Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R1022

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2024/1022 tat-8 ta’ April 2024 li jemenda r-Regolament (UE) 2023/915 fir-rigward tal-livelli massimi tad-deossinivalenol fl-ikel

    C/2024/2079

    ĠU L, 2024/1022, 9.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1022/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1022/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/1022

    9.4.2024

    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1022

    tat-8 ta’ April 2024

    li jemenda r-Regolament (UE) 2023/915 fir-rigward tal-livelli massimi tad-deossinivalenol fl-ikel

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 tat-8 ta’ Frar 1993 li jistabbilixxi proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/915 (2) jistabbilixxi livelli massimi għal ċerti kontaminanti, inkluż id-deossinivalenol (DON) fl-ikel.

    (2)

    Fl-2017, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) adottat opinjoni xjentifika dwar ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali relatati mal-preżenza tad-deossinivalenol u tal-forom aċetilati u modifikati tiegħu fl-ikel u fl-għalf (3). F’dik l-opinjoni l-Awtorità kkonkludiet li d-doża tollerabbli ta’ kuljum (TDI) ta’ 1 μg/kg tal-piż tal-ġisem (bw) kuljum għad-DON, kellha titqies bħala TDI għall-grupp għas-somma ta’ DON, 3-aċetil-deossinivalenol (3-Ac-DON), 15-aċetil-deossinivalenol (15-Ac-DON) u deossinivalenol-3-glukosid (DON-3-glukosid). Sabiex jiġi vvalutat ir-riskju akut għas-saħħa tal-bniedem, ġiet ikkalkulata doża akuta ta’ referenza għall-grupp (ADfD) ta’ 8 μg/kg bw għal kull okkażjoni tal-ikel. L-istimi tal-esponimenti akuti mid-dieta kienu taħt din id-doża u ma qajmux tħassib dwar is-saħħa fil-bnedmin. Madankollu, l-esponimenti djetetiċi kroniċi medji stmati kienu ogħla mit-TDI għall-grupp fit-trabi, fit-trabi li telqu jimxu u fi tfal oħra, u l-esponimenti kienu għoljin fl-adolexxenti u fl-adulti wkoll, u dan jindika tħassib potenzjali għas-saħħa.

    (3)

    Fid-dawl tal-opinjoni tal-Awtorità, il-Kummissjoni kkunsidrat il-possibbiltà li tistabbilixxi livelli massimi għas-somma ta’ DON, 3-Ac-DON, 15-Ac-Don u DON-3-glukosid. Madankollu minħabba l-ammont limitat ta’ data dwar l-okkorrenzi għas-somma ta’ DON, 3-Ac-DON, 15-Ac-Don u DON-3-glukosid u minħabba li t-3-Ac-DON, il-15-Ac-Don u b’mod partikolari d-DON-3-glukosid għadhom mhumiex analizzati fuq bażi ta’ rutina, ma hemmx biżżejjed informazzjoni f’dan iż-żmien biex jiġu stabbiliti tali livelli massimi sakemm il-metodu ta’ analiżi għall-analiżi ta’ rutina tal-forom aċetilati u modifikati tad-DON jiġi żviluppat aktar u l-preżenza tas-somma ta’ DON u tal-forom aċetilati u modifikati tiġi mmonitorjata. Sadanittant, sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, jixraq li jitbaxxew ċerti livelli massimi eżistenti għal għad-DON skont il-prinċipju li l-livelli massimi jridu jiġu stabbiliti f’livell l-aktar baxx li jista’ raġonevolment jintlaħaq bl-applikazzjoni ta’ prattiki tajba biex tiġi minimizzata l-kontaminazzjoni u b’hekk titqies id-data reċenti dwar l-okkorrenzi.

    (4)

    Sabiex jiġi żgurat li jiġu applikati prattiki agrikoli tajbin biex titnaqqas il-preżenza tad-DON fiċ-ċereali, huwa importanti li jiġi stabbilit livell massimu għaċ-ċereali mhux ipproċessati. Peress li l-ħafur mhux ipproċessat, qabel il-maċinazzjoni jew qabel ma jintuża fil-prodotti taċ-ċereali introdotti fis-suq għall-konsumatur finali, jiġi introdott fis-suq bil-ħliefa, il-livell massimu għad-DON fil-ħbub tal-ħafur mhux ipproċessat jenħtieġ li japplika għall-ħbub tal-ħafur mhux ipproċessat bil-ħliefa inkluża, anki jekk il-ħliefa ma tkunx tista’ tittiekel.

    (5)

    Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2023/915 jiġi emendat skont dan.

    (6)

    Jixraq li jiġi previst perjodu tranżitorju għall-ikel li jiġi introdott fis-suq legalment qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament filwaqt li jitqies li ċertu ikel kopert minn dan ir-Regolament għandu ħajja twila fuq l-ixkaffa.

    (7)

    Sabiex l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jippreparaw għar-regoli l-ġodda introdotti b’dan ir-Regolament, jixraq li jingħata żmien raġonevoli sakemm jibdew japplikaw il-livelli massimi l-ġodda.

    (8)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/915 huwa emendat skont l-Anness għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    L-ikel elenkat fl-Anness introdott legalment fis-suq qabel l-1 ta’ Lulju 2024, jista’ jibqa’ fis-suq sad-data tad-durabbiltà minima tiegħu jew sad-data tal-iskadenza tiegħu.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2024.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ April 2024.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 37, 13.2.1993, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/915 tal-25 ta’ April 2023 dwar il-livelli massimi għal ċerti kontaminanti fl-ikel u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1881/2006 (ĠU L 119, 5.5.2023, p. 103).

    (3)  Scientific opinion on the risks to human and animal health related to the presence of deoxynivalenol and its acetylated and modified forms in food and feed. EFSA Journal 2017;15(9):4718, https://doi.org/10.2903/j.efsa.2017.4718.


    ANNESS

    Fit-Taqsima 1 (Mikotossini) tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/915, l-entrata 1.4 (Deossinivalenol) hija sostitwita b’dan li ġej:

    1.4

    Deossinivalenol

    Livell massimu (μg/kg)

    Kummenti

    1.4.1

    Ħbub taċ-ċereali mhux ipproċessati ħlief il-prodotti elenkati fil-punti 1.4.2 u 1.4.3

    1 000

    Ħlief il-ħbub tal-qamħirrum mhux ipproċessati maħsuba sabiex jiġu pproċessati permezz ta’ maċinazzjoni niedja u ħlief ir-ross.

    Il-livell massimu japplika għall-ħbub taċ-ċereali mhux ipproċessati mqiegħda fis-suq għall-ipproċessar tal-ewwel stadju (6).

    1.4.2

    Ħbub tal-qamħ durum mhux ipproċessati u ħbub tal-qamħirrum mhux ipproċessati

    1 500

    Ħlief il-ħbub tal-qamħirrum mhux ipproċessati li għalihom huwa evidenti eż. permezz ta’ tikkettar jew destinazzjoni, li huma maħsuba li jintużaw fi proċess ta’ maċinazzjoni niedja biss (produzzjoni tal-lamtu).

    Il-livell massimu japplika għall-ħbub tal-qamħ durum mhux ipproċessati u għall-ħbub tal-qamħirrum mhux ipproċessati mqiegħda fis-suq għhall-ipproċessar tal-ewwel stadju (6).

    1.4.3

    Ħbub tal-ħafur mhux ipproċessati bil-ħliefa li ma tittikilx

    1 750

    Il-livell massimu japplika għall-ħbub tal-ħafur mhux ipproċessati bil-ħliefa mqiegħda fis-suq għall-ipproċessar tal-ewwel stadju (6).

    Il-livell massimu japplika għall-ħbub tal-ħafur bil-ħliefa li ma tittikilx inkluża.

    1.4.4

    Ċereali mqiegħda fis-suq għall-konsumatur finali, qamħirrum għat-tifqigħ u għall-popcorn

    750

    Ħlief ir-ross.

    1.4.5

    Prodotti tal-maċinazzjoni taċ-ċereali bl-eċċezzjoni tal-prodotti elenkati fil-punt 1.4.6

    600

    Ħlief il-prodotti tal-maċinazzjoni tar-ross.

    1.4.6

    Prodotti tal-maċinazzjoni tal-qamħirrum

     

     

    1.4.6.1

    Prodotti tal-maċinazzjoni tal-qamħirrum imqiegħda fis-suq għall-konsumatur finali

    750

     

    1.4.6.2

    Prodotti tal-maċinazzjoni tal-qamħirrum mhux imqiegħda fis-suq għall-konsumatur finali

    1 000

     

    1.4.6.3

    Polenta msajra minn qabel lesta biex tittiekel

    250

     

    1.4.7

    Prodotti tal-forn, snacks taċ-ċereali u ċereali tal-kolazzjon

    400

    Ħlief il-prodotti tar-ross.

    Inklużi l-prodotti tal-forn żgħar.

    1.4.8

    Għaġin

    600

    Għaġin tfisser għaġin (xott) b’kontenut ta’ ilma ta’ madwar 12 %.

    1.4.9

    Ikel tat-trabi u ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali għat-trabi u għat-tfal żgħar (3)

    150

    Ħlief il-prodotti tar-ross.

    Il-livell massimu japplika għall-materja niexfa (5) tal-prodott kif imqiegħed fis-suq.

    1.4.10

    Ikel għal skopijiet mediċi speċjali maħsub għat-trabi u għat-tfal żgħar (3)

    150

    Ħlief il-prodotti tar-ross.

    Il-livell massimu japplika għall-materja niexfa (5) tal-prodott kif imqiegħed fis-suq.”


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1022/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top