Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024D1336

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/1336 tal-14 ta’ Mejju 2024 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2023/1532 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna

    ST/9148/2024/INIT

    ĠU L, 2024/1336, 15.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1336/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1336/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/1336

    15.5.2024

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/1336

    tal-14 ta’ Mejju 2024

    li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2023/1532 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fl-20 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/1532 (1).

    (2)

    Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-21 u t-22 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill Ewropew iddikjara li l-aċċess tar-Russja għal oġġetti u teknoloġiji sensittivi b’rilevanza għall-kampijiet tal-battalja jrid ikun ristrett kemm jista’ jkun, inkluż billi jiġu mmirati entitajiet f’pajjiżi terzi li jippermettu ċ-ċirkomvenzjoni ta’ sanzjonijiet. Il-Kunsill Ewropew appella lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“ir-Rappreżentant Għoli”) u lill-Kummissjoni biex iħejju aktar sanzjonijiet kontra l-Belarussja, il-Korea ta’ Fuq u l-Iran. Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew iddikjara li l-Unjoni Ewropea ser tkompli taħdem b’mod intensiv mas-sħab reġjonali u internazzjonali biex tipprevjeni eskalazzjoni reġjonali ulterjuri, b’mod partikolari fil-Libanu u l-Baħar l-Aħmar. Il-Kunsill Ewropew appella lill-atturi kollha, partikolarment l-Iran, biex iżommu lura minn azzjonijiet eskalatorji.

    (3)

    Fl-14 ta’ April 2024, fid-dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli f’isem l-Unjoni, l-Unjoni kkundannat bl-aktar mod qawwi l-attakki Iranjani bid-droni u l-missili kontra Iżrael fit-13 ta’ April 2024 bħala eskalazzjoni bla preċedent u theddida għas-sigurtà reġjonali.

    (4)

    Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-17 ta’ April 2024, il-Kunsill Ewropew ikkundanna bil-qawwa u b’mod inekwivoku l-attakk Iranjan fuq Iżrael u tenna s-solidarjetà sħiħa tiegħu mal-poplu ta’ Iżrael u l-impenn tiegħu għas-sigurtà ta’ Iżrael u għall-istabbiltà tar-reġjun. Il-Kunsill Ewropew appella lill-Iran u lill-forzi bi prokura tiegħu biex iwaqqfu l-attakki kollha u ħeġġeġ lill-partijiet kollha jeżerċitaw l-akbar trażżin u joqogħdu lura minn kwalunkwe azzjoni li tista’ żżid it-tensjonijiet fir-reġjun. Barra minn hekk, il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew iddikjaraw li l-Unjoni ser tieħu aktar miżuri restrittivi kontra l-Iran, b’mod partikolari fir-rigward tal-vetturi tal-ajru mingħajr bdot abbord (UAVs) u l-missili. Fl-aħħar nett, il-Kunsill Ewropew tenna li l-Unjoni tibqa’ impenjata bis-sħiħ li tikkontribwixxi għat-tnaqqis tat-tensjoni u għas-sigurtà fir-reġjun.

    (5)

    Ir-Russja qed tuża UAVs prodotti fl-Iran b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna, li tikser is-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali ta’ dak il-pajjiż, inkluż kontra ċ-ċivili u l-infrastruttura ċivili. Il-programm Iranjan sponsorjat mill-Istat għall-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ UAVs għalhekk jikkontribwixxi għall-ksur tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-prinċipji fundamentali tal-liġi internazzjonali.

    (6)

    L-Unjoni hija estremament imħassba dwar rapporti li l-Iran jista’ jittrasferixxi missili lejn ir-Russja għall-użu fil-gwerra ta’ aggressjoni tiegħu kontra l-Ukrajna.

    (7)

    Il-proliferazzjoni ta’ UAVs u missili prodotti fl-Iran u teknoloġiji relatati għand gruppi armati mhux statali fil-Lvant Nofsani u lil hinn minnu hija kwistjoni ċentrali ta’ tħassib. L-Iran ittrasferixxa UAVs u missili prodotti fl-Iran lil gruppi u entitajiet armati, inkluż lill-Ħamas, lill-Hezbollah, lill-Houthi u lil milizzji fis-Sirja u l-Iraq, kif ukoll lil partijiet fil-kunflitt fis-Sudan.

    (8)

    Il-programm tal-missili Iranjani, li huwa bbażat fuq kumpaniji tal-istat kif ukoll privati u jibbenefika minn kapaċitajiet ta’ riċerka domestiċi, huwa mmexxi mill-Ministeru għad-Difiża u l-Loġistika tal-Forzi Armati tal-Iran u l-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika, li t-tnejn li huma korpi sanzjonati mill-Unjoni. Il-programm tal-missili Iranjani jinkludi l-akkwist, l-iżvilupp, il-produzzjoni u t-trasferiment tal-missili.

    (9)

    L-Iran għandu relazzjoni fit-tul ma’ gruppi armati u entitajiet fil-Lvant Nofsani u r-reġjun tal-Baħar l-Aħmar, inkluż organizzazzjonijiet terroristiċi bħall-fergħat militari tal-Hezbollah u l-Ħamas, u pprovdielhom missili u mezzi ta’ produzzjoni prodotti fl-Iran.

    (10)

    Il-forniment kontinwu mill-Iran ta’ armi u materjal relatat lill-Houthi qed jikser ir-Riżoluzzjoni 2216 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

    (11)

    L-attakki fuq rotot marittimi ċentrali mill-Houthi fil-Lvant Nofsani u r-reġjun tal-Baħar l-Aħmar huma ta’ tħassib ċentrali fir-rigward tal-interessi tal-Unjoni u l-Istati Membri. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/632 (2) nediet operazzjoni ta’ sigurtà marittima tal-Unjoni Ewropea biex tiġi ssalvagwardata l-libertà ta’ navigazzjoni b’rabta mal-kriżi tal-Baħar l-Aħmar (EUNAVFOR ASPIDES). Huwa fl-interess tal-Unjoni u tal-Istati Membri li jadottaw miżuri fil-qafas tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni sabiex jiġi evitat li l-Houthi jiksbu aktar aċċess għal armi prodotti fl-Iran bħal missili u UAVs.

    (12)

    Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, u b’rispons għall-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, kif ukoll il-forniment mill-Iran ta’ UAVs u missili lil gruppi armati u entitajiet fil-Lvant Nofsani u fir-reġjun tal-Baħar l-Aħmar, li jdgħajjef il-paċi u s-sigurtà, kif ukoll is-sovranità tal-istati, huwa xieraq li jiġu introdotti aktar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Iran. Jenħtieġ li dawk il-miżuri jinżammu taħt rieżami u jenħtieġ li jkunu jistgħu jiġu sospiżi jew irtirati, jew jiġu supplimentati minn miżuri oħra restrittivi, fid-dawl ta’ żviluppi fuq il-post.

    (13)

    B’mod partikolari, jenħtieġ li t-titolu tad-Deċiżjoni (PESK) 2023/1532 jiġi emendat u jenħtieġ li jiġu imposti restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u miżuri ta’ ffriżar tal-assi kontra persuni li huma responsabbli għal, li jappoġġjaw jew li huma involuti fil-programm tal-missili Iranjani, jew li jfornu, ibigħu jew li b’xi mod ieħor huma involuti fit-trasferiment tal-missili jew l-UAVs jew teknoloġiji relatati tal-Iran lir-Russja b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna, jew lil gruppi u entitajiet armati biex jimminaw il-paċi u s-sigurtà fil-Lvant Nofsani u r-reġjun tal-Baħar l-Aħmar, jew bi ksur tar-Riżoluzzjoni 2216 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

    (14)

    Huwa xieraq ukoll li tiġi pprojbita l-esportazzjoni mill-Unjoni lill-Iran ta’ komponenti oħra li jistgħu jiġu wżati fl-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ UAVs.

    (15)

    Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri.

    (16)

    Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2023/1532 tiġi emendata skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni (PESK) 2023/1532 hija emendata kif ġej:

    (1)

    it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1532 tal-20 ta’ Lulju 2023 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u lil gruppi armati u entitajiet fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Baħar l-Aħmar”.

    (2)

    L-Artikolu 2(1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipprevjenu d-dħul fit-territorji tagħhom, jew it-tranżitu minnhom, ta’ persuni fiżiċi:

    (a)

    li huma responsabbli għall-programm ta’ UAVs jew tal-missili tal-Iran, li jappoġġawh jew huma involuti fih;

    (b)

    li jfornu, ibigħu jew li b’xi mod ieħor huma involuti fit-trasferiment ta’ UAVs jew missili jew teknoloġiji relatati tal-Iran:

    (i)

    lir-Russja b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna;

    (ii)

    lil gruppi armati u entitajiet li jdgħajfu l-paċi u s-sigurtà fil-Lvant Nofsani u fir-reġjun tal-Baħar l-Aħmar;

    (iii)

    lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jaġixxi bi ksur tar-Riżoluzzjoni 2216 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti; jew

    (c)

    assoċjati ma’ persuni fiżiċi msemmija fil-punt (a) jew fil-punt (b), jew ma’ persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati skont l-Artikolu 3(1);

    kif elenkati fl-Anness.”.

    (3)

    L-Artikolu 3(1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew li huma proprjetà ta’, jew huma miżmuma jew ikkontrollati minn, persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi:

    (a)

    li huma responsabbli għall-programm ta’ UAVs jew tal-missili tal-Iran, li jappoġġawh jew huma involuti fih;

    (b)

    li jfornu, ibigħu jew li b’xi mod ieħor huma involuti fit-trasferiment ta’ UAVs jew missili jew teknoloġiji relatati tal-Iran:

    (i)

    lir-Russja b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna;

    (ii)

    lil gruppi armati u entitajiet li jdgħajfu l-paċi u s-sigurtà fil-Lvant Nofsani u fir-reġjun tal-Baħar l-Aħmar;

    (iii)

    lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jaġixxi bi ksur tar-Riżoluzzjoni 2216 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti; jew,

    (c)

    huma assoċjati ma’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmijin fil-punt (a) jew fil-punt (b);

    kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Mejju 2024.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    V. VAN PETEGHEM


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1532 tal-20 ta’ Lulju 2023 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna (ĠU L 186, 25.7.2023, p. 20).

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/632 tad-19 ta’ Frar 2024 li tniedi l-operazzjoni ta’ sigurtà marittima tal-Unjoni Ewropea biex tiġi ssalvagwardata l-libertà ta’ navigazzjoni b’rabta mal-kriżi tal-Baħar l-Aħmar (EUNAVFOR ASPIDES) (ĠU L, 2024/632, 20.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/632/oj).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1336/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top