materja prima strateġika kkonsmata mill-impriżi stabbiliti fl-Unjoni f’forma pproċessata, għajr il-materja prima strateġika inkorporata fi prodotti intermedji jew finali mqiegħda fis-suq tal-Unjoni;

    (13)

    “riskju tal-provvista” tfisser riskju tal-provvista kif ikkalkulat skont l-Anness II, Taqsima 2;

    (14)

    “proġett tal-materja prima kritika” tfisser kwalunkwe faċilità ppjanata jew estensjoni sinifikanti ppjanata jew adattament ta’ faċilità eżistenti li hija attiva fl-estrazzjoni, l-ipproċessar jew ir-riċiklaġġ tal-materja prima kritika;

    (15)

    “off-taker” tfisser impriża li tkun daħlet fi ftehim off-take ma’ promotur tal-proġett;

    (16)

    “ftehim off-take” tfisser ftehim kuntrattwali bejn impriża u promotur tal-proġett li jkun fih impenn min-naħa tal-impriża li takkwista sehem mill-materja prima prodotta minn proġett speċifiku tal-materja prima tul ċertu perjodu taż-żmien, jew impenn min-naħa tal-promotur tal-proġett li jipprovdi l-għażla lill-impriża biex tagħmel dan;

    (17)

    “promotur tal-proġett” tfisser impriża jew konsorzju ta’ impriżi li jiżviluppaw proġett tal-materja prima;

    (18)

    “proċess għall-għoti ta’ permessi” tfisser proċess li jkopri l-permessi rilevanti kollha għall-bini u t-tħaddim ta’ proġett tal-materja prima kritika, inkluż il-permessi tal-bini, tal-konnessjoni kimika u mal-grilja u l-valutazzjonijiet u l-awtorizzazzjonijiet ambjentali meta dawk ikunu meħtieġa, u li jinkludi l-applikazzjonijiet u l-proċeduri kollha mir-rikonoxximent li l-applikazzjoni tkun kompluta san-notifika tad-deċiżjoni komprensiva dwar l-eżitu tal-proċedura mill-punt ta’ kuntatt uniku kkonċernat;

    (19)

    “deċiżjoni komprensiva” tfisser id-deċiżjoni jew is-sett ta’ deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, li jiddeterminaw jekk promotur tal-proġett ikunx awtorizzat jimplimenta proġett tal-materja prima kritika, mingħajr preġudizzju għal xi deċiżjoni meħuda fil-kuntest ta’ proċedura tal-appell;

    (20)

    “programm nazzjonali” tfisser programm nazzjonali jew sett ikkompilat ta’ programmi, li jkopri t-territorju kollu, imħejji u adottat mill-awtoritajiet nazzjonali jew reġjonali rilevanti;

    (21)

    “esplorazzjoni ġenerali” tfisser esplorazzjoni fil-livell nazzjonali jew reġjonali, li ma tinkludix l-esplorazzjoni mmirata;

    (22)

    “esplorazzjoni mmirata” tfisser l-investigazzjoni dettaljata ta’ okkorrenza minerali individwali;

    (23)

    “mappa predittiva” tfisser mappa li tindika żoni li aktarx ikun fihom okkorrenzi minerali ta’ materja prima partikolari;

    (24)

    “tfixkil fil-provvista” tfisser it-tnaqqis sinifikanti mhux mistenni fid-disponibbiltà ta’ materja prima jew żieda sinifikanti fil-prezz ta’ materja prima li tmur lil hinn mill-volatilità tal-prezzijiet tas-suq normali;

    (25)

    “katina tal-provvista tal-materja prima” tfisser l-attivitajiet u l-proċessi kollha tal-katina tal-valur tal-materja prima sal-punt fejn materja prima tintuża bħala input għall-manifattura ta’ prodotti intermedji jew finali;

    (26)

    “strateġiji tal-mitigazzjoni” tfisser il-politiki żviluppati minn operatur ekonomiku li jillimitaw il-probabbiltà ta’ tfixkil fil-provvista fil-katina tal-provvista tal-materja prima tiegħu jew li jtaffu d-danni kkawżati minn dak it-tfixkil fil-provvista fl-attività ekonomika tiegħu;

    (27)

    “operaturi ewlenin tas-suq” tfisser l-impriżi fil-katina tal-provvista tal-materja prima kritika tal-Unjoni u l-impriżi downstream li jikkonsmaw materja prima kritika, li l-funzjonament affidabbli tagħhom huwa essenzjali għall-provvista ta’ materja prima kritika;

    (28)

    “stokk strateġiku” tfisser kwantità ta’ materja prima partikolari f’xi forma maħżuna minn operatur pubbliku jew privat biex tiġi rilaxxata fil-każ ta’ tfixkil fil-provvista;

    (29)

    “kumpanija kbira” tfisser kumpanija li fis-sena finanzjarja l-aktar reċenti li għaliha tħejjew ir-rapporti finanzjarji annwali kellha medja ta’ aktar minn 500 impjegat u fatturat dinji nett ta’ aktar minn EUR 150 miljun;

    (30)

    “teknoloġiji strateġiċi” tfisser it-teknoloġiji ewlenin li huma strumentali għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali kif ukoll għall-applikazzjonijiet tad-difiża u ajruspazjali;

    (31)

    “bord tad-diretturi” tfisser il-korp amministrattiv jew superviżorju responsabbli għas-superviżjoni tal-maniġment eżekuttiv tal-kumpanija jew, jekk ma jkun hemm l-ebda korp ta’ dan it-tip, il-persuna/i li jwettqu funzjonijiet ekwivalenti;

    (32)

    “skart” tfisser skart kif definit fl-Artikolu 3, punt (1), tad-Direttiva 2008/98/KE;

    (33)

    “ġbir” tfisser ġbir kif definit fl-Artikolu 3, punt (10), tad-Direttiva 2008/98/KE;

    (34)

    “trattament” tfisser trattament kif definit fl-Artikolu 3, punt (14), tad-Direttiva 2008/98/KE;

    (35)

    “irkupru” tfisser irkupru kif definit fl-Artikolu 3, punt (15), tad-Direttiva 2008/98/KE;

    (36)

    “użu mill-ġdid” tfisser użu mill-ġdid kif definit fl-Artikolu 3, punt (13), tad-Direttiva 2008/98/KE;

    (37)

    “skart tal-estrazzjoni” tfisser skart tal-estrazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/21/KE;

    (38)

    “faċilità tal-iskart tal-estrazzjoni” tfisser faċilità tal-iskart kif definit fl-Artikolu 3, punt (15), tad-Direttiva 2006/21/KE;

    (39)

    “valutazzjoni ekonomika preliminari” tfisser valutazzjoni kunċettwali fi stadju bikri, tal-vijabbiltà ekonomika potenzjali ta’ proġett għall-irkupru ta’ materja prima kritika mill-iskart tal-estrazzjoni;

    (40)

    “apparat tal-immaġni bir-reżonanza manjetika” tfisser apparat mediku mhux invażiv li juża l-kampijiet manjetiċi biex jagħmel immaġni anatomiċi jew xi apparat ieħor li juża l-kampijiet manjetiċi biex jagħmel immaġni ġewwiena tal-oġġett;

    (41)

    “ġeneratur tal-enerġija eolika” tfisser il-parti ta’ turbina eolika fuq l-art jew lil hinn mill-kosta li tikkonverti l-enerġija mekkanika tar-rotor f’enerġija elettrika;

    (42)

    “robot industrijali” tfisser manipulatur ikkontrollat b’mod awtomatiku, riprogrammabbli, għal diversi użi, programmabbli bi tliet assi jew aktar, li jista’ jkun fiss jew mobbli biex jintuża f’applikazzjonijiet tal-awtomatizzazzjoni industrijali;

    (43)

    “vettura bil-mutur” tfisser kwalunkwe vettura approvata skont it-tip tal-kategoriji M jew N kif stabbilit fl-Artikolu 4(1), punti (a) u (b), tar-Regolament (UE) 2018/858;

    (44)

    “mezz tat-trasport ħafif” tfisser kwalunkwe vettura bir-roti ħafifa li tista’ titħaddem bil-mutur elettriku waħdu jew b’kombinament ta’ potenza tal-mutur u tal-bniedem, inkluż skuters elettriċi, roti elettriċi u vetturi approvati skont it-tip tal-kategorija L kif stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 168/2013;

    (45)

    “ġeneratur tat-tkessiħ” tfisser il-parti ta’ sistema tat-tkessiħ li tiġġenera differenza fit-temperatura li tippermetti t-tkessiħ tas-sħana estratta mill-ispazju jew mill-proċess, permezz ta’ ċiklu elettriku ta’ kompressjoni tal-fwar;

    (46)

    “pompa tas-sħana” tfisser il-parti ta’ sistema tat-tisħin li tiġġenera differenza fit-temperatura li tippermetti t-tisħin tal-provvista tas-sħana fl-ispazju jew fil-proċess, permezz ta’ ċiklu elettriku ta’ kompressjoni tal-fwar;

    (47)

    “mutur elettriku” tfisser apparat li jikkonverti l-potenza elettrika tal-input f’potenza mekkanika tal-output fil-forma ta’ rotazzjoni b’veloċità rotazzjonali u torque li jiddependi fuq fatturi li jinkludu l-frekwenza tal-vultaġġ tal-provvista u l-għadd ta’ poli tal-mutur, u b’output nominali ta’ 0,12 kW jew aktar;

    (48)

    “magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ awtomatika” tfisser magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ fejn it-tagħbija tiġi ttrattata għalkollox mill-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ mingħajr il-ħtieġa ta’ intervent mill-utent f’xi punt waqt il-programm;

    (49)

    “magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ” tfisser apparat li fih it-tessuti jitnixxfu bit-tidwir f’tanbur li jdur u li tgħaddi l-arja msaħħna minnu;

    (50)

    “microwave” tfisser apparat maħsub biex jintuża għat-tisħin tal-ikel permezz tal-enerġija elettromanjetika;

    (51)

    “vacuum cleaner” tfisser apparat li jneħħi l-ħmieġ minn fuq wiċċ li jeħtieġ jitnaddaf permezz ta’ fluss tal-arja maħluq minn pressjoni baxxa żviluppata fl-unit;

    (52)

    “magna tal-ħasil tal-platti” tfisser magna li tnaddaf u tlaħlaħ il-pożati u l-oġġetti ta’ fuq il-mejda;

    (53)

    “kalamita permanenti” tfisser kalamita li żżomm il-manjetiżmu tagħha wara li titneħħa minn kamp manjetiku estern;

    (54)

    “trasportatur tad-data” tfisser simbolu ta’ barcode lineari, simbolu bidimensjonali jew mezz ieħor għal ġbir awtomatiku tad-data tal-identifikazzjoni li jista’ jinqara minn apparat;

    (55)

    “identifikatur uniku tal-prodott” tfisser sekwenza unika ta’ karattri għall-identifikazzjoni tal-prodotti;

    (56)

    “kisi tal-kalamiti” tfisser saff ta’ materjal li ġeneralment jintuża biex jipproteġi l-kalamiti mill-korrużjoni;

    (57)

    “tneħħija” tfisser trattament manwali, mekkaniku, kimiku, termali jew metallurġiku bir-riżultat li l-komponenti jew il-materjali fil-mira jkunu identifikabbli bħala fluss ta’ output separat jew parti minn fluss ta’ output;

    (58)

    “riċiklatur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li twettaq riċiklaġġ f’faċilità permessa;

    (59)

    “tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq” tfisser provvista ta’ prodott għad-distribuzzjoni, għall-konsum jew għall-użu fis-suq tal-Unjoni waqt attività kummerċjali, sew bi ħlas u anki mingħajru;

    (60)

    “tip ta’ materja prima kritika” tfisser materja prima kritika mqiegħda fis-suq li tkun differenzjata skont l-istadju tal-ipproċessar tagħha, il-kompożizzjoni kimika tagħha, l-oriġini ġeografika tagħha jew il-metodi tal-produzzjoni użati;

    (61)

    “tqegħid fis-suq” tfisser li prodott jitqiegħed għall-ewwel darba fis-suq tal-Unjoni;

    (62)

    “valutazzjoni tal-konformità” tfisser il-proċess li juri jekk ikunux ġew issodisfati r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 28, 29 jew 31;

    (63)

    “Sħubija Strateġika” tfisser impenn bejn l-Unjoni u pajjiż terz jew pajjiż jew territorju ekstra-Ewropej biex tiżdied il-kooperazzjoni relatata mal-katina tal-valur tal-materja prima li hi stabbilita bi strument mhux vinkolanti li jistabbilixxi azzjonijiet konkreti ta’ interess reċiproku, li jiffaċilitaw l-eżiti ta’ benefiċċju kemm għall-Unjoni kif ukoll għall-pajjiż terz jew pajjiżi jew territorji ekstra-Ewropej rilevanti;

    (64)

    “governanza b’diversi partijiet ikkonċernati” tfisser rwol formali, sinifikattiv, u sostantiv ta’ tipi multipli ta’ partijiet ikkonċernati, li jinkludi mill-inqas lis-soċjetà ċivili, fit-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ skema ta’ ċertifikazzjoni, dokumentat permezz ta’ mandat, termini ta’ referenza jew evidenza oħra, u li jikkonfermaw jew jappoġġaw l-involviment tar-rappreżentanti ta’ diversi partijiet ikkonċernati ta’ dik l-iskema ta’ ċertifikazzjoni.

    KAPITOLU 2

    MATERJA PRIMA STRATEĠIKA U KRITIKA

    Artikolu 3

    Lista tal-materja prima strateġika

    1.   Il-materja prima, inkluża dik f’format mhux ipproċessat, fi kwalunkwe stadju tal-ipproċessar u meta tokkorri bħala prodott sekondarju ta’ estrazzjoni, proċessar jew proċessi tar-riċiklaġġ oħrajn, elenkata fl-Anness I, it-Taqsima 1, għandha titqies bħala materja prima strateġika.

    2.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 38 biex temenda l-Anness I, it-Taqsima 1, sabiex taġġorna l-lista tal-materja prima strateġika.

    Lista aġġornata tal-materja prima strateġika għandha tinkludi, minn fost il-materja prima vvalutata, il-materja prima li tkun fost dik bl-akbar importanza strateġika, bl-akbar tkabbir previst fid-domanda u bl-akbar diffikultà biex iżżid il-produzzjoni. L-importanza strateġika, it-tkabbir previst fid-domanda u d-diffikultà biex iżżid il-produzzjoni għandhom jiġu determinati f’konformità mal-Anness I, it-Taqsima 2.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina u, jekk ikun meħtieġ, taġġorna l-lista tal-materja prima strateġika sal-24 ta’ Mejju 2027, u kull tliet snin wara dan.

    Fuq talba tal-Bord Ewropew għall-Materja Prima Kritika stabbilit fl-Artikolu 35 (“il-Bord”) abbażi ta’ monitoraġġ u ttestjar tal-istress f’konformità ma’ dan ir-Regolament„ il-Kummissjoni, flimkien mar-rieżamijiet regolari, għandha tirrieżamina u, fejn ikun xieraq, taġġorna l-lista ta’ materja prima strateġika fi kwalunkwe ħin.

    Bħala parti mill-ewwel aġġornament tal-lista ta’ materja prima strateġika skont l-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha, b’mod partikolari, tivvaluta jekk, abbażi tal-valutazzjoni tagħha skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u l-Anness I, it-Taqsima 2, il-grafit sintetiku għandux jibqa’ fuq il-lista tal-materja prima strateġika.

    Artikolu 4

    Lista tal-materja prima kritika

    1.   Il-materja prima, inkluża dik f’format mhux ipproċessat, fi kwalunkwe stadju tal-ipproċessar u meta tokkorri bħala prodott sekondarju ta’ estrazzjoni, proċessar jew proċessi tar-riċiklaġġ oħrajn, elenkata fl-Anness II, it-Taqsima 1 għandha titqies bħala materja prima strateġika.

    2.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 38 biex temenda l-Anness II, it-Taqsima 1 ħalli taġġorna l-lista tal-materja prima kritika.

    Lista aġġornata tal-materja prima kritika għandha tinkludi l-materja prima strateġika elenkata fl-Anness I, it-Taqsima 1, u kull materja prima oħra li tilħaq jew taqbeż il-livell massimu ta’ 1 għar-riskju tal-provvista u ta’ 2,8 għall-importanza ekonomika. L-importanza ekonomika u r-riskju tal-provvista għandhom jiġu kkalkulati f’konformità mal-Anness II, it-Taqsima 2.

    3.   Sal-24 ta’ Mejju 2027 u mill-inqas kull tliet snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina u, jekk ikun meħtieġ, taġġorna l-lista tal-materja prima kritika f’konformità mal-paragrafu 2.

    KAPITOLU 3

    TISĦIĦ TAL-KATINA TAL-VALUR TAL-MATERJA PRIMA TAL-UNJONI

    TAQSIMA 1

    Parametri referenzjarji

    Artikolu 5

    Parametri referenzjarji

    1.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom isaħħu l-istadji differenti tal-katina tal-valur tal-materja prima strateġika permezz tal-miżuri previsti f’dan il-Kapitolu sabiex:

    (a)

    jiżguraw li, sal-2030, il-kapaċitajiet tal-Unjoni għal kull materja prima strateġika jkunu żdiedu b’mod sinifikanti u biex, b’mod ġenerali, il-kapaċità tal-Unjoni toqrob lejn il-parametri referenzjarji li ġejjin jew tilħaqhom:

    (i)

    il-kapaċità tal-estrazzjoni tal-Unjoni tkun kapaċi testratta l-minerali jew il-konċentrati meħtieġa biex tipproduċi mill-inqas 10 % tal-konsum annwali tal-Unjoni tal-materja prima strateġika, safejn possibbli fid-dawl tar-riżervi tal-Unjoni;

    (ii)

    il-kapaċità tal-ipproċessar tal-Unjoni, inkluż għall-istadji intermedji kollha tal-ipproċessar, tkun kapaċi tipproduċi mill-inqas 40 % tal-konsum annwali tal-Unjoni tal-materja prima strateġika;

    (iii)

    il-kapaċità tar-riċiklaġġ tal-Unjoni, inkluż għall-istadji intermedji kollha tar-riċiklaġġ, tkun kapaċi tipproduċi mill-inqas 25 % tal-konsum annwali tal-Unjoni tal-materja prima strateġika u tkun kapaċi tirriċikla b’mod sinifikanti ammonti dejjem jikbru ta’ kull materja prima strateġika mill-iskart.

    (b)

    jiddiversifikaw l-importazzjonijiet tal-Unjoni tal-materja prima strateġika biex jiġi żgurat li l-konsum annwali tal-Unjoni sal-2030 ta’ kull materja prima strateġika fi kwalunkwe stadju rilevanti tal-ipproċessar ikun jista’ jistrieħ fuq importazzjonijiet minn diversi pajjiżi terzi jew minn pajjiżi jew territorji ekstra-Ewropej (PTEEs) u li l-ebda pajjiżi terz ma jipprovdi aktar minn 65 % tal-konsum annwali tal-Unjoni ta’ tali materja prima strateġika;

    2.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jagħmlu sforzi biex jinċentivaw il-progress teknoloġiku u l-effiċjenza fir-riżorsi sabiex jimmoderaw iż-żieda mistennija fil-konsum tal-Unjoni tal-materja prima kritika taħt il-projezzjoni ta’ referenza msemmija fl-Artikolu 44(1) permezz tal-miżuri rilevanti stabbiliti f’din it-Taqsima u fil-Kapitolu 5, it-Taqsima 1.

    3.   Sal-1 ta’ Jannar 2027, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 38 biex tissupplementa dan ir-Regolament billi jiġu pprovduti parametri referenzjarji tal-kapaċità ta’ riċiklaġġ tal-Unjoni espressi bħala sehem tal-materja prima strateġika disponibbli fil-flussi ta’ skart rilevanti.

    L-atti delegati adottati skont l-ewwel subparagrafu għandhom jispeċifikaw il-flussi tal-iskart u l-materja prima strateġika fi ħdanhom li għalihom biżżejjed informazzjoni dwar il-volumi ta’ skart rilevanti u l-kontenut tal-materja prima strateġika tagħhom tkun disponibbli abbażi tar-rekwiżiti ta’ rapportar tar-Regolament (UE) 2023/1542, id-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (36), id-Direttiva 2008/98/KE u d-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (37), biex jippermettu l-istima tal-kapaċità tar-riċiklaġġ tal-Unjoni bħala sehem tal-materja prima strateġika li tinsab fil-flussi tal-iskart rilevanti.

    L-atti delegati adotatti skont l-ewwel subparagrafu għandhom jistabbilixxi parametru referenzjarju tal-kapaċità tar-riċiklaġġ tal-Unjoni bbażat fuq il-kapaċità tar-riċiklaġġ għal kull materja prima strateġika fil-flussi tal-iskart rilevanti identifikati skont it-tieni subparagrafu.

    Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-parametru referenzjarju talkapaċità tar-riċiklaġġ imsemmi fit-tielet subparagrafu abbażi tal-elementi li ġejjin:

    (a)

    il-kapaċità attwali tar-riċiklaġġ tal-Unjoni espressa bħala sehem tal-materja prima strateġika disponibbli fil-flussi tal-iskart rilevanti;

    (b)

    il-punt sa fejn dik il-materja prima strateġika tista’ tiġi rkuprata minn dawk il-flussi tal-iskart rilevanti, b’kont meħud tal-fattibbiltà teknoloġika u ekonomika;

    (c)

    miri stabbiliti f’atti legali tal-Unjoni oħra rilevanti għall-irkupru tal-materja prima strateġika mill-iskart.

    Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta att delegat skont l-Artikolu 38 biex temenda dan ir-Regolament billi taġġorna l-atti delegati adottati skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu jekk, b’riżultat tal-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 48(2), l-informazzjoni dwar il-volumi ta’ skart rilevanti u l-kontenut tal-materja prima strateġika tal-flussi ta’ skart ulterjuri ssir disponibbli.

    TAQSIMA 2

    Proġetti Strateġiċi

    Artikolu 6

    Kriterji għar-rikonoxximent tal-Proġetti Strateġiċi

    1.   Wara applikazzjoni mill-promotur tal-proġett u f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7, il-Kummissjoni għandha tirrikonoxxi bħala Proġetti Strateġiċi dawk il-proġetti tal-materja prima li jissodisfaw il-kriterji li ġejjin:

    (a)

    il-proġett jagħti kontribut sinifikanti għas-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni tal-materja prima strateġika;

    (b)

    il-proġett ikun jew ikun se jsir fattibbli teknikament fi żmien raġonevoli u l-volum tal-produzzjoni mistenni tal-proġett jista’ jiġi stmat b’livell suffiċjenti ta’ fiduċja;

    (c)

    il-proġett jitwettaq b’mod sostenibbli, b’mod partikolari fejn jidħlu l-monitoraġġ, il-prevenzjoni u l-minimizzazzjoni tal-impatti fuq l-ambjent, il-prevenzjoni u l-minimizzazzjoni tal-impatti negattivi soċjalment permezz tal-użu ta’ prattiki soċjalment responsabbli inkluż ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, għad-drittijiet tal-popli indiġeni u tax-xogħol, b’mod partikolari fil-każ ta’ risistemazzjoni involontarja, il-potenzjal għal ħolqien ta’ impjieg ta’ kwalità u l-involviment sinifikanti mal-komunitajiet lokali u mas-sħab soċjali rilevanti, u l-użu ta’ prattiki kummerċjali trasparenti b’politiki tal-konformità adegwati biex jiġu evitati u minimizzati r-riskji tal-impatti negattivi fuq il-funzjonament xieraq tal-amministrazzjoni pubblika, inkluż il-korruzzjoni u t-tixħim;

    (d)

    għall-proġetti fl-Unjoni, l-istabbiliment, l-operazzjoni jew il-produzzjoni tal-proġett ikollhom benefiċċji transfruntieri lil hinn mill-Istat Membru kkonċernat, inkluż għas-setturi downstream;

    (e)

    għall-proġetti fil-pajjiżi terzi li huma swieq emerġenti jew ekonomiji li qed jiżviluppaw, il-proġett ikollu benefiċċju reċiproku għall-Unjoni u għall-pajjiż terz ikkonċernat billi jżid il-valur f’dak il-pajjiż terz.

    2.   L-issodisfar tal-kriterji għar-rikonoxximent stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jiġi vvalutat mill-Kummissjoni f’konformità mal-elementi u l-evidenza stabbiliti fl-Anness III.

    Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 38 biex temenda l-Anness III u tadatta l-elementi u l-evidenza li jridu jitqiesu waqt il-valutazzjoni tal-issodisfar tal-kriterji għar-rikonoxximent stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għall-progress tekniku u xjentifiku jew biex jitqiesu bidliet fl-istrumenti internazzjonali elenkati fl-Anness III, il-punt 5, jew l-adozzjoni ta’ strumenti internazzjonali rilevanti ġodda għall-issodisfar tal-kriterju msemmi fil-paragrafu 1, il-punt (c), ta’ dan l-Artikolu.

    3.   Ir-rikonoxximent ta’ proġett bħala Proġett Strateġiku skont dan l-Artikolu ma għandux jaffettwa r-rekwiżiti applikabbli għall-proġett rilevanti jew għall-promotur tal-proġett skont il-liġi tal-Unjoni, nazzjonali jew internazzjonali.

    Artikolu 7

    Applikazzjoni u rikonoxximent

    1.   L-applikazzjonijiet għar-rikonoxximent ta’ proġett tal-materja prima kritika bħala Proġett Strateġiku għandhom jiġu sottomessi mill-promotur tal-proġett lill-Kummissjoni. L-applikazzjoni għandha tinkludi:

    (a)

    evidenza rilevanti relatata mal-issodisfar tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6(1);

    (b)

    klassifikazzjoni tal-proġett skont il-Klassifikazzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Riżorsi, appoġġata b’evidenza xierqa;

    (c)

    skeda taż-żmien għall-implimentazzjoni tal-proġett, inkluż ħarsa ġenerali lejn il-permessi meħtieġa għall-proġett u l-istatus tal-proċess tal-għoti ta’ permessi korrispondenti;

    (d)

    pjan b’miżuri li jiffaċilitaw l-aċċettazzjoni pubblika inkluż, meta xieraq, miżuri li jiffaċilitaw l-involviment sinifikanti u l-parteċipazzjoni attiva tal-komunitajiet milquta, l-istabbiliment ta’ kanali tal-komunikazzjoni rikorrenti mal-komunitajiet lokali, inkluż is-sħab soċjali, u l-awtoritajiet rilevanti, u l-implimentazzjoni ta’ kampanji tal-għarfien u tal-informazzjoni, u mekkaniżmi potenzjali ta’ mitigazzjoni u ta’ kumpens;

    (e)

    informazzjoni dwar il-kontroll tal-impriżi involuti fil-proġett, kif definit fl-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (38), u, fejn ikunu involuti impriżi multipli, informazzjoni li tispjega l-involviment relattiv ta’ kull impriża fil-proġett;

    (f)

    pjan kummerċjali li jevalwa l-vijabbiltà finanzjarja tal-proġett;

    (g)

    stima tal-potenzjal tal-proġett li joħloq impjiegi ta’ kwalità u tal-ħtiġijiet tal-proġett mil-lat ta’ ħaddiema kwalifikati, u pjan ta’ ħidma li jappoġġa t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid u li jippromwovi r-rappreżentazzjoni inklużiva tal-forza tax-xogħol;

    (h)

    għall-proġetti f’pajjiżi terzi jew f’PTEEs li jinvolvu l-estrazzjoni, pjan għat-titjib tal-istat ambjentali tas-siti milquta wara tmiem l-isfruttament, bil-ħsieb li jiġi rrestawrat l-istat ambjentali filwaqt li jieħu kont tal-fattibbiltà ekonomika u teknika;

    (i)

    għall-proġetti relatati esklużivament mal-ipproċessar jew ir-riċiklaġġ li jinsabu f’żoni protetti skont id-Direttiva 92/43/KEE jew id-Direttiva 2009/147/KE, deskrizzjoni tal-postijiet alternattivi teknikament xierqa, ivvalutati mill-promotur tal-proġett u r-raġunijiet għaliex dawk il-postijiet alternattivi ma jkunux meqjusa bħala postijiet xierqa għall-proġett.

    (j)

    għall-proġetti bil-potenzjal li jaffettwaw lill-popli indiġeni, pjan li jkun fih il-miżuri ddedikati għal konsultazzjoni sinifikanti tal-popli indiġeni milquta dwar il-prevenzjoni u l-minimizzazzjoni tal-impatti negattivi fuq id-drittijiet indiġeni u, fejn ikun xieraq, kumpens ġust għal dawk il-popli, kif ukoll miżuri li jindirizzaw l-eżiti tal-konsultazzjoni.

    Fejn il-liġi nazzjonali tal-pajjiż li t-territorju tiegħu jkun ikkonċernat minn proġett ikun fiha dispożizzjonijiet għall-konsultazzjoni kif imsemmi fil-punt (j) tal-ewwel subparagrafu u dment li tali konsultazzjoni tkopri l-miri kollha stabbiliti f’dak il-punt, il-pjan jista’ jiġi aġġustat kif xieraq.

    2.   Sal-24 ta’ Novembru 2024, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi mudell uniku li għandu jintuża mil-promoturi tal-proġetti għall-applikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Il-mudell uniku jista’ jindika kif għandha tiġi espressa l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 39(2).

    Il-firxa ta’ dokumentazzjoni meħtieġa biex jimtela l-mudell uniku msemmi fl-ewwel subparagrafu għandha tkun raġonevoli.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-applikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 permezz ta’ sejħa miftuħa b’dati limiti regolari.

    L-ewwel tali data limitu għandha tkun mhux aktar tard mill-24 ta’ Awwissu 2024. Il-Kummissjoni għandha tiffissa d-dati limiti mill-inqas erba’ darbiet fis-sena.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-applikanti fi żmien 30 jum mid-data limitu applikabbli jekk jidhrilha li l-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjoni hija kompluta. Jekk l-applikazzjoni ma tkunx kompluta, il-Kummissjoni tista’ tirrikjedi lill-applikant jissottometti l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa biex l-applikazzjoni timtela mingħajr dewmien żejjed, filwaqt li tispeċifika liema informazzjoni addizzjonali hija meħtieġa.

    5.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Bord dwar l-applikazzjonijiet kollha li huma meqjusa kompluti f’konformità mal-paragrafu 4.

    6.   Il-Bord għandu jiltaqa’ regolarment f’konformità mal-Artikolu 36(5) sabiex jiddiskuti u jagħti opinjoni dwar, abbażi ta’ proċess ġust u trasparenti, jekk il-proġetti proposti jissodisfawx il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6(1).

    Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Bord bil-valutazzjoni tagħha dwar jekk il-proġetti proposti jissodisfawx il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) qabel il-laqgħat imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

    7.   Il-Kummissjoni għandha tittrażmetti l-applikazzjoni sħiħa lill-Istat Membru, il-pajjiż terz jew il-PTEE li t-territorju tiegħu huwa kkonċernat bil-proġett propost.

    8.   Abbażi ta’ oġġezzjoni mill-Istat Membru li t-territorju tiegħu jkun ikkonċernat bi proġett propost, il-proġett m’għandux jitqies għal rikonoxximent bħala Proġett Strateġiku. L-Istat Membru kkonċernat għandu jippreżenta raġunijiet sostanzjati għall-oġġezzjoni tiegħu waqt id-diskussjonijiet msemmija fil-paragrafu 6.

    Għall-Proġetti Strateġiċi fil-pajjiżi terzi jew il-PTEEs, il-Kummissjoni għandha taqsam l-applikazzjoni riċevuta mal-pajjiż terz jew il-PTEE li t-territorju tiegħu jkun kkonċernat mill-proġett propost. Il-Kummissjoni ma għandhiex tapprova l-applikazzjoni qabel ma tirċievi l-approvazzjoni espliċita ta’ pajjiż terz rilevanti.

    9.   Il-Kummissjoni għandha, filwaqt li tqis l-opinjoni tal-Bord imsemmija fil-paragrafu 6, tadotta d-deċiżjoni tagħha dwar ir-rikonoxximent tal-proġett bħala Proġett Strateġiku fi żmien 90 jum minn meta tkun irrikonoxxiet li l-applikazzjoni hija kompluta f’konformità mal-paragrafu 4 u għandha tinnotifika lill-applikant dwar dan.

    Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tkun motivata. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi d-deċiżjoni tagħha lill-Bord u lill-Istat Membru jew pajjiż terz li t-territorju tiegħu huwa kkonċernat bil-proġett.

    10.   F’każijiet eċċezzjonali, fejn in-natura, il-kumplessità jew id-daqs ta’ applikazzjoni jirrikjedu dan jew fejn l-għadd ta’ applikazzjonijiet rċevuti qabel data limitu partikolari jkun kbir wisq għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet fil-limitu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 9, il-Kummissjoni tista’, fuq bażi ta’ każ b’każ u mhux aktar tard minn 20 jum qabel l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien msemmi fil-paragrafu 9, testendi dak il-limitu ta’ żmien b’massimu ta’ 90 jum. F’dak il-każ, il-Kummissjoni għandha tinforma bil-miktub lill-promotur tal-proġett bir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-estensjoniu bil-limitu ta’ żmien għad-deċiżjoni.

    11.   Fejn il-Kummissjoni ssib li Proġett Strateġiku ma għadux jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) jew, fejn ir-rikonoxximent tiegħu kien ibbażat fuq applikazzjoni li fiha informazzjoni li hija żbaljata, sal-punt li din taffettwa l-konformità tagħha mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6(1), din tista’, filwaqt li tqis l-opinjoni tal-Bord, tirtira r-rikonoxximent ta’ proġett bħala Proġett Strateġiku.

    Qabel ma tadotta deċiżjoni biex tirtira rikonoxximent, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-promotur tal-proġett bir-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha, il-promotur tal-proġett għandu jingħata l-opportunità li jwieġeb u l-Kummissjoni għandha tieħu kont tar-risposta tal-promotur tal-proġett.

    12.   Il-proġetti li ma jibqgħux rikonoxxuti bħala Proġetti Strateġiċi għandhom jitilfu d-drittijiet kollha marbuta ma’ dak l-istatus skont dan ir-Regolament.

    13.   Il-Proġetti Strateġiċi li m’għadhomx jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) unikament minħabba aġġornament tal-Anness I għandhom jitħallew iżommu l-istatus tagħhom ta’ Proġetti Strateġiċi għal tliet snin mid-data ta’ dak l-aġġornament.

    Artikolu 8

    Obbligi ta’ rappurtar u informazzjoni għall-Proġetti Strateġiċi

    1.   Il-promotur tal-proġett għandu, kull sentejn wara d-data tar-rikonoxximent bħala Proġett Strateġiku, jissottometti rapport lill-Kummissjoni li jkun fih informazzjoni mill-inqas dwar:

    (a)

    il-progress fl-implimentazzjoni tal-Proġett Strateġiku, b’mod partikolari fir-rigward tal-proċess tal-għoti ta’ permessi;

    (b)

    fejn rilevanti, ir-raġunijiet għad-dewmien meta mqabbel mal-iskeda taż-żmien imsemmija fl-Artikolu 7(1), il-punt (c), u pjan biex jingħeleb tali dewmien;

    (c)

    il-progress fil-finanzjament tal-Proġett Strateġiku, inkluż informazzjoni dwar l-appoġġ finanzjarju pubbliku.

    Il-Kummissjoni għandha tissottometti kopja tar-rapport imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu lill-Bord sabiex tiffaċilita d-diskussjonijiet imsemmija fl-Artikolu 36(7), il-punt (c).

    2.   Il-Kummissjoni tista’, fejn ikun meħtieġ, titlob informazzjoni addizzjonali oħra mingħand il-promoturi tal-proġett li tkun rilevanti għall-implimentazzjoni tal-Proġett Strateġiku biex jiġi aċċertat l-issodisfar kontinwu tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6(1).

    3.   Il-promotur tal-proġett għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar:

    (a)

    bidliet fil-Proġett Strateġiku li jaffettwaw l-issodisfar min-naħa tiegħu tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6(1);

    (b)

    bidliet fil-kontroll tal-impriżi involuti fil-Proġett Strateġiku fuq bażi dejjiema, meta mqabbla mal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(1), il-punt (e).

    4.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu mudell uniku għall-promoturi tal-proġetti biex jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa għar-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Il-mudell uniku jista’ jindika kif għandha tiġi espressa l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 39(2).

    Il-firxa ta’ dokumentazzjoni meħtieġa biex jiġi komplut il-mudell uniku msemmi fl-ewwel subparagrafu għandha tkun raġonevoli.

    5.   Il-promotur tal-proġett għandu jistabbilixxi u jaġġorna regolarment is-sit web tal-impriża jew sit web iddedikat għall-proġett b’informazzjoni rilevanti għall-popolazzjoni lokali u li jrawwem l-aċċettazzjoni tal-pubbliku dwar il-Proġett Strateġiku, inkluż tal-anqas informazzjoni dwar l-impatti u l-benefiċċji ambjentali, soċjali u ekonomiċi assoċjati mal-Proġett Strateġiku. Il-parti rilevanti tas-sit web tal-impriża jew tas-sit web iddedikat għall-proġett għandha tkun aċċessibbli mill-pubbliku mingħajr ħlas u ma għandhiex teħtieġ li tiġi pprovduta informazzjoni personali (sit web b’aċċess liberu). Għandha tkun disponibbli b’lingwa jew lingwi li jistgħu jinftiehmu faċilment mill-popolazzjoni lokali.

    TAQSIMA 3

    Proċess tal-għoti ta’ permessi

    Artikolu 9

    Punti ta’ kuntatt uniku

    1.   Sal-24 ta’ Frar 2025, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu jew jiddeżinjaw awtorità waħda jew aktar bħala punt ta’ kuntatt uniku. Fejn Stat Membru jistabbilixxi jew jiddeżinja iktar minn punt ta’ kuntatt wieħed, għandu jiżgura li jkun hemm tali punt ta’ kuntatt wieħed biss għal kull livell amministrattiv rilevanti u stadju tal-katina tal-valur tal-materja prima kritika.

    2.   Fejn Stat Membru jistabbilixxi jew jiddeżinja iktar minn punt ta’ kuntatt wieħed skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, huwa għandu jipprovdi sit web sempliċi u aċċessibbli li fih il-punti ta’ kuntatt kollha, inkluż l-indirizz tagħhom u l-mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni, jkunu elenkati u kategorizzati b’mod ċar skont il-livell amministrattiv rilevanti u l-istadju tal-katina tal-valur tal-materja prima kritika. Is-sit web jista’ jkollu wkoll kontenut ipprovdut skont l-Artikolu 18.

    3.   Il-punti ta’ kuntatt uniku stabbiliti jew iddeżinjati skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu (punti ta’ kuntatt uniku) għandhom ikunu responsabbli biex jiffaċilitaw u jikkoordinaw il-proċess tal-għoti ta’ permessi għall-proġetti tal-materja prima kritika u jipprovdu informazzjoni dwar l-elementi msemmija fl-Artikolu 18, inkluża l-informazzjoni dwar meta applikazzjoni tkun meqjusa bħala kompluta skont l-Artikolu 11(6). Huma għandhom jikkoordinaw u jiffaċilitaw is-sottomissjoni ta’ kwalunkwe dokumenti u informazzjoni rilevanti.

    4.   Il-punt ta’ kuntatt uniku kkonċernat għandu jkun l-uniku punt ta’ kuntatt għall-promotur tal-proġett u għandu jassisti lill-promotur tal-proġett biex jifhem aħjar kwalunkwe kwistjoni amministrattiva rilevanti għall-proċess tal-għoti ta’ permessi.

    5.   Il-promoturi tal-proġett ta’ materja prima kritika għandu jkollhom il-possibbiltà li jikkuntattjaw lill-unità amministrattiva rilevanti, fi ħdan il-punt ta’ kuntatt uniku, responsabbli għall-kompiti previsti f’dan l-Artikolu. Jekk l-unità amministrattiva rilevanti tinbidel, hija għandha tkompli taqdi r-responsabbiltajiet tagħhom stabbiliti f’dan il-paragrafu, sakemm il-promotur tal-proġett ikun ġie nnotifikat b’tali bidla.

    6.   Il-promoturi tal-proġetti għandhom jitħallew jissottomettu d-dokumenti kollha rilevanti għall-proċess tal-għoti ta’ permessi b’format elettroniku.

    7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe studju validu mwettaq, jew permessi jew awtorizzazzjonijiet maħruġa, għal proġett partikolari tal-materja prima kritika jitqiesu u li ebda studju, permess jew awtorizzazzjoni duplikati ma jkunu meħtieġa, sakemm ma jkunx meħtieġ mod ieħor skont il-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali.

    8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom aċċess faċli għall-informazzjoni u proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim dwar il-proċess tal-għoti ta’ permessi għall-proġetti tal-materja prima kritika, inkluż, fejn applikabbli, dwar mekkaniżmi alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim.

    9.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-punti ta’ kuntatt uniku ikollhom għadd suffiċjentita’ persunal kwalifikat u riżorsi finanzjarji, tekniċi u teknoloġiċi suffiċjenti meħtieġa, biex ikunu jistgħu jaqdu dmirijiethom skont dan ir-Regolament.

    Artikolu 10

    Status prijoritarju tal-Proġetti Strateġiċi

    1.   Il-Proġetti Strateġiċi għandhom jitqiesu li jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-provvista tal-materja prima strateġika fl-Unjoni.

    2.   Fir-rigward tal-impatti ambjentali jew l-obbligi indirizzati fl-Artikolu 6(4) u l-Artikolu 16(1), il-punt (c), tad-Direttiva 92/43/KEE, l-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2000/60/KE u l-Artikolu 9(1), il-punt (a), tad-Direttiva 2009/147/KE jew fid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi tal-Unjoni rigward ir-restawr ta’ ekosistemi terrestri, kostali u tal-ilma ħelu, il-Proġetti Strateġiċi fl-Unjoni għandhom jitqiesu li huma ta’ interess pubbliku jew li jservu s-saħħa u s-sikurezza pubblika, u jistgħu jitqiesu li għandhom interess pubbliku prevalenti jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f’dawk l-atti leġiżlattivi tal-Unjoni.

    3.   Biex tkun żgurata amministrazzjoni effiċjenti tal-proċess tal-għoti ta’ permessi relatat mal-Proġetti Strateġiċi fl-Unjoni, il-promoturi tal-proġetti u l-awtoritajiet kollha kkonċernati għandhom jiżguraw li dak il-proċess jiġi mwettaq bl-aktar mod rapidu possibbli skont il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali.

    4.   Mingħajr preġudizzju għall-obbligi previsti fil-liġi tal-Unjoni, il-Proġetti Strateġiċi fl-Unjoni għandhom jingħataw l-istatus tal-akbar importanza nazzjonali possibbli, meta tali status ikun jeżisti fil-liġi nazzjonali, u jiġu ttrattati skont dan fil-proċessi tal-għoti ta’ permessi.

    5.   Il-proċeduri kollha għas-soluzzjoni tat-tilwim, il-litigazzjoni, l-appelli u r-rimedji ġudizzjarji relatati mal-proċess tal-għoti ta’ permessi u l-għoti ta’ permessi għall-Proġetti Strateġiċi fl-Unjoni quddiem kwalunkwe qorti, tribunal jew bord nazzjonali, inkluż fir-rigward tal-medjazzjoni jew l-arbitraġġ, fejn dawn ikunu jeżistu fil-liġi nazzjonali, għandhom jiġu ttrattati bħala urġenti, jekk u sa fejn il-liġi nazzjonali tipprevedi tali proċeduri ta’ urġenza u dment li jiġu rispettati d-drittijiet normalment applikabbli tad-difiża tal-individwi jew tal-komunitajiet lokali. Il-promoturi tal-proġetti tal-Proġetti Strateġiċi għandhom jipparteċipaw f’tali proċeduri ta’ urġenza, fejn applikabbli.

    Artikolu 11

    Tul tal-proċess tal-għoti ta’ permessi

    1.   Għall-Proġetti Strateġiċi fl-Unjoni, il-proċess tal-għoti ta’ permessi ma għandux jaqbeż:

    (a)

    is-27 xahar għall-Proġetti Strateġiċi li jinvolvu l-estrazzjoni;

    (b)

    il-15-il xahar għall-Proġetti Strateġiċi li jinvolvu biss l-ipproċessar jew ir-riċiklaġġ.

    2.   B’deroga mill-paragrafu 1, għall-Proġetti Strateġiċi fl-Unjoni li kienu soġġetti għall-proċess tal-għoti ta’ permessi qabel ma ġew rikonoxxuti bħala Proġetti Strateġiċi u għall-estensjonijiet tal-Proġetti Strateġiċi eżistenti li diġà ngħatalhom permess, it-tul tal-proċess tal-għoti ta’ permessi wara li l-proġett ikun rikonoxxut bħala Proġett Strateġiku ma għandux jaqbeż:

    (a)

    l-24 xahar għall-Proġetti Strateġiċi li jinvolvu l-estrazzjoni;

    (b)

    it-12-il xahar għall-Proġetti Strateġiċi li jinvolvu biss l-ipproċessar jew ir-riċiklaġġ.

    3.   Meta tkun meħtieġa valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent skont id-Direttiva 2011/92/UE, il-pass tal-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2), il-punt (g)(i), ta’ dik id-Direttiva ma għandux ikun inkluż fid-durata tal-proċess tal-għoti ta’ permessi msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu.

    4.   F’każijiet eċċezzjonali, meta n-natura, il-kumplessità, il-post jew id-daqs tal-Proġett Strateġiku jeżiġu dan, l-Istati Membri jistgħu jestendu, qabel l-iskadenza tagħhom u fuq bażi ta’ każ b’każ, il-limiti taż-żmien imsemmija fi:

    (a)

    il-paragrafu 1, il-punt (a), u l-paragrafu 2, il-punt (a), b’massimu ta’ sitt xhur;

    (b)

    il-paragrafu 1, il-punt (b), u l-paragrafu 2, il-punt (b), sa massimu ta’ tliet xhur,

    Fkaż ta’ tali estensjoni, il-punt ta’ kuntatt uniku kkonċernat għandu jinforma bil-miktub lill-promotur tal-proġett bir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-estensjoni u d-data ta’ skadenza meta tkun mistennija d-deċiżjoni komprensiva.

    5.   B’deroga mill-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 2011/92/UE, id-determinazzjoni ta’ jekk Proġett Strateġiku għandux ikun suġġett għal valutazzjoni f’konformità mal-Artikoli 5 sa 10 ta’ dik id-Direttiva għandha ssir fi żmien 30 jum mid-data li fiha l-iżviluppatur ikun issottometta l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 4(4) ta’ dik id-Direttiva.

    6.   Sa mhux aktar tard minn 45 jum wara li jirċievi applikazzjoni għall-għoti ta’ permessi relatata ma’ Proġett Strateġiku, il-punt ta’ kuntatt uniku kkonċernat għandu jirrikonoxxi li l-applikazzjoni hija kompluta jew, jekk il-promotur tal-proġett ma kienx bagħat l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tiġi pproċessata applikazzjoni, jitlob lill-promotur tal-proġett jissottometti applikazzjoni kompluta mingħajr dewmien żejjed, u fiha jispeċifika liema informazzjoni hija nieqsa. Fejn l-applikazzjoni sottomessa tkun meqjusa mhux kompluta għat-tieni darba, il-punt ta’ kuntatt uniku kkonċernat ma għandux jitlob informazzjoni f’oqsma li mhumiex koperti fl-ewwel talba għal informazzjoni addizzjonali u għandu jkun intitolat biss jitlob iktar evidenza biex jikkompleta l-informazzjoni identifikata bħala nieqsa.

    Id-data tar-rikonoxximent imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tkun il-bidu tal-proċess tal-għoti ta’ permessi.

    7.   Sa mhux aktar tard mid-data tar-rikonoxximent imsemmija fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, il-punt ta’ kuntatt uniku kkonċernat għandu jfassal, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-promotur tal-proġett u ma’ awtoritajiet kompetenti oħra kkonċernati, skeda dettaljata għall-proċess tal-għoti ta’ permessi. L-iskeda għandha tiġi ppubblikata mill-promotur tal-proġett fuq is-sit web imsemmi fl-Artikolu 8(5). Il-punt ta’ kuntatt uniku kkonċernat għandu jaġġorna l-iskeda fil-każ ta’ tibdil sinifikanti li potenzjalment jaffettwa l-ippjanar tad-deċiżjoni komprensiva.

    8.   Il-punt ta’ kuntatt uniku kkonċernat għandu jinnotifika l-promotur tal-proġett meta rapport ta’ valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent imsemmi fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2011/92/UE jkun dovut, b’kont meħud tal-organizzazzjoni tal-proċess tal-għoti ta’ permessi fl-Istat Membru kkonċernat u l-ħtieġa biex jingħata biżżejjed ħin għall-valutazzjoni tar-rapport. Il-perjodu bejn l-iskadenza għas-sottomissjoni tar-rapport ta’ valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent u s-sottomissjoni proprja ta’ dak ir-rapport ma għandux jingħadd bħala parti mid-durata tal-proċess tal-għoti ta’ permessi msemmi fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu.

    9.   Meta l-konsultazzjoni skont l-Artikolu 1(2), il-punt (g)(ii), tad-Direttiva 2011/92/UE tirriżulta fil-ħtieġa li r-rapport ta’ valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent jiġi ssupplimentat b’informazzjoni addizzjonali, il-punt ta’ kuntatt uniku kkonċernat jista’ jagħti lill-promotur tal-proġett l-opportunità li jipprovdi informazzjoni addizzjonali. F’dak il-każ, dak il-punt ta’ kuntatt uniku għandu jinnotifika l-promotur tal-proġett meta tkun dovuta l-informazzjoni addizzjonali, u dan għandu jseħħ mhux qabel 30 jum wara n-notifika. Il-perjodu bejn l-iskadenza biex tiġi pprovduta l-informazzjoni addizzjonali u s-sottomissjoni ta’ dik l-informazzjoni ma għandux jingħadd mad-durata tal-proċess tal-għoti ta’ permessi msemmi fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu.

    10.   Il-limiti taż-żmien stabbiliti f’dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-obbligi li jirriżultaw mil-liġi tal-Unjoni u dik internazzjonali, u mingħajr preġudizzju għall-proċeduri amministrattivi ta’ appell u r-rimedji ġudizzjarji quddiem qorti jew tribunal.

    Il-limiti taż-żmien stabbiliti f’dan l-Artikolu għal kwalunkwe mill-proċeduri tal-għoti ta’ permessi għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe limitu taż-żmien iqsar stabbilit mill-Istati Membri.

    Artikolu 12

    Valutazzjonijiet ambjentali u awtorizzazzjonijiet

    1.   Meta valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent hija meħtieġa għal Proġett Strateġiku f’konformità mal-Artikoli 5 sa 9 tad-Direttiva 2011/92/UE, il-promotur tal-proġett rilevanti għandu jitlob, mhux aktar tard minn 30 jum wara n-notifika tar-rikonoxximent bħala Proġett Strateġiku u qabel ma tiġi sottomessa l-applikazzjoni, opinjoni mill-punt ta’ kuntatt uniku kkonċernat dwar l-ambitu u l-livell tad-dettall tal-informazzjoni li trid tiġi inkluża fir-rapport ta’ valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent skont l-Artikolu 5(1) ta’ dik id-Direttiva.

    Il-punt ta’ kuntatt uniku kkonċernat għandu jiżgura li l-opinjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tinħareġ malajr kemm jista’ jkun u fi żmien li ma jaqbiżx il-45 jum mid-data tas-sottomissjoni tat-talba għall-opinjoni mill-promotur tal-proġett.

    2.   Fil-każ tal-Proġetti Strateġiċi li l-obbligu għalihom li jwettqu valutazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent jirriżulta simultanjament mid-Direttivi 92/43/KEE, 2000/60/KE, 2008/98/KE, 2009/147/KE, 2010/75/UE, 2011/92/UE jew 2012/18/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (39), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tiġi applikata proċedura koordinata jew konġunta li tissodisfa r-rekwiżiti kollha ta’ dawk l-atti leġiżlattivi tal-Unjoni.

    Skont il-proċedura koordinata msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-awtorità kompetenti għandha tikkoordina d-diversi valutazzjonijiet individwali tal-impatt fuq l-ambjent ta’ proġett partikolari meħtieġa mill-atti leġiżlattivi rilevanti tal-Unjoni.

    Skont il-proċedura konġunta msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-awtorità kompetenti għandha tipprevedi valutazzjoni unika tal-impatt fuq l-ambjent ta’ proġett partikolari meħtieġa mill-atti leġiżlattivi rilevanti tal-Unjoni.

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati joħorġu l-konklużjoni motivata msemmija fl-Artikolu 1(2), il-punt (g)(iv), tad-Direttiva 2011/92/UE dwar il-valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent ta’ Proġett Strateġiku fi żmien 90 jum minn meta jirċievu l-informazzjoni kollha meħtieġa skont l-Artikoli 5, 6 u 7 ta’ dik id-Direttiva u wara li jlestu l-konsultazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 6 u 7 ta’ dik id-Direttiva.

    4.   F’każijiet eċċezzjonali, meta n-natura, il-kumplessità, il-post jew id-daqs tal-proġett propost jeżiġu dan, l-Istati Membri jistgħu jestendu l-limiti taż-żmien imsemmija fil-paragrafu 3 sa massimu ta’ 20 jum, qabel l-iskadenza tagħhom u abbażi ta’ każ b’każ. F’dak il-każ, il-punt ta’ kuntatt uniku kkonċernat għandu jinforma bil-miktub lill-promotur tal-proġett bir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-estensjoni u l-iskadenza għall-konklużjoni motivata tiegħu.

    5.   Fil-każ ta’ Proġetti Strateġiċi, l-iskeda taż-żmien għall-konsultazzjoni tal-pubbliku kkonċernat kif imsemmi fl-Artikolu 1(2), il-punt (e), tad-Direttiva 2011/92/UE u l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 6(1) ta’ dik id-Direttiva dwar ir-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent imsemmi fl-Artikolu 5(1) ta’ dik id-Direttiva ma għandhiex tkun itwal minn 85 jum u, f’konformità mal-Artikolu 6(7) ta’ dik id-Direttiva, mhux iqsar minn 30 jum. F’każijiet eċċezzjonali, fejn in-natura, il-kumplessità, il-post jew id-daqs tal-proġett propost jeżiġu dan, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jestendi l-iskeda taż-żmien b’massimu ta’ 40 jum addizzjonali. Il-punt ta’ kuntatt uniku kkonċernat għandu

    6.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għall-proċess tal-għoti ta’ permessi għall-Proġetti Strateġiċi li jkunu daħlu fil-proċess tal-għoti ta’ permessi qabel ma jkunu ġew rikonoxxuti bħala Proġett Strateġiku.

    Il-paragrafi 2 sa 5 għandhom japplikaw għall-proċess tal-għoti ta’ permessi għall-Proġetti Strateġiċi li jkunu daħlu fil-proċess tal-għoti ta’ permessi qabel ma jkunu ġew rikonoxxuti bħala Proġett Strateġiku biss sal-punt li l-passi indirizzati f’dawk il-paragrafi jkunu għadhom ma tlestewx.

    Artikolu 13

    Ippjanar

    1.   L-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali responsabbli għat-tħejjija tal-pjanijiet, inkluż it-tqassim f’żoni, il-pjanijiet spazjali u l-pjanijiet tal-użu tal-art, għandhom jikkunsidraw li jinkludu f’dawn il-pjanijiet, fejn xieraq, dispożizzjonijiet għall-iżvilupp tal-proġetti tal-materja prima kritika. Meta jikkunsidraw li jinkludu tali dispożizzjonijiet, għandha tingħata prijorità lill-uċuħ artifiċjali u mibnija, lis-siti industrijali, lis-siti abbandunati, u lill-minjieri attivi jew abbandunati, inkluż, fejn ikun xieraq, l-okkorrenzi minerali identifikati.

    2.   Meta pjanijiet li jinkludu dispożizzjonijiet għall-iżvilupp tal-proġetti tal-materja prima kritika jkunu soġġetti għal valutazzjoni skont id-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (40) u skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/43/KEE, dawk il-valutazzjonijiet għandhom jiġu kkombinati. Fejn applikabbli, il-valutazzjoni kkombinata għandha tindirizza wkoll l-impatt fuq il-korpi tal-ilma potenzjalment affettwati msemmija fid-Direttiva 2000/60/KE. Meta l-Istati Membri rilevanti jkunu meħtieġa jivvalutaw l-impatti tal-attivitajiet eżistenti u futuri fuq l-ambjent tal-baħar, inkluż l-interazzjonijiet bejn l-art u l-baħar, kif imsemmi fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/89/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (41), dawk l-impatti għandhom jiġu koperti wkoll fil-valutazzjoni kkombinata.

    Artikolu 14

    Applikabbiltà tal-konvenzjonijiet tal-UNECE

    1.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligi skont il-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NUKEE) dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid tad-Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998, u skont il-Konvenzjoni tal-NUKEE dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali f’Kuntest Transkonfinali, iffirmata f’Espoo fil-25 ta’ Frar 1991 u l-Protokoll tagħha dwar il-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika, iffirmat fi Kyiv, fil-21 ta’ Mejju 2003.

    2.   Id-deċiżjonijiet kollha adottati skont din it-Taqsima għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku b’mod li jinftiehem u d-deċiżjonijiet kollha li jikkonċernaw l-istess proġett għandhom ikunu disponibbli fuq l-istess sit web.

    TAQSIMA 4

    Kundizzjonijiet abilitanti

    Artikolu 15

    Tħaffif tal-implimentazzjoni tal-Proġetti Strateġiċi

    1.   Il-Kummissjoni għandha twettaq attivitajiet, fejn ikun xieraq f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, biex iħaffu u jwaħħdu l-investimenti privati fi Proġetti Strateġiċi. Tali attivitajiet jistgħu, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE, jinkludu l-għoti u l-koordinazzjoni ta’ appoġġ lill-Proġetti Strateġiċi li jsibu diffikultajiet fl-aċċess għall-finanzjament.

    2.   L-Istat Membru li t-territorju tiegħu jkun ikkonċernat bi Proġett Strateġiku għandu jieħu l-miżuri biex jiffaċilita l-implimentazzjoni malajr u effettiva tiegħu. Dawk il-miżuri jistgħu jinkludu assistenza biex:

    (a)

    tkun żgurata l-konformità mal-obbligi amministrattivi u tar-rappurtar applikabbli;

    (b)

    tkompli tikber il-kapaċità ta’ promoturi tal-proġetti biex jiżguraw l-involviment sinifikanti u l-parteċipazzjoni attiva tal-komunitajiet affettwati mill-Proġett Strateġiku.

    Artikolu 16

    Koordinazzjoni tal-finanzjament

    1.   Is-sottogrupp permanenti stabbilit skont l-Artikolu 36(8), il-punt (a), għandu, meta jintalab minn promotur tal-proġett ta’ Proġett Strateġiku, jiddiskuti u jagħti pariri dwar kif il-finanzjament tal-proġett tiegħu jista’ jitlesta, filwaqt li jitqies il-finanzjament diġà miksub u billi mill-inqas jitqiesu l-elementi li ġejjin:

    (a)

    is-sorsi privati addizzjonali ta’ finanzjament;

    (b)

    l-appoġġ mingħand riżorsi tal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment jew istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra, inkluż il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp;

    (c)

    l-istrumenti u l-programmi eżistenti tal-Istati Membri, inkluż minn aġenziji ta’ kreditu għall-esportazzjoni, minn banek u istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali;

    (d)

    il-finanzjament u l-programmi tal-finanzjament rilevanti tal-Unjoni, b’emfasi partikolari fuq l-Inizjattiva Global Gateway għall-Proġetti Strateġiċi f’pajjiżi terzi jew f’PTEEs.

    2.   Sal-24 ta’ Mejju 2026, il-Kummissjoni għandha, abbażi tal-pariri tas-sottogrupp permanenti msemmi fl-Artikolu 36(8), il-punt (a), tissottometti rapport lill-Bord li jiddeskrivi l-ostakli għall-aċċess għall-finanzi għall-Proġetti Strateġiċi u r-rakkomandazzjonijiet biex jiġi ffaċilitat tali aċċess.

    Artikolu 17

    Iffaċilitar tal-ftehimiet off-take

    1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi sistema biex tiffaċilita l-konklużjoni ta’ ftehimiet off-take relatati mal-Proġetti Strateġiċi, f’konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni.

    2.   Is-sistema msemmija fil-paragrafu 1 għandha tippermetti lill-off-takers potenzjali jagħmlu offerti li jindikaw:

    (a)

    il-volum u l-kwalità tal-materja prima strateġika li jkun beħsiebhom jixtru;

    (b)

    il-prezz jew il-firxa tal-prezzijiet maħsuba;

    (c)

    it-terminu maħsub tal-ftehim off-take.

    3.   Is-sistema msemmija fil-paragrafu 1 għandha tippermetti lill-promoturi tal-proġetti ta’ Proġetti Strateġiċi jagħmlu offerti li jindikaw:

    (a)

    il-volum u l-kwalità tal-materja prima strateġika li dwarha jkun beħsiebhom jikkonkludu ftehimiet off-take;

    (b)

    il-prezz jew il-firxa tal-prezzijiet maħsuba li bihom ikunu lesti li jbigħu;

    (c)

    it-terminu maħsub tal-ftehim off-take.

    4.   Abbażi tal-offerti u l-offerti riċevuti skont il-paragrafi 2 u 3, il-Kummissjoni għandha tlaqqa’ lill-promoturi tal-proġetti ta’ Proġetti Strateġiċi mal-off-takers rilevanti għall-proġett tagħhom

    Artikolu 18

    Aċċessibbiltà online tal-informazzjoni amministrattiva

    1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni online li ġejja dwar il-proċessi amministrattivi rilevanti għall-proġetti tal-materja prima kritika, u b’mod ċentralizzat u faċilment aċċessibbli:

    (a)

    l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(2);

    (b)

    il-proċess tal-għoti ta’ permessi u l-proċessi amministrattivi relatati meħtieġa biex jingħataw il-permessi rilevanti;

    (c)

    is-servizzi tal-finanzjament u tal-investiment;

    (d)

    il-possibbiltajiet tal-finanzjament fil-livell tal-Unjoni jew tal-Istati Membri;

    (e)

    is-servizzi ta’ appoġġ kummerċjali, inkluż iżda mhux limitati għad-dikjarazzjoni tat-taxxa korporattiva, il-liġijiet tat-taxxa lokali jew il-liġi tax-xogħol.

    2.   Il-Kummissjoni, b’mod ċentralizzat u aċċessibbli faċilment, għandha tipprovdi informazzjoni online dwar il-proċessi amministrattivi rilevanti għar-rikonoxximent ta’ Proġetti Strateġiċi u dwar il-benefiċċji ta’ tali rikonoxximent.

    TAQSIMA 5

    Esplorazzjoni

    Artikolu 19

    Programmi nazzjonali tal-esplorazzjoni

    1.   Sal-24 ta’ Mejju 2025, kull Stat Membru għandu jfassal programm nazzjonali tal-esplorazzjoni ġenerali maħsub għall-materja prima kritika u minerali trasportaturi ta’ materja prima kritika. Dawk il-programmi nazzjonali għandhom jiġu rieżaminati u mill-anqas kull ħames snin jiġu aġġornati jekk ikun meħtieġ.

    2.   Il-programmi nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu miżuri biex tiżdied l-informazzjoni disponibbli dwar l-okkorrenzi ta’ materja prima kritika tal-Unjoni. Dawn għandhom jinkludu, skont kif ikun xieraq, il-miżuri li ġejjin:

    (a)

    immappjar tal-minerali fuq skala adattata;

    (b)

    kampanji ġeokimiċi, inkluż biex jiġu stabbiliti l-kompożizzjonijiet kimiċi tal-ħamrija, tas-sedimenti jew tal-blat;

    (c)

    stħarriġ ġeoxjentifiku, bħal stħarriġ ġeofiżiku;

    (d)

    ipproċessar tad-data miġbura bl-esplorazzjoni ġenerali, inkluż bl-iżvilupp ta’ mapep predittivi;

    (e)

    ipproċessar mill-ġdid tad-data eżistenti tal-istħarriġ ġeoxjentifiku biex jiġu verifikati okkorrenzi minerali mhux identifikati li fihom il-materja prima kritika u minerali trasportaturi tal-materja prima kritika.

    3.   Meta l-kundizzjonijiet ġeoloġiċi ta’ Stat Membru jkunu tali li, bi grad għoli ta’ ċertezza, ebda depożiti ta’ materja prima kritika jew minerali trasportaturi tagħhom ma jkunu se jiġu identifikati permezz tal-miżuri elenkati fil-paragrafu 2, il-programm nazzjonali msemmi fil-paragrafu 1 jista’ jikkonsisti f’evidenza xjentifika għal dak l-effett. Tali evidenza għandha tiġi aġġornata, fil-kuntest tar-rieżami regolari tal-programm nazzjonali, biex tirrifletti kwalunkwe bidla fil-lista tal-materja prima kritika.

    4.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-programmi nazzjonali tagħhom imsemmija fil-paragrafu 1.

    5.   L-Istati Membri għandhom, fir-rapporti tagħhom sottomessi skont l-Artikolu 45, jipprovdu informazzjoni dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-miżuri inklużi fil-programmi nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

    6.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu mapep li juru informazzjoni bażika dwar l-okkorrenzi minerali li jkun fihom il-materja prima kritika miġbura bil-miżuri stabbiliti fil-programmi nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 disponibbli għall-pubbliku fuq sit web b’aċċess liberu. Dik l-informazzjoni għandha, fejn applikabbli, tinkludi l-klassifikazzjoni tal-okkorrenzi identifikati bil-Klassifikazzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Riżorsi. Għandha tkun disponibbli informazzjoni aktar dettaljata, inkluż data ġeokimika u ġeofiżika b’riżoluzzjoni xierqa u mmappjar ġeoloġiku fuq skala kbira, meta tintalab.

    Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi mudell biex l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ssir disponibbli. Il-mudell jista’ jindika kif għandha tiġi espressa l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 39(2).

    7.   Filwaqt li jqis il-kooperazzjoni eżistenti dwar l-esplorazzjoni ġenerali, is-sottogrupp permanenti msemmi fl-Artikolu 36(8), il-punt (c), għandu jiddiskuti l-programmi nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u l-implimentazzjoni tagħhom, inkluż mill-inqas:

    (a)

    il-potenzjal ta’ kooperazzjoni, inkluż dwar l-esplorazzjoni ta’ okkorrenzi minerali transfruntieri u formazzjonijiet ġeoloġiċi komuni;

    (b)

    l-aqwa prattiki relatati mal-miżuri elenkati fil-paragrafu 2;

    (c)

    il-possibbiltà li tinħoloq bażi tad-data integrata għall-ħżin tar-riżultati tal-programmi nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1.

    KAPITOLU 4

    MONITORAĠĠ U MITIGAZZJONI TAR-RISKJU

    Artikolu 20

    Monitoraġġ u ttestjar tal-istress

    1.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja r-riskji tal-provvista relatati mal-materja prima kritika, b’mod partikolari dawk li jirriskjaw li jfixklu l-kompetizzjoni jew jifframmentaw is-suq intern.

    Dak il-monitoraġġ għandu jkopri mill-inqas l-evoluzzjoni tal-parametri li ġejjin:

    (a)

    il-flussi kummerċjali bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi u fi ħdan is-suq intern;

    (b)

    id-domanda u l-provvista;

    (c)

    il-konċentrazzjoni tal-provvista;

    (d)

    il-produzzjoni u l-kapaċitajiet tal-produzzjoni tal-Unjoni u dinjija fi stadji differenti tal-katina tal-valur tal-materja prima;

    (e)

    il-volatilità tal-prezzijiet;

    (f)

    konġestjonijiet fi kwalunkwe stadju tal-produzzjoni tal-Unjoni u l-awtorizzazzjoni tal-konġestjonijiet għall-Proġetti Strateġiċi fi ħdan l-Unjoni;

    (g)

    l-ostakli potenzjali għall-kummerċ tal-materja prima kritika jew ta’ oġġetti li jużaw il-materja prima kritika bħala input fis-suq intern.

    2.   L-awtoritajiet nazzjonali li jipparteċipaw fis-sottogrupp permanenti msemmi fl-Artikolu 36(8), il-punt (e) għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu billi:

    (a)

    jikkondividu kull informazzjoni rilevanti li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom dwar l-evoluzzjoni tal-parametri elenkati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għajr il-punt (e) ta’ dan l-Artikolu, inkluża l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 21;

    (b)

    jiġbru, b’koordinazzjoni mal-Kummissjoni u l-awtoritajiet parteċipanti l-oħra, informazzjoni dwar l-evoluzzjoni tal-parametri elenkati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, inkluża l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 21;

    (c)

    jipprovdu analiżi tar-riskji tal-provvista tal-materja prima kritika fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-parametri elenkati fil-paragrafu 1;

    (d)

    jinfurmaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien jekk l-Istat Membru jsir jaf b’xi riskju ta’ tfixkil serju fil-provvista relatat mal-materja prima kritika.

    3.   Il-Kummissjoni, b’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali li jipparteċipaw fis-sottogrupp permanenti msemmi fl-Artikolu 36(8), il-punt (e), għandha tiżgura li jitwettaq test tal-istress għall-katina tal-provvista ta’ kull materja prima strateġika mill-anqas kull tliet snin jew jekk tiġi identifikata żieda sinifikanti fir-riskji għall-provvista b’riżultat tal-monitoraġġ imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu. Għal dak il-għan, is-sottogrupp permanenti msemmi fl-Artikolu 36(8), il-punt (e), għandu jikkoordina u jaqsam l-implimentazzjoni tat-testijiet tal-istress tal-materja prima strateġika differenti mill-awtoritajiet parteċipanti differenti.

    It-testijiet tal-istress imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jikkonsistu f’valutazzjoni tal-vulnerabbiltà tal-katina tal-provvista tal-materja prima tal-Unjoni tal-materja prima strateġika rilevanti għat-tfixkil fil-provvista billi jiġi stmat l-impatt ta’ xenarji differenti li jistgħu jikkawżaw tali tfixkil fil-provvista u l-effetti potenzjali tagħhom, filwaqt li jitqiesu mill-anqas l-elementi li ġejjin:

    (a)

    il-post fejn tiġi estratta, ipproċessata jew irriċiklata l-materja prima strateġika kkonċernata;

    (b)

    il-kapaċitajiet tal-operaturi ekonomiċi tul il-katina tal-valur tal-materja prima kif ukoll l-istruttura tas-suq;

    (c)

    il-fatturi li jistgħu jaffettwaw il-provvista, inkluż iżda mhux limitati għas-sitwazzjoni ġeopolitika, il-loġistika, il-provvista tal-enerġija, il-forza tax-xogħol jew id-diżastri naturali;

    (d)

    id-disponibbiltà u l-kapaċità li jiġu ddiversifikati s-sorsi tal-provvista, il-materjali sostituti jew li titnaqqas id-domanda;

    (e)

    l-utenti tal-materja prima strateġika rilevanti tul il-katina tal-valur tal-materja prima u s-sehem tagħhom mid-domanda, b’attenzjoni speċjali għall-manifattura ta’ teknoloġiji rilevanti għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u l-applikazzjonijiet tad-difiża u ajruspazjali.

    (f)

    l-ostakli potenzjali għall-kummerċ transfruntier tal-materja prima strateġika rilevanti jew tal-oġġetti li jużaw il-materja prima strateġika bħala input fis-suq intern.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel għodda tal-monitoraġġ disponibbli għall-pubbliku fuq sit web b’aċċess liberu, u taġġornaha regolarment, u għandu jkun fiha:

    (a)

    informazzjoni aggregata dwar l-evoluzzjoni tal-parametri msemmija fil-paragrafu 1;

    (b)

    deskrizzjoni aggregata tal-kalkolu tar-riskju tal-provvista tal-materja prima kritika fid-dawl tal-informazzjoni msemmija fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu;

    (c)

    fejn ikun xieraq, suġġerimenti ġenerali għal strateġiji xierqa tal-mitigazzjoni biex jonqos ir-riskju tal-provvista, sakemm il-fatt li tali suġġerimenti ġenerali isiru disponibbli għall-pubbliku ma jipperikolax il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali jew tan-negozju jew informazzjoni sensittiva,kunfidenzjali jew klassifikata oħra.

    5.   Il-Kummissjoni għandha tanalizza l-informazzjoni miġbura abbażi tal-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu. Fejn, abbażi tal-analiżi tagħha, il-Kummissjoni jidhrilha li jkun hemm indikazzjoni ċara tar-riskju ta’ tfixkil fil-provvista li aktarx se jfixkel il-kompetizzjoni jew jifframmenta is-suq intern, il-Kummissjoni għandha tavża lill-Istati Membri, lill-Bord u lill-korpi ta’ governanza tal-Unjoni dwar mekkaniżmi ta’ viġilanza għall-kriżijiet jew ta’ mmaniġġjar tal-kriżijiet li l-ambitu tagħhom ikun ikopri l-materja prima strateġika jew kritika rilevanti. Meta jkun rilevanti, il-Kummissjoni għandha tivvaluta wkoll jekk dan ir-riskju jirrikjedix aġġornament tal-lista ta’ materja prima strateġika skont l-Artikolu 3(3).

    Artikolu 21

    Obbligi ta’ informazzjoni għall-monitoraġġ

    1.   L-Istati Membri għandhom, fir-rapport tagħhom sottomessi skont l-Artikolu 45, jipprovdu informazzjoni lill-Kummissjoni dwar proġett tal-materja prima kritika ġdid jew eżistenti fit-territorju tagħhom li jkun rilevanti fir-rigward tal-Artikolu 20(1), il-punt (d), inkluż klassifikazzjoni ta’ proġetti ġodda skont il-Klassifikazzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Riżorsi.

    2.   L-Istati Membri għandhom jidentifikaw l-operaturi ewlenin tas-suq tul il-katina tal-valur tal-materja prima kritika stabbilita fit-territorju tagħhom u għandhom:

    (a)

    jimmonitorjaw l-attivitajiet tagħhom billi jesploraw id-data disponibbli pubblikament u jekk ikun meħtieġ permezz ta’ stħarriġiet regolari u proporzjonati biex jiġbru l-informazzjoni meħtieġa għall-monitoraġġ u l-ittestjar tal-istress tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 20;

    (b)

    fir-rapporti tagħhom sottomessi skont l-Artikolu 45, jipprovdu informazzjoni dwar ir-riżultati tal-informazzjoni miġbura skont il-punt (a) ta’ dan is-subparagrafu;

    (c)

    jinnotifikaw mingħajr dewmien lill-Kummissjoni dwar eventi maġġuri li jistgħu jfixklu l-operazzjonijiet regolari tal-attivitajiet tal-operaturi ewlenin tas-suq.

    L-operaturi tas-suq ewlenin jistgħu jirrifjutaw li jissottomettu data rikjesta skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu jekk il-kondiviżjoni ta’ tali data twassal għall-iżvelar ta’ sigrieti kummerċjali jew tan-negozju. Huma għandhom jissottomettu tali data biss safejn tkun diġà disponibbli għalihom. Fejn operatur tas-suq ewlieni jirrifjuta li jissottometti d-data rikjesta jew jiddikjara li din ma hijiex disponibbli, huwa għandu jipprovdi lill-Istat Membru rikjedenti bir-raġunijiet għal dan.

    3.   L-Istati Membri għandhom jibagħtu d-data miġbura skont il-paragrafu 2, il-punti (a) u (b), ta’ dan l-Artikolu lill-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika u lill-Eurostat għall-finijiet tal-kompilazzjoni tal-istatistika f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (42). L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw l-awtorità nazzjonali responsabbli għat-trażmissjoni tad-data lill-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika u lill-Eurostat.

    Artikolu 22

    Rappurtar dwar l-istokkijiet strateġiċi

    1.   L-Istati Membri għandhom, fir-rapporti tagħhom sottomessi skont l-Artikolu 45, jissottomettu informazzjoni lill-Kummissjoni dwar l-istat tal-istokkijiet strateġiċi tagħhom tal-materja prima strateġika. L-Istati Membri ma għandhomx ikunu meħtieġa jipprovdu informazzjoni dwar ċerti stokkijiet strateġiċi meta tali informazzjoni tista’ tikkomprometti d-difiża jew is-sigurtà nazzjonali tagħhom. Fejn Stat Membru jirrifjuta jipprovdi tali informazzjoni, huwa għandu jipprovdi avviż ġustifikat.

    2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkopri l-istokkijiet strateġiċi miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi kollha, il-kumpaniji pubbliċi jew l-operaturi ekonomiċi inkarigati minn Stat Membru biex isaħħu l-istokkijiet strateġiċi f’ismu u għandha mill-anqas tinkludi deskrizzjoni ta’:

    (a)

    il-livell tal-istokkijiet strateġiċi disponibbli ta’ kull materja prima strateġika, fuq livell aggregat, imkejjel bħala tunnellati u bħala persentaġġ tal-konsum nazzjonali annwali tal-materja prima strateġika rilevanti, kif ukoll il-forma kimika u l-purità tal-materja prima maħżuna;

    (b)

    l-evoluzzjoni tal-livell tal-istokkijiet strateġiċi disponibbli ta’ kull materja prima strateġika, fuq livell aggregat, tul il-ħames snin preċedenti;

    (c)

    kwalunkwe regola jew proċedura applikabbli għar-rilaxx, l-allokazzjoni u d-distribuzzjoni tal-istokkijiet strateġiċi, dment li l-kondiviżjoni ta’ tali informazzjoni ma tipperikolax il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali jew tan-negozju jew informazzjoni kklassifikata, kunfidenzjali jew sensittiva oħra.

    3.   Ir-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jinkludu informazzjoni dwar l-istokkijiet strateġiċi tal-materja prima kritika u ta’ materja prima oħra.

    Artikolu 23

    Koordinazzjoni tal-istokkijiet strateġiċi

    1.   Sal-24 ta’ Mejju 2026 u kull sentejn wara dan, il-Kummissjoni għandha, abbażi tal-informazzjoni li tirċievi skont l-Artikolu 22(1), taqsam mal-Bord:

    (a)

    abbozz ta’ parametru referenzjarju li jindika livell sikur tal-istokkijiet strateġiċi tal-Unjoni ta’ kull materja prima strateġika, kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;

    (b)

    paragun tal-livell ġenerali tal-istokkijiet strateġiċi tal-Unjoni għal kull materja prima strateġika u l-abbozz tal-parametru referenzjarju msemmi fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu;

    (c)

    informazzjoni dwar l-aċċessibbiltà transfruntiera potenzjali tal-istokkijiet strateġiċi, fid-dawl tar-regoli jew tal-proċeduri għar-rilaxx, l-allokazzjoni u d-distribuzzjoni tagħhom.

    2.   Il-Kummissjoni, filwaqt li tqis il-fehmiet tal-Bord, għandha tadotta parametru referenzjarju li jindika livell sikur tal-istokkijiet strateġiċi tal-Unjoni ta’ materja prima strateġika. Dak il-parametru referenzjarju għandu:

    (a)

    jiġi espress bħala l-ammont ta’ materja prima strateġika meħtieġ biex ikopri ammont tal-jiem ta’ importazzjonijiet netti medji ta’ kuljum fil-każ ta’ tfixkil fil-provvista, ikkalkulat abbażi tal-ammont ta’ importazzjonijiet tul is-sena kalendarja preċedenti;

    (b)

    iqis l-informazzjoni disponibbli pubblikament dwar stokkijiet strateġiċi miżmuma minn operaturi privati;

    (c)

    ikun proporzjonat għar-riskju tal-provvista u għall-importanza ekonomika assoċjati mal-materja prima strateġika rilevanti.

    3.   Il-Kummissjoni tista’, filwaqt li tqis il-fehmiet tal-Bord, toħroġ opinjonijiet indirizzati lill-Istati Membri:

    (a)

    biex iżidu l-livell tal-istokkijiet strateġiċi, u fejn applikabbli l-kapaċitajiet tal-produzzjoni, filwaqt li jqisu l-paragun imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (b), id-distribuzzjoni relattiva tal-istokkijiet strateġiċi eżistenti fost l-Istati Membri u l-konsum tal-materja prima strateġika mill-operaturi ekonomiċi fit-territorji rispettivi tal-Istati Membri;

    (b)

    biex jemendaw jew jikkoordinaw ir-regoli jew il-proċeduri għar-rilaxx, l-allokazzjoni u d-distribuzzjoni tal-istokkijiet strateġiċi biex tittejjeb l-aċċessibbiltà transfruntiera potenzjali, b’mod partikolari fejn meħtieġ għall-produzzjoni ta’ teknoloġiji strateġiċi.

    4.   Fit-tħejjija tal-opinjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni u l-Bord għandhom jagħtu piż partikolari lill-ħtieġa li jinżammu u jiġu promossi inċentivi għall-operaturi privati, li jiddependu fuq il-materja prima strateġika bħala inputs, biex jikkostitwixxu l-istokkijiet strateġiċi proprji tagħhom jew biex jieħdu miżuri oħra li jimmaniġġjaw l-esponiment tagħhom għar-riskji tal-provvista.

    5.   L-Istati Membri għandhom, fir-rapporti tagħhom sottomessi skont l-Artikolu 45, jipprovdu informazzjoni dwar jekk u kif ikunu implimentaw jew ikun beħsiebhom jimplimentaw l-opinjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

    6.   Qabel il-parteċipazzjoni ta’ mill-anqas żewġ Stati Membri f’fora internazzjonali jew multilaterali fl-oqsma tal-istokkijiet strateġiċi tal-materja prima strateġika, il-Kummissjoni għandha tiżgura koordinazzjoni minn qabel bejn l-Istati Membri kkonċernati u l-Kummissjoni jew permezz ta’ laqgħa apposta tal-Bord.

    7.   Id-data miġbura dwar l-istokkijiet strateġiċi disponibbli għall-Unjoni għandha tingħata mill-Kummissjoni lill-korpi ta’ governanza tal-Unjoni responsabbli għall-mekkaniżmi ta’ viġilanza għall-kriżijiet jew ta’ mmaniġġjar tal-kriżijiet li jkopru l-materja prima strateġika rilevanti.

    8.   La dan l-Artikolu u lanqas l-Artikolu 22 ma għandhom jimponu obbligu fuq Stati Membri li jżommu jew li jirrilaxxaw stokkijiet strateġiċi.

    Artikolu 24

    Tħejjija tal-kumpaniji għar-riskju

    1.   Sal-24 ta’ Mejju 2025 u fi żmien 12-il xahar minn kull aġġornament tal-lista ta’ materja prima strateġika skont l-Artikolu 3(3), l-Istati Membri għandhom jidentifikaw il-kumpaniji kbar li joperaw fuq it-territorju tagħhom li jużaw il-materja prima strateġika biex jimmanifatturaw batteriji għall-ħżin tal-enerġija u l-mobbiltà elettronika, tagħmir relatat mal-produzzjoni u l-utilizzazzjoni tal-idroġenu, tagħmir relatat mal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, inġenji tal-ajru, muturi tat-trazzjoni, pompi tas-sħana, tagħmir relatat mat-trażmissjoni u l-ħżin tad-data, apparati elettroniċi mobbli, tagħmir relatat mal-manifattura tal-addittivi, tagħmir relatat mar-robotika, droni, lanċaturi tar-rokits, satelliti jew ċipep avvanzati.

    2.   Il-kumpaniji kbar imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom, mill-inqas kull tliet snin u sal-punt li l-informazzjoni rikjesta tkun disponibbli għalihom, iwettqu valutazzjoni tar-riskju tal-katina tal-provvista tal-materja prima tagħhom tal-materja prima strateġika, li tinkludi:

    (a)

    immappjar ta’ fejn tiġi estratta, ipproċessata jew irriċiklata l-materja prima strateġika li jużaw;

    (b)

    analiżi tal-fatturi li jistgħu jaffettwaw il-provvista tal-materja prima strateġika tagħhom;

    (c)

    valutazzjoni tal-vulnerabbiltajiet tagħhom għat-tfixkil tal-provvista.

    3.   Fejn l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu ma ssirx disponibbli għall-kumpaniji kbar kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu mill-fornituri tagħhom meta din tintalab, huma jistgħu jwettqu l-valutazzjoni tar-riskju tagħhom abbażi tal-informazzjoni ppubblikata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 20(4), jew ta’ informazzjoni disponibbli pubblikament mod ieħor, safejn ikun possibbli.

    4.   Jekk jiġu identifikati vulnerabbiltajiet sinifikanti għat-tfixkil fil-provvista bħala riżultat tal-valutazzjoni tar-riskju msemmi fil-paragrafu 2, il-kumpaniji kbar kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandhom jagħmlu sforz biex itaffu dawk il-vulnerabbiltajiet, inkluż billi jivvalutaw il-possibbiltà li jiddiversifikaw il-ktajjen tal-valur tal-materja prima tagħhom jew li jissostitwixxu l-materja prima strateġika.

    5.   Il-kumpaniji kbar kif imsemmi fil-paragrafu 1 jistgħu jippreżentaw rapport lill-bord tad-diretturi tagħhom li jkun fih ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju msemmija fil-paragrafu 2, inkluż is-sors tal-informazzjoni li fuqha hija bbażata l-valutazzjoni, kwalunkwe riskju sinifikanti identifikat kif ukoll il-miżuri ta’ mitigazzjoni previsti jew implimentati.

    6.   L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu lill-kumpaniji kbar kif imsemmi fil-paragrafu 1 biex jippreżentaw lill-bord tad-diretturi tagħhom ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 5, u t-talbiet għall-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3.

    Artikolu 25

    Xiri konġunt

    1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u topera sistema li taggrega d-domanda tal-impriżi interessati li jikkonsmaw materja prima strateġika stabbilita fl-Unjoni u li tfittex offerti mingħand il-fornituri biex tissodisfa dik id-domanda aggregata. Din għandha tkopri l-materja prima strateġika mhux ipproċessata u anki ipproċessata.

    2.   Qabel ma tiġi stabbiliti s-sistema msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha, wara konsultazzjoni mal-Bord, twettaq valutazzjoni tal-impatt mistenni tas-sistema fuq is-suq għal kull materja prima strateġika bil-ħsieb li tevita kwalunkwe impatt sproporzjonat fuq il-kompetizzjoni tas-suq intern.

    3.   Abbażi tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, meta tiġi stabbilita u tibda titħaddem is-sistema msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha:

    (a)

    tagħżel għal liema materja prima strateġika u f’liema stadju tal-ipproċessar tista’ tintuża s-sistema, filwaqt li jitqies ir-riskju relattiv tal-provvista tal-materja prima strateġika differenti;

    (b)

    tistabbilixxi ammonti minimi tal-materja prima strateġika mitluba għall-parteċipazzjoni fis-sistema, filwaqt li jitqies l-għadd mistenni ta’ parteċipanti interessati u l-ħtieġa li jkun żgurat numru maniġġabbli ta’ parteċipanti, u filwaqt li jittieħed kont tal-ħtiġijiet tal-SMEs.

    4.   Il-parteċipazzjoni fis-sistema msemmija fil-paragrafu 3, il-punt (b), għandha tkun miftuħa u trasparenti għall-impriżi interessati kollha stabbiliti fl-Unjoni.

    5.   L-impriżi tal-Unjoni li jipparteċipaw fis-sistema msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jinnegozjaw b’mod trasparenti u b’mod konġunt ix-xiri, inkluż il-prezzijiet jew termini u kundizzjonijiet oħra tal-ftehim tax-xiri jew jużaw xiri konġunt biex jiksbu kundizzjonijiet aħjar mal-fornituri tagħhom jew biex jipprevjenu l-iskarsezzi. L-impriżi parteċipanti tal-Unjoni għandhom jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni, inkluż mal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

    6.   L-entitajiet għandhom jiġu esklużi milli jipparteċipaw fl-aggregazzjoni tad-domanda u x-xiri konġunt kif ukoll milli jipparteċipaw bħala fornituri jew bħala fornituri tas-servizzi jekk ikunu:

    (a)

    fil-mira ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni adottati skont l-Artikolu 215 tat-TFUE;

    (b)

    sidien jew ikkontrollati direttament jew indirettament minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi fil-mira ta’ tali miżuri restrittivi tal-Unjoni, jew li jaġixxu f’isimhom jew bid-direzzjoni tagħhom.

    7.   B’deroga mill-Artikolu 176 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (43), il-Kummissjoni għandha tikkuntratta s-servizzi meħtieġa ta’ entità stabbilita fl-Unjoni bi proċedura tal-akkwist skont dak ir-Regolament, li taġixxi bħala fornitur tas-servizzi biex tistabbilixxi u tħaddem is-sistema msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Il-fornitur tas-servizzi magħżul ma għandu jkollu l-ebda kunflitt ta’ interess.

    8.   Il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi l-kompiti fil-kuntratt tas-servizz li għandu jagħti l-fornitur tas-servizzi, inkluż l-allokazzjoni tad-domanda, l-allokazzjoni tad-drittijiet tal-aċċess għall-provvista, ir-reġistrazzjoni u l-verifika tal-parteċipanti kollha, il-pubblikazzjoni u r-rappurtar tal-attivitajiet u kull kompitu ieħor meħtieġ biex tiġi stabbilita u titħaddem is-sistema msemmija fil-paragrafu 1. Il-kuntratt tas-servizz għandu jittratta wkoll l-arranġamenti prattiċi relatati mal-operat tal-fornitur tas-servizzi, inkluż l-użu tal-għodda tal-IT, il-miżuri tas-sigurtà, il-munita/i, ir-reġim tal-pagament, u l-obbligazzjonijiet.

    9.   Il-kuntratt tas-servizz mal-fornitur tas-servizzi għandu jirriżerva d-dritt għall-Kummissjoni li timmonitorjah u tawditjah. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandu jkollha aċċess sħiħ għall-informazzjoni miżmuma mill-fornitur tas-servizzi fir-rigward tal-kuntratt. Is-servers u l-informazzjoni kollha għandhom jinsabu u jinħażnu fiżikament fit-territorju tal-Unjoni.

    10.   Il-kuntratt tas-servizz mal-fornitur tas-servizzi għandu jiddetermina s-sjieda tal-informazzjoni miksuba mill-fornitur tas-servizzi, u għandu jipprevedi t-trasferiment possibbli ta’ dik l-informazzjoni lill-Kummissjoni malli jintemm jew jiskadi l-kuntratt tas-servizz.

    KAPITOLU 5

    SOSTENIBBILTÀ

    TAQSIMA 1

    Ċirkolarità

    Artikolu 26

    Miżuri nazzjonali dwar iċ-ċirkolarità

    1.   Kull Stat Membru għandu sa sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 7, jadotta u jimplimenta, jew jinkludi fi, programmi nazzjonali li jkun fihom miżuri mfassla biex:

    (a)

    jinċentivaw il-progress teknoloġiku u l-effiċjenza fir-riżorsi sabiex jimmoderaw iż-żieda mistennija fil-konsum tal-Unjoni tal-materja prima kritika;

    (b)

    jippromwovu l-prevenzjoni tal-iskart u ż-żieda fl-użu mill-ġdid u t-tiswija tal-prodotti u l-komponenti mal-potenzjal tal-irkupru tal-materja prima kritika rilevanti;

    (c)

    iżidu l-ġbir, is-separazzjoni u l-ipproċessar tal-iskart b’potenzjal rilevanti ta’ rkupru tal-materja prima kritika, inkluż ir-ruttam tal-metall, u jiżguraw l-introduzzjoni tagħhom fis-sistema tar-riċiklaġġ xierqa, biex jiġu massimizzati d-disponibbiltà u l-kwalità tal-materjal riċiklabbli bħala input għall-faċilitajiet tar-riċiklaġġ tal-materja prima kritika;

    (d)

    iżidu l-użu tal-materja prima kritika sekondarja, inkluż, permezz ta’ miżuri bħal meta jitqies il-kontenut riċiklat fil-kriterji tal-għoti relatati mal-akkwist pubbliku jew l-inċentivi finanzjarji għall-użu tal-materja prima kritika sekondarja;

    (e)

    iżidu l-maturità teknoloġika tat-teknoloġiji tar-riċiklaġġ tal-materja prima kritika u jippromwovu d-disinn ċirkolari, l-effiċjenza tal-materjali u s-sostituzzjoni tal-materja prima kritika fil-prodotti u l-applikazzjonijiet, mill-inqas billi jiġu inklużi azzjonijiet ta’ appoġġ għal dak il-għan fil-programmi nazzjonali tar-riċerka u tal-innovazzjoni;

    (f)

    jiżguraw li jkun hemm miżuri fis-seħħ biex il-forza tax-xogħol tagħhom ikollhom il-ħiliet meħtieġa biex jappoġġaw iċ-ċirkolarità tal-katina tal-valur tal-materja prima kritika, inkluż miżuri dwar it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid;

    (g)

    fejn il-kontribuzzjonijiet finanzjarji jitħallsu mill-produttur f’konformità mal-obbligi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur tiegħu stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/98/KE, jippromwovu l-modulazzjoni ta’ tali kontribuzzjonijiet finanzjarji biex jinċentivaw sehem akbar tal-materja prima kritika sekondarja rikoverata mill-iskart, riċiklat skont l-istandards ambjentali rilevanti tal-Unjoni, biex jinsab f’prodotti;

    (h)

    jieħdu miżuri neċessarji li jiżguraw li l-materja prima kritika li tiġi esportata wara li ma tibqax tkun ikkunsidrata skart tissodisfa l-kundizzjonijiet rilevanti f’konformità mad-Direttiva 2008/98/KE u liġijiet tal-Unjoni rilevanti oħra;

    (i)

    fejn ikun rilevanti, jappoġġaw l-użu tal-istandards tal-kwalità tal-Unjoni għall-proċessi ta’ riċiklaġġ tal-flussi tal-iskart li jkun fihom il-materja prima kritika.

    2.   Il-programmi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jistgħu jiġu integrati fi pjanijiet ta’ mmaniġġjar ġodda jew eżistenti għall-immaniġġjar tal-iskart u programmi għall-prevenzjoni tal-iskart adottati skont l-Artikoli 28 u 29 tad-Direttiva 2008/98/KE.

    Il-programmi nazzjonali msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu rieżaminati fi żmien ħames snin mill-adozzjoni tagħhom u aġġornati jekk ikun meħtieġ.

    3.   Il-programmi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikopru b’mod partikolari l-prodotti u l-iskart li mhumiex soġġetti għal xi rekwiżit speċifiku dwar il-ġbir, it-trattament, ir-riċiklaġġ jew l-użu mill-ġdid skont il-liġi tal-Unjoni. Għal prodotti u skart oħrajn, il-miżuri għandhom jiġu implimentati f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.

    Fir-rigward tal-paragrafu 1, il-punti (b), (c) u (d), il-programmi msemmija f’dawk il-punti jistgħu jinkludu, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE, l-introduzzjoni ta’ inċentivi finanzjarji, bħal skontijiet, għotjiet monetarji jew sistemi tar-rifużjoni tad-depożiti, biex iħeġġu t-tħejjija għall-użu mill-ġdid u l-użu mill-ġdid tal-prodotti b’potenzjal rilevanti ta’ rkupru tal-materja prima kritika, u l-ġbir u t-trattament tal-iskart minn tali prodotti.

    4.   Il-miżuri nazzjonali msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jitfasslu bil-ħsieb li jevitaw l-ostakli għall-kummerċ u d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni f’konformità mat-TFUE.

    5.   L-Istati Membri għandhom jidentifikaw separatament, u jirrappurtaw, il-kwantitajiet tal-komponenti li fihom ammonti rilevanti tal-materja prima kritika minn skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku u l-kwantitajiet tal-materja prima kritika rkuprata minn tali skart.

    Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tispeċifika l-format u d-dettalji ta’ tali rappurtar. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 39(3).

    L-ewwel perjodu tar-rapportar għandu jkopri l-ewwel sena kalendarja sħiħa wara l-adozzjoni ta’ dawk l-atti ta’ implimentazzjoni. L-Istati Membri għandhom jissottomettu dik id-data meta jirrapportaw lill-Kummissjoni d-data dwar il-kwantitajiet ta’ skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku riċiklat skont l-Artikolu 16(6) tad-Direttiva 2012/19/UE.

    6.   L-Istati Membri għandhom, fir-rapporti tagħhom sottomessi skont l-Artikolu 45, jipprovdu informazzjoni dwar l-adozzjoni tal-programmi nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikilu u dwar il-progress fl-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri meħuda skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu.

    7.   Sal-24 ta’ Mejju 2025, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw lista ta’ prodotti, komponenti u flussi tal-iskart li jridu mill-inqas jitqiesu bħala li għandhom potenzjal qawwi ta’ rkupru tal-materja prima kritika rilevanti skont it-tifsira tal-paragrafu 1, il-punti (b) u (c).

    Fit-tfassil ta’ dik il-lista, il-Kummissjoni għandha tqis:

    (a)

    l-ammont totali tal-materja prima kritika li tista’ tiġi rkuprata minn dawk il-prodotti, komponenti u flussi tal-iskart;

    (b)

    il-punt sa fejn dawk il-prodotti, komponenti u flussi tal-iskart huma koperti mil-liġi tal-Unjoni;

    (c)

    il-lakuni regolatorji;

    (d)

    l-isfidi partikolari li jaffettwaw il-ġbir u t-trattament tal-iskart ta’ prodotti, komponenti u flussi tal-iskart;

    (e)

    is-sistemi eżistenti tal-ġbir u tat-trattament tal-iskart li japplikaw għal prodotti, komponenti u flussi tal-iskart.

    L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 39(3).

    Artikolu 27

    Irkupru tal-materja prima kritika mill-iskart tal-estrazzjoni

    1.   L-operaturi obbligati jfasslu pjanijiet għall-immaniġġjar tal-iskart f’konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/21/KE għandhom jipprovdu studju preliminari lill-awtorità kompetenti, kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (27), ta’ dik id-Direttiva, ta’ valutazzjoni ekonomika dwar l-irkupru potenzjali tal-materja prima kritika, minn:

    (a)

    l-iskart tal-estrazzjoni maħżun fil-faċilità; kif ukoll

    (b)

    l-iskart tal-estrazzjoni li jkun qed jiġi ġġenerat jew, meta jitqies aktar effettiv, mill-volum estratt qabel ma jsir skart.

    L-operaturi għandhom jiġu eżentati mill-obbligu stabbilit fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu fejn jistgħu juru lill-awtorità kompetenti, kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (27), tad-Direttiva 2006/21/KE, bi grad għoli ta’ ċertezza, li l-iskart tal-estrazzjoni ma jkunx fih materja prima kritika li hija teknikament rikoverabbli.

    2.   L-istudju msemmi fil-paragrafu 1 għandu mill-inqas jinkludi stima tal-kwantitajiet u tal-konċentrazzjonijiet tal-materja prima kritika li tinsab fl-iskart tal-estrazzjoni u fil-volum estratt u valutazzjoni tal-irkupru tekniku u ekonomiku tagħhom. L-operaturi għandhom jispeċifikaw il-metodi użati biex jagħtu stima ta’ dawk il-kwantitajiet u l-konċentrazzjonijiet.

    3.   Sal-24 ta’ Novembru 2026, l-operaturi tal-faċilitajiet tal-iskart tal-estrazzjoni għandhom jissottomettu l-istudju msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu lill-awtorità kompetenti kif definit fl-Artikolu 3, punt (27), tad-Direttiva 2006/21/KE. L-operaturi tal-faċilitajiet ġodda tal-iskart tal-estrazzjoni għandhom jissottomettu dak l-istudju lill-awtorità kompetenti kif definit fl-Artikolu 3, punt (27), tad-Direttiva 2006/21/KE meta jissottomettu l-pjanijiet tagħhom tal-immaniġġjar tal-iskart f’konformità mal-Artikolu 7 ta’ dik id-Direttiva.

    4.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu bażi tad-data tal-faċilitajiet tal-iskart tal-estrazzjoni magħluqa li hemm fuq it-territorju tagħhom, inkluż il-faċilitajiet tal-iskart tal-estrazzjoni abbandunati, ħlief faċilitajiet tal-iskart tal-estrazzjoni magħluqa fejn il-karatteristiċi partikolari tas-siti tal-iskart jew il-kundizzjonijiet ġeoloġiċi jagħmlu l-preżenza ta’ kwantitajiet potenzjalment teknikament rekuperabbli ta’ materja prima kritika improbabbli. Dik il-bażi tad-data għandu jkun fiha informazzjoni dwar:

    (a)

    il-post, il-firxa taż-żona u l-volum tal-iskart, jew meta xieraq, il-volum stmat, tal-faċilità tal-iskart tal-estrazzjoni;

    (b)

    l-operatur jew l-operatur preċedenti tal-faċilità tal-iskart tal-estrazzjoni u, fejn applikabbli, is-suċċessur legali tagħhom;

    (c)

    il-kwantitajiet u l-konċentrazzjonijiet approssimattivi tal-materja prima kollha li tinsab fl-iskart tal-estrazzjoni u, meta disponibbli, fid-depożitu minerali oriġinali, f’konformità mal-paragrafu 7;

    (d)

    kull informazzjoni oħra meqjusa rilevanti mill-Istat Membru biex tippermetti l-irkupru tal-materja prima kritika minn faċilità tal-iskart tal-estrazzjoni.

    5.   Sal-24 ta’ Novembru 2027, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jimplimentaw miżuri biex jippromwovu l-irkupru tal-materja prima kritika mill-iskart tal-estrazzjoni, b’mod partikolari mill-faċilitajiet tal-iskart tal-estrazzjoni magħluqa identifikati fil-bażi tad-data msemmija fil-paragrafu 4 bħala li fihom materja prima kritika li potenzjalment tista’ tiġi rkuprata ekonomikament.

    6.   Il-bażi tad-data msemmija fil-paragrafu 4 għandha tiġi stabbilita sal-24 ta’ Novembru 2026 u l-informazzjoni kollha għandha tkun introdotta f’dik il-bażi tad-data sal-24 ta’ Mejju 2027. Għandha tkun disponibbli b’format aċċessibbli għall-pubbliku u diġitali u għandha tiġi aġġornata mill-inqas kull tliet snin biex tkun tinkludi informazzjoni addizzjonali disponibbli u l-faċilitajiet li jkun għadhom kif ingħalqu jew kif ġew identifikati.

    7.   Biex jipprovdu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4, il-punt (c), l-Istati Membri għandhom iwettqu mill-inqas l-attivitajiet li ġejjin:

    (a)

    għall-faċilitajiet tal-iskart tal-estrazzjoni magħluqin, l-Istati Membri għandhom, sal-24 ta’ Novembru 2026, jirrieżaminaw b’mod komprensiv il-fajls tal-permessi disponibbli, jew dokumentazzjoni disponibbli oħra meta l-fajls tal-permessi ma jeżistux;

    (b)

    għal dawk il-faċilitajiet tal-iskart tal-estrazzjoni fejn l-informazzjoni disponibbli tista’ tindika l-preżenza ta’ kwantitajiet potenzjalment rekuperabbli ekonomikament ta’ materja prima kritika, l-Istati Membri għandhom, sal-24 ta’ Mejju 2026 iwettqu wkoll kampjunar ġeokimiku rappreżentattiv;

    (c)

    għal dawk il-faċilitajiet tal-iskart tal-estrazzjoni fejn l-attivitajiet deskritti fil-punti (a) u (b) ta’ dan il-paragrafu jkunu indikaw kwantitajiet potenzjalment rekuperabbli ekonomikament ta’ materja prima kritika, l-Istati Membri għandhom, sal-24 ta’ Marzu 2027, iwettqu wkoll, kampjunar aktar dettaljat b’karatterizzazzjoni kimika u mineraloġika sussegwenti li tinvolvi core-logging jew tekniki ekwivalenti, meta dan ikun favur l-ambjent f’konformità mar-rekwiżiti ambjentali applikabbli fil-livell tal-Unjoni u mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2006/21/KE meta rilevanti.

    8.   L-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 7 għandhom isiru fil-limiti tas-sistemi legali nazzjonali relatati mar-riżorsi minerali, mal-iskart, mad-drittijiet tal-proprjetà, mas-sjieda tal-art, l-impatti fuq l-ambjent u fuq is-saħħa u kull dispożizzjoni rilevanti oħra. Meta tali fatturi jxekklu l-attivitajiet, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom ifittxu l-kooperazzjoni tal-operatur jew tas-sid tal-faċilità tal-iskart tal-estrazzjoni. Ir-riżultati tal-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 7 għandhom ikunu aċċessibbli bħala parti mill-bażi tad-data msemmija fil-paragrafu 4. Meta possibbli, l-Istati Membri għandhom jinkludu klassifikazzjoni fil-bażi tad-data tal-faċilitajiet magħluqa tal-iskart tal-estrazzjoni skont il-Klassifikazzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Riżorsi.

    Artikolu 28

    Riċiklabbiltà tal-kalamiti permanenti

    1.   Minn sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 2, kull persuna fiżika jew ġuridika li tqiegħed fis-suq apparat tal-immaġni bir-reżonanza manjetika, ġeneraturi tal-enerġija eolika, robots industrijali, vetturi bil-mutur, mezzi tat-trasport ħfief, ġeneraturi tat-tkessiħ, pompi tas-sħana, muturi elettriċi, inkluż fejn muturi elettroniċi jkunu integrati fi prodotti oħra, magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ awtomatiċi, magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ, microwaves, vacuum cleaners jew magni tal-ħasil tal-platti għandha tiżgura li dawk il-prodotti jkollhom tikketta li tidher, tinqara b’mod ċar u li ma titħassarx li tindika:

    (a)

    jekk dawk il-prodotti jinkorporawx kalamita permanenti waħda jew aktar;

    (b)

    jekk il-prodott jinkorporax kalamita permanenti waħda jew aktar, jekk dawk il-kalamiti permanenti jappartjenux għal xi wieħed mit-tipi li ġejjin:

    (i)

    neodimju-ħadid-boron;

    (ii)

    samarju-kobalt;

    (iii)

    aluminju-nikil-kobalt;

    (iv)

    ferrite.

    2.   Sal-24 ta’ Novembru 2026, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi l-format għat-tikkettar imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 39(3).

    3.   Minn sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 2, kull persuna fiżika jew ġuridika li tqiegħed fis-suq prodotti msemmija fil-paragrafu 1 li jinkorporaw kalamita permanenti waħda jew aktar tat-tipi msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (b), għandha tiżgura li fuq il-prodott jew fil-prodott ikun hemm trasportatur tad-data.

    4.   It-trasportatur tad-data msemmi fil-paragrafu 3 għandu jkun marbut ma’ identifikatur uniku tal-prodott li jipprovdi aċċess għal dan li ġej:

    (a)

    l-isem, l-isem kummerċjali rreġistrat jew il-marka kummerċjali reġistrata u l-indirizz postali tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli u, meta disponibbli, il-mezzi elettroniċi tal-komunikazzjoni fejn jistgħu jiġu kkuntattjati;

    (b)

    informazzjoni dwar il-piż, il-post u l-kompożizzjoni kimika tal-kalamiti permanenti individwali kollha inklużi fil-prodott, u dwar il-preżenza u t-tip ta’ kisi tal-kalamiti, kolol u kull addittiv użat;

    (c)

    informazzjoni li tippermetti l-aċċess u t-tneħħija sikura tal-kalamiti permanenti kollha inkorporati fil-prodott, li mill-inqas tinkludi s-sekwenza tal-passi tat-tneħħija, l-għodod jew it-teknoloġiji kollha meħtieġa għall-aċċess u t-tneħħija tal-kalamita permanenti, mingħajr preġudizzju għall-provvista ta’ informazzjoni lill-faċilitajiet tat-trattament skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2012/19/UE.

    5.   Għall-prodotti meta l-kalamiti permanenti inkorporati jkunu jinsabu esklussivament f’mutur elettriku wieħed jew aktar inkorporati fil-prodott, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4, il-punt (b), tista’ tinbidel b’informazzjoni dwar il-post ta’ dawk il-muturi elettriċi, u l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4, il-punt (c), tista’ tinbidel b’informazzjoni dwar l-aċċess u t-tneħħija tal-muturi elettriċi, li mill-inqas tinkludi s-sekwenza tal-passi tat-tneħħija, l-għodod jew it-teknoloġiji kollha meħtieġa għall-aċċess u t-tneħħija tal-muturi elettriċi.

    6.   Għall-prodotti msemmija fil-paragrafu 3 li għalihom hu meħtieġ passaport tal-prodott skont att legali ieħor tal-Unjoni, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 għandha tiġi inkluża f’dak il-passaport tal-prodott.

    7.   Il-persuna fiżika jew ġuridikali tqiegħed prodott imsemmi fil-paragrafu 3 fis-suq għandha tiżgura li informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 tkun kompluta, aġġornata, u eżatta u tibqa’ disponibbli għal perjodu mill-anqas sa għaxar snin wara t-tul tal-ħajja tipiku tal-prodott, inkluż wara insolvenza, likwidazzjoni jew waqfien tal-attività fl-Unjoni tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli. Dik il-persuna tista’ tawtorizza persuna fiżika jew ġuridika oħra biex taġixxi f’isimha.

    L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 għandha tirreferi għall-mudell tal-prodott jew, meta l-informazzjoni tkun differenti bejn unitajiet tal-istess mudell, għal lott jew unità partikolari. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 għandha tkun aċċessibbli għas-sewwejja, ir-riċiklaturi, għall-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u għall-awtoritajiet doganali.

    8.   Meta r-rekwiżiti tal-informazzjoni relatati mar-riċiklaġġ tal-kalamiti permanenti jiġu stabbiliti f’leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni ta’ xi wieħed mill-prodotti elenkati fil-paragrafu 1, dawk ir-rekwiżiti għandhom japplikaw għall-prodotti kkonċernati minflok dan l-Artikolu.

    9.   Il-prodotti ddisinjati primarjament għall-applikazzjonijiet tad-difiża jew spazjali għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu.

    10.   Mill-24 ta’ Mejju 2029, dan l-Artikolu għandu japplika għall-apparat tal-immaġni bir-reżonanza manjetika, il-vetturi bil-mutur u l-mezzi tat-trasport ħfief li huma vetturi approvati skont it-tip tal-kategorija L.

    11.   Dan l-Artikolu ma għandux japplika għal:

    (a)

    vetturi bi skop speċjali kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (31), tar-Regolament (UE) 2018/858;

    (b)

    partijiet ta’ vettura, għajr mill-vettura bazi, li ġew approvati skont it-tip f’approvazzjoni skont it-tip ta’ diversi stadji tal-kategoriji N1, N2, N3, M2 jew M3;

    (c)

    vetturi prodotti f’serje żgħar, kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (30), tar-Regolament (UE) 2018/858.

    12.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 38 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tipprovdi lista tal-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħqudaf’konformità mal-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (44) u deskrizzjonijiet tal-prodott li jikkorrispondu għall-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu biex tiffaċilita l-ħidma tal-awtoritajiet doganali fir-rigward ta’ dawk il-prodotti u r-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu u fl-Artikolu 29.

    Artikolu 29

    Kontenut riċiklat tal-kalamiti permanenti

    1.   Sal-24 ta’ Mejju 2027 jew sentejn mid-dħul fis-seħħ tal-att delegat imsemmi fil-paragrafu 2, skont liema minnhom jiġi l-aħħar, kull persuna fiżika jew ġuridika li tqiegħed fis-suq prodotti msemmija fl-Artikolu 28(1) li jinkorporaw kalamita permanenti waħda jew aktar imsemmija fl-Artikolu 28(1), il-punt (b), (i), (ii) u (iii), u li għalihom il-piż totali ta’ dawn il-kalamiti permanenti kollha jaqbeż iż-0,2 kg, għandha tagħmel disponibbli għall-pubbliku fuq sit web b’aċċess liberu s-sehem ta’ neodimju, disprożju, praseodimju, terbju, boron, samarju, nikil u kobalt irkuprati mill-iskart ta’ wara l-konsum li jkun preżenti fil-kalamiti permanenti inkorporati fil-prodott.

    2.   Sal-24 ta’ Mejju 2026, il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 38 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi regoli għall-kalkolu u l-verifika tas-sehem ta’ neodimju, disprożju, praseodimju, terbju, boron, samarju, nikil u kobalt irkuprati mill-iskart ta’ wara l-konsum li jkun preżenti fil-kalamiti permanenti inkorporati fil-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

    Ir-regoli tal-kalkolu u tal-verifika għandhom jispeċifikaw il-proċedura applikabbli tal-valutazzjoni tal-konformità minn fost il-moduli stabbiliti fl-Anness II tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (45), bl-adattamenti meħtieġa fid-dawl tal-prodotti kkonċernati. Meta tispeċifika l-proċedura applikabbli tal-valutazzjoni tal-konformità, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-kriterji li ġejjin:

    (a)

    jekk il-modulu kkonċernat hux xieraq għat-tip ta’ prodott u proporzjonat għall-interess pubbliku segwit;

    (b)

    in-natura tar-riskji preżentati mill-prodott u sa fejn il-valutazzjoni tal-konformità tikkorrispondi għat-tip u l-grad tar-riskju;

    (c)

    meta l-involviment tal-partijiet terzi jkun obbligatorju, il-ħtieġa tal-manifattur li jkollu għażla bejn il-moduli tal-assigurazzjoni tal-kwalità u taċ-ċertifikazzjoni tal-prodott stabbiliti fl-Anness II tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE.

    3.   Wara d-dħul fis-seħħ tal-att delegat adottat skont il-paragrafu 2, u fi kwalunkwe każ sal-31 ta’ Diċembru 2031, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati li jissupplementaw dan ir-Regolament billi tistabbilixxi ishma minimi għan-neodimju, id-disprożju, il-praseodimju, it-terbju, il-boron, is-samarju, in-nikil u l-kobalt irkuprati mill-iskart ta’ wara l-konsum li jridu jkunu preżenti fil-kalamita permanenti inkorporata fil-prodotti msemmija fil-paragrafu 1.

    L-atti delegati msemmija fl-ewwel subparagrafu jistgħu japplikaw ishma minimi differenti għal prodotti diftferenti u jistgħu jeskludu ċerti prodotti. Huma għandhom jipprevedu perjodi tranżizzjonali aġġustati skont id-diffikultà ta’ adattament tal-prodotti koperti mill-miżura, biex tkun żgurata l-konformità.

    Is-sehem minimu msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun ibbażat fuq valutazzjoni minn qabel tal-impatti, filwaqt li jitqiesu:

    (a)

    id-disponibbiltà eżistenti u mbassra tan-neodimju, tad-disprożju, tal-praseodimju, tat-terbju, tal-boron, tas-samarju, tan-nikil u tal-kobalt irkuprati mill-iskart ta’ wara l-konsum;

    (b)

    l-informazzjoni miġbura skont il-paragrafu 1 u d-distribuzzjoni relattiva tas-sehem tal-kontenut riċiklat fil-kalamiti permanenti inkorporati fil-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 imqiegħda fis-suq;

    (c)

    il-progress tekniku u xjentifiku, inkluż bidliet konsiderevoli fit-teknoloġiji tal-kalamiti permanenti li jħallu impatt fuq it-tip ta’ materja rkuprata;

    (d)

    il-kontribut effettiv u potenzjali ta’ sehem minimu għall-objettivi klimatiċi u ambjentali tal-Unjoni;

    (e)

    l-impatti possibbli fuq il-funzjonament tal-prodotti li fihom il-kalamiti permanenti;

    (f)

    il-ħtieġa li jiġu evitati impatti negattivi sproporzjonati fuq l-affordabbiltà tal-kalamiti permanenti u tal-prodotti li fihom il-kalamiti permanenti.

    4.   Meta r-rekwiżiti relatati mal-kontenut riċiklat tal-kalamiti permanenti jiġu stabbiliti f’leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni għal kwalunkwe prodott elenkat fil-paragrafu 1, dawk ir-rekwiżiti għandhom japplikaw għall-prodotti kkonċernati minflok dan l-Artikolu.

    5.   Mid-data tal-applikazzjoni tar-rekwiżit stabbilit fil-paragrafu 1, meta joffru l-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 għall-bejgħ, inkluż fil-każ tal-bejgħ mill-bogħod, jew juruhom waqt attività kummerċjali, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi li jqiegħdu fis-suq il-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiżguraw li l-klijenti tagħhom ikollhom aċċess għall-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 qabel ma jintrabtu b’kuntratt tal-bejgħ.

    Il-persuni fiżiċi u ġuridiċi li jqiegħdu fis-suq il-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhomx jipprovdu jew juru tikketti, marki, simboli jew skrizzjonijiet li aktarx iqarrqu jew iħawdu lill-klijenti fir-rigward tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1. Il-prodotti ddisinjati primarjament għall-applikazzjonijiet tad-difiża jew spazjali għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu.

    6.   Għall-apparat tal-immaġni bir-reżonanza manjetika, il-vetturi bil-mutur u l-mezzi tat-trasport ħfief li huma vetturi approvati skont it-tip tal-kategorija L, ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1 u 5 għandhom japplikaw minn ħames snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-att delegat imsemmi fil-paragrafu 2.

    7.   Dan l-Artikolu ma għandux japplika għal:

    (a)

    vetturi bi skop speċjali kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (31), tar-Regolament (UE) 2018/858;

    (b)

    partijiet oħra ta’ vettura, għajr mill-vettura bażi, li ġew approvati skont it-tip f’approvazzjoni skont it-tip ta’ diversi stadji tal-kategoriji N1, N2, N3, M2 jew M3;

    (c)

    vetturi prodotti f’serje żgħar, kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (30), tar-Regolament (UE) 2018/858.

    TAQSIMA 2

    Ċertifikazzjoni u impronta ambjentali

    Artikolu 30

    Skemi rikonoxxuti

    1.   Il-gvernijiet, l-assoċjazzjonijiet tal-industrija u r-raggruppamenti tal-organizzazzjonijiet interessati li żviluppaw u jissorveljaw l-iskemi taċ-ċertifikazzjoni relatati mas-sostenibbiltà tal-materja prima kritika (“sidien tal-iskemi”) jistgħu japplikaw biex l-iskemi tagħhom jiġu rikonoxxuti mill-Kummissjoni.

    L-applikazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu jkun fihom kull evidenza rilevanti relatata mal-issodisfar tal-kriterji stabbiliti fl-Anness IV.

    Sal-24 ta’ Mejju 2027, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni biex tispeċifika mudell uniku li għandu jintuża mis-sidien tal-iskema biex jipprovdi l-informazzjoni minima li għandu jkun fihom l-applikazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 39(3).

    Il-punt sa fejn tkun meħtieġa d-dokumentazzjoni biex jimtela l-mudell uniku msemmi fit-tielet subparagrafu għandu jkun raġonevoli.

    2.   Meta, abbażi tal-evidenza pprovduta skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tiddetermina li skema ta’ ċertifikazzjoni tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Anness IV, jew subsett tiegħu, għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jirrikonoxxu dik l-iskema u li jispeċifikaw il-kopertura rikonoxxuta tal-iskema. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 39(3).

    3.   Il-kopertura rikonoxxuta għal kull skema għandha tiġi speċifikata skont id-dimensjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-istadji tal-katina tal-valur tal-materja prima koperti mill-iskema;

    (b)

    l-istadji taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ proġett, inkluż qabel, matul u wara l-għeluq, li huma koperti mill-iskema; kif ukoll

    (c)

    id-dimensjonijiet tas-sostenibbiltà u l-kategoriji tar-riskju ambjentali elenkati fl-Anness IV, il-punt (2), li huma indirizzati mill-iskema.

    Ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness IV, il-punt 1(a) sa (d)għandhom ikunu prerekwiżit għal kwalunkwe rikonoxximent tal-iskema.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tivverifika, mill-inqas kull tliet snin mid-data tal-applikazzjoni ta' kwalunkwe att ta' implimentazzjoni adottat skont il-paragrafu 2, li tkompli tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Anness IV, jew subsett rikonoxxut ta’ dawk il-kriterji.

    5.   Is-sidien tal-iskemi rikonoxxuti għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien dwar kull bidla jew aġġornament relatati mal-issodisfar tal-kriterji stabbiliti fl-Anness IV, jew ta’ subsett rikonoxxut ta’ dawk il-kriterji, li jsiru fl-iskemi rikonoxxuti. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk dawk il-bidliet jew l-aġġornamenti jaffettwawx il-bażi għar-rikonoxximent u tieħu azzjoni xierqa.

    6.   Jekk ikun hemm evidenza ta’ każijiet ripetuti jew sinifikanti meta l-operaturi ekonomiċi li jimplimentaw skema rikonoxxuta jkunu naqsu milli jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dik l-iskema, il-Kummissjoni għandha teżamina, b’konsultazzjoni mas-sid tal-iskema rikonoxxuta, jekk dawk il-każijiet jindikawx defiċjenzi fl-iskema li jaffettwaw il-bażi għar-rikonoxximent u tieħu azzjoni xierqa.

    7.   Meta l-Kummissjoni tidentifika defiċjenzi fi skema rikonoxxuta li jaffettwaw il-bażi għar-rikonoxximent, din tista’ tagħti lis-sid tal-iskema perjodu ta’ żmien xieraq, ta’ mhux aktar minn 12 xahar, biex jieħu azzjoni ta’ rimedju.

    8.   Meta s-sid tal-iskema jonqos jew jirrifjuta li jieħu l-azzjoni ta’ rimedju meħtieġa u meta l-Kummissjoni tkun sabet li d-defiċjenzi msemmija fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu jfissru li l-iskema ma tkunx għadha tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Anness IV, jew tas-subsett rikonoxxut ta’ dawk il-kriterji, il-Kummissjoni għandha tirtira r-rikonoxximent tal-iskema permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 39(3).

    9.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi reġistru tal-iskemi rikonoxxuti u żżommu aġġornat. Dak ir-reġistru għandu jkun disponibbli għall-pubbliku fuq sit web b’aċċess liberu. Is-sit web għandu jippermetti wkoll il-ġbir tar-rispons mill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha rigward l-implimentazzjoni tal-iskemi rikonoxxuti. Tali rispons għandu jiġi sottomess lis-sidien tal-iskema rilevanti għall-kunsiderazzjoni.

    Artikolu 31

    Dikjarazzjoni tal-impronta ambjentali

    1.   Filwaqt li tqis ir-riżultat tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u tal-valutazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità għall-finijiet tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 38 biex tissupplimenta dan ir-Regolament sabiex tistabbilixxi regoli tal-kalkolu u tal-verifika tal-impronta ambjentali tal-materja prima kritika differenti, f’konformità mal-Anness V u filwaqt li tqis metodi tal-valutazzjoni xjentifikament sodi u standards internazzjonali rilevanti. Ir-regoli tal-kalkolu u tal-verifika għandhom jidentifikaw mill-inqas it-tliet kategoriji tal-impatt ambjentali l-aktar rilevanti li jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-impronta tal-karbonju ġenerali. Waħda mill-kategoriji tal-impatt ambjentali għandha tkun l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Id-dikjarazzjoni tal-impronta għandha tkun limitata għal dawk il-kategoriji tal-impatt ambjentali.

    2.   Il-Kummissjoni għandha sal-24 ta’ Novembru 2026 tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jistabbilixxi liema materja prima kritika għandha tiġi prijoritizzata għall-valutazzjoni ta’ jekk l-obbligu li tiġi ddikjarata l-impronta ambjentali ta’ materja prima kritika huwiex meħtieġ u proporzjonat.

    Għall-materja prima kritika li l-Kummissjoni identifikat bħala prijorità, il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità għall-finijiet tal-paragrafu 3 sa 12-il xahar mill-preżentazzjoni tar-rapport imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta regoli tal-kalkolu u tal-verifika għal materja prima kritika speċifika jekk, wara li tkun ikkunsidrat id-diversi kategoriji rilevanti tal-impatt fuq l-ambjent, tkun ikkonkludiet li l-materja prima kritika ikkonċernata għandha impronta ambjentali sinifikanti u li għalhekk obbligu li tiġi dikjarata l-impronta ambjentali ta’ dik il-materja prima kritika fir-rigward tal-kategoriji tal-impatt ambjentali msemmija fil-paragrafu 1, meta jitqiegħed fis-suq, hu meħtieġ u proporzjonat biex jgħin fl-objettivi klimatiċi u ambjentali tal-Unjoni billi jiffaċilita l-provvista tal-materja prima kritika b’inqas impronta ambjentali.

    4.   Meta tikkunsidra jekk l-obbligu previst fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu hux meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tqis:

    (a)

    jekk u kif, kif ukoll kemm b’mod effettiv, l-objettivi klimatiċi u ambjentali tal-Unjoni humiex diġà qed jintlaħqu permezz ta’ atti legalioħra tal-Unjoni applikabbli għall-materja prima kritika kkonċernata;

    (b)

    l-eżistenza u l-adozzjoni ta’ standards u linji gwida internazzjonali rilevanti, jew il-prospetti ta’ qbil dwar tali standards fil-livell internazzjonali, kif ukoll prattiki sostenibbli fis-suq, inkluż l-iskemi volontarji rikonoxxuti skont l-Artikolu 30(2);

    (c)

    l-effettività tas-Sħubijiet Strateġiċi, tal-Proġetti Strateġiċi, tal-ftehimiet kummerċjali u ta’ strumenti internazzjonali oħra u tal-kuntatt mwettaq mill-Unjoni biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi u ambjentali tal-Unjoni;

    (d)

    il-kostijiet ekonomiċi assoċjati u l-piż amministrattiv għall-operaturi ekonomiċi.

    5.   Il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni minn qabel tal-impatti biex tiddeċiedi jekk tadottax att delegat skont il-paragrafu 1. Dik il-valutazzjoni għandha:

    (a)

    tkun ibbażata fost l-oħrajn fuq konsultazzjoni ma’:

    (i)

    il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, bħall-industrija inkluża l-industrija downstream, l-SMEs, u, meta rilevanti, l-industrija tal-artiġjanat, is-sħab soċjali, in-negozjanti, il-bejjiegħa bl-imnut, l-importaturi, l-organizzazzjonijiet li jippromwovu s-saħħa tal-bniedem u l-ħarsien ambjentali, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u l-akkademja;

    (ii)

    pajjiżi terzi, jew PTEEs, li l-kummerċ tagħhom mal-Unjoni jista’ jiġi affettwat b’mod sinifikanti minn dan l-obbligu;

    (iii)

    il-Bord;

    (iv)

    l-aġenziji tal-Unjoni b’kompetenzi fil-qasam tal-ħarsien ambjentali, kif xieraq;

    (b)

    tiżgura li kull miżura bħal din ma tkunx imħejjija, adottata jew applikata bil-ħsieb jew bl-effett li jinħolqu ostakli mhux meħtieġa għall-kummerċ internazzjonali, u li ma tkunx aktar restrittiva għall-kummerċ milli meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi u ambjentali tal-Unjoni, wara li tqis il-kapaċità tal-fornituri tal-pajjiżi terzi li jikkonformaw ma’ tali dikjarazzjoni b’tali mod li l-flussi kummerċjali aggregati u l-kostijiet tal-materja prima kritika ma jiġux affettwati b’mod sproporzjonat;

    (c)

    tivvaluta jekk obbligi simili skont il-liġi tal-Unjoni pproduċewx l-effetti intenzjonati u kkontribwewx b’mod sinifikanti għall-kisba tal-miri ambjentali tal-Unjoni;

    (d)

    tivvaluta jekk il-miżura tgħinx biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi u ambjentali tal-Unjoni mingħajr ma tħalli impatt sproporzjonat fuq il-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni li tikseb il-materja prima kritika kkonċernata.

    6.   Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tqiegħed fis-suq materja prima kritika, inkluż proċessata u riċiklata, li għaliha l-Kummissjoni tkun adottat regoli tal-kalkolu u tal-verifika skont il-paragrafu 1 għandha tagħmel disponibbli dikjarazzjoni tal-impronta ambjentali.

    Ir-rekwiżit stabbilit fl-ewwel subparagrafu għandu japplika għal kull tip ta’ materja prima kritika individwali mqiegħda fis-suq u ma għandux japplika għall-materja prima kritika inkluża fil-prodotti intermedji jew finali.

    7.   Id-dikjarazzjoni tal-impronta ambjentali msemmija fil-paragrafu 6 għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    l-isem, l-isem kummerċjali rreġistrat jew il-marka kummerċjali reġistrata u l-indirizz postali tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli u l-mezzi elettroniċi tal-komunikazzjoni fejn jistgħu jiġu kkuntattjati;

    (b)

    informazzjoni dwar it-tip ta’ materja prima kritika li għaliha tapplika d-dikjarazzjoni;

    (c)

    informazzjoni dwar il-pajjiż u r-reġjun minn fejn tkun ġiet estratta, ipproċessata, raffinata u riċiklata l-materja prima kritika, kif applikabbli;

    (d)

    l-impronta ambjentali tal-materja prima kritika, ikkalkulata f’konformità mar-regoli tal-verifika u tal-kalkolu applikabbli adottati skont il-paragrafu 1;

    (e)

    il-klassi tal-prestazzjoni tal-impronta ambjentali li l-materja prima kritika tikkorrispondi għaliha, stabbilita f’konformità mal-att delegat applikabbli adottat skont il-paragrafu 8;

    (f)

    web link li jagħti aċċess għal verżjoni pubblika tal-istudju li jappoġġa r-riżultati tad-dikjarazzjoni tal-impronta ambjentali.

    8.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 38 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi klassijiet tal-prestazzjoni tal-impronta ambjentali fi żmien raġonevoli tal-materja prima kritika li għaliha jkunu ġew adottati regoli tal-kalkolu u tal-verifika skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, f’konformità mal-Anness V.

    9.   Il-Kummissjoni għandha, meta tistabbilixxi regoli tal-kalkolu għall-impronta ambjentali ta’ prodotti intermedji u finali li fihom materja prima kritika, teħtieġ, fejn possibbli, l-użu tar-regoli tal-kalkolu tal-impronta ambjentali msemmija f’dan l-Artikolu.

    10.   Id-dikjarazzjoni tal-impronta ambjentali għandha tkun disponibbli fuq sit web b’aċċess liberu u għandha tkun tinftiehem faċilment.

    Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi l-format tad-dikjarazzjoni tal-impronta ambjentali msemmija fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġi adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 39(3).

    11.   Meta joffru materja prima kritika għall-bejgħ, inkluż fil-każ tal-bejgħ mill-bogħod, jew juruha waqt attività kummerċjali, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi li jqiegħdu fis-suq materja prima kritika għandhom jiżguraw li l-klijenti tagħhom ikollhom aċċess għad-dikjarazzjoni tal-impronta ambjentali qabel ma jintrabtu b’kuntratt tal-bejgħ.

    Il-persuni fiżiċi u ġuridiċi li jqiegħdu fis-suq il-materja prima kritika ma għandhomx jipprovdu jew juru tikketti, marki, simboli jew skrizzjonijiet li aktarx iqarrqu jew iħawdu lill-klijenti fir-rigward tal-informazzjoni inkluża fid-dikjarazzjoni tal-impronta ambjentali.

    TAQSIMA 3

    Moviment liberu, konformità u sorveljanza tas-suq

    Artikolu 32

    Moviment liberu

    1.   L-Istati Membri ma għandhomx, għal raġunijiet relatati mal-informazzjoni tar-riċiklaġġ jew tal-kontenut riċiklat tal-kalamiti permanenti jew għal raġunijiet relatati mal-informazzjoni dwar l-impronta ambjentali tal-materja prima kritika koperta minn dan ir-Regolament, jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jimpedixxu t-tqegħid fis-suq jew it-tqegħid fis-servizz tal-prodotti li fihom il-kalamiti permanenti jew il-materja prima kritika konformi ma’ dan ir-Regolament.

    2.   Waqt il-fieri kummerċjali, il-wirjiet, id-dimostrazzjonijiet jew l-eventi simili, l-Istati Membri ma għandhomx jipprevjenu l-wiri tal-prodotti li fihom il-kalamiti permanenti jew il-materja prima kritika li mhix konformi ma’ dan ir-Regolament, dment li jkun hemm sinjal viżibbli li jindika b’mod ċar li tali prodotti jew materja prima kritika ma jikkonformawx ma’ dan ir-Regolament u li ma jistgħux jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fis-suq qabel ma jsiru konformi miegħu.

    Artikolu 33

    Konformità u sorveljanza tas-suq

    1.   Qabel ma jqiegħdu fis-suq prodott kopert mill-Artikoli 28 jew 29, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi responsabbli għandhom jiżguraw li tkun saret il-proċedura applikabbli tal-valutazzjoni tal-konformità u li tkun tfasslet id-dokumentazzjoni teknika meħtieġa. Meta l-konformità ta’ prodott mar-rekwiżiti applikabbli tkun intweriet bil-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi responsabbli għandhom jiżguraw li tkun tfasslet id-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE u li tkun twaħħlet il-marka CE.

    2.   Il-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità għall-prodotti koperti mir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 28 ta’ dan ir-Regolament għandha tkun il-proċedura stabbilita fl-Anness IV tad-Direttiva 2009/125/KE, sakemm dawk il-prodotti ma jkunux koperti wkoll mir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 29 ta’ dan ir-Regolament, f’liema każ il-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità għandha tkun il-proċedura stabbilita fir-regoli tal-kalkolu u tal-verifika adottati skont l-Artikolu 29(2) ta’ dan ir-Regolament.

    3.   Dan l-Artikolu ma għandux japplika għal prodotti koperti mill-approvazzjoni tat-tip skont ir-Regolament (UE) 2018/858 jew (UE) Nru 168/2013.

    Artikolu 34

    Implimentazzjoni u konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni

    Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 38 biex tissupplimenta l-Artikoli 28, 29, 31 u 33 sabiex:

    (a)

    tistabbilixxi rekwiżiti għad-disinn tekniku u għat-tħaddim tat-trasportatur tad-data u l-identifikatur uniku tal-prodott imsemmija fl-Artikolu 28(3) u (4);

    (b)

    tirreferi għall-istandards tekniċi li għandhom jintużaw b’rabta mat-trasportatur tad-data u l-identifikatur uniku tal-prodott imsemmija fl-Artikolu 28(3) u (4);

    (c)

    tistabbilixxi regoli għall-inklużjoni tal-identifikatur uniku għall-prodott imsemmi fl-Artikolu 28(4) f’reġistri rilevanti għas-sorveljanza tas-suq u l-kontrolli doganali;

    (d)

    tistabbilixxi rekwiżiti relatati mal-kontrolli doganali relatati mat-trasportatur tad-data u l-identifikatur uniku għall-prodott imsemmi fl-Artikolu 28(3) u (4);

    (e)

    tistabbilixxi proċeduri għat-trattament ta’ prodotti li jippreżentaw riskju fil-livell nazzjonali jew għal nuqqas ta’ konformità, kif ukoll proċeduri ta’ salvagwardja relatati fejn jitqajmu oġġezzjonijiet kontra l-miżuri ta’ sorveljanza tas-suq meħuda;

    (f)

    tistabbilixxi rekwiżiti relatati mad-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE u prinċipji ġenerali u regoli u kundizzjonijiet għat-twaħħil tal-marka CE.

    Dawk l-atti delegati għandhom jirreferu jew jiżguraw konformità ma’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni oħra dwar l-armonizzazzjoni, b’mod partikolari d-Direttiva 2009/125/KE, u għandhom iqisu l-ħtieġa li jiġi limitat il-piż amministrattiv filwaqt li tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-Artikoli 28, 29 u 31 ta’ dan ir-Regolament.

    KAPITOLU 6

    GOVERNANZA

    Artikolu 35

    Bord Ewropew għall-Materja Prima Kritika

    1.   Il-Bord Ewropew għall-Materja Prima Kritika (il-“Bord”) huwa b’dan stabbilit.

    2.   Il-Bord għandu jipprovdi parir lill-Kummissjoni u għandu jwettaq il-kompiti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

    Artikolu 36

    Kompożizzjoni u funzjonament tal-Bord

    1.   Il-Bord għandu jkun magħmul minn rappreżentanti mill-Istati Membri kollha u mill-Kummissjoni. Għandu jkun ippresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni (il-“President”).

    2.   Kull Stat Membru għandu jaħtar rappreżentant ta’ livell għoli fil-Bord. Meta rilevanti fir-rigward tal-funzjoni u l-għarfien espert, Stat Membru jista’ jaħtar rappreżentanti differenti fir-rigward tal-kompiti differenti tal-Bord. Kull rappreżentant tal-Bord maħtur għandu jkollu sostitut. L-Istati Membri biss għandu jkollhom drittijiet tal-vot. Kull Stat Membru għandu jkollu vot wieħed biss, irrispettivament min-numru ta’ rappreżentanti tiegħu.

    Il-President għandu jistieden rappreżentanti tal-Parlament Ewropew biex jattendu bħala osservaturi, il-laqgħat tal-Bord inkluż il-laqgħat tas-sottogruppi permanenti jew temporanji msemmija fil-paragrafu 8.

    3.   Meta xieraq, il-President jista’ jistieden lil rappreżentanti tal-industrija, speċjalment SMEs, is-soċjetà ċivili, l-akkademja, it-trade unions, l-awtoritajiet lokali jew reġjonali, il-pajjiżi terzi, il-PTEEs, kif ukoll tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jattendu l-laqgħat tal-Bord jew tas-sottogruppi permanenti jew temporanji tiegħu msemmija fil-paragrafu 8 bħala osservaturi jew biex jipprovdu kontributi bil-miktub. L-osservaturi ma għandhomx jipparteċipaw fil-formulazzjoni tal-pariri tal-Bord u tas-sottogruppi tiegħu.

    4.   Fl-ewwel laqgħa tiegħu, l-Bord għandu, wara proposta tal-Kummissjoni, jadotta r-regoli tal-proċedura tiegħu b’maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu.

    5.   Il-Bord għandu jiltaqa’ f’intervalli regolari biex ikun jista’ jwettaq il-kompiti tiegħu previsti f’dan ir-Regolament b’mod effettiv. Fejn meħtieġ, il-Bord għandu jiltaqa’ abbażi ta’ talba motivata mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru li tiġġustifika interess partikolari fir-rigward ta’ Proġett Strateġiku fit-territorju tiegħu li jirrikjedi laqgħa addizzjonali.

    Il-Bord għandu jiltaqa’ mill-inqas kif ġej:

    (a)

    kull tliet xhur għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet tal-Proġetti Strateġiċi skont il-Kapitolu 3, it-Taqsima 2;

    (b)

    kull sitt xhur għall-iżvilupp tal-monitoraġġ skont il-Kapitolu 4;

    (c)

    darba fis-sena biex jiġi diskuss il-progress tal-implimentazzjoni tal-obbligi tal-Istati Membri relatati mal-esplorazzjoni stabbiliti fil-Kapitolu 3, it-Taqsima 5, inkluż fid-dawl ta’ aġġornamenti tal-listi tal-materja prima strateġika jew kritika.

    6.   Il-Kummissjoni għandha tikkoordina l-ħidma tal-Bord b’segretarjat eżekuttiv li jipprovdi appoġġ tekniku u loġistiku.

    7.   Il-Bord għandu jwettaq dan li ġej:

    (a)

    minn żmien għal żmien jiddiskuti l-implimentazzjoni tal-Artikolu 9 u jaqsam l-aqwa prattiki bl-iskop li titħaffef il-proċedura għall-għoti ta’ permessi għall-proġetti tal-materja prima kritika, kif ukoll biex titejjeb il-parteċipazzjoni u l-konsultazzjoni pubblika f’dawk il-proġetti;

    (b)

    meta rilevanti, jipproponi linji gwida lill-Kummissjoni biex titqies l-implimentazzjoni tal-Artikolu 9(1) mill-punti ta’ kuntatt uniku;

    (c)

    minn żmien għal żmien jiddiskuti l-implimentazzjoni tal-Proġetti Strateġiċi u, fejn meħtieġ, il-miżuri li jistgħu jieħdu l-promotur tal-proġett jew l-Istat Membru li t-territorju tiegħu jkun ikkonċernat minn Proġett Strateġiku biex jiffaċilita aktar l-implimentazzjoni ta’ dawk il-Proġetti Strateġiċi skont l-Artikolu 15;

    (d)

    jipprovdi pariri lill-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni tal-istabbiliment tas-sistema- ta’ xiri konġunt skont l-Artikolu 25;

    (e)

    jiffaċilita l-iskambju tal-aqwa prattiki fost l-Istati Membri bl-iskop li jittejbu l-programmi nazzjonali tagħhom skont l-Artikolu 26.

    8.   Il-Bord jista’ jistabbilixxi sottogruppi permanenti jew temporanji biex jittrattaw kwistjonijiet u kompiti speċifiċi.

    Il-Bord għandu jistabbilixxi mill-inqas is-sottogruppi permanenti li ġejjin:

    (a)

    sottogrupp biex jiddiskuti u jikkoordina l-finanzjament għall-Proġetti Strateġiċi f’konformità mal-Artikolu 16, li għalih rappreżentanti ta’ banek u istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali, aġenziji ta’ kreditu għall-esportazzjoni, l-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej għall-iżvilupp, il-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment, istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra inkluż il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp u, kif ikun xieraq, istituzzjonijiet finanzjarji privati għandhom jiġu mistiedna bħala osservaturi;

    (b)

    sottogrupp biex jiddiskuti u jiskambja fehmiet dwar miżuri biex jiżdied l-għarfien pubbliku dwar il-katina tal-provvista tal-materja prima kritika u jaqsam l-aqwa prattiki li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni pubblika u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati fi proġetti tal-materja prima kritika li għalih għandhom regolarment jiġu mistiedna rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħala osservaturi;

    (c)

    sottogrupp li jlaqqa’ flimkien lil istituti jew stħarriġiet ġeoloġiċi nazzjonali jew, meta rilevanti, reġjonali jew, fin-nuqqas ta’ tali istitut jew stħarriġ, l-awtorità nazzjonali rilevanti responsabbli mill-esplorazzjoni ġenerali, biex jikkontribwixxi għall-koordinazzjoni tal-programmi nazzjonali tal-esplorazzjoni mfassla skont l-Artikolu 19;

    (d)

    sottogrupp biex jiddiskuti u jiskambja fehmiet dwar miżuri għall-promozzjoni taċ-ċirkolarità, l-effiċjenza tar-riżorsi u s-sostituzzjoni ta’ materja prima kritika;

    (e)

    sottogrupp li jlaqqa’ flimkien lil aġenziji nazzjonali tal-provvista u tal-informazzjoni li jkopru l-materja prima kritika jew, fin-nuqqas ta’ tali aġenzija, l-awtorità nazzjonali rilevanti responsabbli għal dik il-kwistjoni, biex jikkontribwixxi għall-kompiti tal-monitoraġġ u l-ittestjar tal-istress tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 20;

    (f)

    sottogrupp li jlaqqa’ flimkien lill-aġenzija nazzjonali tal-emerġenzi u l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-istokkijiet strateġiċi jew, fin-nuqqas ta’ tali aġenzija u awtorità, l-awtorità nazzjonali rilevanti responsabbli għal dik il-kwistjoni, biex jikkontribwixxi għall-koordinazzjoni tal-istokkijiet strateġiċi kif stabbilit fl-Artikolu 23.

    Fit-twettiq tal-kompiti tiegħu, il-Bord għandu, meta xieraq, jiżgura l-koordinazzjoni, il-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni mal-istrutturi rilevanti tar-rispons għall-kriżijiet u tat-tħejjija għall-kriżijiet stabbiliti skont il-liġi tal-Unjoni.

    9.   Il-Bord għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura t-trattament u l-ipproċessar sikur tal-informazzjoni kunfidenzjali u sensittiva kummerċjalment f’konformità mal-Artikolu 46.

    10.   Il-Bord għandu jagħmel l-aqwa sforzi biex jieħu deċiżjonijiet permezz tal-kunsens.

    Artikolu 37

    Kooperazzjoni internazzjonali u Sħubijiet Strateġiċi

    1.   Il-Bord għandu jiddiskuti minn żmien għal żmien:

    (a)

    il-punt sa fejn is-Sħubijiet Strateġiċi konklużi mill-Unjoni jikkontribwixxu:

    (i)

    fit-titjib tas-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni inklużi l-parametri referenzjarji stabbiliti fl-Artikolu 5(1), il-punt (b);

    (ii)

    fit-titjib tal-kooperazzjoni tul il-katina tal-valur tal-materja prima kritika bejn l-Unjoni u l-pajjiżi sħab, inkluż il-bini tal-kapaċità u l-programmi tat-trasferiment tat-teknoloġija biex tiġi promossa ċ-ċirkolarità u r-riċiklaġġ responsabbli ta’ materja prima kritika fil-pajjiżi produtturi;

    (iii)

    fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ pajjiżi sħab, inkluż bil-promozzjoni tal-prattiki ekonomiċi sostenibbli u ċirkolari, b’kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u bir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem tul il-ktajjen tal-valur tal-materja prima tagħhom;

    (b)

    il-konsistenza u s-sinerġiji potenzjali bejn il-kooperazzjoni bilaterali tal-Istati Membri ma’ pajjiżi terzi rilevanti u l-azzjonijiet imwettqa mill-Unjoni fil-kuntest ta’ Sħubijiet Strateġiċi;

    (c)

    liema pajjiżi terzi jistgħu jingħataw prijorità għall-konklużjoni tas-Sħubijiet Strateġiċi, filwaqt li jitqiesu l-kriterji li ġejjin:

    (i)

    il-kontribut potenzjali għas-sigurtà tal-provvista kif ukoll ir-reżiljenza tagħha, filwaqt li jitqiesu r-riżervi potenzjali, il-kapaċitajiet tal-estrazzjoni, tal-ipproċessar u tar-riċiklaġġ ta’ pajjiż terz relatati mal-materja prima kritika;

    (ii)

    jekk il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u pajjiż terz tistax ittejjeb il-kapaċità ta’ pajjiż terz li jiżgura l-monitoraġġ, il-prevenzjoni u l-minimizzazzjoni tal-impatti fuq l-ambjent permezz tal-qafas regolatorju tiegħu u l-implimentazzjoni tiegħu, l-użu ta’ prattiki soċjalment responsabbli inkluż ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, b’mod partikolari fir-rigward tax-xogħol furzat u t-tħaddim tat-tfal, l-involviment sinifikanti mal-komunitajiet lokali, inklużi popli indiġeni, l-użu ta’ prattiki kummerċjali trasparenti u responsabbli, il-prevenzjoni tal-impatti negattivi fuq il-funzjonament tajjeb tal-amministrazzjoni pubblika u l-istat tad-dritt;

    (iii)

    jekk hemmx ftehimiet ta’ kooperazzjoni eżistenti bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz u, għas-swieq emerġenti u l-ekonomiji li qed jiżviluppaw, il-potenzjal ta’ varar ta’ proġetti tal-investiment tal-Global Gateway, inkluż bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat l-investiment fi Proġetti Strateġiċi;

    (iv)

    għas-swieq emerġenti u għall-ekonomiji li qed jiżviluppaw, jekk u kif sħubija tista’ tikkontribwixxi biex jiżdied il-valur lokali, inklużi attivitajiet downstream, u tkun ta’ ġid reċiproku għall-Unjoni u għall-pajjiż sieħeb;

    (d)

    pariri lill-Kummissjoni dwar kif tiżgura li s-Sħubijiet Strateġiċi msemmija f’dan il-paragrafu huma konsistenti mal-politiki tal-Unjoni dwar swieq emerġenti u ekonomiji li qed jiżviluppaw.

    2.   Id-diskussjonijiet tal-Bord skont il-paragrafu 1 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-Kunsill f’konformità mat-Trattati.

    3.   L-Istati Membri:

    (a)

    għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni bilaterali tagħhom ma’ pajjiżi terzi rilevanti, meta l-ambitu tagħha jinkludi l-katina tal-valur tal-materja prima kritika;

    (b)

    jistgħu jappoġġaw lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-miżuri tal-kooperazzjoni stabbiliti fi Sħubijiet Strateġiċi tul il-katina tal-valur tal-materja prima.

    4.   Darba f’sena, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-kontenut u l-eżitu tad-diskussjonijiet tal-Bord skont il-paragrafu 1.

    KAPITOLU 7

    SETGĦAT DELEGATI U PROĊEDURA TA’ KUMITAT

    Artikolu 38

    Eżerċizzju tad-delega

    1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

    2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 3(2), l-Artikolu 4(2), l-Artikolu 5(3), l-Artikolu 6(2), l-Artikolu 28(12), l-Artikolu 29(2) u (3), l-Artikolu 31(1) u (8) u l-Artikolu 34(1) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ tmien snin mill-24 ta’ Ġunju 2024. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport rigward id-delega ta’ setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tmien snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi taż-żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

    3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 3(2), l-Artikolu 4(2), l-Artikolu 5(3), l-Artikolu 6(2), l-Artikolu 28(12), fl-Artikolu 29(2) u (3), l-Artikolu 31(1) u (8), u l-Artikolu 34(1) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

    4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

    5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 3(2), l-Artikolu 4(2), l-Artikolu 5(3), l-Artikolu 6(2), l-Artikolu 28(12), l-Artikolu 29(2) jew (3), l-Artikolu 31(1) jew (8) jew l-Artikolu 34(1) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu jista’ jiġi estiż b’xahrejn wara inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

    Artikolu 39

    Proċedura ta’ Kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn Kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    KAPITOLU 8

    EMENDI

    Artikolu 40

    Emendi għar-Regolament (UE) Nru 168/2013

    Fit-Taqsima C1 tat-tabella fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 168/2013 tiżdied l-entrata li ġejja:

    “15a

    18

    rekwiżiti taċ-ċirkolarità tal-kalamiti permanenti

    Ir-Regolament (UE) 2024/1252 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1)

    X

    X

    X

    X

    X

    X

    X

    X

    X

    X

    X

    X

    X

    X

    Artikolu 41

    Emendi għar-Regolament (UE) 2018/858

    Fit-Taqsima G, “Prestazzjoni Ambjentali u Emissjonijiet”, tat-tabella fil-Parti I tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/858, tiżdied l-entrata li ġejja:

    “G 15

    Rekwiżiti taċ-ċirkolarità tal-kalamiti permanenti

    Ir-Regolament (UE) 2024/1252 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2)

    X

    X

    X

    X

    X

    X

     

     

     

     

    X

    X

    Artikolu 42

    Emendi għar-Regolament (UE) 2018/1724

    Ir-Regolament (UE) 2018/1724 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fl-Anness I, tiżdied ringiela li ġejja:

    “AJ.

    Proġetti ta’ materja prima kritiċi

    1.

    il-punti ta’ kuntatt uniku stabbiliti jew maħtura skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2024/1252 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3);

    2.

    informazzjoni dwar il-proċess tal-għoti tal-permessi.

    3.

    informazzjoni dwar servizzi tal-finanzjament u tal-investiment

    4.

    informazzjoni dwar possibbiltajiet ta’ finanzjament fil-livell tal-Unjoni jew tal-Istati Membri

    5.

    informazzjoni dwar servizzi ta’ appoġġ kummerċjali, inkluż iżda mhux limitati għad-dikjarazzjoni tat-taxxa korporattiva, il-liġijiet tat-taxxa lokali jew il-liġi tax-xogħol

    (2)

    fl-Anness II, tiżdied ringiela li ġejja:

    “Proġetti ta’ materja prima kritiċi

    Proċedura relatata mal-permessi rilevanti kollha għall-bini u l-operat tal-proġetti ta’ materja prima kritika, inkluż il-permessi tal-konnessjoni tal-bini, kimika u mal-grilja u l-valutazzjonijiet u l-awtorizzazzjonijiet ambjentali fejn meħtieġ, u li tinkludi l-applikazzjonijiet u l-proċeduri kollha mir-rikonoxximent li l-applikazzjoni hija kompluta san-notifika tad-deċiżjoni komprensiva dwar l-eżitu tal-proċedura mill-punt ta’ kuntatt uniku kkonċernat skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2024/1252.

    L-eżiti kollha relatati mal-proċeduri varji, mir-rikonoxximent li l-applikazzjoni hija kompluta san-notifika tad-deċiżjoni komprensiva dwar l-eżitu tal-proċedura mill-punt ta’ kuntatt uniku kkonċernat skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2024/1252”.

    (3)

    fl-Anness III, jiżdied il-punt li ġej:

    “(9)

    Il-punt ta’ kuntatt uniku kkonċernat skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2024/1252.”.

    Artikolu 43

    Emendi għar-Regolament (UE) 2019/1020

    Ir-Regolament (UE) 2019/1020 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 4, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “5.   Dan l-Artikolu japplika biss fir-rigward ta’ prodotti li huma soġġetti għar-Regolamenti (UE) Nru 305/2011 (*4), (UE) 2016/425 (*5), (UE) 2016/426 (*6) u (UE) 2024/1252 (*7) u Direttivi 2000/14/KE (*8), 2006/42/KE (*9), 2009/48/KE (*10), 2009/125/KE (*11), 2011/65/UE (*12), 2013/29/UE (*13), 2013/53/UE (*14), 2014/29/UE (*15), 2014/30/UE (*16), 2014/31/UE (*17), 2014/32/UE (*18), 2014/34/UE (*19), 2014/35/UE (*20), 2014/53/UE (*21) u 2014/68/UE (*22) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

    (*4)  Ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi kondizzjonijiet armonizzati għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE (ĠU L 88, 4.4.2011, p. 5)."

    (*5)  Ir-Regolament (UE) 2016/425 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar tagħmir ta’ protezzjoni personali u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE (ĠU L 81, 31.3.2016, p. 51)."

    (*6)  Ir-Regolament (UE) 2016/426 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar tagħmir li jaħraq karburanti gassużi u li jħassar id-Direttiva 2009/142/KE (ĠU L 81, 31.3.2016, p. 99)."

    (*7)  Ir-Regolament (UE) 2024/1252 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 li jistabbilixxi qafas li jiżgura provvista sigura u sostenibbli tal-materja prima kritika u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 168/2013, (UE) 2018/858, (UE) 2018/1724 u (UE) 2019/1020 (ĠU L, 2024/1252, 3.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1252/oj)."

    (*8)  Id-Direttiva 2000/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar emissjoni tal-ħoss fl-ambjent minn tagħmir għall-użu ta’ barra (ĠU L 162, 3.7.2000, p. 1)."

    (*9)  Id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-makkinarju, u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24)."

    (*10)  Id-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar is-sikurezza tal-ġugarelli (ĠU L 170, 30.6.2009, p. 1)."

    (*11)  Id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10)."

    (*12)  Id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88)."

    (*13)  Id-Direttiva 2013/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għad-disponibbiltà fis-suq ta’ oġġetti pirotekniċi (ĠU L 178, 28.6.2013, p. 27)."

    (*14)  Id-Direttiva 2013/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar id-dgħajjes li jintużaw għar-rikreazzjoni u l-inġenji tal-ilma personali u li tħassar id-Direttiva 94/25/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 90)."

    (*15)  Id-Direttiva 2014/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-twettiq tad-disponibbiltà fis-suq ta’ reċipjenti sempliċi taħt pressjoni (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 45)."

    (*16)  Id-Direttiva 2014/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-kompatibbiltà elettromanjetika (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 79)."

    (*17)  Id-Direttiva 2014/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għad-disponibbiltà fis-suq ta’ strumenti tal-użin mhux awtomatiċi (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 107)."

    (*18)  Id-Direttiva 2014/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għat-tqegħid fis-suq ta’ strumenti tal-kejl (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 149)."

    (*19)  Id-Direttiva 2014/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għal tagħmir u sistemi ta’ protezzjoni maħsuba għall-użu f’atmosferi potenzjalment esplożivi (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 309)."

    (*20)  Id-Direttiva 2014/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir elettriku ddisinjat għall-użu fi ħdan ċerti limiti tal-voltaġġ (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 357)."

    (*21)  Id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-armonizzazzoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62)."

    (*22)  Id-Direttiva 2014/68/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mat-tqegħid fis-suq ta’ apparat ta’ pressjoni (ĠU L 189, 27.6.2014, p. 164).”;"

    (2)

    fl-Anness I, jiżdied il-punt li ġej:

    “71.

    Ir-Regolament (UE) 2024/1252 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 li jistabbilixxi qafas biex tiġi żgurata provvista sigura u sostenibbli ta’ materja prima kritika u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 168/2013, (UE) 2018/858, (UE) 2018/1724 u (UE) 2019/1020 (ĠU L, 2024/1252, 3.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1252/oj), sa fejn jikkonċerna r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 28, 29 jew 31 ta’ dak ir-Regolament.”.

    KAPITOLU 9

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 44

    Monitoraġġ tal-progress

    1.   Sal-24 ta’ Novembru 2026, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport, li jinkludi projezzjonijiet indikattivi tal-konsum annwali ta’ kull materja prima kritika fl-2030, l-2040 u l-2050, inklużi projezzjoni baxxa, waħda għolja u waħda ta’ referenza, kif ukoll parametri referenzjarji indikattivi għall-estrazzjoni u l-ipproċessar għal kull materja prima strateġika, bil-ħsieb li jintlaħqu l-parametri referenzjarji stabbiliti fl-Artikolu 5(1), il-punt (a), għall-2030.

    2.   Sal-24 ta’ Mejju 2027, u mill-inqas kull tliet snin wara dan, il-Kummissjoni għandha, filwaqt li tqis il-parir tal-Bord, timmonitorja l-progress lejn il-parametri referenzjarji stabbiliti fl-Artikolu 5(1), kif ukoll il-moderazzjoni taż-żieda mistennija fil-konsum tal-Unjoni ta’ materja prima kritika msemmija fl-Artikolu 5(2), u tippubblika rapportli jagħti dettalji dwar il-progress tal-Unjoni biex jintlaħqu dawk il-parametri referenzjarji u dik il-moderazzjoni.

    3.   Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jinkludi:

    (a)

    informazzjoni kwantitattiva dwar il-firxa tal-progress tal-Unjoni favur il-parametri referenzjarji u l-moderazzjoni msemmija fl-Artikolu 5;

    (b)

    lista ta’ Sħubijiet Strateġiċi konklużi bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi li jkopru l-materja prima; u

    (c)

    valutazzjoni tal-kontribuzzjoni tas-Sħubijiet Strateġiċi sabiex jintlaħqu l-parametri referenzjarji stabbiliti fl-Artikolu 5(1), il-punt (b).

    Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, l-operaturi ekonomiċi ma għandhomx ikunu meħtieġa jissottomettu informazzjoni barra mill-informazzjoni pprovduta skont l-Artikolu 21.

    4.   Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni koerenti ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-konsistenza tal-azzjonijiet meħuda tagħha biex timplimentaha ma’ liġijiet oħra tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tippubblika sal-24 ta’ Mejju 2025, rapport dwar il-konsistenza ta’ dan ir-Regolament ma’ liġi oħra tal-Unjoni.

    5.   Meta, abbażi tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Unjoni aktarx ma tilħaqx l-għanijiet tal-Artikolu 5, din għandha tivvaluta l-fattibbiltà u l-proporzjonalità li tipproponi miżuri sabiex tiżgura li jintlaħqu dawk l-għanijiet.

    6.   Il-Kummissjoni għandha titlob lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni biex jiżviluppaw standards Ewropej jew kisbiet Ewropej ta’ standardizzazzjoni biex tappoġġa l-objettivi ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 45

    Rappurtar tal-Istati Membri

    1.   Sal-24 ta’ Mejju 2026, u kull sena wara dan, l-Istati Membri għandhom jissottomettu rapport lill-Kummissjoni bl-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 19(5), l-Artikolu 21(1) u (2), fl-Artikolu 22(1), l-Artikolu 23(5) u l-Artikolu 26(6).

    Operaturi ekonomiċi ma għandhomx ikunu meħtieġa jissottomettu informazzjoni barra mill-informazzjoni pprovduta fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet elenkati fl-ewwel subparagrafu.

    2.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi mudell għar-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Il-mudell jista’ jindika kif għandha tiġi espressa l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 39(2).

    3.   L-informazzjoni fir-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tkun soġġetta għall-Artikolu 46.

    Artikolu 46

    Immaniġġjar tal-informazzjoni kunfidenzjali

    1.   L-informazzjoni miksuba waqt l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandha tintuża biss għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament u għandha tiġi protetta mil-liġi rilevanti tal-Unjoni u nazzjonali.

    2.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali u tan-negozju u tal-informazzjoni sensittiva, kunfidenzjali u klassifikata oħra miksuba u pproċessata fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inkluż ir-rakkomandazzjonijiet u l-miżuri li jridu jittieħdu, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali rilevanti.

    3.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni kklassifikata pprovduta jew skambjata skont dan ir-Regolament ma tiġix degradata jew deklassifikata mingħajr il-kunsens bil-miktub minn qabel tal-oriġinatur f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonalirilevanti.

    4.   Fejn Stat Membru jikkunsidra l-iżvelar ta’ informazzjoni aggregata skont l-Artikolu 22 aktarx tikkomprometti l-interess tas-sigurtà nazzjonali tiegħu, dan jista’, permezz ta’ avviż ġustifikat, joġġezzjona għall-iżvelar tal-Kummissjoni ta’ dik l-informazzjoni.

    5.   Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali, l-uffiċjali, l-impjegati u persuni oħra tagħhom li jaħdmu bis-superviżjoni ta’ dawk l-awtoritajiet għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miksuba fit-twettiq tal-kompiti u l-attivitajiet tagħhom f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali rilevanti. Dan l-obbligu japplika wkoll għar-rappreżentanti kollha tal-Istati Membri, l-osservaturi, l-esperti u l-parteċipanti l-oħra kollha li jattendu l-laqgħat tal-Bord skont l-Artikolu 36.

    6.   Il-Kummissjoni għandha tipprevedi mezzi standardizzati u siguri għall-ġbir, l-ipproċessar u l-ħżin tal-informazzjoni miksuba skont dan ir-Regolament.

    7.   Kwalunkwe obbligu dwar il-qsim tal-informazzjoni skont dan ir-Regolament ma għandux japplika għad-data li tikkonċerna l-interessi essenzjali tas-sigurtà jew id-difiża tal-Istati Membri.

    Artikolu 47

    Penali

    Sal-24 ta’ Novembru 2026, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw mingħajr dewmien lill-Kummissjoni dwar dawk ir-regoli u l-miżuri, u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien ukoll dwar kull emenda sussegwenti li taffettwahom.

    Artikolu 48

    Evalwazzjoni

    1.   Sal-24 ta’ Mejju 2028, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament fid-dawl tal-objettivi li jsegwi u għandha tippreżenta rapport dwar dan lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

    2.   Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu mill-inqas jivvaluta:

    (a)

    l-adegwatezza tal-istabbiliment ta’ limiti massimi għall-impronta ambjentali tal-materja prima kritika li għaliha jkunu ġew adottati regoli tal-kalkolu u tal-verifika kif ukoll il-ħtieġa li jkomplu jissaħħu l-ktajjen tal-provvista tal-materja prima kritika wara l-2030;

    (b)

    l-adegwatezza li jiġu stabbiliti parametri referenzjarji li jimmiraw għall-2040 u l-2050 fuq livell aggregat u għal kull materja prima strateġika;

    (c)

    il-konsistenza bejn il-liġi ambjentali tal-Unjoni u dan ir-Regolament, b’mod partikolari b’rabta mal-istatus ta’ prijorità tal-Proġetti Strateġiċi;

    (d)

    id-disponibbiltà tal-informazzjoni dwar il-volumi tal-iskart u l-kontenut tal-materja prima strateġika għall-flussi tal-iskart rilevanti;

    (e)

    l-impatt tas-sistema ta’ xiri konġunt stabbilita skont l-Artikolu 25 dwar il-kompetizzjoni fis-suq intern;

    (f)

    l-adegwatezza tal-istabbiliment ta’ aktar miżuri biex jiżdiedu l-ġbir, l-issortjar u l-ipproċessar tal-iskart, b’mod partikolari fil-każ tar-ruttam tal-metall, inkluż ir-ruttam ferruż.

    3.   Il-Kummissjoni għandha, abbażi tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1, tissottometti, fejn xieraq, proposti leġiżlattivi rilevanti.

    Artikolu 49

    Dħul fis-seħħ

    1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    2.   B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Artikoli 40 u 41 għandhom japplikaw mill-24 ta’ Mejju 2028.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ April 2024.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    R. METSOLA

    Għall-Kunsill

    Il-President

    H. LAHBIB


    (1)   ĠU C 349, 29.9.2023, p. 142.

    (2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Diċembru 2023 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Marzu 2024.

    (3)  Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“Il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).

    (4)  Id-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li tistabbilixxi l-Programm ta’ Politika tal-2030 dwar id-Deċennju Diġitali (ĠU L 323, 19.12.2022, p. 4).

    (5)  Id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10).

    (6)  Id-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-immaniġġjar ta’ skart mill-industriji ta’ estrazzjoni u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 15).

    (7)  Id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 26, 28.1.2012, p. 1).

    (8)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitats naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).

    (9)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

    (10)  Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17).

    (11)  Id-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56).

    (12)  Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).

    (13)  Ir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Ottubru 2018 li jistabbilixxi gateway diġitali unika li tipprovdi aċċess għal informazzjoni, għal proċeduri u għas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 1).

    (14)  Ir-Regolament (UE) 2021/240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi Strument ta’ Appoġġ Tekniku (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 1).

    (15)  Ir-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 60).

    (16)  Ir-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 1).

    (17)  Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).

    (18)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

    (19)  Ir-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-Programm InvestEU u li jemenda r-Regolament (UE) 2015/1017 (ĠU L 107, 26.3.2021, p. 30).

    (20)  Ir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (ĠU L 209, 14.6.2021, p. 1).

    (21)  Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).

    (22)  Ir-Regolament (UE) 2023/1781 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar li jistabbilixxi qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tas-semikondutturi u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/694 (l-Att dwar iċ-Ċipep) (ĠU L 229, 18.9.2023, p. 1).

    (23)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2021/C 393 I/02 tas-16 ta’ Settembru 2021 li tistabbilixxi l-Awtorità għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa (ĠU C 393 I,29.9.2021, p. 3).

    (24)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2372 tal-24 ta’ Ottubru 2022 dwar qafas ta’ miżuri għall-iżgurar tal-provvista ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi fil-każ ta’ emerġenza tas-saħħa pubblika fil-livell tal-Unjoni (ĠU L 314, 6.12.2022, p. 64).

    (25)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2576 tad-19 ta’ Diċembru 2022 li jsaħħaħ is-solidarjetà permezz ta’ koordinazzjoni aħjar tax-xiri tal-gass, parametri referenzjarji affidabbli tal-prezzijiet u skambji transfruntiera tal-gass (ĠU L 335, 29.12.2022, p. 1).

    (26)  Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).

    (27)  Ir-Regolament (UE) 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 li jistabbilixxi obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista għall-importaturi tal-Unjoni ta’ landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw minn żoni affettwati minn kunflitti u ta’ riskju għoli (ĠU L 130, 19.5.2017, p. 1).

    (28)  Ir-Regolament (UE) 2023/1542 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2023 dwar il-batteriji u l-iskart ta’ batteriji, li jemenda d-Direttiva 2008/98/KE u r-Regolament (UE) 2019/1020 u li jħassar id-Direttiva 2006/66/KE (ĠU L 191, 28.7.2023, p. 1).

    (29)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2279 tal-15 ta’ Diċembru 2021 dwar l-użu tal-metodi tal-Impronta Ambjentali għall-kejl u l-komunikazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodotti u ta’ organizzazzjonijiet (ĠU L 471, 30.12.2021, p. 1).

    (30)  Ir-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011 (ĠU L 169, 25.6.2019, p. 1).

    (31)  Ir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (ĠU L 151, 14.6.2018, p. 1).

    (32)  Ir-Regolament (UE) Nru 168/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi b’żewġ jew tliet roti u kwadriċikli (ĠU L 60, 2.3.2013, p. 52).

    (33)  Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).

    (34)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

    (35)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

    (36)  Id-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Settembru 2000 dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw (ĠU L 269, 21.10.2000, p. 34).

    (37)  Id-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (ĠU L 197, 24.7.2012, p. 38).

    (38)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).

    (39)  Id-Direttiva 2012/18/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-kontroll ta’ perikli ta’ inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi u taħlitiet perikolużi li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE (ĠU L 197, 24.7.2012, p. 1).

    (40)  Id-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 197, 21.7.2001, p. 30).

    (41)  Id-Direttiva 2014/89/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 135).

    (42)  Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 dwar l-Istatistika tal-Komunità u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).

    (43)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

    (44)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).

    (45)  Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti u li tħassar id-Deċiżjoni 93/465/KEE (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 82).

    (*1)  Ir-Regolament (UE) 2024/1252 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 li jistabbilixxi qafas li jiżgura provvista sigura u sostenibbli tal-materja prima kritika u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 168/2013, (UE) 2018/858, (UE) 2018/1724 u (UE) 2019/1020 (ĠU L, 2024/1252, 3.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1252/oj).”.

    (*2)  Ir-Regolament (UE) 2024/1252 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 li jistabbilixxi qafas li jiżgura provvista sigura u sostenibbli tal-materja prima kritika u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 168/2013, (UE) 2018/858, (UE) 2018/1724 u (UE) 2019/1020 (ĠU L, 2024/1252, 3.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1252/oj).”.

    (*3)  Ir-Regolament (UE) 2024/1252 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 li jistabbilixxi qafas li jiżgura provvista sigura u sostenibbli tal-materja prima kritika u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 168/2013, (UE) 2018/858, (UE) 2018/1724 u (UE) 2019/1020 (ĠU L, 2024/1252, 3.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1252/oj).”;


    ANNESS I

    Materja prima strateġika

    Taqsima 1

    LISTA TAL-MATERJA PRIMA STRATEĠIKA

    Din il-materja prima għandha titqies strateġika:

    (a)

    il-bauxite/l-alumina/l-aluminju

    (b)

    il-bismut

    (c)

    il-boron – grad tal-metallurġija

    (d)

    il-kobalt

    (e)

    ir-ram

    (f)

    il-gallju

    (g)

    il-ġermanju

    (h)

    il-litju – grad ta’ batterija

    (i)

    il-metall tal-manjeżju

    (j)

    il-manganiż – grad ta’ batterija

    (k)

    il-grafit – grad ta’ batterija

    (l)

    in-nikil – grad ta’ batterija

    (m)

    il-metalli tal-grupp tal-platinu

    (n)

    l-elementi tal-materjali tal-art rari għall-kalamiti permanenti (Nd, Pr, Tb, Dy, Gd, Sm, u Ce)

    (o)

    il-metall tas-siliċju

    (p)

    il-metall tat-titanju

    (q)

    it-tungstenu

    Taqsima 2

    METODOLOĠIJA GĦALL-GĦAŻLA TAL-MATERJA PRIMA STRATEĠIKA

    1.

    L-importanza strateġika għandha tiġi ddeterminata abbażi tar-rilevanza tal-materja prima għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, u għall-applikazzjonijiet tad-difiża u tal-ajruspazju, skont il-kriterji li ġejjin:

    (a)

    l-ammont ta’ teknoloġiji strateġiċi li jużaw dik il-materja prima bħala input;

    (b)

    l-ammont ta’ materja prima meħtieġa għall-manifattura tat-teknoloġiji strateġiċi rilevanti;

    (c)

    id-domanda dinjija mistennija għat-teknoloġiji strateġiċi rilevanti.

    2.

    It-tkabbir previst fid-domanda (DF/C,τ) għandu jiġi kkalkolat kif ġej:

    Image 1

    fejn:

    DFτ hi l-previżjoni tad-domanda annwali dinjija għal xi materja prima fis-sena τ;

    GSτο hi l-produzzjoni annwali dinjija ta’ xi materja prima fil-perjodu ta’ referenza τ0.

    3.

    Id-diffikultà biex tiżdied il-produzzjoni għandha tiġi ddeterminata billi jitqiesu mill-inqas:

    (a)

    l-iskala tal-produzzjoni annwali dinjija attwali ta’ xi materja prima;

    (b)

    il-proporzjon tal-produzzjonitar-riżervi ta’ xi materja prima, abbażi ta’ riżervi magħrufa ta’ riżorsi ġeoloġiċi li jistgħu jiġu estratti ekonomikament u l-produzzjoni annwali dinjija attwali;

    (c)

    żminijiet meħtieġa għal proġetti ġodda li jżidu l-kapaċità tal-provvista, meta tkun disponibbli informazzjoni affidabbli.


    ANNESS II

    Materja prima kritika

    TAQSIMA 1

    LISTA TAL-MATERJA PRIMA KRITIKA

    Din il-materja prima għandha titqies kritika:

    (a)

    l-antimonju

    (b)

    l-arseniku

    (c)

    il-bauxite/l-alumina/l-aluminju

    (d)

    il-barit

    (e)

    il-berillju

    (f)

    il-bismut

    (g)

    il-boron

    (h)

    il-kobalt

    (i)

    il-faħam tal-kokk

    (j)

    ir-ram

    (k)

    il-feldspar

    (l)

    il-fluworit

    (m)

    il-gallju

    (n)

    il-ġermanju

    (o)

    l-afnju

    (p)

    l-elju

    (q)

    l-elementi tal-materjali tal-art rari tqal

    (r)

    l-elementi tal-materjali tal-art rari ħfief

    (s)

    il-litju

    (t)

    il-manjeżju

    (u)

    il-manganiż

    (v)

    il-grafit

    (w)

    in-nikil – grad ta’ batterija

    (x)

    in-nijobju

    (y)

    il-blat fosfatiku

    (z)

    il-fosforu

    (aa)

    il-metalli tal-grupp tal-platinu

    (ab)

    l-iskandju

    (ac)

    il-metall tas-siliċju

    (ad)

    l-istronzju

    (ae)

    it-tantalju

    (af)

    il-metall tat-titanju

    (ag)

    it-tungstenu

    (ah)

    il-vanadju

    TAQSIMA 2

    KALKOLU TAL-IMPORTANZA EKONOMIKA U TAR-RISKJU TAL-PROVVISTA

    1.

    L-importanza ekonomika (EI) tal-materja prima vvalutata hi kkalkolata kif ġej:

    Image 2

    fejn:

    s tirrappreżenta s-setturi tan-NACE (livell ta’ 2 ċifri) tal-ekonomija;

    As hi s-sehem tal-użu aħħari tal-materja prima vvalutata f’settur tan-NACE (livell ta’ 2 ċifri) (bl-użu ta’ valuri tal-Unjoni meta disponibbli, inkella ishma globali);

    Qs hi l-valur miżjud tas-settur rilevanti fin-NACE (livell ta’ 2 ċifri), bħala sehem tal-ekonomija totali;

    SIEI hi l-indiċi tas-sostituzzjoni relatat mal-importanza ekonomika.

    2.

    L-indiċi tas-sostituzzjoni tal-materja prima vvalutata relatat mal-importanza ekonomika (SIEI) hu kkalkolat, abbażi tal-aktar applikazzjonijiet industrijali rilevanti, kif ġej:

    Image 3

    fejn:

    i tirrappreżenta materjal sostitut individwali;

    a tirrappreżenta applikazzjoni individwali tal-materja prima;

    SPPi,a;EI hu l-parametru tal-prestazzjoni ta’ Importanza Ekonomika ta’ kull materjal sostitut, i, imqabbel mal-materja prima vvalutata, abbażi tal-prestazzjoni teknika, inkluża l-funzjonalità, u l-prestazzjoni tal-kost, għal kull applikazzjoni, a;

    Sharea hu s-sehem tal-materja prima f’applikazzjoni tal-użu aħħari;

    Sub_sharei,a hu s-subsehem ta’ kull materjal sostitut f’kull applikazzjoni.

    3.

    Ir-riskju tal-provvista (SR) tal-materja prima vvalutata hu kkalkolat kif ġej:

    Image 4

    fejn:

    GS tirrappreżenta l-produzzjoni annwali dinjija tal-materja prima vvalutata;

    Kisba tal-UE tirrappreżenta l-kisba proprja tal-provvista fl-Unjoni, jiġifieri l-produzzjoni domestika tal-Unjoni flimkien ma’ importazzjonijiet tal-Unjoni minn pajjiżi terzi jew minn PTEEs;

    HHI hu l-Indiċi Herfindahl-Hirschman (użat bħala indikatur għall-konċentrazzjoni tal-provvista minn pajjiż għal ieħor);

    WGI hu indiċi bbażat fuq l-Indikaturi Dinjin skalati tal-Governanza tal-Bank Dinji (użat bħala indikatur għall-governanza tal-pajjiżi);

    tc hu l-parametru kummerċjali li jaġġusta d-WGI, li għandu jiġi ddeterminat b’mod li jitqiesu t-taxxi potenzjali fuq l-esportazzjoni (possibbilment imnaqqsa bi ftehim kummerċjali fis-seħħ), il-kwoti fiżiċi fuq l-esportazzjoni jew il-projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni imposti minn pajjiż, c.

    EoLRIR hi r-rata tal-input tar-riċiklaġġ fi tmiem il-ħajja, jiġifieri l-proporzjon tal-inputs tal-materja sekondarja (riċiklati minn ruttam antik) għall-inputs kollha ta’ materja prima (primarja u sekondarja);

    SISR hu l-indiċi tas-sostituzzjoni relatat mar-riskju tal-provvista;

    IR hi d-dipendenza fuq l-importazzjoni.

    4.

    Id-dipendenza fuq l-importazzjoni, IR, ta’ materja prima hi kkalkolata kif ġej:

    Image 5

    5.

    L-Indiċi Herfindahl-Hirschman (HHIWGI) tal-materja prima vvalutata hu kkalkolat kif ġej:

    Image 6

    fejn:

    c tirrappreżenta l-pajjiżi li qed jipprovdu l-materja prima vvalutata;

    Sc hi s-sehem tal-pajjiż c fil-provvista (GS jew fil-kisba tal-UE) tal-materja prima vvalutata;

    WGIc hu indiċi bbażat fuq l-Indikaturi Dinjin skalati tal-Governanza tal-Bank Dinji tal-pajjiż c;

    tc hu l-parametru kummerċjali ta’ pajjiż li jaġġusta d-WGI, li għandu jiġi ddeterminat filwaqt li jitqiesu t-taxxi potenzjali fuq l-esportazzjoni (possibbilment imnaqqsa bi ftehim kummerċjali fis-seħħ), il-kwoti fiżiċi fuq l-esportazzjoni jew il-projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni imposti minn pajjiż c.

    6.

    L-indiċi tas-sostituzzjoni tal-materja prima vvalutata relatat mar-riskju tal-provvista (SISR) hu kkalkolat kif ġej:

    Image 7

    fejn:

    i tirrappreżenta materjal sostitut individwali;

    a tirrappreżenta applikazzjoni individwali tal-materjal kandidat;

    SPPi; SR hu l-parametru tal-prestazzjoni tar-Riskju tal-Provvista ta’ kull materjal sostitut, i, abbażi tal-produzzjoni dinjija, il-kritikalità u s-sinifikat ekonomiku tiegħu (prodott primarju, koprodott, prodott sekondarju);

    Sharea hu s-sehem tal-materjali kandidati f’applikazzjoni tal-użu aħħari;

    Sub_sharei,a hu s-subsehem ta’ kull materjal sostitut f’kull applikazzjoni.

    7.

    Meta l-bidliet strutturali jew statistiċi jaffettwaw il-kejl tal-importanza ekonomika u tar-riskju tal-provvista orizzontalment għall-materjali kollha vvalutati, il-valuri korrispondenti għandhom jiġu kkoreġuti biex tpaċu tali bidliet.

    Il-kalkoli tal-formulas f’din it-Taqsima għandhom ikunu bbażati fuq medja tal-aktar reċenti ħames snin li għalihom hemm data. Għandhom jitqiesu l-prijorità, il-kwalità u d-disponibbiltà tad-data.


    ANNESS III

    Valutazzjoni tal-kriterji tar-rikonoxximent għall-Proġetti Strateġiċi

    1.   

    Il-valutazzjoni ta’ jekk proġett fl-Unjoni jissodisfax il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 6(1), il-punt (a) għandu jqis:

    (a)

    jekk il-proġett jikkontribwix għall-parametri referenzjarji stabbiliti fl-Artikolu 5(2), il-punt (a);

    (b)

    jekk il-proġett jikkontribwix għaż-żamma jew it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Unjoni bħala sehem tal-konsum annwali tal-Unjoni tal-materja prima strateġika, filwaqt li titqies iż-żieda mistennija fil-konsum tal-Unjoni;

    (c)

    jekk il-proġett jikkontribwix għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-Unjoni biex tipproduċi materja prima innovattiva li kapaċi tissostitwixxi materja prima strateġika f’teknoloġija strateġika waħda jew aktar, filwaqt li tieħu miżuri biex tilħaq impronta ambjentali ndaqs jew aktar baxxa meta mqabbla mal-materja prima strateġika li hi sostitwita.

    Il-kontribut ta’ proġett għall-parametru referenzjarju tal-kapaċità rilevanti għandu jiġi vvalutat filwaqt li jitqies il-pjan tan-negozju tal-proġett u l-informazzjoni teknika ta’ appoġġ inkluża fl-applikazzjoni u ż-żmien stmat għas-suq tal-proġett.

    2.   

    Il-valutazzjoni ta’ jekk proġett f’pajjiż terz jew f’PTEE jissodisfax il-kriterju msemmi fl-Artikolu 6(1), il-punt (a) għandha tqis:

    (a)

    jekk il-proġett jikkontribwix għall-parametri referenzjarji stabbiliti fl-Artikolu 5(2), il-punt (b) jew jikkontribwix għaż-żamma tar-reżiljenza tal-provvista tal-Unjoni ta’ materja prima strateġika;

    (b)

    jekk il-qafas legali applikabbli jew kundizzjonijiet oħra jipprovdux assigurazzjoni li l-kummerċ u l-investiment relatati mal-proġett mhux se jitfixklu, filwaqt li b’mod partikolari jitqies jekk l-Unjoni kkonkludietx Sħubija Strateġika kif imsemmi fl-Artikolu 37 jew ftehim kummerċjali b’kapitlu dwar il-materja prima mal-pajjiż terz, jew il-PTEEs rilevanti, u jkun konsistenti mal-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni;

    (c)

    il-punt sa fejn hemm impriżi li għandhom jew li huma lesti jikkonkludu ftehimiet tax-xiri mal-promotur tal-proġett biex jużaw jew jipproċessaw il-materja prima strateġika magħmula mill-proġetti rilevanti fl-Unjoni;

    (d)

    jekk il-proġett hux konformi mal-objettivi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u tal-politika barranija tal-Unjoni.

    Il-kontribut ta’ proġett għall-parametri referenzjarji msemmija fil-punt (a) għandu jiġi vvalutat filwaqt li jitqies il-pjan tan-negozju tal-proġett u l-informazzjoni teknika ta’ appoġġ inkluża fl-applikazzjoni, il-ħin stmat għas-suq tal-proġett kif ukoll is-sehem tal-output tal-proġett li hu kopert minn ftehimiet eżistenti jew potenzjali tax-xiri kif imsemmi fil-punt (c). L-evidenza relatata mal-punt (c) tista’ tinkludi ftehimiet kuntrattwali, ittri ta’ intenzjoni jew memoranda ta’ qbil.

    3.   

    Il-valutazzjoni ta’ jekk proġett jissodisfax il-kriterju msemmi fl-Artikolu 6(1), il-punt (b), għandha tqis:

    (a)

    il-kwalità tal-istudji tal-fattibbiltà mwettqa dwar il-potenzjal tal-iżvilupp tal-proġett;

    (b)

    jekk it-teknoloġija maħsuba biex tintuża ġietx murija fl-ambjent rilevanti.

    4.   

    L-istudji tal-fattibbiltà msemmija fil-punt 3(a) għandhom jitfasslu biex:

    (a)

    jivvalutaw jekk proġett propost hux probabbli li jirnexxi billi jiġu analizzati kunsiderazzjonijiet teknoloġiċi u ambjentali;

    (b)

    jidentifikaw kwistjonijiet u problemi tekniċi potenzjali li jistgħu jinqalgħu waqt it-twettiq tal-proġett.

    Jaf ikun hemm bżonn isiru studji oħra biex tiġi konfermata l-fattibbiltà tal-proġett.

    5.   

    Il-valutazzjoni ta’ jekk proġetti li jinsabu fl-Unjoni jissodisfawx il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 6(1), il-punt (c), għandha tqis valutazzjoni ġenerali tal-konformità tal-proġett mal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali rilevanti kif ukoll l-evidenza supplimentari rilevanti, filwaqt li jitqies il-post tal-proġett.

    Il-valutazzjoni ta’ jekk proġetti f’pajjiżi terzi jew f’PTEEs jissodisfawx il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 6(1), il-punt (c), għandha tqis il-konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli fejn dik il-liġi nazzjonali tipprovdi biżżejjed assigurazzjoni ta’ konformità mal-kriterju jew aspetti minnu u mal-istrumenti internazzjonali li ġejjin:

    (a)

    Id-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-ILO dwar il-Prinċipji li jikkonċernaw l-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali;

    (b)

    Il-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Imġiba Responsabbli fin-Negozju, b’mod partikolari l-linji gwida relatati mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

    (c)

    Il-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Ktajjen ta’ Provvista Responsabbli tal-Minerali minn Żoni Affettwati mill-Kunflitti u Żoni ta’ Riskju Għoli;

    (d)

    Il-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Involviment Sinifikanti tal-Partijiet Ikkonċernati fis-Settur tal-Estrazzjoni, inkluż fejn issir referenza għall-prinċipji stabbiliti fid-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni;

    (e)

    Il-Prinċipji tal-OECD dwar il-Governanza Korporattiva;

    (f)

    Il-Linji gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali dwar il-Kondotta Responsabbli tal-Impriżi;

    (g)

    Il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem;

    (h)

    L-Istandard 5 ta’ Prestazzjoni tal-IFC dwar l-Akkwist tal-Art u r-Risistemazzjoni Involontarja.

    6.   

    Il-promoturi tal-proġetti jistgħu wkoll jikkonfermaw il-konformità mal-kriterju stabbilit fl-Artikolu 6(1), il-punt (c) billi:

    (a)

    jipprovdu evidenza li l-proġett ikkonċernat hu ċċertifikat individwalment minn skema waħda jew aktar rikonoxxuti skont l-Artikolu 30(2) li jkopru b’mod konġunt ir-rekwiżiti elenkati fl-Anness IV, il-punt (2); jew

    (b)

    jimpenjaw li jiksbu ċertifikazzjoni għall-proġett ikkonċernat bħala parti minn skema waħda jew aktar rikonoxxuti skont l-Artikolu 30(2) li jkopru b’mod konġunt ir-rekwiżiti elenkati fl-Anness IV, il-punt (2), u jipprovdu evidenza biżżejjed li meta jiġi implimentat il-proġett ikkonċernat ikun jista’ jissodisfa l-kriterji għal din iċ-ċertifikazzjoni.

    7.   

    Il-valutazzjoni ta’ jekk proġett fl-Unjoni jissodisfax il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 6(1), il-punt (d), għandha tqis:

    (a)

    jekk impriżi minn Stati Membri differenti jipparteċipawx fil-proġett;

    (b)

    jekk il-persuni li potenzjalment jixtru jkunux jinsabu wkoll f’aktar minn Stat Membru wieħed;

    (c)

    l-effetti fuq id-disponibbiltà ta’ materja prima strateġika għall-utenti downstream f’aktar minn Stat Membru wieħed.

    8.   

    Il-valutazzjoni ta’ jekk proġett f’pajjiż terz jissodisfax il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 6(1), il-punt (e), għandha tqis il-punt sa fejn il-proġett jikkontribwixxi, fil-pajjiż terz rilevanti biex:

    (a)

    jissaħħaħ aktar minn stadju wieħed tal-katina tal-valur tal-materja prima f’dak il-pajjiż jew fir-reġjun usa’ tiegħu;

    (b)

    jitrawwem l-investiment privat fil-katina tal-valur tal-materja prima domestika;

    (c)

    jinkisbu benefiċċji ekonomiċi jew soċjali usa’, inkluż il-ħolqien tal-impjiegi.


    ANNESS IV

    Kriterji għall-iskemi taċ-ċertifikazzjoni

    1.   

    Skema ta’ ċertifikazzjoni rikonoxxuta għandha tissodisfa l-kriterji li ġejjin:

    (a)

    tkun miftuħa b’termini trasparenti, ġusti u nondiskriminatorji għall-operaturi ekonomiċi kollha li lesti u kapaċi jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-iskema u soġġetti għal governanza ta’ bosta partijiet ikkonċernati;

    (b)

    il-verifika u l-monitoraġġ tal-konformità jkun oġġettivi, abbażi ta’ standards, rekwiżiti u proċeduri internazzjonali, tal-Unjoni jew nazzjonali, u mwettqa b’mod indipendenti mill-operatur ekonomiku rilevanti;

    (c)

    din tinkludi rekwiżiti u proċeduri biżżejjed li jiżguraw il-kompetenza u l-indipendenza tal-verifikaturi responsabbli.

    (d)

    din tinkludi rekwiżiti li jiżguraw rapport tal-awditjar stabbilit fil-livell tas-sit.

    2.   

    Ir-rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni għandhom jinkludu mill-inqas:

    (a)

    rekwiżiti li jiżguraw prattiki ambjentalment sostenibbli, inkluż rekwiżiti li jiżguraw l-immaniġġjar ambjentali u l-mitigazzjoni tal-impatti fil-kategoriji ta’ riskju ambjentali li ġejjin:

    (i)

    l-arja, inkluż it-tniġġis tal-arja bħall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra;

    (ii)

    l-ilma, inkluż qiegħ il-baħar u l-ambjent tal-baħar, u t-tniġġis tal-ilma, l-użu tal-ilma, il-kwantitajiet tal-ilma, b’kont meħud ta’ għargħar jew nixfiet u l-aċċess għall-ilma;

    (iii)

    il-ħamrija, inkluż it-tniġġis tal-ħamrija, l-erożjoni tal-ħamrija, l-użu tal-art u d-degradazzjoni tal-art;

    (iv)

    il-bijodiversità, inkluż il-ħsara lill-ħabitats, il-fawna selvaġġa, il-flora u l-ekosistemi, inkluż is-servizzi tal-ekosistema;

    (v)

    is-sustanzi perikolużi;

    (vi)

    l-istorbju u l-vibrazzjonijiet;

    (vii)

    is-sikurezza tal-pjanti;

    (viii)

    l-użu tal-enerġija;

    (ix)

    l-iskart u r-residwi;

    (b)

    rekwiżiti li jiżguraw prattiki soċjalment responsabbli, inkluż ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tax-xogħol inkluża l-ħajja komunitarja tal-popli indiġeni;

    (c)

    rekwiżiti li jiżguraw l-integrità u t-trasparenza tan-negozju, inkluż rekwiżiti għall-applikazzjoni tal-immaniġġjar it-tajjeb tal-materji finanzjarji, ambjentali u soċjali u politiki kontra l-korruzzjoni u kontra t-tixħim.


    ANNESS V

    Impronta ambjentali

    PARTI I

    DEFINIZZJONIJIET

    Għall-finijiet ta’ dan l-Anness, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    “data dwar l-attivitajiet” tfisser l-informazzjoni assoċjata mal-proċessi waqt l-immudellar tal-Inventarji taċ-Ċiklu tal-Ħajja (LCI), li bihom ir-riżultati aggregati tal-LCI tal-ktajjen tal-proċess li jirrappreżentaw l-attivitajiet ta’ proċess jiġu multiplikati bid-data tal-attivitajiet korrispondenti u mbagħad jiġu kkombinati biex toħroġ l-impronta ambjentali assoċjata ma’ dak il-proċess;

    (b)

    “lista tal-materjali” tfisser lista tal-materja prima, is-subassemblaġġi, l-assemblaġġi intermedji, is-subkomponenti, il-partijiet u l-kwantitajiet ta’ kull wieħed meħtieġa għall-manifattura tal-prodott fl-ambitu tal-istudju;

    (c)

    “data speċifika għall-kumpanija” jew “data primarja” tfisser għad-data mkejla jew miġbura direttament minn faċilità waħda jew aktar (data speċifika għas-sit) li tkun rappreżentattiva għall-attivitajiet tal-kumpanija.;

    (d)

    “metodu tal-valutazzjoni tal-impatt” tfisser il-protokoll għal tisrif kwantitattiv tad-data tal-inventarju taċ-ċiklu tal-ħajja f’kontribut għall-impatt fuq l-ambjent ta’ tħassib;

    (e)

    “kategorija tal-impatt” tfisser klassi ta’ użu tar-riżorsi jew l-impatt fuq l-ambjent li d-data tal-inventarju taċ-ċiklu tal-ħajja tkun relatata magħhom;

    (f)

    “ċiklu tal-ħajja” tfisser l-istadji konsekuttivi u interkonnessi ta’ sistema tal-prodotti, mill-kisba jew il-ħolqien tal-materja prima minn riżorsi naturali sar-rimi finali (ISO 14040:2006);

    (g)

    “inventarju taċ-ċiklu tal-ħajja” jew “LCI” tfisser is-sett ikkombinat ta’ skambji ta’ flussi elementari, ta’ skart u ta’ prodotti f’sett tad-data tal-LCI;

    (h)

    “sett tad-data tal-inventarju taċ-ċiklu tal-ħajja” jew “Sett tad-data tal-LCI” tfisser dokument jew fajl b’informazzjoni dwar iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodott speċifikat jew referenza oħra, bħas-sit jew ilproċess, li jkopri metadata deskrittiva u inventarju kwantitattiv taċ-ċiklu tal-ħajja u jista’ jkun sett tad-data ta’ proċess tal-unità, sett tad-data parzjalment aggregat jew aggregat;

    (i)

    “data sekondarja” tfisser data li ma tkunx minn proċess speċifiku fil-katina tal-provvista tal-kumpanija li twettaq studju dwar l-impronta tal-karbonju, jiġifieri data li ma tinġabarx, ma titkejjilx jew ma tiġix stmata direttament mill-kumpanija, iżda li tinkiseb minn bażi tad-data tal-LCI ta’ parti terza jew minn sorsi oħra, inklużi data medja tal-industrija – bħal mid-data ppubblikata dwar il-produzzjoni, l-istatistika tal-gvern, u l-assoċjazzjonijiet tal-industrija –l-istudji tal-letteratura, l-istudji tal-inġinerija u l-privattivi, u tista’ tkun ibbażata wkoll fuq data finanzjarja, u tinkludi data indikatur, u data ġenerika oħra u tinkludi data primarja li tgħaddi minn stadju ta’ aggregazzjoni orizzontali;

    (j)

    “limitu tas-sistema” tfisser l-aspetti inklużi jew esklużi mill-istudju dwar iċ-ċiklu tal-ħajja.

    Ir-regoli għall-kalkolu għall-impronta ambjentali ta’ materja prima kritika għandhom jinkludu kull definizzjoni oħra meħtieġa għall-interpretazzjoni tagħhom.

    PARTI II

    AMBITU

    Dan l-Anness jipprovdi l-elementi essenzjali dwar kif tiġi kkalkolata l-impronta ambjentali ta’ materja prima kritika.

    Ir-regoli għall-kalkolu tal-impronta ambjentali ta’ materja prima kritika speċifika għandhom jibnu fuq l-elementi essenzjali inklużi f’dan l-Anness, filwaqt li jitqiesu metodi tal-valutazzjoni xjentifikament tajba u standards internazzjonali rilevanti fil-qasam tal-valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja.

    Il-kalkolu tal-impronta ambjentali ta’ materja prima kritika għandu jkun ibbażat fuq il-lista tal-materjali, tal-enerġija, tal-metodi tal-produzzjoni, u tal-materjali awżiljarji użati fil-faċilitajiet involuti fil-produzzjoni tal-materja prima kritika.

    Meta tistabbilixxi regoli għall-kalkolu tal-impronta ambjentali ta’ materja prima kritika speċifika, il-Kummissjoni għandu jkollha l-għan li tiżgura konsistenza mar-regoli għall-kalkolu tal-impronta ambjentali ta’ prodotti intermedji u finali li jużaw il-materja prima kritika rilevanti.

    PARTI III

    UNITÀ DIKJARATA

    L-unità dikjarata għandha tkun 1 kg tat-tip rilevanti ta’ materja prima kritika.

    Ir-regoli għall-kalkolu tal-impronta ambjentali ta’ materja prima kritika speċifika jistgħu jispeċifikaw unità ddikjarata ogħla jew aktar baxxa, espressa f’kg, fejn meħtieġ biex jitqiesu n-natura jew l-użu tal-materja prima kritika rilevanti.

    Id-data kwantitattiva kollha dwar l-input u l-output miġbura mill-manifattur biex jikkwantifika l-impronta tal-karbonju għandha tiġi kkalkulata fir-rigward ta’ din l-unità dikjarata.

    PARTI IV

    LIMITU TAS-SISTEMA

    1.

    L-estrazzjoni, il-konċentrazzjoni u r-raffinar huma t-tliet stadji taċ-ċiklu tal-ħajja li għandhom jiġu inklużi fil-limitu tas-sistema tal-materja prima kritika primarja bil-proċessi li ġejjin, meta rilevanti għall-materja prima speċifika:

    (a)

    il-proċessi upstream, inkluż l-estrazzjoni tal-minerali għall-produzzjoni tal-materja prima, il-produzzjoni u l-provvista, inkluż il-ġarr, tas-sustanzi kimiċi, il-proċessi awżiljarji, il-produzzjoni u l-provvista, inkluż il-ġarr, tal-fjuwils, il-produzzjoni u l-provvista tal-elettriku, u l-ġarr tal-materjali fil-vetturi li mhumiex proprjetà tal-organizzazzjoni jew operati minnha;

    (b)

    il-ġarr tal-minerali, tal-konċentrati u tal-materja prima f’vetturi li huma proprjetà tal-organizzazzjoni jew operati minnha;

    (c)

    il-ħżin tal-minerali, tal-konċentrati u tal-materja prima;

    (d)

    it-tkissir u t-tindif tal-minerali;

    (e)

    il-produzzjoni tal-konċentrat tal-materja prima;

    (f)

    l-estrazzjoni tal-metall, b’mezzi kimiċi, fiżiċi jew bijoloġiċi;

    (g)

    it-trattament minn qabel tal-materjal sekondarju;

    (h)

    il-konverżjoni tal-metall;

    (i)

    it-tindif tal-gagazza;

    (j)

    ir-raffinar tal-metall;

    (k)

    l-elettroliżi tal-metall;

    (l)

    l-ikkastjar jew l-imballaġġ tal-metall;

    (m)

    il-materjal użat u t-trattament tal-gagazza;

    (n)

    il-proċessi awżiljarji relatati kollha, bħal għat-trattament tal-ilma mormi fuq il-post, inkluż għat-trattament tal-ilma tal-ipproċessar, it-tkessiħ dirett u l-ilma tax-xeba’; is-sistemi tat-tnaqqis tal-gass, inkluż tal-gassijiet primarji u sekondarji; il-bojlers, inkluż għat-trattament minn qabel tal-ilma tal-alimentazzjoni; il-loġistika interna.

    2.

    Fil-limitu tas-sistema tal-materja prima kritika sekondarja, li tiddefinixxi l-istadju taċ-ċiklu tal-ħajja tar-riċiklaġġ, għandhom jiġu inklużi l-proċessi li ġejjin, meta rilevanti għall-materja prima riċiklata speċifika:

    (a)

    il-proċessi upstream, inkluż il-ħolqien ta’ materja prima tal-alimentazzjoni (materjali tar-ruttam u konċentrati verġni), il-produzzjoni u l-provvista (il-ġarr) tas-sustanzi kimiċi, il-proċessi awżiljarji, il-produzzjoni u l-provvista (il-ġarr) tal-fjuwils, il-produzzjoni u l-provvista tal-elettriku, u l-ġarr tal-materjali f’vetturi li mhumiex proprjetà tal-organizzazzjoni;

    (b)

    il-ġarr tal-konċentrati u tar-ruttam f’vetturi li huma proprjetà tal-organizzazzjoni jew operati minnha;

    (c)

    il-ħżin tar-ruttam, tal-konċentrati u tal-materja prima;

    (d)

    it-trattament minn qabel tal-materja prima sekondarja;

    (e)

    it-trattament minn qabel tal-materjal sekondarju;

    (f)

    il-konverżjoni tal-metall;

    (g)

    ir-raffinar tal-metall;

    (h)

    l-elettroliżi tal-metall;

    (i)

    l-ikkastjar jew l-imballaġġ tal-metall;

    (j)

    it-trattament tal-materjal użat;

    (k)

    il-proċessi awżiljarji relatati kollha, bħal għat-trattament tal-ilma mormi fuq il-post, inkluż għat-trattament tal-ilmijiet tal-ipproċessar, it-tkessiħ dirett u l-ilma tax-xeba’; is-sistemi tat-tnaqqis tal-gass, inkluż tal-gassijiet primarji u sekondarji; il-bojlers, inkluż għat-trattament minn qabel tal-ilma tal-alimentazzjoni; il-loġistika interna.

    3.

    Il-fażi tal-użu jew il-fażi ta’ tmiem il-ħajja għandhom jiġu esklużi mill-kalkoli tal-impronta ambjentali għax ma għandhomx l-influwenza diretta tal-operatur ekonomiku responsabbli. Proċessi oħra jistgħu jiġu esklużi meta l-kontribut tagħhom għall-impronta ambjentali ta’ materja prima kritika speċifika jkun insinifikanti.

    PARTI V

    KATEGORIJI TAL-IMPATT

    Ir-regoli għall-kalkolu għandhom jispeċifikaw il-kategoriji tal-impatt li jeħtieġ jiġu inklużi fil-kalkolu tal-impronta ambjentali. L-għażla għandha tkun ibbażata fuq l-analiżi hotspot imwettqa skont metodoloġiji xjentifikament tajba żviluppati fil-livell internazzjonali u filwaqt li jitqiesu:

    (a)

    l-importanza relattiva ta’ impatti differenti, inkluż l-importanza relattiva tagħhom biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi u ambjentali tal-Unjoni;

    (b)

    il-ħtiġijiet tal-impriżi downstream li jixtiequ jikkomunikaw dwar l-impronta ambjentali tal-materja prima kritika li jużaw.

    PARTI VI

    UŻU TA’ SETTIJIET TAD-DATA SPEĊIFIĊI U SEKONDARJI GĦALL-KUMPANIJI

    Ir-regoli għall-kalkolu għandhom jispeċifikaw l-użu ta’ settijiet tad-data speċifiċi jew sekondarji tal-kumpaniji għall-proċessi u għall-materjali rilevanti kollha. Jekk ir-regoli għall-kalkolu jippermettu l-għażla bejn sett ta’ data speċifiku għall-kumpanija u sett ta’ data sekondarju, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li tinċentiva l-użu tas-sett ta’ data speċifiku għall-kumpanija.

    L-użu ta’ data speċifika għall-kumpanija għandu jkun meħtieġ mill-inqas għall-proċessi bl-influwenza diretta tal-operatur responsabbli u għandu jkollu l-akbar kontribut għall-kategoriji tal-impatt rilevanti.

    Id-data tal-attività speċifika għall-kumpanija għandha tintuża flimkien mas-settijiet tad-data sekondarji rilevanti konformi mal-impronta ambjentali. Ir-regoli għall-kalkolu għandhom jispeċifikaw jekk hux permess kampjunar, skont il-kriterji stabbiliti f’metodoloġiji xjentifikament tajba żviluppati fil-livell internazzjonali.

    Bidla fil-lista tal-materjali jew fit-taħlita tal-enerġija użata għall-produzzjoni ta’ tip ta’ materja prima kritika teħtieġ kalkolu ġdid tal-impronta ambjentali.

    Meta tistabbilixxi r-regoli tal-kalkolu, inkluż għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġġenerati mill-elettriku użat għall-produzzjoni ta’ materja prima kritika, il-Kummissjoni għandha tiżgura konsistenza u konformità ma’ liġi tal-Unjoni rilevanti oħra, sakemm ma tkunx iġġustifikata li ma tagħmilx hekk.

    Ir-regoli għall-kalkolu li jridu jiġu elaborati b’att delegat għandhom jinkludu mmudellar dettaljat tal-istadji taċ-ċiklu tal-ħajja li ġejjin:

    (a)

    l-istadju tal-estrazzjoni, il-konċentrazzjoni u r-raffinar ta’ materja prima primarja;

    (b)

    l-istadju tal-kisba u l-ipproċessar ta’ materja prima sekondarja.

    PARTI VII

    METODI TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

    L-impronta ambjentali għandha tiġi kkalkolata b’metodi tal-valutazzjoni tal-impatt xjentifikament tajba li jqisu l-iżviluppi fil-livell internazzjonali tal-kategoriji tal-impatt rilevanti relatati mat-tibdil fil-klima, l-ilma, l-arja, il-ħamrija, ir-riżorsi, l-użu tal-art u t-tossiċità.

    Ir-riżultati għandhom jingħataw bħala riżultati karatterizzati, bla normalizzazzjoni u ponderazzjoni.

    PARTI VIII

    KLASSIJIET TAL-PRESTAZZJONI TAL-IMPRONTA TAL-KARBONJU

    Skont id-distribuzzjoni tal-valuri tad-dikjarazzjonijiet tal-impronta ambjentali mqiegħda fis-suq intern, se jiġi identifikat għadd sinifikanti ta’ klassijiet tal-prestazzjoni, bil-kategorija A bħala l-aħjar klassi bl-inqas impatt taċ-ċiklu tal-ħajja, biex tkun tista’ ssir divrenzjazzjoni fis-suq. L-identifikazzjoni tal-limitu għal kull klassi tal-prestazzjoni, kif ukoll il-wisa’ tagħhom, għandhom ikunu bbażati fuq id-distribuzzjoni tal-prestazzjonijiet tal-materja prima kritika rilevanti mqiegħda fis-suq fit-tliet snin preċedenti, it-titjib teknoloġiku mistenni, u fatturi tekniċi oħra li jridu jiġu identifikati.

    Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-għadd ta’ klassijiet tal-prestazzjoni u l-limiti bejniethom kull tliet snin biex iżżommhom rappreżentattivi tar-realtà tas-suq u l-iżvilupp mistenni tiegħu.

    PARTI IX

    VALUTAZZJONI TAL-KONFORMITÀ

    Ir-regoli għall-kalkolu u l-verifika għandhom jispeċifikaw il-proċedura applikabbli tal-valutazzjoni tal-konformità minn fost il-moduli stabbiliti fl-Anness II tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE, bl-adattamenti meħtieġa fid-dawl tal-materjal ikkonċernat.

    Meta tispeċifika l-proċedura applikabbli tal-valutazzjoni tal-konformità, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-kriterji li ġejjin:

    (a)

    jekk il-modulu kkonċernat hux xieraq għat-tip ta’ materjal u proporzjonat għall-interess pubbliku segwit;

    (b)

    in-natura tar-riskji preżentati mill-prodott u sa fejn il-valutazzjoni tal-konformità tikkorrispondi għat-tip u l-grad tar-riskju;

    (c)

    meta l-involviment tal-partijiet terzi jkun obbligatorju, il-ħtieġa tal-manifattur li jkollu għażla bejn il-moduli tal-assigurazzjoni tal-kwalità u taċ-ċertifikazzjoni tal-prodott stabbiliti fl-Anness II għad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE.


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1252/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top