Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R1038

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2024/1038 tad-9 ta’ April 2024 li jemenda r-Regolament (UE) 2023/915 fir-rigward tal-livelli massimi tat-tossini T-2 u HT-2 fl-ikel

    C/2024/2135

    ĠU L, 2024/1038, 10.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1038/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1038/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/1038

    10.4.2024

    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1038

    tad-9 ta’ April 2024

    li jemenda r-Regolament (UE) 2023/915 fir-rigward tal-livelli massimi tat-tossini T-2 u HT-2 fl-ikel

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 tat-8 ta’ Frar 1993 li jistabbilixxi proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/915 (2) jistabbilixxi l-livelli massimi ta’ ċerti kontaminanti fl-ikel.

    (2)

    It-tossini T-2 u HT-2 huma mikotossini prodotti minn diversi speċijiet ta’ Fusarium. It-tossina T-2 tiġi metabolizzata malajr għal għadd kbir ta’ prodotti, u t-tossina HT-2 hija metabolit ewlieni.

    (3)

    Fl-2011, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) adottat opinjoni xjentifika dwar ir-riskji għas-saħħa tal-annimali u dik pubblika relatati mal-preżenza tat-tossini T-2 u HT-2 fl-għalf u fl-ikel (3). L-Awtorità stabbiliet doża tollerabbli ta’ kuljum ta’ grupp (TDI) ta’ 0,1 μg/kg tal-piż tal-ġisem (bw) għas-somma tat-tossini T-2 u HT-2. L-estimi tal-esponiment kroniku fid-dieta tal-bniedem għas-somma tat-tossini T-2 u HT-2 ibbażati fuq id-data disponibbli dwar l-okkorrenza kienu inqas mit-TDI ta’ grupp għall-popolazzjonijiet tal-gruppi tal-etajiet kollha, u għalhekk mhux ta’ tħassib immedjat dwar is-saħħa.

    (4)

    Filwaqt li tqiesu l-konklużjonijiet tal-opinjoni xjentifika tal-2011, ġiet adottata r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/165/UE (4) biex tinġabar aktar data dwar it-tossini T-2 u HT-2 fiċ-ċereali u l-prodotti taċ-ċereali, sabiex wieħed jifhem aħjar il-varjazzjoni minn sena għal sena fl-okkorrenza u biex tinkiseb aktar informazzjoni dwar l-influwenza tal-ipproċessar tal-ikel (eż. it-tisjir) u l-fatturi agronomiċi fuq il-preżenza tat-tossini T-2 u HT-2.

    (5)

    Fl-2017, l-Awtorità adottat opinjoni xjentifika dwar l-adegwatezza li jiġi stabbilit valur indikattiv ibbażat fuq is-saħħa tal-grupp għat-tossini T-2 u HT-2 u għall-forom modifikati tagħhom (5). Ġiet stabbilita doża akuta ta’ referenza tal-grupp (ARfD) ta’ 0,3 μg/kg bw għas-somma tat-tossini T-2 u HT-2 u l-forom modifikati tagħhom. Barra minn hekk, ġie stabbilit TDI tal-grupp għas-somma tat-tossini T-2 u HT-2 u l-forom modifikati tagħhom ta’ 0,02 μg/kg bw minflok it-TDI tal-grupp preċedenti ta’ 0,1 μg/kg bw.

    (6)

    Fl-2017 ukoll, l-Awtorità ppubblikat rapport xjentifiku dwar l-esponiment dijetetiku tal-bniedem u tal-annimali għat-tossini T-2 u HT-2 (6). L-istimi tal-esponiment dijetetiku akut f’dak ir-rapport ma indikawx qbiż tal-ARfD tal-grupp stabbilit mill-Awtorità. Madankollu, ċerti xenarji tal-esponiment dijetetiku kroniku qabżu t-TDI tal-grupp fit-trabi, fit-trabi li telqu jimxu u fi tfal oħra, u l-esponimenti kienu għoljin fl-adolexxenti wkoll, u dan jindika tħassib potenzjali għas-saħħa.

    (7)

    Għalhekk, sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, jixraq li jiġu stabbiliti livelli massimi li jikkonċernaw il-preżenza fl-ikel tat-tossini T-2 u HT-2 filwaqt li titqies l-aktar data riċenti dwar l-okkorrenzi. Madankollu, peress li d-data dwar l-okkorrenzi disponibbli dwar il-preżenza tal-forom modifikati tat-tossini T-2 u HT-2 hija limitata ħafna u l-ebda metodu ta’ rutina għall-analiżi tagħhom ma huwa disponibbli, il-livelli massimi huma stabbiliti f’dan iż-żmien biss għas-somma tat-tossini T-2 u HT-2.

    (8)

    Sabiex jiġi żgurat li jiġu applikati prattiki agrikoli tajbin biex titnaqqas il-preżenza tat-tossini T-2 u HT-2 fiċ-ċereali, huwa importanti li jiġi stabbilit livell massimu għaċ-ċereali mhux ipproċessati. Peress li l-ħafur mhux ipproċessat, qabel il-maċinazzjoni jew qabel ma jintuża fil-prodotti taċ-ċereali introdotti fis-suq għall-konsumatur finali, jiġi introdott fis-suq bil-ħliefa, il-livell massimu għat-tossini T-2 u HT-2 fil-ħbub tal-ħafur mhux ipproċessat jenħtieġ li japplika għall-ħbub tal-ħafur mhux ipproċessat bil-ħliefa inkluża, anki jekk il-ħliefa ma tkunx tista’ tittiekel.

    (9)

    Peress li l-livelli tal-okkorrenza tat-tossini T-2 u HT-2 huma l-ogħla fil-ħbub tal-ħafur, huwa importanti li jsiru sforzi addizzjonali biex titnaqqas aktar il-preżenza tat-tossini T-2 u HT-2 fil-ħbub tal-ħafur u li l-Kummissjoni tkun infurmata dwar il-progress li sar u dwar id-data ġdida dwar l-okkorrenzi bl-għan li fil-futur jitnaqqas il-livell massimu għat-tossini T-2 u HT-2 fil-ħbub tal-ħafur u fil-prodotti tal-ħbub tal-ħafur.

    (10)

    Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2023/915 jiġi emendat skont dan.

    (11)

    Jixraq li jiġi previst perjodu tranżitorju għall-ikel li jiġi introdott fis-suq legalment qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament filwaqt li jitqies li ċertu ikel kopert minn dan ir-Regolament għandu ħajja twila fuq l-ixkaffa.

    (12)

    Sabiex l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jippreparaw għar-regoli l-ġodda introdotti b’dan ir-Regolament, jixraq li jingħata żmien raġonevoli sakemm jibdew japplikaw il-livelli massimi l-ġodda.

    (13)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (UE) 2023/915 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 8, jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:

    “5.   Sal-1 ta’ Jannar 2028, l-Istati Membri u l-partijiet interessati għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni r-riżultati tal-investigazzjonijiet imwettqa u l-progress li jkun sar fir-rigward tal-applikazzjoni tal-miżuri ta’ prevenzjoni biex titnaqqas il-kontaminazzjoni bit-tossini T-2 u HT-2 fil-ħafur u fil-prodotti tal-ħafur.

    L-Istati Membri u l-partijiet interessati għandhom jirrapportaw fuq bażi regolari lill-Awtorità d-data dwar l-okkorrenzi tat-tossini T-2 u HT-2 fil-ħafur u fil-prodotti tal-ħafur.”

    ;

    (2)

    L-Anness I huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    L-ikel elenkat fl-Anness introdott legalment fis-suq qabel l-1 ta’ Lulju 2024, jista’ jibqa’ fis-suq sad-data tad-durabbiltà minima tiegħu jew sad-data tal-iskadenza tiegħu.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2024.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ April 2024.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 37, 13.2.1993, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/915 tal-25 ta’ April 2023 dwar il-livelli massimi għal ċerti kontaminanti fl-ikel u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1881/2006 (ĠU L 119, 5.5.2023, p. 103).

    (3)  Scientific opinion on the risks for animal and public health related to the presence of T-2 and HT-2 toxin in food and feed (EFSA Journal 2011;9(12):2481, https://doi.org/10.2903/j.efsa.2011.2481).

    (4)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/165/UE tas-27 ta’ Marzu 2013 dwar il-preżenza tat-tossini T-2 u HT-2 fiċ-ċereali u l-prodotti taċ-ċereali (ĠU L 91, 3.4.2013, p. 12).

    (5)  Scientific opinion on the appropriateness to set a group health based guidance value for T2 and HT2 toxin and its modified forms (EFSA Journal 2017;15(1):4655, https://doi.org/10.2903/j.efsa.2017.4655).

    (6)  Scientific report on human and animal dietary exposure to T-2 and HT-2 toxin (EFSA Journal 2017;15(8):4972, https://doi.org/10.2903/j.efsa.2017.4972).


    ANNESS

    Fit-Taqsima 1 (Mikotossini) tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/915, tiżdied l-entrata 1.9 (tossini T-2 u HT-2) li ġejja:

    “1.9

    Tossini T-2 u HT-2

    Livell massimu (μg/kg)

    Kummenti

     

     

    Somma tat-tossini T-2 u HT-2

    Għas-somma tat-tossini T-2 u HT-2, il-livelli massimi jirreferu għall-konċentrazzjonijiet tal-livell inferjuri, li huma kkalkolati bis-suppożizzjoni li l-valuri kollha taħt il-limitu tal-kwantifikazzjoni huma żero.

    1.9.1

    Ħbub taċ-ċereali mhux ipproċessati ħlief il-prodotti elenkati fil-punti 1.9.1.1., 1.9.1.2, 1.9.1.3 u 1.9.1.4

    50

    Ħlief il-ħbub tal-qamħirrum mhux ipproċessati maħsuba sabiex jiġu pproċessati permezz ta’ maċinazzjoni niedja u ħlief ir-ross.

    Il-livell massimu japplika għall-ħbub taċ-ċereali mhux ipproċessati mqiegħda fis-suq qabel l-ipproċessar tal-ewwel stadju (6).

    1.9.1.1

    Ħbub tax-xgħir tal-birra mhux ipproċessati

    200

    Il-livell massimu japplika għall-ħbub tax-xgħir tal-birra mhux ipproċessati mqiegħda fis-suq qabel l-ipproċessar tal-ewwel stadju (6).

    1.9.1.2

    Ħbub tax-xgħir mhux ipproċessati għajr il-ħbub tax-xgħir tal-birra mhux ipproċessati

    150

    Il-livell massimu japplika għall-ħbub tax-xgħir mhux ipproċessati mqiegħda fis-suq qabel l-ipproċessar tal-ewwel stadju (6).

    1.9.1.3

    Ħbub tal-qamħirrum mhux ipproċessati u ħbub tal-qamħ durum mhux ipproċessati

    100

    Ħlief il-ħbub tal-qamħirrum mhux ipproċessati li għalihom huwa evidenti eż. permezz ta’ tikkettar jew destinazzjoni, li huma maħsuba li jintużaw fi proċess ta’ maċinazzjoni niedja biss (produzzjoni tal-lamtu).

    Il-livell massimu japplika għall-ħbub tal-qamħ durum mhux ipproċessati u għall-ħbub tal-qamħirrum mhux ipproċessati mqiegħda fis-suq qabel l-ipproċessar tal-ewwel stadju (6).

    1.9.1.4

    Ħbub tal-ħafur mhux ipproċessati bil-ħliefa li ma tittikilx

    1 250

    Il-livell massimu japplika għall-ħbub tal-ħafur mhux ipproċessati bil-ħliefa mqiegħda fis-suq qabel l-ipproċessar tal-ewwel stadju (6).

    Il-livell massimu japplika għall-ħbub tal-ħafur bil-ħliefa li ma tittikilx inkluża.

    1.9.2

    Ċereali mqiegħda fis-suq għall-konsumatur finali ħlief il-prodotti elenkati fil-punti 1.9.2.1 u 1.9.2.2

    20

    Ħlief ir-ross.

    1.9.2.1

    Ħafur imqiegħed fis-suq għall-konsumatur finali

    100

     

    1.9.2.2

    Xgħir, qamħirrum u qamħ durum imqiegħda fis-suq għall-konsumatur finali

    50

     

    1.9.3

    Prodotti tal-maċinazzjoni taċ-ċereali ħlief il-prodotti elenkati fil-punti 1.9.3.1 u 1.9.3.2

    20

    Ħlief il-prodotti tal-maċinazzjoni tar-ross.

    1.9.3.1

    Prodotti tal-maċinazzjoni tal-ħafur (inkluż in-nuħħala tal-ħafur)

    100

     

    1.9.3.2

    Nuħħala miċ-ċereali għajr il-ħafur u l-prodotti tal-maċinazzjoni tal-qamħirrum

    50

     

    1.9.4

    Prodotti tal-forn għajr il-prodotti elenkati fil-punt 1.9.5, għaġin, snacks taċ-ċereali u ċereali tal-kolazzjon ħlief il-prodotti elenkati fil-punti 1.9.6, 1.9.7 u 1.9.8

    20

    Ħlief il-prodotti tar-ross.

    Inklużi l-prodotti tal-forn żgħar.

    Għaġin tfisser għaġin (xott) b’kontenut ta’ ilma ta’ madwar 12 %.

    1.9.5

    Prodotti tal-forn li fihom mill-inqas 90 % prodotti tal-maċinazzjoni tal-ħafur

    100

    Ħlief il-prodotti tar-ross.

    Inklużi l-prodotti tal-forn żgħar.

    1.9.6

    Fjokki tal-ħafur

    100

     

    1.9.7

    Ċereali tal-kolazzjon li jikkonsistu f’mill-inqas 50 % ta’ nuħħala taċ-ċereali, prodotti tal-maċinazzjoni tal-ħbub tal-ħafur, prodotti tal-maċinazzjoni tal-ħbub tal-qamħirrum, ħbub sħaħ tal-ħafur, ħbub tax-xgħir, ħbub tal-qamħirrum jew ħbub tal-qamħ durum, u li jikkonsistu f’inqas minn 40 % prodotti tal-maċinazzjoni tal-ħbub tal-ħafur u tal-ħbub sħaħ tal-ħafur

    50

     

    1.9.8

    Ċereali tal-kolazzjon li jikkonsistu f’mill-inqas 50 % ta’ nuħħala taċ-ċereali, prodotti tal-maċinazzjoni tal-ħbub tal-ħafur, prodotti tal-maċinazzjoni tal-qamħirrum, ħbub sħaħ tal-ħafur, ħbub tax-xgħir, ħbub tal-qamħirrum jew ħbub tal-qamħ durum, u f’mill-inqas 40 % ta’ prodotti tal-maċinazzjoni tal-ħbub tal-ħafur u tal-ħbub sħaħ tal-ħafur

    75

     

    1.9.9

    Ikel tat-trabi u ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali għat-trabi u għat-tfal żgħar (3)

    10

    Ħlief il-prodotti tar-ross.

    Il-livell massimu japplika għall-materja niexfa (5) tal-prodott kif imqiegħed fis-suq.

    1.9.10

    Ikel għal skopijiet mediċi speċjali maħsub għat-trabi u għat-tfal żgħar (3)

    10

    Ħlief il-prodotti tar-ross.

    Il-livell massimu japplika għall-materja niexfa (5) tal-prodott kif imqiegħed fis-suq.”


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1038/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top