Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024L1405

    Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2024/1405 tal-14 ta’ Marzu 2024 li temenda l-Anness IX tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward taż-żieda ta’ materja prima għall-produzzjoni tal-bijofjuwils u tal-bijogass

    C/2024/1585

    ĠU L, 2024/1405, 17.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_del/2024/1405/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 17/05/2024

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_del/2024/1405/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/1405

    17.5.2024

    DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1405

    tal-14 ta’ Marzu 2024

    li temenda l-Anness IX tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward taż-żieda ta’ materja prima għall-produzzjoni tal-bijofjuwils u tal-bijogass

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 28(6), it-tieni subparagrafu tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-bijofjuwils u l-bijogassijiet sostenibbli għandhom rwol importanti fiż-żieda tas-sehem tal-enerġija rinnovabbli fis-setturi li mistennija jiddependu fuq il-fjuwils likwidi fit-tul. Id-Direttiva (UE) 2018/2001tintroduċi dispożizzjonijiet ġodda għall-promozzjoni tal-użu tal-bijofjuwils u tal-bijogassijiet prodotti mill-materja prima elenkata fl-Anness IX ta’ dik id-Direttiva.

    (2)

    L-analiżi ta’ ċerta materja prima f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 28(6), it-tielet subparagrafu, tad-Direttiva (UE) 2018/2001 wriet li għandha potenzjal bħala materja prima għall-produzzjoni tal-bijofjuwils u tal-bijogass. Għalhekk jeħtieġ li dik il-materja prima tiżdied fl-Anness IX tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

    (3)

    Il-kriterju li jiddetermina jekk materja prima tiżdiedx mal-Parti A jew mal-Parti B tal-Anness IX huwa jekk il-materja prima tistax tiġi pproċessata biss b’teknoloġiji avvanzati jew jekk tistax tiġi pproċessata f’bijofjuwils jew bijogassijiet b’teknoloġiji maturi. Fin-nuqqas ta’ definizzjoni ta’ teknoloġiji avvanzati u maturi fid-Direttiva (UE) 2018/2001, jixraq jitqiesu għadd ta’ fatturi meta tiżdied materja prima fil-Parti A tal-Anness IX jew fil-Parti B tal-Anness IX. Apparti l-indikaturi għat-tħejjija tat-teknoloġija u l-preparatezza kummerċjali dan jinkludi wkoll l-livell ta’ implimentazzjoni tat-teknoloġiji. Barra minn hekk, il-livell ta’ maturità tat-teknoloġija jvarja bejn it-tip ta’ fjuwils li jiġu prodotti. Fir-rigward tal-għelejjel intermedji u tal-għelejjel imkabbra fuq art li ddeterjorat b’mod gravi, it-teknoloġiji meħtieġa għall-ipproċessar ta’ dik il-materja prima f’bijofjuwils użati fl-avjazzjoni għadhom mhumiex implimentati kummerċjalment fuq skala kbira filwaqt li teknoloġiji maturi diġà huma disponibbli u implimentati fuq skala kbira għall-ipproċessar tal-istess materja prima f’tipi oħra ta’ bijofjuwils li jintużaw f’setturi oħra tat-trasport bħall-bijodiżil, il-bijoetanol u l-bijogass. Għalhekk, huwa xieraq li tiżdied dik il-materja prima, esklussivament meta tintuża għall-produzzjoni tal-bijofjuwils għas-settur tal-avjazzjoni, fil-Parti A tal-Anness IX tad-Direttiva, u fil-Parti B tal-Anness IX tad-Direttiva jekk il-materja prima tintuża għall-produzzjoni ta’ tipi oħra ta’ bijofjuils li jintużaw f’setturi oħra tat-trasport.

    (4)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta regolarment jekk il-materja prima inkluża bħala materja prima għall-produzzjoni tal-bijofjuwils u l-bijogassijiet għat-trasport komplietx tissodisfa l-kriterji u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 28(6) tar-RED, partikolarment fir-rigward tas-sostenibbiltà, kif ukoll biex tiżgura li l-investimenti fl-aktar teknoloġiji tal-ipproċessar avvanzati, inklużi dawk meħtieġa għall-produzzjoni tal-fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika, ma humiex qed jiġu skoraġġuti u li l-miri rilevanti stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2018/2001 jistgħu jintlaħqu.

    (5)

    Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva (UE) 2018/2001 tiġi emendata skont dan,

    ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    L-Anness IX tad-Direttiva (UE) 2018/2001 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Direttiva.

    Artikolu 2

    1.   L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn . Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Marzu 2024.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/dir/2018/2001/oj?locale=mt.


    ANNESS

    L-Anness IX tad-Direttiva (UE) 2018/2001 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fil-Parti A, tiżdied il-materja prima li ġejja:

    “(r)

    Żjut fusel mid-distillazzjoni alkoħolika;

    (s)

    Metanol mhux ipproċessat minn polpa kraft li ġejja mill-produzzjoni ta’ polpa tal-injam;

    (t)

    Għelejjel intermedji, meta jintużaw għall-produzzjoni tal-bijofjuwil għas-settur tal-avjazzjoni, bħall-għelejjel tat-titwiq u għelejjel ta’ kopertura li jitkabbru f’żoni meta minħabba perjodu qasir ta’ veġetazzjoni l-produzzjoni ta’ għelejjel tal-ikel u tal-għalf tkun limitata għal ħsad wieħed u dment li l-użu tagħhom ma jwassalx għal domanda għal art addizzjonali, u dment li jinżamm il-kontenut ta’ materja organika fil-ħamrija;

    (u)

    Għelejjel imkabbra fuq art li ddeterjorat b’mod gravi, minbarra għelejjel tal-ikel u tal-għalf, meta jintużaw għall-produzzjoni tal-bijofjuwil għas-settur tal-avjazzjoni;

    (v)

    Ċjanobatterji.”;

    (2)

    fil-Parti B, tiżdied il-materja prima li ġejja:

    “(c)

    Għelejjel danneġġati li mhumiex tajbin għall-użu fil-katina tal-ikel jew tal-għalf, minbarra sustanzi li ġew modifikati jew ikkontaminati intenzjonalment sabiex jissodisfaw din id-definizzjoni;

    (d)

    Ilma mormi muniċipali u derivattivi għajr il-ħama tad-drenaġġ;

    (e)

    Għelejjel imkabbra fuq art li ddeterjorat b’mod gravi, minbarra għelejjel tal-ikel u tal-għalf elenkati fil-Parti A ta’ dan l-Anness, meta jintużaw għall-produzzjoni tal-bijofjuwil għas-settur tal-avjazzjoni;

    (f)

    Għelejjel intermedji, meta ma jintużawx għall-produzzjoni tal-bijofjuwil għas-settur tal-avjazzjoni, u jeskludu materja prima elenkata fil-Parti A ta’ dan l-Anness, bħall-għelejjel tat-titwiq u għelejjel ta’ kopertura li jitkabbru f’żoni fejn minħabba perjodu qasir ta’ veġetazzjoni l-produzzjoni ta’ għelejjel tal-ikel u tal-għalf tkun limitata għal ħsad wieħed u dment li l-użu tagħhom ma jwassalx għal domanda għal art addizzjonali, u dment li jinżamm il-kontenut ta’ materja organika fil-ħamrija.”.


    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_del/2024/1405/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top