Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R0823

    Regolament (UE) 2024/823 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Frar 2024 dwar ċerti miżuri kummerċjali eċċezzjonali għal pajjiżi u territorji li jipparteċipaw fil-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jew li huma marbutin miegħu (kodifikazzjoni)

    PE/39/2023/REV/1

    ĠU L, 2024/823, 6.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/823/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/823/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje L


    2024/823

    6.3.2024

    REGOLAMENT (UE) 2024/823 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-28 ta’ Frar 2024

    dwar ċerti miżuri kummerċjali eċċezzjonali għal pajjiżi u territorji li jipparteċipaw fil-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jew li huma marbutin miegħu

    (kodifikazzjoni)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1215/2009 (2) ġie emendat kemm-il darba b’mod sostanzjali (3). Fl-interess taċ-ċarezza u r-razzjonalità, jenħtieġ li dak ir-Regolament jiġi kkodifikat.

    (2)

    Ġew konklużi Ftehimiet ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal- parteċipanti kollha fil-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

    (3)

    Suq tal-Unjoni miftuħ għall-importazzjonijiet mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent hu mistenni li jikkontribwixxi għall-proċess ta’ stabbilizzazzjoni politika u ekonomika fir-reġjun filwaqt li ma joħloqx effetti negattivi għall-Unjoni.

    (4)

    Is-sistema ta’ miżuri kummerċjali awtonomi, oriġinarjament stabbilita mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2000 (4) hija appoġġ siewi għall-ekonomiji tas-sħab tal-Balkani tal-Punent.

    (5)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma parti mill-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, u huma bi tweġiba għas-sitwazzjoni speċifika fil-Balkani tal-Punent. Jenħtieġ li dawk il-miżuri ma jikkostitwixxux preċedent għall-politika kummerċjali tal-Unjoni ma’ pajjiżi terzi oħrajn.

    (6)

    Skont il-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, ibbażat fuq l-Avviċinament Reġjonali preċedenti u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-29 ta’ April 1997, l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet bilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent hu soġġett għal ċerti kundizzjonijiet. L-għoti ta’ preferenzi kummerċjali awtonomi hu marbut mar-rispett għall-prinċipji fundamentali tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem u mad-disponibbiltà tal-pajjiżi interessati sabiex jiżviluppaw bejniethom relazzjonijiet ekonomiċi. L-għoti ta’ preferenzi kummerċjali awtonomi mtejba favur pajjiżi li jipparteċipaw fil-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandhu jkun marbut mad-disponibbiltà tagħhom sabiex iħaddnu riformi ekonomiċi effettivi u kooperazzjoni reġjonali, b’mod partikolari permezz tat-twaqqif ta’ żoni ta’ kummerċ liberu skont standards rilevanti tal-GATT/WTO. Barra minn dan, id-dritt għal benefiċċju mill-preferenzi kummerċjali awtonomi jenħtieġ li tkun soġġetta għall-kundizzjoni li l-partijiet benefiċjarji jkunu involuti f’kooperazzjoni amministrattiva effettiva mal-Unjoni sabiex jipprevenu kwalunkwe riskju ta’ frodi.

    (7)

    Il-preferenzi kummerċjali jistgħu jingħataw biss lill-pajjiżi jew territorji li għandhom amministrazzjoni doganali.

    (8)

    Jenħtieġ li l-miżuri kummerċjali previsti f’dan ir-Regolament iqisu li s-Serbja u l- Kosovo (*1) rispettivament jikkostitwixxu territorji doganali separati.

    (9)

    Għall-finijiet ta’ ċertifikazzjoni ta’ oriġini u proċeduri amministrattivi ta’ kooperazzjoni, jenħtieġ li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 (5) u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (6).

    (10)

    Sabiex jiġu adottati d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dan ir Regolament, jentħieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-emendi u l-aġġustamenti tekniċi meħtieġa għall-Anness I wara li jsiru emendi fil-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda u fis-suddiviżjonijiet tat-tariffa integrata tal-Unjoni Ewropea (TARIC), kif ukoll l-aġġustamenti meħtieġa wara l-għoti ta’ preferenzi kummerċjali skont arranġamenti oħrajn bejn l-Unjoni u l-pajjiżi u t-territorji msemmija f’dan ir-Regolament. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell tal-esperti u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (7).B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

    (11)

    Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tas-sospensjoni tad-dritt għall-benefiċċju minn arranġamenti preferenzjali f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità, il-ħruġ ta’ ċertifikati tal-awtentiċità li jagħtu prova li l-prodotti joriġinaw mill-pajjiż jew mit-territorju kkonċernat u jikkorrispondu mad-definizzjoni f’dan ir-Regolament, u għas-sospensjoni temporanja, kollha kemm hi jew parzjali, tal-arranġamenti previsti f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

    (12)

    Hu xieraq li l-perjodu ta’applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ikun limitat sal-31 ta’ Diċembru 2025,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Arranġamenti preferenzjali

    1.   Prodotti li joriġinaw mill-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, u s-Serbja (il-“partijiet benefiċjarji”) li huma koperti mill-Kapitoli 7 u 8 tan-Nomenklatura Magħquda għandhom jiġu ammessi għall-importazzjoni fl-Unjoni mingħajr restrizzjonijiet kwantitattivi jew miżuri b’effett ekwivalenti, u b’eżenzjoni mid-dazji doganali u minn imposti b’effett ekwivalenti.

    2.   Prodotti li joriġinaw mill-partijiet benefiċjarji għandhom jibqgħu jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament fejn ikun hekk indikatf’dawk id-dispożizzjonijiet. Tali prodotti għandhom ukoll jibbenefikaw minn kwalunkwe konċessjoni prevista f’dan ir-Regolament li hija aktar favorevoli minn dik prevista mill-ftehimiet bilaterali bejn l-Unjoni u dawk il-partijiet benefiċjarji.

    Artikolu 2

    Kundizzjonijiet għad-dritt għall-arranġamenti preferenzjali

    1.   Id-dritt għal benefiċċju mill-arranġamenti preferenzjalimsemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun soġġett għall-kundizzjonijiet segwenti:

    (a)

    il-konformità mad-definizzjoni ta’ “prodotti oriġinarji” prevista fit-Titolu II, Kapitolu 1, Taqsima 2, Subtaqsimiet 4 u 5, tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446, u fit-Titolu II, Kapitolu 2, Taqsima 2, Subtaqsimiet 10 u 11, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447;

    (b)

    l-astensjoni tal-partijiet benefiċjarji milli jintroduċu dazji ġodda u imposti li jkollhom effett ekwivalenti u restrizzjonijiet kwantitattivi ġodda jew miżuri li jkollhom effett ekwivalenti għall-importazzjoni li joriġinaw mill-Unjoni, milli jżidu livelli eżistenti ta’ dazji jew imposti jew milli jintroduċu xi restrizzjonijiet oħra;

    (c)

    l-involviment tal-partijiet benefiċjarji f’kooperazzjoni amministrattiva effettiva mal-Unjoni għall-prevenzjoni ta’ kwalunkwe riskju ta’ frodi; u

    (d)

    l-astensjoni tal-partijiet benefiċjarji mill-involviment fi ksur serju u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet ewlenin tax-xogħol, tal-prinċipji fundamentali tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt.

    2.   Mingħajr preġudizzju għall-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, id-dritt għal benefiċċju mill-arranġamenti preferenzjali msemmija fl-Artikolu 1 għandha tkunu soġġetta għad-disponibbiltà tal-partijiet benefiċjarji li jkunu involuti f’riformi ekonomiċi effettivi u f’kooperazzjoni reġjonali ma’ pajjiżi oħra involuti fil-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, b’mod partikolari permezz tat-twaqqif ta’ żoni ta’ kummerċ ħieles skont l-Artikolu XXIV tal-GATT 1994 u skont dispożizzjonijiet oħra rilevanti tad-WTO.

    Fil-każ ta’ nonkonformità mal-ewwel subparagrafu, il-Kunsill jista’ jieħu l-miżuri xierqa permezz ta’ vot b’maġġoranza kwalifikata, abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni.

    3.   Fil-każ ta’ nonkonformità ta’ parti benefiċjarja mal-paragrafu 1, il-punt (a), (b) jew (c), jew mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tissospendi, totalment jew parzjalment, id-dritt tal-parti benefiċjarja kkonċernata għall-benefiċċji skont dan ir-Regolament. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 8(3).

    Artikolu 3

    Prodotti agrikoli — kwoti tariffarji

    1.   Għal ċerti prodotti tal-inbid, kif elenkat fl-Anness I, li joriġinaw mill-partijiet benefiċjarji, id-dazji doganali applikabbli għall-importazzjoni fl-Unjoni għandhom ikunu sospiżi matul il-perijodi, fil-livelli, fil-limiti tal-kwota tariffarja tal-Unjoni u skont il-kondizzjonijiet indikati għal kull prodott u oriġini li hemm f’dak l-Anness.

    2.   Minkejja d-dispożizzjonijiet l-oħrajn ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari l-Artikolu 10, fid-dawl tas-sensittività partikolari tas-swieq agrikoli u tas-sajd, meta l-importazzjonijiet ta’ prodotti agrikoli u tas-sajd jikkawżaw tfixkil serju lis-swieq tal-Unjoni u lill-mekkaniżmi regolatorji tagħhom, il-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri xierqa, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 8(3).

    Artikolu 4

    Ġestjoni ta’ kwoti tariffarji

    Il-kwoti tariffarji msemmija fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu ġestiti mill-Kummissjoni f’konformità mat-Titolu II, Kapitolu 1, Taqsima 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.

    Il-komunikazzjoni għal dak il-għan bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandha ssir, sa fejn hu possibbli, permezz ta’ konnessjoni telematika.

    Artikolu 5

    Aċċess għal kwoti tariffarji

    Kull Stat Membru għandu jiżgura li importaturi jkollhom aċċess ugwali u mhux interrott għal kwoti tariffarji għat-tul ta’ perjodu sakemm il-bilanċ tal-volum tal-kwota rilevanti jippermetti.

    Artikolu 6

    Delega ta’ setgħat

    Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 7 dwar:

    (a)

    emendi u aġġustamenti tekniċi meħtieġa għall-Anness I wara li saru l-emendi għall-Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda u għas-suddiviżjonijiet tat-tariffa integrata tal-Unjoni Ewropea (TARIC);

    (b)

    aġġustamenti neċessarji wara l-għoti ta’ preferenzi kummerċjali skont arranġamenti oħra bejn l-Unjoni u l-partijiet benefiċjarji;

    (c)

    sospensjoni, totali jew parzjali, tad-dritt ta’ parti kkonċernata għall-benefiċċji skont dan ir-Regolament, fil-każ tan-nonkonformità ta’ dik il-parti benefiċjarja mal-Artikolu 2(1), il-punt (d).

    Artikolu 7

    Eżerċizzju tad-delega

    1.   Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

    2.   Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 6 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ 5 snin mit-3 ta’ Diċembru 2013. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport rigward id-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża taċitament għal perijodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel tmiem kull perijodu.

    3.   Id-delega tas-setgħat msemmija fl-Artikolu 6 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Hija għandha tidħol fis-seħħ b’effett mill-jum ta’ wara l-publikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data iktar tard speċifikata fiha. Hija ma għandha taffettwa l-validità ta’ ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

    4.   Qabel ma’ tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

    5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 6 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

    Artikolu 8

    Proċedura ta’ kumitat

    1.   Għall-finijiet tal-Artikoli 2 u 10, il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat ta’ Implimentazzjoni tal-Balkani tal-Punent. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2.   Għall-finijiet tal-Artikolu 3(2), il-Kummissjoni għandha tkun mgħejjuna mill-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    Artikolu 9

    Kooperazzjoni

    L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw strettament sabiex jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari mal-Artikolu 10(1).

    Artikolu 10

    Sospensjoni temporanja

    1.   Fejn il-Kummissjoni ssib li hemm evidenza suffiċjenti ta’ frodi jew ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni amministrattiva kif meħtieġa għall-verifika tal-evidenza tal-oriġini, jew li hemm żieda enormi fl-esportazzjoni ġewwa l-Unjoni li taqbeż il-livell tal-kapaċità normali ta’ produzzjoni u ta’ esportazzjoni, jew nuqqas ta’ konformità min-naħa tal-partijiet benefiċjarji mal-Artikolu 2(1), il-punt (a), (b) jew (c), hija tista’ tieħu miżuri biex tissospendi totalment jew parzjalment l-arranġamenti previsti f’dan ir-Regolament għal perijodu ta’ tliet xhur, dment li l-ewwel tkun:

    (a)

    infurmat lill-Kumitat ta’ Implimentazzjoni għall-Balkani tal-Punent;

    (b)

    appellat lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri ta’ prekawzjoni li jkunu meħtieġa sabiex jiġu salvagwardati l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jew sabiex jiżguraw konformità mill-partijiet benefiċjarji mal-Artikolu 2(1);

    (c)

    ippubblikat avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fejn tiddikjara li jeżistu dubji raġonevoli dwar l-applikazzjoni tal-arranġamenti preferenzjali jew il-konformità mal-Artikolu 2(1) mill-parti benefiċjarja kkonċernata li jistgħu jitfgħu dubju fuq id-dritt tagħha li tibqa’ tgawdi mill-benefiċċji mogħtija minn dan ir-Regolament.

    Il-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom jiġu adottati permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 8(3).

    2.   Mal-għeluq tal-perjodu ta’ sospensjoni, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jew li ttemm il-miżura ta’ sospensjoni provviżorja jew li testendi l-miżura ta’ sospensjoni skont il-paragrafu 1.

    Artikolu 11

    Tħassir

    Ir-Regolament (KE) Nru 1215/2009 huwa b’dan imħassar.

    Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness III.

    Artikolu 12

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Huwa għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2025.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strasburgu, it-28 ta’ Frar 2024.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    R. METSOLA

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. MICHEL


    (1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Jannar 2024 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)] u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2024.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1215/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 li jintroduċi ċerti miżuri kummerċjali eċċezzjonali għal pajjiżi u territorji li jipparteċipaw fil-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewropea jew li huma marbutin miegħu (ĠU L 328, 15.12.2009, p. 1).

    (3)  Ara l-Anness II.

    (4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2000 tat-18 ta’ Settembru 2000 li jintroduċi ċerti miżuri kummerċjali ta’eċċezzjoni għal pajjiżi u territorji li jipparteċipaw fi, jew li huma marbutin mal-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2820/98, u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1763/1999 u (KE) Nru 6/2000 (ĠU L 240, 23.9.2000, p. 1).

    (*1)  Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

    (5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1).

    (6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).

    (7)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

    (8)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

    (9)  Ir-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (ĠU L 83, 27.3.2015, p. 16).


    ANNESS I

    Dwar il-kwoti tariffarji msemmija fl-Artikolu 3(1)

    Minkejja r-regoli għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, il-formulazzjoni użata għad-deskrizzjoni tal-prodotti għandha titqies li għandha biss valur indikattiv, l-iskema preferenzjali għandha tkun determinata, fil-kuntest ta’ dan l-Anness, bil-kopertura tal-kodiċi tan-NM. Fejn ikunu indikati ex kodiċijiet NM, l-iskema preferenzjali għandha tiġi ddeterminata bl-applikazzjoni tal-kodiċi NM u tad-deskrizzjoni korrispondenti, flimkien.

    Nru tal-ordni

    Kodiċi NM

    Deskrizzjoni

    Volum tal-kwota fis-sena (1)

    Partijiet benefiċjarji

    Rata ta’dazju

    09.1530

    ex 2204 21 94

    ex 2204 21 95

    ex 2204 21 96

    ex 2204 21 97

    ex 2204 21 98

    ex 2204 22 93

    ex 2204 22 94

    ex 2204 22 95

    ex 2204 29 93

    ex 2204 29 94

    ex 2204 29 95

    Inbid ta’ għeneb frisk, b’qawwa alkoħolika attwali skont il-volum ta’ mhux aktar minn 15 % vol, għajr l-inbid spumanti

    30 000 hl

    Albanija (2) , Bożnija-Ħerzegovina (3) , Kosovo (4) Montenegro (5) , Maċedonja ta’ Fuq (6) , Serbja (7) .

    Eżenzjoni


    (1)  Volum globali wieħed għal kull kwota tariffarja aċċessibbli għall-importazzjoni li toriġina mill-partijiet benefiċjarji.

    (2)  L-aċċess għall-kwota tariffarja globali għall-inbid li joriġina mill-Albanija jingħata bil-kondizzjoni li l-ewwel tiġi eżawrita l-kwota tariffarja individwali stipulata fil-Protokoll dwar l-inbid konkluż mal-Albanija. Dik il-kwota individwali hija miftuħa skont l-ordni Nru 09.1512 u 09.1513.

    (3)  L-aċċess għall-kwota tariffarja globali għall-inbid li joriġina mill-Bożnija-Ħerzegovina jingħata bil-kondizzjoni li l-ewwel jiġu eżawriti ż-żewġ kwoti tariffarji individwali stipulati fil-Protokoll dwar l-inbid konkluż mal-Bożnija-Ħerzegovina. Dawk il-kwoti individwali huma miftuħa skont l-ordni Nri 09.1528 u 09.1529.

    (4)  L-aċċess għall-kwota tariffarja globali għall-inbid li joriġina mill-Kosovo jingħata bil-kondizzjoni li l-ewwel jiġu eżawriti ż-żewġ kwoti tariffarji individwali stipulati fil-Protokoll dwar l-inbid konkluż mal-Kosovo. Dawk il-kwoti individwali huma miftuħa skont l-ordni Nri 09.1570 u 09.1572.

    (5)  L-aċċess għall-kwota tariffarja globali għall-inbid li joriġina mill-Montenegro, sakemm jikkonċerna l-prodotti tal-kodiċi NM 2204 21, jingħata bil-kondizzjoni li l-ewwel tiġi eżawrita l-kwota tariffarja individwali stipulata fil-Protokoll dwar l-inbid konkluż mal-Montenegro. Dik il-kwota tariffarja individwali hija miftuħa skont l-ordni Nru 09.1514.

    (6)  L-aċċess għall-kwota tariffarja globali għall-inbid li joriġina mill-Maċedonja ta’ Fuq jingħata bil-kondizzjoni li l-ewwel jiġu eżawriti ż-żewġ kwoti tariffarji individwali stipulati fil-Protokoll Addizzjonali dwar l-inbid konkluż mal-Maċedonja ta’ Fuq. Dawk il-kwoti individwali huma miftuħa skont l-ordni Nri 09.1558 u 09.1559.

    (7)  L-aċċess għall-kwota tariffarja globali għall-inbid li joriġina mis-Serbja jingħata bil-kondizzjoni li l-ewwel jiġu eżawriti ż-żewġ kwoti tariffarji individwali stipulati fil-Protokoll dwar l-inbid konkluż mas-Serbja. Dawk il-kwoti individwali huma miftuħa skont l-ordni Nri 09.1526 u 09.1527.


    ANNESS II

    Regolament imħassar flimkien ma’ lista tal-emendi suċċessivi tiegħu

    Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1215/2009 (ĠU L 328, 15.12.2009, p. 1)

     

    Regolament (UE) Nru 1336/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 347, 30.12.2011, p. 1)

     

    Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 517/2013 (ĠU L 158, 10.6.2013, p. 1)

    Biss l-Artikolu 1(1), il-punt (n), il-ħames inċiż, u l-punt 16.5 tal-Anness

    Regolament (UE) Nru 1202/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 321, 30.11.2013, p. 1)

     

    Regolament (UE) 2015/2423 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 341, 24.12.2015, p. 18)

     

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1464 (ĠU L 209, 12.8.2017, p. 1)

     

    Regolament (UE) 2020/2172 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 432, 21.12.2020, p. 7)

     


    ANNESS III

    Tabella ta’ korrelazzjoni

    Regolament (KE) Nru 1215/2009

    Dan ir-Regolament

    Artikoli 1 u 2

    Artikoli 1 u 2

    Artikolu 3(1)

    Artikolu 3(1)

    Artikolu 3(4)

    Artikolu 3(2)

    Artikolu 5

    Artikolu 4

    Artikolu 6

    Artikolu 5

    Artikolu 7

    Artikolu 6

    Artikolu 7a(1), (2) u (3)

    Artikolu 7(1), (2) u (3)

    Artikolu 7(4)

    Artikolu 7a(4)

    Artikolu 7(5)

    Artikolu 7a(5)

    Artikolu 7(6)

    Artikolu 8(1) u (2)

    Artikolu 8(1) u (2)

    Artikolu 8(4)

    Artikolu 8(3)

    Artikolu 9

    Artikolu 9

    Artikolu 10(1)

    Artikolu 10(1)

    Artikolu 10(3)

    Artikolu 10(2)

    Artikoli 11 u 12

    Artikoli 11 u 12

    Anness I

    Anness I

    Anness III

    Anness IV

    Anness II

    Anness III


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/823/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top