Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024D1663

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1663 tat-12 ta’ Ġunju 2024 dwar il-fażi Inizjali tal-Kondiviżjoni tal-Informazzjoni dwar it-Trajettorja fil-Proġett Komuni Wieħed stabbilit bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/116

    C/2024/3845

    ĠU L, 2024/1663, 14.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/1663/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/1663/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/1663

    14.6.2024

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1663

    tat-12 ta’ Ġunju 2024

    dwar il-fażi Inizjali tal-Kondiviżjoni tal-Informazzjoni dwar it-Trajettorja fil-Proġett Komuni Wieħed stabbilit bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/116

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2024 dwar il-forniment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru fl-ajru uniku Ewropew (ir-Regolament tal-forniment ta’ servizz) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15a tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 409/2013 (2) jistabbilixxi l-qafas għall-mobilizzazzjoni tar-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR). Dan jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-kontenut ta’ proġetti komuni, għall-istabbiliment, l-adozzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tagħhom.

    (2)

    Il-Proġett Komuni Wieħed (CP1), stabbilit bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/116 (3), jistabbilixxi sitt funzjonalitajiet tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (“ATM”) u s-sottofunzjonalitajiet rispettivi tagħhom, inkluża l-funzjonalità tal-ATM dwar il-fażi inizjali tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar it-trajettorja (“AF6”).

    (3)

    Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 409/2013, il-funzjonalitajiet u s-sottofunzjonalitajiet tagħhom identifikati fi proġett komuni, għandhom ikunu lesti għall-implimentazzjoni u jeħtieġu implimentazzjoni sinkronizzata. It-tħejjija għall-implimentazzjoni għandha tiġi vvalutata, fost affarijiet oħra, abbażi tar-riżultati tal-validazzjoni mwettqa matul il-fażi tal-iżvilupp tas-SESAR, l-istatus tal-industrijalizzazzjoni u valutazzjoni tal-interoperabbiltà, kif ukoll fir-rigward tal-Pjan Globali tan-Navigazzjoni bl-Ajru tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“ICAO”) u tal-materjal rilevanti tal-ICAO.

    (4)

    Skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 409/2013, proġett komuni jista’ jinkludi wkoll funzjonalitajiet jew sottofunzjonalitajiet tal-ATM li, fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ tal-proġett komuni, ma jkunux lesti għall-implimentazzjoni iżda jikkostitwixxu komponent essenzjali tal-proġett komuni, dment li l-industrijalizzazzjoni tagħhom titqies li ġiet iffinalizzata b’data fil-mira għall-industrijalizzazzjoni stabbilita fi żmien tliet snin mill-adozzjoni tal-proġett komuni kkonċernat.

    (5)

    L-AF6, għalkemm ma tqisitx lesta għall-implimentazzjoni fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/116, tqieset bħala komponent essenzjali tal-CP1 u ġiet inkluża b’data fil-mira għall-industrijalizzazzjoni stabbilita għall-31 ta’ Diċembru 2023 u data fil-mira għall-implimentazzjoni stabbilita għall-31 ta’ Diċembru 2027.

    (6)

    Skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 409/2013, mal-iskadenza tad-data fil-mira għall-industrijalizzazzjoni tal-AF6, il-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (“l-Aġenzija”), ivverifikat li l-AF6 kienet ġiet standardizzata u li kienet lesta għall-implimentazzjoni.

    (7)

    Għal dak l-għan, l-Aġenzija wettqet valutazzjoni preliminari tal-industrijalizzazzjoni u l-istat ta’ tħejjija tal-AF6 u sussegwentement waqqfet u kkoordinat il-forum tal-industrijalizzazzjoni tas-CP1 magħmul minn rappreżentanti tal-maniġer tal-mobilizzazzjoni, l-Impriża Konġunta SESAR 3, Eurocae, il-Maniġer tan-Network, il-manifatturi tal-inġenji tal-ajru u l-manifatturi tat-tagħmir fuq l-art tal-avjazzjoni, irrappreżentati mill-Assoċjazzjoni tal-Industriji Ajruspazjali, tas-Sigurtà u tad-Difiża tal-Ewropa (ASD). L-objettiv tal-forum kien li jiddefinixxi u jiżgura l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet koordinati meħtieġa biex tintlaħaq id-data fil-mira għall-industrijalizzazzjoni tal-AF6 tal-31 ta’ Diċembru 2023.

    (8)

    Il-forum tal-industrijalizzazzjoni tas-CP1 ħadem matul l-2023 u qabel dwar l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu minn kull grupp ta’ partijiet ikkonċernati biex jinkisbu l-istandardizzazzjoni u t-tħejjija għall-implimentazzjoni tal-AF6.

    (9)

    Fit-12 ta’ Diċembru 2023, l-Aġenzija kkonsultat lir-rappreżentanti tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru dwar l-implimentazzjoni tal-avjonika rilevanti tal-AF6. Bl-eċċezzjoni tal-assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-operaturi tal-inġenji tal-ajru kummerċjali (EBAA), l-operaturi kollha tal-inġenji tal-ajru kummerċjali rrappreżentati fil-forum tal-industrijalizzazzjoni kkonfermaw ir-rieda għall-implimentazzjoni tal-AF6.

    (10)

    Fl-1 ta’ Diċembru 2023, il-maniġer tal-mobilizzazzjoni, il-Maniġer tan-Network, il-grupp “A4 Airline” (Air France, easyJet, il-Lufthansa Group u Ryanair), u l-Impriża Konġunta SESAR 3 ikkonfermaw lill-Kummissjoni l-impenn tagħhom li jiżguraw l-implimentazzjoni tal-AF6 sal-31 ta’ Diċembru 2027.

    (11)

    Fis-26 ta’ Jannar 2024, l-Aġenzija ppreżentat is-sejbiet tagħha lill-Kummissjoni. Abbażi tal-informazzjoni miġbura u tal-investigazzjonijiet imwettqa, l-Aġenzija kkonkludiet li l-AF6 kienet lesta għall-implimentazzjoni. Filwaqt li tirrikonoxxi l-isforzi li saru mill-membri tal-forum tal-industrijalizzazzjoni tas-CP1 u l-impenji bil-miktub tagħhom biex jimplimentaw l-AF6, l-Aġenzija rrakkomandat ukoll miżuri ta’ akkumpanjament mhux vinkolanti li għandhom jitwettqu minn korpi ta’ standardizzazzjoni u partijiet ikkonċernati operazzjonali biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-AF6. L-Aġenzija ddikjarat ukoll li hija lesta tappoġġa lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ u s-sorveljanza ta’ dawk il-miżuri ta’ akkumpanjament.

    (12)

    Fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-Aġenzija u tal-opinjonijiet u l-impenji tal-partijiet ikkonċernati interessati, il-Kummissjoni tqis li l-AF6 hija lesta għall-implimentazzjoni.

    (13)

    Fil-valutazzjoni tal-konformità mad-data fil-mira għall-implimentazzjoni tal-AF6 tal-31 ta’ Diċembru 2027, il-Kummissjoni se tikkunsidra jekk il-partijiet ikkonċernati rikjesti biex jimplimentaw l-AF6 kinux ippjanaw l-investimenti rilevanti tal-AF6 u li kienu ħadu l-miżuri meħtieġa biex jakkwistaw it-tagħmir, is-software jew is-servizzi rilevanti li għandhom jiġu implimentati fi żmien xieraq.

    (14)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ajru Uniku.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-funzjonalità tal-ATM dwar il-fażi Inizjali tal-Kondiviżjoni tal-Informazzjoni dwar it-Trajettorja Inizjali (AF6) fil-Proġett Komuni Wieħed stabbilit bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/116 hija b’dan meqjusa lesta għall-implimentazzjoni u għandha tiġi implimentata sal-31 ta’ Diċembru 2027.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Ġunju 2024.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 96, 31.3.2004, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/550/oj.

    (2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 409/2013 tat-3 ta’ Mejju 2013 dwar id-definizzjoni ta’ proġetti komuni, it-twaqqif ta’ governanza u l-identifikazzjoni ta’ inċentivi li jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-Pjan Regolatorju Ewropew għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (ĠU L 123, 4.5.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/409/oj).

    (3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/116 tal-1 ta’ Frar 2021 dwar l-istabbiliment tal-Proġett Komuni Wieħed li jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Pjan Regolatorju Ewropew għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru previst fir-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 409/2013 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 716/2014 (ĠU L 36, 2.2.2021, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/116/oj).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/1663/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top