Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R0966

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/966 tal-21 ta’ Marzu 2024 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1966/94 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 3176/94

    C/2024/1979

    ĠU L, 2024/966, 27.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/966/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/966/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje L


    2024/966

    27.3.2024

    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/966

    tal-21 ta’ Marzu 2024

    dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1966/94 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 3176/94

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1966/94 (2) kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 705/2005 (3), il-prodott fir-ringiela li jikkorrispondi għall-punt 7 fit-tabella fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1966/94 deskritt bħala oġġett rettangolari magħmul minn drapp maħdum fitt bil-labar u ta’ kulur singlu (100 % qoton) bit-truf irrinfurzati u żewġ fetħiet ta’ madwar 10 cm tul sabiex jippermettu l-oġġett jiġi mimli bir-rix, rix irqiq artab jew materjali oħra (duvet jew quilt oħxon), kien ikklassifikat taħt il-kodiċi NM 6302 31 00 (“Bjankerija oħra tas-sodda, tal-qoton”).

    (2)

    Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3176/94 (4) kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 441/2013 (5), oġġetti simili ħafna, jiġifieri artikolu rettangolari, mhux normalment adattat għall-ħasil, magħmul minn tessut minsuġ issikkat ħafna kulurit (100 % qoton) bit-trufijiet imsaħħa u ftuħ fuq waħda min-naħat biex jippermettu li l-artikolu jimtela bir-rix, rix irqieq jew materjal ieħor (eiderdown jew duvet tick), kien ikklassifikat taħt il-kodiċi NM 6307 90 98 (“Oġġetti oħrajn manifatturati”).

    (3)

    Fil-kolonni “Ir-Raġunijiet” tal-Annessi tar-Regolament (KE) Nru 1966/94, il-punt 7 u r-Regolament (KE) Nru 3176/94, ir-raġunijiet mogħtija ma jipprovdux kjarifika biżżejjed biex jiġu ġġustifikati l-klassifikazzjonijiet rilevanti u biex jiġu ddeterminati kriterji oġġettivi sabiex issir distinzjoni bejn l-oġġetti tal-intestatura 6302 u l-oġġetti tal-intestatura 6307.

    (4)

    Għalhekk, ir-Regolamenti (KE) Nru 1966/94 u 3176/94 ma jikkontribwixxux biex tiġi żgurata klassifikazzjoni uniformi ta’ dawk l-oġġetti. Konsegwentement, il-punt 7 fit-tabella stabbilita fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1966/94 jenħtieġ li jitħassar, u r-Regolament (KE) Nru 3176/94 jenħtieġ li jitħassar.

    (5)

    Fl-istess ħin, u sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (6), il-klassifikazzjoni tal-oġġetti simili għal dawk deskritti fir-Regolament (KE) Nru 1966/94, il-punt 7, u fir-Regolament (KE) Nru 3176/94 jenħtieġ li tiġi ċċarata billi tiġi adottata miżura ġdida dwar il-klassifikazzjoni ta’ dan it-tip ta’ oġġetti li tipprovdi raġunijiet suffiċjenti biex issir distinzjoni bejn l-oġġetti tal-intestaturi 6302 u 6307. Għalhekk, jeħtieġ li tiġi adottata miżura ġdida dwar il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    (6)

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stipula r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija totalment jew parzjalment ibbażata fuqha jew li żżid xi suddiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jkun hemm l-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

    (7)

    Skont dawk ir-regoli ġenerali, l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ dik it-tabella.

    (8)

    Jixraq li jiġi previst li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, tkun tista’ tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta’ 3 xhur.

    (9)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ dik it-tabella.

    Artikolu 2

    L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tkunx konformi ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta’ 3 xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Fit-tabella stabbilita fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1966/94, titħassar ir-ringiela għall-punt 7.

    Artikolu 4

    Ir-Regolament (KE) Nru 3176/94 jitħassar.

    Artikolu 5

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Marzu 2024.

    Għall-Kummissjoni

    F’isem il-President,

    Gerassimos THOMAS

    Direttur Ġenerali

    Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni


    (1)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/952/2022-12-12.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1966/94 tal-28 ta’ Lulju 1994 li jirrigwarda l-klassifika ta’ ċerti oġġetti fin-nomenklatura magħquda (ĠU L 198, 30.7.1994, p. 103, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1994/1966/oj).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 705/2005 tal-4 ta’ Mejju 2005 li jemenda jew iħassar ċerti regolamenti dwar il-klassifikazzjoni tal-oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU L 118, 5.5.2005, p. 18, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/705/oj).

    (4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3176/94 tal-21 ta’ Diċembru 1994 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-nomenklatura magħquda (ĠU L 335, 23.12.1994, p. 56, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1994/3176/2013-06-04).

    (5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 441/2013 tas-7 ta’ Mejju 2013 li jemenda jew iħassar ċertu regolamenti dwar il-klassifikazzjoni tal-oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU L 130, 15.5.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/441/oj).

    (6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1987/2658/2023-06-17).


    ANNESS

    Deskrizzjoni tal-oġġetti

    Klassifikazzjoni

    (Kodiċi NM)

    Raġunijiet

    (1)

    (2)

    (3)

    Oġġett fil-forma ta’ qoxra/inforra ta’ drapp ta’ 100 % qoton minsuġ b’mod issikkat ħafna, ta’ kulur wieħed, b’qies ta’ madwar 80 cm × 80 cm. It-truf huma rinfurzati b’orlaturi minsuġa.

    Hemm fetħa fuq naħa waħda ta’ madwar 25 cm biex tippermetti l-mili.

    Il-qoxra/inforra hija mfassla biex timtela wara l-importazzjoni, pereżempju, bir-rix u/jew biż-żajbar u l-fetħa tkun magħluqa b’mod permanenti, biex issir imħadda.

    (Ara l-istampi) (*1)

    6307 90 98

    Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda (GIR) u bil-kliem tal-kodiċijiet NM 6307 , 6307 90 u 6307 90 98 .

    Il-klassifikazzjoni tal-oġġett taħt l-intestatura 9404 bħala oġġetti tal-friex u arredament simili hija eskluża minħabba li l-oġġett ma għandux il-karattru essenzjali ta’ oġġett komplut tal-intestatura 9404 skont it-tifsira tal-GIR 2 (a). Għadu mhux mimli jew mgħammar internament b’xi materjal.

    Il-klassifikazzjoni tal-oġġett taħt l-intestatura 6302 bħala bjankerija tas-sodda hija eskluża, minħabba li l-oġġett ma għandux il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tal-bjankerija tas-sodda tal-intestatura 6302 li tinkludi oġġetti bħal lożor, investi, cases tal-edredun u għata tas-saqqijiet. Tali oġġetti huma mfassla biex jgħattu, pereżempju, imħadda jew edredun u jistgħu jitneħħew faċilment minnhom fi kwalunkwe ħin (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata għall-intestatura 6302 , l-ewwel paragrafu, il-punt (1)).

    L-oġġett ma għandux l-istess funzjoni jew użu bħall-bjankerija tas-sodda tal-intestatura 6302 ; huwa prodott ta’ natura differenti, peress li għandu jimtela u jingħalaq b’mod permanenti wara l-mili. Id-drapp minsuġ b’mod issikkat ħafna u l-fatt li l-oġġett huwa magħluq b’mod permanenti jiżguraw li l-materjal tal-mili ma jkunx jista’ joħroġ. Il-materjal tal-mili ma jistax jitneħħa faċilment ladarba l-oġġett ikun ingħalaq. Għall-kuntrarju tal-investi, l-oġġett isir parti mill-imħadda. Barra minn hekk, l-oġġett mhuwiex f’kuntatt dirett mal-utent, peress li jitgħatta b’investa (il-bjankerija tas-sodda nnifisha) qabel ma jkun jista’ jużah l-utent.

    Minħabba li l-oġġett ma jistax jiġi kklassifikat f’intestatura li hija aktar speċifika mill-intestatura 6307 , għandu għalhekk jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 6307 90 98 bħala oġġett ieħor manifatturat, ta’ materjali tessili.


    Image 1

     

    Image 2


    (*1)  L-istampi huma purament għall-informazzjoni.


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/966/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top