EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024D1259

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1259 tat-22 ta’ April 2024 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali rigward l-adeżjoni tar-Repubblika tas-Senegal mal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995

ST/8057/2024/INIT

ĠU L, 2024/1259, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1259/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1259/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1259

30.4.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/1259

tat-22 ta’ April 2024

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali rigward l-adeżjoni tar-Repubblika tas-Senegal mal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995 (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 96/88/KE (1) u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1995. Il-Konvenzjoni ġiet konkluża għal perjodu ta’ 3 snin.

(2)

Skont l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni, il-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali jista’ jestendi l-Konvenzjoni għal perjodi suċċessivi ta’ mhux aktar minn sentejn kull darba. Mill-konklużjoni tagħha, il-Konvenzjoni ġiet estiża regolarment għal perjodi oħra ta’ sentejn. Il-Konvenzjoni ġiet estiża l-aħħar permezz tad-deċiżjoni tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali fl-14 ta’ Ġunju 2023 (2), u se tibqa’ fis-seħħ sat-30 ta’ Ġunju 2025.

(3)

Skont l-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni, hi miftuħa għall-adeżjoni tal-Gvernijiet tal-Istati kollha bil-kundizzjonijiet li l-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali jqis xierqa.

(4)

Fit-22 ta’ Diċembru 2023, ir-Repubblika tas-Senegal applikat formalment għall-adeżjoni mal-Konvenzjoni. Jekk l-applikazzjoni għall-adeżjoni tiġi approvata, ir-Repubblika tas-Senegal issir membru fl-1 ta’ Mejju 2024.

(5)

Is-Senegal huwa produttur importanti tar-ross u tal-ħbub ħoxnin. Madankollu, mhuwiex awtosuffiċjenti u ma jistax ikopri kompletament il-konsum domestiku u għalhekk ikollu jimporta kwantitajiet addizzjonali ta’ diversi ċereali.

(6)

Jekk tiġi approvata l-applikazzjoni tar-Repubblika tas-Senegal biex taderixxi mal-Konvenzjoni u konsegwentement biex tipparteċipa fil-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali, ir-Repubblika tas-Senegal tkun membru importatriċi f’konformità mal-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni. Peress li l-Unjoni hija membru esportatur, l-adeżjoni tar-Repubblika tas-Senegal mhix se taffettwa n-numru ta’ voti allokati lill-Unjoni għall-finijiet tal-votazzjoni skont l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni. Mis-sena kontabilistika tal-2024-2025, l-adeżjoni tar-Repubblika tas-Senegal madankollu tista’ tnaqqas in-numru ta’ voti allokati lill-Unjoni skont l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni, li jintuża biex tiġi ddeterminata l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-membri.

(7)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali u li tiġi approvata l-adeżjoni tar-Repubblika tas-Senegal mal-Konvenzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali għandha tkun li tapprova l-adeżjoni tar-Repubblika tas-Senegal mal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-22 ta’ April 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 96/88/KE tad-19 ta’ Diċembru 1995 rigward l-approvazzjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali u l-Konvenzjoni tal-Għajnuna Alimentari, li tikkostitwixxi l-Ftehim dwar iċ-Ċereali Internazzjonali tal-1995 (ĠU L 21, 27.1.1996, p. 47).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/991 tal-15 ta’ Mejju 2023 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali fir-rigward tal-estensjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995 (ĠU L 135, 23.5.2023, p. 114).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1259/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top