This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32024R0576
Council Regulation (EU) 2024/576 of 12 February 2024 amending Regulation (EU) No 833/2014 concerning restrictive measures in view of Russia’s actions destabilising the situation in Ukraine
Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/576 tat-12 ta’ Frar 2024 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna
Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/576 tat-12 ta’ Frar 2024 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna
ST/5438/2024/INIT
ĠU L, 2024/576, 14.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/576/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Modifies | 32014R0833 | Żieda | artikolu 5a paragrafu 10 | 15/02/2024 | |
Modifies | 32014R0833 | Żieda | artikolu 5a paragrafu 7 | 15/02/2024 | |
Modifies | 32014R0833 | Żieda | artikolu 5a paragrafu 8 | 15/02/2024 | |
Modifies | 32014R0833 | Żieda | artikolu 5a paragrafu 9 | 15/02/2024 |
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
2024/576 |
14.2.2024 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2024/576
tat-12 ta’ Frar 2024
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/577 tat-12 ta’ Frar 2024 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (1),
Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Fil-31 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament(UE) Nru 833/2014 (2), dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna. |
(2) |
Ir-Regolament (UE) Nru 833/2014 jagħti effett lil ċerti miżuri previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK (3). |
(3) |
Fit-12 ta’ Frar 2024 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2024/577 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK. |
(4) |
Fl-24 ta’ Frar 2022, il-President tal-Federazzjoni Russa ħabbar operazzjoni militari fl-Ukrajna, u l-forzi armati Russi bdew attakk mhux provokat u mhux ġustifikat fuq l-Ukrajna. Dik l-aggressjoni militari hija ksur sfaċċat tal-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, kif ukoll ksur tal-projbizzjoni fuq l-użu tal-forza mnaqqxa fl-Artikolu 2(4) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), li hija regola perentorja tal-liġi internazzjonali, u tal-prinċipji l-oħra tal-Karta tan-NU. |
(5) |
Fir-Riżoluzzjoni ES-11/1 tagħha li ġiet adottata fit-2 ta’ Marzu 2022, l-Assemblea Ġenerali tan-NU kkundannat bl-aktar mod qawwi l-aggressjoni mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna bi ksur tal-Artikolu 2(4) tal-Karta tan-NU. Fir-Riżoluzzjoni ES-11/4 tagħha li ġiet adottata fit-12 ta’ Ottubru 2022, l-Assemblea Ġenerali tan-NU, filwaqt li ħadet nota tad-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tad-29 ta’ Settembru 2022 li fiha fakkar li kwalunkwe annessjoni ta’ territorju ta’ Stat minn Stat ieħor li tirriżulta mit-theddida jew l-użu tal-forza hija ksur tal-prinċipji tal-Karta u tal-liġi internazzjonali, ikkundannat l-organizzazzjoni mill-Federazzjoni Russa ta’ hekk imsejħa referenda illegali f’reġjuni fi ħdan il-fruntieri tal-Ukrajna li huma rikonoxxuti fil-livell internazzjonali, kif ukoll l-attentat ta’ annessjoni illegali tar-reġjuni Ukreni ta’ Donetsk, Kherson, Luhansk u Zaporizhzhia wara li ġew organizzati dawk l-hekk imsejħa referenda. |
(6) |
Fir-riżoluzzjoni A/RES/ES-11/5 tagħha tal-15 ta’ Novembru 2022, l-Assemblea Ġenerali tan-NU esprimiet tħassib serju dwar it-telf ta’ ħajjiet, l-ispostament ċivili, il-qerda tal-infrastruttura u tar-riżorsi naturali, it-telf ta’ proprjetà pubblika u privata, u d-diżastri ekonomiċi kkawżati mill-aggressjoni mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna, u rrikonoxxiet li l-Federazzjoni Russa trid tinżamm responsabbli għal kwalunkwe ksur tal-liġi internazzjonali fl-Ukrajna jew kontriha, inkluż l-aggressjoni tagħha bi ksur tal-Karta tan-NU, kif ukoll kwalunkwe ksur tal-liġi umanitarja internazzjonali u tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, u li trid iġġarrab il-konsegwenzi legali tal-atti kollha tagħha internazzjonalment illeċiti, inkluż l-għoti ta’ kumpens għall-korriment, inkluż kwalunkwe dannu, ikkawżat minn tali atti. |
(7) |
Fir-riżoluzzjoni A/ES-11/L.7 tagħha tat-23 ta’ Frar 2023, l-Assemblea Ġenerali tan-NU appellat ukoll għal aderenza sħiħa mill-partijiet fil-konflitt armat mal-obbligi tagħhom skont il-liġi umanitarja internazzjonali, u għal waqfien immedjat tal-attakki fuq l-infrastruttura kritika tal-Ukrajna u kwalunkwe attakk intenzjonat fuq oġġetti ċivili, inklużi dawk li huma residenzi, skejjel u sptarijiet. |
(8) |
Il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ), fid-digriet vinkolanti tagħha tas-16 ta’ Marzu 2022 dwar l-indikazzjoni ta’ miżuri proviżorji fil-kawża li tikkonċerna Allegazzjonijiet ta’ Ġenoċidju skont il-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta’ Ġenoċidju (l-Ukrajna vs il-Federazzjoni Russa), sabet (fil-paragrafu 60 tad-digriet) “li l-Ukrajna għandha dritt plawżibbli li ma tkunx soġġetta għal operazzjonijiet militari mill-Federazzjoni Russa”, u (fil-paragrafu 74 tad-digriet) li preġudizzjoni għal dak id-dritt “huwa kapaċi jikkawża ħsara irreparabbli”. Hija żiedet li kwalunkwe operazzjoni militari, b’mod partikolari waħda fuq l-iskala mwettqa mill-Federazzjoni Russa fit-territorju tal-Ukrajna, inevitabbilment tikkawża telf ta’ ħajjiet, ħsara mentali u fuq il-persuna, u ħsara lill-proprjetà u lill-ambjent (4). Il-QIĠ ordnat lill-Federazzjoni Russa tissospendi l-operazzjonijiet militari li bdiet fl-24 ta’ Frar 2022 fit-territorju tal-Ukrajna. |
(9) |
Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-14 u l-15 ta’ Diċembru 2023, il-Kunsill Ewropew itenni l-kundanna qawwija tiegħu tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, li tikkostitwixxi ksur ċar tal-Karta tan-NU, u jafferma mill-ġdid l-appoġġ sod tal-Unjoni għall-indipendenza, is-sovranità, u l-indipendenza territorjali tal-Ukrajna fil-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment tagħha u għad-dritt inerenti tagħha li tiddefendi ruħha kontra l-aggressjoni Russa. |
(10) |
F’konformità mal-objettivi tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni, dak l-appoġġ jinkludi wkoll l-assistenza lill-popolazzjonijiet, lill-pajjiżi u lir-reġjuni li jiffaċċjaw diżastri kkawżati mill-bniedem, bħal dawk imwettqa fuq l-Ukrajna u l-popolazzjoni tagħha mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja. |
(11) |
Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni u b’reazzjoni għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, u sakemm l-azzjonijiet illegali mill-Federazzjoni Russa jkomplu jiksru r-regoli perentorji tal-liġi internazzjonali, inkluż b’mod partikolari l-projbizzjoni fuq l-użu tal-forza minquxa fl-Artikolu 2(4) tal-Karta tan-NU, jew tal-liġi umanitarja internazzjonali, huwa xieraq li jinżammu fis-seħħ il-miżuri kollha imposti mill-Unjoni. Huwa xieraq ukoll li jittieħdu miżuri eċċezzjonali addizzjonali bil-għan li jingħata appoġġ lill-Ukrajna u l-irkupru u r-rikostruzzjoni tagħha, f’konformità mal-objettivi tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni, b’mod partikolari l-konsolidazzjoni u l-appoġġ għad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji tal-liġi internazzjonali, inkluż il-liġi umanitarja internazzjonali, il-preservazzjoni tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali u l-ħarsien tal-popolazzjoni ċivili, kif ukoll li jiġu assistiti l-popolazzjonijiet li qed iħabbtu wiċċhom ma’ diżastri kkawżati mill-bniedem. |
(12) |
Fit-28 ta’ Frar 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/335 (5) li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK, li pprojbixxiet kwalunkwe tranżazzjoni relatata mal-ġestjoni ta’ riżervi kif ukoll ta’ assi tal-Bank Ċentrali tar-Russja, inkluż tranżazzjonijiet ma’ kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxi f’isem, jew taħt id-direzzjoni tal-Bank Ċentrali tar-Russja. Fid-9 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/395 (6) sabiex jinkludi tali projbizzjoni li tikkonċerna The Russian National Wealth Fund (il-Fond Nazzjonali Russu għall-Ġid). Il-projbizzjoni hija stabbilita fl-Artikolu 1a(4) tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK u hija riflessa wkoll fl-Artikolu 5a(4) tar-Regolament (UE) Nru 833/2014. Bħala riżultat ta’ dawk il-projbizzjonijiet, l-assi rilevanti miżmuma mill-istituzzjonijiet finanzjarji fl-Istati Membri jiġu ‘immobilizzati’. |
(13) |
Kif enfasizzat fil-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tas-26 u s-27 ta’ Ottubru 2023, huwa meħtieġ progress deċiżiv, f’koordinazzjoni mas-sħab, dwar kif kwalunkwe dħul straordinarju miżmum minn entitajiet privati li jirriżulta direttament mill-assi immobilizzati tar-Russja jista’ jiġi dirett biex jappoġġa lill-Ukrajna u l-irkupru u r-rikostruzzjoni tagħha, b’mod konsistenti mal-obbligi kuntrattwali applikabbli, u f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u dik internazzjonali. Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill Ewropew appella lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-Rappreżentant Għoli) u lill-Kummissjoni biex jaċċelleraw il-ħidma bil-ħsieb li jippreżentaw proposti. |
(14) |
Fir-rigward tal-koordinazzjoni mas-sħab, il-Mexxejja tal-G7, fid-dikjarazzjoni tagħhom tas-6 ta’ Diċembru 2023, tennew li kien meħtieġ progress deċiżiv biex jiġi dirett id-dħul straordinarju miżmum minn entitajiet privati li jirriżulta direttament mill-assi sovrani immobilizzati tar-Russja biex jappoġġaw lill-Ukrajna, b’mod konsistenti mal-obbligi kuntrattwali applikabbli u f’konformità mal-liġijiet applikabbli. |
(15) |
F’dak il-kuntest, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2024/577, li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK biex jiġu pprovduti ċerti kjarifiki dwar il-projbizzjoni ta’ kwalunkwe tranżazzjoni relatata mal-ġestjoni tar-riżervi u l-assi tal-Bank Ċentrali tar-Russja, kif ukoll biex jiġu introdotti aktar miżuri. |
(16) |
Id-Deċiżjoni (PESK) 2024/577 tiċċara li t-tranżazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-karta tal-bilanċ marbutin mal-assi u r-riżervi tal-Bank Ċentrali tar-Russja, jew marbuta mal-assi u riżervi ta’ kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isem, jew fuq ordni tal-Bank Ċentrali tar-Russja, bħar-Russian National Wealth Fund, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni ta’ tranżazzjonijiet li ilha tapplika mit-28 ta’ Frar 2022. It-tranżazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-karta tal-bilanċ li jibqgħu awtorizzati jirrigwardaw b’mod partikolari l-investiment mill-ġdid tal-bilanċi tal-flus, li jakkumulaw minħabba kupun jew dividend immobilizzat u pagamenti ta’ tifdija u depożiti li jimmaturaw, skont politika ta’ investiment prudenti, f’konformità mar-rekwiżiti regolatorji applikabbli. |
(17) |
Jenħtieġ li jibqgħu pprojbiti tranżazzjonijiet oħrajn, b’mod partikolari kwalunkwe trasferiment dirett jew indirett lill-Bank Ċentrali tar-Russja jew għall-benefiċċju tiegħu, jew lil jew għall-benefiċċju ta’ kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxi f’isem il-Bank Ċentrali tar-Russja jew fuq ordni tiegħu, pereżempju The Russian National Wealth Fund. |
(18) |
Il-projbizzjoni ta’ tali tranżazzjonijiet oħra tiġġenera akkumulazzjoni straordinarja u mhux mistennija ta’ bilanċi tal-flus fuq il-karti tal-bilanċ ta’ depożitorji ċentrali tat-titoli skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), li jokkupaw pożizzjoni ewlenija fis-saldu u ż-żamma ċentrali tal-istrumenti finanzjarji fl-Unjoni. Dik l-akkumulazzjoni hija dovuta għall-immobilizzazzjoni tal-assi u r-riżervi tal-Bank Ċentrali tar-Russja, jew dawk ta’ kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxi f’isem il-Bank Ċentrali tar-Russja jew fuq ordni tiegħu, bħar-Russian National Wealth Fund, minħabba li kwalunkwe pagament ta’ kapital u mgħax, kupuni, dividendi jew introjtu ieħor fuq titoli lill-Bank Ċentrali tar-Russja u lil dawk il-persuni, entitajiet u korpi huwa pprojbit. |
(19) |
Id-depożitorji ċentrali tat-titoli qegħdin f’sitwazzjoni speċifika, li hija differenti minn dik ta’ istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn minħabba li l-bilanċi tal-flus ta’ jew ma’ klijenti ta’ depożitorji ċentrali tat-titoli normalment jiġu ttrasferiti barra mid-depożitorji ċentrali tat-titoli qabel tmiem il-jum u ma jrendu ebda remunerazzjoni għall-klijenti. Dawn il-bilanċi tal-flus miżmuma minn depożitorji ċentrali tat-titoli b’rabta mal-assi tal-Bank Ċentrali tar-Russja, jew dawk ta’ kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxi f’isem il-Bank Ċentrali tar-Russja jew fuq ordni tiegħu, bħar-Russian National Wealth Fund, li jakkumulaw minħabba miżuri restrittivi, sussegwentement jeħtieġ li jiġu ġestiti b’mod prudenti minn depożitorji ċentrali tat-titoli. Dan jirriżulta fil-ġenerazzjoni ta’ dħul mhux mistenni u straordinarju. |
(20) |
Id-dħul mhux mistenni u straordinarju kopert minn dan ir-Regolament ma jkollux isir disponibbli għall-Bank Ċentrali tar-Russja skont ir-regoli applikabbli, anki wara l-waqfien tal-projbizzjoni tat-tranżazzjonijiet. Għalhekk, ma jikkostitwixxix assi sovrani. Għaldaqstant, ir-regoli li jipproteġu l-assi sovrani mhumiex applikabbli għal dan id-dħul. |
(21) |
Barra minn hekk, peress li dan id-dħul mhux mistenni u straordinarju jirriżulta neċessarjament mill-implimentazzjoni tal-miżuri restrittivi, b’mod partikolari l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 1a(4) tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK u l-Artikolu 5a(4) tar-Regolament (UE) Nru 833/2014, id-depożitorji ċentrali tat-titoli ma jistgħux jistennew li jiksbu benefiċċju ekonomiku mhux dovut u mhux intenzjonat minnhom. Fuq il-bażi tal-għan leġittimu li jiġu segwiti l-objettivi tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni, b’mod partikolari l-konsolidazzjoni ta’ u l-appoġġ għad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji tal-liġi internazzjonali, inkluż il-liġi umanitarja internazzjonali, iż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali u l-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili kif ukoll li jiġu assistiti l-popolazzjonijiet li jħabbtu wiċċhom ma’ diżastri kkawżati mill-bniedem, huwa għalhekk xieraq u meħtieġ li jiġi żgurat li l-profitti straordinarji u mhux mistennija tad-depożitorji ċentrali tat-titoli, li jakkumulaw fil-perjodu ta’ żmien bejn id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u l-mument meta jieqfu l-miżuri restrittivi temporanji li jikkonċernaw l-assi u r-riżervi tal-Bank Ċentrali tar-Russja, ikunu ta’ benefiċċju għall-Ukrajna. Barra minn hekk, il-miżuri skont dan ir-Regolament jevitaw l-impożizzjoni ta’ piż eċċessiv fuq id-depożitorji ċentrali tat-titoli. Il-miżuri għalhekk jirrispettaw b’mod sħiħ id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, b’mod partikolari l-Artikoli 17 u 52 tagħha, peress li huma ġustifikati u proporzjonati għall-objettivi sewgiti. |
(22) |
Id-Deċiżjoni (PESK) 2024/577 għalhekk introduċiet miżuri addizzjonali dwar dawk id-dħul u profitti netti mhux mistennija u straordinarji, f’konformità sħiħa mal-liġi internazzjonali u tal-Unjoni. Dawk il-miżuri addizzjonali jeħtieġ li jiġu riflessi f’dan ir-Regolament. F’konformità mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, dawn jenħtieġ li japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. L-objettiv tal-miżuri addizzjonali jenħtieġ li jkun li fl-aħħar mill-aħħar jappoġġaw lill-Ukrajna u l-irkupru u r-rikostruzzjoni tagħha, b’mod partikolari permezz tal-Faċilità futura għall-Ukrajna proposta mill-Kummissjoni (8), f’konformità mal-objettivi tagħha u tar-Regolament (UE) Nru 833/2014, u b’mod konsistenti mal-iskop tal-miżuri restrittivi u l-objettivi tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni tal-Unjoni, inkluż b’mod partikolari l-objettiv taż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali u l-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili, kif ukoll li jassistu lill-popolazzjonijiet, il-pajjiżi u r-reġjuni li jħabbtu wiċċhom ma’ diżastri kkawżati mill-bniedem, bħal dawk imwettqa fuq l-Ukrajna u l-popolazzjoni tagħha mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja. |
(23) |
L-impożizzjoni ta’ tali miżuri addizzjonali fuq depożitorji ċentrali tat-titoli li jżommu ammonti żgħar ta’ assi u riżervi tal-Bank Ċentrali tar-Russja, jew dawk ta’ kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxi f’isem il-Bank Ċentrali tar-Russja jew fuq ordni tiegħu, bħar-Russian National Wealth Fund, ma tkunx ġustifikata. Dan joħloq piż amministrattiv sproporzjonat għal dawk id-depożitorji ċentrali tat-titoli, minħabba l-ammonti żgħar ħafna li jistgħu jinġabru. Il-miżuri addizzjonali jenħtieġ għalhekk li japplikaw biss għal depożitorji ċentrali tat-titoli li jżommu tali riżervi u assi b’valur totali ta’ aktar minn EUR 1 miljun. |
(24) |
Bħala l-ewwel pass, dawk id-depożitorji ċentrali tat-titoli jenħtieġ li jagħtu kont għal tali bilanċi ta’ flus straordinarji u jimmaniġġjawhom, li jakkumulaw minħabba l-immobilizzazzjoni tal-assi u r-riżervi tal-Bank Ċentrali tar-Russja separatament mill-attivitajiet l-oħra tagħhom, u jenħtieġ ukoll li jżommu d-dħul iġġenerat separat. |
(25) |
Id-depożitorji ċentrali tat-titoli jenħtieġ li jkunu pprojbiti wkoll milli jiddisponu mill-profitti netti riżultanti tagħhom, kif iddeterminati skont il-liġi nazzjonali, wara t-tnaqqis tat-taxxa korporattiva skont ir-reġim ġenerali tal-Istat Membru kkonċernat, kemm jekk permezz ta’ distribuzzjoni fil-forma ta’ dividendi jew fi kwalunkwe forma għall-benefiċċju tal-azzjonisti jew ta’ kwalunkwe parti terza. Sakemm tittieħed id-deċiżjoni tal-Kunsill imsemmija fil-premessa 26, fid-dawl tar-riskji u l-kostijiet relatati maż-żamma tal-assi u r-riżervi tal-Bank Ċentrali tar-Russja, kull depożitorju ċentrali tas-sigurtà jista’ jitlob lill-awtorità superviżorja tiegħu tawtorizza rilaxx ta’ sehem minn dawk il-profitti netti sabiex jikkonforma mar-rekwiżiti statutorji ta’ kapital u ta’ ġestjoni tar-riskju. |
(26) |
Fit-tieni pass, il-Kunsill jenħtieġ li jkun jista’ jiddeċiedi kif dawn il-profitti netti jenħtieġ li jiġu diretti biex jappoġġaw lill-Ukrajna u l-irkupru u r-rikostruzzjoni tagħha, b’mod konsistenti mal-obbligi kuntrattwali applikabbli, u f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u dik internazzjonali, f’koordinazzjoni mas-sħab. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li l-Kunsill jiddeċiedi wkoll l-ammont ta’ dawk il-profitti netti li d-depożitorji ċentrali tat-titoli jenħtieġ li jkunu jistgħu jżommu proviżorjament sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-kapital statutorju u tal-ġestjoni tar-riskju u fid-dawl tar-riskji u l-kostijiet relatati maż-żamma tal-assi u r-riżervi tal-Bank Ċentrali tar-Russja. Għal dak l-għan, ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni jenħtieġ li jagħmlu proposta fi żmien debitu biex jakkumpanjaw il-miżuri tal-Unjoni b’appoġġ għall-Ukrajna. Fit-tħejjija ta’ dik il-proposta, ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni huma mistennija jikkonsultaw lill-partijiet ikkonċernati rilevanti, b’mod partikolari lill-Bank Ċentrali Ewropew. |
(27) |
Jenħtieġ li d-depożitorji ċentrali tat-titoli jirrappurtaw lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tagħhom fuq bażi annwali dwar l-ammont ta’ bilanċi ta’ flus u profitti netti li jakkumulaw minħabba l-immobilizzazzjoni tal-assi u r-riżervi tal-Bank Ċentrali tar-Russja, jew dawk ta’ kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isem il-Bank Ċentrali tar-Russja jew fuq ordni tiegħu, bħar-Russian National Wealth Fund, u l-ammont totali ta’ dħul iġġenerat fuq dik il-bażi. |
(28) |
Il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tadotta Regolamenti, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, li jistabbilixxu modalitajiet speċifiċi rigward ir-rapportar impost fuq id-depożitorji ċentrali tat-titoli. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkonsulta l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali dwar dan. |
(29) |
Dawn il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, b’mod partikolari bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni. |
(30) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 833/2014 jiġi emendat skont dan, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 5a tar-Regolament (UE) Nru 833/2014, jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:
“7. Il-paragrafu 4 ma għandu japplika għal ebda tranżazzjoni ta’ ġestjoni tal-karta tal-bilanċ marbuta mal-assi u r-riżervi tal-Bank Ċentrali tar-Russja, jew marbuta mal-assi u riżervi ta’ kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxi f’isem il-Bank Ċentrali tar-Russja jew fuq ordni tiegħu, bħar-Russian National Wealth Fund, li tkun saret fit-28 ta’ Frar 2022 jew wara.
8. Mill-15 ta’ Frar 2024 u sakemm jinżammu l-miżuri restrittivi stabbiliti fil-paragrafu 4, depożitorji ċentrali tat-titoli fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 li għandhom assi u riżervi msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu b’valur totali li jaqbeż il-EUR 1 miljun għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin dwar bilanċi ta’ flus li jakkumulaw esklużivament minħabba l-miżuri restrittivi:
(a) |
dawk il-bilanċi ta’ flus għandhom jiġu kontabilizzati separatament; |
(b) |
id-dħul li jakkumula mill-bilanċi ta’ flus imsemmijin fil-punt (a) jew li jiġi ġġenerat minnhom mill-15 ta’ Frar 2024 għandu jiġi rreġistrat separatament fil-kontijiet finanzjarji tad-depożitorji ċentrali tat-titoli; |
(c) |
il-profitti netti ddeterminati fir-rigward tad-dħul imsemmi fil-punt (b) f’konformità mal-liġi nazzjonali, inkluż billi jitnaqqsu l-ispejjeż kollha rilevanti marbutin mal-ġestjoni ta’ assi immobilizzati u mal-ġestjoni tar-riskju assoċjata mal-assi immobilizzati jew li jirriżultaw minnhom, u wara t-tnaqqis tat-taxxa korporattiva skont ir-reġim ġenerali tal-Istat Membru kkonċernat, ma jistgħux jitneħħew permezz ta’ distribuzzjoni fil-forma ta’ dividendi jew fi kwalunkwe forma għall-benefiċċju tal-azzjonisti jew ta’ kwalunkwe parti terza sakemm il-Kunsill jiddeċiedi, skont proposta ppreżentata fuq il-bażi tal-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar stabbiliment possibbli ta’ kontribuzzjoni finanzjarja għall-baġit tal-Unjoni li għandha tinġabar fuq dawk il-profitti netti biex jiġu appoġġati l-Ukrajna u l-irkupru u r-rikostruzzjoni tagħha, kif ukoll dwar l-arranġamenti ddettaljati ta’ tali kontribuzzjoni, b’mod konsistenti mal-obbligi kuntrattwali applikabbli, u f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u dik internazzjonali. F’dak il-kuntest, il-Kunsill għandu jiddeċiedi wkoll l-ammont li depożitorji ċentrali tat-titoli jistgħu jżommu proviżorjament minbarra li jikkonformaw mar-rekwiżiti statutorji tal-kapital u tal-ġestjoni tar-riskju, mingħajr preġudizzju għar-rispett mid-depożitorji ċentrali tat-titoli rilevanti tar-regoli previsti fl-atti legali tal-Unjoni li jirregolaw is-superviżjoni tagħhom. |
(d) |
sakemm tiġi adottata d-deċiżjoni tal-Kunsill imsemmija fil-punt (c), kull depożitarju ċentrali tas-sigurtà jista’ jitlob lill-awtorità superviżorja tiegħu tawtorizza rilaxxi ta’ parti mill-profitti netti msemmija fil-punt (c), sabiex jikkonforma mar-rekwiżiti statutorji tal-kapital u tal-ġestjoni tar-riskju. L-Istati Membri kkonċernati għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-quddiem bi kwalunkwe awtorizzazzjoni. |
9. Id-depożitorji ċentrali tat-titoli kkonċernati għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tagħhom, sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena, dwar l-ammont totali ta’ bilanċi tal-flus, dħul u profitti netti msemmija fil-punti (a) sa (c) tal-paragrafu 8 rispettivament.
10. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta regolamenti, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, li jistabbilixxu modalitajiet speċifiċi għar-rappurtar, fir-rigward tad-dħul u l-profitti msemmijin fil-paragrafu 8.
Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali dwar dan.’.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Frar 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
H. LAHBIB
(1) ĠU L, 2024/577, 14.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/577/oj.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 1).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 13).
(4) QIĠ, DIGRIET tas-16 ta’ Marzu 2022 f’każ li jikkonċerna Allegazzjonijiet ta’ Ġenoċidju skont il-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt tal-Ġenoċidju (l-Ukrajna vs il-Federazzjoni Russa), fil-paragrafu 74.
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/335 tat-28 ta’ Frar 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 57, 28.2.2022, p. 4).
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/395 tad-9 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 81, 9.3.2022, p. 8).
(7) Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1).
(8) Proċedura Leġiżlattiva 2023/0200/COD: Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-Faċilità tal-Ukrajna. Dettalji dwar il-proċedura huma disponibbli f’ https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/HIS/?uri=CELEX:52023PC0338
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/576/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)