Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024L1785

    Direttiva (UE) 2024/1785 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ April 2024 li temenda d-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) u tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    PE/87/2023/REV/1

    ĠU L, 2024/1785, 15.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1785/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1785/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/1785

    15.7.2024

    DIRETTIVA (UE) 2024/1785 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-24 ta’ April 2024

    li temenda d-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) u tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

    Billi:

    (1)

    Il-komunikazzjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019 bit-titolu “Patt Ekoloġiku Ewropew” tikkostitwixxi l-istrateġija tal-Ewropa li tiżgura, sal-2050, ekonomija newtrali għall-klima, nadifa u ċirkolari, l-ottimizzazzjoni tal-użu, l-użu mill-ġdid u l-ġestjoni tar-riżorsi, it-tnaqqis tat-tniġġis filwaqt li tirrikonoxxi l-ħtieġa ta’ politiki trasformattivi fil-fond kif ukoll il-ħtieġa li jiġu protetti s-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini minn riskji u impatti relatati mal-ambjent. Għandha wkoll l-għan li jiżgura li tali tranżizzjoni tkun ġusta u inklużiva, u ma tħalli lil ħadd jibqa’ lura. L-Unjoni hija impenjata wkoll favur il-Ftehim ta’ Pariġi (4), l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tagħha kif ukoll l-involviment tagħha fl-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. L-Istrateġija tal-Unjoni dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà ta’ Ottubru 2020 u l-Pjan ta’ Azzjoni għal Tniġġis Żero adottati f’Mejju 2021 jindirizzaw speċifikament l-aspetti tat-tniġġis tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. B’mod parallel, l-Istrateġija Industrijali l-Ġdida għall-Ewropa tkompli tenfasizza r-rwol potenzjali tat-teknoloġiji trasformattivi. Politiki oħra partikolarment rilevanti relatati mar-reviżjoni tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jinkludu l-liġi Ewropea dwar il-Klima (6), il-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %”, l-Istrateġija tal-Metan u l-wegħda ta’ Glasgow b’rabta mal-metan, l-Istrateġija tal-Adattament għall-Klima, l-Istrateġija tal-Bijodiversità, l-istrateġija mill-Għalqa sal-Platt, l-Istrateġija dwar il-Ħamrija u l-Inizjattiva dwar il-Prodotti Sostenibbli. Barra minn hekk, bħala parti mir-rispons tal-UE għall-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, ir-REPowerEU tipproponi Azzjoni Ewropea Konġunta biex tappoġġa d-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija, taċċellera t-tranżizzjoni għall-enerġija rinnovabbli u ttejjeb l-effiċjenza enerġetika.

    (2)

    Fil-Patt Ekoloġiku Ewropew il-Kumissjoni ħabbret reviżjoni tal-miżuri tal-Unjoni biex jiġi indirizzat it-tniġġis minn installazzjonijiet industrijali kbar, inkluża reviżjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni settorjali tal-leġiżlazzjoni u kif dan isir kompletament konsistenti mal-politiki dwar il-klima, l-enerġija u l-ekonomija ċirkolari. Barra minn hekk, il-Pjan ta’ Azzjoni għal Tniġġis Żero, il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekonomija Ċirkolari u l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt jitolbu wkoll għat-titjib tal-effiċjenza tar-riżorsi u l-użu mill-ġdid filwaqt li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa fis-sors, inklużi sorsi li bħalissa mhumiex fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2010/75/UE. Għalhekk, l-indirizzar tat-tniġġis minn ċerti attivitajiet agroindustrijali, filwaqt li jiġu promossi prattiki agrikoli sostenibbli li għandhom kobenefiċċji multipli għall-objettivi ambjentali u klimatiċi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew jeħtieġ l-inklużjoni tagħhom fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva.

    (3)

    L-industrija estrattiva tal-Unjoni hija kruċjali biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-istrateġija industrijali tal-Unjoni, inkluż kwalunkwe aġġornament għal dik l-istrateġija. Il-metalli huma ta’ importanza strateġika għat-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika, għall-enerġija, għall-materjali u għat-trasformazzjoni tal-ekonomija ċirkolari kif ukoll għat-tisħiħ tar-reżiljenza ekonomika u l-awtonomija tal-Unjoni. Sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi, il-kapaċitajiet u l-provvista domestiċi sostenibbli jeħtieġ li jiġu żviluppati aktar, speċjalment fid-dawl tad-domanda globali dejjem tikber, il-vulnerabbiltà tal-ktajjen tal-provvista u t-tensjonijiet ġeopolitiċi. Dan jeħtieġ miżuri effettivi, adattati u armonizzati biex jiġi żgurat li jiġu stabbiliti u li jintużaw l-aħjar metodi tekniċi disponibbli, u b’hekk jiġu applikati proċessi li huma kemm l-aktar effiċjenti kif ukoll li għandhom l-anqas impatti possibbli fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. Il-mekkaniżmi ta’ governanza tad-Direttiva 2010/75/UE li jassoċjaw mill-qrib l-esperti tal-industrija mal-iżvilupp ta’ rekwiżiti ambjentali konsenswali u mfassla apposta se jappoġġaw it-tkabbir sostenibbli ta’ dawk l-attivitajiet fl-Unjoni. L-iżvilupp u d-disponibbiltà ta’ standards maqbula b’mod komuni se jwasslu għal kundizzjonijiet ekwi tal-Unjoni filwaqt li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. Għalhekk huwa xieraq li dawk l-attivitajiet jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2010/75/UE, mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2024/1252 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). Id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali se tappoġġja l-industrija fl-Unjoni fl-iżvilupp ta’ proġetti u tiffaċilita tkabbir sostenibbli u kunsenswali tal-attivitajiet tal-estrazzjoni fl-Unjoni f’konformità mal-punti ta’ riferiment tal-2030 tal-Att dwar il-Materja Prima Kritika. Id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali se tgħin biex jintlaħqu l-miri għall-proċess simplifikat tal-għoti tal-permessi tal-Att dwar il-Materja Prima Kritika billi tappoġġa lill-Istati Membri fir-rigward tal-iffissar tal-kundizzjonijiet għal permess tal-operat u l-għoti rapidu tal-permessi.

    (4)

    Jenħtieġ li dan l-att emendatorju jiċċara li t-tniġġis tax-xamm jitqies fid-definizzjoni tal-aħjar metodi tekniċi disponibbli (BAT) u fl-għoti jew ir-rieżami tal-permessi.

    (5)

    L-aggravament potenzjali tal-impatt tal-iskariki industrijali fuq l-istat tal-korpi tal-ilma minħabba varjazzjonijiet fid-dinamika tal-fluss tal-ilma jenħtieġ li jiġi kkunsidrat b’mod espliċitu meta jitqies bħala parti mill-għoti u r-rieżami tal-permessi.

    (6)

    It-trobbija tal-bhejjem tikkawża r-rilaxx ta’ emissjonijiet sinifikanti ta’ sustanzi niġġiesa fl-arja u fl-ilma. Sabiex jitnaqqsu dawk l-emissjonijiet, inklużi l-ammonijaka, il-metan, in-nitrati u l-gassijiet serra u b’hekk tittejjeb il-kwalità tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija, huwa meħtieġ li jitnaqqas il-limitu li ’l fuq minnu l-installazzjonijiet tal-majjali u tat-tjur huma inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2010/75/UE. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta, u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-ħtieġa ta’ azzjoni tal-Unjoni biex tindirizza b’mod komprensiv l-emissjonijiet mit-trobbija tal-bhejjem, b’mod partikolari l-baqar, filwaqt li tqis il-firxa ta’ strumenti disponibbli u l-ispeċifiċitajiet tas-settur. B’mod parallel, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta u tirrapporta wkoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, abbażi tal-evidenza, dwar il-ħtieġa ta’ azzjoni tal-Unjoni biex jintlaħaq l-objettiv ta’ protezzjoni ambjentali globali fir-rigward tal-prodotti mqiegħda fis-suq intern permezz tal-prevenzjoni u l-kontroll tal-emissjonijiet mit-trobbija tal-bhejjem, b’mod konsistenti mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni.

    (7)

    Ir-rekwiżiti tal-BAT rilevanti għat-tip ta’ installazzjonijietiqisu n-natura, id-daqs, id-densità ta’ stokkjar u l-kumplessità ta’ dawk l-installazzjonijiet, inklużi l-ispeċifiċitajiet tas-sistemi tat-trobbija tal-bhejjem u l-firxa ta’ impatti ambjentali li jista’ jkollhom. Ir-rekwiżiti tal-proporzjonalità fil-BATs għandhom l-għan li jinċentivaw lill-bdiewa jimplimentaw it-tranżizzjoni neċessarja lejn prattiki agrikoli dejjem aktar ekoloġiċi.

    (8)

    It-trobbija tal-majjali f’installazzjonijiet li joperaw taħt reġimi organiċi jew ta’ produzzjoni b’densità baxxa ta’ stokkjar jenħtieġ li tiġi eżentata mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2010/75/UE, peress li dan jikkontribwixxi b’mod pożittiv għall-preservazzjoni tal-pajsaġġi, għall-prevenzjoni tan-nirien fil-foresti u għall-protezzjoni tad-diversità bijoloġika u tal-ħabitats. L-eżenzjoni jenħtieġ li tkopri installazzjonijiet b’trobbija tal-majjali bbażata fuq il-mergħat b’densità baxxa ta’ stokkjar, fejn l-annimali jitrabbew barra għal ammont sinifikanti ta’ żmien fis-sena, b’mod partikolari matul il-jum, u fejn il-kundizzjonijiet tat-temp u tas-sikurezza jiżguraw it-trattament xieraq tal-annimali, jew fejn l-annimali jitrabbew staġjonalment barra. Iż-żona użata għall-kalkolu tad-densità ta’ stokkjar jenħtieġ li tintuża għar-ragħa mill-annimali fl-installazzjoni jew għat-tkabbir ta’ foraġġ jew foraġġ użat għat-tmigħ tal-annimali fl-installazzjoni.

    (9)

    L-Unjoni għandha r-responsabbiltà li tkompli taqdi rwol ewlieni fl-azzjoni klimatika globali, inkluż billi tilħaq l-objettiv ta’ Unjoni newtrali għall-klima sa mhux aktar tard mill-2050 f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi. L-indirizzar fuq livell gobali tal-emissjonijiet tal-metan mill-bhejjem se jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Dak it-tnaqqis huwa meħtieġ b’mod urġenti jekk id-dinja għandha żżomm iż-żieda fit-temperatura medja globali sew taħt iż-2 oC ’il fuq mil-livelli preindustrijali u li jkomplu l-isforzi biex tiġi limitata ż-żieda fit-temperatura għal 1,5 oC ’il fuq mil-livelli preindustrijali.

    (10)

    L-istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” (F2F) stabbiliet l-impenn li tiġi promossa t-tranżizzjoni globali lejn sistemi tal-ikel sostenibbli f’korpi li jistabbilixxu l-istandards u tmexxi l-ħidma fuq l-istandards internazzjonali ta’ sostenibbiltà. L-Unjoni se tkompli tistinka biex tippromwovi standards internazzjonali fil-korpi internazzjonali rilevanti u tinkoraġġixxi l-produzzjoni ta’ prodotti agroalimentari li jikkonformaw ma’ standards għoljin ta’ sikurezza u sostenibbiltà. Barra minn hekk, kif iddikjarat fir-rapport tal-Kummissjoni “L-applikazzjoni ta’ standards tas-saħħa u ambjentali tal-UE għal prodotti agrikoli u agroalimentari importati”, standards u objettivi ambizzjużi tas-saħħa, ambjentali u ta’ sostenibbiltà oħra jikkontribwixxu għall-kisba ta’ objettivi leġittimi dwar il-kwistjonijiet ta’ tħassib globali, f’konformità wkoll mal-approċċ Saħħa Waħda. L-Unjoni se tkompli bl-isforzi tagħha fil-livell multilaterali lejn kunsens globali dwar il-ħtieġa għal azzjoni u standards internazzjonalment li jkun intlaħaq qbil dwarhom.

    (11)

    Jenħtieġ li l-Unjoni tkun minn ta’ quddiem fil-kooperazzjoni internazzjonali biex toħloq sistema multilaterali miftuħa u ġusta fejn il-kummerċ sostenibbli jaġixxi bħala faċilitatur ewlieni tat-tranżizzjoni ekoloġika. F’konformità mar-rieżami tal-politika tal-Unjoni dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Is-setgħa tas-sħubijiet kummerċjali: flimkien għal tkabbir ekonomiku ekoloġiku u ġust”, huwa essenzjali li jkun hemm involviment mas-sħab fi proċess kooperattiv biex jitrawmu l-governanza ambjentali internazzjonali u l-konformità mal-istandards ambjentali internazzjonali.

    (12)

    Għall-prevenzjoni tal-qsim artifiċjali tal-azjendi agrikoli, li jista’ jirriżulta fit-tnaqqis tal-kapaċità tal-unità tal-bhejjem tal-azjenda agrikola għal livell taħt il-limitu stabbilit fl-Anness Ia għall-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Istati Membri jadottaw miżuri biex jiżguraw li jekk żewġ installazzjonijiet jew aktar ikunu jinsabu qrib xulxin u jekk l-operatur tagħhom ikun l-istess jew jekk l-installazzjonijiet ikunu taħt il-kontroll ta’ operaturi li huma involuti f’relazzjoni ekonomika jew legali, l-awtorità kompetenti tista’ tikkunsidra dawk l-installazzjonijiet bħala unità waħda għall-fini tal-kalkolu tal-kapaċità tal-bhejjem. Jenħtieġ li l-limitu għall-biedja mħallta ma jintużax għaċ-ċirkomvenzjoni tal-limitu relatat ma’ kull unità ta’ bhejjem individwali.

    (13)

    Sal-2030 u wara, fl-Unjoni x’aktarx li sseħħ żieda sinifikanti fl-għadd ta’ installazzjonijiet fuq skala kbira għall-produzzjoni ta’ batteriji għall-vetturi elettriċi, li żżid is-sehem tal-Unjoni tal-produzzjoni globali tal-batteriji. Bosta mill-attivitajiet fil-katina tal-valur tal-batteriji huma diġà regolati bid-Direttiva 2010/75/UE u l-batteriji huma regolati bħala prodotti mir-Regolament (UE) 2023/1542 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Madankollu, għadu meħtieġ li fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2010/75/UE jiġu inklużi installazzjonijiet kbar li jimmanifatturaw il-batteriji, biex jiġi żgurat li dawn ikunu koperti wkoll mir-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 2010/75/UE. L-inklużjoni ta’ installazzjonijiet kbar li jimmanifatturaw il-batteriji, għall-kuntrarju ta’ installazzjonijiet li jassemblaw biss il-batteriji, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2010/75/UE se ttejjeb b’mod olistiku s-sostenibbiltà tal-batteriji u se timminimizza l-impatt tagħhom fuq l-ambjent matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom. Dan se jikkontribwixxi għal tkabbir fil-manifattura tal-batteriji li huwa iktar sostenibbli.

    (14)

    Bil-għan li jkompli jissaħħaħ l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni ambjentali, huwa meħtieġ li jiġi ċċarat li l-permessi għall-installazzjonijiet mogħtija skont id-Direttiva 2010/75/UE jkunu disponibbli għall-pubbliku fuq l-internet, mingħajr ħlas u mingħajr ma jiġi ristrett l-aċċess għall-utenti rreġistrati, filwaqt li jiġi żgurat li l-informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali tiġi ssalvagwardjata.

    (15)

    L-Istati Membri jenħtieġ li jiżviluppaw sistemi għal permessi elettroniċi li jnaqqsu l-piż amministrattiv għall-operaturi u għall-awtoritajiet kompetenti, itejbu l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni u jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni pubblika fil-proċeduri għall-permessi elettroniċi. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tappoġġa l-Istati Membri fl-iżvilupp tal-permessi elettroniċi billi torganizza l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u tipprovdi gwida dwar l-aħjar prattiki.

    (16)

    L-impatt tat-tniġġis, inkluż meta kkawżat minn inċidenti jew aċċidenti, jista’ jestendi lil hinn mit-territorju ta’ Stat Membru. F’każijiet bħal dawn, mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2012/18/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), il-limitazzjoni tal-konsegwenzi għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent ta’ inċidenti jew aċċidenti u l-prevenzjoni ta’ aktar inċidenti jew aċċidenti possibbli jeħtieġu skambju ta’ informazzjoni fil-pront u koordinazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li huma jew li jistgħu jiġu affettwati minn tali avvenimenti. Għalhekk, fil-każ ta’ kwalunkwe inċident jew aċċident li jaffettwa b’mod sinifikanti l-ambjent jew is-saħħa tal-bniedem fi Stat Membru ieħor, l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni transkonfinali u multidixxiplinari bejn l-Istati Membri affettwati jenħtieġ li jitrawmu biex jiġu limitati l-konsegwenzi għall-ambjent u s-saħħa tal-bniedem u biex jiġu evitati aktar inċidenti jew aċċidenti possibbli.

    (17)

    L-Istati Membri jenħtieġ li jadottaw ukoll miżuri ta’ assigurazzjoni tal-konformità biex jippromwovu, jimmonitorjaw u jinfurzaw il-konformità mal-obbligi mqiegħda fuq persuni fiżiċi jew ġuridiċi skont id-Direttiva 2010/75/UE. Bħala parti mill-miżuri ta’ assigurazzjoni tal-konformità, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mill-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ din id-Direttiva jkollhom għadd suffiċjenti ta’ persunal kwalifikat u riżorsi finanzjarji, tekniċi u teknoloġiċi suffiċjenti għat-twettiq effettiv tal-funzjonijiet tagħhom relatati mal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

    (18)

    Ukoll, bħala parti mill-miżuri ta’ assigurazzjoni tal-konformità, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jkunu jistgħu jissospendu l-operat ta’ installazzjoni fejn ksur kontinwu tal-kundizzjonijiet għal permess u n-nuqqas ta’ implimentazzjoni tas-sejbiet tar-rapport ta’ spezzjoni joħolqu periklu għas-saħħa tal-bniedem jew jirriskjaw li jikkawżaw effett negattiv sinifikanti fuq l-ambjent, sabiex jitneħħa dak il-periklu.

    (19)

    Fil-każ ta’ tniġġis li jaffettwa r-riżorsi tal-ilma tax-xorb, inkluż ir-riżorsi transkonfinali, jew li jaffettwa l-infrastruttura tal-ilma mormi, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tinforma lill-operaturi tal-ilma tax-xorb u l-ilma mormi affettwati dwar il-miżuri meħuda biex jipprevjenu jew jirrimedjaw il-ħsara kkawżata minn dak it-tniġġis għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent.

    (20)

    L-evalwazzjoni tad-Direttiva 2010/75/UE kkonkludiet li hemm bżonn li jissaħħu r-rabtiet bejn dik id-Direttiva u r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) biex jiġu indirizzati aħjar ir-riskji tal-użu tas-sustanzi kimiċi f’installazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2010/75/UE. Sabiex jiġu żviluppati sinerġiji bejn il-ħidma mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) dwar is-sustanzi kimiċi u t-tħejjija tad-dokumenti ta’ referenza tal-BAT skont id-Direttiva 2010/75/UE, l-ECHA jenħtieġ li tingħata rwol formali fit-tali tħejjija tad-dokumenti ta’ referenza tal-BAT.

    (21)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni fil-forum għall-iskambju ta’ informazzjoni minn partijiet ikkonċernati u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, inklużi l-NGOs involuti fil-promozzjoni tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jew tal-ambjent. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tipparteċipa fl-iskambju ta’ informazzjoni, fejn l-iskambju ta’ informazzjoni jibbenefika mill-għarfien espert tal-Aġenzija. Minħabba l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni u ż-żieda fl-ammont ta’ xogħol tal-forum għall-iskambju u tal-grupp ta’ ħidma tekniku, jenħtieġ li l-Kummissjoni timpenja riżorsi adegwati u tadotta l-bidliet meħtieġa, inkluż billi temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/119/UE (11), biex tiżgura l-funzjonament tal-forum u tal-grupp ta’ ħidma tekniku.

    (22)

    Sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni li tappoġġa d-determinazzjoni tal-livelli ta’ emissjonijiet u tal-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati mal-aħjar metodi tekniċi disponibbli, filwaqt li tinżamm l-integrità ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali, il-proċeduri għall-immaniġġjar ta’ informazzjoni li tikkwalifika bħala informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali jew informazzjoni kummerċjalment sensittiva, inklużi kundizzjonijiet fir-rigward tal-anonimizzazzjoni għal ċerti kategoriji ta’ partijiet ikkonċernati, u informazzjoni miġbura mill-industrija fil-kuntest tal-iskambju ta’ informazzjoni organizzat mill-Kummissjoni għall-fini tal-abbozzar, ir-rieżami jew l-aġġornament tad-dokumenti ta’ referenza tal-BAT jenħtieġ li jiġu speċifikati. Jenħtieġ li jiġi żgurat li l-individwi li jipparteċipaw fl-iskambju ta’ informazzjoni ma jikkondividux informazzjoni li tikkwalifika bħala informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali jew informazzjoni kummerċjalment sensittiva ma’ kwalunkwe rappreżentant ta’ impriżi jew ta’ assoċjazzjonijiet kummerċjali li jkollhom interess ekonomiku fl-attivitajiet industrijali kkonċernati u fis-swieq relatati. Tali skambju ta’ informazzjoni huwa mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

    (23)

    Din id-Direttiva ma toħloq l-ebda obbligi għall-iżvelar lill-pubbliku ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali li huma addizzjonali għal dawk diġà stabbiliti fid-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) u d-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13).

    (24)

    Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent b’mod ġenerali, huma meħtieġa sinerġiji u koordinazzjoni ma’ leġiżlazzjoni ambjentali rilevanti oħra tal-Unjoni, fl-istadji kollha tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/75/UE. Għalhekk, l-awtoritajiet kompetenti rilevanti kollha b’responsabbiltà fir-rigward tal-konformità mal-leġiżlazzjoni ambjentali rilevanti tal-Unjoni jenħtieġ li jiġu kkonsultati kif xieraq qabel l-għoti ta’ permess skont dik id-Direttiva.

    (25)

    Bil-ħsieb li jittejbu kontinwament il-prestazzjoni ambjentali u s-sikurezza tal-installazzjonijiet, inkluż billi tiġi evitata l-ġenerazzjoni tal-iskart, jiġi ottimizzat l-użu tar-riżorsi u l-użu mill-ġdid tal-ilma, u l-prevenzjoni jew it-tnaqqis tar-riskji assoċjati mal-użu ta’ sustanzi perikolużi, jenħtieġ li l-operaturi tal-installazzjonijiet jistabbilixxu u jimplimentaw sistema ta’ ġestjoni ambjentali (EMS) f’konformità ma’ din id-Direttiva u l-konklużjonijiet rilevanti tal-BAT, u jenħtieġ li jagħmlu il-partijiet rilevanti disponibbli għall-pubbliku. Qabel ma jagħmlu l-partijiet rilevanti tal-EMS tagħhom disponibbli għall-pubbliku, l-operatur jenħtieġ li jkollu l-possibbiltà li jirrediġi jew jeskludi informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali. Tali possibilità jenħtieġ li tapplika b’mod restrittiv, b’kont meħud tal-każ partikolari tal-interess pubbliku moqdi bid-divulgazzjoni. L-EMS jenħtieġ li tkopri wkoll il-ġestjoni tar-riskji relatati mal-użu tas-sustanzi perikolużi u analiżi tas-sostituzzjoni possibbli ta’ sustanzi perikolużi b’alternattivi aktar sikuri.

    (26)

    Sabiex jiġi żgurat li l-EMS tkun f’konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2010/75/UE, l-EMS jenħtieġ li tiġi rieżaminata mill-operatur u awditjata minn awditur estern ikkuntrattat mill-operatur. Jenħtieġ li l-awditur ikun jew korp ta’ valutazzjoni tal-konformità akkreditat skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), kif meħtieġ skont l-ISO 17021, jew kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun kisbet liċenzja bħala verifikatur ambjentali skont l-Artikolu 2(20) tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).

    (27)

    Sabiex jiġu appoġġati d-dekarbonizzazzjoni, l-effiċjenza fir-riżorsi u ekonomija ċirkolari, il-konklużjonijiet tal-BAT jenħtieġ li jinkludu livelli vinkolanti ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati mal-BAT, u livelli indikattivi tal-prestazzjoni ambjentali assoċjati ma’ metodi tekniċi emerġenti, għal proċessi individwali li għandhom karatteristiċi simili bħal vetturi tal-enerġija, materja prima, unitajiet ta’ produzzjoni u prodotti finali u grad għoli ta’ omoġeneità madwar l-Unjoni, f’każijiet fejn id-data magħmula disponibbli fl-iskambju ta’ informazzjoni li tappoġġa d-determinazzjoni tal-BAT tkun robusta biżżejjed. Jenħtieġ li l-konklużjonijiet tal-BAT jinkludu wkoll parametri referenzjarji indikattivi għal każijiet oħra li għandhom jiġu inklużi mill-operaturi fl-EMS tagħhom, f’każijiet fejn il-prestazzjoni ambjentali tiddependi ħafna fuq ċirkostanzi speċifiċi tal-proċessi. Il-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati mal-BAT u l-parametri referenzjarji jistgħu jinkludu livelli ta’ konsum, il-livelli tal-effiċjenza fir-riżorsi u l-livelli ta’ użu mill-ġdid li jkopru r-riżorsi ta’ materjali, ilma u enerġija u skart u livelli oħra miksuba f’kundizzjonijiet ta’ referenza speċifikati. Il-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali u l-parametri referenzjarji jenħtieġ li jkunu stabbiliti b’kont meħud tar-riżorsi meħtieġa għat-trasformazzjoni tal-installazzjonijiet li għandhom l-għan li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, kif ukoll il-varjazzjonijiet xprunati mid-domanda tal-ħtiġijiet tar-riżorsi għal prodotti speċifiċi, bħall-varjazzjonijiet fil-konsum tal-ilma. L-awtorità kompetenti jenħtieġ li tistabbilixxi fil-permess, firxiet vinkolanti għall-prestazzjoni ambjentali kif stabbilit fil-konklużjonijiet tal-BAT, kif ukoll valuri limitu vinkolanti tal-prestazzjoni ambjentali li jikkonċernaw l-ilma u livelli indikattivi ta’ prestazzjoni ambjentali li jikkonċernaw l-iskart u r-riżorsi minbarra l-ilma, li mhumiex ambjentalment anqas stretti mill-firxiet vinkolanti, dment li jiġi żgurat it-tarf bi prestazzjoni aktar baxxa tal-firxa obbligatorja. Jenħtieġ li l-operatur jinkludi l-parametri referenzjarji fl-EMS.

    (28)

    Huwa meħtieġ li jiġu speċifikati ulterjorment il-kundizzjonijiet li taħthom l-awtorità kompetenti, meta tistabbilixxi valuri limitu tal-emissjonijiet applikabbli għar-rilaxxi ta’ sustanzi niġġiesa fl-ilma f’permess mogħti skont id-Direttiva 2010/75/UE, tista’ tqis il-proċessi ta’ trattament downstream f’impjant tat-trattament tal-ilma mormi. Il-valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet jenħtieġ li jiġu speċifikati b’mod li jiżgura li tali rilaxxi ma jwasslux għal żieda fit-tagħbija ta’ sustanzi niġġiesa fl-ilmijiet riċeventi u lanqas ma jinpedixxu l-kapaċità jew il-potenzjal li jiġu rkuprati riżorsi mill-fluss ta’ trattament tal-ilma mormi, meta mqabbla ma’ sitwazzjoni fejn l-installazzjoni tapplika l-BAT u tissodisfa l-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati mal-aħjar metodi tekniċi disponibbli għar-rilaxxi diretti.

    (29)

    L-għoti ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent b’mod ġenerali jirrikjedi fost l-oħrajn l-istabbiliment fil-permessi tal-valuri limitu tal-emissjonijiet f’livell li jiżgura l-konformità mal-livelli ta’ emissjonijiet applikabbli assoċjati mal-aħjar metodi tekniċi disponibbli stabbiliti fil-konklużjonijiet tal-BAT. Il-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati mal-aħjar metodi tekniċi disponibbli (BAT-AELs) normalment jiġu espressi bħala firxiet, aktar milli bħala valuri uniċi, biex jirriflettu d-differenzi fi ħdan tip partikolari ta’ installazzjonijiet li jirriżultaw f’varjazzjonijiet fil-prestazzjonijiet ambjentali miksuba meta tiġi applikata l-BAT. Pereżempju, BAT partikolari ma tipprovdix l-istess prestazzjoni għal installazzjonijiet differenti, xi BATs jistgħu ma jkunux adattati għall-użu f’ċerti installazzjonijiet, jew taħlita ta’ BATs tista’ tkun aktar effettiva għal xi sustanzi niġġiesa jew fuq xi setturi ambjentali minn oħrajn. Il-kisba ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent b’mod ġenerali ġiet ipperikolata mill-prattika li jiġu stabbiliti valuri limitu tal-emissjonijiet fl-aktar tarf baxx tal-firxa ta’ livelli ta’ emissjonijiet assoċjati mal-aħjar metodi tekniċi disponibbli, mingħajr ma jitqies il-potenzjal ta’ installazzjoni partikolari li tikseb livelli ta’ emissjonijiet aktar baxxi permezz tal-applikazzjoni tal-aħjar metodi tekniċi disponibbli. Tali prattika tiskoraġġixxi lil dawk li jinsabu quddiem nett milli jimplimentaw metodi tekniċi aktar effettivi, u xxekkel il-kisba ta’ kundizzjonijiet ekwi li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. Sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tistabbilixxi valuri limitu tal-emissjonijiet fl-aktar livell strett li jista’ jinkiseb għall-installazzjoni speċifika, filwaqt li tqis il-firxa sħiħa tal-BAT-AELs kif ukoll l-effetti transmedjali. Jenħtieġ li l-valuri limitu tal-emissjonijiet ikunu bbażati fuq valutazzjoni mill-operatur li tanalizza l-fattibbiltà li jintlaħaq it-tarf l-aktar strett tal-firxa tal-BAT-AEL u jimmiraw lejn l-aħjar prestazzjoni ambjentali possibbli għall-installazzjonijiet speċifiċi; sakemm l-operatur ma jurix li l-applikazzjoni tal-aħjar metodi tekniċi disponibbli kif deskritt fil-konklużjonijiet tal-BAT tippermetti biss lill-installazzjoni kkonċernata li tilħaq valuri limitu tal-emissjonijiet anqas stretti. Sabiex jiġi appoġġat l-istabbiliment tal-valuri limitu tal-emissjonijiet fil-permessi u l-adozzjoni ta’ regoli ġenerali vinkolanti, jenħtieġ li l-Konklużjonijiet tal-BAT ikun fihom informazzjoni dwar iċ-ċirkostanzi li jippermettu l-kisba ta’ livelli aktar baxxi ta’ emissjonijiet fi ħdan il-firxa tal-BAT-AELs stabbiliti għall-kategoriji ta’ installazzjonijiet li għandhom karatteristiċi simili. Meta jiġu stabbiliti l-valuri limitu tal-emissjonijiet fil-firxa tal-BAT-AELs, il-proċedura ta’ deroga jenħtieġ li ma tkunx applikabbli.

    (30)

    Jenħtieġ li l-konklużjonijiet tal-BAT jidentifikaw metodi tekniċi emerġenti u l-aħjar metodi tekniċi disponibbli li l-operaturi industrijali jistgħu jimplimentaw biex jittrasformaw l-installazzjonijiet biex ikunu konsistenti mal-objettiv tal-Unjoni ta’ ekonomija sostenibbli, nadifa, ċirkolari u newtrali għall-klima. L-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jitħallew jagħtu lill-operaturi industrijali biżżejjed żmien biex jimplimentaw trasformazzjoni industrijali profonda li tirrikjedi investiment sostanzjali permezz ta’ BATs jew metodi tekniċi emerġenti li jinvolvu bidla kbira fid-disinn jew fit-teknoloġija, jew biex tissostitwixxi installazzjoni eżistenti, kif deskritt fil-konklużjonijiet tal-BAT u stabbilit fi pjan ta’ trasformazzjoni.

    (31)

    Fis-snin reċenti, sitwazzjonijiet ta’ kriżi eċċezzjonali li affettwaw lill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, bħall-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Dawn il-kriżijiet affettwaw f’daqqa u direttament il-provvista tal-enerġija u ta’ riżorsi, materjali jew tagħmir kruċjali għas-soċjetà, u dan wassal għal nuqqas u tfixkil serju li fir-rigward tagħhom jenħtieġ li ssir reazzjoni rapida. Fejn il-kriżijiet jenħtieġu tali reazzjoni, jista’ jkun meħtieġ li jiġu stabbiliti valuri limitu tal-emissjonijiet u valuri limitu tal-prestazzjoni ambjentali li huma anqas stretti mil-livelli fil-konklużjonijiet tal-BAT, sabiex tinżamm il-produzzjoni tal-enerġija jew il-produzzjoni ta’ tagħmir ieħor ta’ importanza kruċjali jew sabiex ikunu jistgħu jitkomplew l-operazzjonijiet tal-installazzjonijiet kruċjali. Il-ħtieġa li jiġu stabbiliti valuri limitu tal-emissjonijiet jew valuri limitu tal-prestazzjoni ambjentali anqas stretti jenħtieġ li tiġi bbilanċjata mal-ħtieġa li jiġu protetti l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem, kif ukoll li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti u l-integrità tas-suq intern. Konsegwentement, limiti anqas stretti jistgħu jiġu stabbiliti biss bħala l-aħħar alternattiva, meta l-miżuri kollha li jirriżultaw f’inqas tniġġis jkunu ġew eżawriti. Jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tiżgura li ma jiġi kkawżat l-ebda tniġġis sinifikanti minħabba emissjonijiet mill-installazzjoni. Sabiex jiġi ssorveljat l-impatt fuq l-ambjent u s-saħħa pubblika, jenħtieġ li l-emissjonijiet jiġu mmonitorjati. Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm kundizzjonijiet ekwivalenti u jiġi protett is-suq intern, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tipprovdi gwida stretta dwar is-sitwazzjonijiet ta’ kriżi eċċezzjonali u ċ-ċirkostanzi tagħhom li jistgħu jitqiesu. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivverifika li tali derogi mogħtija mill-Istati Membri jkunu ġustifikati u tifformula oġġezzjonijiet fejn tikkonkludi li deroga mhijiex ġustifikata, f’liema każ l-Istat Membru jenħtieġ li jirrevedi d-deroga mingħajr dewmien.

    (32)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħżlu li jeżentaw ċertu unitajiet ta’ kombustjoni jew unitajiet li jemettu d-diossidu tal-karbonju elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) mir-rekwiżiti dwar l-effiċjenza enerġetika fil-kundizzjonijiet tal-permess.

    (33)

    Bil-għan li tiġi prevenuta jew minimizzata l-emissjoni ta’ sustanzi niġġiesa minn installazzjonijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2010/75/UE u biex ikun hemm kundizzjonijiet ekwi madwar l-Unjoni, il-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jingħataw derogi mill-valuri limitu tal-emissjonijiet jenħtieġ li jitfasslu aħjar permezz ta’ prinċipji ġenerali, inkluż rekwiżit għall-valutazzjoni mill-ġdid tagħhom, sabiex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni ta’ tali derogi madwar l-Unjoni tkun aktar armonizzata. Barra minn hekk, id-derogi mill-valuri limitu tal-emissjonijiet jenħtieġ li ma jingħatawx meta jkunu jistgħu jqiegħdu f’riskju l-konformità mal-istandards ta’ kwalità ambjentali.

    (34)

    L-evalwazzjoni tad-Direttiva 2010/75/UE kkonkludiet li kien hemm xi disparità fl-approċċi ta’ valutazzjoni tal-konformità għall-installazzjonijiet koperti mill-Kapitolu II ta’ dik id-Direttiva. Sabiex jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent kollu kemm hu, tiġi żgurata implimentazzjoni konsistenti tad-dritt tal-Unjoni u kundizzjonijiet ekwi madwar l-Unjoni, filwaqt li jiġi minimizzat il-piż amministrattiv fuq in-negozji u l-awtoritajiet pubbliċi, il-Kummissjoni jenħtieġ li tistabbilixxi regoli komuni għall-valutazzjoni tal-konformità mal-valuri limitu tal-emissjonijiet u l-validazzjoni tal-livelli mkejla kemm għall-emissjonijiet fl-arja kif ukoll għall-emissjonijiet fl-ilma abbażi tal-aħjar metodi tekniċi disponibbli. Dawk ir-regoli ta’ valutazzjoni tal-konformità jenħtieġ li jieħdu preċedenza fuq ir-regoli stabbiliti fil-Kapitoli III u IV dwar il-valutazzjoni tal-konformità mal-valuri limitu tal-emissjonijiet li jinsabu fl-Annessi V u VI tad-Direttiva 2010/75/UE.

    (35)

    L-istandards ta’ kwalità ambjentali jenħtieġ li jinftiehmu li jirreferu għar-rekwiżiti kollha stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni, bħal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-arja u l-ilma; li jridu jiġu ssodisfati fi żmien partikolari minn ambjent partikolari jew minn parti partikolari tiegħu. Għalhekk huwa xieraq li jiġi ċċarat li meta jagħtu permess lil installazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li ma jistabbilixxux biss kundizzjonijiet biex jiżguraw il-konformità tal-operazzjonijiet tal-installazzjoni mal-konklużjonijiet tal-BAT, iżda jenħtieġ ukoll, fejn xieraq, bil-ħsieb li jitnaqqas il-kontribut speċifiku tal-installazzjoni għat-tniġġis li jseħħ fiż-żona rilevanti, u filwaqt li titqies il-konċentrazzjoni tas-sustanzi niġġiesa kkonċernati fl-ambjent riċeventi, li jinkludu kundizzjonijiet addizzjonali speċifiċi fil-permess li jkunu aktar stretti minn dawk stabbiliti fil-konklużjonijiet rilevanti tal-BAT, sabiex tiġi żgurata l-konformità tal-installazzjoni mal-istandards ta’ kwalità ambjentali. Tali kundizzjonijiet jistgħu jikkonsistu fl-istabbiliment ta’ valuri limitu tal-emissjonijiet aktar stretti, limiti tat-tagħbija tal-emissjonijiet niġġiesa jew fil-limitazzjoni tat-tħaddim jew tal-kapaċità tal-installazzjoni.

    (36)

    Il-kundizzjonijiet għall-permessi jenħtieġ li jiġu riveduti regolarment u, fejn meħtieġ, aġġornati mill-awtorità kompetenti biex tiġi żgurata l-konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti. Tali rieżamijiet jew aġġornamenti jenħtieġ li jsiru wkoll fejn ikun meħtieġ li l-installazzjoni tikkonforma ma’ standard ta’ kwalità ambjentali, inkluż fil-każ ta’ standard ta’ kwalità ambjentali ġdid jew rivedut jew fejn l-istatus tal-ambjent riċeventi jeħtieġ reviżjoni tal-permess sabiex tinkiseb konformità mal-pjanijiet u mal-programmi stabbiliti skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, bħall-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-baċir tax-xmara skont id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17).

    (37)

    Il-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid tad-Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, fis-seba’ sessjoni tal-Laqgħa tagħhom, approvaw is-sejbiet tal-Kumitat ta’ Konformità tal-Konvenzjoni fil-Kawża ACCC/C/2014/121, li skontha, billi tistabbilixxi qafas legali li ma jipprevedi l-ebda possibbiltà għall-parteċipazzjoni pubblika fir-rigward ta’ kunsiderazzjonijiet mill-ġdid u aġġornamenti skont l-Artikolu 21(3), (4) u (5)(b) u (c) tad-Direttiva 2010/75/UE, l-Unjoni Ewropea tonqos milli tikkonforma mal-Artikolu 6(10) tal-Konvenzjoni. Dawk is-sejbiet ġew approvati mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha, u bil-ħsieb li tintlaħaq konformità sħiħa mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, huwa meħtieġ li jiġi speċifikat li l-membri tal-pubbliku kkonċernati jenħtieġ li jingħataw opportunitajiet bikrija u effettivi biex jipparteċipaw fl-għoti jew fl-aġġornament tal-kundizzjonijiet għal permessi stabbiliti mill-awtorità kompetenti wkoll meta l-kundizzjonijiet għal permessi jiġu kkunsidrati mill-ġdid wara l-pubblikazzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar il-konklużjonijiet tal-BAT relatati mal-attività prinċipali tal-installazzjoni meta l-iżviluppi fl-aħjar metodi tekniċi disponibbli jippermettu t-tnaqqis sinifikanti tal-emissjonijiet, meta s-sikurezza fit-tħaddim tirrikjedi li jintużaw metodi tekniċi oħra u fejn ikun meħtieġ li jkun hemm konformità ma’ standard ta’ kwalità ambjentali ġdid jew rivedut.

    (38)

    Kif iċċarat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (18), l-Istati Membri ma jistgħux jirrestrinġu dritt legali għall-kontestazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ awtorità pubblika għal dawk il-membri tal-pubbliku kkonċernat li jkunu intervenew fil-proċedura amministrattiva preċedenti għall-adozzjoni ta’ tali id-deċiżjoni. Kif iċċarat ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (19), l-aċċess effettiv għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali u rimedji effettivi jirrikjedu fost l-oħrajn li l-membri tal-pubbliku kkonċernat jenħtieġ li jkollhom id-dritt li jitolbu lill-qorti jew lil korp indipendenti u imparzjali kompetenti sabiex jordnaw miżuri interim biex jipprevjenu każ partikolari ta’ tniġġis, inkluż, fejn meħtieġ, permezz tas-sospensjoni temporanja tal-permess ikkontestat. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi speċifikat li l-locus standi jenħtieġ li ma ssirx kundizzjonali fuq ir-rwol li kellu l-membru tal-pubbliku kkonċernat matul fażi parteċipattiva tal-proċeduri tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, speċjalment fir-rigward tal-għoti ta’ permessi u l-għeluq ta’ siti, skont din id-Direttiva. Barra minn hekk, kwalunkwe proċedura ta’ rieżami jenħtieġ li tkun ġusta, ekwa, f’waqtha u mhux għalja b’mod projbittiv, u tipprevedi rimedji adegwati u effettivi, inkluż rimedju b’mandat ta’ inibizzjoni kif xieraq. Fir-rigward tal-azjendi agrikoli tat-trobbija tal-bhejjem, jenħtieġ li sospensjoni tal-operazzjonijiet tkun strettament mingħajr preġudizzju għall-kontinwazzjoni tal-attivitajiet li huma meħtieġa għat-trattament xieraq tal-bhejjem.

    (39)

    Il-kooperazzjoni transkonfinali jenħtieġ li sseħħ qabel l-għoti ta’ permessi fejn aktar minn Stat Membru wieħed jista’ jiġi affettwat mill-operat ta’ installazzjoni, u jenħtieġ li tinkludi informazzjoni u konsultazzjoni minn qabel tal-membri tal-pubbliku kkonċernati u tal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri l-oħra li jistgħu jiġu affettwati.

    (40)

    L-evalwazzjoni tad-Direttiva 2010/75/UE sabet li, anke jekk hi maħsuba biex trawwem it-trasformazzjoni tal-industrija Ewropea, din mhijiex dinamika biżżejjed u ma tappoġġax biżżejjed l-użu ta’ proċessi u teknoloġiji innovattivi, inklużi dawk li huma essenzjali għat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali u għall-kisba tal-objettivi tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima. Mingħajr ma preskritt l-użu ta’ kwalunkwe metodu tekniku jew teknoloġija speċifika, huwa għalhekk xieraq li jiġu ffaċilitati l-ittestjar u l-użu ta’ metodi tekniċi emerġenti bi prestazzjoni ambjentali mtejba, biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni mar-riċerkaturi u l-industriji fi proġetti ta’ riċerka ffinanzjati pubblikament soġġetti għall-kundizzjonijiet previsti fl-istrumenti ta’ finanzjament Ewropej u nazzjonali rilevanti, kif ukoll li jiġi stabbilit ċentru ddedikat biex jappoġġa l-innovazzjoni billi jiġbor u janalizza informazzjoni dwar metodi tekniċi innovattivi, inklużi metodi tekniċi emerġenti, rilevanti għal attivitajiet fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva, inkluża t-trobbija tat-tjur u tal-majjali, u biex jiġi kkaratterizzat il-livell ta’ żvilupp tagħhom mir-riċerka sal-implimentazzjoni bl-użu tal-iskala tal-livell ta’ tħejjija teknoloġika (“TRL”) u biex jiġi vvalutat il-livell tal-prestazzjoni ambjentali ta’ dawk il-metodi tekniċi, filwaqt li jitqies kwalunkwe limitu potenzjali fir-rigward tad-disponibbiltà ta’ data u r-robustezza tagħha. Dan se jinforma wkoll l-iskambju ta’ informazzjoni dwar it-tfassil, ir-rieżami u l-aġġornament tad-dokumenti ta’ referenza tal-BAT. Il-metodi tekniċi emerġenti li għandhom jiġu analizzati miċ-ċentru jenħtieġ li tal-anqas ikunu fil-livell ta’ TRL 6-7, jiġifieri teknoloġija murija fl-ambjent rilevanti (ambjent industrijalment rilevanti fil-każ ta’ teknoloġiji abilitanti ewlenin) jew dimostrazzjoni tal-prototipi tas-sistema fl-ambjent operattiv.

    (41)

    L-ilħuq tal-objettivi tal-Unjoni rigward ekonomija nadifa, ċirkolari u newtrali għall-klima sal-2050 jitlob trasformazzjoni profonda tal-ekonomija tal-Unjoni. B’mod konsistenti mat-Tmien Programm ta’ Azzjoni Ambjentali, l-operaturi tal-installazzjonijiet koperti mid-Direttiva 2010/75/UE jenħtieġ li jinkludu pjanijiet ta’ trasformazzjoni fis-sistemi ta’ ġestjoni ambjentali tagħhom. Tali pjanijiet ta’ trasformazzjoni se jikkomplementaw ukoll ir-rekwiżiti ta’ Rapportar tas-Sostenibbiltà Korporattiva skont id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) billi jipprovdu mezz għall-implimentazzjoni ta’ dawk ir-rekwiżiti fil-livell tal-installazzjoni. L-ewwel prijorità jenħtieġ li tkun it-trasformazzjoni tal-attivitajiet intensivi fl-enerġija elenkati fl-Anness I. Għalhekk, l-operaturi ta’ installazzjonijiet intensivi fl-enerġija jenħtieġ li jipproduċu pjanijiet ta’ trasformazzjoni sat-30 ta’ Ġunju 2030. L-operaturi tal-installazzjonijiet li jwettqu attivitajiet oħra elenkati fl-Anness I jenħtieġ li jkunu meħtieġa jipproduċu pjanijiet ta’ trasformazzjoni bħala parti mir-rikunsiderazzjoni u l-aġġornament tal-permessi wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-konklużjonijiet tal-BAT ippubblikati wara l-1 ta’ Jannar 2030. L-operaturi jenħtieġ li jitħallew jipproduċu pjan ta’ trasformazzjoni uniku li jkopri l-installazzjonijiet kollha taħt il-kontroll tagħhom fi Stat Membru u, fejn l-elementi tal-pjanijiet ta’ trasformazzjoni jkunu diġà ġew żviluppati f’dokumenti oħra u jkunu konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2010/75/UE, l-operaturi jenħtieġ li jitħallew jinkludu fil-pjan ta’ trasformazzjoni referenza għad-dokumenti rilevanti. Filwaqt li l-pjanijiet ta’ trasformazzjoni jenħtieġ li jibqgħu dokumenti indikattivi mħejjija taħt ir-responsabbiltà tal-operaturi, il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità jew il-verifikatur ambjentali ikkuntrattati mill-operaturi bħala parti mis-sistemi ta’ ġestjoni ambjentali tagħhom jenħtieġ li jivverifikaw li jkun fihom l-informazzjoni minima meħtieġa skont att delegat li għandu jiġi adottat mill-Kummissjoni, u l-operaturi jenħtieġ li jagħmlu l-pjanijiet ta’ trasformazzjoni pubbliċi.

    (42)

    Għodod diġitali bħal sistemi ta’ ġestjoni diġitalizzati jafu jgħinu biex jiġu vvalutati u mmaniġġjati b’mod kwantitattiv u kwalitattiv ir-riskji relatati mat-tniġġis u l-operaturi jiġu megħjuna fit-trasformazzjoni tal-installazzjonijiet tagħhom.

    (43)

    Hija meħtieġa aktar ċarezza fir-rigward tal-kriterji biex jiġi vvalutat jekk il-gassijiet jew il-likwidi mnaddfa li jirriżultaw mill-gassifikazzjoni u mill-pirolisi tal-iskart humiex ippurifikati biżżejjed sa tali punt li ma għadhomx skart qabel l-inċinerazzjoni tagħhom.

    (44)

    Fid-dawl tal-għadd kbir ta’ installazzjonijiet tat-trobbija li jenħtieġ li jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2010/75/UE, u s-sempliċità relattiva tal-proċessi u x-xejriet tal-emissjonijiet ta’ tali installazzjonijiet, huwa xieraq li jiġu stabbiliti proċeduri amministrattivi speċifiċi għall-ħruġ ta’ permessi u għall-operat tal-attivitajiet rilevanti li huma adattati għas-settur, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti relatati mal-informazzjoni pubblika u l-parteċipazzjoni, il-monitoraġġ u l-konformità. Jenħtieġ li dan jippermetti l-adozzjoni ta’ regoli ġenerali vinkolanti fil-livell nazzjonali u r-reġistrazzjoni tal-azjendi agrikoli minflok ma jinħarġu permessi individwali lill-azjendi agrikoli. Meta jiġu adottati regoli ġenerali vinkolanti, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw approċċ integrat u livell għoli ta’ protezzjoni għall-ambjent kollu kemm hu ekwivalenti għal dak li jista’ jinkiseb b’kundizzjonijiet għal permess individwali.

    (45)

    Il-metodi tekniċi innovattivi li jidħlu fis-suq huma mistennija li jnaqqsu dejjem aktar kemm l-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa kif ukoll tal-gassijiet serra minn installazzjonijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni kemm tad-Direttiva 2003/87/KE u d-Direttiva 2010/75/UE. Filwaqt li dan se jippermetti li jinħolqu sinerġiji ulterjuri bejn dawk id-Direttivi, dan jista’ jaffettwa t-tħaddim tagħhom, inkluż fis-suq tal-karbonju. F’dan ir-rigward, id-Direttiva 2003/87/KE fiha dispożizzjoni għar-rieżami tal-effettività tas-sinerġiji mad-Direttiva 2010/75/UE, u li titlob li l-permessi rilevanti ambjentali u klimatiċi jiġu kkoordinati sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni effiċjenti u aktar mgħaġġla tal-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mal-objettivi tal-Unjoni dwar il-klima u l-enerġija. Sabiex titqies id-dinamika tal-innovazzjoni f’dan ir-rigward u r-rieżami msemmi fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2003/87/KE, il-Kummissjoni jenħtieġ li tippreżenta rapport li jirrevedi l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/75/UE lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-2028 u kull ħames snin wara dan.

    (46)

    Filwaqt li tibni fuq is-simplifikazzjoni tar-rappurtar imwettaq skont id-Direttiva 2010/75/UE, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkompli tissimplifika kif l-informazzjoni ssir disponibbli għaliha mill-Istati Membri skont dik id-Direttiva ma’ rekwiżiti rilevanti oħra tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2024/1244 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21). Jenħtieġ li l-informazzjoni rrappurtata tippermetti rieżami sinifikattiv tal-implimentazzjoni u r-riżultati miksuba fir-rigward tal-emissjonijiet u forom oħra ta’ tniġġis, il-valuri limitu tal-emissjonijiet, l-applikazzjoni tal-BAT, l-għoti ta’ derogi u l-istatus tat-tħaddim tal-installazzjonijiet. Għal dak il-fini, jenħtieġ li l-Kummissjoni taġġorna sal-5 ta’ Awwissu 2026 id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tistabbilixxi t-tip, il-format u l-frekwenza għar-rappurtar ta’ informazzjoni mill-Istati Membri.

    (47)

    Sabiex jiġi żgurat li d-Direttiva 2010/75/UE tkompli tilħaq l-objettivi tagħha li tipprevjeni jew tnaqqas l-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa u tikseb livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli operattivi għal attivitajiet relatati mat-trobbija ta’ majjali u tjur, filwaqt li titqies l-ispeċifiċità ta’ kull settur ta’ attività. Jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi kundizzjonijiet uniformi. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22). Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti.

    (48)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrieżamina l-ħtieġa li jiġu kkontrollati l-emissjonijiet mill-esplorazzjoni u l-produzzjoni fuq l-art u lil hinn mill-kosta taż-żejt u tal-gass minerali, filwaqt li jitqies il-qafas leġiżlattiv eżistenti tal-Unjoni, inkluż ir-Regolament (UE) 2024/1787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23) u d-Direttiva 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24), il-ħtieġa li jiġu kkontrollati l-emissjonijiet mit-trattament fuq il-post u l-estrazzjoni ta’ minerali industrijali mhux tal-enerġija użati f’industrija għajr dik għall-kostruzzjoni, kif ukoll il-ħtieġa li jiġu kkontrollati l-emissjonijiet mit-trattament fuq il-post u l-estrazzjoni ta’ minerali li jkunu għadhom kif bdew jitwettqu fl-Unjoni, u l-ħtieġa li jiġi rivedut il-limitu tal-attività fl-Anness I għall-produzzjoni tal-idroġenu permezz tal-elettroliżi tal-ilma.

    (49)

    Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/75/UE, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni fir-rigward tal-istabbiliment ta’ (i) metodoloġija standardizzata għall-valutazzjoni tad-disproporzjonalità bejn il-kostijiet tal-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-BAT u l-benefiċċji ambjentali potenzjali f’konformità mal-Artikolu 15(4) filwaqt li jiġu kkunsidrati metodi bħal “Valur tal-Ħajja Statistika” (VSL) jew il-metodi “Value of Life Year” (VOLY), jekk ikun xieraq, (ii) metodoloġija standardizzata biex issir il-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 15(6), (iii) il-metodu ta’ kejl għall-valutazzjoni tal-konformità mal-valuri limitu tal-emissjonijiet stabbiliti fil-permess fir-rigward tal-emissjonijiet fl-arja u fl-ilma, (iv) l-arranġamenti dettaljati meħtieġa għall-istabbiliment u għall-funzjonament taċ-ċentru tal-innovazzjoni għat-trasformazzjoni u l-emissjonijiet industrijali, u (v) il-format li għandu jintuża għall-pjanijiet ta’ trasformazzjoni u (vi) liema informazzjoni mill-EMS hija rilevanti għall-pubblikazzjoni, li jenħtieġ li tinkludi informazzjoni mill-inqas dwar l-indikaturi u l-objettivi tal-prestazzjoni ambjentali, kif ukoll fuq il-progress lejn l-objettivi ambjentali. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    (50)

    Sabiex jiġu żgurati l-implimentazzjoni u l-infurzar effettivi tal-obbligi stabbiliti fid-Direttiva 2010/75/UE, huwa meħtieġ li jiġi speċifikat il-kontenut minimu ta’ penali effettivi, proporzjonati u dissważivi. Id-disparitajiet fir-reġimi tal-penali, il-fatt li l-penali imposti jitqiesu f’ħafna każijiet baxxi wisq biex verament ikollhom effett ta’ deterrent fuq l-imġiba illegali, u n-nuqqas ta’ implimentazzjoni uniformi madwar l-Istati Membri, jimminaw il-kundizzjonijiet ekwi dwar l-emissjonijiet industrijali madwar l-Unjoni.

    (51)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu r-regoli dwar penali applikabbli għall-ksur ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u jiżguraw li jiġu implimentati. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli għal penali amministrattivi kif ukoll kriminali. Fi kwalunkwe każ, jenħtieġ li l-impożizzjoni ta’ penali kriminali u amministrattivi ma twassalx għal ksur tad-dritt li wieħed ma jiġix iġġudikat jew ikkastigat darbtejn fi proċedimenti kriminali għall-istess reat kriminali (il-prinċipju ne bis in idem) kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għall-aktar ksur serju mwettaq minn persuna ġuridika, bħal dak ta’ livell għoli ta’ gravità minħabba n-natura, il-firxa u r-ripetizzjoni tiegħu, jew fejn dan il-ksur joħloq riskju sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li s-sistema nazzjonali tagħhom ta’ penali tinkludi multi li l-ammont massimu tagħhom jenħtieġ li jkun mill-inqas 3 % tal-fatturat annwali tal-operatur fl-Unjoni fis-sena finanzjarja ta’ qabel is-sena li fiha tiġi imposta l-multa. Għal dawk il-każijiet ta’ ksur, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri skont id-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25), l-Istati Membri jistgħu wkoll jew alternattivament jadottaw penali kriminali, dment li dawn ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    (52)

    Fejn ikun seħħ dannu għas-saħħa tal-bniedem bħala riżultat ta’ ksur tal-miżuri nazzjonali adottati skont id-Direttiva 2010/75/UE, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-individwi affettwati jkunu jistgħu jitolbu u jiksbu kumpens għal dak id-dannu mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi rilevanti. Tali regoli dwar il-kumpens jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi tal-preservazzjoni, il-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent u l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem kif stabbilit fl-Artikolu 191 tat-TFUE. Huma jirfdu wkoll id-dritt għall-ħajja, l-integrità tal-persuna u l-kura tas-saħħa stabbiliti fl-Artikoli 2, 3 u 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u d-dritt għal rimedju effettiv kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta. Barra minn hekk, id-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26) ma tagħtix lill-partijiet privati dritt ta’ kumpens bħala konsegwenza ta’ dannu ambjentali jew ta’ theddida imminenti ta’ tali dannu.

    (53)

    Għalhekk huwa xieraq li d-Direttiva 2010/75/UE tindirizza d-dritt għal kumpens għad-danni mġarrba minn individwi u sabiex jiġi żgurat li l-individwi jkunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom kontra d-danni għas-saħħa kkawżati minn ksur tad-Direttiva 2010/75/UE u b’hekk jiġi żgurat infurzar aktar effiċjenti ta’ dik id-Direttiva. Jenħtieġ li l-proċeduri relatati mat-talbiet għal kumpens jitfasslu u jiġu applikati b’tali mod li ma jagħmlux l-eżerċizzju tad-dritt għal kumpens għal dannu impossibli jew eċċessivament diffiċli.

    (54)

    L-impatt tad-Direttiva 2010/75/UE fuq l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri jenħtieġ li jkun limitat għal dak li huwa meħtieġ biex jiġu żgurati l-objettivi tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem permezz ta’ ambjent sikur segwit minnha u jenħtieġ li ma jaffettwax regoli proċedurali nazzjonali oħra li jistabbilixxu d-dritt li jintalab kumpens għal ksur ta’ dik id-Direttiva. Madankollu, tali regoli nazzjonali jenħtieġ li ma jfixklux il-funzjonament effettiv tal-mekkaniżmu għat-tiftix ta’ kumpens meħtieġ mid-Direttiva 2010/75/UE.

    (55)

    Id-Direttiva 2010/75/UE ġiet implimentata b’mod diverġenti madwar l-Istati Membri fir-rigward tal-kopertura ta’ installazzjonijiet għall-manifattura ta’ prodotti taċ-ċeramika permezz tal-ħami, minħabba li l-formulazzjoni tad-definizzjoni ta’ din l-attività ppermettiet lill-Istati Membri jiddeċiedu jekk japplikawx iż-żewġ kriterji jew wieħed minnhom biss dwar il-kapaċità tal-produzzjoni u l-kapaċità tal-forn. Bil-ħsieb li tiġi żgurata implimentazzjoni aktar konsistenti ta’ dik id-Direttiva u li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi madwar l-Unjoni, tali installazzjonijiet jenħtieġ li jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva kull meta tiġi ssodisfata waħda minn dawk iż-żewġ kriterji.

    (56)

    Meta tistabbilixxi valuri limitu tal-emissjonijiet għal sustanzi niġġiesa, l-awtorità kompetenti jenħtieġ li tikkunsidra s-sustanzi kollha, inklużi s-sustanzi ta’ tħassib emerġenti, li jistgħu jiġu rilaxxati mill-installazzjoni kkonċernata u li jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent jew fuq is-saħħa tal-bniedem. B’dan il-mod, jenħtieġ li jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi tal-periklu, il-kwantità u n-natura tas-sustanzi emessi u l-potenzjal tagħhom li jniġġsu kwalunkwe settur ambjentali. Il-konklużjonijiet tal-BAT, fejn rilevanti, huma l-punt ta’ referenza għall-għażla tas-sustanzi li għalihom iridu jiġu stabbiliti l-valuri limitu tal-emissjonijiet, għalkemm l-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li tagħżel sustanzi addizzjonali. Bħalissa, is-sustanzi niġġiesa individwali huma elenkati b’mod mhux eżawrjenti fl-Anness II tad-Direttiva 2010/75/UE; li mhuwiex kompatibbli mal-approċċ olistiku ta’ dik id-Direttiva u ma jirriflettix il-ħtieġa li l-awtoritajiet kompetenti jqisu s-sustanzi niġġiesa rilevanti kollha, inklużi dawk ta’ tħassib emerġenti. Għalhekk, jenħtieġ li titħassar il-lista mhux eżawrjenti ta’ sustanzi niġġiesa. Minflok, jenħtieġ li ssir referenza għal-lista ta’ sustanzi li jniġġsu fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27).

    (57)

    Għalkemm il-landfills huma inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2010/75/UE, ma teżisti l-ebda konklużjoni tal-BAT għal-landfills peress li dik l-attività taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE (28) u r-rekwiżiti ta’ din l-aħħar Direttiva jitqiesu li jikkostitwixxu l-BAT. Minħabba l-iżviluppi tekniċi u l-innovazzjoni li seħħew mill-adozzjoni tad-Direttiva 1999/31/KE, issa hemm disponibbli metodi tekniċi aktar effettivi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. L-adozzjoni tal-konklużjonijiet tal-BAT skont id-Direttiva 2010/75/UE tippermetti li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ambjentali ewlenin relatati mal-operat tal-landfills tal-iskart, inklużi l-emissjonijiet sinifikanti tal-metan. Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 1999/31/KE tippermetti l-adozzjoni tal-konklużjonijiet tal-BAT dwar il-landfills skont id-Direttiva 2010/75/UE.

    (58)

    Minħabba li l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali u t-titjib tal-kwalità ambjentali ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu pjuttost, minħabba n-natura transkonfinali tat-tniġġis mill-attivitajiet industrijali, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

    (59)

    F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għall-ilħuq tal-objettiv bażiku li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali u għat-titjib tal-kwalità ambjentali, huwa meħtieġ u xieraq li jiġu stabbiliti regoli dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis li jirriżulta minn attivitajiet industrijali u minn attivitajiet ta’ trobbija tal-bhejjem. Din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi maħsuba, skont l-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

    (60)

    F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni (29), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jżidu man-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom, f’każijiet ġustifikati, dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet ekwivalenti tal-istrumenti nazzjonali ta’ traspożizzjoni. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ dokumenti ta’ dak it-tip hija ġustifikata.

    (61)

    L-impjanti tal-kombustjoni li huma parti minn sistemi iżolati żgħar jistgħu, minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħhom u n-nuqqas ta’ interkonnessjoni mal-grilja kontinentali tal-Istati Membri jew mal-grilja ta’ Stat Membru ieħor, jiffaċċaw sfidi speċjali li jirrikjedu aktar żmien biex jikkonformaw mal-valuri limitu tal-emissjonijiet. Jenħtieġ li l-Istati Membri kkonċernati jistabbilixxu pjan għall-konformità li jkopri l-impjanti tal-kombustjoni li jkunu parti minn sistema iżolata żgħira li jistipula l-miżuri biex tiġi żgurata konformità mal-valuri limitu tal-emissjonijiet sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2029. Il-pjan jenħtieġ li jiddeskrivi l-miżuri biex tiġi żgurata l-konformità ma’ din id-Direttiva, u l-miżuri biex jiġu mminimizzati d-daqs u t-tul ta’ żmien tal-emissjonijiet tas-sustanzi niġġiesa matul il-perjodu kopert mill-pjan, u jinkludi informazzjoni dwar miżuri għall-ġestjoni tad-domanda u l-possibbiltajiet tal-bidla għal karburant alternattiv jew alternattivi aktar nodfa, bħall-użu ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli u interkonnessjoni mal-grilji kontinentali jew ma’ grilja ta’ Stat Membru ieħor. Jenħtieġ li l-Istati Membri kkonċernati jikkomunikaw il-Pjan ta’ Konformità tagħhom lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri jaġġornaw il-pjan f’każ li l-Kummissjoni tqajjem oġġezzjonijiet. Jenħtieġ li l-Istati Membri kkonċernati jirrappurtaw kull sena dwar il-progress lejn il-konformità.

    (62)

    Sabiex l-Istati Membri, l-awtoritajiet kompetenti u l-installazzjonijiet jingħataw żmien biex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ġodda, u wkoll biex jingħata żmien lill-Kumissjoni biex taddotta konklużjonijiet ġodda tal-BAT li jqisu d-dispożizzjonijiet ġodda, jenħtieġ li jiġu preskritti dispożizzjonijiet tranżitorji. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, jeħtieġ li jkun hemm data fissa ta’ limitu assolut sa meta jenħtieġ li jkun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet. Fir-rigward tal-proċess ta’ Sevilla u l-għadd ta’ dokumenti ta’ referenza tal-BAT li jeħtieġ li jiġu riveduti, din id-data jenħtieġ li tiġi stabbilita għal 12-il sena għall-attivitajiet eżistenti u 10 snin għal attivitajiet ġodda. Dan ma jipprevjenix li l-konklużjonijiet tal-BAT jiġu adottati u implimentati aktar kmieni, ħaġa li hija mistennija għall-biċċa l-kbira tal-attivitajiet koperti minn din id-Direttiva. Installazzjonijiet eżistenti jenħtieġ li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet fid-Direttiva 2010/75/UE fil-verżjoni li tinsab fis-seħħ fit-3 ta’ Awwissu 2024, sakemm ikun hemm konklużjonijiet ġodda tal-BAT jew ikun hemm aġġornament tal-permess.

    (63)

    Jenħtieġ għalhekk li d-Direttivi 2010/75/UE u 1999/31/KE jiġu emendati kif xieraq.

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Emendi għad-Direttiva 2010/75/UE

    Id-Direttiva 2010/75/UE hija emendata kif ġej:

    (1)

    it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali u l-emissjonijiet mit-trobbija tal-bhejjem (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis)”

    ;

    (2)

    fl-Artikolu 1, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Tippreskrivi wkoll regoli maħsuba għall-prevenzjoni jew, meta dan ma jkunx prattikabbli, għat-tnaqqis kontinwu ta’ emissjonijiet fl-arja, fl-ilma u fl-art, għall-prevenzjoni tal-ġenerazzjoni tal-iskart, għat-titjib tal-effiċjenza tar-riżorsi, u għall-promozzjoni tal-ekonomija ċirkolari u d-dekarbonizzazzjoni, sabiex jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent kollu kemm hu.”

    ;

    (3)

    fl-Artikolu 2, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-attivitajiet industrijali li jagħtu lok għat-tniġġis imsemmi fil-Kapitoli II sa VIa.”

    ;

    (4)

    L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-punt (2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(2)

    ‘tniġġis’ tfisser l-introduzzjoni diretta jew indiretta, b’riżultat ta’ attività umana, ta’ sustanzi, vibrazzjonijiet, sħana, ħsejjes jew irwejjaħ fl-arja, fil-baħar jew fl-art li jistgħu jkunu ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem jew għall-kwalità tal-ambjent, li jirriżultaw fi ħsara għal proprjetà materjali, jew jaffettwaw ħażin jew ifixklu l-faċilitajiet u l-użi oħra leġittimi tal-ambjent;”

    ;

    (b)

    il-punt 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(3)

    ‘installazzjoni’ tfisser unità teknika stazzjonarja li fiha titwettaq attività waħda jew aktar minn dawk elenkati fl-Anness I, fl-Anness Ia jew fil-Parti 1 tal-Anness VII, u kull attività oħra direttament assoċjata fuq l-istess sit li jkollha konnessjoni teknika mal-attivitajiet elenkati f’dawk l-Annessi u li jista’ jkollha effett fuq l-emissjonijiet u t-tniġġis;”

    ;

    (c)

    jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

    “(5a)

    ‘valur limitu tal-prestazzjoni ambjentali’ tfisser valur tal-prestazzjoni inkluż f’permess, espress għal kundizzjonijiet speċifikati f’termini ta’ ċerti parametri speċifiċi;”;

    “(9a)

    ‘trasformazzjoni industrijali profonda’ tfisser l-implimentazzjoni mill-operaturi industrijali ta’ metodi tekniċi ġodda jew l-aħjar metodi tekniċi disponibbli li jinvolvu bidla kbira fid-disinn jew fit-teknoloġija tal-installazzjoni kollha jew parti minnha jew is-sostituzzjoni ta’ installazzjoni eżistenti b’installazzjoni ġdida, li tippermetti tnaqqis estremament sostanzjali tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra f’konformità mal-objettiv tan-newtralità klimatika u tottimizza l-kobenefiċċji ambjentali, mill-inqas għal-livelli li jistgħu jintlaħqu mill-metodi tekniċi identifikati fil-konklużjonijiet tal-BAT applikabbli, filwaqt li jitqiesu l-effetti transmedjali;”

    ;

    (d)

    fil-punt (10), il-punti (b) u (c) huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “(b)

    ‘metodi tekniċi disponibbli’ tfisser dawk il-metodi tekniċi żviluppati fuq skala li tippermetti l-implimentazzjoni fis-settur industrijali rilevanti, taħt kundizzjonijiet ekonomiċi u teknikament vijabbli, filwaqt li jitqiesu l-kostijiet u l-vantaġġi, indipendentement minn jekk tali metodi tekniċi jintużawx jew jiġux prodotti fl-Unjoni, dment li dawn ikunu raġonevolment aċċessibbli għall-operatur;

    (c)

    ‘l-aħjar’ tfisser l-aktar effettivi sabiex jintlaħaq livell ġenerali għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent b’mod ġenerali, inklużi s-saħħa tal-bniedem u l-protezzjoni tal-klima;”

    ;

    (e)

    il-punt (12) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(12)

    ‘konklużjonijiet tal-BAT’ tfisser dokument li jkun fih il-partijiet ta’ dokument ta’ referenza tal-BAT li jistabbilixxi l-konklużjonijiet dwar l-aħjar metodi tekniċi disponibbli u l-metodi tekniċi emerġenti, id-deskrizzjoni tagħhom, l-informazzjoni biex tiġi vvalutata l-applikabbiltà tagħhom, il-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati ma’ dawk il-metodi t-tekniċi, il-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati ma’ dawk il-metodi tekniċi, il-kontenut ta’ sistema ta’ ġestjoni ambjentali inklużi l-parametri referenzjarji assoċjati mal-aħjar metodi tekniċi disponibbli, il-monitoraġġ assoċjat, il-livelli ta’ konsum assoċjati u, fejn xieraq, il-miżuri rilevanti ta’ rimedju tas-siti;”

    ;

    (f)

    jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

    “(12a)

    ‘Regoli operattivi’ tfisser ir-regoli inklużi fil-permessi jew ir-regoli ġenerali vinkolanti għall-operat tal-attivitajiet imsemmija fl-Anness Ia, li jistabbilixxu l-valuri limitu tal-emissjonijiet, il-valuri limitu tal-prestazzjoni ambjentali, ir-rekwiżiti ta’ monitoraġġ assoċjati, u fejn rilevanti l-prattiki ta’ tifrix fir-raba’, il-prattiki ta’ prevenzjoni u ta’ mitigazzjoni tat-tniġġis, il-ġestjoni nutrizzjonali, it-tħejjija tal-għalf, l-akkomodazzjoni, il-ġestjoni tad-demel, inklużi l-ġbir, il-ħżin, l-ipproċessar u t-tifrix tad-demel fir-raba’, u l-ħżin ta’ annimali mejta, u li jkunu konsistenti mal-użu tal-aqwa metodi tekniċi disponibbli;”;

    “(13a)

    ‘livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati mal-aħjar metodi tekniċi disponibbli’ tfisser il-firxa ta’ livelli ta’ prestazzjoni ambjentali, miksuba f’kundizzjonijiet normali ta’ tħaddim bl-użu ta’ BAT jew taħlita ta’ BATs;”. kif deskritt fil-konklużjonijiet tal-BAT;”;

    “(13aa)

    ‘prestazzjoni ambjentali’ tfisser il-prestazzjoni fir-rigward tal-livelli ta’ konsum, l-effiċjenza fir-riżorsi fir-rigward tal-materjali, ir-riżorsi tal-ilma u tal-enerġija, l-użu mill-ġdid tal-materjali u tal-ilma, u l-ġenerazzjoni tal-iskart;”;

    “(13b)

    ‘parametri referenzjarji’ tfisser il-firxa indikattiva tal-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati mal-aħjar metodi tekniċi disponibbli, li għandha tintuża bħala referenza fl-EMS;”

    ;

    (g)

    il-punt (14) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(14)

    ‘metodu tekniku emerġenti’ tfisser teknika ġdida għal attività industrijali li, jekk żviluppata kummerċjalment, tista’ tipprovdi jew livell ġenerali ogħla ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent jew mill-inqas l-istess livell ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent u ffrankar tal-kostijiet akbar mill-aħjar metodi tekniċi disponibbli eżistenti;”

    ;

    (h)

    il-punt (17) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(17)

    ‘il-pubbliku kkonċernat’ tfisser il-membri tal-pubbliku affettwati jew li x’aktarx li jiġu affettwati bit-teħid ta’ deċiżjoni dwar il-ħruġ jew l-aġġornament ta’ permess jew ta’ kundizzjonijiet ta’ permess jew li għandhom interess fihom; għall-finijiet ta’ din id-definizzjoni, l-organizzazzjonijiet nongovernattivi li jippromwovu l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jew tal-ambjent u li jissodisfaw kwalunkwe rekwiżit skont il-liġi nazzjonali għandhom jitqiesu li għandhom interess;”

    ;

    (i)

    il-punt (23) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(23)

    ‘tjur’ tfisser it-tjur kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (9), tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1);

    (*1)  Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (‘Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali’) (ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1).”;"

    (j)

    jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

    “(23a)

    ‘majjali’ tfisser majjali kif definiti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/120/KE (*2);

    (23b)

    ‘unità ta’ bhejjem’ tfisser unità ta’ kejl standard li tippermetti l-aggregazzjoni tad-diversi kategoriji ta’ bhejjem sabiex ikunu jistgħu jitqabblu, u li hija kkalkolata bl-użu ta’ koeffiċjenti għall-kategoriji ta’ unitajiet ta’ bhejjem individwali elenkati fl-Anness Ia;

    (*2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/120/KE tat-18 ta’ Diċembru 2008 li tistabbilixxi standards minimi għall-protezzjoni tal-majjali (ĠU L 47, 18.2.2009, p. 5).”;"

    (k)

    jiżdiedu l-punti li ġejjin:

    “(48)

    ‘livelli ta’ emissjonijiet assoċjati ma’ metodi tekniċi emerġenti’ tfisser il-firxa ta’ livelli ta’ emissjonijiet miksuba f’kundizzjonijiet normali ta’ tħaddim bl-użu ta’ metodu tekniku emerġenti jew b’taħlita ta’ metodi tekniċi emerġenti, kif deskritt fil-konklużjonijiet tal-BAT, espressi bħala medja fuq perjodu ta’ żmien partikolari, f’kundizzjonijiet ta’ referenza speċifikati;

    (49)

    ‘livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati ma’ metodi tekniċi emerġenti’ tfisser il-firxa ta’ livelli ta’ prestazzjoni ambjentali, miksuba f’kundizzjonijiet normali ta’ tħaddim, bl-użu ta’ metodu tekniku emerġenti jew b’kombinazzjoni ta’ metodi tekniċi emerġenti, kif deskritt fil-konklużjonijiet tal-BAT;

    (50)

    ‘assigurazzjoni tal-konformità’ tfisser mekkaniżmi biex tiġi żgurata l-konformità bl-użu ta’ tliet kategoriji ta’ intervent: il-promozzjoni tal-konformità; il-monitoraġġ tal-konformità; segwitu u infurzar.”

    ;

    (5)

    fl-Artikolu 4(1), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “B’deroga mill-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu proċedura għar-reġistrazzjoni tal-installazzjonijiet koperti biss mill-Kapitolu V jew mill-Kapitolu VIa.”

    ;

    (6)

    fl-Artikolu 5, jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “4.   L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw sistemi għall-permessi elettroniċi tal-installazzjonijiet u jimplimentaw proċeduri ta’ permessi elettroniċi sal-31 ta’ Diċembru 2035.

    Il-Kummissjoni għandha torganizza skambju ta’ informazzjoni mal-Istati Membri dwar sistemi għal permessi elettroniċi u tippubblika gwida dwar l-aħjar prattiki.”

    ;

    (7)

    l-Artikoli 7 u 8 huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “Artikolu 7

    Inċidenti u aċċidenti

    Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3), fil-każ ta’ kwalunkwe inċident jew aċċident li jaffettwa b’mod sinifikanti s-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li:

    (a)

    l-operatur jinforma minnufih lill-awtorità kompetenti;

    (b)

    l-operatur jieħu l-miżuri minnufih sabiex jillimita l-konsegwenzi għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent u sabiex jipprevjeni aktar inċidenti jew aċċidenti possibbli; u

    (c)

    l-awtorità kompetenti tirrikjedi li l-operatur jieħu kwalunkwe miżura komplementari adegwata li l-awtorità kompetenti tikkunsidra meħtieġa sabiex jillimita l-konsegwenzi għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent u sabiex jipprevjeni aktar inċidenti jew aċċidenti possibbli.

    Fil-każ ta’ tniġġis li jaffettwa r-riżorsi tal-ilma tax-xorb, inklużi r-riżorsi transkonfinali, jew li jaffettwa l-infrastruttura tal-ilma mormi fil-każ ta’ skariku indirett, l-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-operaturi tal-ilma tax-xorb u tal-ilma mormi affettwati bil-miżuri meħuda biex jipprevjenu jew jirrimedjaw il-ħsara kkawżata minn dak it-tniġġis għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent.

    Fil-każ ta’ kwalunkwe inċident jew aċċident li jaffettwa b’mod sinifikanti s-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent fi Stat Membru ieħor, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun seħħ l-aċċident jew l-inċident għandu jiżgura li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru l-ieħor tiġi infurmata minnufih. Il-kooperazzjoni transkonfinali u multidixxiplinari bejn l-Istati Membri affettwati għandu jkollha l-għan li tillimita l-konsegwenzi għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem u li tipprevjeni aktar inċidenti jew aċċidenti possibbli.

    Artikolu 8

    Nuqqas ta’ konformità

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-kundizzjonijiet għall-permess jiġu mħarsa.

    Huma għandhom jadottaw ukoll miżuri ta’ assigurazzjoni tal-konformità biex jippromwovu, jimmonitorjaw u jinfurzaw il-konformità mal-obbligi mqiegħda fuq persuni fiżiċi jew ġuridiċi skont din id-Direttiva.

    2.   Fil-każ ta’ ksur tal-kundizzjonijiet għal permess, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

    (a)

    l-operatur jinforma minnufih l-awtorità kompetenti;

    (b)

    l-operatur jieħu minnufih il-miżuri meħtieġa biex jiżgura li jerġa’ jkun hemm konformità fl-anqas żmien possibbli; u

    (c)

    l-awtorità kompetenti tirrikjedi li l-operatur jieħu kwalunkwe miżura komplementari adegwata li l-awtorità kompetenti tikkunsidra meħtieġa biex jerġa’ jkun hemm konformità.

    3.   Fejn il-ksur tal-kundizzjonijiet għal permess ikun ta’ periklu immedjat għas-saħħa tal-bniedem jew jhedded li jikkawża effett immedjat negattiv sinifikanti fuq l-ambjent, u sakemm jerġa’ jkun hemm konformità skont it-tieni paragrafu, il-punti (b) u (c), it-tħaddim tal-installazzjoni, l-impjant ta’ kombustjoni, l-impjant tal-inċinerazzjoni tal-iskart, l-impjant tal-koinċinerazzjoni tal-iskart jew parti rilevanti tiegħu għandha tkun sospiża mingħajr ebda dewmien.

    Meta tali ksur tal-kundizzjonijiet għal-permess jhedded is-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent fi Stat Membru ieħor, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun seħħ il-ksur tal-kundizzjonijiet għal-permess għandu jiżgura li l-Istat Membru l-ieħor jiġi infurmat.

    4.   F’sitwazzjonijiet mhux koperti mill-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, meta ksur persistenti tal-kundizzjonijiet għal permess joħloq periklu għas-saħħa tal-bniedem jew jikkawża effett negattiv sinifikanti fuq l-ambjent, u fejn ma tkunx ġiet implimentata l-azzjoni meħtieġa biex jerġa’ jkun hemm il-konformità identifikata fir-rapport ta’ spezzjoni msemmi fl-Artikolu 23(6), it-tħaddim tal-installazzjoni, tal-impjant tal-kombustjoni, tal-impjant ta’ inċinerazzjoni tal-iskart, tal-impjant ta’ koinċinerazzjoni tal-iskart jew tal-parti rilevanti tiegħu jista’ jiġi sospiż mill-awtorità kompetenti sakemm terġa’ tiġi stabbilita l-konformità mal-kundizzjonijiet għal permess.

    5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri ta’ sospensjoni msemmija fil-paragrafi 3 u 4 u adottati mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward ta’ operatur li jikser id-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva jiġu infurzati b’mod effettiv.

    6.   Fil-każ ta’ ksur ta’ konformità li jaffettwa r-riżorsi tal-ilma tax-xorb, inkluż ir-riżorsi transkonfinali, jew li jaffettwa l-infrastruttura tal-ilma mormi fil-każ ta’ skariku indirett, l-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-operaturi tal-ilma tax-xorb u tal-ilma mormi, u lill-awtoritajiet rilevanti b’responsabbiltà rigward il-konformità mal-leġiżlazzjoni ambjentali kkonċernata, dwar il-ksur u l-miżuri meħuda biex jipprevjenu jew jirrimedjaw il-ħsara kkawżata għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent.

    (*3)  Id-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56).”;"

    (8)

    fl-Artikolu 9, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   Għall-attivitajiet elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma jimponux ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 14(1), il-punt (aa) u fl-Artikolu 15(4) ta’ din id-Direttiva relatati mal-effiċjenza enerġetika fir-rigward ta’ unitajiet ta’ kombustjoni jew ta’ unitajiet oħra li jemettu d-diossidu tal-karbonju fuq is-sit.”

    ;

    (9)

    fl-Artikolu 11, il-punt (f) huwa emendat kif ġej:

    “(f)

    l-enerġija tintuża b’mod effiċjenti u, fejn possibbli, il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli tiġi promossa;”

    ;

    (10)

    fl-Artikolu 11, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

    “(fa)

    ir-riżorsi materjali u l-ilma jintużaw b’mod effiċjenti, inkluż permezz tal-użu mill-ġdid;

    (fb)

    tiġi implimentata sistema ta’ ġestjoni ambjentali kif imsemmi fl-Artikolu 14a.”

    ;

    (11)

    fl-Artikolu 12, il-paragrafu 1, il-punti (b), (c) u (f) huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “(b)

    il-materja prima u dik awżiljari, sustanzi oħra, l-enerġija u l-ilma użati fl-installazzjoni jew iġġenerati minnha;

    (c)

    is-sorsi tal-emissjonijiet mill-installazzjoni, inklużi l-irwejjaħ;”

    “(f)

    in-natura u l-kwantitajiet ta’ emissjonijiet prevedibbli, inklużi l-irwejjaħ, mill-installazzjoni f’kull element ambjentali, kif ukoll l-identifikazzjoni tal-effetti sinifikanti tal-emissjonijiet fuq l-ambjent;”

    ;

    (12)

    l-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Sabiex tfassal, tirrevedi u, fejn meħtieġ, taġġorna d-dokumenti ta’ referenza tal-BAT, il-Kummissjoni għandha torganizza skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, l-industriji kkonċernati, l-organizzazzjonijiet nongovernattivi li jippromwovu s-saħħa tal-bniedem jew il-protezzjoni tal-ambjent, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi u l-Kummissjoni. Dak l-iskambju ta' informazzjoni għandu jimmira għal ċiklu ta' rieżami ta' tmien snin tad-dokumenti ta' referenza tal-BAT li jagħtu prijorità lid-dokumenti li għandhom l-ogħla potenzjal biex itejbu l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jew tal-ambjent. It-tul ta’ żmien tal-iskambju ta’ informazzjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu ma għandux jaqbeż l-erba’ snin għal kull dokument ta’ referenza tal-BAT individwali.”

    ;

    (b)

    jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “1a.   Il-Kummissjoni għandha sal-1 ta’ Lulju 2026 emenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/119/UE.”

    ;

    (c)

    fil-paragrafu 2, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    “Mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, l-informazzjoni meqjusa bħala informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali jew informazzjoni kummerċjalment sensittiva għandha tiġi kondiviża biss mal-Kummissjoni u, wara li jkun ġie ffirmat ftehim ta’ kunfidenzjalità u ta’ nuqqas ta’ divulgazzjoni, ma’ ħaddiema taċ-ċivil u ma’ impjegati pubbliċi oħra li jirrappreżentaw lill-Istati Membri jew lill-aġenziji tal-Unjoni. L-informazzjoni għandha tiġi anonimizzata, b’tali mod li ma tirreferix għal operatur jew installazzjoni partikolari, meta tiġi kondiviża mal-partijiet ikkonċernati l-oħra involuti fl-iskambju ta’ informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1. Informazzjoni mhux anonimizzata tista’ tiġi kondiviża biss f’każijiet fejn l-anonimizzazzjoni tal-informazzjoni ma tippermettix skambju effettiv ta’ informazzjoni dwar il-BAT fil-kuntest tat-tfassil, ir-rieżami u, fejn meħtieġ, l-aġġornament tad-dokumenti ta’ referenza tal-BAT, ma’ rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jew tal-ambjent u rappreżentanti ta’ assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw is-setturi industrijali rilevanti, kif xieraq, u meta tali rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet ikunu ffirmaw ftehim ta’ kunfidenzjalità u ta’ nuqqas ta’ divulgazzjoni. L-iskambju ta’ informazzjoni meqjusa bħala informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali jew informazzjoni kummerċjalment sensittiva għandu jibqa’ strettament limitat għal dak li huwa teknikament meħtieġ biex jitfasslu, jiġu rieżaminati u, fejn meħtieġ, jiġu aġġornati d-dokumenti ta’ referenza tal-BAT, u tali informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali jew informazzjoni kummerċjalment sensittiva ma għandhiex tintuża għal skopijiet oħra.”

    ;

    (d)

    fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u tlaqqa’ regolarment forum magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri, l-industriji kkonċernati u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jew tal-ambjent.”

    ;

    (e)

    fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu, il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(d)

    gwida dwar it-tfassil ta’ dokumenti ta’ referenza tal-BAT, u dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità tagħhom, inkluża l-adegwatezza tal-kontenut u l-format tagħhom.”

    (f)

    Jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “3a.   Il-Kummissjoni għandha tikseb l-opinjoni tal-forum dwar il-metodu għall-valutazzjoni tal-konformità mal-valuri limitu tal-emissjonijiet stabbiliti fil-permess fir-rigward tal-emissjonijiet fl-arja u fl-ilma, kif stabbilit fl-Artikolu 15a.”

    ;

    (g)

    fil-paragrafu 4, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    “L-opinjoni tal-forum imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tiġi ppreżentata fi żmien sitt xhur mil-laqgħa finali tal-grupp ta’ ħidma tekniku responsabbli għal dak id-dokument ta’ referenza tal-BAT.”

    (h)

    il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “6.   Wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni f’konformità mal-paragrafu 5, il-Kummissjoni għandha tagħmel il-konklużjonijiet tal-BAT u d-dokument ta’ referenza tal-BAT pubblikament disponibbli mingħajr dewmien żejjed.”

    ;

    (13)

    L-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

    (i)

    l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-permess jinkludi l-miżuri kollha meħtieġa għall-konformità mar-rekwiżiti tal-Artikoli 11 u 18. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-permessi jingħataw wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti kollha b’responsabbiltà rigward il-konformità mal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni, inkluż mal-istandards tal-kwalità ambjentali.”

    ;

    (ii)

    fit-tieni subparagrafu, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    il-valuri limitu tal-emissjonijiet għal sustanzi li jniġġsu elenkati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 166/2006*, u għal sustanzi oħra li jniġġsu, li x’aktarx joħorġu mill-installazzjoni kkonċernata fi kwantitajiet sinifikanti, wara li jiġu kkunsidrati n-natura, il-perikolożità u l-potenzjal tagħhom li jittrasferixxu t-tniġġis minn element ambjentali għal ieħor, filwaqt li titqies il-varjazzjoni tad-dinamika tal-fluss tal-ilma fil-korpi tal-ilma riċeventi;”

    ;

    (iii)

    fit-tieni subparagrafu, jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

    “(aa)

    il-valuri limitu tal-prestazzjoni ambjentali f’konformità mal-Artikolu 15(4);

    (ab)

    rekwiżiti xierqa li jiżguraw il-valutazzjoni tal-ħtieġa tal-prevenzjoni jew it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ sustanzi li jissodisfaw il-kriterji tal-Artikolu 57 jew sustanzi indirizzati fir-restrizzjonijiet fl-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006;”

    ;

    (iv)

    fit-tieni subparagrafu, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(b)

    rekwiżiti adattati li jiżguraw il-protezzjoni tal-ħamrija, tal-ilma ta’ taħt l-art, tal-ilma tal-wiċċ u ż-żoni tal-qbid tal-ilma għal punti ta’ astrazzjoni tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem kif imsemmi fl-Artikolu 7 tad-Direttiva (UE) 2020/2184, u miżuri li jikkonċernaw il-monitoraġġ u l-immaniġġar tal-iskart iġġenerat mill-installazzjoni;”

    ;

    (v)

    fit-tieni subparagrafu, jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

    “(ba)

    rekwiżiti adattati li jistabbilixxu l-karatteristiċi ta’ sistema ta’ ġestjoni ambjentali f’konformità mal-Artikolu 14a;

    (bb)

    rekwiżiti ta’ monitoraġġ xierqa għall-konsum u l-użu mill-ġdid ta’ riżorsi bħall-enerġija, l-ilma u l-materja prima;”

    ;

    (vi)

    fit-tieni subparagrafu, il-punt (d), jiżdied il-punt li ġej:

    “(iii)

    informazzjoni dwar il-progress lejn l-ilħuq tal-objettivi tal-politika ambjentali msemmija fl-Artikolu 14a.;”

    ;

    (vii)

    fit-tieni subparagrafu, il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(e)

    rekwiżiti xierqa għaż-żamma u s-sorveljanza regolari ta’ miżuri meħudin għall-prevenzjoni ta’ emissjonijiet fil-ħamrija u l-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art skont il-punt (b), u rekwiżiti xierqa li jikkonċernaw il-monitoraġġ perjodiku tal-ħamrija u l-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art fir-rigward ta’ sustanzi perikolużi rilevanti li x’aktarx jinstabu fuq is-sit u b’kunsiderazzjoni tal-possibbiltà ta’ kontaminazzjoni tal-ħamrija u l-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art fuq is-sit tal-installazzjoni.”

    ;

    (viii)

    fit-tieni subparagrafu, il-punt (h) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(h)

    kundizzjonijiet għall-valutazzjoni tal-konformità mal-valuri limitu tal-emissjonijiet u l-valuri limitu tal-prestazzjoni ambjentali jew referenza għar-rekwiżiti applikabbli speċifikati xi mkien ieħor.”

    ;

    (14)

    jiddaħħal l-artikolu li ġej:

    “Artikolu 14a

    Sistema ta’ ġestjoni ambjentali

    1.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-operatur iħejji u jimplimenta, għal kull installazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Kapitolu, sistema ta’ ġestjoni ambjentali (‘EMS’). L-EMS għandha tinkludi l-elementi elenkati fil-paragrafu 2 u għandha tikkonforma mal-konklużjonijiet rilevanti tal-BAT li jiddeterminaw l-aspetti li għandhom jiġu koperti fl-EMS.

    2.   L-EMS għandha tinkludi mill-anqas dan li ġej:

    (a)

    objettivi tal-politika ambjentali għat-titjib kontinwu tal-prestazzjoni ambjentali u tas-sikurezza tal-installazzjoni, li għandhom jinkludu miżuri biex:

    (i)

    jipprevjenu l-ġenerazzjoni tal-iskart;

    (ii)

    jottimizzaw l-użu u l-użu mill-ġdid tal-ilma u tal-enerġija;

    (iii)

    jipprevjenu jew inaqqsu l-użu jew l-emissjonijiet ta’ sustanzi perikolużi;

    (b)

    objettivi u indikaturi tal-prestazzjoni fir-rigward ta’ aspetti ambjentali sinifikanti, li għandhom iqisu l-parametri referenzjarji stabbiliti fil-konklużjonijiet rilevanti tal-BAT;

    (c)

    għall-installazzjonijiet koperti mill-obbligu li jwettqu awditu tal-enerġija jew li jimplimentaw sistema ta’ ġestjoni tal-enerġija skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2012/27/UE, l-inklużjoni tar-riżultati ta’ dak l-awditu jew l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni tal-enerġija skont l-Artikolu 8 u l-Anness VI ta’ dik id-Direttiva u tal-miżuri għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tagħhom;

    (d)

    inventarju tas-sustanzi kimiċi tas-sustanzi perikolużi preżenti fl-installazzjoni bħala tali, jew emessi minnha, bħala kostitwenti ta’ sustanzi oħra jew bħala parti mit-taħlitiet, b’kunsiderazzjoni speċjali mogħtija għas-sustanzi li jissodisfaw il-kriterji msemmija fl-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u s-sustanzi indirizzati fir-restrizzjonijiet imsemmija fl-Anness XVII għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, u valutazzjoni tar-riskju tal-impatt ta’ sustanzi bħal dawn fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent kif ukoll analiżi tal-possibbiltajiet sabiex jiġu sostitwiti b’alternattivi aktar sikuri jew sabiex jitnaqqas l-użu jew l-emissjonijiet tagħhom;

    (e)

    miżuri meħuda biex jintlaħqu l-objettivi ambjentali u biex jiġu evitati riskji għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent, inklużi miżuri korrettivi u preventivi fejn meħtieġ;

    (f)

    pjan ta’ trasformazzjoni kif hemm referenza għalih fl-Artikolu 27d.

    3.   Il-livell ta’ dettall tal-EMS għandu jkun konsistenti man-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-installazzjoni, u l-firxa tal-impatti ambjentali li jista’ jkollha.

    Meta elementi meħtieġa li jiġu inklużi fl-EMS, inklużi objettivi, indikaturi tal-prestazzjoni jew miżuri, jkunu diġà ġew żviluppati f’konformità ma’ leġiżlazzjoni rilevanti oħra tal-Unjoni u jikkonformaw ma’ dan l-Artikolu, referenza fl-EMS għad-dokumenti rilevanti għandha tkun biżżejjed.

    4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti stabbilita fl-EMS u elenkata fil-paragrafu 2 tkun disponibbli fuq l-internet, mingħajr ħlas u mingħajr ma tillimita l-aċċess għall-utenti rreġistrati.

    Il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta’ Diċembru 2025, tadotta att ta’ implimentazzjoni li dwaru l-informazzjoni tkun rilevanti għall-pubblikazzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 75(2).

    Jekk l-iżvelar tal-informazzjoni jkun jaffettwa b’mod negattiv kwalunkwe wieħed mill-interessi elenkati fl-Artikolu 4(2), il-punti (a) sa (h), tad-Direttiva 2003/4/KE, l-informazzjoni tista’ tiġi oskurata, jew jekk dan ma jkunx possibbli, eskluża meta ssir disponibbli fuq l-internet.

    L-operatur għandu jħejji u jimplimenta l-EMS f’konformità mal-konklużjonijiet rilevanti tal-BAT għas-settur sal-1 ta’ Lulju 2027, ħlief għall-installazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva (UE) 2024/1785 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4).

    L-EMS għandha tiġi rieżaminata perjodikament biex jiġi żgurat li tkompli tkun xierqa, adegwata u effettiva.

    L-EMS għandha tiġi awditjata għall-ewwel darba sal-1 ta’ Lulju 2027, ħlief għall-installazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva (UE) 2024/1785. L-EMS għandha tiġi awditjata mill-anqas kull tliet snin, minn korp ta’ valutazzjoni tal-konformità akkreditat f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 765/2008 jew verifikatur ambjentali akkreditat jew liċenzjat, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt 20, tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009, li jivverifika l-konformità tal-EMS, u tal-implimentazzjoni tagħha, ma’ dan l-Artikolu.

    (*4)  Id-Direttiva (UE) 2024/1785 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ April 2024 li temenda d-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) u d-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma (ĠU L, 2024/1785, 15.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1785/oj).”;"

    (15)

    L-Artikolu 15 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 15

    Valuri limitu tal-emissjonijiet, valuri limitu tal-prestazzjoni ambjentali, parametri ekwivalenti u miżuri tekniċi

    1.   Il-valuri limitu tal-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu għandhom japplikaw fil-punt fejn l-emissjonijiet iħallu l-installazzjoni u, kwalunkwe dilwizzjoni qabel dak il-punt għandha tkun injorata meta dawk il-valuri jkunu qed jiġu stabbiliti.

    Fir-rigward tar-rilaxxi indiretti ta’ sustanzi niġġiesa fl-ilma, l-effett ta’ impjant tat-trattament tal-ilma mormi barra mill-installazzjoni jista’ jitqies meta jiġu ddeterminati l-valuri limitu tal-emissjonijiet tal-installazzjoni kkonċernata, dment li dan ma jwassalx għal livelli ogħla ta’ tniġġis fl-ambjent, ikun garantit livell ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-ambjent kollu kemm hu, u l-operatur jiżgura, f’konsultazzjoni mal-operatur tal-impjant tat-trattament tal-ilma mormi, li r-rilaxxi indiretti ma jipperikolawx il-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-permess tal-impjant tat-trattament tal-ilma mormi skont din id-Direttiva jew l-awtorizzazzjoni speċifika skont id-Direttiva 91/271/KEE u li r-rekwiżiti kollha li ġejjin jiġu ssodisfati:

    (a)

    is-sustanzi niġġiesa rilaxxati ma jfixklux it-tħaddim tal-impjant tat-trattament tal-ilma mormi jew il-kapaċita’ fir-rigward tal-irkupru tar-riżorsi mill-fluss tat-trattament tal-ilma mormi;

    (b)

    is-sustanzi niġġiesa rilaxxati ma jagħmlux ħsara lis-saħħa tal-persunal li jaħdem fis-sistemi ta’ ġbir u fl-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi;

    (c)

    l-impjant tat-trattament tal-ilma mormi huwa mfassal u mgħammar biex inaqqas is-sustanzi niġġiesa rilaxxati;

    (d)

    it-tagħbija ġenerali tas-sustanzi niġġiesa kkonċernati li eventwalment jiġu rilaxxati fl-ilma ma tiżdiedx meta mqabbla mas-sitwazzjoni fejn l-emissjonijiet mill-installazzjoni kkonċernata jkunu baqgħu konformi mal-valuri limitu tal-emissjonijiet stabbiliti għar-rilaxxi diretti f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, mingħajr preġudizzju għal miżuri aktar stretti meħtieġa skont l-Artikolu 18.

    L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi f’anness tal-kundizzjonijiet għal permess ir-raġunijiet għall-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu, inkluż ir-riżultat tal-valutazzjoni mill-operatur tat-twettiq tal-kundizzjonijiet meħtieġa.

    L-operatur għandu jipprovdi valutazzjoni aġġornata f’każijiet meta l-kundizzjonijiet għal permess għandhom jinbidlu biex jiġi żgurat li r-rekwiżiti stabbiliti fit-tieni subparagrafu, il-punti (a) sa (d) jiġu ssodisfati.

    2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 18, il-valuri limitu tal-emissjonijiet u l-parametri ekwivalenti u l-miżuri tekniċi msemmija fl-Artikolu 14(1) u (2) għandhom jiġu bbażati fuq BAT, mingħajr ma jiġi preskritt l-użu ta’ xi metodu tekniku jew teknoloġija speċifika.

    3.   L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi l-valuri limitu tal-emissjonijiet li jistgħu jinkisbu l-aktar stretti possibbli billi jiġu applikati metodi tekniċi disponibbli fl-installazzjoni, filwaqt li titqies il-firxa sħiħa tal-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati mal-aħjar metodi tekniċi disponibbli (‘BAT-AELs’) biex jiġi żgurat li, f’kundizzjonijiet normali ta’ tħaddim, l-emissjonijiet ma jaqbżux il-BAT-AELs kif stabbilit fid-deċiżjonijiet dwar il-konklużjonijiet tal-BAT imsemmija fl-Artikolu 13(5). Il-valuri limitu tal-emissjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq valutazzjoni mill-operatur tal-firxa sħiħa tal-BAT-AELs, li tanalizza l-fattibbiltà li jiġi ssodisfat it-tarf l-aktar strett tal-firxa tal-BAT-AEL u li tintwera l-aħjar prestazzjoni globali li tista’ tikseb l-installazzjoni billi tiġi applikata l-BAT kif deskritt fil-konklużjonijiet tal-BAT wara li jiġu kkunsidrati l-effetti transmedjali possibbli. Il-valuri limitu tal-emissjonijiet għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ wieħed minn dawn li ġejjin:

    (a)

    il-ħolqien ta’ valuri limitu tal-emissjonijiet espressi għall-istess perjodi jew għal perjodi ta’ żmien iqsar u skont l-istess kundizzjonijiet ta’ referenza bħall-BAT-AELs; jew

    (b)

    il-ħolqien ta’ valuri limitu tal-emissjonijiet minn dawk imsemmija fil-punt (a) f’termini ta’ valuri, perjodi ta’ żmien u kundizzjonijiet ta’ referenza.

    Meta l-valuri limitu tal-emissjonijiet jiġu stabbiliti f’konformità mal-punt (b), l-awtorità kompetenti għandha, mill-anqas darba fis-sena, tivvaluta r-riżultati tal-monitoraġġ tal-emissjonijiet sabiex ikun żgurat li l-emissjonijiet f’kundizzjonijiet normali ta’ tħaddim ma jkunux qabżu l-BAT-AELs.

    Ir-regoli vinkolanti ġenerali msemmija fl-Artikolu 6 jistgħu jiġu applikati filwaqt li jiġu stabbiliti l-valuri limitu tal-emissjonijiet rilevanti skont dan l-Artikolu.

    Jekk jiġu adottati regoli vinkolanti ġenerali, il-valuri limitu tal-emissjonijiet li jistgħu jinkisbu l-aktar stretti possibbli, billi jiġu applikati l-BAT, għandhom jiġu stabbiliti għall-kategoriji ta’ installazzjonijiet li jkollhom karatteristiċi simili li jkunu rilevanti fid-determinazzjoni tal-livelli ta’ emissjonijiet l-aktar baxxi li jistgħu jinkisbu, b’kont meħud tal-firxa sħiħa tal-BAT-AELs. Ir-regoli vinkolanti ġenerali għandhom jiġu stabbiliti mill-Istat Membru, abbażi tal-informazzjoni fil-konklużjonijiet tal-BAT, li janalizzaw il-fattibbiltà li jiġi ssodisfat it-tarf l-aktar strett tal-firxa tal-BAT-AEL u li tintwera l-aħjar prestazzjoni li dawk il-kategoriji tal-installazzjonijiet jistgħu jiksbu billi tiġi applikata l-BAT kif deskritt fil-konklużjonijiet tal-BAT.

    4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9(2), l-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi, għal kundizzjonijiet normali ta’ tħaddim, firxiet vinkolanti għal prestazzjoni ambjentali li ma jridux jinqabżu matul perjodu wieħed jew aktar, kif stabbilit fid-deċiżjonijiet dwar il-konklużjonijiet tal-BAT imsemmija fl-Artikolu 13(5).

    Barra minn hekk, l-awtorità kompetenti għandha:

    (a)

    tistabbilixxi, għall-kundizzjonijiet normali ta’ tħaddim, valuri limitu tal-prestazzjoni ambjentali li jikkonċernaw l-ilma, filwaqt li tqis l-effetti transmedjali possibbli, li ma jridux jinqabżu matul perjodu wieħed jew aktar, u li mhumiex anqas stretti mill-firxiet vinkolanti msemmija fl-ewwel subparagrafu.

    (b)

    tistabbilixxi, għall-kundizzjonijiet normali ta’ tħaddim, livelli indikattivi ta’ prestazzjoni ambjentali li jikkonċernaw l-iskart u r-riżorsi għajr l-ilma, li mhumiex anqas stretti mill-firxiet vinkolanti msemmija fl-ewwel subparagrafu.

    5.   B’deroga mill-paragrafu 3, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 18, l-awtorità kompetenti tista’, f’każijiet speċifiċi, tistabbilixxi valuri limitu tal-emissjonijiet ogħla mill-BAT-AELs. Deroga ta’ dan it-tip tista’ tapplika biss meta valutazzjoni turi li l-ilħuq ta’ BAT-AELs kif deskritti fil-konklużjonijiet tal-BAT jwassal għal kostijiet sproporzjonalment ogħla meta mqabbla mal-benefiċċji ambjentali minħabba:

    (a)

    il-pożizzjoni ġeografika jew il-kundizzjonijiet ambjentali lokali tal-installazzjoni kkonċernata; jew

    (b)

    il-karatteristiċi tekniċi tal-installazzjoni kkonċernata.

    L-awtorità kompetenti għandha tiddokumenta f’anness tal-kundizzjonijiet għal permess ir-raġunijiet għad-deroga mill-paragrafu 3, u r-riżultat tal-valutazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u l-ġustifikazzjoni għall-kundizzjonijiet imposti.

    Il-valuri limitu tal-emissjonijiet stabbiliti b’konformità mal-ewwel subparagrafu, madankollu, ma għandhomx jaqbżu l-valuri limitu tal-emissjonijiet stabbiliti fl-Annessi għal din id-Direttiva, meta applikabbli.

    Id-derogi mogħtija f’konformità ma’ dan il-paragrafu għandhom jirrispettaw il-prinċipji stabbiliti fl-Anness II. L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-operatur jipprovdi valutazzjoni tal-impatt tad-deroga fuq il-konċentrazzjoni tas-sustanzi niġġiesa kkonċernati fl-ambjent riċeventi u fi kwalunkwe każ tiżgura li ma jiġi kkawżat l-ebda tniġġis sinifikanti u li jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent kollu kemm hu. Id-derogi ma għandhomx jingħataw meta jkunu jistgħu jqiegħdu f’riskju l-konformità mal-istandards ta’ kwalità ambjentali msemmija fl-Artikolu 18.

    L-awtorità kompetenti għandha tivvaluta mill-ġdid jekk derogi mogħtija f’konformità ma’ dan il-paragrafu humiex ġustifikati, kull erba’ snin jew bħala parti minn kull rikunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet għal permess skont l-Artikolu 21, meta tali rikunsiderazzjoni ssir aktar kmieni minn erba’ snin wara li tkun ingħatat id-deroga.

    Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi metodoloġija standardizzata għall-valutazzjoni tad-disproporzjonalità bejn il-kostijiet tal-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-BAT u l-benefiċċji ambjentali potenzjali msemmija fl-ewwel subparagrafu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 75(2).”.

    6.   B’deroga mill-paragrafu 4, l-awtorità kompetenti tista’, f’każijiet speċifiċi, tistabbilixxi firxiet vinkolanti għall-prestazzjoni ambjentali jew valuri limitu tal-prestazzjoni ambjentali anqas stretti. Deroga ta’ dan it-tip tista’ tapplika biss meta valutazzjoni turi li l-ilħuq ta’ livelli ta’ prestazzjoni assoċjati mal-aħjar metodi tekniċi disponibbli kif deskritti fil-konklużjonijiet tal-BAT se jwassal għal impatt ambjentali negattiv sinifikanti, inklużi effetti transmedjali, jew impatt ekonomiku sinifikanti minħabba:

    (a)

    il-pożizzjoni ġeografika jew il-kundizzjonijiet ambjentali lokali tal-installazzjoni kkonċernata; jew

    (b)

    il-karatteristiċi tekniċi tal-installazzjoni kkonċernata.

    L-awtorità kompetenti għandha tiddokumenta f’anness tal-kundizzjonijiet għal permess ir-raġunijiet għad-deroga mill-paragrafu 4 u r-riżultat tal-valutazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u l-ġustifikazzjoni għall-kundizzjonijiet imposti.

    L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li t-tħaddim skont firxiet vinkolanti għall-prestazzjoni ambjentali jew valuri limitu tal-prestazzjoni ambjentali anqas stretti ma jikkawża l-ebda impatt ambjentali sinifikanti, inkluż it-tnaqqis fir-riżorsi tal-ilma, u jikseb livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent kollu kemm hu.

    Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, metodoloġija standardizzata għat-twettiq tal-valutazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 75(2).

    7.   B’deroga mill-paragrafi 3 u 4, u dment li ma jiġi kkawżat l-ebda tniġġis sinifikanti u jkunu ġew eżawriti l-miżuri kollha li jirriżultaw f’anqas tniġġis, l-awtorità kompetenti tista’ tistabbilixxi valuri limitu tal-emissjonijiet jew valuri limitu tal-prestazzjoni ambjentali anqas stretti fil-każ ta’ kriżi minħabba ċirkostanzi straordinarji lil hinn mill-kontroll tal-operatur u tal-Istati Membri, li jwasslu għal tfixkil serju jew nuqqas ta’:

    (a)

    provvisti tal-enerġija, dment li jkun hemm interess pubbliku prevalenti fis-sigurtà tal-provvista tal-enerġija,

    (b)

    riżorsi, materjali jew tagħmir essenzjali għall-operatur biex iwettaq attivitajiet ta’ interess pubbliku, f’konformità mal-valuri limitu tal-emissjonijiet jew il-valuri limitu tal-prestazzjoni ambjentali applikabbli, jew

    (c)

    riżorsi, materjali jew tagħmir essenzjali fejn l-output tal-produzzjoni jikkumpensa għal tali nuqqas jew tfixkil, għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika jew sikurezza pubblika, jew għal raġunijiet obbligatorji oħra ta’ interess pubbliku prevalenti.

    Id-deroga ma għandhiex tingħata għal aktar minn tliet xhur. Jekk ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-għoti ta’ derogi jippersistu, id-deroga tista’ tittawwal għal perjodu massimu ta’ tliet xhur.

    Hekk kif il-kundizzjonijiet tal-provvista jiġu restawrati jew meta jkun hemm alternattiva għall-provvisti tal-enerġija, ir-riżorsi, il-materjali jew it-tagħmir, l-Istat Membru għandu jiżgura li d-deċiżjoni li jiġu stabbiliti valuri limitu tal-emissjonijiet u valuri limitu tal-prestazzjoni ambjentali anqas stretti ma jibqax ikollha effett, u l-installazzjoni għandha tikkonforma mal-kundizzjonijiet għal permess stabbiliti f’konformità mal-paragrafi 3 u 4.

    L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-emissjonijiet li jirriżultaw mid-deroga msemmija fl-ewwel subparagrafu jiġu mmonitorjati.

    L-awtorità kompetenti għandha tagħmel l-informazzjoni dwar id-deroga u l-kundizzjonijiet imposti disponibbli għall-pubbliku f’konformità mal-Artikolu 24(2).

    Il-Kummissjoni tista’, fejn meħtieġ, tivvaluta u tiċċara aktar, permezz ta’ gwida, il-kriterji li jridu jitqiesu għall-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu.

    L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe deroga mogħtija skont dan il-paragrafu, inkluż ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-għoti tad-deroga u l-kundizzjonijiet imposti.

    Il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk id-deroga mogħtija hijiex ġustifikata filwaqt li tqis kif xieraq il-kriterji stabbiliti f’dan il-paragrafu. Jekk il-Kummissjoni tqajjem oġġezzjonijiet fi żmien xahrejn min-notifika tal-Istat Membru, l-Istati Membri għandhom, mingħajr dewmien, jirrevedu d-deroga kif xieraq.”

    ;

    (16)

    jiddaħħal l-artikolu li ġej:

    “Artikolu 15a

    Valutazzjoni tal-konformità

    1.   Għall-fini tal-valutazzjoni tal-konformità taħt kundizzjonijiet normali ta’ tħaddim mal-valuri limitu tal-emissjonijiet f’konformità mal-Artikolu 14(1), il-punt (h), il-korrezzjoni magħmula għall-kejl biex jiġu ddeterminati l-valuri medji vvalidati tal-emissjonijiet ma għandhiex taqbeż l-inċertezza tal-kejl tal-metodu ta’ kejl.

    2.   Il-Kummissjoni għandha sal-1 ta’ Settembru 2026 tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-metodu għall-valutazzjoni tal-konformità taħt kundizzjonijiet normali ta’ tħaddim mal-valuri limitu tal-emissjonijiet stabbiliti fil-permess fir-rigward tal-emissjonijiet fl-arja u fl-ilma. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 75(2).

    Il-metodu msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jindirizza, bħala minimu, id-determinazzjoni tal-valuri medji vvalidati tal-emissjonijiet u għandu jistabbilixxi kif għandhom jitqiesu l-inċertezza tal-kejl u l-frekwenza tal-qbiż tal-valuri limitu tal-emissjonijiet fil-valutazzjoni tal-konformità.

    3.   Meta installazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Kapitolu taqa’ wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu III jew IV u tkun intweriet il-konformità mal-valuri limitu tal-emissjonijiet stabbiliti f’konformità ma’ dan il-Kapitolu skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-installazzjoni għandha titqies li tikkonforma wkoll mal-valuri limitu tal-emissjonijiet stabbiliti f’konformità mal-Kapitolu III jew IV għas-sustanzi niġġiesa kkonċernati taħt kundizzjonijiet normali ta’ tħaddim.”

    ;

    (17)

    fl-Artikolu 16, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   Il-frekwenza tal-monitoraġġ perjodiku msemmi fl-Artikolu 14(1), il-punt (e), għandha tiġi ddeterminata mill-awtorità kompetenti f’permess għal kull installazzjoni individwali jew f’regoli ġenerali vinkolanti.

    Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu, il-monitoraġġ perjodiku għandu jitwettaq kif stabbilit fil-konklużjonijiet tal-BAT, meta applikabbli, u mill-anqas darba kull erba’ snin għall-ilma ta’ taħt l-art u kull disa’ snin għall-ħamrija, dment li tali monitoraġġ ma jkunx ibbażat fuq valutazzjoni sistematika tar-riskju ta’ kontaminazzjoni.”

    ;

    (18)

    fl-Artikolu 16, jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “3.   Il-kontroll tal-kwalità tal-laboratorji li jwettqu l-monitoraġġ għandu jkun ibbażat fuq standards CEN jew, jekk l-istandards CEN ma jkunux disponibbli, l-istandards ISO, nazzjonali jew dawk internazzjonali oħra li jiżguraw l-għoti ta’ data ta’ kwalità xjentifika ekwivalenti.”

    ;

    (19)

    fl-Artikolu 16, jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “4.   Meta l-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 15(5) turi li d-deroga se jkollha effett kwantifikabbli jew li jista’ jitkejjel fuq l-ambjent, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konċentrazzjoni tas-sustanzi niġġiesa kkonċernati tiġi mmonitorjata fl-ambjent riċeventi. Meta jkun rilevanti, għandhom jintużaw metodi ta’ monitoraġġ u ta’ kejl għal kull sustanza niġġiesa kkonċernata li huma stabbiliti f’leġiżlazzjoni rilevanti oħra tal-Unjoni għall-fini tal-monitoraġġ imsemmi f’dan il-paragrafu.”

    ;

    (20)

    l-Artikolu 18 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 18

    Standards ta’ kwalità ambjentali

    Meta standard tal-kwalità ambjentali jkun jeħtieġ kundizzjonijiet aktar stretti minn dawk li jistgħu jinkisbu bl-użu tal-aħjar metodi tekniċi disponibbli, għandhom jiġu inklużi miżuri addizzjonali fil-permess, bil-għan li titnaqqas il-kontribuzzjoni speċifika tal-installazzjoni għat-tniġġis li jseħħ fiż-żona rilevanti, mingħajr preġudizzju għal miżuri oħrajn li jistgħu jittieħdu biex ikun hemm konformità mal-istandards tal-kwalità ambjentali.

    Meta jkunu ġew inklużi kundizzjonijiet aktar stretti fil-permess f’konformità mal-ewwel paragrafu, l-awtorità kompetenti għandha tivvaluta l-impatt tal-kundizzjonijiet aktar stretti fuq il-konċentrazzjoni ta’ sustanzi niġġiesa kkonċernati fl-ambjent riċeventi.

    Meta t-tagħbija ta’ sustanzi niġġiesa emessi mill-installazzjoni jkollha effett kwantifikabbli jew li jista’ jitkejjel fuq l-ambjent, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konċentrazzjoni tas-sustanzi niġġiesa kkonċernati fl-ambjent riċeventi tiġi mmonitorjata. Ir-riżultati ta’ tali monitoraġġ għandhom jiġu trażmessi lill-awtorità kompetenti.

    Meta l-metodi ta’ monitoraġġ u ta’ kejl għas-sustanzi niġġiesa kkonċernati jkunu stabbiliti f’leġiżlazzjoni rilevanti oħra tal-Unjoni, dawn il-metodi, inklużi l-metodi bbażati fuq l-effetti kif xieraq, għandhom jintużaw għall-fini tal-monitoraġġ imsemmi fit-tielet paragrafu.”

    ;

    (21)

    fl-Artikolu 20, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-operatur jinforma lill-awtorità kompetenti b’kull bidla ppjanata fin-natura jew il-funzjonament, jew estensjoni, tal-installazzjoni li jista’ jkollha konsegwenzi għall-ambjent, fi żmien debitu u fi kwalunkwe każ qabel l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe bidla jew estensjoni bħal din. Meta xieraq, l-awtorità kompetenti għandha taġġorna l-permess. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jirreaġixxu fi żmien debitu għall-informazzjoni prevista mill-operatur.”

    ;

    (22)

    fl-Artikolu 21(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    il-kundizzjonijiet kollha għal permess għall-installazzjoni kkonċernata jiġu kkunsidrati mill-ġdid u, jekk meħtieġ, aġġornati biex tiġi żgurata l-konformità ma’ din id-Direttiva u, b’mod partikolari, mal-Artikolu 15(3), (4) u (5), meta applikabbli;”

    ;

    (23)

    fl-Artikolu 21(5), il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(c)

    fejn ikun meħtieġ li jkun hemm konformità ma’ standard ta’ kwalità ambjentali msemmi fl-Artikolu 18, inkluż fil-każ ta’ standard ta’ kwalità ġdid jew rivedut jew fejn l-istatus tal-ambjent riċeventi jeħtieġ reviżjoni tal-permess sabiex tinkiseb konformità mal-pjanijiet u mal-programmi stabbiliti skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni;”

    ;

    (24)

    fl-Artikolu 21(5), jiżdied il-punt li ġej:

    “(d)

    fil-każ ta’ talba mill-operatur biex jiġi estiż it-tul ta’ żmien tat-tħaddim ta’ installazzjoni li twettaq l-attività msemmija fl-Anness I, il-punt 5.4.”

    ;

    (25)

    fl-Artikolu 23(4), il-ħames subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Il-Kummissjoni għandha tadotta u, meta xieraq, taġġorna b’mod regolari gwida dwar il-kriterji għall-valutazzjoni tar-riskji ambjentali.”

    ;

    (26)

    L-Artikolu 24 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

    (i)

    il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(d)

    l-aġġornament ta’ permess jew il-kundizzjonijiet għal permess għal installazzjoni f’konformità mal-Artikolu 21(5);”

    ;

    (ii)

    jiżdied il-punt li ġej:

    “(e)

    l-aġġornament ta’ permess f’konformità mal-Artikolu 21(3) jew l-Artikolu 21(4).”

    ;

    (b)

    il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

    (i)

    il-parti introduttorja hija sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   Meta tkun ittieħdet deċiżjoni dwar il-ħruġ jew il-kunsiderazzjoni mill-ġdid jew l-aġġornament ta’ permess, l-awtorità kompetenti għandha tagħmel disponibbli lill-pubbliku, inkluż b’mod sistematiku permezz tal-internet, fuq paġna web li jkun faċli li tinstab, mingħajr ħlas u mingħajr ma tillimita l-aċċess għall-utenti rreġistrati, fir-rigward tal-punti (a), (b) u (f), l-informazzjoni li ġejja:”

    ;

    (ii)

    il-punti (a) u (c) huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “(a)

    il-kontenut tad-deċiżjoni, inkluż kopja tal-permess u kwalunkwe aġġornament sussegwenti, inklużi l-kundizzjonijiet għal permess ikkonsolidati meta rilevanti;”;

    “(c)

    ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet li saru qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni, inklużi l-konsultazzjonijiet li saru skont l-Artikolu 26, u spjegazzjoni ta’ kif dawk il-konsultazzjonijiet tqiesu f’dik id-deċiżjoni;”

    ;

    (iii)

    il-punti (e) u (f) huma sostitwiti b’dawn li ġej:

    “(e)

    kif il-kundizzjonijiet għal permess imsemmija fl-Artikolu 14, inklużi l-valuri limitu tal-emissjonijiet, il-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali u l-valuri limitu tal-prestazzjoni ambjentali, ikunu ġew determinati f’relazzjoni mal-aħjar metodi tekniċi disponibbli u l-livelli ta’ emissjonijiet u l-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati mal-aħjar metodi tekniċi disponibbli;

    (f)

    meta tingħata deroga f’konformità mal-Artikolu 15, ir-raġunijiet speċifiċi għal dik id-deroga bbażati fuq il-kriterji stabbiliti f’dak il-paragrafu u l-kundizzjonijiet imposti.”

    ;

    (c)

    il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   L-awtorità kompetenti għandha wkoll tagħmel disponibbli għall-pubbliku, inkluż b’mod sistematiku permezz tal-internet, fuq paġna web li jkun faċli li tinstab, mingħajr ħlas u mingħajr ma tillimita l-aċċess għall-utenti rreġistrati, dan li ġej:

    (a)

    informazzjoni rilevanti dwar il-miżuri meħudin mill-operatur mal-waqfien definittiv tal-attivitajiet f’konformità mal-Artikolu 22;

    (b)

    ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-emissjonijiet kif meħtieġ skont il-kundizzjonijiet għal permess u miżmumin mill-awtorità kompetenti;

    (c)

    ir-riżultati tal-monitoraġġ imsemmi fl-Artikolu 16(4) u fl-Artikolu 18.”

    ;

    (27)

    fl-Artikolu 25(1), jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

    “Preżenza fil-proċedura ta’ rieżami ma għandhiex tkun kundizzjonali fuq ir-rwol li kellu l-membru tal-pubbliku kkonċernat matul fażi parteċipattiva tal-proċeduri tat-teħid ta’ deċiżjonijiet skont din id-Direttiva.

    Il-proċedura ta’ rieżami għandha tkun ġusta, ekwa, f’waqtha u mhux għalja b’mod projbittiv, u għandha tipprevedi rimedji adegwati u effettivi, inkluż rimedju b’mandat ta’ inibizzjoni kif xieraq.”

    ;

    (28)

    fl-Artikolu 26, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “1.   Meta Stat Membru jkun konxju li t-tħaddim ta’ installazzjoni jaf ikollu effetti negattivi sinifikanti fuq l-ambjent ta’ Stat Membru ieħor, jew meta Stat Membru li jaf jiġi affettwat b’mod sinifikanti jitlob dan, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun ġiet sottomessa l-applikazzjoni għal permess skont l-Artikolu 4 jew l-Artikolu 20(2) għandu jibgħat lill-Istat Membru l-ieħor kwalunkwe informazzjoni meħtieġa li trid tingħata jew li trid tkun magħmula disponibbli skont l-Anness IV fl-istess waqt li jagħmilha disponibbli lill-pubbliku. Abbażi ta’ dik l-informazzjoni, għandhom jitwettqu konsultazzjonijiet bejn iż-żewġ Stati Membri, filwaqt li jiġi żgurat li l-kummenti mill-Istat Membru li jaf jiġi affettwat b’mod sinifikanti jiġu pprovduti qabel ma l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun ġiet sottomessa l-applikazzjoni għal permess, tasal għad-deċiżjoni tagħha. Jekk ma jingħata l-ebda kumment mill-Istat Membru li jaf jiġi affettwat b’mod sinifikanti fil-perjodu għall-konsultazzjoni tal-membri tal-pubbliku kkonċernati, l-awtorità kompetenti għandha tipproċedi bil-proċedura tal-għoti tal-permessi.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-applikazzjoni għal permess issir disponibbli wkoll għal kummenti lill-pubbliku tal-Istat Membru li jaf jiġi affettwat b’mod sinifikanti u tibqa’ disponibbli għall-istess perjodu ta’ żmien li kienet disponibbli fl-Istat Membru fejn saret l-applikazzjoni.”

    ;

    (29)

    l-intestatura li ġejja tiddaħħal wara l-Artikolu 26:

    “KAPITOLU IIA

    L-IFFAĊILITAR U L-PROMOZZJONI TAL-INNOVAZZJONI”

    ;

    (30)

    L-Artikolu 27 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 27

    Metodi tekniċi emerġenti

    L-Istati Membri għandhom, meta xieraq, jinkoraġġixxu l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ metodi tekniċi emerġenti, b’mod partikolari meta tali metodi tekniċi jkunu ġew identifikati fil-konklużjonijiet tal-BAT, fid-dokumenti ta’ referenza tal-BAT jew fis-sejbiet taċ-ċentru tal-innovazzjoni għat-trasformazzjoni u l-emissjonijiet industrijali msemmija fl-Artikolu 27a.”

    ;

    (31)

    jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

    “Artikolu 27a

    Ċentru tal-innovazzjoni għat-trasformazzjoni u l-emissjonijiet industrijali

    1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u topera ċentru tal-innovazzjoni għat-trasformazzjoni u l-emissjonijiet industrijali (iċ-‘ċentru’ jew l-‘INCITE’).

    2.   Iċ-ċentru għandu jiġbor u janalizza informazzjoni dwar metodi tekniċi innovattivi, inklużi metodi tekniċi emerġenti u trasformattivi, li jikkontribwixxu fost l-oħrajn għall-minimizzazzjoni tat-tniġġis, id-dekarbonizzazzjoni, l-effiċjenza fir-riżorsi u ekonomija ċirkolari bl-użu ta’ anqas sustanzi kimiċi jew aktar sikuri, rilevanti għall-attivitajiet fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, u jikkaratterizza l-livell ta’ żvilupp tagħhom u l-prestazzjoni ambjentali tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tqis is-sejbiet taċ-ċentru meta tħejji l-programm ta’ ħidma għall-iskambju ta’ informazzjoni msemmi fl-Artikolu 13(3), il-punt (b), u meta tfassal, tirrieżamina u taġġorna d-dokumenti ta’ referenza tal-BAT imsemmija fl-Artikolu 13(1).

    3.   Iċ-ċentru għandu jkun assistit minn:

    (a)

    rappreżentanti tal-Istati Membri;

    (b)

    istituzzjonijiet pubbliċi rilevanti;

    (c)

    istituti ta’ riċerka rilevanti;

    (d)

    organizzazzjonijiet tar-riċerka u t-teknoloġija;

    (e)

    rappreżentanti tal-industriji u l-bdiewa kkonċernati;

    (f)

    fornituri tat-teknoloġija;

    (g)

    organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jew tal-ambjent;

    (h)

    il-Kummissjoni.

    4.   Iċ-ċentru għandu jagħmel is-sejbiet tiegħu pubbliċi, soġġett għar-restrizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 2003/4/KE.

    Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-arranġamenti dettaljati meħtieġa għall-istabbiliment u l-funzjonament taċ-ċentru. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 75(2).

    Artikolu 27b

    Ittestjar ta’ metodi tekniċi emerġenti

    Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 18, l-awtorità kompetenti tista’ tagħti derogi temporanji mir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 15(2), (3) u (4) u mill-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 11, il-punti (a) u (b), għall-ittestjar ta’ metodi tekniċi emerġenti għal perjodu totali ta’ żmien li ma jaqbiżx it-30 xahar, dment li wara l-perjodu speċifikat fil-permess, jew jitwaqqaf l-ittestjar tal-metodu tekniku jew l-attività tikseb mill-anqas il-BAT-AELs.

    Artikolu 27c

    Livelli ta’ emissjonijiet u valuri indikattivi ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati ma’ metodi tekniċi emerġenti

    B’deroga mill-Artikolu 21(3), l-awtorità kompetenti tista’ tistabbilixxi:

    (a)

    valuri limitu tal-emissjonijiet li jiżguraw li, fi żmien sitt snin mill-pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-konklużjonijiet tal-BAT f’konformità mal-Artikolu 13(5) relatata mal-attività ewlenija ta’ installazzjoni, l-emissjonijiet ma jaqbżux, f’kundizzjonijiet normali ta’ tħaddim, il-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati mal-metodi tekniċi emerġenti kif stabbilit fid-deċiżjonijiet dwar il-konklużjonijiet tal-BAT;

    (b)

    valuri indikattivi ta’ prestazzjoni ambjentali konsistenti mad-deċiżjonijiet dwar il-konklużjonijiet tal-BAT.

    Artikolu 27d

    Trasformazzjoni lejn industrija nadifa, ċirkolari u newtrali għall-klima

    1.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li sat-30 ta’ Ġunju 2030 l-operaturi jinkludu fl-EMS tagħhom pjan ta’ trasformazzjoni indikattiv li jkopri l-attivitajiet tagħhom kif elenkati fil-punti 1, 2, 3, 4, 6.1a, u 6.1b tal-Anness I. Il-pjan ta’ trasformazzjoni għandu jkun fih informazzjoni dwar kif l-operatur se jittrasforma l-installazzjoni matul il-perjodu 2030-2050 biex tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ ekonomija sostenibbli, nadifa, ċirkolari, effiċjenti fir-riżorsi u newtrali għall-klima sal-2050, inkluż meta rilevanti t-trasformazzjoni industrijali profonda kif imsemmi fl-Artikolu 27e.

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, sa mhux aktar tard minn sena wara l-iskadenza stabbilita fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-organizzazzjoni tal-awditu msemmija fl-Artikolu 14a(4), is-sitt subparagrafu, tivvaluta l-konformità tal-pjanijiet ta’ trasformazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu mar-rekwiżiti stabbiliti fl-att delegat imsemmi fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.

    2.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li, bħala parti mir-rieżami tal-kundizzjonijiet għal permess skont l-Artikolu 21(3) wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-konklużjonijiet tal-BAT wara l-1 ta’ Jannar 2030, l-operatur jinkludi fl-EMS tiegħu pjan ta’ trasformazzjoni għal kull installazzjoni li twettaq kwalunkwe attività elenkata fl-Anness I li mhijiex imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Il-pjan ta’ trasformazzjoni għandu jkun fih informazzjoni dwar kif l-operatur se jittrasforma l-installazzjoni matul il-perjodu 2030-2050 biex tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ ekonomija sostenibbli, nadifa, ċirkolari u newtrali għall-klima sal-2050, skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-att delegat imsemmi fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, sa mhux aktar tard minn sena wara t-tlestija tar-rieżami msemmi fl-Artikolu 21(3), l-organizzazzjoni tal-awditu msemmija fl-Artikolu 14a(4), is-sitt subparagrafu, tivvaluta l-konformità tal-pjanijiet ta’ trasformazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu mar-rekwiżiti stabbiliti fl-att delegat imsemmi fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.

    3.   Meta żewġ installazzjonijiet jew aktar ikunu taħt il-kontroll tal-istess operatur, jew jekk l-installazzjonijiet ikunu taħt il-kontroll ta’ operaturi differenti li huma parti mill-istess kumpanija, fl-istess Stat Membru, dawk l-installazzjonijiet jistgħu jkunu koperti minn pjan ta’ trasformazzjoni wieħed.

    Meta elementi tal-pjanijiet ta’ trasformazzjoni jkunu diġà ġew żviluppati f’konformità ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni u jkunu konformi ma’ dan l-Artikolu, tista’ ssir referenza fil-pjan ta’ trasformazzjoni għad-dokumenti rilevanti.

    4.   L-operatur għandu jagħmel il-pjan ta’ trasformazzjoni tiegħu, l-aġġornamenti tal-pjan ta’ trasformazzjoni, kif ukoll ir-riżultati tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 pubbliċi, bħala parti mill-pubblikazzjoni tal-informazzjoni rilevanti stabbilita fl-EMS kif imsemmi fl-Artikolu 14a(4).

    5.   Il-Kummissjoni għandha, sat-30 ta’ Ġunju 2026, tadotta att delegat sabiex tissupplimenta din id-Direttiva billi tispeċifika l-kontenut għall-pjanijiet ta’ trasformazzjoni, abbażi tal-informazzjoni meħtieġa skont il-paragrafi 1, 2 u 3.

    Il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta’ Diċembru 2034, tirrieżamina u, meta xieraq, tirrevedi l-att delegat imsemmi fl-ewwel subparagrafu.

    Artikolu 27e

    Trasformazzjoni Industrijali Profonda

    1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 18, fil-każ ta’ trasformazzjoni industrijali profonda tal-installazzjoni stabbilita fil-pjan ta’ trasformazzjoni rilevanti li jkopri l-installazzjoni, l-awtorità kompetenti tista’ testendi l-perjodu biex l-installazzjoni tikkonforma mal-kundizzjonijiet għal permess aġġornati imsemmija fl-Artikolu 21(3) għal total massimu ta’ tmien snin, dment li:

    (a)

    il-permess għall-installazzjoni jkun fih deskrizzjoni tat-trasformazzjoni industrijali profonda, il-livelli ta’ emissjonijiet u l-effiċjenza fir-riżorsi li se jinkisbu, u l-iskeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni u l-istadji importanti;

    (b)

    l-operatur jirrapporta kull sena lill-awtorità kompetenti dwar il-progress fl-implimentazzjoni tat-trasformazzjoni industrijali profonda; u

    (c)

    matul il-perjodu mogħti għat-trasformazzjoni tal-installazzjoni, l-awtorità kompetenti tiżgura li ma jiġi kkawżat l-ebda tniġġis sinifikanti u li jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent kollu kemm hu.

    L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni mill-anqas darba fis-sena bid-derogi mogħtija bħala parti mir-rappurtar tagħhom lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 72.

    2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 18 u 22, fil-każ ta’ trasformazzjoni industrijali profonda li tikkonsisti fl-għeluq ta’ installazzjoni u s-sostituzzjoni tagħha b’installazzjoni ġdida stabbilita fil-pjan ta’ trasformazzjoni rilevanti li jkopri l-installazzjoni u li għandu jitlesta fi żmien 8 snin mill-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-konklużjonijiet tal-BAT, f’konformità mal-Artikolu 13(5), relatati mal-attività ewlenija tal-installazzjoni eżistenti, l-awtorità kompetenti tista’ tirrinunzja għall-obbligu tal-aġġornament tal-permess f’konformità mal-Artikolu 21(3), dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a)

    il-permess għall-installazzjoni eżistenti jkun fih deskrizzjoni tal-pjan ta’ għeluq u l-iskeda ta’ żmien u l-istadji importanti assoċjati;

    (b)

    l-operatur jirrapporta kull sena lill-awtorità kompetenti dwar il-progress fir-rigward tal-pjan ta’ għeluq għall-installazzjoni eżistenti u s-sostituzzjoni tagħha b’installazzjoni ġdida;

    (c)

    matul il-perjodu ta’ qabel l-għeluq tal-installazzjoni, l-awtorità kompetenti tiżgura li ma jiġi kkawżat l-ebda tniġġis sinifikanti u li jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent kollu kemm hu.

    L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bħala parti mir-rappurtar tagħhom skont l-Artikolu 72 mill-anqas darba fis-sena bid-derogi mogħtija.”

    ;

    (32)

    fl-Artikolu 30, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “5.   L-awtorità kompetenti tista’ tagħti deroga għal massimu ta’ sitt xhur mill-obbligu ta’ konformità mal-valuri limitu tal-emissjonijiet previsti fil-paragrafi 2 u 3 għad-diossidu tal-kubrit fir-rigward ta’ impjant ta’ kombustjoni li għal dak l-iskop normalment juża karburant ta’ kubrit baxx, f’każijiet meta l-operatur ma jistax jikkonforma ma’ dawk il-valuri limitu minħabba interruzzjoni fil-forniment ta’ karburant ta’ kubrit baxx ikkawżat minn nuqqas serju.

    L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw minnufih lill-Kummissjoni bi kwalunkwe deroga mogħtija skont l-ewwel subparagrafu, inkluż ir-raġunijiet li jiġġustifikaw id-deroga u l-kundizzjonijiet imposti.”

    ;

    (33)

    fl-Artikolu 30(6), it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “L-Istati Membri għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni bi kwalunkwe deroga mogħtija skont l-ewwel subparagrafu, inklużi r-raġunijiet li jiġġustifikaw id-deroga u l-kundizzjonijiet imposti.”

    ;

    (34)

    jiddaħħal l-artikolu li ġej:

    “Artikolu 34a

    Impjanti ta’ kombustjoni li huma parti minn sistema iżolata żgħira

    1.   L-Istati Membri jistgħu, sal-31 ta’ Diċembru 2029, jeżentaw l-impjanti ta’ kombustjoni li huma parti minn sistema iżolata żgħira fl-4 ta’ Awwissu 2024, mill-konformità mal-valuri limitu tal-emissjonijiet imsemmija fl-Artikolu 30(2) u fl-Artikolu 15(3) għad-diossidu tal-kubrit, l-ossidi tan-nitroġenu u t-trab jew, meta applikabbli, mar-rati tat-tneħħija tal-kubrit imsemmija fl-Artikolu 31. Il-valuri limitu tal-emissjonijiet għad-diossidu tal-kubrit, l-ossidi tan-nitroġenu u t-trab imniżżla fil-permess għal tali impjanti ta’ kombustjoni, skont ir-rekwiżiti tad-Direttivi 2001/80/KE u 2008/1/KE, għandhom tal-anqas jinżammu.

    L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-emissjonijiet jiġu mmonitorjati u li ma jiġi kkawżat l-ebda tniġġis sinifikanti. L-Istati Membri jistgħu jeżentaw installazzjonijiet mill-valuri limitu tal-emissjonijiet biss meta jkunu ġew eżawriti l-miżuri kollha li jirriżultaw f’anqas tniġġis. L-eżenzjoni ma għandhiex issir għal perjodu itwal milli hu meħtieġ.

    2.   Mill-1 ta’ Jannar 2030, l-impjanti ta’ kombustjoni kkonċernati għandhom jikkonformaw mal-valuri limitu tal-emissjonijiet għad-diossidu tal-kubrit, l-ossidi tan-nitroġenu u t-trab stipulati fl-Anness V, il-Parti 2, u mal-valuri limitu tal-emissjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15(3) għad-diossidu tal-kubrit, l-ossidi tan-nitroġenu u t-trab.

    3.   L-Istati Membri li jipprovdu eżenzjonijiet f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jimplimentaw pjan ta’ konformità li jkopri l-impjanti ta’ kombustjoni li jibbenefikaw minn tali eżenzjonijiet. Il-pjan ta’ konformità għandu jkun fih informazzjoni dwar il-miżuri biex jiżgura l-konformità tal-impjanti kkonċernati sal-31 ta’ Diċembru 2029 mal-valuri limitu tal-emissjonijiet għad-dijossidu tal-kubrit, l-ossidi tan-nitroġenu u t-trab stipulati fl-Anness V, il-Parti 2, u mal-valuri limitu tal-emissjonijiet fl-Artikolu 15(3) għad-dijossidu tal-kubrit, l-ossidi tan-nitroġenu u t-trab. Il-pjan ta’ konformità għandu jinkludi wkoll informazzjoni dwar miżuri biex jiġu mminimizzati d-daqs u t-tul ta’ żmien tal-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa matul il-perjodu kopert mill-pjan u informazzjoni dwar miżuri għall-ġestjoni tad-domanda u l-possibbiltajiet tal-qlib għal fjuwil aktar nadif jew alternattivi aktar nodfa bħall-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u interkonnessjoni mal-grilji kontinentali.

    4.   Mhux aktar tard mill-5 ta’ Frar 2025, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw il-Pjan ta’ Konformità tagħhom lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-pjanijiet u, meta l-Kummissjoni ma tkun qajmet l-ebda oġġezzjoni fi żmien 12-il xahar minn meta tirċievi l-pjan, l-Istat Membru kkonċernat għandu jqis il-pjan tiegħu bħala aċċettat. Meta l-Kummissjoni tqajjem oġġezzjonijiet għar-raġuni li l-pjan ma jiggarantixxix il-konformità tal-impjanti kkonċernati sal-31 ta’ Diċembru 2029 jew ma jimminimizzax id-daqs u t-tul ta’ żmien tal-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa matul il-perjodu kopert mill-pjan, l-Istat Membru kkonċernat għandu jikkomunika lill-Kummissjoni pjan rivedut fi żmien sitt xhur min-notifika tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni. Fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ verżjoni riveduta ta’ pjan li Stat Membru jikkomunika lill-Kummissjoni, il-perjodu ta’ żmien imsemmi fit-tieni sentenza għandu jkun ta’ sitt xhur.

    5.   L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar il-progress li jkun sar fir-rigward tal-azzjonijiet deskritti fil-pjan ta’ konformità sa mhux aktar tard mill-5 ta’ Frar 2026, u fl-aħħar ta’ kull sena kalendarja sussegwenti. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe bidla sussegwenti fil-pjan ta’ konformità. Fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ verżjoni riveduta ta’ pjan li Stat Membru jikkomunika lill-Kummissjoni, il-perjodu ta’ żmien imsemmi fit-tieni sentenza tal-paragrafu 4 għandu jkun ta’ sitt xhur.

    6.   L-Istat Membru għandu jagħmel l-informazzjoni dwar id-deroga u l-kundizzjonijiet imposti disponibbli għall-pubbliku f’konformità mal-Artikolu 24(2).”

    ;

    (35)

    fl-Artikolu 42(1), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Dan il-Kapitolu ma għandux japplika għall-impjanti tal-gassifikazzjoni jew tal-pirolisi, jekk il-gassijiet jew il-likwidi li jirriżultaw minn tali trattament termali tal-iskart jiġu ttrattati qabel l-inċinerazzjoni tagħhom sa tali punt li:

    (a)

    l-inċinerazzjoni tikkawża emissjonijiet aktar baxxi mill-kombustjoni tal-fjuwils li jniġġsu l-anqas disponibbli fis-suq li jistgħu jiġu maħruqa fl-installazzjoni;

    (b)

    għall-emissjonijiet minbarra l-ossidi tan-nitroġenu, l-ossidi tal-kubrit u t-trab, l-inċinerazzjoni ma tikkawżax emissjonijiet ogħla minn dawk mill-inċinerazzjoni jew mill-koinċinerazzjoni tal-iskart.”

    ;

    (36)

    fl-Artikolu 48, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jsir monitoraġġ tal-emissjonijiet f’konformità mal-Anness VI, il-Partijiet 6 u 7.

    L-emissjonijiet fl-arja mill-impjanti tal-inċinerazzjoni u tal-koinċinerazzjoni tal-iskart għandhom ukoll jiġu mmonitorjati matul kundizzjonijiet ta’ tħaddim mhux normali. L-emissjonijiet matul il-bidu u l-għeluq filwaqt li ma jkun qed jiġi inċinerat l-ebda skart, inklużi l-emissjonijiet ta’ PCDD/F u ta’ PCBs simili għad-diossini, għandhom jiġu stmati abbażi ta’ kampanji ta’ kejl, imwettqa f’intervalli regolari, bħal kull tliet snin, imwettqa matul l-operazzjonijiet ippjanati tal-bidu jew tal-għeluq. L-emissjonijiet ta’ PCDD/F u ta’ PCBs simili għad-diossini għandhom kemm jista’ jkun jiġu evitati jew minimizzati.”

    ;

    (37)

    fl-Artikolu 63, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   Meta installazzjoni eżistenti tgħaddi minn tibdil sostanzjali, jew taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għall-ewwel darba wara t-tibdil sostanzjali, dik il-parti tal-installazzjoni li tgħaddi minn tibdil sostanzjali għandha tiġi trattata bħala installazzjoni ġdida.”

    ;

    (38)

    fl-Artikolu 70, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   Il-monitoraġġ għandu jitwettaq f’konformità mal-istandards CEN jew, jekk l-istandards CEN mhumiex disponibbli, l-istandards ISO, l-istandards nazzjonali jew standards internazzjonali oħra li jiżguraw il-forniment ta’ data ta’ kwalità xjentifika ekwivalenti, u s-sistema ta’ garanzija tal-kwalità tal-laboratorju li jkun qed iwettaq il-monitoraġġ għandu jkun skont dawn.”

    ;

    (39)

    l-intestatura li ġejja tiddaħħal wara l-Artikolu 70:

    “KAPITOLU VIA

    DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊJALI GĦAT-TROBBIJA TA’ TJUR U MAJJALI”

    ;

    (40)

    l-artikoli li ġejjin jiddaħħlu wara l-intestatura “KAPITOLU VIa”:

    “Artikolu 70a

    Kamp ta’ applikazzjoni

    Dan il-Kapitolu għandu japplika għall-attivitajiet stabbiliti fl-Anness Ia li jilħqu l-limiti tal-kapaċità stabbiliti f’dak l-Anness.

    Artikolu 70b

    Regola ta’ aggregazzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri li jiżguraw li jekk żewġ installazzjonijiet jew aktar involuti f’attivitajiet tat-trobbija tal-bhejjem ikunu jinsabu qrib xulxin u jekk l-operatur tagħhom ikun l-istess jew jekk l-installazzjonijiet ikunu taħt il-kontroll ta’ operaturi li jkunu involuti f’relazzjoni ekonomika jew legali, l-awtorità kompetenti tistà tqis dawk l-installazzjonijiet bħala unità waħda għall-fini tal-kalkolu tal-limitu tal-kapaċità msemmi fl-Artikolu 70a.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regola msemmija fl-ewwel subparagrafu ma tintużax biex tevita l-obbligi stipulati f’din id-Direttiva.

    2.   Sal-5 ta’ Awwissu 2028, il-Kummissjoni għandha tippubblika linji gwida, wara li tikkonsulta l-Istati Membri, dwar il-kriterji biex l-installazzjonijiet differenti jitqiesu bħala unità waħda skont il-paragrafu 1.

    Artikolu 70c

    Permessi u reġistrazzjonijiet

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-ebda installazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Kapitolu ma titħaddem mingħajr permess jew mingħajr ma tkun irreġistrata u li l-operat tal-installazzjonijiet kollha fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Kapitolu jikkonforma mal-kundizzjonijiet uniformi għar-regoli operattivi msemmija fl-Artikolu 70i.

    L-Istati Membri jistgħu jużaw kwalunkwe proċedura preeżistenti simili għar-reġistrazzjoni tal-installazzjonijiet sabiex jevitaw li joħolqu piż amministrattiv.

    L-Istati Membri jistgħu japplikaw proċedura ta’ permessi għat-trobbija intensiva tat-tjur u l-majjali:

    (a)

    b’aktar minn 40 000 post għat-tjur;

    (b)

    b’aktar minn 2 000 post għall-majjali ta’ produzzjoni b’aktar minn 30 kg; jew

    (c)

    b’aktar minn 750 post għall-majjali nisa.

    L-Istati Membri jistgħu jinkludu rekwiżiti għal ċerti kategoriji ta’ installazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Kapitolu fir-regoli ġenerali vinkolanti msemmija fl-Artikolu 6.

    L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw il-proċedura għar-reġistrazzjoni jew għall-għoti ta’ permess fir-rigward ta’ installazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Kapitolu. Dawk il-proċeduri għandhom jinkludu mill-anqas l-informazzjoni elenkata fil-paragrafu 2.

    2.   Ir-reġistrazzjonijiet jew l-applikazzjonijiet għall-permessi għandhom jinkludu mill-anqas deskrizzjoni tal-elementi li ġejjin:

    (a)

    l-installazzjoni u l-attivitajiet tagħha;

    (b)

    it-tip ta’ annimal;

    (c)

    id-densità tat-trobbija f’unità ta’ bhejjem għal kull ettaru kkalkulata f’konformità mal-Anness Ia, fejn meħtieġ;

    (d)

    il-kapaċità tal-installazzjoni;

    (e)

    is-sorsi tal-emissjonijiet mill-installazzjoni;

    (f)

    in-natura u l-kwantitajiet ta’ emissjonijiet prevedibbli mill-installazzjoni f’kull mezz.

    3.   L-applikazzjonijiet għandhom jinkludu wkoll sommarju mhux tekniku tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2.

    4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-operatur jinforma lill-awtorità kompetenti, mingħajr dewmien, bi kwalunkwe bidla sostanzjali ppjanata għall-installazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Kapitolu, li jaf ikollha konsegwenzi għall-ambjent. Meta xieraq, l-awtorità kompetenti għandha tikkunsidra mill-ġdid u taġġorna l-permess jew titlob lill-operatur biex japplika għal permess jew jagħmel reġistrazzjoni ġdida.

    5.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-impatti tal-implimentazzjoni tar-regoli operattivi stabbiliti fl-Artikolu 70i u tissottometti, sa 11-il sena wara d-dħul fis-seħħ tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 70i(2), rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-riżultati ta’ dik il-valutazzjoni.

    Artikolu 70d

    Obbligi tal-operatur

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operatur iwettaq monitoraġġ tal-emissjonijiet u tal-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati f’konformità mal-kundizzjonijiet uniformi għar-regoli operattivi msemmija fl-Artikolu 70i.

    Id-data ta’ monitoraġġ għandha tinkiseb permezz ta’ metodi ta’ kejl jew, meta dan mhuwiex prattiku, permezz ta’ metodi ta’ kalkoli bħall-użu ta’ fatturi ta’ emissjoni. Il-metodi użati biex tinkiseb id-data ta’ monitoraġġ għandhom jiġu deskritti fir-regoli operattivi.

    L-operatur għandu jżomm rekord ta’, u jipproċessa, ir-riżultati kollha tal-monitoraġġ, għal perjodu ta’ mill-anqas ħames snin, b’tali mod li tkun tista’ ssir il-verifika tal-konformità mal-valuri limitu tal-emissjonijiet u mal-valuri limitu tal-prestazzjoni ambjentali stabbiliti fir-regoli operattivi.

    2.   Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-valuri limitu tal-emissjonijiet u mal-valuri limitu tal-prestazzjoni ambjentali stabbiliti fil-kundizzjonijiet uniformi għar-regoli operattivi msemmija fl-Artikolu 70i, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-operatur jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li jerġa’ jkun hemm il-konformità fl-iqsar żmien possibbli.

    3.   L-operatur għandu jiżgura li kwalunkwe ġestjoni tad-demel inkluż tixrid fuq l-art ta’ skart, prodotti sekondarji tal-annimali jew residwi oħra ġġenerati mill-installazzjoni jitwettaq f’konformità mal-aħjar metodi tekniċi disponibbli, kif speċifikat fir-regoli operattivi, u leġiżlazzjoni rilevanti oħra tal-Unjoni u li ma tikkawżax tniġġis sinifikanti tal-ambjent.

    Artikolu 70e

    Monitoraġġ

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jsir monitoraġġ xieraq f’konformità mal-kundizzjonijiet uniformi għar-regoli operattivi msemmija fl-Artikolu 70i.

    2.   Ir-riżultati kollha tal-monitoraġġ għandhom jiġu rreġistrati, ipproċessati u ppreżentati b’tali mod li l-awtorità kompetenti tkun tista’ tivverifika l-konformità mal-kundizzjonijiet ta’ tħaddim, il-valuri limitu tal-emissjonijiet u l-valuri limitu tal-prestazzjoni ambjentali li huma inklużi fir-regoli ġenerali vinkolanti msemmija fl-Artikolu 6 jew fil-permess.

    3.   L-operatur għandu, mingħajr dewmien, iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtorità kompetenti, fuq talba tagħha, id-data u l-informazzjoni elenkati fil-paragrafu 2. L-awtorità kompetenti tista’ tagħmel talba bħal din sabiex tivverifika l-konformità mal-kundizzjonijiet uniformi għar-regoli operattivi. L-awtorità kompetenti għandha tagħmel dik it-talba jekk membru tal-pubbliku jitlob aċċess għad-data jew għall-informazzjoni elenkata fil-paragrafu 2.

    Artikolu 70f

    Nuqqas ta’ konformità

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-valuri għall-emissjonijiet u l-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali jkunu mmonitorjati f’konformità mal-kundizzjonijiet uniformi għar-regoli operattivi msemmija fl-Artikolu 70i u ma jaqbżux il-valuri limitu tal-emissjonijiet u l-valuri limitu tal-prestazzjoni ambjentali stabbiliti fihom.

    2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta’ monitoraġġ tal-konformità effikaċi, ibbażata fuq spezzjonijiet ambjentali jew miżuri oħra, biex jivverifikaw il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan il-Kapitolu.

    3.   Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan il-Kapitolu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti tirrikjedi li l-operatur jieħu kwalunkwe miżura, minbarra l-miżuri meħuda mill-operatur skont l-Artikolu 70d, li tkun meħtieġa biex jiġi żgurat li jerġa’ jkun hemm konformità mingħajr dewmien.

    Meta n-nuqqas ta’ konformità jikkawża degradazzjoni sinifikanti tal-kundizzjonijiet lokali tal-arja, tal-ilma jew tal-ħamrija, jew meta dan joħloq, jew jirriskja li joħloq, periklu sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem, it-tħaddim tal-installazzjoni għandu jiġi sospiż mill-awtorità kompetenti sakemm jerġa’ jkun hemm konformità.

    Artikolu 70g

    Informazzjoni u parteċipazzjoni pubblika

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri tal-pubbliku kkonċernati jingħataw opportunitajiet minn kmieni u effettivi sabiex jipparteċipaw fil-proċeduri li ġejjin:

    (a)

    it-tħejjija ta’ regoli vinkolanti ġenerali kif imsemmi fl-Artikolu 6 dwar permessi għal installazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Kapitolu;

    (b)

    l-għoti ta’ permess għal installazzjoni ġdida li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Kapitolu;

    (c)

    l-għoti ta’ permess aġġornat f’konformità mal-Artikolu 70c(4) għal kwalunkwe bidla sostanzjali f’installazzjoni eżistenti li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Kapitolu; jew

    (d)

    il-proċedura għar-reġistrazzjoni, f’każ li ma jiġux adottati regoli vinkolanti ġenerali, u l-Istati Membri jippermettu li l-installazzjoni tiġi rreġistrata biss.

    2.   L-awtorità kompetenti għandha tagħmel disponibbli għall-pubbliku, inkluż b’mod sistematiku permezz tal-internet, mingħajr ħlas u mingħajr ma tillimita l-aċċess għall-utenti rreġistrati, id-dokumenti u l-informazzjoni li ġejjin:

    (a)

    il-permess jew ir-reġistrazzjoni;

    (b)

    ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet li saru f’konformità mal-paragrafu 1;

    (c)

    ir-regoli vinkolanti ġenerali msemmija fl-Artikolu 6 li huma applikabbli għal installazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Kapitolu; u

    (d)

    ir-rapporti tal-ispezzjonijiet tal-installazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Kapitolu.

    Artikolu 70h

    ċċess għall-ġustizzja

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, f’konformità mas-sistema legali nazzjonali rilevanti, il-membri tal-pubbliku kkonċernati jkollhom aċċess għal proċedura ta’ rieżami quddiem qorti tal-ġustizzja, jew quddiem korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi biex jikkontestaw il-legalità sostantiva jew proċedurali ta’ deċiżjonijiet, atti jew omissjonijiet soġġetti għal dan il-Kapitolu meta titwettaq waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    ikollhom interess suffiċjenti;

    (b)

    iżommu l-indeboliment ta’ dritt, meta l-liġi amministrattiva proċedurali ta’ Stat Membru teħtieġ dak bħala prekundizzjoni.

    Il-proċedura ta’ rieżami ma għandhiex tkun kundizzjonali fuq ir-rwol li kellu l-membru tal-pubbliku kkonċernat matul fażi parteċipattiva tal-proċeduri tat-teħid ta’ deċiżjonijiet skont din id-Direttiva.

    Il-proċedura ta’ rieżami għandha tkun ġusta, ekwa, f’waqtha u mhux għalja b’mod projbittiv, u għandha tipprovdi għal rimedji adegwati u effettivi, inkluż rimedju b’mandat ta’ inibizzjoni kif xieraq.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw f’liema stadju jistgħu jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet.

    Artikolu 70i

    Kundizzjonijiet uniformi għar-regoli operattivi

    1.   Il-Kummissjoni għandha torganizza skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, is-setturi kkonċernati, l-organizzazzjonijiet nongovernattivi li jippromwovu l-protezzjoni tal-ambjent u l-Kummissjoni qabel ma tistabbilixxi kundizzjonijiet uniformi għar-regoli operattivi f’konformità mal-paragrafu 2. L-iskambju ta’ informazzjoni għandu b’mod partikolari jindirizza dan li ġej:

    (a)

    il-livelli ta’ emissjonijiet u ta’ prestazzjoni ambjentali tal-installazzjonijiet u l-metodi tekniċi, u miżuri oħra konsistenti mal-Anness III;

    (b)

    il-metodi tekniċi użati, il-monitoraġġ assoċjat, l-effetti transmedjali, il-vijabbiltà ekonomika u teknika u l-iżviluppi f’dak ir-rigward;

    (c)

    l-aħjar metodi tekniċi disponibbli identifikati wara li jiġu kkunsidrati l-kwistjonijiet imsemmijin fil-punti (a) u (b);

    (d)

    il-metodi tekniċi emerġenti.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta sal-1 ta’ Settembru 2026 att ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi kundizzjonijiet uniformi għar-regoli operattivi għal kull waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Anness Ia.

    Il-kundizzjonijiet uniformi għar-regoli operattivi għandhom ikunu konsistenti mal-użu tal-aħjar metodi tekniċi disponibbli għall-attivitajiet elenkati fl-Anness Ia u għandhom iqisu n-natura, it-tip, id-daqs u d-densità ta’ stokkjar ta’ dawk l-installazzjonijiet, id-daqs tal-merħliet ta’ tipi ta’ annimali uniċi f’azjendi agrikoli mħallta, u l-ispeċifiċitajiet tas-sistemi tat-trobbija tal-bhejjem tal-ifrat ibbażati fuq il-mergħat, meta l-annimali jitrabbew staġjonalment biss f’installazzjonijiet fuq ġewwa. Għandhom jinkludu wkoll informazzjoni indikattiva dwar metodi tekniċi emerġenti, meta disponibbli.

    Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 75(2).

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti ssegwi l-iżviluppi fl-aħjar metodi tekniċi disponibbli u l-pubblikazzjoni ta’ kwalunkwe kundizzjoni uniformi għar-regoli operattivi ġodda jew aġġornati, jew tkun infurmata dwarhom.”

    ;

    (41)

    fl-Artikolu 72, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2   It-tip, il-format u l-frekwenza tal-informazzjoni li għandha ssir disponibbli skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu stabbiliti f’konformità mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 75(2). Id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tistabbilixxi t-tip, il-format u l-frekwenza tal-informazzjoni li għandha ssir disponibbli skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi aġġornata kull meta jkun meħtieġ u mhux aktar tard mill-5 ta’ Awwissu 2026.”

    ;

    (42)

    fl-Artikolu 73(1), l-ewwel u t-tieni subparagrafi huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “Sat-30 ta’ Ġunju 2028 u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jirrieżamina l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dwar attivitajiet li għalihom ġew adottati jew ma ġewx adottati konklużjonijiet tal-BAT skont l-Artikolu 13(5) ta’ din id-Direttiva, filwaqt li titqies id-dinamika tal-innovazzjoni, inklużi metodi tekniċi emerġenti, il-ħtieġa għal aktar miżuri ta’ prevenzjoni tat-tniġġis u r-rieżami msemmi fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2003/87/KE.

    Dak ir-rapport għandu jinkludi valutazzjoni tal-ħtieġa ta’ azzjoni tal-Unjoni permezz tal-istabbiliment jew l-aġġornar tar-rekwiżiti minimi madwar l-Unjoni għall-valuri limitu tal-emissjonijiet u għar-regoli dwar il-monitoraġġ u l-konformità għall-attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-konklużjonijiet tal-BAT adottati matul il-perjodu preċedenti ta’ ħames snin, abbażi tal-kriterji li ġejjin:

    (a)

    l-impatt tal-attivitajiet ikkonċernati fuq l-ambjent b’mod ġenerali u fuq is-saħħa tal-bniedem;

    (b)

    il-qagħda tal-implimentazzjoni tal-aħjar metodi tekniċi disponibbli għall-attivitajiet ikkonċernati.”

    ;

    (43)

    l-Artikolu 73 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu (3) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   Il-Kummissjoni għandha, bl-użu ta’ metodoloġija bbażata fuq l-evidenza u filwaqt li tqis l-ispeċifiċitajiet tas-settur, tivvaluta l-ħtieġa għal azzjoni tal-Unjoni biex:

    (a)

    jiġu indirizzati b’mod komprensiv l-emissjonijiet mit-trobbija tal-bhejjem fl-Unjoni, b’mod partikolari mill-bhejjem tal-ifrat; u

    (b)

    ikompli jinkiseb l-objettiv ta’ protezzjoni ambjentali globali fir-rigward ta’ prodotti mqiegħda fis-suq tal-Unjoni, permezz tal-prevenzjoni u l-kontroll tal-emissjonijiet mit-trobbija tal-bhejjem, u b’mod konsistenti mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni.

    Il-Kummissjoni għandha tirrapporta r-riżultati ta’ dik il-valutazzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2026 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Meta jkun xieraq, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva.”

    ;

    (b)

    jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “4.   Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina:

    (a)

    il-ħtieġa li jiġu kkontrollati l-emissjonijiet mill-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt minerali u l-gass fuq l-art u lil hinn mill-kosta;

    (b)

    il-ħtieġa li jiġu kkontrollati l-emissjonijiet mit-trattament fuq il-post u l-estrazzjoni ta’ minerali industrijali mhux tal-enerġija użati f’industriji għajr dik għall-kostruzzjoni, kif ukoll il-ħtieġa li jiġu kkontrollati l-emissjonijiet mit-trattament fuq il-post u l-estrazzjoni ta’ minerali li jkunu għadhom kif bdew jitwettqu fl-Unjoni;

    (c)

    il-ħtieġa li jiġi rivedut il-limitu tal-attività fl-Anness I għall-produzzjoni tal-idroġenu bl-elettroliżi tal-ilma.

    Il-Kummissjoni għandha tinkludi r-riżultati ta’ dak ir-rieżami fl-ewwel wieħed mir-rapporti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill meħtieġa skont l-ewwel paragrafu.”

    ;

    (44)

    l-Artikolu 74 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 74

    Emendi tal-Annessi

    1.   Sabiex id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jkunu jistgħu jiġu adattati għall-progress xjentifiku u tekniku abbażi tal-aħjar metodi tekniċi disponibbli, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 76 fir-rigward tal-adattament tal-Partijiet 3 u 4 tal-Anness V, il-Partijiet 2, 6, 7 u 8 tal-Anness VI u l-Partijiet 5, 6, 7 u 8 tal-Anness VII għal dan il-progress xjentifiku u tekniku.

    2.   Il-Kummissjoni għandha twettaq konsultazzjoni xierqa mal-partijiet ikkonċernati qabel ma tadotta att delegat f’konformità ma’ dan l-Artikolu.

    Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-istudji u l-analiżijiet rilevanti użati fit-tħejjija ta’ att delegat adottat f’konformità ma’ dan l-Artikolu, mhux aktar tard mill-adozzjoni tal-att delegat.”

    ;

    (45)

    l-Artikolu 75 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 75

    Proċedura ta’ kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.”

    ;

    (46)

    l-Artikolu 76 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 76

    żerċizzju tad-delega

    1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

    2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 27d, l-Artikolu 48(5) u l-Artikolu 74 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mill-1 ta’ Awwissu 2024. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

    3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 27d, fl-Artikolu 48(5), u fl-Artikolu 74 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

    4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

    5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 27d, l-Artikolu 48(5) jew l-Artikolu 74 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”

    ;

    (47)

    l-Artikoli 77 u 78 huma mħassra;

    (48)

    l-Artikolu 79 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 79

    Penali

    1.   Mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri skont id-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5), l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    2.   Il-penali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu penali finanzjarji amministrattivi li effettivament iċaħħdu lil dawk li jkunu wettqu l-ksur tal-benefiċċji ekonomiċi derivati mill-ksur tagħhom.

    Għall-ksur l-aktar serju mwettaq minn persuna ġuridika, l-ammont massimu tal-penali finanzjarji amministrattivi msemmija fl-ewwel subparagrafu għandu jkun mill-anqas 3 % tal-fatturat annwali tal-operatur fl-Unjoni fis-sena finanzjarja li tippreċedi s-sena li fiha tkun ġiet imposta l-multa.

    L-Istati Membri jistgħu wkoll, jew alternattivament, jużaw pieni kriminali dment li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi b’mod ekwivalenti għall-penali finanzjarji amministrattivi msemmija f’dan l-Artikolu.

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-penali stabbiliti skont dan l-Artikolu jqisu kif xieraq dan li ġej, kif applikabbli:

    (a)

    in-natura, il-gravità, u l-firxa tal-ksur;

    (b)

    il-popolazzjoni jew l-ambjent affettwat mill-ksur, filwaqt li jitqies l-impatt tal-ksur fuq l-objettiv li jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent;

    (c)

    il-karattru ripetittiv jew ta’ darba tal-ksur.

    4.   L-Istati Membri għandhom, mingħajr dewmien mhux dovut, jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawk ir-regoli u dawk il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 u dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

    (*5)  Id-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 328, 6.12.2008, p. 28).”;"

    (49)

    jiddaħħal l-artikolu li ġej:

    “Artikolu 79a

    Kumpens

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jkun seħħ dannu għas-saħħa tal-bniedem bħala riżultat ta’ ksur tal-miżuri nazzjonali li ġew adottati skont din id-Direttiva, l-individwi affettwati jkollhom id-dritt li jitolbu u jiksbu kumpens għal dak id-dannu mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi rilevanti.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli u l-proċeduri nazzjonali relatati mat-talbiet għal kumpens jitfasslu u jiġu applikati b’tali mod li ma jagħmlux impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt għal kumpens għal dannu kkawżat minn ksur skont il-paragrafu 1.

    3.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu l-perjodi ta’ preskrizzjoni biex jitressqu azzjonijiet għal kumpens imsemmija fil-paragrafu 1. Tali perjodi ma għandhomx jibdew qabel ma l-ksur ikun waqaf u l-persuna li titlob il-kumpens tkun taf jew raġonevolment tista’ tkun mistennija li tkun taf li hija ġarrbet dannu minn ksur skont il-paragrafu 1.”

    ;

    (50)

    l-Anness I huwa emendat skont l-Anness I ta’ din id-Direttiva;

    (51)

    jiddaħħal l-Anness Ia kif stabbilit fl-Anness II ta’ din id-Direttiva;

    (52)

    l-Anness II huwa sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness III ta’ din id-Direttiva;

    (53)

    l-Anness III huwa emendat skont l-Anness IV ta’ din id-Direttiva;

    (54)

    l-Anness IV huwa emendat skont l-Anness V ta’ din id-Direttiva;

    (55)

    l-Anness V huwa emendat skont l-Anness VI ta’ din id-Direttiva;

    (56)

    l-Anness VI huwa emendat skont l-Anness VII ta’ din id-Direttiva.

    Artikolu 2

    Emendi għad-Direttiva 1999/31/KE

    Fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 1999/31/KE, il-paragrafu 2 huwa mħassar.

    Artikolu 3

    Dispożizzjonijiet tranżitorji

    1.   Fir-rigward tal-installazzjonijiet li jwettqu l-attivitajiet imsemmija fl-Anness I, l-Istati Membri għandhom japplikaw l-Artikolu 14(1), it-tieni subparagrafu, il-punti (aa), (bb) u (h), u l-Artikolu 15(4) u (6) fi żmien erba’ snin mill-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-konklużjonijiet tal-BAT li ġew ippubblikati wara l-1 ta’ Lulju 2026 relatati mal-attività ewlenija ta’ installazzjoni f’konformità mal-Artikolu 13(5).

    L-installazzjonijiet li ġew permessi għall-ewwel darba wara l-pubblikazzjonijiet tad-deċiżjonijiet dwar il-konklużjonijiet tal-BAT ippubblikati wara l-1 ta’ Lulju 2026 relatati mal-attività ewlenija ta’ installazzjoni f’konformità mal-Artikolu 13(5), għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu mid-data li fiha jkunu ġew ippubblikati l-konklużjonijiet tal-BAT.

    2.   Fir-rigward ta’ installazzjonijiet li jwettqu l-attivitajiet imsemmija fl-Anness I li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva qabel l-4 ta’ Awwissu 2024 u li qed jitħaddmu u kellhom permess qabel l-1 ta’ Lulju 2026, l-Artikolu 14(1), it-tieni subparagrafu, punti (a), (b), (ba), u (d), u l-Artikolu 15(1), l-Artikolu 15(5), l-Artikolu 15a u l-Artikolu 16(4) għandhom japplikaw meta l-permess jingħata jew jiġi aġġornat skont l-Artikolu 20(2) jew l-Artikolu 21(5), jew aġġornat fi żmien 4 snin mill-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-konklużjonijiet tal-BAT li jkunu ġew ippubblikati wara l-1 ta’ Lulju 2026 skont l-Artikolu 13(5) relatat mal-attività prinċipali ta’ installazzjoni, jew sal-1 ta’ Settembru 2036, liema minnhom ikun l-ewwel.

    Fir-rigward ta’ installazzjonijiet li jwettqu attivitajiet imsemmija fl-Anness I li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva qabel l-4 ta’ Awwissu 2024 u li għalihom l-operaturi jkunu ppreżentaw applikazzjoni kompluta għal permess qabel l-1 ta’ Lulju 2026, dment li dawk l-installazzjonijiet jibdew jitħaddmu mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2027, l-Artikolu 14(1), it-tieni subparagrafu, il-punti (a), (b), (ba), u (d), l-Artikolu 15(1), l-Artikolu 15(5), l-Artikolu 15a u l-Artikolu 16(4) għandhom japplikaw meta l-permess jingħata jew jiġi aġġornat skont l-Artikolu 20(2) jew l-Artikolu 21(5), jew aġġornat fi żmien 4 snin mill-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-konklużjonijiet tal-BAT li jkunu ġew ippubblikati wara l-1 ta’ Lulju 2026 skont l-Artikolu 13(5) relatat mal-attività prinċipali ta’ installazzjoni, jew sal-1 ta’ Settembru 2036, liema minnhom ikun l-ewwel.

    Fir-rigward tal-installazzjonijiet li jwettqu l-attivitajiet imsemmija fl-Anness I li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva qabel l-4 ta’ Awwissu 2024 l-Artikolu 15(3) għandu japplika meta l-permess jiġi aġġornat fi żmien erba’ snin mill-pubblikazzjoni ta’, jew jingħata wara, deċiżjonijiet dwar il-konklużjonijiet tal-BAT li jkunu ġew ippubblikati wara l-1 ta’ Lulju 2026 f’konformità mal-Artikolu 13(5) dwar l-attività ewlenija ta’ installazzjoni, jew meta l-permess jiġi aġġornat f’konformità mal-Artikolu 21(5), jew sal-1 ta’ Settembru 2036, skont liema data tiġi l-ewwel.

    Sad-data rilevanti ta’ applikazzjoni kif imsemmi fl-ewwel, it-tieni u t-tielet subparagrafi, l-installazzjonijiet imsemmija f’dawk is-subparagrafi, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2010/75/UE, fil-verżjoni fis-seħħ fit-3 ta’ Awwissu 2024, għandhom jikkonformaw mad-Direttiva 2010/75/UE f’dik il-verżjoni.

    3.   Fir-rigward tal-installazzjonijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva qabel l-4 ta’ Awwissu 2024 u jwettqu l-attivitajiet imsemmija fl-Anness I, il-punt 2.3(aa), u li jlestu l-fibri tat-tessuti jew it-tessuti skont il-punt 6.2 ta’ dak l-Anness li jkunu qed jitħaddmu qabel l-1 ta’ Lulju 2026 l-Istati Membri għandhom, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 14(1), it-tieni subparagrafu, punti (aa), (bb) u (h), l-Artikolu 15(4) u l-Artikolu 15(6), japplikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi adottati f’konformità ma’ din id-Direttiva fi żmien erba’ snin mill-1 ta’ Lulju 2026.

    4.   Fir-rigward tal-installazzjonijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2010/75/UE qabel l-4 ta’ Awwissu 2024 u t-twettiq tal-attivitajiet imsemmija fl-Anness I, il-punti 1.4, 2.3(b), 2.3(ba), 2.7 u 3.6, l-Istati Membri għandhom, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 14(1), it-tieni subparagrafu, il-punti (aa), (bb) u (h), l-Artikolu 15(4) u l-Artikolu 15(6), japplikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi adottati f’konformità ma’ din id-Direttiva fi żmien erba’ snin mill-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-konklużjonijiet tal-BAT f’konformità mal-Artikolu 13(5) dwar l-attività ewlenija ta’ installazzjoni jew sal-1 ta’ Settembru 2034, skont liema minnhom tiġi l-ewwel.

    Sad-data rilevanti ta’ applikazzjoni kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, l-installazzjonijiet imsemmija f’dak is-subparagrafu, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2010/75/UE, fil-verżjoni fis-seħħ fil-jum qabel ma din id-Direttiva tidħol fis-seħħ, għandhom jikkonformaw mad-Direttiva 2010/75/UE f’dik il-verżjoni.

    Fir-rigward tal-installazzjonijiet li huma permessi għall-ewwel darba wara l-pubblikazzjonijiet tad-deċiżjonijiet dwar il-konklużjonijiet tal-BAT ippubblikati wara l-1 ta’ Lulju 2026 dwar l-attività ewlenija ta’ installazzjoni f’konformità mal-Artikolu 13(5), il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi adottati f’konformità ma’ din id-Direttiva għandhom japplikaw għall-għoti tal-permessi tagħhom mid-data li fiha jkunu ġew ippubblikati l-konklużjonijiet tal-BAT.

    5.   Fir-rigward tal-installazzjonijiet li jwettqu l-attivitajiet imsemmija fl-Anness Ia, Stat Membru għandu japplika l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi adottati f’konformità ma’ din id-Direttiva fi żmien:

    (a)

    erba’ snin mid-dħul fis-seħħ tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 70i(2), jekk l-installazzjoni jkollha kapaċità ta’ 600 unità ta’ bhejjem jew aktar;

    (b)

    ħames snin mid-dħul fis-seħħ tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 70i(2), jekk l-installazzjoni jkollha kapaċità ta’ 400 unità ta’ bhejjem jew aktar;

    (c)

    sitt snin mid-dħul fis-seħħ tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 70i(2), għall-installazzjonijiet l-oħrajn kollha koperti mill-Anness Ia.

    Sad-data rilevanti ta’ applikazzjoni kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, l-installazzjonijiet imsemmija f’dak is-subparagrafu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2010/75/UE, fil-verżjoni fis-seħħ fil-jum qabel ma din id-Direttiva tidħol fis-seħħ, għandhom jikkonformaw mad-Direttiva 2010/75/UE f’dik il-verżjoni.

    6.   Id-derogi mogħtija mill-awtorità kompetenti f’konformità mal-Artikolu 15(5) qabel l-1 ta’ Lulju 2026 għandhom jibqgħu validi sakemm l-awtorità kompetenti tivvaluta mill-ġdid jekk id-deroga hijiex ġustifikata skont l-Artikolu 15(5). Il-valutazzjoni mill-ġdid għandha titwettaq erba’ snin mill-1 ta’ Lulju 2026 jew bħala parti mir-rikunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet għal permess skont l-Artikolu 21, skont liema data tiġi l-ewwel.

    7.   Id-derogi għall-ittestjar u l-użu ta’ metodi tekniċi emerġenti mogħtija mill-awtorità kompetenti f’konformità mal-Artikolu 15(7) tad-Direttiva 2010/75/UE fil-verżjoni fis-seħħ fid-data tat-3 ta’ Awwissu 2024, qabel l-1 ta’ Lulju 2026 għandhom jibqgħu validi sa tmiem il-perjodu speċifikat fid-deċiżjoni li tagħti d-deroga. Wara l-perjodu speċifikat, l-ittestjar tal-metodu tekniku għandu jitwaqqaf jew l-attività għandha tikseb mill-anqas il-BAT-AELs.

    Artikolu 4

    Traspożizzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-1 ta’ Lulju 2026. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, huma għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali adottati fl-oqsma koperti minn din id-Direttiva.

    Artikolu 5

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 6

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Strasburgu, l-24 ta’ April 2024.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    R. METSOLA

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. MICHEL


    (1)   ĠU C 443, 22.11.2022, p. 130.

    (2)   ĠU C 498, 30.12.2022, p. 154.

    (3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Marzu 2024 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ April 2024.

    (4)   ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.

    (5)  Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17).

    (6)  Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).

    (7)  Ir-Regolament (UE) 2024/1252 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 li jistabbilixxi qafas li jiżgura provvista sigura u sostenibbli tal-materja prima kritika u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 168/2013, (UE) 2018/858, (UE) 2018/1724 u (UE) 2019/1020 (ĠU L, 2024/1252, 3.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1252/oj)

    (8)  Ir-Regolament (UE) 2023/1542 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2023 dwar il-batteriji u l-iskart ta’ batteriji, li jemenda d-Direttiva 2008/98/KE u r-Regolament (UE) 2019/1020 u li jħassar id-Direttiva 2006/66/KE (ĠU L 191, 28.7.2023, p. 1).

    (9)  Id-Direttiva 2012/18/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-kontroll ta’ perikli ta’ inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi u taħlitiet perikolużi, li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE (ĠU L 197, 24.7.2012, p. 1).

    (10)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, Evalwazzjoni, Awtorizzazzjoni u Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1488/94 kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE u d-Direttivi tal-Kummissjoni 91/155/KEE, 93/ 67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

    (11)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/119/UE tal-10 ta’ Frar 2012 li tistipula r-regoli rigward gwida dwar il-ġbir tad-dejta u t-tfassil tad-dokumenti ta’ referenza tal-BAT u dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità tagħhom imsemmija fid-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emissjonijiet industrijali (ĠU L 63, 2.3.2012, p. 1).

    (12)  Id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26).

    (13)  Id-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta’ konoxxenza u ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom (ĠU L 157, 15.6.2016, p. 1).

    (14)  Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

    (15)  Ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta’ organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta’ ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS), li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 761/2001 u d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2001/681/KE u 2006/193/KE (ĠU L 342, 22.12.2009, p. 1).

    (16)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistemagħall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoniu li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

    (17)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

    (18)  Is-sentenza tal-Qorti (l-Ewwel Awla) tal-14 ta’ Jannar 2021, LB et vs College van burgemeester en wethouders van de gemeente Echt-Susteren, Kawża C–826/18, ECLI:EU:C:2021:7, il-paragrafi 58 u 59.

    (19)  Is-sentenza tal-Qorti (Awla Manja), 15 ta’ Jannar 2013, Jozef Križan et vs Slovenská inšpekcia životného prostredia., Kawża C-416/10, ECLI:EU:C:2013:8, il-paragrafu 109.

    (20)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ intrapriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

    (21)  Ir-Regolament (UE) 2024/1244 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ April 2024 dwar ir-rapportar ta’ data ambjentali minn installazzjonijiet industrijali li jistabilixxi ta’ Portal dwar l-Emissjonijiet u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 166/2006 (ĠU L, 2024/1244, 2.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1244/oj).

    (22)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

    (23)  Ir-Regolament (UE) 2024/1787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/942 (ĠU L, 2024/1787, 15.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1787/oj).

    (24)  Id-Direttiva 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar l-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE (ĠU L 178, 28.6.2013, p. 66).

    (25)  Id-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 19 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 328, 6.12.2008, p. 28).

    (26)  Id-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56).

    (27)  Ir-Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Jannar 2006 dwar il-ħolqien ta’ Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti u li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 91/689/KEE u 96/61/KE (ĠU L 33, 4.2.2006, p. 1).

    (28)  Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta’ April 1999 dwar ir-rimi ta’ skart f’landfills (ĠU L 182, 16.7.1999, p. 1).

    (29)   ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


    ANNESS I

    L-Anness I tad-Direttiva 2010/75/UE huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-punt 1.4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.4.

    Gassifikazzjoni, likwefazzjoni jew pirolisi ta’:

    (a)

    faħam;

    (b)

    karburanti oħra f’installazzjonijiet b’input termali kklassifikat totali ta’ 20 MW jew aktar.”;

    (b)

    il-punt 2.3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.3.

    Ipproċessar tal-metalli tal-ħadid:

    (a)

    it-tħaddim ta’ mtieħen ta’ laminazzjoni fis-sħana b’kapaċità li taqbeż l-20 tunnellata ta’ azzar mhux maħdum fis-siegħa;

    (aa)

    it-tħaddim ta’ mtieħen ta’ laminazzjoni fil-kesħa b’kapaċità li taqbeż l-10 tunnellati ta’ azzar mhux maħdum fis-siegħa;

    (b)

    it-tħaddim ta’ ferreriji bl-imrietel li l-enerġija tagħhom taqbeż il-50 kilojoule għal kull martell;

    (ba)

    it-tħaddim ta’ ferreriji bi preses tal-forġa li l-forza tagħhom taqbeż it-30 mega-newtons (MN) għal kull pressa;

    (c)

    l-applikazzjoni ta’ kisjiet protettivi bil-metall fuż b’input li jaqbeż iż-żewġ (2) tunnellati ta’ azzar mhux maħdum fis-siegħa.”;

    (c)

    jiddaħħal il-punt li ġej:

    “2.7.

    Il-manifattura ta’ batteriji, ħlief l-assemblaġġ b’mod esklussiv, b’kapaċità tal-produzzjoni ta’ 15 000 tunnellata ta’ ċelloli tal-batteriji (katodu, anodu, elettrolit, separatur, kapsula) jew aktar fis-sena.”;

    (d)

    il-punt 3.5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “3.5.

    Il-manifattura bin-nar ta’ prodotti taċ-ċeramika, b’mod partikolari tegoli tas-soqfa, bricks, bricks refrattorji, madum, xogħol tal-ġebel jew porċellana b:

    (a)

    kapaċità tal-produzzjoni li taqbeż il-75 tunnellata kuljum; u/jew

    (b)

    kapaċità tal-fran li taqbeż l-4 m3 u densità ta’ ssettjar għal kull forn li taqbeż it-300 kg/m3.”;

    (e)

    jiddaħħal il-punt li ġej:

    “3.6.

    L-estrazzjoni inklużi operazzjonijiet ta’ trattament fuq il-post, bħat-tifrik, il-kontroll tad-daqs, il-benefiċjazzjoni u t-titjib, tal-minerali fuq skala industrijali li ġejjin:

    il-boksajt, il-kromu, il-kobalt, ir-ram, id-deheb, il-ħadid, iċ-ċomb, il-litju, il-manganiż, in-nikil, il-palladju, il-platinu, il-landa, it-tungstenu u ż-żingu.”;

    (f)

    il-punt 4.2(a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    gassijiet, bħall-ammonja, il-klorin jew il-klorur tal-idroġenu, il-fluworin jew il-fluworidu tal-idroġenu, l-ossidi tal-karbonju, il-komposti tal-kubrit, l-ossidi tan-nitroġenu, l-idroġenu ħlief meta prodott mill-elettroliżi tal-ilma, id-diossidu tal-kubrit, il-klorur tal-karbonil;”;

    (g)

    il-punt 5.3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “5.3.

    (a)

    Ir-rimi ta’ skart mhux perikoluż b’kapaċità li taqbeż il-50 tunnellata kuljum li jinvolvi waħda jew aktar mill-attivitajiet li ġejjin, u li jeskludi l-attivitajiet koperti mid-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE (*1):

    (i)

    it-trattament bijoloġiku, bħad-diġestjoni anaerobika jew il-kodiġestjoni;

    (ii)

    it-trattament fiżikokimiku;

    (iii)

    it-trattament minn qabel tal-iskart għall-inċinerazzjoni jew għall-koinċinerazzjoni;

    (iv)

    it-trattament ta’ gagazzi u rmied;

    (v)

    it-trattament fi shredders tal-iskart tal-metall, inkluż tagħmir tal-iskart tal-elettriku u elettroniku u vetturi li ma għadhomx jintużaw u l-komponenti tagħhom.

    (b)

    L-irkupru, jew taħlita ta’ rkupru u rimi, ta’ skart mhux perikoluż b’kapaċità li taqbeż il-75 tunnellata kuljum li jinvolvi waħda mill-attivitajiet li ġejjin jew aktar, u li jeskludi l-attivitajiet koperti mid-Direttiva 91/271/KEE:

    (i)

    it-trattament bijoloġiku, bħad-diġestjoni anaerobika;

    (ii)

    it-trattament minn qabel tal-iskart għall-inċinerazzjoni jew għall-koinċinerazzjoni;

    (iii)

    it-trattament ta’ gagazzi u rmied;

    (iv)

    it-trattament fi shredders tal-iskart tal-metall, inkluż tagħmir tal-iskart tal-elettriku u elettroniku u vetturi li ma għadhomx jintużaw u l-komponenti tagħhom.

    Meta l-unika attività ta’ trattament tal-iskart li titwettaq tkun id-diġestjoni anaerobika, il-livell limitu tal-kapaċità għal din l-attività għandu jkun ta’ 100 tunnellata kuljum.

    (*1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (ĠU L 135, 30.5.1991, p. 40).”;"

    (h)

    il-punt 6.2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “6.2.

    It-trattament minn qabel (operazzjonijiet bħal ħasil, ibbliċjar, merċerizzazzjoni), tiżbigħ jew finitura ta’ fibri tat-tessuti jew ta’ tessuti meta l-kapaċità tat-trattament taqbeż l-10 tunnellati kuljum.”;

    (i)

    il-punt 6.5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “6.5.

    Ir-rimi jew ir-riċiklaġġ ta’ karkassi tal-annimali jew prodotti sekondarji tal-annimali b’kapaċità ta’ trattament li taqbeż l-10 tunnellati kuljum.”.

    (j)

    il-punt 6.6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “6.6.

    L-elettroliżi tal-ilma għall-produzzjoni tal-idroġenu meta l-kapaċità tal-produzzjoni taqbeż il-50 tunnellata kuljum.”.

    (*1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (ĠU L 135, 30.5.1991, p. 40).”;”


    ANNESS II

    “ANNESS Ia

    Attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 70a

    L-installazzjonijiet jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-anness jekk jaqgħu f’waħda jew aktar mill-kategoriji ta’ attività li ġejjin;

    1.

    It-trobbija tal-majjali li jirrappreżentaw 350 unità ta’ bhejjem jew aktar, minbarra l-attivitajiet tat-trobbija li jitwettqu skont reġimi ta’ produzzjoni organika f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/848, jew meta d-densità tal-bhejjem tkun anqas minn 2 unitajiet ta’ bhejjem/ettaru użat biss għar-ragħa jew għat-tkabbir ta’ foraġġ jew foraġġ użat għat-tagħlif tal-annimali, u l-annimali jitrabbew barra għal ammont sinifikanti ta’ żmien f’sena jew imrobbija staġjonalment barra.

    2.

    It-trobbija tat-tiġieġ tal-bajd biss li jirrappreżentaw 300 unità ta’ bhejjem jew aktar, jew it-trobbija ta’ kategoriji oħra ta’ tjur biss li jirrappreżentaw 280 unità ta’ bhejjem jew aktar. F’installazzjonijiet li jrabbu taħlita ta’ tjur inkluż tiġieġ tal-bajd, il-limitu għandu jkun ta’ 280 unità ta’ bhejjem u l-kapaċità għandha tiġi kkalkulata bl-użu ta’ 0,93 bħala fattur ta’ ponderazzjoni (*1) għat-tiġieġ tal-bajd.

    3.

    It-trobbija ta’ kwalunkwe taħlita ta’ majjali jew tjur li jirrappreżentaw 380 unità ta’ bhejjem jew aktar, minbarra t-trobbija tal-majjali f’installazzjonijiet li jaħdmu b’reġimi ta’ produzzjoni organika f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/848, jew meta d-densità tal-bhejjem tkun anqas minn 2 unitajiet ta’ bhejjem/ettaru użat biss għar-ragħa jew għat-tkabbir ta’ foraġġ jew foraġġ użat għat-tagħlif tal-annimali, u l-annimali jitrabbew barra għal ammont sinifikanti ta’ żmien f’sena jew imrobbija staġjonalment barra.

    Il-livell ta’ unità ta’ bhejjem ta’ installazzjoni jiġi kkalkolat bl-użu tar-rati ta’ konverżjoni li ġejjin:

    Majjali:

    Ħnieżer tal-għalla ≥ 50 kg … 0,500

    Driefeġ ≤ 20 kg … 0,027

    Majjali oħra … 0,300

    Tjur:

    Tiġieġ tas-simna … 0,007

    Tiġieġ tal-bajd … 0,014

    Dundjani … 0,030

    Papri … 0,010

    Wiżż … 0,020

    Ngħam … 0,350

    Tjur tal-irziezet oħra … 0,001


    (*1)  Il-fattur ta’ ponderazzjoni għat-tiġieġ tal-bajd ġie kkalkulat billi l-livell limitu tat-tjur l-ieħor (280 unità ta’ bhejjem) jiġi diviż bil-limitu tat-tiġieġ tal-bajd (300 unità ta’ bhejjem). Dan huwa 280/300 = 0,93 (għad-dritt).”.”


    ANNESS III

    “ANNESS II

    Prinċipji li jridu jiġu rispettati meta tingħata deroga msemmija fl-Artikolu 15(5)

    Id-derogi previsti f’konformità mal-Artikolu 15(5) għandhom jirrispettaw il-prinċipji li ġejjin:

    1.   Kostijiet

    1.1.

    Il-kostijiet imsemmija fl-Artikolu 15(5) għandhom ikunu l-kostijiet ta’ konformità mal-livelli tal-emissjonijiet assoċjati mal-aħjar metodi tekniċi disponibbli u jinkludu kemm il-kostijiet kapitali kif ukoll il-kostijiet operattivi. Il-kostijiet soċjali jew ekonomiċi usa’ ma għandhomx jiġu inklużi.

    1.2.

    L-evalwazzjoni tal-kostijiet għandha tkun kwantitattiva, u appoġġata minn valutazzjoni kwalitattiva.

    1.3.

    Il-kostijiet ikkunsidrati fl-evalwazzjoni għandhom:

    (a)

    jirrappreżentaw il-kostijiet tal-valur nett, wara t-tnaqqis ta’ kwalunkwe benefiċċju finanzjarju mill-applikazzjoni tal-aħjar metodi tekniċi disponibbli;

    (b)

    jinkludu l-kost tal-aċċess għall-kapital finanzjarju meħtieġ biex jiġu ffinanzjati l-aħjar metodi tekniċi disponibbli;

    (c)

    jiġu kkalkolati bl-użu ta’ rata ta’ skont biex jitqiesu d-differenzi fil-valur monetarju maż-żmien.

    1.4.

    L-applikazzjoni għal deroga għandha tidentifika b’mod ċar is-sors tal-kostijiet u l-metodi użati għall-kalkolu tagħhom, inkluża r-rata ta’ skont imsemmija fil-punt 1.3(c) u l-istima tal-inċertezzi assoċjati mal-evalwazzjoni tal-kostijiet.

    1.5.

    Il-kostijiet evalwati mill-operatur għandhom jiġu vvalutati mill-awtorità kompetenti, abbażi tal-informazzjoni minn sorsi oħra bħal fornituri tat-teknoloġija, riċerka rieżaminata bejn il-pari, ġudizzji esperti jew data minn installazzjonijiet oħra fejn ġew installati reċentement l-aħjar metodi tekniċi disponibbli.

    2.   Benefiċċji ambjentali

    2.1.

    Il-benefiċċji ambjentali msemmija fl-Artikolu 15(6) għandhom ikunu l-benefiċċji ambjentali ta’ konformità mal-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati mal-aħjar metodi tekniċi disponibbli.

    2.2.

    L-evalwazzjoni tal-benefiċċji ambjentali għandha tkun kwantitattiva (f’termini monetarji), u appoġġata minn valutazzjoni kwalitttiva. Meta jkunu disponibbli, għandhom jintużaw il-kostijiet stabbiliti tal-ħsara tas-sustanzi li jniġġsu.

    2.3.

    L-evalwazzjoni tal-benefiċċji ambjentali għandha tikkunsidra rata ta’ skont applikata għal kwalunkwe benefiċċju monetizzat li jindirizza d-differenzi fil-valuri għas-soċjetà maż-żmien.

    2.4.

    L-applikazzjoni għal deroga għandha tidentifika b’mod ċar is-sors tal-informazzjoni tal-benefiċċji ambjentali u l-metodi użati għall-kalkolu tal-benefiċċji ambjentali, inkluża r-rata ta’ skont imsemmija fil-punt 1.3(c) u l-istima tal-inċertezzi assoċjati mal-evalwazzjoni tal-benefiċċji ambjentali.

    2.5.

    Il-benefiċċji ambjentali evalwati mill-operatur għandhom jiġu vvalutati mill-awtorità kompetenti, abbażi ta’ ġudizzju espert jew data minn installazzjonijiet oħra fejn ġew installati reċentement l-aħjar metodi tekniċi disponibbli.

    3.   Sproporzjonalità tal-kostijiet meta mqabbla mal-benefiċċji ambjentali

    3.1.

    Sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx sproporzjonalità, għandhom jitqabblu l-kostijiet tal-konformità mal-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati mal-aħjar metodi tekniċi disponibbli, u l-benefiċċji ta’ tali konformità.

    3.2.

    Il-mekkaniżmu ta’ tqabbil għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:

    (a)

    metodu biex jiġu indirizzati l-inċertezzi fl-evalwazzjoni tal-kostijiet u tal-benefiċċji ambjentali;

    (b)

    speċifikazzjoni tal-marġini li bih il-kostijiet għandhom jaqbżu l-benefiċċji ambjentali.”.


    ANNESS IV

    L-Anness III tad-Direttiva 2010/75/UE huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-punt 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.

    l-użu ta’ sustanzi anqas perikolużi, inklużi anqas użu ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna;”;

    (b)

    il-punt 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “5.

    avvanzi teknoloġiċi, inklużi għodod diġitali, u tibdil fl-għarfien u fil-fehim xjentifiku;”;

    (c)

    il-punt 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “9.

    il-konsum u n-natura tal-materja prima, inkluż l-ilma, użata fil-proċess u l-effiċjenza ta’ enerġija u l-użu mill-ġdid u d-dekarbonizzazzjoni;”;

    (d)

    il-punt 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “10.

    il-ħtieġa li jiġi evitat jew jitnaqqas għal minimu l-impatt ġenerali tal-emissjonijiet fuq l-ambjent, inkluża l-bijodiversità, u r-riskji għalih;”;

    (e)

    il-punt 11 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “11.

    il-ħtieġa li jiġu evitati l-aċċidenti u minimizzati l-konsegwenzi għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem;”.

    ANNESS V

    L-Anness IV tad-Direttiva 2010/75/UE huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 1, il-parti introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

    “1.

    Il-pubbliku għandu jiġi mgħarraf kmieni fil-proċeduri għat-teħid ta’ deċiżjoni dwar il-materji li ġejjin, permezz ta’ avviżi pubbliċi u fuq paġna web, jew l-aktar tard, hekk kif din l-informazzjoni tkun tista’ tiġi pprovvduta b’mod raġonevoli:”;

    (b)

    il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “3.

    Il-membri tal-pubbliku kkonċernati għandu jkollhom l-opportunità bikrija u effettiva li jesprimu kummenti u opinjonijiet lill-awtorità kompetenti qabel ma tittieħed deċiżjoni.”;

    (c)

    il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “5.

    Għandhom jiġu pprovduti perjodi raġonevoli ta’ żmien għall-fażijiet differenti, billi jitħalla żmien biżżejjed sabiex il-pubbliku jiġi informat u biex il-membri tal-pubbliku kkonċernat iħejju ruħhom għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-ambjent, u jipparteċipaw b’mod effettiv fih, soġġett għal dan l-Anness.”.

    ANNESS VI

    L-Anness V tad-Direttiva 2010/75/UE huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-Parti 3, il-paragrafu 8, it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “L-operatur għandu jinforma lill-awtorità kompetenti dwar ir-riżultati tal-verifika tas-sistemi awtomizzati ta’ kejl mingħajr dewmien mhux dovut.”;

    (b)

    fil-Parti 3, il-paragrafu 10, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Kwalunkwe jum li fih ikunu invalidi aktar minn tliet valuri medji kull siegħa minħabba tħaddim ħażin jew minħabba manutenzjoni tas-sistema awtomizzata ta’ kejl, għandu jkun invalidat. Jekk ikunu invalidati aktar minn għaxart ijiem f’sena għal dawn is-sitwazzjonijiet, l-awtorità kompetenti għandha tesiġi li l-operatur jieħu miżuri adegwati biex itejjeb l-affidabbiltà tas-sistema awtomizzata ta’ kejl mingħajr dewmien mhux dovut.”.


    ANNESS VII

    L-Anness VI tad-Direttiva 2010/75/UE huwa emendat kif ġej:

    fil-Parti 6, il-punt 1.2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.2.

    Kampjunar u analiżi tas-sustanzi li jniġġsu kollha li jinkludu dijossini u furani kif ukoll il-garanzija tal-kwalità ta’ sistemi ta’ kejl awtomizzati u l-metodi ta’ kejl ta’ referenza biex jikkalibrawhom għandhom jitwettqu f’konformità mas-CEN-standards. Jekk l-istandards CEN mhumiex disponibbli, għandhom japplikaw l-istandards ISO, l-istandards nazzjonali jew standards internazzjonali oħra li jiżguraw l-għoti ta’ data ta’ kwalità xjentifika ekwivalenti. Dan japplika wkoll għas-sistema ta’ garanzija tal-kwalità tal-laboratorju li jwettaq il-kampjunar u l-analiżi. Is-sistemi awtomizzati ta’ kejl għandhom ikunu soġġetti għal kontroll permezz ta’ kejl parallel mal-metodi ta’ referenza mill-anqas darba fis-sena.”.

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1785/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top