Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R1239

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/1239 tat-22 ta’ Frar 2024 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/196 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dazji doganali addizzjonali fuq importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka

    C/2024/1056

    ĠU L, 2024/1239, 29.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1239/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1239/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/1239

    29.4.2024

    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1239

    tat-22 ta’ Frar 2024

    li jemenda r-Regolament (UE) 2018/196 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dazji doganali addizzjonali fuq importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/196 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Frar 2018 dwar dazji doganali addizzjonali fuq importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    B’riżultat tan-nuqqas tal-Istati Uniti li jġibu l-Att dwar il-Kumpens għall-Persistenza tad-Dumping u għaż-Żamma tas-Sussidji (“CDSOA”, Continued Dumping and Subsidy Offset Act) f’konformità mal-obbligi tagħhom skont il-ftehimiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“WTO”, World Trade Organization), skont ir-Regolament (UE) 2018/196, ġie impost dazju doganali addizzjonali ad valorem ta’ 4,3 % fuq importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka. F’konformità mal-awtorizzazzjoni tad-WTO biex tiġi sospiża l-applikazzjoni ta’ konċessjonijiet għall-Istati Uniti, il-Kummissjoni se taġġusta ta’ kull sena l-livell ta’ sospensjoni għal-livell ta’ tixjin jew ħsara kkawżat mis-CDSOA fuq l-Unjoni f’dak iż-żmien. Fl-2023, il-livell ta’ sospensjoni ġie aġġustat għal 0,164 % tad-dazju doganali addizzjonali ad valorem u r-Regolament (UE) 2018/196 ġie emendat skont dan (2).

    (2)

    L-iżborżi mis-CDSOA għall-aktar sena reċenti li għaliha teżisti data disponibbli jirrigwardaw id-distribuzzjoni ta’ dazji anti-dumping u kumpensatorji miġbura matul is-Sena Fiskali 2023 (1 ta’ Ottubru 2022 - 30 ta’ Settembru 2023). Abbażi tad-data ppubblikata mill-United States’ Customs and Border Protection, il-livell ta’ tixjin jew ħsara kkawżat lill-Unjoni huwa kkalkulat li jammonta għal USD 34,98.

    (3)

    Il-livell ta’ tixjin jew ħsara u konsegwentement ta’ sospensjoni naqas b’mod sinifikanti u huwa negliġibbli. Ir-rata li tirriżulta ta’ dazju tal-importazzjoni addizzjonali ta’ 0,00002 % ma jkollha l-ebda effett kummerċjali u tirriżulta fi spiża amministrattiva sproporzjonata għall-Unjoni. Ir-rata tad-dazju tal-importazzjoni addizzjonali jenħtieġ għalhekk li tiġi stabbilita għal 0 %.

    (4)

    Sabiex ikun żgurat li ma jkunx hemm dewmien fl-applikazzjoni tar-rata emendata tad-dazju tal-importazzjoni addizzjonali, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu.

    (5)

    Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2018/196 jiġi emendat skont dan,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2018/196 huwa sostitwit b’dan li ġej, li jifformattja l-asterisk u t-test marbut miegħu fil-forma ta’ nota f’qiegħ il-paġna:

    “Artikolu 2

    Dazju ad valorem ta’ 0 % addizzjonali għad-dazju doganali applikabbli skont ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) għandu jiġi impost fuq il-prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Mejju 2024.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Frar 2024.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 44, 16.2.2018, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/858 tal-23 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/196 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dazji doganali addizzjonali fuq importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka (ĠU L 111, 26.4.2023, p. 15).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1239/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top