Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024D1245

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1245 tat-2 ta' Mejju 2024 li tistabbilixxi regoli interni dwar l-għoti ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-data u r-restrizzjonijiet ta’ ċerti drittijiet tagħhom mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-attivitajiet tas-Servizz ta’ Medjazzjoni

    C/2024/2791

    ĠU L, 2024/1245, 3.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1245/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1245/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/1245

    3.5.2024

    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1245

    tat-2 ta' Mejju 2024

    li tistabbilixxi regoli interni dwar l-għoti ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-data u r-restrizzjonijiet ta’ ċerti drittijiet tagħhom mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-attivitajiet tas-Servizz ta’ Medjazzjoni

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2024)1420 (2) dwar is-Servizz ta’ Medjazzjoni tistabbilixxi s-Servizz ta’ Medjazzjoni bħala servizz indipendenti fil-Kummissjoni. Il-kompitu tiegħu huwa li jiffaċilita r-riżoluzzjoni bonarja ta’ kunflitti fuq il-post tax-xogħol jew tilwim relatat mad-drittijiet u l-obbligi tal-membri tal-persunal tal-Kummissjoni koperti mir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali (“Regolamenti tal-Persunal”) u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra (CEOS, Conditions of Employment of Other Servants) tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (3).

    (2)

    Id-Deċiżjoni C(2024)1420 tistabbilixxi proċedura informali li biha kwalunkwe persuna li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha tista’ titlob l-assistenza tas-Servizz ta’ Medjazzjoni.

    (3)

    Il-Kummissjoni u, fil-kuntest ta’ din id-Deċiżjoni, is-Servizz ta’ Medjazzjoni f’isimha, jikkontribwixxu għal post tax-xogħol produttiv u rispettuż, billi jsolvu b’mod informali t-tilwim qabel ma jeskalaw, u billi jipprevjenu sitwazzjonijiet simili milli jinqalgħu fl-Istituzzjoni. Is-servizz ta’ Medjazzjoni jipprovdi pariri kunfidenzjali informali lil kull membru tal-persunal li jitlob l-assistenza tiegħu (iktar ’il quddiem ir-“rikjedent”). Bil-kunsens tar-rikjedent, huwa jista’ jikkuntattja wkoll lil kwalunkwe parti oħra identifikata mir-rikjedent (“il-persuna kkonċernata”) b’rabta ma’ medjazzjoni. Il-medjazzjoni teħtieġ il-kunsens tal-partijiet kollha involuti. Is-Servizz ta’ Medjazzjoni jaġixxi strettament fuq bażi informali. Il-medjazzjoni ma għandhiex is-setgħa li tieħu deċiżjonijiet li jaffettwaw b’mod negattiv lill-individwi.

    (4)

    Biex twettaq il-kompiti tagħha fil-qasam tal-medjazzjoni, il-Kummissjoni tiġbor u tipproċessa informazzjoni u diversi kategoriji ta’ data personali tal-membri tal-persunal u ta’ persuni oħra li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni C(2024)1420, inkluż data ta’ identifikazzjoni, informazzjoni ta’ kuntatt, informazzjoni dwar rwoli u kompiti professjonali, informazzjoni dwar kondotta privata u professjonali u data dwar il-prestazzjoni. Il-Kummissjoni tista’ tipproċessa wkoll id-data personali sensittiva msemmija fl-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament (UE) 2018/1725, ipprovduta volontarjament mir-rikjedent.

    (5)

    Id-data personali hija maħżuna f’ambjent elettroniku u sigur biex ma jkunx hemm aċċess illegali jew trasferiment ta’ data lil persuni li m'għandhomx bżonn li jkunu jafu. Wara t-tmiem tal-ipproċessar, id-data tinżamm f’konformità mal-Artikolu 6(11) tad-Deċiżjoni C(2024)1420.

    (6)

    Skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, il-Kummissjoni, bħala kontrollur, hija obbligata li tipprovdi informazzjoni lis-suġġetti tad-data dwar dawk l-attivitajiet tal-ipproċessar u li tirrispetta d-drittijiet tagħhom bħala suġġetti tad-data.

    (7)

    Filwaqt li twettaq il-kompiti tagħha, il-Kummissjoni hija obbligata li tirrispetta d-drittijiet ta’ persuni fiżiċi b’rabta mal-ipproċessar ta’ data personali rikonoxxuta mill-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 16(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll id-drittijiet previsti fir-Regolament (UE) 2018/1725. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha bħala Servizz ta’ Medjazzjoni, hija meħtieġa tikkonforma ma’ regoli stretti ta’ kunfidenzjalità lejn ir-rikjedenti u għalhekk tista’ tkun meħtieġa tibbilanċja d-drittijiet ta’ suġġett tad-data mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ suġġetti oħra tad-data.

    (8)

    Huwa kruċjali għar-rikjedent li tiġi ppreservata l-kunfidenzjalità tal-iskambji u li ma tittieħed l-ebda azzjoni mingħajr il-kunsens tagħhom. Meta persuna tikkonsulta lis-Servizz ta’ Medjazzjoni għal parir kunfidenzjali fil-kuntest ta’ kunflitt u ma tagħtix kunsens biex is-Servizz ta’ Medjazzjoni jikkuntattja lill-persuna kkonċernata bil-ħsieb ta’ medjazzjoni, ma jkunx possibbli għas-Servizz ta’ Medjazzjoni li jinforma lill-persuna kkonċernata. L-għoti ta’ tali informazzjoni jagħmel impossibbli jew ifixkel serjament il-kisba tal-għanijiet segwiti mis-Servizz ta’ Medjazzjoni, b’mod partikolari billi jipprovdi spazju sikur fejn ir-rikjedent ikun jista’ jiddiskuti b’mod miftuħ is-sitwazzjoni tiegħu u jiddeċiedi jekk jibdiex proċess ta’ medjazzjoni mal-persuna kkonċernata. Għalhekk, il-Kummissjoni tista’ tapplika l-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 16(5), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2018/1725 biex tipproteġi l-kunfidenzjalità tal-ipproċessar kif stabbilit fl-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni C(2024) 1420.

    (9)

    F’ċerti ċirkostanzi, huwa meħtieġ li skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, id-drittijiet tas-suġġetti tad-data jiġu rrikonċiljati mal-ħtieġa li jiġi żgurat li l-Kummissjoni twettaq b’mod effettiv il-kompiti tagħha li tipprovdi pariri kunfidenzjali informali, filwaqt li tiżgura rispett sħiħ għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ suġġetti oħra tad-data. Għal dak l-għan, l-Artikolu 25(1), il-punt (h), tar-Regolament (UE) 2018/1725 jipprovdi lill-Kummissjoni bil-possibbiltà li tirrestrinġi, taħt kundizzjonijiet stretti, l-applikazzjoni tal-Artikoli 14 sa 17, 19, 20 u 35, kif ukoll il-prinċipju tat-trasparenza stabbilit fl-Artikolu 4(1), il-punt (a), sa fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu mad-drittijiet u mal-obbligi previsti fl-Artikoli 14 sa 17, 19, 20 u 35 ta’ dak ir-Regolament.

    (10)

    Dan jista’, b’mod partikolari, ikun il-każ meta r-rikjedent jipprovdi indirettament informazzjoni relatata ma’ persuni oħra kkonċernati. F’dak il-każ, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tirrestrinġi ċerti drittijiet tal-persuna kkonċernata meta l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet jirriżulta fl-iżvelar ta’ informazzjoni dwar rikjedent li ma jkunx ta l-kunsens tiegħu biex jittieħdu azzjonijiet mis-Servizz ta’ Medjazzjoni biex jiġi ffaċilitat djalogu mal-persuna kkonċernata. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tirrestrinġi d-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni relatata mal-persuna kkonċernata jew mad-drittijiet l-oħra tagħha sabiex tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet tar-rikjedent. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tagħmel dan skont l-Artikolu 25(1), il-punt (h), tar-Regolament (UE) 2018/1725.

    (11)

    Jista’ jkun meħtieġ li tiġi protetta informazzjoni kunfidenzjali dwar ir-rikjedent. F’każijiet bħal dawn, il-Kummissjoni jista’ jkollha bżonn tirrestrinġi l-aċċess għall-identità, id-dikjarazzjonijiet u data personali oħra tar-rikjedent, inkluż is-sempliċi fatt li kienu f’kuntatt mas-Servizz ta’ Medjazzjoni, sabiex tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet tagħhom.

    (12)

    Jista’ jkun meħtieġ ukoll li jiġi ristrett id-dritt għall-informazzjoni tar-rikjedent meta s-Servizz ta’ Medjazzjoni jkollu jwissi lis-Servizz Mediku f’każijiet fejn tkun meħtieġa azzjoni urġenti għall-protezzjoni tal-integrità fiżika u psikoloġika tar-rikjedent. F’każ bħal dan, is-Servizz ta’ Medjazzjoni jista’ jiddeċiedi li ma jinfurmax lir-rikjedent dwar tali twissija sabiex is-Servizz Mediku jkun jista’ jivvaluta l-miżuri tas-saħħa jew tal-kura soċjali li jistgħu jiġu pprovduti lil dik il-persuna. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tagħmel dan skont l-Artikolu 25(1), il-punt (h), tar-Regolament (UE) 2018/1725. F’dik is-sitwazzjoni speċifika, id-drittijiet tar-rikjedent ikunu protetti minħabba li s-Servizz Mediku jżomm l-informazzjoni medika sigrieta u r-rikjedent ikun infurmat minħabba li s-Servizz Mediku jkun f’kuntatt magħhom jekk iqis li dan ikun meħtieġ.

    (13)

    Id-Deċiżjoni C (2024) 1420 tirrikjedi li l-Kummissjoni tiżgura li t-talbiet għall-assistenza sottomessi lis-Servizz ta’ Medjazzjoni jiġu ttrattati b’mod kunfidenzjali. Sabiex tiġi żgurata dik il-kunfidenzjalità, filwaqt li jiġu rrispettati l-istandards tal-protezzjoni tad-data personali skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, huwa meħtieġ li jiġu adottati regoli interni li skonthom il-Kummissjoni tista’ tirrestrinġi d-drittijiet tas-suġġetti tad-data f’konformità mal-Artikolu 25(1), il-punt (h) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

    (14)

    Jenħtieġ li r-regoli interni japplikaw għall-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar imwettqa mill-Kummissjoni fit-twettiq tal-kompiti tagħha meta tittratta talbiet skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni C(2024)1420.

    (15)

    Sabiex tikkonforma mal-Artikoli 14, 15 u 16 tar-Regolament (UE) 2018/1725, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma lill-individwi kollha bl-attivitajiet tagħha li jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali tagħhom u bid-drittijiet tagħhom b’mod trasparenti u koerenti permezz ta’ avviż ta’ protezzjoni tad-data ppubblikat fuq il-sit web tal-Kummissjoni. Fejn rilevanti, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma individwalment lir-rikjedent permezz ta’ mezzi xierqa. Fejn ir-rikjedent ta l-kunsens tiegħu biex jikkuntattja persuna oħra kkonċernata, il-Kummissjoni għandha tinforma individwalment, b’mezzi xierqa, lill-persuna kkonċernata.

    (16)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni tapplika r-restrizzjonijiet biss meta dawn ikunu jirrispettaw l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, meta jkunu strettament meħtieġa u jkunu miżura proporzjonata f’soċjetà demokratika. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħti raġunijiet sabiex tiġġustifika dawk ir-restrizzjonijiet.

    (17)

    Fl-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ trasparenza, ġustizzja u responsabbiltà, jenħtieġ li l-Kummissjoni tittratta r-restrizzjonijiet kollha b’mod trasparenti u tirreġistra kull applikazzjoni ta’ restrizzjonijiet fis-sistema ta’ rekords korrispondenti.

    (18)

    L-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) 2018/1725 jirrikjedi li l-kontrollur jinforma lis-suġġetti tad-data bir-raġunijiet prinċipali li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni tar-restrizzjoni u bid-dritt tagħhom li jressqu lment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

    (19)

    Skont l-Artikolu 25(8) tar-Regolament (UE) 2018/1725, il-Kummissjoni tista’ tiddifferixxi, tħalli barra jew tiċħad l-għoti ta’ informazzjoni relatata mar-raġunijiet prinċipali għall-applikazzjoni ta’ restrizzjoni lis-suġġett tad-data jekk l-għoti ta’ dik l-informazzjoni b’xi mod jikkanċella l-effett tar-restrizzjoni.

    (20)

    Meta d-drittijiet tas-suġġetti tad-data jkunu ristretti, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta fuq bażi ta’ każ b’każ jekk il-komunikazzjoni tar-restrizzjoni tikkanċellax l-effett tagħha.

    (21)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni tneħħi r-restrizzjoni hekk kif il-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw ir-restrizzjoni ma jibqgħux japplikaw, u tivvaluta dawk il-kundizzjonijiet fuq bażi regolari. F’ċerti każijiet, jista’ jkun neċessarju li tinżamm l-applikazzjoni ta’ restrizzjoni sakemm id-data personali inkwistjoni ma tibqax tinżamm mill-Kummissjoni. F’każ bħal dan, is-suġġett tad-data ma għandux jiġi infurmat dwar l-ipproċessar tad-data personali tiegħu. Tali sitwazzjoni tista’, b’mod partikolari, isseħħ meta jkun hemm riskju għoli li l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħha mill-persuna kkonċernata jippreġudika d-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor. Dan huwa partikolarment il-każ fejn ir-rikjedent ma jagħtix il-kunsens tiegħu lis-Servizz ta’ Medjazzjoni biex jikkuntattja lill-persuna kkonċernata sabiex jibda medjazzjoni informali bejniethom.

    (22)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrieżamina l-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet meta r-rikjedent jagħti l-kunsens tiegħu biex jinvolvi ruħu f’medjazzjoni informali jew mhux aktar tard minn meta tagħlaq talba għall-assistenza.

    (23)

    L-Artikoli 16(5), 17(4), 19(3) u 20(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725 jipprevedu eċċezzjonijiet għad-drittijiet tas-suġġetti tad-data. Jekk japplikaw dawn l-eċċezzjonijiet, il-Kummissjoni ma għandhiex għalfejn tapplika restrizzjoni skont din id-Deċiżjoni.

    (24)

    Sabiex tiggarantixxi l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data u f’konformità mal-Artikolu 44(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinvolvi lill-koordinatur(i) rilevanti tal-protezzjoni tad-data u lill-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data tal-Kummissjoni Ewropea matul il-proċedura kollha u tiddokumenta din il-konsultazzjoni. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-koordinatur tal-protezzjoni tad-data maħtur biex jagħti pariri lid-dipartiment tal-Kummissjoni kkonċernat jiġi kkonsultat minn qabel dwar kwalunkwe restrizzjoni li tista’ tiġi applikata u jivverifika l-konformità tagħhom ma’ din id-Deċiżjoni.

    (25)

    Jenħtieġ li l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data tal-Kummissjoni Ewropea jwettaq rieżami indipendenti tal-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet, bil-għan li tiġi żgurata l-konformità ma’ din id-deċiżjoni.

    (26)

    Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat u ta l-opinjoni tiegħu fit-13 ta’Marzu 2024.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

    1.   Din id-Deċiżjoni tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-Kummissjoni bħala kontrollur għall-fini tat-trattament tat-talbiet skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni C (2024) 1420.

    2.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi r-regoli li għandhom jiġu segwiti mill-Kummissjoni biex is-suġġetti tad-data jiġu infurmati dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom f’konformità mal-Artikoli 14, 15 u 16 tar-Regolament (UE) 2018/1725 meta jiġu ttrattati talbiet skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni C(2024)1420.

    3.   Hija tistabbilixxi wkoll il-kundizzjonijiet li taħthom il-Kummissjoni tista’ tirrestrinġi l-applikazzjoni tal-Artikoli 4, 14 sa 17, 19, 20 u 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725, f’konformità mal-Artikolu 25(1), il-punt (h) tiegħu.

    4.   Il-kategoriji ta’ data personali koperti minn din id-Deċiżjoni jinkludu data ta’ identifikazzjoni, informazzjoni ta’ kuntatt, informazzjoni dwar rwoli u kompiti professjonali, informazzjoni dwar kondotta u prestazzjoni privati u professjonali. Ir-rikjedenti jistgħu jipprovdu wkoll kategoriji sensittivi ta’ data personali msemmija fl-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament (UE) 2018/1725 fil-kuntest tat-talba għall-assistenza tas-Servizz ta’ Medjazzjoni f’każ speċifiku.

    Artikolu 2

    Restrizzjonijiet applikabbli

    1.   Soġġett għall-Artikoli 3 sa 9 ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tista’ tirrestrinġi l-applikazzjoni tal-Artikoli 14 sa 17, 19, 20 u 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725, kif ukoll il-prinċipju tat-trasparenza stabbilit fl-Artikolu 4(1), il-punt (a), ta’ dak ir-Regolament sa fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu għad-drittijiet u għall-obbligi previsti fl-Artikoli 14 sa 17, 19, 20 u 35 ta’ dak ir-Regolament. Il-Kummissjoni tista’ tagħmel dan meta l-eżerċitar ta’ dawk id-drittijiet u l-obbligi jaffettwa b’mod negattiv il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew id-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn f’konformità mal-Artikolu 25(1), il-punt (h) ta’ dak ir-Regolament.

    2.   Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ deċiżjonijiet oħra tal-Kummissjoni li jistabbilixxu regoli interni dwar l-għoti ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-data u r-restrizzjoni ta’ ċerti drittijiet skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

    3.   Kwalunkwe restrizzjoni tad-drittijiet u l-obbligi msemmija fil-paragrafu 1 għandha tirrispetta l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u tkun meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika filwaqt li jitqiesu r-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data.

    4.   Qabel ma jiġu applikati r-restrizzjonijiet, il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni każ b’każ tan-neċessità u l-proporzjonalità tagħhom. Ir-restrizzjonijiet għandhom ikunu limitati għal dak li hu strettament meħtieġ biex jinkiseb l-objettiv tagħhom.

    Artikolu 3

    Għoti ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-data

    1.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha avviż dwar il-protezzjoni tad-data li jinforma lis-suġġetti tad-data kollha dwar l-attivitajiet tagħha li jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali tagħhom għall-fini tat-trattament tat-talbiet skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni C(2024)1420. L-avviż għandu jipprovdi wkoll informazzjoni dwar il-potenzjal li jiġu ristretti d-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont l-Artikoli 2, 3, 4 u 5 ta’ din id-Deċiżjoni, kif ukoll liema drittijiet jistgħu jiġu ristretti, ir-raġunijiet li għalihom jistgħu jiġu applikati r-restrizzjonijiet u d-durata potenzjali tagħhom.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tinforma individwalment, b’mezzi xierqa, lir-rikjedenti dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom. Il-Kummissjoni għandha wkoll tinforma individwalment, b’mezzi xierqa, lill-persuna kkonċernata meta r-rikjedent ikun ta l-kunsens tiegħu għal medjazzjoni informali mal-persuna kkonċernata.

    3.   Fejn, f’konformità mal-Artikolu 2, il-Kummissjoni tirrestrinġi, kompletament jew parzjalment, l-għoti ta’ informazzjoni msemmi fil-paragrafu 2 lir-rikjedenti, li d-data personali tagħhom tiġi pproċessata għall-fini tat-trattament tat-talbiet skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni C (2024)1420, hija għandha tirreġistra u tirreġistra r-raġunijiet għar-restrizzjoni f’konformità mal-Artikolu 6 ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 4

    Dritt ta’ aċċess mis-suġġetti tad-data, dritt ta’ tħassir u dritt ta’ restrizzjoni tal-ipproċessar

    1.   Meta l-Kummissjoni tirrestrinġi, kompletament jew parzjalment, id-dritt ta’ aċċess għad-data personali mis-suġġetti tad-data, id-dritt ta’ tħassir, jew id-dritt għar-restrizzjoni tal-ipproċessar kif imsemmi fl-Artikoli 17, 19 u 20, rispettivament, tar-Regolament (UE) 2018/1725, hija għandha tinforma lis-suġġett tad-data kkonċernat, bil-miktub u mingħajr dewmien żejjed, fit-tweġiba tagħha għat-talba għal aċċess, tħassir jew restrizzjoni tal-ipproċessar:

    (a)

    bir-restrizzjoni applikata u bir-raġunijiet ewlenin għaliha; u

    (b)

    bil-possibbiltà li jintbagħat ilment lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jew li jintalab rimedju ġudizzjarju fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    2.   L-għoti ta’ informazzjoni dwar ir-raġunijiet għar-restrizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 jista’ jiġi differit, jitħalla barra jew jiġi miċħud sakemm dan ikun iħassar l-effett tar-restrizzjoni.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tniżżel ir-raġunijiet għal tali restrizzjoni skont l-Artikolu 6.

    4.   Meta d-dritt ta’ aċċess ikun kompletament jew parzjalment ristrett, is-suġġett tad-data jista’ jeżerċita d-dritt ta’ aċċess tiegħu permezz tal-intermedjarju tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, f’konformità mal-Artikolu 25(6), (7) u (8) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

    Artikolu 5

    Komunikazzjoni ta’ ksur ta’ data personali tas-suġġetti tad-data

    Meta l-Kummissjoni tkun taħt obbligu li tikkomunika ksur ta’ data personali lis-suġġett tad-data, kif imsemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725, hija tista’, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, tirrestrinġi tali komunikazzjoni kompletament jew parzjalment. Hi għandha tieħu nota tar-raġunijiet għar-restrizzjoni u tirreġistra dawn ir-raġunijiet skont l-Artikolu 6 ta’ din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika r-rekord lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fil-ħin tan-notifika tal-ksur tad-data personali.

    Artikolu 6

    Dokumentazzjoni u reġistrazzjoni tar-restrizzjonijiet

    1.   Il-Kummissjoni għandha tirreġistra r-raġunijiet għal kwalunkwe restrizzjoni applikata skont din id-Deċiżjoni, inkluża valutazzjoni tar-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data tal-impożizzjoni ta’ restrizzjoni u n-neċessità u l-proporzjonalità tar-restrizzjoni, filwaqt li tqis l-elementi rilevanti stabbiliti fl-Artikolu 25(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

    2.   Ir-rekord għandu jiddikjara kif l-eżerċizzju tad-dritt mis-suġġett tad-data rilevanti jaffettwa b’mod negattiv il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew id-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn skont l-Artikolu 25(1), il-punt (h) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

    3.   Ir-rekord u, meta applikabbli, id-dokumenti li jinkludu l-elementi fattwali u legali sottostanti għandhom jiġu rreġistrati. Dik l-informazzjoni għandha ssir disponibbli għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fuq talba.

    Artikolu 7

    Durata tar-restrizzjonijiet

    1.   Ir-restrizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 3, 4 u 5 għandhom ikomplu japplikaw sakemm jibqgħu applikabbli r-raġunijiet li jiġġustifikawhom.

    2.   Meta r-raġunijiet għal restrizzjoni msemmija fl-Artikoli 3, 4 jew 5 ma jibqgħux japplikaw, il-Kummissjoni għandha tneħħi r-restrizzjoni.

    3.   Hija għandha tipprovdi wkoll ir-raġunijiet prinċipali għall-applikazzjoni ta’ dik ir-restrizzjoni għas-suġġett tad-data u tinfurma bil-possibbiltà li jitressaq ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fi kwalunkwe ħin jew li jfittex rimedju ġudizzjarju fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 3, 4 u 5 ta’ din id-Deċiżjoni meta r-rikjedent jipprovdi l-kunsens tiegħu biex jinvolvi ruħu f’medjazzjoni informali mal-persuna kkonċernata jew mhux aktar tard minn meta jingħalqu t-talbiet ippreżentati skont id-Deċiżjoni C(2024) 1420. Minn hemm ’il quddiem, il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-ħtieġa li tinżamm kwalunkwe restrizzjoni kull 6 xhur. Ir-rieżami għandu jinkludi valutazzjoni tal-ħtieġa u l-proporzjonalità tar-restrizzjoni, filwaqt li jitqiesu l-elementi rilevanti stabbiliti fl-Artikolu 25(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

    Artikolu 8

    Salvagwardji u perjodi ta’ ħżin

    1.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta salvagwardji biex tipprevjeni l-abbuż u l-aċċess illegali għal data personali jew it-trasferiment tagħha li fir-rigward tagħha japplikaw jew jistgħu jiġu applikati restrizzjonijiet. Tali salvagwardji għandhom jinkludu miżuri tekniċi u organizzattivi u jkunu dettaljati kif meħtieġ fil-proċeduri interni tal-Kummissjoni. Is-salvagwardji għandhom jinkludu:

    (a)

    definizzjoni ċara tar-rwoli, ir-responsabbiltajiet, id-drittijiet ta’ aċċess u l-passi proċedurali;

    (b)

    ambjent elettroniku sigur li jipprevjeni l-aċċess illegali u aċċidentali jew it-trasferiment ta’ data elettronika lil persuni mhux awtorizzati;

    (c)

    ħżin u pproċessar siguri ta’ dokumenti stampati; u għal

    (d)

    monitoraġġ dovut tar-restrizzjonijiet u rieżami perjodiku tal-applikazzjoni tagħhom.

    2.   Id-data personali għandha tinżamm f’konformità mal-Artikolu 6(11) tad-Deċiżjoni C (2024)1420. Fi tmiem il-perjodu ta’ żamma, il-Kummissjoni għandha tħassar id-data personali.

    Artikolu 9

    Involviment tal-koordinatur tal-protezzjoni tad-data u tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data tal-Kummissjoni

    1.   Il-koordinatur tal-protezzjoni tad-data maħtur biex jagħti pariri lid-dipartiment tal-Kummissjoni kkonċernat għandu jiġi kkonsultat qabel ma tiġi applikata kwalunkwe restrizzjoni u jivverifika l-konformità tagħhom ma’ din id-Deċiżjoni.

    2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data tal-Kummissjoni għandu jiġi infurmat mingħajr dewmien żejjed kull meta d-drittijiet tas-suġġetti tad-data jkunu ristretti skont din id-Deċiżjoni. Fuq talba, l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data għandu jingħata aċċess għar-rekords assoċjati u għal kwalunkwe dokument li jkun fih l-elementi fattwali u legali sottostanti.

    3.   L-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data jista’ jitlob rieżami tal-applikazzjoni ta’ restrizzjoni. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data bil-miktub dwar l-eżitu tar-rieżami mitlub.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tiddokumenta l-involviment tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data u, fejn applikabbli, tal-koordinatur tal-protezzjoni tad-data (inkluż liema informazzjoni tinqasam magħhom), f’kull każ fejn id-drittijiet u l-obbligi msemmija fl-Artikolu 2(2) jkunu ristretti.

    Artikolu 10

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Mejju 2024.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 295, 21.11.2018, p.39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2024)1420 dwar is-Servizz ta’ Medjazzjoni u li tħassar id-Deċiżjoni C (2002) 601.

    (3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta’ Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet ta’ Impjieg ta’ Uffiċjali Oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1968/259(1)/oj).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1245/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top