This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32024D1644
Council Decision (EU) 2024/1644 of 30 May 2024 on the position to be taken on behalf of the European Union in the Energy Charter Conference
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1644 tat-30 ta’ Mejju 2024 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1644 tat-30 ta’ Mejju 2024 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija
ST/9616/2024/INIT
ĠU L, 2024/1644, 6.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1644/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
2024/1644 |
6.6.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/1644
tat-30 ta’ Mejju 2024
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 194(2) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
It-Trattat tal-Karta tal-Enerġija (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 98/181/KE, KEFA, Euratom (1) u daħal fis-seħħ fis-16 ta’ April 1998. |
(2) |
Fin-nuqqas ta’ xi aġġornament sostanzjali tal-Ftehim mis-snin 90, il-Ftehim kulma jmur sar dejjem iktar antikwat. |
(3) |
Fl-2019, il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim (il-“Partijiet Kontraenti”) daħlu f’negozjati bl-għan li jimmodernizzaw il-Ftehim biex jallinjawh mal-prinċipji tal-Ftehim ta’ Pariġi adottat fit-12 ta’ Diċembru 2015 fil-kuntest tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, mar-rekwiżiti tal-iżvilupp sostenibbli u mal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, kif ukoll ma’ standards moderni tal-protezzjoni tal-investiment. |
(4) |
Matul Konferenza ad hoc fl-24 ta’ Ġunju 2022, il-Partijiet Kontraenti laħqu ftehim fil-prinċipju dwar it-test modernizzat tal-Ftehim, u b’hekk ikkonkludew in-negozjati, mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni finali mill-Partijiet Kontraenti. L-eżitu nnegozjat kellu jiġi adottat fit-33 laqgħa tal-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija fit-22 ta’ Novembru 2022. |
(5) |
Skont l-Artikolu 34 tal-Ftehim, il-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija tadotta testi ta’ emendi tal-Ftehim u tapprova modifiki u bidliet tekniċi fl-Annessi tal-Ftehim. |
(6) |
Il-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija għandha tadotta l-emendi proposti għall-Ftehim u tapprova (i) il-modifiki u l-bidliet tekniċi proposti fl-Annessi tal-Ftehim,(ii) il-bidliet proposti għad-deċiżjonijiet, id-dikjarazzjonijiet u l-ftehim, u (iii) id-deċiżjoni dwar id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni proviżorja tal-emendi għall-Ftehim u l-modifiki u l-bidliet tekniċi fl-Annessi tiegħu. Huwa mistenni li matul l-2024 il-Konferenza ser terġa’ tressaq l-emendi proposti għall-adozzjoni. |
(7) |
B’mod parallel ma’ din il-proposta, il-Kummissjoni ressqet proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-ħruġ tal-Unjoni mill-Ftehim li għandu jiġi adottat fl-istess ħin ma’ din il-proposta. |
(8) |
Huwa xieraq li l-Unjoni ma teżerċitax il-vot tagħha fil-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija li tivvota dwar l-emendi proposti għall-Ftehim u li tistabbilixxi l-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri li huma Partijiet Kontraenti għal kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni. Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri u kwalunkwe koordinazzjoni futura wara l-ħruġ tal-Unjoni mill-Ftehim. |
(9) |
L-abbozzi tad-deċiżjonijiet tal-konferenza dwar il-modernizzazzjoni tal-Ftehim jipprevedu li xi emendi għall-Ftehim kif ukoll il-modifiki u l-bidliet fl-Annessi tal-Ftehim ser japplikaw proviżorjament minn data li għandha tiġi ddeterminata mill-Partijiet Kontraenti, sakemm Parti Kontraenti ma tagħżilx li ma tapplikahomx proviżorjament billi tagħmel dikjarazzjoni għal dak l-għan fi żmien skadenza speċifika. Għalhekk, jenħtieġ li l-Unjoni tieħu pożizzjoni dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim modernizzat. Soġġett għall-adozzjoni tal-Ftehim modernizzat mill-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija, il-Kunsill, skont l-Artikolu 218(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jista’ jadotta deċiżjoni dwar applikazzjoni proviżorja, fuq proposta tal-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta’ tali deċiżjoni tal-Kunsill ġimagħtejn qabel l-iskadenza għan-notifika ta’ nonparteċipazzjoni fl-applikazzjoni proviżorja, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinnotifika lid-depożitarju tal-Ftehim li l-Unjoni u l-Euratom jagħżlu li ma japplikawx b’mod proviżorju. Dan huwa mingħajr preġudizzju għat-tul ta’ żmien tal-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim modernizzat mill-Unjoni u l-Euratom fejn il-Kunsill jadotta deċiżjoni għal dak l-għan. |
(10) |
L-oqsma koperti mill-emendi proposti għall-Ftehim jaqgħu fil-biċċa l-kbira taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri li huma Partijiet Kontraenti u li huma preżenti fil-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija jieħdu pożizzjoni li ma timpedix l-adozzjoni tal-modernizzazzjoni permezz tal-emendi proposti għall-Ftehim, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. F’konformità mal-Artikolu 36(7) tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija (il-“Ftehim”), l-Unjoni ma għandhiex teżerċita d-dritt tagħha li tivvota fil-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija dwar l-emendi proposti għall-Ftehim.
2. L-Istati Membri li huma Partijiet Kontraenti għall-Ftehim u li huma preżenti fil-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija għandhom jeżerċitaw il-vot tagħhom sabiex:
(a) |
ma jimpedux l-adozzjoni mill-Konferenza tal-emendi proposti għall-Ftehim |
(b) |
ma jimpedux l-approvazzjoni tal-modifiki u tal-bidliet tekniċi proposti fl-Annessi tal-Ftehim; |
(c) |
ma jimpedux l-approvazzjoni tal-bidliet proposti għad-deċiżjonijiet, id-dikjarazzjonijiet u l-ftehim; u |
(d) |
ma jimpedux l-approvazzjoni ta’ deċiżjoni dwar id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni proviżorja ta’emendi għall-Ftehim u modifiki u bidliet tekniċi għall-Annessi tiegħu. |
Artikolu 2
Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim modernizzat ġimagħtejn qabel l-iskadenza għan-notifika ta’ nonparteċipazzjoni mill-applikazzjoni proviżorja, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lid-depożitarju tal-Ftehim li l-Unjoni u l-Euratom jagħżlu li ma japplikawx b’mod proviżorju.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Mejju 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
T. VAN DER STRAETEN
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 98/181/KE, KEFA, Euratom tat-23 ta’ Settembru 1997 dwar il-konklużjoni, mill-Komunitajiet Ewropej, tat-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija u l-Protokoll tal-Karta tal-Enerġija dwar l-effiċjenza fl-enerġija u aspetti ambjentali relatati (ĠU L 69, 9.3.1998, p. 1).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1644/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)