EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024D1795

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/1795 tal-24 ta’ Ġunju 2024 li temenda d-Deċiżjoni 2011/235/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran

ST/10427/2024/INIT

ĠU L, 2024/1795, 25.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1795/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1795/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1795

25.6.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/1795

tal-24 ta’ Ġunju 2024

li temenda d-Deċiżjoni 2011/235/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ April 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/235/PESK (1).

(2)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2021 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill “dwar l-azzjoni umanitarja tal-UE: sfidi ġodda, l-istess prinċipji”, il-Kunsill afferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jevita u, fejn ma jistax jagħmel dan, itaffi kemm jista’ kwalunkwe impatt negattiv potenzjali mhux intenzjonat tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni fuq azzjoni umanitarja msejsa fuq il-prinċipji. Il-Kunsill tenna li l-miżuri restrittivi tal-Unjoni jikkonformaw mal-obbligi kollha skont id-dritt internazzjonali, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar ir-refuġjati. Huwa ssottolinja l-importanza li l-prinċipji umanitarji u d-dritt umanitarju internazzjonali jiġu rrispettati bis-sħiħ fil-politika tas-sanzjonijiet tal-Unjoni, inkluż permezz tal-inklużjoni konsistenti ta’ eċċezzjonijiet umanitarji fir-reġimi ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni fejn rilevanti, u billi jiġi żgurat li jkun hemm qafas effettiv biex jintuża f’dawn l-eċċezzjonijiet minn organizzazzjonijiet umanitarji.

(3)

Abbażi ta’ rieżami tad-Deċiżjoni 2011/235/PESK, u sabiex tiġi ffaċilitata azzjoni umanitarja msejsa fuq il-prinċipji minn atturi umanitarji imparzjali fl-Iran, il-Kunsill iqis li jenħtieġ li ċerti organizzazzjonijiet u aġenziji li jaġixxu bħala sħab umanitarji tal-Unjoni jiġu eżentati mill-projbizzjoni li jagħmlu fondi jew riżorsi ekonomiċi disponibbli għal persuni, entitajiet u korpi deżinjati, għal finijiet esklużivament umanitarji fl-Iran. Barra minn hekk, il-Kunsill iqis li jenħtieġ li jiġi introdott mekkaniżmu ta’ deroga għal dawk l-organizzazzjonijiet u l-atturi involuti f’attivitajiet umanitarji li ma jistgħux jibbenefikaw minn dik l-eżenzjoni umanitarja. Barra minn hekk, il-Kunsill iqis ukoll li jenħtieġ li tiġi introdotta klawżola ta’ rieżami relatata ma’ dawk l-eċċezzjonijiet.

(4)

Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2011/235/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2011/235/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“7.   Il-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 2 ma għandhiex tapplika għal organizzazzjonijiet u aġenziji li huma soġġetti għall-valutazzjoni tal-pilastri mill-Unjoni u li magħhom l-Unjoni ffirmat ftehim qafas ta’ sħubija finanzjarja li abbażi tiegħu l-organizzazzjonijiet u l-aġenziji jaġixxu bħala sħab umanitarji tal-Unjoni, dment li l-forniment tal-fondi jew tar-riżorsi ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 2 ikun meħtieġ għal finijiet esklużivament umanitarji fl-Iran.

8.   F’każijiet mhux koperti mill-paragrafu 7, u b’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jagħtu awtorizzazzjonijiet speċifiċi jew ġenerali, taħt kondizzjonijiet ġenerali jew speċifiċi li huma jqisu xierqa, biex jiġu rrilaxxati ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jew biex isiru disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, dment li l-forniment ta’ tali fondi jew riżorsi ekonomiċi jkun meħtieġ għal finijiet esklużivament umanitarji fl-Iran.

9.   Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni negattiva, talba għall-informazzjoni jew notifika għal iktar żmien mill-awtorità kompetenti rilevanti fi żmien 5 ijiem ta’ xogħol mid-data tal-wasla ta’ talba għall-awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 8, dik l-awtorizzazzjoni għandha titqies li ngħatat.

10.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe awtorizzazzjoni li tingħata skont il-paragrafi 8 jew 9 fi żmien ġimagħtejn minn tali awtorizzazzjoni.”.

(2)

Fl-Artikolu 6, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   L-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 fir-rigward tal-Artikolu 2(1) u (2) għandhom jiġu rrieżaminati f’intervalli regolari, u mill-inqas kull 12-il xahar, jew fuq talba urġenti ta’ kwalunkwe Stat Membru, tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà jew tal-Kummissjoni wara bidla fundamentali fiċ-ċirkostanzi.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-24 ta’ Ġunju 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/235/PESK tat-12 ta’ April 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran (ĠU L 100, 14.4.2011, p. 51).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1795/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top